Debates tal-kamra tad-deputati



Yüklə 1,42 Mb.
səhifə1/18
tarix30.01.2018
ölçüsü1,42 Mb.
#41308
  1   2   3   4   5   6   7   8   9   ...   18


MALTA

DEBATES TAL-KAMRA TAD-DEPUTATI
(Rapport Ufficjali u Rivedut)


IT-TMIEN PARLAMENT

Seduta Nru. 8


It-Tnejn, 13 ta'Jannar, 1997

Stampat fl-Ufficcju ta' l-Iskrivan

Kamra tad-Deputati

MALTA

Prezz Lm1


IT-TMIEN PARLAMENT


Seduta Nru. 8


It-Tnejn, 13 ta' Jannar, 1997

Il-Kamra tad-Deputati ltaqghet fil-Kamra tal-Parlament,

il-Palazz, il-Belt Valletta, fis-6.08 p.m.

Talba

SEDUTA NRU. 8
It-Tnejn, 18 ta' Jannar, 1997

WERREJ

MISTOQSIJIET -IMWIEĠBA BIL-MIKTUB..........................................................................395 82

MINUTI 79

MISTOQSIJIET - TWEĠIBIET ORALI 79

TQEGĦID TA' KARTI FUQ IL-MEJDA 89

MOZZJONIJIET 91

MOZZJONI BIEX IL-KAMRA TMUR F'KUMITAT TA' PROVVISTA GĦALL-KONSIDERAZZJONI TA' L-ESTIMI ĠENERALI TA' SPIŻA GĦAS-SENA 1997 91

PERMESS TAL-KAMRA 139

ABBOZZ TA' LIĠI BIEX JEMENDA L-ATT DWAR DAZJU TAS-SISA 140

ABBOZZ TA' LIĠI BIEX JEMENDA L-ATT DWAR TAXXA TAR-REĠISTRAZZJONI TA' VETTURI BIL-MUTUR 140

AĠĠORNAMENT 141




MISTOQSIJIET -IMWIEĠBA BIL-MIKTUB..........................................................................395

MINUTI



Il-Minuti tas-Seduta Nru. 7 li saret fit-18 ta' Diċembru, 1996, ġew konfermati.


MISTOQSIJIET - TWEĠIBIET ORALI



DJAR - KAŻ H 12428

1. L-ONOR. SANDRO SCHEMBRI ADAMI staqsa lill-Ministru tad-Djar: Billi l-ex-Ministru Ċensu Galea kien qal li l-file No. H 12428 kien qed jiġi trattat flimkien ma' talbiet oħra simili, jista' l-Ministru l-ġdid jagħti ħjiel dwar kif ġie trattat dan il-każ taħt l-Amministrazzjoni l-oħra, u l-prospetti li dan il-każ jinqeda u jinqata' darba għal dejjem?
ONOR. ALFRED PORTELLI (Ministru tad-Djar): Il-każ reġa' ġie eżaminat. L-applikant u martu qed jgħixu mal-familja tar-raġel. Bħal dan il-każ, il-Gvern wiret mill-Amministrazzjoni ta' qabel 1096 każ ieħor ta' persuni jgħixu ma' ħaddieħor u n-numru ta' postijiet li jitbattlu hu ferm 'il bogħod minn din il-figura. Barra minn hekk, fl-aħħar ħarġa tar-reġistru elettorali, l-applikant mhux reġistrat fl-indirizz ta' l-applikazzjoni. Għalhekk ma tantx jidher li jista' jinqeda malajr.
THE DEPUTY SPEAKER (Onor. Michael Bonnici): L-Onor. Joe Cassar, mistoqsija supplimentari.
ONOR. JOE CASSAR: Nixtieq inkun naf jekk f'każijiet ta' bżonn hux qed isiru direct allocations.
ONOR. ALFRED PORTELLI: Jekk naraw li l-każ ta' dak li jkun - dan jiġi suġġerit lili mid-direttur tad-dipartiment - ikun wieħed ġust, jien niffirmalu biex ikollu fejn joqgħod.


VALLETTA - TRIQ SANT'URSULA

2. L-ONOR. SANDRO SCHEMBRI ADAMI staqsa lill-Ministru tad-Djar: Jista' l-Ministru jgħid x'passi mmedjati għandhom jittieħdu biex postijiet delipidati fi Triq Sant'Ursula, kantuniera ma' Strada San Nikola, Valletta ma jibqgħux jintużaw bħala postijiet fejn żagħżagħ regolarment imorru jittaqbu u/jew jagħmlu atti oħra għad-disprezz tal-pubbliku?


ONOR. ALFRED PORTELLI: Jien informat illi qed isiru investigazzjonijiet biex jiġi identifikat il-post li dwaru qed issir il-mistoqsija u dwar x'azzjoni tista' tittieħed.

MANIKATA/MELLIEĦA - TWESSIEGĦ TA' TRIQ

167. L-ONOR. ĊENSU GALEA staqsa lill-Ministru għax-Xogħlijiet Pubbliċi u Kostruzzjoni: Jista' l-Ministru jassigura li t-triq li tieħu mill-Manikata għall-Mellieħa fil-fatt tkompli titwessa' fejn hu meħtieġ u li tingħata t-tarmak/wiċċ ġdid fid-diversi partijiet tagħha li diġa' twessgħet?
Billi xi xhur ilu kienu saru diversi suġġerimenti ma' l-uffiċjali nkarigati fid-Dipartiment tat-Toroq biex titneħħa l-għadira ta' ilma li tiġi fformata kull darba li tagħmel ix-xita, jista' jiġi assigurat li jitwettaq il-proġett meħtieġ ħalli din l-għadira titneħħa darba għal dejjem?

