Dibattiti tal-kamra tad-deputati


MR SPEAKER: Grazzi. Aktar rimarki? L-Onor. Anġlu Farrugia. ONOR. ANĠLU FARRUGIA



Yüklə 434,86 Kb.
səhifə3/7
tarix30.07.2018
ölçüsü434,86 Kb.
1   2   3   4   5   6   7

MR SPEAKER: Grazzi. Aktar rimarki? L-Onor. Anġlu Farrugia.
ONOR. ANĠLU FARRUGIA: Sur President, smajt b’attenzjoni l-introduzzjoni li għamel il-ministru fuq dan l-abbozz ta’ liġi, u ħadt pjaċir li għamel riferenza għax-xogħol li sar meta dan l-abbozz ta’ liġi ġie ppreżentat fl-2003. Dak iż-żmien l-oppożizzjoni kienet tat il-kontribut kollu tagħha u konna qbilna li dan l-abbozz ta’ liġi għandu jidħol fis-seħħ. Niftakar li konna tajna parteċipazzjoni qawwija anke fl-istadju ta’ kumitat, fejn kif qal tajjeb il-ministru, aħna konna lħaqna għaddejna mal-50 klawsola minn din il-liġi. Kienet diskussjoni intensiva u niftakar li l-aħħar kumitat kien ġie ppresedut mill-Onor. Carmelo Mifsud Bonniċi, li dak iż-żmien kien segretarju parlamentari. Dan l-abbozz ta’ liġi se jiġbor fih ir-reġistrazzjoni mhux biss ta’ dak li tradizzjonalment aħna dejjem għamilna, jiġifieri r-reġistrazzjoni ta’ l-art jew inkella l-insinwa ta’ proprjeta` immobbli, imma se ndaħħlu reġistrazzjonijiet oħra li, fid-dinja tal-lum, huma importanti li jidħlu ukoll.
U allura, Sur President, għandu jkun hemm ir-reġistrazzjoni anke tal-persuni u ta’ affarijiet oħra relatati mal-persuni. Per eżempju, f’dan l-abbozz ta’ liġi daħħalna wkoll il-kwestjoni tat-trustee li hija xi ħaġa li fil-liġijiet tradizzjonali tagħna kien għadu ma kellniex dan il-kunċett. Min-naħa ta’ l-oppożizzjoni qegħdin ngħidu ċar u tond li naqblu ma’ dan l-abbozz ta’ liġi. Għalhekk il-kummenti tagħna, jew inkella l-kritika tagħna, se tkun biss limitata għal dak li forsi jista’ itejjeb dak li diġaċ sar, u dan se nkunu nistgħu nagħmluh fl-istadju ta’ kumitat. Naħseb li din hija l-ewwel darba li se jkollna reġistrazzjoni li se tolqot ukoll il-persuna, għax ir-reġistrazzjonijiet dejjem kienu marbutin ma’ l-immobbli, jiġifieri ma’ l-art jew inkella mad-drittijiet li joħorġu mill-immobbli. Per eżempju, għandek ir-reġistrazzjoni tal-kirjiet li s’issa qatt ma kellna bħalhom. 
F’dan l-abbozz ta’ liġi hemm indikat fost leġislazzjonijiet oħra l-kirjiet jew inkella l-konvenji, li m’huwiex leġislazzjoni tal-konvenju għax persuna daħlet f’konvenju imma reġistrazzjoni ta’ konvenju għall-finijiet ta’ reġistrazzjoni ċentrali. Anke hawnhekk wieħed irid jidħol fl-ispjegazzjoni tagħha. Issa qabel ma nkompli fuq dan l-abbozz ta’ liġi nixtieq nagħmel osservazzjoni dwar punti innovattivi. Hawnhekk għandek id-definizzjoni tad-databank u d-definizzjoni tad-database, fejn jidher li għall-ewwel darba wieħed jista’ jitfa’ informazzjoni fid-database u li sussegwentement imbagħad ikun hemm id-databank. B’hekk wieħed ikun jista’ jidħol u jfittex l-informazzjoni li jixtieq, u sakemm ma jużax dik l-informazzjoni għal skopijiet ħżiena, mhux se jkun qiegħed jinterferi fil-liġi partikolari tad-data protection. Fi ftit kliem, l-informazzjoni miġbura hemmhekk se tkun miftuħa għall-pubbliku, u tkun responsabbli fil-konfront tad-data protection jekk dik l-informazzjoni tużaha għal skopijiet li ma jkunux ġenwini. Din hija xi ħaġa li rrid nidħol fiha wkoll.
Issa kif għedt fil-bidu, meta l-abbozz ta’ liġi kien qiegħed jiġi diskuss, aħna tajna l-kontribut tagħna. Dan l-abbozz ta’ liġi wieħed jista’ jaqsmu. Per eżempju, għandek parti fejn hemm ir-reġistrazzjoni ċentrali li tinkludi fiha l-arkivji tar-reġistru. Hawnhekk qed nifhem li l-arkivji se jidħlu wkoll fid-databank tar-reġistru, għax jekk dawn ma ddaħħalhomx fid-databank tkun qiegħed awtomatikament tiżganċa parti kbira minn dak li diġa` ġie arkivjat. Dan kollu mbagħad iwassalna għad-database komuni. Daħħalna wkoll konċett ġdid. F’każ li jkun hemm problema fuq ir-reġistrazzjoni se jkun hemm tribunal partikolari li jkun jista’ jiddeċiedi l-effett tar-reġistrazzjoni. L-aktar ħaġa li laqtitni hija li jista’ jkun li dan it-tribunal tar-reġistru ċentrali, li huwa ndikat f’dan l-abbozz ta’ liġi permezz tal-klawsola 68, meta jkun hemm riżoluzzjoni ta’ konflitti, peress li riċentement għaddejna l-abbozz ta’ liġi li llum sar liġi imma ma kienx daħal kollu - hawnhekk qiegħed nirriferi għall-Kapitolu 490 dwar it-twaqqif ta’ tribunal ċentrali - huwiex il-każ li dan it-tribunal ġdid tar-reġistru ċentrali jaqa’ taħt il-kappa tat-tribunal ċentrali li joħroġ mill-Kapitolu 490. Għaliex qed ngħid hekk?
Sur President, qabel ma spiċċajna l-aħħar leġislatura konna pprovajna nitfgħu t-tribunali kollha taħt it-tribunal ċentrali ħalli ma jkunx hemm ħafna tribunali mxerrdin ‘l hawn u ‘l hemm. U konna għedna li dawn jiġu miġbura fi tribunal ċentrali wieħed. Issa f’dan l-abbozz ta’ liġi qegħdin noħolqu tribunal ieħor li huwa t-tribunal għar-reġistru ċentrali. Qiegħed ngħid dan f’każ li jkun hemm xi konflitt ta’ reġistrazzjoni jew differenza bejn żewġ reġistrazzjonijiet, jew f’każ li r-reġistratur jista’ jkun qed jirrifjuta applikazzjoni għar-reġistrazzjoni ta’ titolu garantit u li allura wieħed ikun irid imur quddiem dan it-tribunal. Naħseb li meta niġu biex niddiskutu fil-fond il-klawsoli f’dan l-abbozz ta’ liġi, irridu naraw li jekk it-tribunal ċentrali taħt il-Kapitolu 490 jiġi in vigore, awtomatikament dan it-tribunal jispiċċa u dak li jkun ikollu jmur quddiem it-tribunal ċentrali.
L-unika problema li qed nara hija li t-tribunal ċentrali taħt il-Kapitolu 490 m’għandux il-poter li jista’ jitlob opinjoni mill-prim`awla għax jiddeċiedi t-tribunal ċentrali. F’każ li ma taqbilx mad-deċiżjoni tiegħu, tista’ tmur quddiem il-qorti ta’ l-appell. F’dan il-każ hawn il-proċedura fejn kull parti għas-smigħ quddiem dan it-tribunal, jew terzi nteressati, jekk ma jaqblux mad-deċiżjoni mogħtija mit-tribunal, jistgħu jitolbu opinjoni li tiġi diterminata mill-prim`awla tal-qorti ċivili permezz ta’ rikors. Din hija proċedura innovattiva, u naħseb li l-Ministru Gatt jaf għal liema proċedura qiegħed nirriferi, għax ladarba se mmorru lejn id-direzzjoni fejn kemm jista’ jkun ma jkollniex tribunali mxerrdin, jekk se noħolqu special procedure li m’hijiex fil-proċeduri l-oħra tat-tribunal, allura rridu naħsbu għaliha meta niġu biex inħaddmu dan it-tribunal.
Jiena qiegħed nipprova nara wkoll xi tkun il-problema f’każ li jkun hemm konflitt dwar dak li diġa` ġie reġistrat u dwar dak li qed jidħol fid-database. F’dan l-abbozz ta’ liġi qiegħed jidħol ukoll il-konċett tal-medjazzjoni, pero` m’huwiex dejjem ċar meta l-medjatur jista’ jiġi mitlub li jiddeċiedi konflitt. Klawsola 9, fost affarijiet oħra, titkellem fuq meta jkun hemm xi diskrepanza bejn ir-record miżmum mill-arkivji u dak miżmum mid-database tar-reġistru ċentrali. F’dan il-każ għandu jipprevali r-record miżmum fl-arkivji sakemm ma tinġiebx prova xort`oħra. Issa x’jiġri meta jkun hemm xi ċirkostanzi partikolari fejn anke mill-istess records jista’ jkun hemm problema ta’ kjarezza? Naħseb li jkun tajjeb li wieħed jaħseb ftit fuqha din.
