Debates tal-kamra tad-deputati



Yüklə 365,43 Kb.
səhifə1/5
tarix01.03.2018
ölçüsü365,43 Kb.
#43423
  1   2   3   4   5
    Bu səhifədəki naviqasiya:
  • MINUTI

MALTA

DEBATES TAL-KAMRA TAD-DEPUTATI
(Rapport Ufficjali u Rivedut)


IT-TMIEN PARLAMENT

Seduta Nru. 65


It-Tlieta, 13 ta' Mejju, 1997

Stampat fl-Ufficcju ta' l-Iskrivan

Kamra tad-Deputati

MALTA

Prezz Lm1


IT-TMIEN PARLAMENT


Seduta Nru. 65


It-Tlieta, 13 ta' Mejju, 1997

Il-Kamra tad-Deputati ltaqghet fil-Kamra tal-Parlament,

il-Palazz, il-Belt Valletta, fis-6.18 p.m.

Talba

SEDUTA NRU. 65
It-Tlieta, 13 ta' Mejju, 1997

WERREJ

MINUTI 249

MISTOQSIJIET-TWEĠIBIET ORALI 249

TQEGĦID TA' KARTI FUQ IL-MEJDA 253

ORDNIJIET TAL-ĠURNATA 254

ABBOZZ TA' LIĠI LI JEMENDA L-ATT DWAR L-IŻVILUPP INDUSTRIJALI 254

INDUSTRIAL DEVELOPMENT (AMENDMENT) BILL 254

AĠĠORNAMENT 277

MISTOQSIJIET GĦAL TWEĠIBIET ORALI MWIEĠBA BIL-MIKTUB 283



MISTOQSIJA GĦAL TWEĠIBA BIL-MIKTUB 298



MINUTI



Il-Minuti tas-Seduta Nru. 64 li saret fit-12 ta' Mejju, 1997, ġew konfermati.


MISTOQSIJIET-TWEĠIBIET ORALI



UNIVERSITA' - EŻAMIJIET TAL-MATSEC
4892. L-ONOR. ĊENSU GALEA (f'isem l-Onor. Giovanna Debono) staqsa lill-Ministru ta' l-Edukazzjoni u Kultura Nazzjonali: Peress li ċerti eżamijiet tal-MATSEC fil-Livell Ordinarju li se jsiru issa se jaħbtu fl-istess ġurnata u fl-istess ħin ma' eżamijiet ta' universijiet barra minn Malta, jista' l-Ministru jikkonsidra l-każ li wieħed mill-eżamijiet li jaħbtu fl-istess ħin, isir immedjatament wara li jispiċċa l-ewwel eżami, b'arranġamenti apposta bejn l-Examination Branch tad-Dipartiment ta' l-Edukazzjoni u l-Universita' ta' Malta fuq talba ta' studenti nvoluti li jippreferu li jkollhom ħin twil ta' eżamijiet, wieħed wara l-ieħor, milli jitilfu ċ-ċans li jagħmlu ċerti eżamijiet? Jista' l-Ministru jieħu ħsieb li għal sezzjonijiet oħra ta' eżamijiet 'il quddiem dan ma jerġax jiġri?
ONOR. JOE MIZZI (Ministru mingħajr Portafoll fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru) (f'isem il-Ministru ta' l-Edukazzjoni u Kultura Nazzjonali): Nirriferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari numru 5417.


MARSA - GĦASSA TAL-PULIZIJA

4928. L-ONOR. TONIO BORG staqsa lill-Prim Ministru: Jista' l-Prim Ministru jgħid għaliex surġenti stazzjonati fl-għassa tal-Pulizija tal-Marsa m'humiex jorqdu fl-għassa tal-Marsa meta jkun imisshom jorqdu hemmhekk u minflok qed imorru jorqdu d-dar, bir-riżultat li meta jinqala' x-xogħol bil-lejl ikollhom jagħmluh surġenti mill-għassa tal-Ħamrun?
ONOR. ALFRED SANT (Prim Ministru): Ninsab informat li s-surġenti stazzjonati fl-għassa tal-Pulizija tal-Marsa ilhom ma jorqdu f'din l-għassa għal dawn l-aħħar tliet snin, minn meta l-ewwel sular, li kien iservi ta' dormitorju, ġie mgħoddi lill-kunsill lokali.


