Dibattiti tal-kamra tad-deputati


TQEGĦID TA' KARTI FUQ IL-MEJDA



Yüklə 363,65 Kb.
səhifə2/6
tarix30.04.2018
ölçüsü363,65 Kb.
#49479
1   2   3   4   5   6

TQEGĦID TA' KARTI FUQ IL-MEJDA




ONOR. EDDIE FENECH ADAMI: Mr Speaker, f'isem l-Onor. Guido De Marco, inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra:
Kopja tad-diskors tal-Viċi Prim Ministru u Ministru ta' l-Affarijiet Barranin li għamel fl-Institut Royal des Relations Internationales fi Brussels, bi tweġiba għall-mistoqsija parlamentari numru 18384.
MR SPEAKER: L-Onor. Louis Galea.
ONOR. LOUIS GALEA (Ministru ta' l-Intern u Żvilupp Soċjali): Mr Speaker, inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra:
Lista ta' omiċidji li saru bejn l-1970 sal-1994, bi tweġiba għall-mistoqsija parlamentari numru 18054.
MR SPEAKER: L-Onor. Joe Fenech.
ONOR. JOE FENECH (Ministru tal-Ġustizzja): Inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra:
Avviż Legali Nru 58 ta' l-1994 - Ordni ta' l-1994 li temenda l-Ordni dwar il-Qsim ta' Sezzjonijiet fil-Qorti ta' l-Appell.
MR SPEAKER: Stqarrijiet Ministerjali? Mozzjonijiet? Ordnijiet tal-Ġurnata.

