Dibattiti tal-kamra tad-deputati



Yüklə 363,65 Kb.
səhifə4/6
tarix30.04.2018
ölçüsü363,65 Kb.
#49479
1   2   3   4   5   6

AĠĠORNAMENT




ONOR. GUIDO DE MARCO: Mr Speaker, nipproponi l-Aġġornament tal-Kamra għal nhar l-Erbgħa, 18 ta' Mejju, fis-6.00 p.m. b'din l-aġenda:
Abbozz ta' Liġi dwar Kummissjoni għall-Amministrazzjoni tal-Ġustizzja - it-Tielet Qari;
Abbozz ta' Liġi dwar l-Amministrazzjoni tat-Taxxa - it-Tieni Qari (Kont.);
Abbozz ta' Liġi li jemenda l-Att dwar Attivitajiet Kummerċjali Internazzjonali ta' Malta - Kumitat;
Abbozz ta' Liġi li jirrikonoxxi Trusts - Kumitat;
Abbozz ta' Liġi dwar Servizzi ta' Investiment - Kumitat;
Abbozz ta' Liġi dwar il-Kummerċ Bankarju - Kumitat;
Abbozz ta' Liġi kontra Money Laundering - Kumitat;
Abbozz ta' Liġi li jemenda t-Taxxa fuq Dokumenti u Trasferimenti - Kumitat;
Abbozz ta' Liġi li jemenda l-Att dwar it-Taxxa fuq l-Income - Kumitat;
Abbozz ta' Liġi kontra Insider Dealing - Kumitat;
Abbozz ta' Liġi dwar Segretezza Professjonali - Kumitat;
Abbozz ta' Liġi li jemenda l-Att dwar ir-Reġistrazzjoni ta' Artijiet - it-Tieni Qari (Kont.);
Abbozz ta' Liġi li jemenda l-Kodiċi ta' Organizzazzjoni u Proċedura Ċivili - it-Tieni Qari;
Abbozz ta' Liġi dwar it-Tribunal għal Talbiet Żgħar - it-Tieni Qari;
Abbozz ta' Liġi dwar l-Affarijiet tal-Konsumatur - it-Tieni Qari;
Abbozz ta' Liġi li jemenda l-Att dwar iż-Żwieġ - it-Tielet Qari;
Abbozz ta' Liġi li jemenda l-Att dwar l-Edukazzjoni - Kumitat (Kont);
Abbozz ta' Liġi li jemenda l-Kodiċi Ċivili (Emenda Nru 2) - it-Tieni Qari;
Abbozz ta' Liġi li jemenda l-Kodiċi tal-Liġijiet tal-Pulizija - it-Tieni Qari;
Abbozz ta' Liġi li jemenda l-Att dwar is-Servizzi ta' Impieg u Taħriġ - it-Tieni Qari;
Abbozz ta' Liġi li jemenda l-Att dwar il-Korporazzjoni għall-Iżvilupp ta' Malta - it-Tieni Qari; u
Abbozz ta' Liġi li jemenda l-Ordinanza dwar l-GĦajnuna lill-Industriji - it-Tieni Qari;
MR SPEAKER: Hemm iktar rimarki, jekk jogħġobkom? L-Onor. Michael Farrugia.