ONOR. CHARLES BUHAGIAR (Ministru għax-Xogħlijiet Pubbliċi u Kostruzzjoni): Dwar l-ewwel parti tal-mistoqsija nirreferi l-Onor. Interpellant għal parti mir-risposta għall-mistoqsija parlamentari Nru. 139.
Dwar l-għadira tax-xita imsemmija, li d-Dipartiment tat-Toroq jifhem li hi dik fit-triq ta' Għajn Tuffieħa, ninsab informat li d-dipartiment għadu qiegħed jipprepara proġett sabiex tiġi stallata pompa u titqiegħed medda katusi biex jitneħħa dak l-ilma.

MELLIEĦA - KORTIN - DRENAĠĠ

170. L-ONOR. ĊENSU GALEA staqsa lill-Ministru għax-Xogħlijiet Pubbliċi u Kostruzzjoni: Jista' l-Ministru jieħu l-passi neċessarji biex fl-area tal-Kortin fil-Mellieħa titwassal is-sistema tad-drainage fit-toroq kollha u dan biex jiġi assigurat li jitneħħew darba għal dejjem l-inkonvenjenti li nuqqas ta' tali sistema jġibu magħhom?
Jista' l-Ministru jieħu l-passi neċessarji biex it-toroq ġewwa Santa Marija Estate li għadhom m'humiex taħt il-kontroll dirett tal-Gvern, effettivament jgħaddu taħt il-kontroll tal-Gvern biex ikunu jistgħu jsirulhom it-tiswijiet neċessarji?
ONOR. CHARLES BUHAGIAR: It-talba ta' l-Onor. membru li tirrigwarda l-estenzjoni tad-dranaġġ fl-area tal-Kordin il-Mellieħa qed tiġi kkonsidrata u risposta għaliha tingħata f'xi seduta oħra.
Rigward it-tieni parti tad-domanda li titratta dwar it-toroq l-oħra fil-lokal, irrid ngħid li l-kumpanija li żviluppat l-estate li sal-lum hija responsabbli għal manutenzjoni tat-toroq li ma għaddewx għand il-Gvern, se tiġi mitluba ġġib it-toroq għal stat tajjeb aċċettabbli għad-Dipartiment tat-Toroq u l-kunsill lokali, sabiex imbagħad il-manutenzjoni tkompli ssir mill-kunsill.
THE DEPUTY SPEAKER: L-Onor. Ċensu Galea, mistoqsija supplimentari.

ONOR. ĊENSU GALEA: Jiġifieri d-dipartiment qed ikompli d-diskussjonijiet li kien hemm bejn id-dipartiment u l-kumpannija privata jew fil-preżent jirreġistra xi nuqqas ta' qbil?
ONOR. CHARLES BUHAGIAR: Qed jitkomplew id-diskussjonijiet li kienu qed isiru qabel.
SIĠĠIEWI - XOGĦLIJIET FIL-BY-PASS

215. L-ONOR. BERTU PACE staqsa lill-Ministru għax-Xogħlijiet Pubbliċi u Kostruzzjoni: Fid-dawl tal-petizzjoni li ġiet imressqa lill-Ministru għan-nom ta' 'l fuq minn 900 ruħ li jgħixu fl-inħawi Ta' Kerċeppu u Government Housing Estate tas-Siġġiewi, jista' l-Ministru jgħid meta se jibdew ix-xogħlijiet biex fil-by-pass tas-Siġġiewi jitwaħħlu traffic lights u pedestrian crossings bħalma saru fil-by-pass ta' l-Imqabba u Ħal Għaxaq?

ONOR. CHARLES BUHAGIAR: Traffic lights u pedestrian crossings isiru wara li jkunu saru studji mit-Traffic Control Board. Fil-każ tas-Siġġiewi d-dipartiment għad ma kellux talba biex jiġu stallati dawn is-sistemi.

ŻABBAR - TISWIJA TA' TOROQ
246. L-ONOR. FRANCIS AGIUS staqsa lill-Ministru għax-Xogħlijiet Pubbliċi u Kostruzzjoni: Jista' l-Ministru jara li jingħata t-tarmac f'għadd ta' toroq ġewwa Ħaż-Żabbar li huma imsemmija hawn taħt u li ilhom żmien twil abitati u bis-servizzi kollha mgħoddija: Triq Giuseppe Agius Muscat, Triq Spadara, Triq Sant'Antnin, Triq ir-Redentur, Triq il-Marloċċ, Triq it-Tut, Triq iċ-Ċulqana, Triq Leli Tabone, Triq San Lawrenz u Triq San Duminku?


ONOR. CHARLES BUHAGIAR: Nixtieq ninforma lill-Onor. Interpellant li d-Dipartiment tat-Toroq iżomm lista ta' toroq f'Malta kollha li fihom irid isir dan it-tip ta' xogħol. It-toroq imsemmija se jiġu mdaħħla f'din il-lista sabiex l-asfalt fihom isir skond il-prijoritajiet tax-xogħol.

DISTRETT NRU. 8 - PROBLEMA TA' L-ILMA TAX-XITA
290. L-ONOR. CHRIS CARDONA staqsa lill-Ministru għax-Xogħlijiet Pubbliċi u Kostruzzjoni: Jista' l-Ministru jgħid kif il-Gvern beħsiebu jipprova jtaffi l-problema ta' l-ilmijiet tax-xita mill-inħawi ta' Birkirkara, Ħal Lija u Ħal Balzan, fejn il-problema f'diversi toroq issir insapportabbli meta jkun hemm xita qawwija? B'riferenza speċifika għat-triq taċ-ċimiterju ta' Ħal Lija, il-post magħruf bħala 'taħt is-siġar' f'Ħal Balzan u Naxxar u Valley Road f'Birkirkara, qatt saru xi rapporti mill-kunsilli lokali jew mill-gvern ta' qabel dwar dan? Kienet ittieħdet xi azzjoni?
ONOR. CHARLES BUHAGIAR: Il-Ministeru għax-Xogħoijiet Pubbliċi u Kostruzzjoni se jniedi proġett biex isir master plan ħalli tittaffa l-problema ta' għargħar ta' toroq wara x-xita.
Fil-lokalitajiet imsemmija saru xi xogħlijiet mill-kunsilli konċernati fejn xi wħud anke ngħataw flus mill-fondi speċjali tad-Dipartiment tal-Kunsilli Lokali biex jagħmlu dawn ix-xogħlijiet.