ORDNIJIET TAL-ĠURNATA



ABBOZZ TA' LIGI DWAR KUMMISSJONI GĦALL-AMMINISTAZZJONI TAL-GUSTIZZJA

COMMISSION FOR THE ADMINISTRATION OF JUSTICE BILL




L-Ordni għall-Kumitat ġie moqri
FIL-KUMITAT
L-Onor. Charles Mangion, President tal-Kumitati, jippresjedi.
Ikompli mill-11 ta' Mejju, 1994
Klawsola 2 - Tifsir.
Clause 2 - Interpretation
(Posposta fid-9 ta' Mejju, 1994)
ONOR. JOE FENECH: Klawsola 2 kienet ġiet posposta biex possibbilment issir laqgħa ma' l-Oppożizzjoni biex nirridefinixxu l-kelma "negliġenza". Fil-fatt din il-laqgħa ma saritx, ma avviċinani b'suġġerimenti ħadd u naħseb li there are no more comments fuq din il-klawsola.
THE CHAIRMAN: L-Onor. Karmenu Mifsud Bonnici.
ONOR. KARMENU MIFSUD BONNICI: GĦandna l-eżempju tan-negliġenza! Dak li kellu jsir ma sarx għax konna negliġenti. Mela għandna ksur tal-kodiċi u għandna imġieba ħażina. Din hija l-akbar prova ta' kemm hemm bżonn li wieħed jiddefinixxi sewwa x'aħna ngħidu b'"imġieba ħażina". GĦaliex jekk dan li ġara bejn il-Ministru u r-rappreżentanti ta' l-Oppożizzjoni jiġri fil-Qorti, allura jkun hemm każ ta' imġieba ħażina, l-avukati jew il-prokuraturi legali jitressqu quddiem il-Kumitat u dan jaqta' li hemm imġieba ħażina bil-konsegwenzi kollha li hemm. Jien jidhirli li f'ħaġa bħal din għandna nkunu speċifiċi x'irridu nikkonsidraw bħala imġieba ħażina. Id-definizzjoni hija dik li jsejħulha forma ta' round robin; minflok tagħti t-tifsira ta' dak li rridu ngħidu bil-kliem ddur dawra durella u ma ssolvi xejn. Allura tħalli lil ħaddieħor jiddefinixxi x'inhuma t-tifsir ta' kodiċi, ta' imġieba ħażina u ta' negliġena. Jien jidhirli li jekk verament dan il-Parlament irid jagħmel sforz biex jintroduċi ċertu dixxiplina u ordni fejn iħoss li hemm nuqqas tagħhom - għax kieku din il-liġi l-Gvern ma kienx iressaqha - irid jagħmel sforz hu mhux jiddelega lil ħaddieħor biex jagħmel dak l-isforz biex jasal għad-definizzjoni, tiġi diskussa hawn u tiġi mgħoddija hawn kif tixtieq il-Kamra u mhux kif jixtieq ħaddieħor.
Issa hawnhekk il-Gvern qiegħed jirrinunzja għall-obbligu tiegħu li dak li qal li jrid jagħmel fil-Qrati jagħmlu. GĦaliex? GĦaliex il-kumitat li se jagħmel id-definizzjoni ta' dawn il-frażijiet li semmejt, ta' "negliġenza" u ta' imġieba ħażina li mhijiex negliġenza, ta' x'inhi s-sustanza tal-kodiċijiet, il-Gvern m'għandu ebda kontroll fuqu ħlief bil-preżenza ta' rappreżentant ta' l-Avukat Ġenerali. Mela la dan il-Parlament u lanqas il-Gvern m'hu se jkollhom say f'dik li hi d-dixxiplina li għandha tiġi osservata mill-professjoni legali fil-mansjoni tagħha tal-professjoni. Din hija sitwazzjoni li m'hijiex desiderabbli. Huwa veru li l-Gvern jista' jgħid li ddeċieda li l-professjoni legali tagħmel awto-dixxiplina jiġifieri teżerċita d-dixxiplina fuq il-membri tagħha, u allura ma jridx jindaħal f'din il-materja. Jien jiddispjaċini ngħid li kieku l-Gvern ried hekk, seta' ma għamel l-ebda liġi u seta' ħalla f'idejn il-Kamra ta' l-Avukati u l-Kamra tal-Prokuraturi Legali biex tiddixxiplina lill-membri tagħha. Il-Gvern iżda ħass li d-dmir tiegħu kien mod ieħor, ħass li għandu jintervejni. Pero' jekk il-Gvern għandu jintervjeni, għandu jintervjenti b'mod meaningful, b'mod li jfisser realment xi ħaġa mhux b'mod li ma jfisser xejn. Huwa veru li fid-definizzjoni ta' "imġieba ħażina" qed isiru ċerti parametri u allura l-kodiċijiet li għandhom isiru mill-Kumitat ta' l-Avukati u mill-Kumitat tal-Prokuraturi Legali għandhom josservaw dawk il-parametri imma x'ikun hemm f'dawn il-parametri l-Kamra m'hu se jkollha ebda kontroll. Mela qisna qed nagħmlu enabling law u nħallu s-sustanza tar-regolamenti jsiru mill-eżekuttiv. F'dan il-każ qed nagħmlu enabling law u qed inħallu s-sustanza ta' dak li qed nagħmlu fil-liġi f'idejn il-kumitat li fil-maġġoranza tiegħu se jkun kompost mir-rappreżentanti jew tal-Kamra ta' l-Avukati jew tal-Kamra tal-Prokuraturi Legali skond jekk il-kodiċi huwiex rigward l-avukati jew rigward il-prokuraturi legali. U dan il-metodu - fuq riflessjoni u konsiderazzjoni matura - huwa metodu li huwa indesiderabbli ħafna, huwa metodu li m'għandniex nirrakkommandawh. Jien jidhili li l-Gvern, partikolarment il-Ministru tal-Ġustizzja li ta tant ħin u għamel tant sforzi biex ikun jista' jipprepara din il-liġi, għandu jkompli jagħmel sforz ieħor ħalli jagħmel definizzjoni ta' "imġieba ħażina" li tkun tissodisfa wkoll lir-rappreżentanti tal-poplu u mhux tissodisfa biss lir-rappreżentanti tal-professjoni legali. Jien ma nippretendix li r-rappreżentanti tal-professjoni legali m'għandhomx ikollhom vuċi fit-tfassil tad-definizzjoni imma li jkunu huma unikament arbitri ta' dak li huma jikkonsidraw bħala imġieba ħażina li għaliha jridu jwieġbu, dik hija sitwazzjoni li mhijiex aċċettabli għal din in-naħa u ma nafx kif tista' tkun aċċettabbli għal din il-Kamra. GĦalhekk jien nissuġġerixxi li l-Ministru ma' l-isforzi li għamel għandu jagħmel sforzi ġodda ħalli nipprovaw naslu għal definizzjoni eżawrjenti ta' x'tikkostitwixxi imġieba ħażina.