Klawsola 12 titkellem fuq l-indiċi fejn qiegħed jingħad li dawn għandhom ikunu aċċessibbli għall-kumitat ta’ superviżjoni. Issa għalkemm il-kumitat ta’ superviżjoni qiegħed jissemma hawnhekk, dan jissemma biss fid-definizzjonijiet. U dan jeħodna wkoll għall-Kapitolu 110 dwar il-Professjoni Nutarili u Arkivji Notarili. Għaldaqstant, naħseb li jkun importanti li ladarba qegħdin nagħmlu riferenza għal kumitat tas-superviżjoni, tidħol ukoll il-funzjoni ta’ dan il-kumitat f’dan l-abbozz ta’ liġi. Dan qed ngħidu peress li l-indiċi jistrieħ fuq ir-riċerki u r-rapporti, filwaqt li klawsola 13 titkellem fuq ir-reġistratur ġenerali, u tgħid li dan għandu jipproduċi jew jikkompila rapporti, ċertifikati, estratti, riċerki u kull dokument ieħor. Mela dawn jikkomplementaw dak ix-xogħol fir-reġistrazzjoni dwar l-indiċi, u allura naħseb li għandha tiġi spjegata aħjar kif se tkun il-proċedura.
Sur President, fid-diskors tiegħi diġa` għamilt riferenza għad-data protection meta tkellimt fuq il-common database. Klawsola 21 titkellem fuq dan il-common database, fejn qed jingħad li din hija repożitorju ċentrali għall-informazzjoni tal-gvern fuq il-persuni, indirizzi u organizzazzjonijiet oħra, inkluż ir-relazzjonijiet bejn is-suġġetti, li għandha tkun parti mir-reġistru. Klawsola 23 tgħid li kull min jaċċessa r-reġistru taħt pretensjonijiet foloz - jiġifieri xi ħadd jgħid li jismu mod imma dan ma jkunx minnu - ikun qed jikser il-buona fede ta’ din il-proċedura. Dak li jkun jista’ ukoll jagħmel użu ħażin jew jabbuża mill-informazzjoni provduta lilu. Hawnhekk qed ngħidu li min jagħmel hekk ikun qiegħed iwettaq reat. Issa nifhem li r-reat huwa dak li jaqa’ taħt id-data protection. Fi kliem ieħor, qegħdin ngħidu li kull fejn jissemma reat, hija xi ħaġa awtomatika li dan jaqa’ taħt id-data protection sakemm ir-reat ma jkunx xi reat ieħor li jkun jaqa’ taħt xi liġi oħra bħal dik tal-liġi kriminali.  
Dan l-abbozz ta’ liġi jitratta wkoll il-proċedura, il-preżentazzjoni u r-reġistrazzjonijiet. Jidher li l-proċedura li se tibqa’ tintuża hija dik tradizzjonali fejn in-nutar idaħħal in-nota li tiġi ppreżentata u li toħroġ mill-att reġistrabbli. Din hija l-istess proċedura li se tibqa’ tintuża fil-preżentazzjoni ta’ l-atti. Qed ngħid hekk għax jekk wieħed iħares lejn klawsola 25 isib li meta att reġistrabbli joħroġ minn att notarili, in-nota relattiva għandha tiġi ppreżentata min-nutar li jkun ippubblika l-att fi żmien 15-il ġurnata mill-pubblikazzjoni ta’ l-att. Din hija l-istess proċedura li kellna qabel, pero` fil-każ ta’ sentenza jew digriet, in-nota tista’ tiġi preżentata fi żmien 30 ġurnata mid-data ta’ dik is-sentenza. Hawnhek qegħdin indaħħlu għall-ewwel darba b’dan l-att li mhux bilfors tidħol b’titolu eżekuttiv imma anke meta jkollok titolu reġistrabbli, per eżempju, fejn jidħlu affarijiet li għandhom x’jaqsmu mal-persuna. Naħseb li din hija importanti għax illum kull att ta’ reġistrazzjoni huwa informazzjoni.
Bħala oppożizzjoni naqblu ma’ dan l-att għax fid-dinja tal-lum tant hawn affarijiet li qabel lanqas konna noħolmu li din tista’ tkun xi tip ta’ informazzjoni li tista’ tiġi bżonnha. Imma l-fatt li tirreġistra ċerta informazzjoni tgħin ħafna kemm fl-aspett tar-riċerka u anke mill-aspett soċjali u ekonomiku. Fid-dinja mgħaġġla tal-lum huwa importanti li jkollok sistemi effiċjenti, u allura hawnhekk jidħol l-IT li jrid ikun verament robust peress li rridu ndaħħlu dik l-informazzjoni kollha fis-sistema. Min-naħa tiegħi nawgura li dan isir, u kont wieħed minn ta’ quddiem li, per eżempju, kont favur ir-reġistrazzjoni tas-sentenzi tal-qorti. Hawnhekk, kif qal il-ministru, kien hemm verament reżistenza minn ċerti avukati li donnhom riedu jżommu l-librerija ta’ l-arkivji għalihom. Madankollu din il-librerija llum hija aċċessibbli għal kulħadd u hija xi ħaġa pożittiva kemm għal min qed jipprattika kif ukoll għall-istudenti.
Illum tieħu pjaċir li tara klijenti jkellmuk fuq każ u jgħidulek li daħlu fis-sistema u li sabu t-tali sentenza li tgħodd għall-każ tagħhom. Fil-fatt ġieli jkunu l-klijenti stess li jagħtuk is-sentenza u ħafna drabi jkollhom raġun. Għalhekk din hija sistema li tagħti saħħa lill-poplu sabiex jimmatura aħjar. Illum l-informazzjoni hija poter miftuħ għal kulħadd u l-informazzjoni, meta tkun ġustifikata, bħalma għandna hawnhekk, tista’ tgħin lill-persuna sabiex tikber malajr. Punt li xtaqt nagħmel riferenza għalih huwa dwar il-ġurnal ta’ noti li jiġu reġistrati kuljum fid-database preskritt fi klawsola 27. F’din il-klawsola qiegħed jingħad li fl-għeluq ta’ kull ġurnata tax-xogħol, ir-reġistratur għandu jordna li tiġi stampata dik il-parti mill-ġurnal li jkun fiha elenku ta’ kull informazzjoni li tkun daħlet f’dik il-ġurnata partikolari fid-database tar-reġistru ċentrali skond ma jiġi preskritt. Min-naħa tiegħi xtaqt li jkollna spjegazzjoni aktar ċara fuq klawsola 27(2) fejn qed jingħad li l-ġurnal fil-verżjoni elettronika għandu jkun aċċessibbli biss għall-kumitat ta’ superviżjoni. (Interruzzjonijiet)
Imbagħad insibu klawsola oħra li tittratta l-jedd ta’ azzjoni f’każ ta’ reġistrazzjoni qabel. Hawnhekk qiegħed jingħad li jekk att reġistrabbli li jinħoloq wara d-dħul fis-seħħ ta’ dan l-att ma jkunx irreġistrat fid-database, u terza persuna tirreġistra fl-imsemmi database att reġistrabbli ieħor relatat ma’ l-istess att reġisttrabbli, kemm jekk dwar proprjeta` jew personali, il-benefiċjarju ta’ l-att reġistrabbli ta’ qabel għandu jċedi d-drittijiet kollha ta’ azzjoni kontra l-benefiċjarju ta’ l-att reġistrabbli ta’ l-aħħar. Il-ministru semma l-att reġistrabbli personali. Ovvjament hawnhekk qegħdin nitkellmu bejn wieħed u ieħor fuq dawk li dejjem kienu jiġu reġistrati, pero` jista’ jkollna każi fejn fit-tradizzjoni qatt ma kienu ġew reġistrati. Ovvjament dawk reġistrati huma s-civil status fejn qegħdin nitkellmu fuq att ta’ twelid, att ta’ żwieġ, att ta’ mewt, adozzjonijiet, leġittimazzjoni, filjazzjoni u tuturi, kuraturi eċċetra, kif ukoll it-tneħħija jew is-sostituzzjoni tagħhom.
Imma llum digriet mhux sempliċiment digriet tas-soltu mill-qorti imma qiegħed ikollna wkoll diversi digrieti relatati mal-persuna. Naħseb li fejn għandna r-reġistrazzjoni tad-digrieti kollha tal-qorti, speċjalment digrieti fejn qed ikollna ħafna kwestjonijiet relatati ma’ problemi familjari, ikun aħjar li digriet ikun reġistrabbli kemm fil-konfront ta’ terzi kif ukoll fil-konfront tal-persuna li tkun interessata fuq il-mod ta’ kif ħareġ dak id-digriet. Id-digrieti li joħorġu mill-qorti tal-familja, anke meta ma jkunx hemm il-kontenzjuż, il-qorti tista’ tagħti digriet. Naħseb li hawnhekk qegħdin ngħidu li l-att se jinkludi fih tip ta’ digrieti li l-istess qorti tagħti għax qed joħolqu ħafna problemi. Naħseb li r-reġistrazzjoni tagħhom, fiha nnifisha toħloq ċerta portata fejn dak id-digriet, sakemm ma jkunx hemm raġuni oħra għalfejn dak id-digriet għandu jinbidel, allura dak id-digriet is to stand minħabba l-effett tiegħu ta’ reġistrazzjoni.