TISWIJA TA' TOROQ

333. L-ONOR. LAWRENCE GONZI (f'isem l-Onor. Edwin Vassallo) staqsa lill-Ministru għax-Xogħlijiet Pubbliċi u Kostruzzjoni: Jista' l-Ministru jgħidilna jekk il-Ministeru tiegħu hux se jibqa' jikkonsidra li toroq b'50% ta' żvilupp (bini) ikunu mogħtija wiċċ b'tarmak?
ONOR. CHARLES BUHAGIAR: Il-prassi tad-Dipartiment tat-Toroq hi li t-toroq privati jrid jkollhom mill-inqas 80% minnhom żviluppat biex ikunu jistgħu jitqiesu għall-asfalt u mhux 50%. Barra minn hekk, tingħata attenzjoni għal jekk is-servizzi neċessarji jkunux imqiegħda kollha fit-triq biex wara li jsir l-asfalt ma jkunx hemm bżonn li dan jerġa' jinqala'.

RAĦAL ĠDID - PROVVISTA TA' L-ILMA

345. L-ONOR. KARL CHIRCOP staqsa lill-Ministru għax-Xogħlijiet Pubbliċi u Kostruzzjoni: Jista' l-Ministru jgħid għalfejn Government Buildings Blocks G, H, I u J f'Unit 1, Raħal Ġdid, mhux qed ikollhom pressa adegwata ta' l-ilma u jekk hemmx ħsieb li din il-problema tiġi solvuta malajr kemm jista' jkun?
ONOR. CHARLES BUHAGIAR: In-nuqqas ta' ilma fil-Government Buildings Blocks f'Unit 1 Raħal Ġdid hija kkawżata minn sistema ta' pajpijiet difettużi tas-sistema interna. Il-Housing Department ġie nformat biex jagħmel il-bdil neċessarju. M'hemmx problemi min-naħa tal-Korporazzjoni ta' l-Ilma.
THE DEPUTY SPEAKER: L-Onor. Schembri Adami, mistoqsija supplimentari.
ONOR. SANDRO SCHEMBRI ADAMI: Il-Ministru jassigura li s-sitwazzjoni qiegħda under control f'Tar-Rabbat il-Ħamrun, bħal per eżempju fi Brewery Street u f'toroq oħra, minħabba li jidher li dawn kienu ilhom mill-inqas 15-il ġurnata mingħajr ilma?
THE DEPUTY SPEAKER: Il-Ministru.
ONOR. CHARLES BUHAGIAR: Ħadt nota ta' dak li qal l-Onor. Membru biex inkun nista' ninvestiga dan il-każ.


WSC - XIRI TA' PAJPIJIET

351. L-ONOR. JOE FARRUGIA staqsa lill-Ministru għax-Xogħlijiet Pubbliċi u Kostruzzjoni: Jista' l-Ministru jikkonferma li nxtraw b'Lm2 miljun pajpijiet mill-Korporazzjoni għas-Servizzi ta' l-Ilma u dawn ma ntużawx? Jekk fl-affermattiv, x'inhi r-raġuni għaliex ġara dan?
ONOR. CHARLES BUHAGIAR: Huwa veru li l-Korporazzjoni għas-Servizzi ta' l-Ilma xtrat b'madwar Lm2 miljun pajpijiet matul dawn l-aħħar tliet snin. Minn dawn il-pajpijiet intużaw madwar Lm0.5 miljun. Ir-raġuni għaliex ma sarux il-proġetti kollha previsti kienet minħabba nuqqas ta' likwidita' kif ukoll peress li ma kienx hemm biżżejjed kuntratturi li wrew l-interess sabiex isir ix-xogħol meħtieġ.


WSC - KONTIJIET TA' L-ILMA

352. L-ONOR. JOE FARRUGIA staqsa lill-Ministru għax-Xogħlijiet Pubbliċi u Kostruzzjoni: Jista' l-Ministru jgħid x'inhu l-persentaġġ ta' kontijiet ta' l-ilma li jinħarġu mill-korporazzjoni u ma jitħallsux? Kemm għandha tiġbor flus il-Korporazzjoni għas-Servizzi ta' l-Ilma minn kontijiet mhux imħallsa? Kemm minn dawn il-kontijiet huma dovuti mis-settur domestiku?
ONOR. CHARLES BUHAGIAR: Huwa kkalkolat li madwar 11% tal-kontijiet ta' l-ilma li jinħarġu mill-korporazzjoni jibqgħu ma jitħallsux. F'dawn il-każi l-korporazzjoni tieħu l-passi kollha meħtieġa, inklużi passi legali, biex tiżgura li l-flus pendenti jinġabru. Sa l-aħħar ta' Settembru 1996 il-korporazzjoni kellha tiġbor madwar Lm1.6 miljun minn kontijiet mhux imħallsa. Madwar 70% ta' din is-somma hija dovuta mis-settur domestiku.