ONOR. MICHAEL FARRUGIA: Mr Speaker, matul il-medda taż-żmien kien hawn diversi nies li fis-soċjeta' kienu meqjusin bħala nies hekk imsejħa emarġinati. Wieħed jista' jsemmi kif sa ftit snin ilu, nies li kienu jbatu b'ċertu mard, bħal mard tal-lebbra u mard tas-sider, u anke nies li kienu jbatu b'xi diżabilita' kienu l-iktar nies li kienu jipprovaw jiġu moħbija u ma jitħallewx jidhru għax kienu meqjusin bħala xi għajb għall-familja tagħhom. Permezz tal-kura li matul iż-żmien ix-xjenza sabet għal dan il-mard li qed insemmi, illum il-ġurnata ftit insibu każi ta' mard fit-tul, u ħafna minnhom huma kurabbli. Għalhekk ħafna minn dawn in-nies illum huma integrati fis-soċjeta'. Sa ftit taż-żmien ilu, min kien ikollu persuna li tbati b'xi diżabilita', kemm mentali kif ukoll fiżika, kien iħalliha maqfula d-dar u ma jħallihiex toħroġ barra quddiem in-nies. Pero' llum, bl-edukazzjoni, anke permezz ta' diversi mezzi tal-media, ftit li xejn għadek tisma' li fis-soċjeta' Maltija hawn nies li jbatu b'diżabilita li qed jiġu maqfula ġewwa u ma jitħallewx jaraw id-dawl tax-xemx. Illum għandna ċentri u skejjel apposta għal dawn in-nies; fil-fatt issib li t-tfal li jkunu jbatu minn xi diżabilita' jkunu maħbubin kważi iktar mill-ulied l-oħra tal-familja li huma normali, biex ngħid hekk, jew għallinqas jiġu kkurati aktar mill-ġenituri tagħhom. Is-soċjeta' tal-lum tħares lejn dawn in-nies b'lenti kompletament differenti.
Illum, minbarra dawn in-nies li semmejt, hemm nies oħra li għandhom bżonn ta' ħafna għajnuna u li jistgħu jibdew jissejħu wkoll emarġinati. Nibda billi nsemmi l-mod kif nitkellmu fuq ċerti nies li jbatu b'ċertu mard - jekk nistgħu nsejħulu hekk - jew b'ċerta tip ta' psikoloġija, u qed nirreferi għall-omosesswali. Ħafna drabi ssib min jiddieħak jew jiżżuffjetta b'dawn in-nies u meta jarawhom fit-triq jittrattawhom bħallikieku għandhom xi diżabilita'. Imma għandna niftakru li dawn il-persuni qed jagħtu s-sehem tagħhom ukoll fis-soċjeta'. Għalhekk hemm bżonn li nedukaw lis-soċjeta' kollha Maltija biex taċċetta lil dawn it-tip ta' nies, għax inkella dawn ukoll jistgħu jaslu fi stadju bħalma kienu dawk li qabel konna ngħidulhom emarġinati, dawk li kienu jbatu b'xi diżabilita' jew b'ċertu mard.
Hemm nies oħra li qed jiltaqgħu ma' diversi problemi u li saħansitra qed jiġu mwarrba anke mill-familji tagħhom fl-iktar mument li jkollhom bżonn l-għajnuna. Hawn qed nirreferi għan-nisa msawta, għal dawk il-persuni li qegħdin fi stadju ta' separazzjoni - jew li huma separati - għas-single parents u għal każi fejn iċ-ċirkostanzi jkunu wasslu lill-koppja għall-annullament, jew imorru jfittxu post ieħor f'xi pajjiż barra minn Malta biex jieħdu d-divorzju. Illum-il ġurnata hawn post wieħed biss f'Malta - u dan huwa tal-Knisja - li jaċċetta fi ħdanu lin-nisa msawta li jitilqu minn darhom u li ħafna drabi jġorru magħhom lit-tfal tagħhom. Dan il-post m'huwiex kbir biżżejjed għall-problemi li jeżistu llum. Ħafna nisa msawta qed ikollhom jibqgħu fi djarhom għall-ħniena ta' żewġhom jew ta' xi burdata li jista' jkollu li konsegwenza tagħha jistgħu jaqilgħu xi xebgħa oħra jew inkella jipprovaw isibu nies oħra li lesti jieħdu ħsiebhom. Forsi minħabba l-mentalita' li għadha ma daħlitx f'pajjiżna fejn wieħed irid jaċċetta l-fatt li dawn il-problemi verament jeżistu, qed jiġri li ħafna drabi meta mara tasal biex titlaq minn darha minħabba s-swat ta' żewġha li jkun ilu għaddej għal żmien twil tal-familja tagħha lanqas biss ikunu jafu bil-problema. U din il-mara tipprova taħbi l-problema mill-familja tagħha biex ma jinqalax iktar inkwiet u mbagħad l-ikbar qatgħa li jieħdu tal-familja tkun meta jsiru jafu li ż-żwieġ wasal biex jitkisser.