PULIZIJA - QBID TA' MUTURI

4929. L-ONOR. TONIO BORG staqsa lill-Prim Ministru: Jista' l-Prim Ministru jgħid x'sar minn erba' muturi li nqabdu minn pulizija fl-għassa tal-Ħamrun u li tpoġġew fil-garaxx ta' l-istess għassa? Ta' min huma dawn l-erba' muturi? Minn fejn inġabru mill-pulizija? Tressaq xi ħadd il-qorti b'konnessjoni magħhom? X'tip huma dawn l-erba' muturi, u għadhom fl-istess kondizzjoni ta' meta ġew miġbura ftit tal-ġimgħat ilu?
ONOR. ALFRED SANT: Ninsab informat li f'Jannar ta' din is-sena kienu ġew miġbura mill-pulizija tal-Ħamrun tliet muturi. Wieħed inġabar mingħand persuna, u t-tnejn l-oħra nstabu abbandunati l-Marsa. Minn investigazzjoni li għamlet il-Pulizija, irriżulta li l-ewwel wieħed kien misruq u persuna ġiet imressqa l-qorti. Għadu ma ġiex identifikat ta' min huma ż-żewġ muturi l-oħra peress li dawn kellhom diversi partijiet neqsin. Ninsab informat ukoll li dawn għadhom fl-istess kondizzjoni ta' meta nġabru mill-pulizija.
MADAM SPEAKER (Onor. Myriam Spiteri Debono): L-Onor. Tonio Borg, mistoqsija supplimentari.
ONOR. TONIO BORG: Tista' l-Pulizija tindaga jekk dawn il-parts kenux neqsin jew jekk insterqux mill-għassa stess?
MADAM SPEAKER: Il-Prim Ministru.
ONOR. ALFRED SANT: Jekk l-Onor. Membru għandu xi informazzjoni supplimentari li m'hijiex qiegħda għad-dispożizzjoni tiegħi nitolbu jgħaddihieli u jiena niċċekkja fuq il-punti li jqajjem.


GĦASSA TAL-ĦAMRUN - SURĠENT

4930. L-ONOR. TONIO BORG staqsa lill-Prim Ministru: Jista' l-Prim Ministru jgħid jekk hemmx xi surġent fl-għassa tal-Pulizija tal-Ħamrun li ngħata, jew qed jingħata xi permess, biex ma jilbisx l-uniformi tal-pulizija waqt il-qadi tad-doveri tiegħu?
ONOR. ALFRED SANT: Ninsab informat li fl-għassa tal-Pulizija tal-Ħamrun hemm surġent li mhux qed ikun bil-ġakketta ta' l-uniformi peress li dik mogħtija ġietu żgħira u l-kuntrattur kellu xi diffikulta' jissupplixxi oħra minħabba nuqqas ta' drapp.
MADAM SPEAKER: L-Onor. Tonio Borg.
ONOR. TONIO BORG: Nittamaw li bir-riforma fil-korp tal-Pulizija jaslu l-qisien neċessarji għal din il-ġakketta, pero' jidher li din hija sitwazzjoni li ilha għaddejja, jiġifieri ma naħsibx li din tista' tkun il-kawża mmedjata għaliex dan m'huwiex qiegħed jilbes l-uniformi. Jidher li din il-persuna - m'iniex se noqgħod insemmiha hawnhekk - ilha xhur sħaħ ma tilbes uniformi u jien naħseb li l-pulizija, ħlief fejn huwa meħtieġ minħabba raġunijiet ta' sigurta' u ta' operazzjoni, għandhom jilbsu l-uniformi ħalli wieħed jiddistingwi bejn min huwa pulizija u min m'huwiex f'din l-għassa.
MADAM SPEAKER: Il-Prim Ministru.
ONOR. ALFRED SANT: Nassigura lill-Onor. Interpellant li r-riforma fil-korp tal-Pulizija żgur li se tmur oltre mill-kwestjoni tad-drapp li jista' jkollhom bżonn il-pulizija. Jien ninsab impressjonat minn kemm l-Onor. Borg jaf tajjeb lil dan il-pulizija in kwestjoni. Ladarba semma xhur, forsi din hija riferibbli għal meta kien responsabbli mill-pulizija hu. Nista' nassigurah li jekk il-problema tista' tiġi solvuta, din tkun solvuta fl-iqsar żmien possibbli.