Nerġa' ngħid, li wieħed jgħid li qed jagħmel makkinajru biex ma jħallix li fil-Qorti tkompli ssir imġieba ħażina mingħajr ma tiġi punita u mbagħad ma niftehmux x'inhi din l-imġieba ħażina u nħallu biex jgħidu x'inhi min se jkun l-awtur ta' din l-imġieba ħażina, hija sitwazzjoni li żgur mhijiex aċċettabbli. Jien mhux qed ngħid li l-membri tal-professjoni legali m'għandhomx jieħdu sehem fit-tfassil tad-definizzjoni imma qed ngħid li r-rappreżentanti tal-poplu li mhux se jkunu rappreżentati fil-Kumitat ta' l-Avukati u fil-Kumitat tal-Prokuraturi Legali - għad-differenza tal-Kummissjoni fejn se jkun hemm żewġ rappreżentanti, wieħed nominat mill-Prim Ministru u l-ieħor nominat mill-Kap ta' l-Oppożizzjoni imma l-Kummissjoni m'hu se jkollha say xejn fit-tfassil ta' dawn il-kodiċijiet għall-avukati u prokuraturi legali - għandhom huma wkoll ikunu sodisfatti bid-definizzjoni ta' "imġieba ħażina". Inkella inkunu f'sitwazzjoni li m'għandhiex tkun aċċettabbli għal din il-Kamra. Jiġifieri ħadna dan iż-żmien kollu biex nagħmlu makkinarju biex imbagħad l-aqwa ħaġa - jiġifieri d-definizzjoni ta' "imġieba ħażina" - ma sibniex mezz biex naqblu fuqha. Meta ngħid naqblu infiehem li kemm in-naħa tal-Gvern u kemm in-naħa ta' l-Oppożizzjoni jaslu fi ftehim dwar x'għandha tkun din id-definizzjoni imma barra minn hekk jidher li r-rappreżentanti tal-poplu - anke jekk tieħu l-maġġoranza tal-Gvern - qed taħsel idejha minnha u din hija sistwazjoni li mhijiex aċċettabbli. Allura jekk il-Gvern verament irid li l-poplu jifhem li qed jagħmel sforz biex ma jħallix dawk li fil-ħsieb tal-pubbliku jikkostitwixxu atti ta' imġieba ħażina, aħna rridu niddefinixxu x'inhuma dawn l-atti ta' imġieba ħażina li m'aħniex aktar ippreparati li nittolleraw mingħajr ma Jiġu puniti.
Il-Ministru u l-Gvern dawn l-affarijiet mhux qed jiddeċidihom, u mhux hekk biss. GĦaliex kieku ma jiddeċidihomx il-Gvern u se jkun hemm il-Kummissjoni li tiddeċidihom, għalkemm ma naqbilx forsi nasal biex ngħid li l-Kummissjoni mhijiex neċessarjament fil-maġġoranza tagħha parti interessata. Imma meta l-korp li se jiddeċiedi x'inhuma l-atti li jikkostittwixxu "imġieba ħażina" huwa l-korp li fil-maġġoranza tiegħu huwa interessat li ma jiġix milqut jew li jiġi milqut mill-inqas minn din id-definizzjoni, ma nistgħux inħallu li jkollu hu l-uniku u l-final say. Qed ngħid l-uniku say għaliex il-Kamra mhux se jkollha say fiha ħlief fil-parametri li hawn fid-definizzjoni u jien jidhirli li dan huwa metodu nkomplet li jiżvojta u jiżvinta x-xogħol kollu li għamilna f'din il-Kamra bien nagħmlu din il-liġi. GĦalhekk jien nappella sinċerament lill-Ministru biex jagħti kas ħalli nagħmlu sforz sabiex nagħmlu definizzjoni li almenu tkun aċċettata mill-maġġoranza tar-rappreżentanti tal-poplu għal dik li hi "imġieba ħażina" tal-professjoni legali u mhux bil-maqlub kif qed nagħmlu. GĦaliex hawnhekk qed naħslu jdejna minnha u nħalluha f'idejn in-nies li barra l-intenzjoni u r-rieda tajba tagħhom għandhom ukoll interess li jikkaġunaw l-inqas periklu għall-membri tal-professjoni tagħhom. Din hija sitwazzjoni li ma nafx kif wieħed jista' jiġġustifikaha. Mhux biżżejjed li ngħidu li aħna kemm jista' jkun irridu li l-professjoni legali tagħmel awto-dixxiplina. Kieku aħna ninsistu fuq dan il-prinċipju kieku m'għandniex għalfejn nagħmlu din il-liġi u nħallu lill-Kamra tibqa' tuża l-awto-dixxiplina li użat s'issa jew mod ieħor. Imma aħna mhux qed nagħmlu provvedimenti tassattivi f'ċertu rigward u fl-iktar ħaġa essenzjali - x'inhi "imġieba ħażina" - qed inkunu mhux biss lakoniċi imma qed inħallu kollox f'idejn il-persuni li nippretendu li m'għandhomx jikkommettu atti ta' imġieba ħażina. Din hija sitwazzjoni li issa saret ftit komika.
Aħna qegħdin ngħidu li hemm il-ħtieġa li jiġu kontrollati ċertu nies u qed ngħidu li dawn għandhom jagħmlu l-ammont ta' kontroll fuqhom infushom u aħna m'hu se jkollna say qatt, lanqas biex ikollna l-opportunita' li naċċettaw jew ma naċċettawx dak li jagħmlu. Hawnhekk lanqas m'hu qed jingħat li l-kodiċi jiġu mqiegħda fuq il-Mejda tal-Kamra forsi nużaw il-proċedura tar-regolamenti bin-negative resolution jew bil-positive resolution. M'hawn xejn minn dan. Lanqas hawn li l-kodiċi mbagħad jiġu promulgati permezz tar-regolament mill-Ministru. Allura kif jista' jkun li l-Kamra taċċetta din is-sitwazzjoni?
THE CHAIRMAN: Il-Prim Ministru.
ONOR. EDDIE FENECH ADAMI: Fil-fehma tiegħi m'hux talli s-sitwazzjoni m'hix komika, is-sitwazzjoni hija loġika u aħna rridu nkunu ftit razzjonali u konsistenti. Aħna x'aħna nagħmlu? L-ewwelnett qed ninnominaw lill-Kummissjoni għall-Amministrazzjoni tal-Ġustizzja bħala kommissjoni kostituzzjonali. GĦal dak li jirrigwarda l-avukati, irridu nirrikonoxxu l-prinċipju ta' l-awto-dixxiplina. Pero' fil-liġi stess għandu jkun hemm il-kodiċi ta' etika u qed ngħidu x'għandhom jiddefinixxu b'mod ġenerali dawn il-kodiċitajiet ta' etika. Issa jew titlaq mill-presuppost illi trid l-awto-dixxiplina għax tissoponi li l-korp ta' l-avukati se jimxi b'mod responsabbli jew jekk taħseb li dan il-korp m'hux se jimxi b'mod responsabbli ma tagħtihx l-awto-dixxiplina. Aħna rridu nassumu li l-korp ta' l-avukati se jimxi b'mod responsabbli. Dan ifisser li dan il-korp se jagħmel kodiċi ta' etika li jikkonforma ma' dak li qed ngħidu aħna u jkopri l-każijiet li hawn f'din il-liġi. Veru li l-kodiċi ta' etika taċċettah skond il-parir li tirċievi, pero' żgur li l-Kummissjoni għandha d-dover bil-provision tal-Kostituzzjoni li tissorvelja u tista' tirrakkomanda affarijiet fl-amministrazzjoni kollha tal-ġustizzja.