Dan l-abbozz ta’ liġi jitkellem ukoll fuq l-atti reġistrabbli dwar proprjeta`. Il-kumment li xtaqt nagħmel huwa fuq dik il-parti li għandha x’taqsam mar-reġistrazzjoni tar-renta. Qiegħed nifhem sew li l-kirja tista’ tiġi reġistrata? Din hija l-mistoqsija min-naħa tagħna ta’ l-oppożizzjoni. Sal-lum il-kirjiet ma kenux reġistrabbli u allura hawnhekk issa qegħdin ngħidu li anke sempliċement kirja ta’ sena tista’ tiġi reġistrata? Issa jekk il-partijiet ikunu jaqblu fiha u ma fihiex, pero` ejjew ngħidu li l-partijiet ma jaqblux. Barra minn hekk, ejja ngħidu li jiena sid, tajt kirja ta’ appartament għal sena, u forsi jiġi mġedded għal sena oħra bil-kunsens tat-tnejn imma mingħajr ma ngħid lill-inkwilin jew forsi anke jekk l-inkwilin ma jaqbilx, jien niddeċiedi li nirreġistrah. Dan x’inhu l-effett tagħha? Kif qed naraha jien, din tista’ ssir fuq inizjattiva. Jien hekk qed neħodha, pero` dawn il-punti nista’ nqajjimhom fl-istadju tal-kumitat.
Imbagħad hemm ukoll il-kunċett, li għalija huwa innovattiv, tat-trustee. Jien diġa` semmejt fid-diskors tiegħi l-persuni li huma ntitolati sabiex ikunu propjetarji reġistabbli. Għall-ewwel darba issa se jkollna wkoll it-trustee li jista’ jirreġistra l-beni mobbli jew id-drittijiet li joħorġu mill-beni immobbli. L-artiklu 51 jgħid li fost il-persuni hemm il-persuna tat-trustee u anke wkoll il-kerrejja ta’ nies oħra li jgawdu d-drittijiet personali bħal, per eżempju, inkwilin li għandu dritt ta’ użu ta’ bejt jew għandu dritt ta’ użu ta’ passaġġ. Dwar dawn ġieli jinqalgħu kwistjonijiet kbar anke fost l-inkwilini dwar drittijiet ta’ liema huma l-common parts li jista’ juża inkwilin wieħed jew l-ieħor. Ġieli l-common parts ma jkunux komuni għal kulħadd; parti minnha tkun għal dak u parti għall-ieħor. Din tista’ tiġi reġistrata u allura nifhem li anke d-drittijiet li joħorġu mill-condominium jistgħu jiġu wkoll awtomatikament reġistrati, u din hija xi ħaġa li aħna naqblu magħha.
Sur President, din hija xi ħaġa posittiva għal pajjiżna li jkollok reġistrazzjoni kemm jista’ jkun ta’ informazzjoni relatata ma’ l-immobbli u ma’ persuni li b’xi mod għandhom xi drittijiet fuq mobbli u immobbli. Din tgħin ħafna lis-soċjetaċ speċjalment meta jsiru r-riċerki. Fil-fatt, l-interessi mmobbli reġistrabbli jinkludu kemm is-servizzi, jeddijiet u kirjiet li allura jinkludu wkoll l-ipoteki ġenerali. Xtaqt nagħmel daqsxejn pawsa fuq dan l-artiklu 60 fejn jidħlu l-konvenji. Hawn qed ngħidu li kull persuna li tkun għamlet konvenju mal-propjetarju rreġistrat tista’ tapplika mar-reġisratur sabiex jagħti avviż ta’ prijorita`. Il-fatt li s’issa l-proċedura qiegħda li min jagħmel konvenju jrid jirreġistrah għall-fini tar-reġistrazzjoni tal-konvenju u jħallas il-1%, hawnhekk qed nifhem li huwa another registration. Jiġifieri barra dak, għandek ir-reġistrazzjoni.
Mr. Speaker, hawnhekk issa wieħed irid joqgħod attent. Għandna ħafna kawżi fuq il-kwistjoni tal-konvenju fejn ikollok konvenju li jkun bi problemi minħabba l-mod kif inkiteb jew, per eżempju, meta ma jkunx hemm indikat il-perjodu meta għandu jiġi ppublikat l-att, imma jkun marbut ma’ xi kundizzjoni sakemm joħorġu l-permessi tal-planning authority, allura jiena ma nerqasx għall-kuntratt. Il-qrati tagħna diġa` taw deċiżjonijiet fuq dan il-punt fejn qalu li sakemm m’hemmx terminu allura l-perjodu tal-konvenju huwa tliet xhur. Kif qegħda hawnhekk wieħed jista’ jilgħab mar-reġistrazzjoni, li jmur jirreġistrah biex huwa jagħmel avviż ta’ prijorita`, meta fil-fatt, legalment ma jkolli l-prijorita` ta’ xejn. Il-każistika legali fil-qorti diġa` espermiet b’sentenzi deċiżi mill-appell li meta inti ma tagħmilx riferenza dwar kemm se tagħti żmien biex dan il-konvenju jibqa’ fis-seħħ, allura jaqa’ awtomatikament wara tliet xhur. Hawnhekk naħseb li din nistgħu nagħmlu riferenza għaliha peress li hemm problemi relatati u jista’ jkun li nkunu qed nibagħtu messaġġ ħażin jekk inħallu l-artiklu kif inhu.
Dwar il-kwistjoni ta’ reġistrazzjoni ta’ art pubblika, hawnhekk għandna l-perjodu meta l-gvern jista’ jirreġistra fi żmien tliet snin. Qed nagħmel riferenza għall-klawsola 65. Hemm diversi kawżi fil-qorti fejn art li l-gvern qed jgħid li hija tiegħu qed tiġi kontestata minn persuni privati fejn qed jgħidu li l-art hija tagħhom. X’se tkun il-pożizzjoni tal-gvern hemmhekk meta għandek art li għadha qed tiġi kontestata fil-qrati tagħna dwar jekk hijiex pubblika jew le? X’ se jkun it-terminu? It-terminu jibda jiskatta minn wara li jkun hemm is-sentenza finali jew inkella l-gvern jirrilaxxa just the same u mbagħad jirregola ruħu wara li jkun hemm is-sentenza finali? Qed inqajjem dan il-punt għax kif taf int, hemm diversi kawżi fejn l-art pubbllika jew hekk imsejħa l-art li l-gvern qed jgħid li hija pubblika qed tiġi kontestata.
Dwar il-medjazzjoni, din hija l-ewwel darba li qed niltaqgħu magħha fuq problema meta jkun hemm reġistrazzjoni ta’ art. Sal-lum qatt ma kellna l-kunċett tal-medjazzjoni. Jiena naraha bħala xi ħaġa pożittiva li meta jkun hemm konflitt bejn żewġ reġistrazzjonijiet u allura r-reġistratur ikun qed jirrifjuta l-applikazzjoni għal titolu garantit, ir-reġistratur jista’ fi żmien 30 ġurnata jsejjaħ laqgħa ta’ medjazzjoni għall-partijiet konċernati. F’dak il-każ meta tonqos il-medjazzjoni, jidħol it-tribunal li semmejna. Fuq dan jiena għandi domanda, Sur President. Jekk għandek tnejn min-nies li għandhom konflitt fuq il-kwistjoni ta’ reġistrazzjoni, jekk it-tnejn jaqblu li m’għandhomx imorru quddiem it-tribunal, x’se tkun il-pożizzjoni tagħhom? Ġeneralment jaċċettaw li jmorru quddiem medjazzjoni, pero` hawnhekk qed ngħidu li jekk din il-laqgħa ta’ medjazzjoni tonqos milli tirrisolvi l-konflitt, ir-reġistratur għandu jirreferi l-oġġett lit-tribunal.
Mela r-riferenza ssir mir-reġistratur. Jiġifieri hawnhekk jista’ jkollna sitwazzjoni fejn ikollok kawża, jew inkella sitwazzjoni, li qed tiġi trattata quddiem it-tribunal u żewġ persuni li huma suġġett ta’ dik li r-reġistratur ħa quddiem it-tribunal, jagħżlu triq oħra flok li jmorru quddiem it-tribunal, li huwa l-prim awla tal-qorti. Dan għax jista’ jkun li lill-persuni konċernati tinteresshom aktar sentenza mill-qrati tagħna milli dak li jkun talab ir-reġistratur fil-proċedura li qed nippreżentaw hawnhekk. Jien qed inqajjem din il-kwistjoni minħabba li hawnhekk għandna proċedura innovattiva għall-aħħar. Qatt ma kellna proċedura bħal din meta jkun hemm konflitt fuq reġistrazzjoni. Ġeneralment kull meta kien hemm konflitt, dan dejjem ġie deċiż mill-qrati tagħna. Dan qed ngħidu mingħajr preġudizzju għal dak li diġa` għedt dwar il-liġi dwar it-twaqqif ta’ reġistru, tribunal ċentrali.
Sur President, issa xtqat nagħmel riferenza għad-dispożizzjoni li semma l-Ministru dwar il-kwestjoni tat-toroq. Hawnhekk jidher li jista’ jkun li għandna problemi dwar ċerti toroq meta jgħaqqdu żewġ toroq eżistenti. Għandna wkoll problemi fejn jista’ jkollok sqaq jew triq li hija privata u li din tgħaqqad ukoll żewġ toroq eżistenti. Per eżempju, bħalissa qed inġib quddiem għajnejja Main Street il-Mosta fejn għandek ħafna sqaqien int u sejjer lejn l-Imġarr. Alley 1 u 2 jgħaqqdu wkoll triq min-naħa ta’ fuq. Jekk ikollok sitwazzjonijiet bħal din, sqaqien li jgħaqqdu it-toroq eżistenti, dawn se jiġu jitqiesu bħala toroq pubbliċi? Hawnhekk għandek titolu privat fejn qed jgħaqqad żewġ toroq u bl-effett tagħha se tiġi kkonsidrata bħala triq pubblika. L-Onor. Edwin Vassallo jaf għalfejn qed ngħid. Kull triq u sqaq, inkluż dawk li jgħaqqdu żewġ toroq eżistenti, imma mhux dawk li jwasslu għal xi żvilupp intern, għandhom għal kull għan jitqiesu li huma toroq pubbliċi.