WSC - FEASIBILITY STUDIES

353. L-ONOR. JOE FARRUGIA staqsa lill-Ministru għax-Xogħlijiet Pubbliċi u Kostruzzjoni: Jista' l-Ministru jgħid jekk sarux feasibility studies qabel ma twaqqfet il-Korporazzjoni għas-Servizzi ta' l-Ilma? Jekk fl-affermattiv, il-miżuri kollha msemmija fl-istudji ġew implimentati?
ONOR. CHARLES BUHAGIAR: Qabel ma ttieħdet id-deċiżjoni biex titwaqqaf il-Korporazzjoni għas-Servizzi ta' l-Ilma saru studji serji u dettaljati.
Fost oħrajn sar studju intensiv fuq l-organizzazzjoni u l-operat tagħha u saru rakkmandazzjonijiet neċessarji. Ġew ippreżentati studji u proposti dwar struttura ġdida, identifikazzjoni ta' objectives, staffing, sett komplut ta' job description u manpower requirement planning survey, pjan ta' azzjoni intermedjarju kif ukoll proposta tal-leġislazzjoni.
Wieħed jifhem li bidla minn dipartiment tal-gvern għal korporazzjoni ġġib magħha ċertu culture change u din trid iż-żmien biex isseħħ.


ZEJTUN/WIED IL-GĦAJN - ĠIBJUNI

380. L-ONOR. CARMELO ABELA staqsa lill-Ministru għax-Xogħlijiet Pubbliċi u Kostruzzjoni: Jista' l-Ministru jgħidilna meta saret l-aħħar tiswija jew manutenzjoni tal-ġibjuni li hemm fl-inħawi taż-Żejtun u ta' Wied il-Għajn? Kemm hemm minn dawn il-ġibjuni li għadhom jintużaw?
Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx il-ħsieb li ġibjuni oħra, ngħidu aħna l-ġibjun li hemm qrib il-knisja ta' San Klement fiż-Żejtun u l-ġibjun li hemm fil-Qasam tad-Djar ta' Ganza fiż-Żejtun ukoll fost oħrajn jiġu rranġati sabiex jibdew jintużaw mill-ġdid?
ONOR. CHARLES BUHAGIAR: Il-Korporazzjoni għas-Servizzi ta' l-Ilma ma għandhiex tagħrif dwar l-aħħar tiswija jew manutenzjoni tal-ġibjuni li hemm fl-inħawi taż-Żejtun u ta' Wied il-Għajn.
Il-ġibjuni ta' Wied il-Għajn normalment jitnaddfu mid-Dipartiment ta' l-Agrikoltura. Is-sors ta' ilma ta' dawn il-ġibjuni ġej mill-Impjant ta' Sant'Antnin.
Il-ġibjun prinċipali ta' Bulebel jintuża s-sena kollha mill-azjendi industrijali ta' l-inħawi. Qatt ma sar tindif f'dan il-ġibjun.
Sadanittant il-korporazzjoni qed tippjana biex tidentifika l-ġibjuni kollha ħalli jintużaw għall-ġbir ta' ilma sekondarju b'mod vijabbli.


EDUKAZZJONI - SKEMA TA' GRADUATE TRAINEES

37. L-ONOR. SANDRO SCHEMBRI ADAMI staqsa lill-Ministru ta' l-Edukazzjoni u Kultura Nazzjonali: Jista' l-Ministru jgħidli x'passi ttieħdu dwar l-iskema ta' graduate trainees skond kif pubblikat fil-Gazzetta tal-Gvern tat-23 t'Awissu 1996?
ONOR. EVARIST BARTOLO (Ministru ta' l-Edukazzjoni u Kultura Nazzjonali): Nissuġġerixxi lill-Onor. Interpellant jagħmel il-mistoqsija lill-Prim Ministru bħala l-ministru responsabbli għal din l-iskema.


VALLETTA - SERVIZZ TAT-TELEFON

38. L-ONOR. SANDRO SCHEMBRI ADAMI staqsa lill-Prim Ministru: Jista' l-Prim Ministru jara li l-persuna mill-Belt Valletta (isimha qed nibgħatu taħt separate cover) jerġa' jingħata s-servizz tat-telefon li qabel kellu u li ġie sospiż peress li seta' kellu xi arretrati fil-ħlas tal-kontijiet? Billi dan hu anzjan/i, jista' jinstab mezz fejn hu jħallas ftit ftit u jkollu s-servizz xorta?
ONOR. JOE MIZZI (f'isem il-Prim Ministru): Jiena nfurmat li fit-22 ta' Novembru saru arranġamenti bejn il-Korporazzjoni Telemalta u l-persuna msemmija mill-Onor. Interpellant fejn ġie miftiehem ammont ta' flus li għandu jingħata fix-xahar sabiex jitħallas il-kont dovut.
Dan is-servizz ilu mneħħi 'l fuq minn sitt snin u l-Korporazzjoni Telemalta ma tistax terġa' tipprovdi l-linja peress li l-politika applikata mill-istess Korporazzjoni f'każi simili hija ma tipprovdix servizz tat-telefon qabel ma l-bilanċi dovuti jiġu mħallsa. Is-servizz jista jiġi provdut biss fuq bażi umanitarja jew każ ta' mard bl-approvazzjoni taċ-chairman.

DJAR - RAMPA FI FLAT

39. L-ONOR. SANDRO SCHEMBRI ADAMI staqsa lill-Ministru tad-Djar: Jista' l-Ministru konċernat jistudja l-pożizzjoni ta' inkwilina mill-Ħamrun li (d-dettalji tagħha qed nibgħathom separatament) li għandha problema biex titla' għall-flat tagħha għax għalkemm il-flat huwa mmarkat "Flat 1", xorta jeżisti xi taraġ? Jista' l-Ministru konċernat jikkonsidra l-possibbilta' li din il-persuna ssirilha rampa biex tkun tista' titla' għall-flat tagħha?

ONOR. ALFRED PORTELLI: Għaddejt it-talba ta' l-Onor. Interpellat lid-Dipartiment tal-Bini u Tiswija ta' Djar għall-azzjoni meħtiega. Għalkemm strettament dan ix-xogħol m'huwiex ta' tiswija iżda improvement skond il-policy approvata, f'każijiet bħal dawn, jekk ikun teknikament possibbli, id-Dipartiment jagħmel ix-xogħol meħtieġ għall-spejjeż tiegħu.