GĦASSA TAL-ĦAMRUN - MEMBRI

4933. L-ONOR. TONIO BORG staqsa lill-Prim Ministru: Jista' l-Prim Ministru jgħid jekk membri fl-għassa tal-Pulizija tal-Ħamrun ingħatawx xi permess speċjali biex ikunu jistgħu jagħmlu użu minn oġġetti maqbuda biex ikunu esibiti fil-qorti, fosthom sett tat-televiżjoni u microwave oven?
ONOR. ALFRED SANT: Ninsab informat li l-oġġetti li qed jirriferi għalihom l-Onor. Interpellant diġa' ġew esibiti formalment fil-qorti. Il-każ ġie deċiż u jonqos biss li sidhom, li diġa' ġie avżat, imur jiġborhom. Ninsab informat ukoll li m'huwiex isir użu minn dawn l-oġġetti.
MADAM SPEAKER: L-Onor. Tonio Borg, mistoqsija supplimentari.
ONOR. TONIO BORG: Qed nifhem li dawn l-oġġetti għadhom fl-għassa tal-Pulizija tal-Ħamrun, u għalhekk nappella lill-Prim Ministru biex jerġa' jiċċekkja l-informazzjoni li ngħata għaliex jidher li dan il-microwave oven u s-sett tat-televiżjoni għadu qed isir użu minnhom.
MADAM SPEAKER: Il-Prim Ministru.

ONOR. ALFRED SANT: Min-naħa tiegħi, Madam Speaker, nappella lill-Onor. Interpellant sabiex jekk għandu informazzjoni li m'hijiex għad-dispożizzjoni tiegħi, allura jgħaddihieli għaliex jekk noqogħdu nagħmlu battibekki fl-arju mingħajr ma jkollna l-informazzjoni li allegatament jew possibbilment tinsab għad-dispożizzjoni tiegħu, ikun ftit diffiċli biex wieħed jagħmel ir-riċerki meħtieġa. L-informazzjoni li tajt hija dik li ġiet mogħtija lili u sa dan il-mument m'għandix għalfejn niddubita minnha.


ENEMALTA - GENERAL MANAGER

4971. L-ONOR. AUSTIN GATT staqsa lill-Ministru tal-Finanzi u l-Kummerċ: Jista' l-Ministru jgħid għaliex fis-sejħa għall-general manager li qed issir mill-Enemalta m'hemmx imniżżel li l-applikanti għandhom għallinqas ikollhom first degree fil-Management jew fl-Inġinerija? Ma jidhirlux il-Ministru li minħabba l-importanza tal-post, il-Bord kellu jagħmel din il-kwalifika?
ONOR. LEO BRINCAT (Ministru tal-Finanzi u l-Kummerċ): Il-Bord tal-Korporazzjoni deherlu li l-avviż għandu jidher kif fil-fatt ġie ppubblikat.