Rigward il-każ li qed isemmi l-Onor. Mifsud Bonnici, jiġifieri jekk il-każ ikun li l-Kamra ta' l-Avukati tkun irresponsabbli u ma tagħmilx definizzjonijiet adegwati għall-każijiet tad-dixxiplina li qed jikkontemplaw f'din il-liġi, jien l-ewwelnett nippretendi li awtomatikament il-Gvern ikun jista' jagħmel l-emendi li jkun hemm bżonn u t-tieni nett il-Kummissjoni ta' l-Amministrazzjoni tal-Ġustizzja għandha tidħol ukoll fil-fatt u tirrakkomanda lill-Gvern x'għandu jsir. Dan ifisser li l-loġika hi li qed nirrikonoxxu l-prinċipju ta' l-awto-dixxiplina bis-serjeta'. GĦalhekk jekk se nirrikonoxxu l-awto-dixxiplina, dan hu l-mod kif għandna nilleġislaw u m'hux ngħidu li l-awto-dixxiplina rridu nilleġislawha minn qabel bid-dettalji kollha. Jekk nagħmlu hekk inkunu qed nagħmlu żball. Jien naħseb li din il-Kamra għandha tgħid li qed nagħmlu pass 'il quddiem f'dan il-qasam li ftit li xejn kellna liġijiet dwaru. Il-liġi li qed nagħmlu m'hix infallibbli bħalma m'humiex infallibbli l-kodiċi li jipproponu l-avukati. Kollox jibqa' under review, pero' jien ċert li dan hu pass 'il quddiem u nispera li l-esperiment li se nipprovaw nagħmlu jkun esperiment tajjeb. Imma ma għandniex ngħidu li l-liġi hi ħażina għax kuntrarjament ta' dan, il-liġi hi tajba, loġika kif ukoll konsistenti.
THE CHAIRMAN: L-Onor. Joe Fenech.
ONOR. JOE FENECH: Mr Speaker, l-aħħar darba ħadna seduta sħiħa niddiskutu din il-klawsola u dak kollu li semma l-Onor. Mifsud Bonnici kien diġa' semmieh dakinhar u dan ddiskutejnieh fit-tul ad nauseam. Ir-raġuni għalfejn din il-Kamra waqfet ma kenitx biex niddefinixxu l-imġieba ħażina, imma biex naraw insibux xi ridefinizzjoni tal-kelma "negliġenza". Din il-Kamra għal din ir-raġuni biss waqfet.
Aħna qbilna wkoll li bilfors irid ikollok a generic provision f'kull kodiċi ta' etika. Kif għandek f'kull liġi, ħafna affarijiet irid f'kawża jivvalutahom is-sur imħallef biex jara kif dawn jinkwadraw. Kulħadd jaf x'inhi "negliġenza". Il-kelma "negliġenza" ma tistax tiddefiniha imma tista' biss tiddeskriviha. Id-definizzjoni tagħha m'hix possibbli. Il-konsegwenza hi li wieħed irid jara jekk hux kull negliġenza hija punibbli. L-aħħar darba din semmejniha u għidna li fin-negliġenza lieve - de minimis non curat praetor - wieħed ma għandux jagħti kasha. Aħna għandna fiduċja fuq kif se topera s-sistema u fin-nies responsabbli li jikkomponu l-Kumitat. Jien konvint li dawn in-nies se jaġixxu fl-aħjar interess tal-professjoni u anke fl-interess li jkun hemm id-dixxiplina li hi rikjesta fl-istess interess tal-professjoni li dawn se jaġixxu kif għandhom jaġixxu. Dawn wkoll iridu jinterpretaw x'inhi negliġenza skond il-każ li jkun ippreżentat quddiemhom - jekk din hijiex negliġenza li tirrikjedi li lil wieħed tippunih - jew hijiex aċċettabbli - fis-sens li tkun ħafifa ħafna. Dawn huma ċ-ċirkostanzi li qegħdin fihom u tant ittrattajna din il-kwestjoni ad nauseam li jidhirli li ma għandux ikun hemm aktar kummenti dwarha.
ONOR. KARMENU MIFSUD BONNICI: Jidhirli li l-Onor. Joe Fenech m'hux qed ikun korrett. Aħna qed niddiskutu d-definizzjoni tal-kelma "negliġenza" u kull punt li huwa relevanti għandu jitqanqal. M'hux qed ngħid li għandna nirrepetu l-punti li diġa' qanqalna, imma qed ngħid li għandna niddiskutu punti ġodda biex fil-fatt ma noqogħdux nirrepetu. Dawn m'humiex l-istess punti. Jekk jien inqanqal punt ġdid, l-Onor. Joe Fenech ma jistax jgħidli li dan il-punt qanqalnieh qabel. Jekk ikun punt ġdid, kif qanqalnieh qabel! Jien se nibda biex nirrispondi lill-Onor. Prim Ministru.
Fl-ewwel punt li għamel, l-Onor. Prim Ministru semma li aħna qed nattwaw il-prinċipju ta' awto-dixxiplina. Onor. Fenech Adami, aħna m'aħniex qed nagħmlu hekk. GĦaliex? GĦaliex kieku verament qed nattwaw l-awto-dixxiplina konna nħallu lill-Kamra ta' l-Avukati biex tiddixxipplina l-membri tagħha hi. Aħna għamilna l-liġi biex espressament, din ma nħalluhiex f'idejn il-Kamra tant li r-rappreżentanti li tagħżel il-Kamra, għamilnieha li dawn għandhom jaġixxu f'isimhom u m'hux f'isem il-Kamra. Quindi din m'hi awto-dixxiplina xejn. (Interruzzjonijiet) GĦalhekk il-liġi li għamilna m'hix qiegħda hemm biex immexxu l-prinċipju ta' awto-dixxiplina 'l quddiem. Kuntrarjament ta' dan, aħna ħadna d-dixxiplina ta' l-avukati u tal-prokuraturi legali minn idejn il-Kamra ta' l-Avukati u minn idejn il-Kamra tal-Prokuraturi Legali u poġġejnieha f'idejn korp li proprjament huwa ndipendenti mill-Kamra. Dan il-korp biss jaġixxi lill-komponenti fil-responsabbilitajiet personali tagħhom. GĦalhekk din neħħejnieha minn idejn il-Kamra ta' l-Avukati u minn idejn il-Kamra tal-Prokuraturi Legali u minflok poġġejnieha f'idejn korp ieħor. Din ma tissejjaħx awto-dixxiplina. Kuntrarjament ta' dan, awto-dixxiplina tiġi msejħa hekk meta l-Kamra tiddixxiplina l-membri tagħha u m'hux meta għamilna korp indipendenti mill-Kamra ta' l-Avukati u tal-Prokuraturi Legali. Dan ifisser li l-konċett tal-Gvern kif espress mill-ħsieb tal-Prim Ministru huwa żbaljat kompletament. Dan m'hux qed nagħmlu bil-forma ta' awto-dixxiplina.