DJAR - ŻIEDA FIL-PREZZ TAL-KERA

40. L-ONOR. SANDRO SCHEMBRI ADAMI staqsa lill-Ministru tad-Djar: Jista' l-Ministru konċernat jinvestiga l-każ tal-persuna minn tal-Pieta' li (d-dettalji tagħha qed nibgħathom separatament) li kellha kuntratt f'Lulju, 1987 li mbagħad ġie kkanċellat bil-konsegwenza li l-kera għolietlu minn Lm81 fis-sena għal Lm215 fis-sena? Jista' l-każ ta' din il-persuna jiġi kkonsidrat mill-ġdid?
ONOR. ALFRED PORTELLI: Il-kera tal-post fejn toqgħod il-persuna msemmija, u s-sussidju fuqha huwa skond il-kundizzjonijiet ta' l-iskema li hu stess applika biex jidħol fiha. Ma kien sar l-ebda kanċellament ta' kuntratti iżda sar biss ftehim ġdid kif kien talab l-inkwilin stess.


UFFIĊĊJU KONĠUNT - FILE NRU. O/P/487/94
41. L-ONOR. SANDRO SCHEMBRI ADAMI staqsa lill-Ministru tad-Djar: Jista' l-Ministru jgħid f'liema stadju ta' konsiderazzjoni wasal il-file ta' l-Uffiċċju Konġunt li għandu n-numru O/P/487/94 fuq il-kunjom Fenech?


ONOR. ALFRED PORTELLI: Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-file JO/P/487/94 jirrigwarda talba għall-fidi ta' ċens temporanju fuq propjeta' 67, Triq it-Torri, Sliema.
Din il-propjeta' ma tidhirx li ġiet trasferita lill-Gvern u tinsab elenkata f'Anness 6 paġna 1 (li tkopri propjeta' miżmuma mill-Knisja minħabba ċirkostanzi partikolari).


ĦABS ĊIVILI - MANAGEMENT

42. L-ONOR. SANDRO SCHEMBRI ADAMI staqsa lill-Prim Ministru: Jista' l-Prim Ministru jgħid kif qed jaħdem il-Gvern biex itejjeb il-management tal-Ħabs ta' Kordin? Xi problemi sab il-Gvern u kif se jsolvihom?

ONOR. ALFRED SANT (Prim Ministru): Il-Gvern qed ifittex li jaddotta fil-Ħabs ta' Kordin sistema ta' tmexxija bbażata fuq il-flessibilita', id-dixxiplina u r-rijabilitazzjoni, dejjem f'perspettiva umana. Il-Gvern bi ħsiebu jibqa' jagħti l-akbar importanza biex jara li l-management tal-Ħabs ta' Kordin ikollu saħħa biżżejjed biex imexxi l-post u appoġġ minn istituzzjonijiet paralleli ħalli jiżguraw li l-ħajja tal-priġunieri tkun waħda utli, salvagwardata minn tentazzjonijiet, u xierqa.
Fost il-problemi li rridu niffaċċjaw hemm il-ħtieġa ta' aktar taħriġ professjonali lill-istaff u n-nuqqas f'dawk li huma support services.


REĠISTRU PUBBLIKU - GĦOTI TA' PROKURA ĠENERALI

141. L-ONOR. TONY ABELA staqsa lill-Ministru tal-Ġustizzja u Kunsilli Lokali: Jista' l-Ministru jieħu l-passi meħtieġa sabiex meta persuna tagħti prokura ġenerali a favur ta' persuna oħra, din trid tiġi transuntata fl-atti ta' Nutar Pubbliku u mdaħħla l-Insinwa/Reġistru Pubbliku b'mod illi meta jsiru riċerki tat-trasferimenti ta' l-istess persuna, jirriżulta li din tkun ingħatat?
Jaħseb il-Ministru li b'dan il-mod jiġu evitati ħafna dubbji u verifiki oltre spejjeż żejda sabiex wieħed itemm il-validita' ta' prokura?

ONOR. CHARLES MANGION (Ministru tal-Ġustizzja u Kunsilli Lokali): Il-bżonn li l-mandat u revoka tiegħu, jiġu reġistrati ilu jinħass. Għaldaqstant huwa l-ħsieb tal-Ministeru li jsir studju, biex dan il-bżonn jiġi ndirizzat b'mod effettiv.
THE DEPUTY SPEAKER: L-Onor. Cassar, mistoqsija supplimentari.
ONOR. JOE CASSAR: Jiġifieri l-istudju beda jew għad irid jibda?
ONOR. CHARLES MANGION: Le, għadu ma bediex.


RABAT - TRIQ SAN ARISTARCUS - RAZZETT TAL-BAQAR

142. L-ONOR. TONY ABELA staqsa lill-Ministru tal-Biedja u Sajd: Jista' l-Ministru jieħu l-passi meħtieġa sabiex ir-razzett tal-baqar li hemm f'Saint Aristarcus Street, kantuniera ma' Pope Pius V Street, Rabat, Malta (pjanta tal-post qed tintbagħat taħt separate cover) jiġi trasferit f'post ieħor mill-aktar fis possibbli għaliex qed jikkaġuna problema kemm ta' saħħa kif ukoll ta' ambjent billi l-istess razzett huwa mdawwar bil-bini u ġieli jiġri li r-residenti oltre l-irwejjaħ eċċ, jkollhom joqogħdu bit-twieqi u bibien magħluqa anke fix-xhur tas-sajf minħabba ammont ta' dubbien esaġerat?
ONOR. NOEL FARRUGIA (Ministru tal-Biedja u Sajd): L-ilment ta' l-Onor. Interpellant ġie nnotat u tlabt biex jiġi nvestigat.