Jien qed inqajjem din il-kwestjoni għax jista’ jkollok sitwazzjonijiet fejn min ikollu t-titolu privat ma jiġix kumpensat għal fatt li għandu t-titolu privat, imma b’effett ta’ din il-liġi se jispiċċa li t-titolu privat se jiġi wieħed pubbliku. Jiena naħseb li hawnhekk wieħed għandu jara l-effett ta’ dan kollu. Il-ħabib tiegħi l-Onor. Anton Refalo qed jgħid illi anke Għawdex hemm sitwazzjonijiet bħal dawk. Aħna qed nitkellmu fuq dik li jgħidulha triq viċinali, u li jiġri huwa li ma jkollokx l-esproprjazzjoni. Mela allura la m’għandekx l-esproprjazzjoni m’hemmx il-proċedura tal-kumpens, pero` b’effett tagħha qegħdin ngħidu li din tiġi pubblika. Hawnhekk irridu noqogħdu attenti għax anke fuq din il-kwestjoni hemm sentenzi mill-qrati tagħna li jgħidu li d-dritt privat m’għandux jiġi penalizzat għal ħaġa li fil-fatt baqagħlu t-titolu fuqha.
Sur President, fuq dan l-Abbozz jiena nista’ ngħid illi aħna, bħala oppożizzjoni, se nagħtu l-kontribut kollu tagħna kemm f’dan l-istadju kif ukoll fi stadju ta’ kumitat. Ovvjament hemm punti oħrajn li we have to brush them on biex inġibuh att illi jkun aktar b’saħħtu, speċjalment għall-ewwel darba fejn għandna ħafna reġistrazzjonijiet marbutin mal-persuna. Naħseb din hija l-ewwel darba li qed niftħu reġistrazzjonijiet anċillari marbutin mal-persuna nkluż ukoll assoċjazzjoni oħra ta’ persuni kif spjegajt inti fl-introduzzjoni tiegħek. Grazzi.
MR SPEAKER: Grazzi. Aktar rimarki? L-Onor. Jason Azzopardi.
ONOR. JASON AZZOPARDI: Sur President, din hija liġi b’ħafna vantaġġi. Hija liġi li qegħda tinkorpora l-vantaġġi li diġa` kien hemm fil-Land Registry Act, li permezz tagħha wkoll qegħdin nikkonsolidaw diversi bċejjeċ ta’ leġislazzjoni li jeżistu u li għandhom x’jaqsmu mal-ħidma li ssir fir-reġistru pubbliku kif ukoll dwar ir-reġistrazzjoni ta’ l-artijiet. B’din il-liġi se tiġi eliminata l-firda li teżisti bejn dawn iż-żewġ bċejjeċ ta’ leġislazzjoni. Hija wkoll liġi li hija in linea wkoll ma’ objettiv strateġiku li għandu l-gvern li jtejjeb is-servizzi li jagħti lill-pubbliku. Dan l-abbozz qiegħed jistabbilixxi sistema ta’ reġistrazzjoni ċentrali ta’ darba biss għal kull ħaġa li tirrigwarda kemm il-proprjeta’ kif ukoll l-istatus ċivili. Dan l-abbozz qiegħed jagħti wkoll il-bażi legali għall-funzjonijiet imwettqa mid-dipartiment ta’ reġistrazzjoni ċivili f’dik li hija reġistrazzjoni ta’ l-atti u database komuni amministrata mid-dipartiment.
Sur President, jiena semmejt il-Land Registry Act. Tajjeb illi wieħed jifhem ftit il-vantaġġi tal-liġi tar-reġistrazzjoni ta’ l-artijiet għar-rigward taċ-ċertezza u għall-kjarezza tat-titolu, u tajjeb wieħed jifhem u jixtarr il-benefiċċji li dik il-liġi ġabet fil-korp leġislattiv tagħna u li allura qegħda tiġi wkoll mgħoddija lil din il-liġi li qegħdin nippreżentaw illum. Fost oħrajn, se nelenka xi benefiċċji. L-ewwelnett jekk wieħed jagħmel spezzjoni tar-reġistru, dan se jkun qed jara fi qualsiasi żmien is-sitwazzjoni legali pertinenti fuq dik l-art. B’dan il-mod tkun qed tagħti sigurta` assoluta, kompluta u pożittiva kontra talbiet opposti li s-sistema preċedenti kienet tagħti minn żmien għal żmien.

Din is-sistema’ tagħti wkoll finalita`, jiġifieri qegħdin inneħħu l-eżaminazzjoni, il-provenjenza hekk famuża tat-titolu li ħafna drabi tkun imperfetta, laborjuża u tqum il-flus. It-tielet benefiċċju prinċipali huwa li l-possibbilta` ta’ litigazzjoni dwar it-titolu ta’ art tiġi minimizzata drastikament. Ir-raba’ nkunu qegħdin nagħtu protezzjoni kompluta lil dawk il-persuni li għandhom servitujiet bħal, per eżempju, id-dritt tal-passaġġ. Il-ħames, inkunu qegħdin nagħtu sigurta` assoluta lill-kredituri għax il-kredituri li jkunu jridu jsellfu l-flus u jkollhom, bħala garanzija mogħtija lilhom l-art, ikollhom moħħhom mistrieħ li dik l-art effettivament hija tad-debitur u mhux ta’ xi terza persuna. Meta ngħid “inkunu qegħdin nagħtu” sigurta` qed infisser li tajna diġa`, għax il-Land Registry Act daħal ftit tas-snin ilu, pero` qiegħed inkorporat f’din il-liġi, u allura tajjeb li nenfasizzawhom ukoll dawn il-benefiċċji.


Is-sitta benefiċċju hu li anke l-amministrazzjoni tas-servizz pubbliku u anke tal-ħidma governattiva li għandha x’taqsam ma’ l-art u ma’ l-artijiet se tkun qed tiġi mgħejjuna mhux ftit fix-xogħol tagħha meta għandek up-to-date record. Din il-mappa li hija up-to-date ma tistax tattakkaha, ma tistax tmeriha, u allura għandek record tal-proprjeta` reġistrata fil-pajjiż. Is-seba’ benefiċċju hu li tkun qed tneħħi - u fil-fatt neħħejna - l-possibbilta` ta’ żball bona fide fuq it-titolu passat jew inkella l-piżijiet gravanti eżistenti. B’dan il-mod tkun qed tneħħi - u fil-fatt neħħejna - l-possibbilta` ta’ frodi billi jkunu moħbija jew alterati kuntratti għax it-titlu jappartjeni lill-art u mhux lill-persuna.
Sur President, imbagħad it-tmien benefiċċju huwa li l-venditur ikun jista’ – u fil-fatt jista’, grazzi għal-Land Registry Act – jidħol f’kuntratt ta’ bejgħ immedjatament mingħar riservi, għax il-fatt li għandek record up-to-date ifisser li għandek iċ-ċertezza u għandek il-kjarezza, u allura m’għandekx bżonn dak id-dewmien. Id-disa’ benefiċċju huwa li naqqasna drastikament l-ispejjeż għax ix-xogħol ġie simplifikat. Dawn huma wħud mill-vantaġġi li ġabet il-liġi relatata mar-reġistrazzjonijiet ta’ l-artijiet. Jiena ma naħsibx li hemm għalfejn noqgħod nidħol fil-kwistjoni ta’ x’inhu a gauranteed title għax ir-reġistrazzjoni ta’ l-artijiet fil-liġi eżistenti, u anke f’din il-liġi, tagħti saħħa mhux żgħira lil min ikun qed jirreġistraha.
Sur President, dan l-abbozz ta’ liġi, f’titolu ħamsa, jagħti definizzjoni ta’ art pubblika u fost oħrajn tat-toroq. Dan l-abbozz qed jgħid li kull triq jew sqaq inkluż dawk li jgħaqqdu żewġ toroq eżistenti imma mhux dawk li jwasslu għal żvilupp intern li diġa` jeżisti meta jidħol fis-seħħ dan l-abbozz, jew toroq li wara d-dħul fis-seħħ wara dan l-att huma okkupati mill-gvern jew minn xi korp ġuridiku, aġenzija ċentrali li tagixxi għalih, għandhom għal kull bon fini jitqiesu li huma toroq pubbliċi u li allura huma propjeta` tal-gvern. Hemm ukoll definizzjoni ta’ x’inhi xtajta, fejn ix-xtajta kollha sa 15-il metru mix-xatt eżistenti għandha titqies bħala propjeta` tal-gvern ta’ Malta, iżda ovvjament qed jingħata d-dritt lil kull persuna li tista’ tippreżenta għar-reġistrazzjoni tat-titolu tagħha meta tissottometti prova tal-propjeta` tagħha kif provdut fis-subklawsola (2) ta’ klawsola 65.
Sur President, din il-klawsola tittratta dwar kif il-gvern għandu jirreġistra l-proprjeta` tiegħu fi żmien tliet snin. Il-proprjeta` tal-gvern ta’ Malta ta’ l-immobbli, għandha titqies –proprjeta’ immobbli, jiġifieri toroq u xtajta - bħala att reġistrabbli u matul perjodu li m’għandux jeċċedi tliet snin mid-dħul fis-seħħ ta’ dan l-Att, il-Kummissarju ta’ l-artijiet għandu jippreżenta n-noti relattivi fir-reġistru ċentrali mingħajr bżonn tal-prova tat-titolu. Matul l-istess perjodu tat-tliet snin imbagħad kull persuna li titlob li għandha titolu validu li huwa f’konflitt ma’ l-applikazzjoni tal-gvern għandha tippreżenta applikazzjoni akkumpanjata b’dikjarazzjoni ffirmata minn uffiċjali tar-reġistru, u r-reġistratur għandu jirreferi dak il-każ lit-tribunal.