MADAM SPEAKER: L-Onor. Austin Gatt, mistoqsija supplimentari.
ONOR. AUSTIN GATT: Bir-rispett kollu lejn il-Ministru, ma naħsibx li din hija risposta. Huwa ovvju li huwa l-avviż għaddih lill-bord tad-diretturi imma d-domanda tiegħi hija kif, meta qed nistaqsu għal general manager għall-Enemalta - jiġifieri l-ogħla post eżekuttiv fl-Enemalta u post li huwa bżonnjuż - l-advert għal din il-pożizzjoni lanqas ikun jitlob first degree fil-Management jew fl-Inġinerija. Ċertament li għal management post hekk għoli f'korporazzjoni li għandna 'l fuq minn 1,000 ħaddiem - post li ilu żmien vakanti, jekk qatt kien jeżisti - trid xi ħadd ta' abilita' kbira. Allura ma jarahiex stramba l-Ministru - kif naraha jiena - li għal post bħal dan ma nistaqsux għall-first degree fil-Management jew almenu fl-Inġinerija? Jiena prefibbilment naħseb li dan għandu jkollu first degree fil-Management iktar milli fl-Inġinerija.
MADAM SPEAKER: Il-Ministru tal-Finanzi u l-Kummerċ.
ONOR. LEO BRINCAT: In-nuqqas li jkun hemm din l-ispecification li semma l-Onor. Interpellant ovvjament ma eskludiex li japplikaw nies b'degrees. Fil-fatt, bħalissa l-Enemalta qiegħda tikkonsidra 24 applikant li fosthom hemm nies kwalifikati. Il-Bord ta' l-Enemalta ħass li ma kellux jagħmel dan is-suġġeriment li qed jgħid l-Onor. Interpellant għaliex ma riedx jagħmel kondizzjonijiet li permezz tagħhom jeskludi nies li jista' jkollhom ċertu executive management experience, iżjed u iżjed fid-dawl tad-diffikulta' li kienet sabet l-Amministrazzjoni preċedenti biex timla' l-post ta' general manager.
MADAM SPEAKER: L-Onor. Zammit Dimech, mistoqsija supplimentari.
ONOR. FRANCIS ZAMMIT DIMECH: Jekk qed nifhem tajjeb, skond l-informazzjoni supplimentari li għadu kif ta l-Ministru, hemm 24 applikant għal dan il-post. Jista' jgħid jekk dawn humiex kollha applikazzjonijiet minn ġewwa l-korporazzjoni jew inkella jekk humiex minn barra l-korporazzjoni? F'dan ir-rigward, xi proċedura beħsiebha ssegwi l-Enemalta, jiġifieri bejn applikazzjonijiet minn ġewwa u applikazzjonijiet minn barra?
MADAM SPEAKER: Il-Ministru.
ONOR. LEO BRINCAT: L-Enemalta se timxi on an equal footing ma' l-applikanti kollha. Jekk m'iniex sejjer żball - I stand to be corrected - hemm xi tnejn jew tliet applikanti minn ġewwa l-korporazzjoni u dawn se jiġu kkonsidrati bl-istess kejl.
MADAM SPEAKER: L-Onor. Austin Gatt.
ONOR. AUSTIN GATT: Il-Ministru jeskludi bl-iktar mod assolut li din il-kwalifika tħalliet barra għar-raġuni li l-bord ried jivvantaġġa lil xi ħadd li huwa minn ġewwa sabiex almenu jkun jista' japplika?
MADAM SPEAKER: Il-Ministru.
ONOR. LEO BRINCAT: Iva, neskludih bir-responsabbilta' kollha personali. Meta l-bord għamel il-job description, iddiskutewha miegħi u jiena kont sodisfatt fiċ-ċirkostanzi. Lill-Onor. Interpellant nista' nassigurah bl-aktar mod kategoriku li m'hemm l-ebda ħsieb li jiġi vvantaġġjat xi ħadd, la minn ġewwa u lanqas minn barra.
MADAM SPEAKER: L-Onor. Austin Gatt.
ONOR. AUSTIN GATT: Madam Speaker, naħseb li l-Ministru ma fehemnix sewwa. Jien m'iniex qed ngħid li xi ħadd se jiġi vvantaġġjat fl-għażla. Jiena qed nistaqsi jekk fid-deċiżjoni li ma tiġix nkluża l-first degree kienx hemm il-ħsieb li b'dan il-mod xi ħadd li huwa diġa' mpjegat ikun jista' japplika.
MADAM SPEAKER: Il-Ministru.
ONOR. LEO BRINCAT: Le.