RABAT - BINI TA' ĊENTRU SPORTIV

143. L-ONOR. TONY ABELA staqsa lill-Ministru ta' l-Edukazzjoni u Kultura Nazzjonali: Peress li l-bini ta' Ċentru Sportiv fir-Rabat mhux biss iressaq lir-Rabtin iżjed lejn xulxin iżda wkoll ibiegħed liż-żgħażagħ minn ċerti problemi soċjali li hawn fil-pajjiż, jista' l-Ministru jikkonsidra li minħabba li l-uniċi faċilitajiet sportivi pubbliċi fir-Rabat huma fl-Imtarfa, li issa tant kiber li għandu bżonn faċilitajiet għalih, jinbnew faċilitajiet sportivi fir-Rabat, Malta, per eżempju, fl-area ta' quddiem Dingli Road, ċioe' quddiem fejn kien hemm qabel il-fabbrika tax-Xema, (kopja tal-pjanta tal-post imsemmi qed tintbagħat taħt separate cover) liema area hija kbira biżżejjed sabiex isiru football ground, basket ball pitch, tennis courts, mini basket ball pitch, klabb tal-boċċi u faċilitajiet għal dixxiplini sportivi oħra?
ONOR. EVARIST BARTOLO: Mill-informazzjoni li għandi, jidher illi l-Kunsill Lokali tar-Rabat qiegħed jikkonċentra bħala prijorita aktar fuq il-faċilitajiet sportivi fl-Imtarfa. Ma jirriżultalix li qatt saret talba uffiċċjali li tolqot l-inħawi ndikati mill-Onor. Interpellant. Nissuġġerixxi lill-Onor. Membru sabiex jikkoordina t-talba tiegħu mat-talbiet tal-Kunsill Lokali tal-lokal u kull talba tiġi kkunsidrata fid-dawl ta prijoritajiet fl-istess lokal kif indikati mill-Kunsill.

PROPRJETA' - TRASFERIMENT TA' PROPRJETA'

152. L-ONOR. TONY ABELA staqsa lill-Ministru ta' l-Ekonomija u l-Finanzi: Minkejja li skond l-Att XVII ta' l-1993 il-Gvern għandu d-dritt li wara pubblikazzjoni ta' kuntratti ta' trasferiment ta' proprjeta' inklużi dawk ta' trasferiment b'causa mortis, jibgħat perit ta' l-għażla tiegħu sabiex jispezzjona il-proprjeta' u jekk dawn jiddeċiedu li fl-opinjoni tagħhom jkun dikjarat fuq l-Att tat-Trasferiment iktar minn 15% irħas mill-prezz tas-suq, il-Kummissarju tat-Taxxi Interni joħroġ assessment fejn iwaħħal lill-partijiet multa kif ukoll kont ta' boll addizzjonali lill-akkwirenti, u sfortunatament jidher li l-ispezzjoni saret irregola u mhux kif kienet tfissret waqt id-diskussjoni fil-Parlament fuq l-istess att, u jidher illi salv għal kuntratti fejn it-trasferiment jsir mill-Housing Authority, il-perit qed prattikament jintbagħat dejjem, jista' l-Ministru jinforma lil din il-Kamra jekk għandhomx isiru emendi f'din il-liġi sabiex fejn tingħata donazzjoni ta' proprjeta' u fejn id-donaturi m'huma qegħdin jirċievu l-ebda konsiderazzjoni ta' flus jew mod ieħor dawn jiġu eżentati mill-ħlas ta' xi multa jekk il-perit mibgħut jidhirlu li għandu jgħolli l-valur tal-prezz?

ONOR. JOE MIZZI (f'isem il-Ministru ta' l-Ekonomija u l-Finanzi): Indikazzjoni dwar l-għadd ta' spezzjonijiet li jsiru mill-periti, kif imqabbda mid-Dipartiment tat-Taxxi Interni, fuq kuntratti inter vivos causa mortis qed tiġi mogħtija fir-risposta għall-mistoqsija parlamentari nru. 153 magħmula mill-istess Onor. Membru.
Rigward is-suġġeriment ta' l-istess Membru dwar l-eżenzjoni proposta għar-rigward ta' donazzjonijiet ta' proprjeta', il-parir li ngħatajt hu li prima facie li għandu jkun hemm trattament differenti minn kuntratti oħra rigward investigazzjoni tal-valur relattiv peress li l-prinċipju fundamentali huwa li t-taxxa għandha titħallas fuq il-prezz fis-suq fuq kull trasferiment ta` propjeta', hu x`inhu.
Barra minn hekk hemm il-konsiderazzjoni wkoll li s-suġġeriment in kwistjoni jista' 'l quddiem jagħti lok ta' abbuż speċjalment meta jingħata lok għal atti simulati, kif kien jiġri meta kien hemm it-taxxa tad-donazzjoni.
Irrid inżid ngħid li dan tat-trasferiment tal-proprjeta' hu qasam ewlieni fejn hemm nies li l-moralita' fiskali li għandu jħaddem pajjiż serju ifarrkuha regolarment. Hu meħtieġ li jkun hemm għarfien minn kulħadd li dan ifisser serq lis-soċjeta' u kull min hu konċernat f`dan il-proċessi għandu jħoss id-dmir li jgħin biex jiskuraġġixxi lil min jabbuża, mhux l-inqas meta tkun ċar li l-prezz imniżżel fuq ċerti konvenji jkun ogħla, minn dak li kien niżżel fil-kuntratt.
Dan, naturalment, ma jfissirx li ma napprezzax is-suġġerimenti li għamel l-Onor Interpellant anke fejn jirriżulta li ma naqbilx magħhom jew ikolli parir kuntrarju.