Klawsola 67 titkellem fuq drittijiet li jagħtu jedd fuq art ta’ ħaddieħor. Kull persuna li tgawdi drittijiet ta’ encroachment fuq xi immobbli tista’ tapplika għand il-kummissarju ta’ l-artijiet, u f’dan il-każ il-kummisarju għandu jippreżenta nota fir-reġistru ċentrali li biha jitlob lir-reġistratur jagħmel nota dwar it-titolu relattiv, kif ukoll meta dan it-titolu huwa garantit u maħruġ f’isem il-gvern. Ovvjament, il-liġi tgħid li r-reġistrazzjoni ta’ drittijiet li jagħtu jedd fuq ħaddieħor m’għandhiex tagħti lill-persuna l-jedd li tuża’ xi drittijiet proprjetarji. Naħseb li r-raġuni hija ovvja. Il-pass li jmiss hu r-riżoluzzjoni tal-konflitti. Il-kollega l-Onor. Anġlu Farrugia diġa` għamel riferenza għall-medjazzjoni.
Dan huwa kunċett importanti ħafna għax fil-każ ta’ konflitt jew differenza bejn żewġ reġistrazzjonijiet jew aktar, jew fil-każ li r-reġistratur jirrifjuta applikazzjoni għal titolu garantit, ir-reġistratur jrid, fi żmien 30 ġurnata mid-data tar-reġistrazzjoni jew applikazzjoni konfliġġenti jew differenti, isejjaħ laqgħa ta’ medjazzjoni tal-partijiet kollha konċernati. Jekk dik il-laqgħa ta’ medjazzjoni tonqos li tirriżolvi l-konflitt jew id-differenza, jew tonqos milli ssolvi l-fatt imqajjem bil-kawzjoni, r-reġistratur imbagħad irid iżid ħmistax-il jum u jirreferi l-oġġett lit-tribunal stabbilit b’din il-liġi. Naħseb li dan huwa kunċett innovattiv, ċar u li għandu jevita l-possibbiltajiet jew l-inċidenza ta’ kawżi fil-qorti. Jiena m’iniex se noqgħod nirreferi u nirrepeti x’inhuma l-funzjonijiet ta’ dan it-tribunal, pero` xtaqt nitkellem dwar kunċett innovattiv ħafna f’din il-liġi li huwa dak ta’ l-assigurazzjoni u l-indennizz.
Din il-liġi, fi klawsola 83, qiegħda tagħmel provvediment għall-indennizz. F’ċerti każi meta jkun sar żball jew nuqqas fir-reġistru, iżda r-reġistru ma jiġix korrett, kull persuna li ġġarrab telf minħabba dak l-iżball jew nuqqas ikollha jedd għall-indennizz taħt dan l-att. Dan jgħodd ukoll għal meta xi persuna ġġarrab telf minħabba t-telf jew xi distruzzjoni ta’ xi dokument depożitat fir-reġistru jew minħabba żball f’xi riċerka uffiċjali. Flimkien ma’ dispożizzjonijiet oħrajn ta’ din il-liġi, ebda indennizz pero` m’hu se jitħallas taħt dan l-att f’kull wieħed minn dawn il-każijiet li se nsemmi. Ma jitħallasx meta min jagħmel it-talba jkun hu nnifsu wassal għat-telf, qerq, jew inkella minħabba spejjeż li jkunu saru sabiex jittieħdu xi proċedimenti legali u jekk iċ-ċertifikat jirrifletti l-kontenut tad-dikjarazzjoni, u dan bla ħsara għall-azzjoni mill-parti interessata li tista’ tagħmel kontra l-uffiċjal li jagħmel id-dikjarazzjoni.
Imbagħad hemm klawsola 84 dwar il-fond ta’ assigurazzjoni. F’din il-liġi se jkun hemm fond ta’ assigurazzjoni sabiex minnu jitħallsu talbiet għal indennizz skond dan l-att. Għal dan il-għan se titwarrab fl-imsemmi fond f’għeluq kull sena finanzjarja dik il-parti mid-dħul li jsir bid-drittijiet, multi u penalitajiet li jinġabru mir-reġistru taħt dan l-att u li l-ministru responsabbli għall-finanzi se jistabbilixxi b’ordni. Il-fond ta’ assigurazzjoni għandu jiġi investit f’dawk l-ismijiet u b’dak il-mod li l-imsemmi ministru jista’ jordna minn żmien għal żmien. Jekk il-fond ta’ l-assigurazzjoni jkun f’xi żmien mhux biżżejjed biex jitħallas l-indennizz għal xi telf li għandu jitħallas minnu, id-differenza għandha, bis-saħħa ta’ din il-liġi, tkun addebitata – jiġifieri titħallas – lill-fond konsolidat. Iżda kull somma hekk imħallsa mill-fond konsolidat għandna titħallas lura mill-flus li wara jkunu għall-kreditu tal-fond ta’ l-assigurazzjoni. Il-kontijiet tal-fond għandhom jinżammu u jiġu verifikati bħala kontijiet pubbliċi skond dawk ir-regolamenti li l-ministru responsabbli mill-finanzi jista’ jagħmel minn żmien għal żmien.
Din il-liġi - u din hija xi ħaġa li tolqotna mill-viċin - se tkun qed tagħmel ukoll emenda għal-liġi li tirregola l-professjoni notarili. Il-Kap. 55 huwa l-Att dwar il-Professjoni Notarili u l-Arkivji Notarili, u din il-liġi qiegħda temenda xi ftit dik il-liġi wkoll. Mela allura din il-liġi qiegħda tbiddel u qiegħda temenda diversi liġijiet, prinċipalment il-Land Registry Act u l-Public Registry Act, pero` mhux biss, għax tkun qed temenda wkoll fost oħrajn il-Kodiċi tal-Liġijiet tal-Pulizija kif ukoll il-liġi li tirregola l-professjoni notarili. B’mod partikolari din il-liġi qiegħda tipproponi li minflok il-qorti tar-reviżjoni ta’ l-atti notarili - u issa nispjegaw tajjeb x’inhi l-qorti ta’ reviżjoni ta’ l-atti notarili - se jkun hemm kumitat ta’ superviżjoni fuq il-professjoni notarili. Dan il-kumitat irid żieda mal-funzjonijiet assenjati lilu skond l-att dwar ir-reġistru ċentrali u se jkollu wkoll il-funzjoni ta’ qorti speċjali. U dan jikkonsisti f’li jkun qorti ta’ reviżjoni ta’ l-atti notarili. Issa hawnhekk irrid nagħmel parentesi żgħira. Ninsabu fi stat li fil-fehma tiegħi m’huwiex aktar aċċettabbli.
L-artikolu 117 tal-kapitolu 55 li hija l-liġi li tirregola l-professjoni notarili, tipprovdi sabiex darbtejn fis-sena, f’Mejju u f’Novembru, issir spezzjoni ta’ l-atti tan-nutara kollha f’Malta, minn qorti hekk imsejħa ta’ viżitaturi. Dan se jkun hemm numru ta’ professjonisti, jissejħu viżitaturi, li xogħolhom huwa li darbtejn fis-sena jduru l-atti tan-nutara kollha f’Malta u jaraw li kollox qiegħed isir skond il-liġi. Fost l-oħrajn, jaraw li jekk xi ħadd ħalla ammont ta’ flus depożitati man-nutar bħala ħlas ta’ taxxa, dik it-taxxa tiġi realment mgħoddija lid-dipartiment tat-taxxi nterni. Irrid ngħid li l-maġġoranza assoluta tal-professjoni notarili huma membri eżemplari, li jagħmlu ġieħ u li huma denn tal-professjoni notarili. Madankollu, bħal kull professjoni oħra, issib it-tuffieħ imħassar. Fil-passat riċenti kellna każijiet ta’ nutara – dawn kienu waħdiet - li naqsu b’mod goff ħafna mill-obbligi notarili tagħhom u għamlu għajb lill-professjoni tagħhom. Dawn in-nutara ffrodaw membri innoċenti tal-pubbliku u tellfu lill-gvern ammont ta’ dħul.

Issa rrid ngħid li naf personalment b’każ wieħed, fejn dan in-nutar tressaq il-qorti u ttieħdu passi kriminali kontrih. Irrid nagħmilha ċara li kemm il-Ministru tal-Finanzi u kemm jiena ninsabu mpenjati sabiex naraw li dan l-obbligu jiġi osservat, billi din l-ispezzjoni ssir kif suppost u l-liġi tiġi nforzata. Fil-fatt għandna l-ħsieb li nżidu n-numru ta’ viżitaturi ħalli nkunu nistgħu nlaħħqu mal-backlog preżenti għax hemm nutara li ilu ma jkollhom l-atti tagħhom spezzjonati għal għexieren ta’ snin. Dan huwa stat ta’ fatt mhux aktar aċċettabbli. Għalhekk dan il-gvern jinsab impenjat sabiex iżid in-numru ta’ viżitaturi u rridu naraw kif nagħtuhom remunerazzjoni aħjar mill-75 ċenteżmu li jieħdu għal kull att li jispezzjonaw. B’hekk ikun hemm spezzjoni kif suppost u skond il-liġi ħalli jkollna aktar serħan il-moħħ. Anke l-pubbliku in ġenerali ma jkollux għalfejn jinkwieta.