Hawnhekk niġu għall-problemi li jiltaqgħu magħhom dawk l-irġiel u n-nisa li jkunu waslu biex jieħdu separazzjoni. Ħadd ma jasal biex jissepara għall-gost u pjaċir tiegħu, pero' ħafna drabi s-sitwazzjoni tant tkun ħadet fit-tul li jaslu biex jiddeċiedu li jisseparaw. Jien persważ li ħadd ma jasal biex ikisser iż-żwieġ tiegħu għall-gost u dan ifisser li bilfors li jkun hemm xi ħaġa li tkun waslithom biex jiddeċiedu li jisseparaw. Pero' minħabba s-soċjeta' ta' madwarna jew minħabba l-ġirien, dawn in-nies li jkunu waslu biex jisseparaw jew li jkollhom każ ta' annullament ma jsibux is-support neċessarju tal-ġenituri jew tal-familjari tagħhom b'konsegwenza li s-sitwazzjoni tista' ssir ferm agħar milli fil-fatt huma stess ikunu jixtiequ. Bħalma semmejt fil-każ tan-nisa msawta li qed isibu għajnuna min-naħa tal-Knisja li toffrilhom saqaf fejn ikunu jistgħu jorqdu flimkien ma' uliedhom, għandna diversi istituzzjonijiet oħra li jipprovaw jirranġaw każi li jkunu waslu fi stadju ta' separazzjoni jew ta' annullament.
Pero' l-ikbar sfortuna li għandna hija li daparti tiegħu l-Gvern m'huwiex qed jagħmel dak kollu li huwa neċessarju rigward in-nisa msawwta li m'għandhomx post adegwat fejn imorru. Il-post li l-Knisja għandha f'Ħal Balzan huwa żgħir wisq meta komparat mal-problema eżistenti. Hemm bżonn li l-Gvern jidħol ħalli jgħin f'din il-problema bħalma wieħed jippretendi li jkun hemm għajnuna, saħansitra mill-Gvern, f'każi meta familji li jkunu waslu fi stadju ta' separazzjoni - speċjalment minħabba l-problemi finanzjarji li jiltaqgħu magħhom l-iżjed fil-bidu tas-separazzjoni - jara li jipprovdilhom saqaf fejn joqogħdu. Ta' min ifakkar li llum il-kirjiet m'humiex ta' ftit liri għax biex issib post li tista' tgħidlu deċenti bilfors li trid tonfoq Lm60 jew Lm80 fix-xahar. Mr Speaker, kif jista' jkun li persuna li tkun għadha kif ħarġet minn dawk il-battikati u battalji kollha - tkun diġa' iddemoralizzata psikoloġikament bi problemi finanzjarji - tiffaċċja dawn l-ewwel problemi? Hawnhekk wieħed irid isemmi l-każi tas-single parents.
Daparti tiegħi, bħala kelliemi ewlieni tal-familja, nista' ngħid li l-opinjoni tiegħi u tal-maġġorparti tal-Membri ta' din in-naħa - biex ma ngħidx ta' kulħadd - hija li ma naqblux ma' l-abort. Meta l-Prim Ministru kien qed jitkellem semma li hawn 80 pajjiż li għandhom il-VAT u qal kemm huma tajbin u għalhekk din it-taxxa żgur li hija ġusta u qal li fl-Ewropa l-kunsilli lokali qed jipprovaw jidħlu f'din il-kummissjoni li qed tipprova tinħoloq u allura l-Prim Ministru beda jinsisti li żgur li qegħdin fit-triq it-tajba. Jien, bħala passing comment, għidtlu li allura la pajjiżi żviluppati tista' tgħid li kollha għandhom il-liġi ta' l-abort, allura beħsiebu li jdaħħal il-liġi ta' l-abort hawn Malta - skond hu u bl-istess loġika li uża hu, din allura hija xi liġi ġusta? Jien nista' ngħid li din in-naħa ma taqbilx mal-liġi ta' l-abort, biss min-naħa l-oħra rridu nkunu ta' support għal dawk is-single parents meta jsibu ruħhom f'sitwazzjoni li forsi m'hijiex aċċettabli mis-soċjeta' Maltija minħabba ċ-ċokon tagħna peress li kulħadd jaf lil kulħadd u ma tistax tmur minn raħal għal ieħor li jkun mijiet ta' mili 'l bogħod għax xorta nibqgħu fiċ-ċokon ta' Malta.