TAXXI INTERNI - KUNTRATTI REĠISTRATI

153. L-ONOR. TONY ABELA staqsa lill-Ministru ta' l-Ekonomija u l-Finanzi: B'riferenza għall-Att XVII ta' l-1993, jista' l-Ministru jinforma lil din il-Kamra:- (a) Kemm-il kuntratt ġie rreġistrat mad-Dipartiment tat-Taxxi Interni fi 46, Merchants Street, Valletta ta' trasferiment ta' proprjeta' inter vivos - ad eċċezzjoni ta' kuntratti ta' trasferimenti mill-Housing Authority - sena sena għal perijodu bejn is-26.11.92 sal-31.10.96; (b) kemm-il kuntratt ġie rreġistrat mad-Dipartiment tat-Taxxi Interni f'46, Merchants Street, Valletta ta' trasferiment ta' proprjeta' b'causa mortis - sena sena għal perijodu bejn is-26.11.92 sal-31.10.96; (ċ) kemm intbagħtu spezzjonijiet kull sena; (d) kemm inġabret taxxa addizzjonali f'boll kull sena; u (e) kemm inġabru flus bħalha multi f'kull sena?
ONOR. JOE MIZZI (f'isem il-Ministru ta' l-Ekonomija u l-Finanzi): It-tagħrif mibgħut mid-Dipartiment konċernat hu kif ġej:
(i) Kuntratti inter vivos:
SENA REGISTRATI SPEZZJONIJIET

1992 (Dicembru) 694 185

1993 9,814 2,649

1994 10,110 4,157

1995 10,850 6,308

1996 (sa Ottubru) 10,622 6,982

-------- -------

Total 42,090 20,281


N.B. Peress li ma tinżammx statistika speċifika għar-rigward tal-kuntratti tal-Housing, għax dawn il-kuntratti jsiru min-nutara kollha, u allura l-ħafna spezzettar jirrendi statistika bħal din imprattikabbli għall-aħħar, barra mit-telf ta' żmien bla bżonn. Il-figuri ta' hawn fuq jinkludu wkoll dawn il-kuntratti.
(ii) Kuntratti causa mortis:
SENA REGISTRATI SPEZZJONIJIET
1992 xejn xejn

1993 481 62

1994 1,569 634

1995 1,438 423

1996 (sa Ottubru) 1,256 353

------- ------

Total 4,744 1,472

------- -------

Jien mgħarraf li il-figuri dwar l-ispezzjonijiet, sew dawk inter vivos kif ukoll dawk causa mortis mhux bilfors jirreferu għall-kuntratti reġistrati fl-istess perijodu imma juru l-għadd ta' dawn l-ispezzjonijiet kif intbagħtu fil-perijodi msemmija.
(iii) Taxxa miġbura fuq claims supplimenti, wara li saru l-investigazzjonijiet neċċesarji fuq il-kuntratti in kwestjoni, tammonta għall-figuri li ġejjin:
INTER VIVOS CAUSA MORTIS

SENA TAXXA TAXXA TAXXA TAXXA Addizzjonali

addizzjonali (Multi)
1992

(Diċembru) 1,300 1,098 - -

1993 22,425 16,948 - -

1994 112,517 36,237 16,269 3,288

1995 206,872 79,366 42,010 10,052

1996


(sa Ottubru) 251,679 86,004 31,606 4,254


THE DEPUTY SPEAKER: L-Onor. Tony Abela, mistoqsija supplimentari.
ONOR. TONY ABELA: Jista' għallinqas il-Ministru jgħidilna kemm

inġabret taxxa addizzjonali f'boll kull sena? Jista' jekk jogħġbu l-Ministru jaqralna Item D?


ONOR. LINO SPITERI (Ministru ta' l-Ekonomija u l-Finanzi): Jekk din hija miktuba hemm għalfejn naqraha?
ONOR. TONY ABELA: Jien ma jkollix ir-risposta hawnhekk.
ONOR. LINO SPITERI: Mela imbagħad ngħaddilek it-tweġiba.


PROPRJETA' - TRASFIMENT TA' PROPRJETA'

154. L-ONOR. TONY ABELA staqsa lill-Ministru ta' l-Ekonomija u l-Finanzi: Peress li skond l-Att XVII ta' 1993 il-Gvern għandu d-dritt illi wara pubblikazzjoni ta' kuntratti ta' trasferiment ta' proprjeta' inklużi dawk ta' trasferiment b'causa mortis, jibgħat perit ta' l-għażla tiegħu sabiex jispezzjona il-proprjeta' u jekk dawn jiddeċiedu li fl-opinjoni tagħhom fuq l-Att jkun dikjarat anqas minn 15% irħas mill-prezz tas-suq, il-Kummissarju tat-Taxxi Interni joħroġ assessment fejn jwaħħal lill-partijiet multa kif ukoll kont ta' boll addizzjonali lill-akkwirenti, iżda sfortunatament jidher illi tali spezzjoni saret irregola u mhux kif kienet tfissret waqt id-diskussjoni fil-Parlament fuq l-istess att, għax salv għal kuntratti fejn it-trasferiment jsir mill-Housing Authority, il-perit qed prattikament jintbagħat dejjem, jista' l-Ministru jieħu l-passi meħtieġa sabiex l-istess pożizzjoni tiġi regolarizzata billi: - (a) l-istess periti jintbagħtu biss at random u mhux fuq kull trasferiment - (għandi nifhem illi l-poplu qed iħallas ammont sostanzjali sabiex isiru l-istess spezzjonijiet); u (b) illi l-istess dipartiment jingħata freehand sabiex jekk jirriżultalu illi effettivament jkollhom raġun il-partijiet, jkunu jistgħu liberalment jirtiraw l-istess assessments?