Sur President, din il-liġi qiegħda tipproponi l-emenda li l-kumitat ta’ superviżjoni jkun magħmul minn dawk il-membri, imsejħa viżitaturi, li l-ministru responsabbli għall-affarijiet notarili jaħtar għal dak il-perijodu li jista’ jiġi speċifikat fil-ħatra tagħhom. Wieħed minn dawn il-viżitaturi jinħatar president u dawn il-viżitaturi għandhom jinħatru minn fost dawk l-uffiċjali pubbliċi jew persuni oħra li l-ministru jista’ jqis li jkunu adattati. In-nutar pubbliku m’għandux jiġi maħtur bħala viżitatur jekk kemm-il darba ma jkunx għamel ir-rinunzja tal-professjoni tiegħu skond kif inhu pprovdut fl-artikolu 14 ta’ dan l-att. Issa klawsola 14 ta’ dan l-abbozz ta’ liġi, li titkellem fuq ir-reġistratur ġenerali, issemmi kif in-nutar irid jippreżenta r-rinunzja għall-professjoni tiegħu jekk dan se jkun maħtur bħala reġistratur ġenerali.
Ladarba qiegħed nitkellem fuq il-professjoni notarili rrid insellem lill-kunsill notarili. Dan il-kunsill huwa magħmul minn membri li min-naħa tiegħi diġa` ltqajt magħhom għal diversi drabi. U nista’ ngħid li dawn il-membri huma mimlijin b’entużjażmu u b’determinazzjoni li l-professjoni notarili tingħata l-ġieħ li jistħoqqilha. Kellna xi diskussjonijiet magħhom u nista’ ngħid li dawn kienu diskussjonijiet tajbin ħafna. Jiena ninsab fiduċjuż li fil-futur mhux daqstant ‘il bogħod se naslu sabiex flimkien nipproponu emendi għal-liġi tan-nutura. Jiena ma nemminx fl-impożizzjoni imma rrid nisma’, irrid inkun konvint u rrid nikkonvinċi għax dak huwa d-dibattitu u d-djalettika importanti fil-ħidma tagħna. Dan il-gvern huwa wieħed li jisma’. Nista’ ngħid li hemm widna li tisma’ tajjeb ħafna miż-żewġ naħat. U fil-futur mhux daqstant ‘il bogħod ninsab ottimist li se nkunu nistgħu nressqu emendi għal-liġi tan-nutara sabiex din il-professjoni titpoġġa fuq sisien aktar sodi u b’saħħithom li jagħtu aktar serħan il-moħħ lill-pubbliku.
Naħseb li kemm għalija u kemm għal kulħadd, m’huwiex aċċettabbli li jkollok anke nutar wieħed biss li jabbuża mis-sistema u ma jimxix mal-liġi. Issa ma rridx naqbad man-nutara għax hemm ukoll avukati li jagħmlu isem ħażin lill-professjoni tagħhom, bħalma kien hemm tobba li għamlu isem ħażin lill-professjoni medika. Imma ma rridux ninsew li nutar huwa uffiċjal pubbliku u qiegħed jirrapreżenta lill-istat meta jkun qiegħed jaqdi d-doveri tiegħu. Nerġa’ ngħid li l-maġġoranza assoluta tan-nutara huma nies li jaqdu d-doveri tagħhom b’mod impekkabbli. Għalhekk huwa importanti li nibagħtu wkoll il-messaġġ li mhux għax ikun hemm wieħed li żbalja, allura naqbdu u npoġġu lil kulħadd fl-istess keffa. Irridu naħdmu u se nibqgħu naħdmu sabiex il-kapitolu 55 li jirregola l-professjoni notarili jkun inventat b’mod u manjiera li l-kunsill notarili jkollu aktar saħħa fir-regolamentazzjoni tal-membri tiegħu.
Sur President, kien ta’ pjaċir għalija li nagħmel dan l-intervent fuq din il-liġi. Naturalment fadal ħafna aktar xi tgħid fuq din il-liġi, pero` niddejjaq nirrepeti għax kemm il-ministru fl-introduzzjoni tiegħu, kif ukoll l-Onor. Anġlu Farrugia, eżawrew l-aktar punti saljenti fuq dan is-suġġett. Il-messaġġ finali tiegħi huwa li din il-liġi se ġġib aktar kjarezza, aktar serjeta`, aktar serħan il-moħħ u aktar professjonaliżmu f’dik li għandha x’taqsam ma’ l-amministrazzjoni tal-proprjeta`. Għalhekk ninsab fiduċjuż li din il-Kamra se tapprova dan l-abbozz ta’ liġi għax se jkun ta’ ġid għall-amministrazzjoni tal-proprjeta`, inkluż il-proprjeta` pubblika f’pajjiżna. Nirringrazzjak.
MR SPEAKER: Grazzi. Aktar rimarki? L-Onor. Anton Refalo.
ONOR. ANTON REFALO: Sur President, naħseb li dan l-abbozz ta’ liġi huwa wieħed tajjeb, speċjalment meta wieħed jikkonsidra li f’Għawdex għandek problemi kbar, l-aktar fir-raħal tal-Qala, fejn kulħadd jaqbad u jirreġistra proprjeta` għax kulħadd jippretendi li hi tiegħu. Se nibda mill-klawsola 91 ta’ dan l-abbozz ta’ liġi għax fl-opinjoni tiegħi hija l-aktar interessanti. F’din il-klawsola nsibu li kull triq u sqaq, inklużi dawk li jgħaqqdu żewġ toroq eżistenti imma mhux dawk li jwasslu għal xi żvilupp intern, għandhom għal kull għan jitqiesu li huma toroq pubbliċi. Din hija klawsola importanti għax sal-lum il-qrati tagħna dejjem imxew mad-dritt Ruman li jikklassifika t-toroq bħala li għandek is-sqaqien, it-triqat viċinali u t-triqat li huma pubbliċi.
Is-sentenzi tal-qrati tagħna, speċjalment dawk ta’ l-appell, kienu jgħidu li meta għandek triq viċinali, jiġifieri triq li tgħaqqad triq pubblika ma’ oħra, li għalkemm tkun miftuħa, għandha l-isem tagħha u fiha l-iżvilupp fiha, xorta waħda m’hijiex pubblika għax ma ġietx esproprjata. Fi triq viċinali għandek biss dritt ta’ tranżitu u dritt ta’ użu; jiġifieri għandek dritt li tgħaddi bil-vettura u dritt li tużaha, pero` dik il-persuna li tkun fetħet it-triq, wara li jkun sar żvilupp f’din it-triq u nbnew id-djar, u jkun hemm persuna oħra li jkollha proprjeta` fuq din it-triq, din il-persuna ma tistax tagħmel aperturi jew tiftaħ xi garaxx f’dik it-triq. Dan għaliex dik it-triq tibqa’ titqies bħala tal-privat għax hija triq viċinali u l-uniku dritt li għandha persuna - għalkemm dik it-triq hija miftuħa - huwa d-dritt ta’ tranżitu u ta’ użu.
Sur President, kien hemm sentenzi ta’ l-appell - u għad hemm kawżi pendenti - li jgħidulek espressament li bniedem li għandu proprjeta` fi triqat bħal dawn, li l-gvern m’għadux jesproprja, triq li hija formata b’kollox, xorta ma jistax jiftaħ aperturi, jagħmel galleriji jew bibien ta’ garaxxijiet għal fuq din it-triq. Għaldaqstant b’din il-liġi qegħdin insolvu problema kbira li kienet teżisti sal-lum. Per eżempju, f’moħħi qiegħda tiġini triq f’Għawdex li tgħaqqad it-triq li mill-Munxar tagħti għax-Xlendi. Din it-triq hija waħda miftuħa, pero` għadha tal-privat u allura la hija tal-privat ħadd ma jista’ jiftaħ bibien jew aperturi għal fuqha. Għalhekk nerġa’ ngħid li b’din il-klawsola se nsolvu problema kbira fejn kienet qiegħda ssir inġustizzja ma’ dawk in-nies li għalkemm bil-kodiċi ċivili huma obbligati li jifformaw il-parti ta’ quddiem tat-triq, xorta waħda ma jistgħux - bil-liġi ċivili u bl-interpretazzjoni li dejjem taw il-qrati tagħna li dejjem baqgħu jaddottaw il-liġi l-antika tad-dritt Ruman - jiftħu aperturi għal fuq triqat viċinali.
Nerġa’ ngħid li b’din il-liġi se nagħmlu ġustizzja ma’ dawn in-nies għaliex dawn it-triqat, għalkemm m’humiex esproprjati, issa se jiġu kkonsidrati bħala pubbliċi għall-finijiet u għall-effetti kollha tal-liġi. Allura, ladarba triq hija miftuħa, ladarba l-persuna li fetħet dik it-triq għamlet żvilupp fiha, tkun tista’ tagħmel il-faċċata tagħha għal fuq din it-triq u mhux biss tibqa’ soġġetta għad-dritt tat-tranżitu u ta’ użu. Għalhekk naħseb li din l-innovazzjoni ġdida se tagħmel ġustizzja ma’ ħafna każi li jeżistu fil-preżent, fejn bniedem, sabiex ikun jista’ jiftaħ għal fuq triq, bilfors kien irid jagħmel expropriation on behalf of third parties. Dan il-prinċipju naqbel miegħu mija fil-mija.