Mr Speaker, ma rridux ninsew il-problema li rridu niltaqgħu magħha llum fis-soċjeta' Maltija, dik ta' persuni li jbatu bil-marda ta' l-AIDS. Fil-bidu tad-diskors tiegħi semmejt il-każi meta fl-antik kienu jbatu bil-mard tal-lebbra u tas-sider li grazzi għall-gvernijiet Laburisti tas-snin 50 kienu ġabu esperti minn barra biex jikkurawhom. S'issa għad m'hemm l-ebda kura għall-marda ta' l-AIDS u huwa mportanti li nedukaw lill-poplu dwar il-prevenzjonijiet li jrid jieħu mingħajr ma nagħmlu għamad ta' x'jgħid xi korp jew xi parti oħra mis-soċjeta fuq xi prevenzjonijiet li għandhom jintużaw. GĦandna nitkellmu b'mod miftuħ biex nedukaw lill-poplu fuq il-prevenzjoni minn din il-marda, imma fl-istess waqt irridu wkoll nuru ħniena ma' dawk li sabu ruħhom imċappsin b'din il-marda, li wħud minnhom lanqas hu tort tagħhom imma kien kawża ta' xi transfużjoni tad-demm jew inkella minħabba xi kuntatt ieħor bħalma hu dak tat-tobba, nurses u nies mediċi li fix-xogħol tagħhom ikollhom kuntatt ma' ħafna nies. Hemm ukoll nies, bħalma huma l-pulizija u s-suldati, li jipprovaw imorru jagħtu l-għajnuna tagħhom u intortament jiġu f'kuntatt ma' każi simili u jsibu ruħhom b'din il-marda.
Mr Speaker, hemm bżonn li fis-soċjeta Maltija jkun hemm iktar edukazzjoni u awareness tal-problemi eżistenti u ma nipprovawx naħarbu minnhom. Hemm bżonn li l-Gvern jagħmel iktar il-parti tiegħu ħalli dawn in-nies emarġinati - nistgħu nsejħulhom hekk - li qed jiġu mħarsa b'lenti kerha min-naħa tas-soċjeta', jingħataw l-għajnuna kollha neċessarja biex għallinqas ikollhom l-għajnuna psikoloġika li wieħed ikun jista' jingħata għall-problema li jkunu sabu ruħhom fiha. Grazzi.
MR SPEAKER: Grazzi. Aktar rimarki? L-Onor. Noel Farrugia.
ONOR. NOEL FARRUGIA: Mr Speaker, kienu diversi dawk l-okkażjonijiet fejn is-Sedja talbet biex fil-ħin tal-mistoqsijiet ma nagħmlux statements. Nifhem u ninsab konxju li dan huwa skond il-proċeduri tal-Kamra, iżda huwa mportanti wkoll li l-ministri u s-segretarji parlamentari tal-Gvern jirrealizzaw il-fatt għaliex f'ħafna ċirkostanzi, aħna ta' l-Oppożizzjoni qed nispiċċaw nikkummentaw b'dan il-mod. Biex niftiehem aħjar, se nirreferi għal xi parliamentary questions biex kemm il-Sedja u l-press ikunu nformati aħjar dwar ir-realta' li dwarha qed nipprova nitkellem illejla.