ONOR. JOE MIZZI (f'isem il-Ministru ta' l-Ekonomija u l-Finanzi): Kif qal sewwa l-Onor. Membru l-Att XVII ta' l-1993 jagħti d-dritt ta' investigazzjoni dwar il-valur dikjarat fuq il-kuntratti ta' proprjeta' biex il-Gvern jipprova jiġbor it-taxxa xierqa (u t-taxxa addizzjonali, magħrufa bħala multa jew penali) fuq il-prezz fis-suq ta' l-istess proprjeta'.
(a) Ġejt mgħarraf li m'hemmx għalfejn jittieħdu l-passi msemmija sabiex l-istess pożizzjoni tiġi regolarizzata billi l-periti jintbagħtu biss at random għax fil-fatt hekk qed isir. Imma billi b'persentaġġ qawwi minn dawk il-każi li jintagħtu fuqhom il-periti jinstabu li tal-valuri dikjarati jkunu inqas milli jkun xieraq. Id-Dipartiment għandu dmir jassigura li, propju l-abbuż li l-liġi ħasbet għalih, ma jsirx. Għal dan il-għan ikollu jibqa' jinvestiga dawn il-kuntratti fi kwantitajiet konsiderevoli. Il-qagħda tkun tista' titjieb meta, bl-għajnuna ta' min ikun involut fit-trasferimenti ta' proprjeta' mmobbli, il-kultura kerha ta' evażjoni tat-taxxi tinbidel f`waħda fejn ikun hemm moralita' fisakli xierqa.
B'referenza għall-kumment ta' l-Onor. Membru għar-rigward tal-ħlas lill-periti, ġejt mgħarraf li għal żmien twil dawn il-periti kienu jitħallsu bir-rata medja ta' Lm3 għal kull valutazzjoni. Din ir-rata għoliet għal Lm5 b'effett minn Gunju li għadda. Inżid ngħid li l-fattur tal-periti mqabbda, u kif jaħdmu, jista' jkun li ta' min jidħol fih iżjed.
(b) Għar-rigward tat-tieni suġġeriment ġejt mgħarraf li d-Dipartiment diġa għandu freehand biex jikkanċella l-assessments meta jirriżulta li l-partijiet ikollhom raġun.
Effettivament, fejn ikun hemm lok, u fejn jirriżulta, minn spezzjonijiet li jsiru wara li joħroġ il-claim li l-valur għandu jiġi rivedut, din il-claim tiġi kanċellata mill-istess Dipartiment, kif diġa' sar f'diversi okkażjonijiet.
Dan ir-raġun, inħoss jien, irid ikun stabbilit bl-iżjed mod ċar u wieħed irid jara għandux jikkonsidra iktar riflessjoni f'ċerti każi.
THE DEPUTY SPEAKER: L-Onor. Tony Abela, mistoqsija supplimentari.
ONOR. TONY ABELA: Jaf il-Ministru li ħlief għall-kuntratti tal-housing il-periti qed jintbagħtu f'kull każ u għalhekk dak ma jibqa' qatt at random?

ONOR. LINO SPITERI: Nassigura lill-Onor. Interpellant li ma kienx hemm żmien biex il-policy li kienet segwita qabel mill-predeċessur tiegħi tinbidel. Jekk qed issir xi ħaġa li lilu mhux qed togħġbu huwa sinjal li kienet issir fl-Amministrazzjoni l-oħra. Sadanittant dwar il-fatti li qiegħed jiġbidli l-attenzjoni għalihom, li jista' jkun li qed isiru affarijiet li aħjar wieħed jirrevedihom, nista' ngħid li se nieħu nota u jekk huwa l-każ nirrevedi s-sistema li qed tintuża.


KUNSILLI LOKALI - ĦADDIEMA SEKONDATI

399. L-ONOR. ĊENSU GALEA staqsa lill-Ministru tal-Ġustizzja u Kunsilli Lokali: Billi dan l-aħħar tħabbar li l-Gvern beħsiebu jibda jissekonda l-ħaddiema mad-diversi kunsilli li għandna f'pajjiżna, jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk fil-fatt il-ħaddiema li se jiġu sekondati, humiex se jkunu minn kull dipartiment inkella jekk humiex se jkunu minn xi dipartimenti partikolari biss?
ONOR. CHARLES MANGION: Bħalissa qed isir studju bil-għan li titfassal politika nazzjonali dwar skemi ta' assenjar ta' ħaddiema tal-Gvern mal-Kunsilli Lokali. Dettalji f'dan ir-rigward jingħataw aktar tard.

THE DEPUTY SPEAKER: L-Onor. Tonio Borg, mistoqsija supplimentari.
ONOR. TONIO BORG: Jista' l-Ministru jinformana jekk dawn il-ħaddiema humiex se jissostitwixxu l-gwardjani lokali li dwarhom diġa' hemm leġislazzjoni? Jekk le, dawn il-gwardjani lokali se jiġu ngaġġati mill-kunsilli lokali jew le? Jekk iva, min se jħallashom ġaladarba l-Ministru qal li l-multi tat-traffiku u affarijiet oħra li qabel kienu se jiġu assenjati mill-kunsilli lokali issa se jeħodhom il-Gvern ċentrali?
THE DEPUTY SPEAKER: Il-Ministru.
ONOR. CHARLES MANGION: Rigward l-ewwel mistoqsija nista' ngħid li le, dawn ma għandhomx x'jaqsmu mal-gwardjani lokali. Ta' min jgħid ukoll li dik il-parti tal-liġi li tittratta dwar kif il-gwardjani lokali se jieħdu l-liċenzji rispettivi tagħhom - mhux rigward l-enforcement - piu' o meno se tibqa' kif inhi. Ovvjament imbagħad once li dawn jiġu ngaġġati mal-kunsilli lokali, kif dejjem sostnejna, il-ħlas relattiv ikun mill-Gvern ċentrali.
MADAM SPEAKER (Onor. Myriam Spiteri Debono): Grazzi. Il-ħin tal-mistoqsijiet issa għadda. Tqegħid ta' Karti. Il-Prim Ministru.

Yüklə 1,42 Mb.

Dostları ilə paylaş:
  1   2   3   4   5   6   7   8   9   ...   18




Verilənlər bazası müəlliflik hüququ ilə müdafiə olunur ©muhaz.org 2024
rəhbərliyinə müraciət

gir | qeydiyyatdan keç
    Ana səhifə


yükləyin