Naħseb li punt importanti fuq ir-reġistrazzjonijiet huwa dak li rridu noqogħdu attenti għax kif żviluppat is-sistema tar-reġistrazzjonijiet, speċjalment fil-gżira Għawdxija - u semmejt b’mod klassiku r-raħal tal-Qala - fejn kulħadd jaqbad u jirreġistra l-artijiet, ħafna drabi b’sempliċement testment. Dawn in-nies jgħidu li missierhom ħalliehom werrieta ta’ dik l-art u allura, mingħajr ma jġibu l-provenjenza ta’ dik l-art, jaqbdu u jirreġistraw dik l-art. Naħseb li rridu nkunu aktar stretti u f’każ ta’ reġistrazzjonijiet irridu naraw li meta jkun hemm reġistrazzjoni ta’ art, din ma ssirx biss b’xi saħħa ta’ jeddijiet u ta’ testmenti imma trid issir ibbażata fuq provenjenza ta’ kuntratt. F’Għawdex żviluppat is-sistema fejn kulħadd jaqbad u jirreġistra billi jieħu ġurament li ilu fil-pussess ta’ dik l-art animus domini, b’mod pubbliku, għal 30 sena. Għalhekk jaqbad u jirreġistra dik l-art.
Fl-opinjoni tiegħi rridu nagħmlu enfasi li sabiex ir-reġistratur ikun sodisfatt bir-reġistrazzjoni ta’ xi ħadd irid ikun hemm provenjenza ċara ta’ dik l-art, u mhux sempliċiment għax dak li jkun jgħidlu li missieru ħallielu dik ir-raba’ fil-wirt, allura b’daqshekk jirreġistralu dik l-art. Dak li jkun irid juri lir-reġistratur titolu ċar u li juri l-provenjenza minn xi bejgħ jew minn xi trasferiment sabiex ir-reġistrazzjoni tkun tista’ isseħħ. Naħseb li meta nsemmu l-prim`awla tal-qorti ċivili qegħdin nifhmu wkoll li hija l-qorti tal-maġistrati f’Għawdex. Klawsola 72 tgħid li huwa d-dritt ta’ persuna li tagħmel rikors quddiem il-prim`awla tal-qorti ċivili. Naħseb li dan id-dritt se jingħata wkoll lil dawk l-Għawdxin li ma jkunux jaqblu ma’ deċiżjoni tar-reġistratur u naturalment jagħmlu rikors quddiem il-qorti tal-maġistrati f’Għawdex bħala l-qorti ta’ ġurisdizzjoni superjuri. Sub-klawsola 2 ta’ klawsola 72 tgħid li jekk il-ħwejjeġ jiġu riferuti lill-prim`awla tal-qorti ċivili, ir-reġistratur għandu dejjem jissejjaħ bħala parti għall-proċeduri ladarba notifikat biċ-ċitazzjoni.

Naħseb li l-kelma “ċitazzjoni” għandha titneħħa u minflokha jiddaħħlu l-kliem “ladarba jiġi notifikat bir-rikors”. Ma naqbilx magħha, għax filwaqt li r-reġistratur qed iservi l-funzjoni tal-qorti, din il-liġi m’hijiex qiegħda tagħti l-ebda dritt ta’ appell, lanqas fuq punt ta’ liġi lill-qorti ta’ l-appell. Din il-liġi sempliċiment tgħidlek li deċiżjoni ta’ maġistrat f’Għawdex hija deċiżjoni finali u inti m’għandek l-ebda dritt ta’ appell, lanqas fuq punt ta’ liġi quddiem l-qorti ta’ l-appell. Naħseb li dan m’huwiex ġust, għax jekk qed toħloq organu li qed tagħtih il-kompetenza li jisma’ dawn il-każi, naħseb li hemm bżonn li wara li l-qorti ċivili jew il-qorti superjuri ta’ Għawdex tiddeċiedi l-każ, dak li jkun, almenu fuq punt ta’ liġi jew fuq punt ta’ interpretazzjoni, għandu jkollu d-dritt ta’ l-appell quddiem il-qorti ta’ l-appell u mhux ngħidu li m’għandu jkun hemm l-ebda appell mid-deċiżjonijiet tal-prim`awla tal-qorti ċivili.


Sur President, veru li l-affarijiet jistgħu jkunu kkomplikati, pero` jekk, per eżempju, tara kif seħħew il-proċeduri quddiem il-MEPA, wieħed isib li hemmhekk evolvew każi importantissimi. Dan għaliex hemm ġurisdizzjoni ċara fejn tgħidlek meta tista’ tmur il-qorti u meta tista’ tmur il-MEPA u fejn tista’ tappella quddiem il-qorti. Naħseb li f’dan il-każ il-gvern għandu jħalli d-dritt ta’ l-appell fuq interpretazzjoni jew fuq punt ta’ liġi lill-qorti ta’ l-appell. Fl-aħħar mill-aħħar naħseb li dan huwa abbozz ta’ liġi importanti ħafna għax se jikkjarifika aktar ħafna punti li għadhom nebulużi, b’mod speċjali nirriferi għar-raħal tal-Qala f’Għawdex. U naħseb li permezz ta’ din il-liġi se nkunu qegħdin nagħmlu aktar ġustizzja man-nies ikkonċernati. Nirringrazzjak.
MR SPEAKER: Grazzi. Aktar rimarki? L-Onor. Owen Bonnici.
ONOR. OWEN BONNICI: Sur President, naħseb li dan l-abbozz ta’ liġi huwa tajjeb ħafna u l-pajjiż ilu mxennaq ħafna għalih. Min-naħa tiegħi xtaqt niffoka l-aktar fuq il-parti li titkellem fuq ir-reġistrazzjoni ta’ l-artijiet. Nifhem li daqskemm hija importanti r-reġistrazzjoni ta’ l-artijiet, daqshekk ieħor hija importanti r-reġistrazzjoni ta’ l-atti ċivili. Pero` naħseb li l-akbar sfida hija l-kwestjoni tar-reġistrazzjoni tal-proprjeta` immobbli. Kien hemm ċertu wieħed Robert Torens li kien introduċa s-sistema - li l-ministru ftit qabel iddeskriva x’inhi – tal-cadastre, fejn wieħed jimxi fuq l-art partikolari u mhux fuq l-ismijiet tal-persuni.

Mela jekk wieħed jixtieq ikun jaf ta’ min hi l-proprjeta` li qiegħda f’Misraħ il-Ħelsien, Żejtun, Nru. 3, jaqbad imur direttament fuq dik il-proprjeta` u bis-sistema tar-reġistrazzjoni li jkollok, isir jaf ta’ min hi dik il-proprjeta`. Min-naħa l-oħra, bis-sistema pubblika ta’ l-insinwi pubbliċi, jekk wieħed jixtieq ikun jaf ta’ min hi dik il-proprjeta`, li hija xi ħaġa impossibbli, irid jipprova jara min hu s-sid u mbagħad irid jagħmel ir-riċerka fuq l-isem tas-sid sabiex eventwalment tasal għall-konferma ta’ min hi dik il-proprjeta`. Għalhekk meta xi ħadd imur għand nutar sabiex ibigħ xi proprjeta`, in-nutar jgħidlu jġiblu l-akkwist, jiġifieri l-kuntratt li bih ikun jista’ juri li dik il-proprjeta` verament hija tiegħu. B’hekk ikunu jistgħu jsiru r-riċerki u dak kollu meħtieġ sabiex wieħed jirrikonoxxi t-titolu li jkun hemm fuq dik il-proprjeta`.


Sur President, jidher li s-sistema legali tagħna tal-land registry - dik li qabel semmejtha bħala s-sistema tal-cadastre, għalkemm m’hijiex interament bħas-sistema tal-cadastre għar-raġunijiet li spjega l-ministru - ftit qabdet art. Tant hu hekk li hemm biss 10% tal-proprjetajiet li ġew reġistrati taħt ir-reġistru ta’ l-artijiet. Riċentement kien hemm xi ħaġa li ċaqalqet ftit l-ilmijiet għax kulmin jipprattika l-professjoni legali f’Malta jaf li l-banek ewlenien ħadu deċiżjoni komuni fejn qed jitolbu li ma’ kull kuntratt li jagħmlu magħhom sabiex jissellfu l-flus ħalli jixtru l-proprjeta` tagħhom, dawn iridu jimlew il-formola E. Din il-formola hija ċertifikat tal-land registry fejn jgħid li dik il-proprjeta` ma taqax f’żona ta’ reġistrazzjoni. U kemm ilhom li l-banek jitolbu din il-formola E mill-1 ta’ April ta’ l-2008, kulmin jipprattika jista’ jgħidlek li kien hawn diffikultajiet kbar minħabba li ħafna kuntratti waqgħu lura. Anke r-reġistru ta’ l-artijiet qiegħed isib diffikulta` sabiex ilaħħaq mat-talbiet li qed ikun hemm sabiex jingħataw dawn il-formoli.
L-aħħar informazzjoni li kelli qabel ma ġejt hawn inzertajt ikkomunikajt ma’ nutar biex inkun korrett f’dak li se ngħid hawnhekk, u dan in-nutar qalli li kellu din il-problema issa għax ix-xogħol fir-reġistru ta’ l-artijiet waqa’ lura bi 13-il ġurnata minħabba li l-banek qed jitolbu li jkun hemm din il-Form E li nerġa’ ngħid hija ċertifikat fejn il-Land Registry jgħid jekk proprjeta` taqax f’land registration area jew le, għax kif għedna qabel mhux kull proprejta` taqa’ f’żona ta’ Land Registry imma huma biss partijiet minn Malta. Fil-fatt jidher li l-backlog huwa kbir, u meta nara l-għanijiet ta’ din il-liġi, li huma għanijiet sbieħ u tajbin ħafna, imma mbagħad meta nara fil-prattika x’qed jiġri ta’ kuljum nirrealizza li biex tidħol sistema bħalma qed jipprospetta l-Abbozz ta’ Liġi, jidher li rridu nagħmlu sforz mhux żgħir.