Nirreferi, per eżempju, għall-mistoqsija 16479 li saret lill-Ministru ta' l-Intern u Żvilupp Soċjali fit-28 ta' Frar, fejn staqsejtu:
"Jista' l-Ministru jgħid x'ġara mill-fondi tal-widows and orphans li kienu jinġabru mill-membri tal-Korp tal-Pulizija?"
Fost affarijiet oħra, il-Ministru rrisponda:
"Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi l-mistoqsija lill-Ministru tal-Finanzi."
Jien hekk għamilt, bil-mistoqsija numru 16988 fl-14 ta' Marzu u l-Ministru Dalli din id-darba qalli:
"Nissuġġerixxi lill-Onor. Interpellant ipoġġi l-mistoqsija tiegħu lill-Ministru ta' l-Intern u Żvilupp Soċjali."
Fil-mistoqsija numru 17729, lill-Ministru Hyzler responsabbli mis-sigurta' soċjali, għamiltlu diversi referenzi u osservazzjonijiet dwar il-ħteġijiet li r-residenti ta' l-Imtarfa jridu jkunu nformati dwarhom, u fost oħrjan staqsejtu dwar id-dry areas li jridu jinxtraw mis-sidien biex dawn ikollhom aċċess privat għalihom meta dawn jifformaw parti mill-appartamenti li diġa' nxtraw jew inkrew. Fil-mistoqsija jien għidt ukoll li wara ftit xhur li r-residenti l-ġodda kien ilhom joqogħdu f'dawn l-appartamenti rriżultaw ħafna problemi fl-istruttura tal-bini, fil-madum ta' l-art, fit-twieqi ta' l-aluminium, lifts jixxukkjaw u diversi problemi oħra. I l-Ministru kien irrisponda:
"Il-proġett ta' l-Imtarfa miexi skond kif inhu ppjanat."
GĦal mistoqsija oħra f'ċirkostanzi differenti iżda dwar l-Imtarfa, il-mistoqsija numru 17725 li saret fis-seduta nru. 261, ġejt imwieġeb bl-istess mod, jiġifieri "Il-proġett ta' l-Imtarfa miexi skond il-pjan.".
GĦalhekk irrid niġbed l-attenzjoni tiegħek, Mr Speker, u tan-naħa tal-Gvern sabiex jirrispettaw l-interventi li aħna l-Membri ta' l-Oppożizzjoni nagħmlu f'isem iċ-ċittadini u ma jkomplux jaġixxu b'dawn il-manjieri hekk ta' disprezz lejn iċ-ċittadini ta' pajjiżna. GĦaliex finalment, Mr Speaker, għalkemm forsi wieħed dejjem ipoġġi quddiem għajnejh id-differenza li teżisti bejn l-ideoloġiji taż-żewġ naħat tal-Kamra, hawnhekk aħna għandna valur fina nfusna. Aħna rridu nkunu leali u rridu nagħmlu lil din il-Kamra komunikattiva ma' kull livell tas-soċjeta' tagħna u għalkemm jien m'inix xi wieħed minn dawk il-filosfi u m'inix xi wieħed daqstant magħruf fil-ħajja pubblika tiegħi, jien ċittadin leali lejn iċ-ċittadin u lejn dmirijieti f'din il-Kamra. Għaldaqstant nippretendi u nittama li nuqqasijiet bħal dawn ma jkomplux.