It-tieni punt li xtaqt insemmi huwa li jien m'hux qed ngħid li din il-liġi m'hijiex avvanzata fuq l-istat ta' l-affarijiet. Min qed jitkellem fuq il-liġi? Jien qed nitkellem biss fuq id-definizzjoni ta' "mġieba ħażina". X'sens tagħmel li tagħmel liġi u makkinarju bħal dan, biex imbagħad ma tgħidx x'inhu r-reat jew x'inhi l-kondotta li wieħed irid li tiġi osservata fil-Kamra? Jien qed ngħid li l-Kamra, li ħadet dan iż-żmien u l-ħin kollu biex tagħmel din il-liġi għandha tieħu iktar ħin u żmien biex tagħmel sforz ikbar sabiex tagħmel id-definizzjoni ta' "mġieba ħażina". Fil-fatt aħna x'qed ngħidu? Qed ngħidu li kollox se jiddependi mill-kodiċi. Il-Kamra taf f'hiex se jikkonsistu dawn il-kodiċi? Il-Kamra ma tafx f'hiex se jikkonsistu. Jien qed ngħid li m'hux sewwa li tagħmel il-makkinarju biex dan il-makkinarju jħaddem liġi li l-Kamra ma tafx x'inhu l-kontenut tagħha. Kuntrarjament ta' dan, li tagħmel il-makkinarju va bene, imma trid tara wkoll il-kontenut tal-liġi.
It-tielet punt li se nsemmi huwa dak li qanqal l-Onor. Joe Fenech. L-Onor Fenech jaħseb li ma nafx li meta jkun hemm provvediment tal-liġi, dan trid tapplikah għall-każ u li l-każ ma tridx tapplikah il-Kamra jew il-Gvern, imma għandu japplikah il-Kumitat? Imma l-liġi tagħmilha l-Kamra qabel ma l-qorti tapplika l-liġi għall-każ. Hekk ukoll nippretendi li l-Kumitat ta' l-Avukati u tal-Prokuraturi Legali japplikaw il-provvedimenti tal-kodiċi jew il-kodiċijiet għal każi speċifiċi. Dan m'hux se nagħmluh aħna imma se jagħmlu l-Kumitat. Imma qabel irid ikun hemm kodiċi u kodiċijiet li nkunu ftiehmna fuqhom. Il-punt tiegħi hu li jekk verament din il-Kamra trid li aħna ndaħħlu forma t'ordni u kontroll fuq il-professjoni legali, għandna nagħmlu sforz biex almenu nagħtu l-linji ġenerali ta' x'inhu l-ordni u l-kontroll mixtieq fuq il-professjoni legali. U dan m'aħniex nagħmluh! L-agħar m'hux li dan m'aħniex nagħmluh, imma li ħallejna f'idejn il-Kummissjoni u forsi hemm raġunijiet għala l-Prim Ministru ħass li għandu jgħid lill-Kummissjoni li għandha s-setgħa li jekk jidhrilha li l-kodiċi u l-kodiċijiet m'humiex kif mixtieqa, din għandha tagħti parir. Jiddispjaċini ngħid li l-liġi tgħid bil-maqlub! Il-liġi tgħid li għal dak li jirrigwarda l-avukati u li jagħmel il-kumitat, il-Kummissjoni ma tistax tindaħal ħlief għall-appell. Il-liġi tgħid hekk espressament!
THE CHAIRMAN: Il-Ministru.
ONOR. JOE FENECH: Le mhux hekk lanqas. Il-Kummissjoni trid taċċetta l-kodiċi ta' l-etika, imma ma jfissirx li ma tistax tirrakkommanda li l-Gvern jibdel il-liġi, jekk il-kodiċi ta' etika ma jikkonformax ma' dak li hu normalment aċċettat. Ma tistax ma tagħmilx rakkommandazzjoni lill-Gvern.
ONOR. KARMENU MIFSUD BONNICI: Mela issa qed ngħidu li jibdel il-Liġi. Din isbaħ!
ONOR. JOE FENECH: Aħna qed ngħidu li d-dritt tal-Kamra li tissorvelja dak kollu li qed isir għadu hemm u se jibqa' hemm. Jekk il-kumitat li għandu l-maġġoranza tal-membri nominati mill-Kamra ta' l-Avukati ma jikkonformax mal-liġi kif normalment hu aċċettat - kulħadd jifhem x'għandha tkun negliġenza - dan il-Parlament dejjem jista' jibdel il-liġi b'mod differenti u jekk hemm bżonn il-kodiċi tagħmilha l-Kummissjoni stess.
ONOR. KARMENU MIFSUD BONNICI: Min qal li ma jikkonformax mal-liġi?
ONOR. JOE FENECH: Mhux int stess qed tgħid li l-kodiċi ma jkunx tali u jagħmlu li jridu? Jekk ma jkunx jissodisfa lill-Kamra u lin-nies razzjonali li jistennew li qualsiasi negliġenza għandha jkollha xi forma ta' definizzjoni, vasta kemm hi vasta, u jinkludu anke fil-kodiċi ċerti aspetti li normalment huma konsiderati negliġenza, dawn li m'humiex irresponsabbli jafu li l-Parlament huwa suprem u jista' jibdel il-liġi. Jafu wkoll li huma għandhom l-interess li jissalvagwardaw l-interess, id-dinjita' u anke l-kredibilita' tal-klassi legali u jekk ma jagħmluhiex jafu xi jkunu l-konsegwenzi.
ONOR. KARMENU MIFSUD BONNICI: Meta huma jagħmlu kodiċi, la dan jissodisfa l-parametri li hawn fid-definizzjoni, ħadd ma jista' jgħid li dak il-kodiċi mhux qed jissodisfa l-vot tal-liġi u ħadd ma jista' jakkuża lill-kumitat bih. Issa jekk dak il-kodiċi ma jissodisfax lilna hija ħaġa oħra. Jekk ma jissodisfax lill-Kummissjoni hija ħaġa oħra.
ONOR. JOE FENECH: Emenda l-liġi biex tkun tista' temendah jekk naslu f'dak l-istat, imma jien konvint li m'hemmx għalfejn naslu f'dak l-istat.