KUMITAT GĦAR-RIABILITAZZJONI TAL-BELT VALLETTA

4972. L-ONOR. AUSTIN GATT staqsa lill-Ministru għax-Xogħlijiet Pubbliċi u Kostruzzjoni: Jista' l-Ministru jgħid x'inhi l-pożizzjoni tiegħu dwar it-talba tal-Kunsill Lokali tal-Belt dwar id-delega tal-funzjonijiet tal-Kumitat għar- Riabilitazzjoni tal-Belt Valletta?
ONOR. CHARLES BUHAGIAR (Ministru għax-Xogħlijiet Pubbliċi u Kostruzzjoni): Il-funzjonijiet tal-Kumitat għar-Riabilitazzjoni tal-Belt Valletta se jibqgħu jiġu mħaddma mill-istess Kumitat.
Nixtieq inżid li wara li nkitbet din ir-risposta, jiena kelli laqgħa mal-Kunsill Lokali tal-Belt u minħabba li ġew riveduti l-guidelines u issa l-kunsilli lokali għandhom ċerti funzjonijiet speċifiċi, qbilna li qabel ma jiġu ppubblikati dawn il-guidelines il-ġodda nikkonsulta ruħi mal-Kunsill Lokali tal-Belt u mal-kunsilli lokali l-oħrajn. Fil-fatt lil dawn għaddejtilhom kopja tad-draft guidelines.
MADAM SPEAKER: L-Onor. Tonio Borg, mistoqsija supplimentari.
ONOR. TONIO BORG: Madam Speaker, peress li l-Belt Valletta hija l-belt ta' kulħadd u mhux tan-nies li joqogħdu fiha biss xtaqt nistaqsi fiex waslu l-pjanijiet dwar Triq ir-Repubblika. Jien jidhirli li kien hemm xi proġett tal-Valletta Rehabilitation Committee u anke tal-kunsill lokali sabiex il-paviment u anke t-triq innifisha li hija pedestrian area tiġi rranġata. X'ġara mill-proġett ta' Triq San Zakkarija? It-tabella hemm qiegħda, pero' jidher li x-xogħol għadu ma bediex.
MADAM SPEAKER: Il-Ministru.
ONOR. CHARLES BUHAGIAR: Fir-rigward ta' Triq San Zakkarija, fil-fatt ix-xogħol inbeda u nbeda sew. S'issa li sar f'din it-triq huwa li nbidlu s-surfaces kollha, jiġifieri saru surfaces ġodda tad-dawl u b'mod speċjali ta' l-ilma. Saret ukoll tħejjija sabiex l-ilma tax-xita jiġi drained minn dik it-triq. Ix-xogħol ta' pavimentar tat-triq ma setax jitkompla għal fatt illi issa deħlin fl-istaġun meta n-nies fil-Belt jiżdiedu u għaldaqstant is-sidien tal-ħwienet talbu - u aħna qbilna magħhom - li x-xogħol fuq il-paviment isir aktar tard matul is-sena. Aħna nisperaw li mill-esperjenza li nieħdu mill-proġett ta' Triq San Zakkarija nkunu nistgħu nimxu aħjar għar-rigward tax-xogħol li jrid isir fi Triq ir-Repubblika. Triq ir-Repubblika hija ftit iktar komplikata minn Triq San Zakkarija, għal fatt li x-xogħol li jrid isir fi Triq ir-Repubblika jrid ikun konformi mal-funzjonijiet li għandha din it-triq. Waħda mill-aktar affarijiet li wieħed irid jieħu ħsieb fuq Triq ir-Repubblika hija l-fatt li minn din it-triq tgħaddi l-parata tal-Karnival. Jekk isir ċertu tip ta' upgrading fi Triq ir-Repubblika li b'xi mod tista' taffettwa l-mixja tal-Karnival dan ikun ifisser li l-parata tal-Karnival ma titħalliex tgħaddi minn din it-triq. Qegħdin għaddejjin diskussjonijiet bejni, bejn il-kollega tiegħi l-Onor. Joe Cilia kif ukoll mal-Kumitat li jieħu ħsieb il-Karnival sabiex inħarsu lejn din il-problema.


PHIL NOBLE

4973. L-ONOR. AUSTIN GATT staqsa lill-Prim Ministru: Jista' l-Prim Ministru jgħid x'kien l-inkarigu li ngħata Phil Noble mill-elezzjoni 'l hawn u kemm tħallas għal kull biċċa xogħol?
ONOR. ALFRED SANT: Is-Sur Phil Noble ma ngħata ebda inkarigu mill-Gvern mill-Elezzjonijiet Ġenerali 'l hawn.
MADAM SPEAKER: L-Onor. Austin Gatt, mistoqsija supplimentari.
ONOR. AUSTIN GATT: Jista' l-Prim Ministru jgħid almenu x'kienet il-funzjoni tas-Sur Noble fil-kontest tal-Euro-Med Conference?
MADAM SPEAKER: Il-Prim Ministru.
ONOR. ALFRED SANT: Fil-kontest tal-Euro-Med Conference b'riferenza u riferibbli għax-xogħol li kien għaddej mill-Kumitat li jmexxi l-Euro-Med Conference ma kien hemm l-ebda xogħol li kien qed jagħmel s-Sur Phil Noble.
MADAM SPEAKER: Grazzi. Il-ħin tal-mistoqsijiet għadda. Ngħaddu issa għal Tqegħid ta' Karti. Il-Prim Ministru.

Yüklə 365,43 Kb.

Dostları ilə paylaş:
  1   2   3   4   5




Verilənlər bazası müəlliflik hüququ ilə müdafiə olunur ©muhaz.org 2024
rəhbərliyinə müraciət

gir | qeydiyyatdan keç
    Ana səhifə


yükləyin