Ngħaddi issa sa biex nitkellem dwar xi oqsma oħra li nħoss li għandi nirreferi għalihom. B'diversi risposti li jingħataw f'din il-Kamra, wieħed illum huwa nfurmat biżżejjed u aħjar dwar kemm id-dħul tal-Gvern miż-żjarat fil-mużewijiet u postijiet storiċi huwa aktar inkorraġġanti, pero' meta wieħed jinnota kif inhuma miżmuma wħud mill-mużewijiet u nħawi storiċi f'pajjiżna, isib li dawn jinsabu fi stat li ma jitwemminx. U biex jara dan nistieden lill-Ministru konċernat sabiex iżur il-katakombi ta' Daħlet id-Dejr fir-Rabat u Għar il-Kbir fil-Buskett. Qed ngħid dan għaliex minkejja l-ilmenti li jressqu r-residenti, inkluż interpellanzi tiegħi fil-Parlament, l-awtoritajiet mhumiex jagħtu kas ta' l-istat li dan il-wirt storiku jinsab fih u dan minkejja li dawn huma postijiet li jagħmlu parti mill-istorja ta' pajjiżna u li jattiraw eluf ta' turisti. B'detriment ta' dan qed ukoll jitilfu mill-valur storiku tagħhom. Għalhekk jiena nħoss li wasal iż-żmien li mill-kliem ngħaddu għall-fatti u dan ukoll fid-dawl li llum f'dinja moderna l-poplu qed ikun aktar konxju tal-bżonn li nħarsu dawn il-fdalijiet f'Malta u GĦawdex.
Xtaqt hawnhekk nagħmel referenza għat-turiżmu. Kienet sinifikanti għal pajjiżna l-aħħar aħbar li matul l-ewwel xhur tas-sena t-turiżmu żdied b'20% meta paragunat ma' l-ewwel xhur tas-sena l-oħra. Iżda meta tisma' b'din iż-żieda imbagħad tiffrekwenta San Pawl il-Baħar, il-Qawra, Buġibba u x-Xemxija u tosserva n-nuqqasijiet kbar u l-inkonvenjenzi lit-turisti, li issa qabżu l-figura ta' miljun. Għalhekk wasal iż-żmien li n-naħa ta' fuq ta' Malta ma jkomplix jiġi traskurat. Jenħtieġ li din l-Amministrazzjoni taġġorna l-politika tagħha serjament għaliex illum ferm aktar minn qatt qabel l-ekonomija tagħna qed tiddependi minn dan is-settur. Inħoss li għandi nitlob lill-Ministru għall-Ambjent - u hawn se nġib xi eżempji ta' xogħlijiet li jeħtieġ li jsiru - sabiex jirrimedja b'xogħlijiet ta' manutenzjoni fit-toroq u bankini, dwal u ġbir ta' skart u jżomm iktar indafa u jagħmel manutenzjoni oħra f'dawn il-lokalitajiet. Inżid ngħid ukoll li hemm bżonn li titnaddaf regolarment l-alka tal-bajja tax-Xemxija li qiegħda toħloq impatt ikrah u ttellef l-armonija ta' dawn l-inħawi. Hemm bżonn ukoll ta' latrina pubblika fil-bajja tal-Ġnejna. Nixtieq nitlob ukoll lill-Ministru għall-Ambjent sabiex ifittex jikkontrolla l-periklu li jeżisti f'diversi toroq f'dawn il-lokalitajiet, partikolarment fejn ikun hemm bini li għadu qed jinbena. Dan qed ngħidu għaliex jirriżultaw ċirkostanzi fejn hemm plots imħaffra u bini li qed jiġi żviluppat li kontinwament qed joħloq sitwazzjonijiet perikolużi. Jien nifhem li wieħed ma għandux jiskoraġġixxi li jitwettaq l-iżvilupp f'dawn l-inħawi, imma fl-istess ħin hu mportanti li tiġi rispettata d-dinjita' taċ-ċittadin u tat-turist. GĦalhekk hu mportanti li l-awtoritajiet konċernati jassumu r-responsabilita' li jistħarrġu x'miżuri jistgħu jittieħdu biex ikun hemm kontroll aħjar fejn hemm dawn is-sitwazzjonijiet. Dan qed ngħidu bl-għan li matul dan is-sajf jiġu evitati inċidenti fatali li jistgħu jiġru faċilment.