ONOR. KARMENU MIFSUD BONNICI: X'jiġifieri konvint? Jien lanqas minni nnifsi ma jien konvint aħseb u ara kemm inkun konvint minn ħaddieħor. L-Onor. Josef Bonnici qed jidħaq għax hu biss konvint f'dak li jgħid! Qed ngħid li għamilna liġi biex jiġu osservati ċerti affarijiet, dawn ma nafux x'inhuma u se nħalluhom f'idejn ħaddieħor. Jien jidhirli li wara li għamilna din il-liġi, ħadna dan iż-żmien kollu, għamilna dan l-isforz kollu, ilna niddiskutu ma nafx kemm-il siegħa, jmissna nagħmlu ftit sforz ieħor ħalli l-affarijiet essenzjali jkunu magħrufa u approvati minn din il-Kamra. GĦidt li kieku jkunu miftehma bejn iż-żewġ naħat nifhem li nistgħu ma naslux fi ftehim, imma almenu jkun hemm il-barka tal-maġġoranza tal-Kamra fuq dawn l-affarijiet. Il-maġġoranza tal-Kamra qed tgħid li taħsel idejha minn dan ix-xogħol u se tħallih f'idejn nies responsabbli.
ONOR. JOE FENECH: Taħsel idejk meta tista' tibdilha meta trid?
ONOR. KARMENU MIFSUD BONNICI: Kif tibdilha? Aħna qed ngħidu li għamilna liġi ...
THE DEPUTY SPEAKER: Il-Ministru.
ONOR. JOE FENECH: L-aħħar darba għamlu dak is-suġġeriment u sal-lum għadhom m'għamlu l-ebda proposta. Jekk għandhom l-ideat jistgħu jagħmlu prosposta; m'għandhomx għalfejn jiddejqu.
ONOR. KARMENU MIFSUD BONNICI: Jien qed nipproponi li għandu jsir sforz ħalli l-kodiċi u l-kodiċijiet jiġu approvati mill-maġġoranza ta' din il-Kamra. Aħna qed ngħidu li l-professjoni legali trid issegwi ċerti prinċipji u ċerti regoli. X'inhuma dawn ir-regoli? GĦalfejn nagħmlu makkinarju biex jara li dawk ir-regoli qed jiġu osservati meta aħna m'għamilniex x'inhuma dawn ir-regoli? Jien qed ngħid li l-kodiċi u l-kodiċijiet iridu jiġu approvati minn din il-Kamra, inkella din il-liġi tkun inkompleta, saret għalxejn u sservi biss ta' paraventu. Il-kodiċi tal-ġudikanti ma nidħlux fiha aħna imma l-Kummissjoni tidħol fiha. Hemmhekk forsi l-Kap ta' l-Oppożizzjoni għandu rappreżentant u jista' jkollu vuċi wieħed fost disgħa. Il-Prim Ministru għandu rappreżentant u għandu vuċi oħra fost disgħa, imma fil-kodiċi ta' l-avukati u tal-prokuraturi legali m'għandna l-ebda vuċi. Allura kif m'għadniex inkunu nafu x'inhuma l-kodiċijiet li għandhom jiġu osservati u li se jirregolaw dak li hu l-iskop ta' din il-liġi u li jirregolaw il-professjoni legali? Dan hu sens komun u għalhekk qed ngħid li s-sitwazzjoni li ġejna fiha hija komika, għax qed nagħmlu makkinarju li jopera ċertu mod u l-mod kif għandu jopera m'aħniex nippreskrivuh. Dawk in-nies, li għalkemm għandhom ir-rieda tajba u huma responsabbli għandhom ukoll interess li ma jipperikolawx l-interessi tal-membri tagħhom, forsi jixtiequ daqskemm nixtiequ aħna li għandhom jiġu esposti l-membri tal-professjoni legali.
ONOR. JOE FENECH: U f'dak il-każ ikunu irresponsabbli.
ONOR. KARMENU MIFSUD BONNICI: Hux irresponsabbli? Mela min iħares l-interessi tal-klassi tiegħu ikun irresponsabbli? Aħna rridu nżewġu l-interessi tal-professjoni ma' l-interessi tal-pubbliku, imma din il-ħaġa aħna rridu nagħmluha u mhux nistennew lir-rappreżentanti tal-klassi. Mhux hekk iġġibu l-ekwilibriju tal-forzi? Mela bil-maqlub? Qed nitfgħu l-pendlu naħa u ngħidulu li dak li jagħmel hu jkun benfatt. X'nistennew mingħandhom? Dan kollu biex ma nagħmlux l-isforz suprem li se jagħmlu huma wara kollox, għax kieku dawn il-kodiċijiet ħadd m'hu se jagħmilhom nifhem, imma jekk se jsiru dawn il-kodiċijiet kif m'għandniex narawhom u napprovawhom l-ewwel. Allura jien jidhirli li din il-liġi trid tipprovdi li l-kodiċi u l-kodiċijiet iridu jiġu approvati minn din il-Kamra għax inkella din m'hijiex liġi. Kieku l-liġi tipprovdi li l-kodiċi jew il-kodiċijiet joħorġu b'regolamenti, din il-Kamra jkollha l-possibilita' - kif kellha l-bieraħ biex tiddiskuti dawn ir-regolamenti - li tista' tannullahom jew tagħtihom l-approvazzjoni tagħha, imma qatt m'hu se jkun hemm il-possibilita' li dawn il-kodiċi u l-kodiċijiet jiġu diskussi.