Wara li għidt dan kollu, nixtieq nitkellem ftit dwar żewġ punti oħra, rigward il-politika li dejjem nisimgħu dwar id-djar ta' l-anzjani. Minkejja dak kollu li ntqal dwar l-iżvilupp ta' djar ta' l-anzjani ġewwa r-Rabat u l-Mellieħa, kollox baqa' sieket u mistur. Minkejja li m'hemmx problema ta' l-art, dawn iż-żewġt ibliet fin-naħa ta' fuq ta' Malta għadhom jittamaw li xi darba għad ikollhom id-dar ta' l-anzjani tagħhom. Dan għaliex matul dawn l-aħħar seba' snin ma kienx hemm l-opportunita' li f'waħda minn dawn il-lokalitajiet il-Gvern jiżviluppa verament din l-aċċessibilita' lill-anzjani Melliħin u Rabtin? Possibbli li għall-Gvern hi soluzzjoni li dawn id-djar jinbnew mill-privat biss? Possibbli li l-Gvern m'hux qed jirrealizza li f'dawn l-ibliet, id-djar għall-anzjani jkunu ta' servizz anke għall-irħula ta' madwarhom? GĦaldaqstant nistaqsi lill-Ministru responsabbli mill-kura ta' l-anzjani biex jispjegali għaliex matul dawn l-aħħar snin, l-iżviluppi fuq id-djar ta' l-anzjani tal-Mellieħa u r-Rabat tħallew abbandunati. Nistaqsi lill-Ministru wkoll huwiex minnhom l-għajdut li fir-Rabat il-Gvern xtara proprjeta' privata biex tiġi żviluppata dar għall-anzjani Rabtin.
Mr Speaker, fil-ftit sekondi li baqa' nixtieq nerġa' ninsisti mal-Ministru għas-Sigurta' Soċjali sabiex jirrispetta l-mistoqsija li saritlu

Nru. 17,729. Ir-residenti ta' l-Imtarfa għadhom sal-lum jistennew mingħand il-Ministru Hyzler risposta biex ikunu jafu dwar id-dry areas, li filwaqt jridu jintużaw mis-sidien kollha huma jifformaw parti mill-appartamenti li xtraw jew li krew ċittadini partikolari.


Biex nagħlaq fuq dan il-punt irrid ngħid illi li qed jiġri huwa li għandek erba' appartamenti u għandek żewġ dry areas. Xi ħadd iddeċieda li dawn iż-żewġ dry areas għandhom jingħataw lil wieħed jew tnejn minn dawn is-sidien. Mela allura qed jiġri li filwaqt li f'xi blokk id-dry areas kienu aċċessibbli għal kulħadd, illum inħolqot sitwazzjoni fejn tnejn se jkunu preferuti u tnejn oħra se jispiċċaw mingħajr aċċess għall-użu ta' dawn id-dry areas. Dan jirrifletti dak li dejjem sostniet l-Oppożizzjoni fil-kwadru ta' kemm mhux veru huwa organizzat il-proġett ta' belt ġdid. Aħna nippretendu li f'ċirkostanzi bħal dawn fejn ir-residenti ġew mitluba prezzijiet għoljin għar-residenza ġdida li ġew allokati, dawn għandhom jkunu provduti allokazzjoni li veru hija meħtieġa għall-familja. U għaldaqstant intenni lill-Ministru Hyzler biex jagħti risposta immedjatament għal din il-mistoqsija. Grazzi.
MR SPEAKER: Grazzi. Sar il-ħin.
Il-Kamra hija aġġornata għal nhar l-Erbgħa, 18 ta' Mejju, 1994 fis-6.00 p.m. bl-agenda kif komunikata mill-Viċi Prim Ministru.
Fid-9.30 p.m. l-Kamra aġġornata mingħajr ma saret il-mistoqsija


Yüklə 363,65 Kb.

Dostları ilə paylaş:
1   2   3   4   5   6




Verilənlər bazası müəlliflik hüququ ilə müdafiə olunur ©muhaz.org 2022
rəhbərliyinə müraciət

    Ana səhifə