Qed jingħad li jekk ma jissodisfawx lill-Gvern dan jemenda l-liġi, mhux jemenda l-kodiċijiet. Aħna għandna nġibu lill-Gvern f'sitwazzjoni li ma jaċċettax il-kodiċi tal-kumitat ta' l-avukati u mbagħad allura jemenda l-liġi u jkollu jagħmel kodiċi hu jew jitfagħha f'idejn korp? Jidhirli li biex tiġi implimentata din il-liġi jridu jsiru l-kodiċi jew il-kodiċijiet. Mela allura dawn x'inhuma? Aħna rridu nkunu sodisfatti li għamilna kull sforz possibbli biex inġibu ordni u kontroll fuq il-professjoni legali. Jekk m'hemmx għalfejn ma nagħmlu xejn f'din il-liġi, imma jekk qed inħossu l-ħtieġa ta' din il-liġi bilfors irridu nħossu l-ħtieġa li nkunu nafu x'inhuma l-kodiċi u l-kodiċijiet li jridu josservaw l-avukati u l-prokuraturi legali. U jien ma nistax nifhem kif il-Prim Ministru jqum jgħid li huwa loġiku li nimxu kif qed tipproponi din il-liġi u mhux kif qed jiġi sottomess minn din in-naħa. Aħna qatt għamilna liġi fejn nagħmlu qorti li għandha tiġġudika r-reati tan-nies u ma ngħidux x'inhuma r-reati? B'liema sens timxi b'din il-manjiera? Mela jien qed ngħid li biex din il-liġi tkun kompleta u loġika din il-Kamra trid tapprova dawn il-kodiċi u kodiċijiet jew forma ta' skeda jew inkella forma ta' regolamenti li jagħmel il-Ministru. B'xi mod irid ikollha l-opportunita' li tapprovahom, mhux ma tapprova xejn qisu ma sar xejn. Dak li qed jipprospetta l-Ministru tal-Ġustizzja, jiġifieri li jekk il-Gvern ma jkunx sodisfatt bil-kodiċijiet li jsiru jew il-Kummissjoni tgħaddi rimarka lill-Gvern li l-kodiċijiet li għamlu l-kumitati għall-prokuraturi legali jew dak għall-avukati m'humiex sodisfaċenti u l-kumitat ma jibdilhomx, il-Gvern jibdel il-liġi, m'huwiex soluzzjoni. X'jiġifieri biex ma nagħmlux ix-xogħol kif għandna nagħmluh u nagħmlu l-liġi kompleta billi nipprovdu għal regolamenti li jispeċifikaw ir-regoli tal-kodiċijiet li se jirregolaw il-professjoni legali, inħallu din is-sitwazzjoni? Jidhirli li minn dak kollu li għamilna l-qofol huwa



fil-kontenut ta' dan il-Kodiċi.
Jien naf li din tipprospetta diffikulta' kbira, tant li qed nitkellmu fuq il-kwestjoni ta' negliġenza, imma din id-diffikulta' bilfors trid tiġi solvuta u jien qed ngħid li m'għandniex inħallu s-soluzzjoni ta' din id-diffikulta' toħroġ minn idejna u mbagħad aħna ma jkollna l-ebda say fiha għax nitfgħuha f'idejn il-kumitat. Mhux f'idejn il-Kamra ta' l-Avukati - għalhekk ma qbiltx mal-Prim Ministru meta qal awtodixxiplina - imma f'idejn il-kumitat li hu differenti, awtonomu u indipendenti mill-Kamra. Mela allura s-sottomissjoni hi li biex aħna nkomplu b'din il-liġi u nikkompletawha rridu naraw li din il-Kamra tapprova l-kontenut tal-kodiċijiet. U nerġa' ngħid li jkun ideali jekk ikunu maqbula, imma jekk ma jistax ikun hemm qbil il-kontenut ta' dawn il-kodiċijiet għandu jkollhom il-barka u l-approvazzjoni tal-maġġoranza ta' din il-Kamra. L-Oppożizzjoni ma tistax taċċetta li tagħti blank cheque lil ħaddieħor meta fil-parametri biex jiġu sodisfatti l-kodiċijiet jista' ma jkollhom xejn. Dan mhux suffiċjenti. Aħna ma nistgħux nagħtu blank cheque lil ħaddieħor meta ħassejna li sal-lum ħaddieħor ma kkontrollax is-sitwazzjoni biżżejjed, tant li ħassejna l-ħtieġa li nagħmlu din il-liġi.
Yüklə 363,65 Kb.

Dostları ilə paylaş:
1   2   3   4   5   6




Verilənlər bazası müəlliflik hüququ ilə müdafiə olunur ©muhaz.org 2024
rəhbərliyinə müraciət

gir | qeydiyyatdan keç
    Ana səhifə


yükləyin