Jiena se nkompli fuq dak li semma l-Onor. Farrugia, fejn min-naħa ta’ l-oppożizzjoni se nwiegħdu kull appoġġ sabiex xi ħaġa bħal din tidħol fis-seħħ għax hija xi ħaġa bżonnjuża sabiex jinqatgħu l-inċertezzi li jista’ jkun hemm fuq il-kwestjonijiet ta’ titolu. Bis-sistema ta’ l-insinwi, l-inċertezzi huma kbar. Wieħed ma jridx ikun professur sabiex jinduna li jekk ikollok proprjeta` li fil-bidu kienet art u li mbagħad din tinbena f’numru ta’ flats u jinbiegħ xi flat minnhom, fix-xogħol ta’ kuljum m’hemm xejn li lili bħala avukat iserraħli rasi li dak il-flat inbena fuq l-arja ta’ dak il-plot li fl-1940 kien inxtara mingħand in-nannu tal-venditur. Dawn huma t-tip ta’ inċertezzi li ta’ kuljum il-professjonisti fil-qasam legali jiltaqgħu magħhom b’mod kontinwu.
Problema oħra hija li wieħed qed ibigħ proprjeta` u ma jafx jekk fuq dik il-proprjeta` hemmx kwestjoni ta’ litigazzjoni fil-qorti. Wieħed jagħmel ir-riċerki fir-reġistru pubbliku u jsib li t-tali xtara l-proprjeta` fl-1980, imma għandek sitwazzjoni fejn in-nutar li jkun qiegħed ibigħ il-proprjeta` u li jippubblika l-att dejjem se jkun inkwetat li ma jmurx għada pitgħada jiġi l-klijent li jkun għadu kemm xtara dik il-proprjeta` u jgħidlu li kien hemm kwestjoni l-qorti jew inkella li kien hemm expropriation order jew li kien hemm xi ħaġa oħra. Xi ħaġa bħal din tinkwieta kemm liċ-ċittadin li qed jixtri kif ukoll lill-persuni li jipprattikaw il-professjoni. Għalhekk huwa importanti li dan l-abbozz ta’ liġi jsir bis-serjeta`. Il-biża’ tiegħi huwa li meta nara x’qed jiġri ta’ kuljum fil-professjoni tagħna, fejn tajt eżempju żgħir ta’ meta l-banek jitolbu l-form E, nittama li jkun hemm sforz kbir u effettiv sabiex is-sabiħ kollu li hawn f’dan l-abbozz ta’ liġi jitwettaq malajr kemm jista’ jkun għall-ġid taċ-ċittadini tagħna.
Sur President, irrid insemmi wkoll numru ta’ kwestjonijiet oħra. Klawsola 39 f’dan l-abbozz ta’ liġi għandha x’taqsam ma’ kważi kulma jista’ jolqot il-proprjeta`, fejn hemm l-obbligu li jiġi reġistrat f’dan ir-reġistru ċentrali. Per eżempju, jekk ikollok proprjeta` li tkun f’enfitewsi temporanja, jiġifieri f’ċens li jagħlaq u b’effett tal-liġi tal-kera l-antika, dak iċ-ċens temporanju jsir kera. F’dan il-każ jekk isir hekk irid jiġi reġistrat fir-reġistru ċentrali. Illum jekk jiġi xi ħadd quddiemi jitlobni parir dwar it-titolu ma nkunx naf x’sar minn dak iċ-ċens temporanju li eventwalment jinqaleb f’kera. Wieħed jista’ jissopponi li nqaleb f’kera, pero` hemm ħafna fatturi li jistgħu jiġru u fil-qasam tal-proprjeta`, bil-prezzijiet kbar li hemm illum, l-inqas ħaġa huwa li tissopponi xi ħaġa. U dan huwa s-sabiħ ta’ din il-liġi għax f’kull qasam ġew kontemplati ċ-ċirkostanzi kollha li jistgħu jseħħu li jolqtu l-proprjeta`, il-kostruzzjoni ta’ renta perpetwa, piżijiet, enfitewsi, servituijiet u affarijiet oħra.
Hawnhekk qegħdin nitkellmu wkoll fuq ċerti affarijiet li jistgħu jseħħu b’sentenzi mill-qrati li wkoll iridu jiġu nsinwati fir-reġistru ċentrali. Għalhekk nappella sabiex ma jkunx hemm komplikazzjonijiet, u hawnhekk xtaqt insemmi żewġ affarijiet. L-ewwelnett it-termini li fihom irid jiġi nsinwat kull notament li għandu x’jaqsam kemm ma’ kwestjonijiet reali ta’ proprjeta`, u aktar u aktar tal-qorti, kemm għandhom ikunu streamlined sabiex kemm jista’ jkun it-termini jkunu viċini. Ma nippretendix li jekk ikun hemm sentenza din għandha tiġi nsinwata fi żmien 15-il ġurnata bħall-obbligu li għandu nutar sabiex jinsinwa nota, għax naf li l-affarijiet jekk isiru hekk, ma jimxux. Madankollu jkun tajjeb li kieku t-termini jkunu streamlined bl-istess mod li t-termini fil-kodiċi ta’ l-organizzazzjoni u proċedura ċivili ġew kważi kollha viċin l-20 ġurnata. Bl-istess mod nistgħu nagħmlu sforz sabiex it-termini li fihom iridu jiġu nsinwati n-noti relattivi jkunu aktar viċin.
Punt ieħor li xtaqt insemmi mingħajr ma ninstema’ polemikuż jew nkella bħala kritiku huwa fuq is-sistema preżenti tar-riċerki pubbliċi. Tajjeb ngħidu li s-sistema preżenti fejn wieħed jordna riċerka mill-insinwa għandha ħafna kumditajiet. Per eżempju, ma nistax nimmaġina li għadni nipprattika fi żmien fejn ir-riċerki kienu handwritten. Nieħu qatgħa meta jiġi xi ħadd sabiex niċċekkjalu xi titolu fuq proprjeta` jġibli r-riċerki li jkunu hand written! Dik hija xi ħaġa inkonċepibbli u ma nistax nifhem kif domna daqshekk sabiex dawn ir-riċerki handwritten jiġu phased out ħalli minflokhom tidħol is-sistema ta’ riċerka li għandna llum. Dan kien pass pożittiv immens u pass professjonali ħafna. Issa żvantaġġ li ġab miegħu dan l-iżvilupp kienu l-ispejjeż.
Illum kważi kważi tibża’ tordna riċerka għax l-ispejjeż jitilgħu f’kemm ilni ngħidlek. Ma nafx eżattament kemm tiġi tiswa kull nota ta’ l-insinwa, pero` meta tgħodd ir-riċerka normali, dejjem għandek minn ta’ l-inqas Lm100 jew Lm150. Żgur li din hija xi ħaġa li n-nies se jħossuha bħalma nħossuha aħna l-prattikanti. Issa jekk wieħed se jixtri plot ta’ Lm100,000 japprezza li għandu jħallas ċertu ammont għar-riċerki, pero` ġieli jkollok każi ta’ xi garaxx żgħir li trid tagħmillu r-riċerki. U peress li dan il-garaxx ikun ġej mill-wirt, trid tagħmel ftit tar-riċerka mhux ħażin sabiex forsi ssib kuntratt ta’ akkwist li jissodisfa l-eżiġenzi legali. Imma mbagħad ikollok tippreżenta lill-klijent tiegħek bil-kont tar-riċerka li ħafna drabi jkun wieħed tal-biża’! Ir-realta` hi li llum ir-riċerka hawn Malta saret għolja ħafna. Jiena nittama li l-ispejjeż tar-riċerki jonqsu drastikament anke għaliex l-ispejjeż tar-reġistru pubbliku se jiġu non-eżistenti minħabba li se jkun is-central registry li eventwalment se jkun qiegħed jipproduċi ċ-ċertifikat. U dan iċ-ċertifikat jimxi b’mod differenti mir-riċerki normali.
Iċ-ċertifikat tal-land registry - il-cadastre li semmejna qabel – huwa dokument li jgħidlek li t-tali proprjeta` inxtrat minn Owen Bonnici fl-1 ta’ Mejju 2007 u fl-1 ta’ Diċembru 2007 ħa loan u għandu ipoteka speċjali fuq dik il-proprejta`. B’hekk ikollok elenku sabiħ mingħajr problemi ta’ xejn. Naħseb li hemmhekk, jekk jirnexxielna nagħmlu din is-sistema, anke mil-lat ta’ spejjeż, immorru aħjar. Jiena nemmen li din hija xi ħaġa li jekk titwettaq se tkun rivoluzzjonarja. Hawnhekk qiegħed nirrferi għall-mod ta’ kif wieħed jinsinwa n-nota fir-reġistru ċentrali. Forsi tgħiduli li qiegħed noħlom, pero` noħlom li xi darba nota tkun tista’ tiġi nsinwata b’sempliċi e-mail. Imma meta ngħid hekk mal-kollegi tiegħi, dawn jibqgħu jħarsu lejja bħallikieku qed ngħid l-akbar ereżija!
Il-verita` hi li rridu nagħmlu sistema fejn biex tinsinwa ma tridx toqgħod tmur Villa Bolino u toqgħod tittajpja bit-typewriter, imma rridu nagħmlu sistema fejn tibgħat e-mail u jkollok sistema ta’ passwords li jkunu safe. Bl-istess mod, anke fejn hemm l-atti l-ġodda, li f’din il-liġi hemm numru minnhom li jridu jsiru mill-persuni li jidderieġu skritturi u li jassistu fuq kuntratti, nappella li anke hemmhekk, jekk jiġi avukat sabiex jinsinwa nota, dan ikun jista’ jagħmel hekk mingħajr l-ebda xkiel. Jiena s-soltu nitlob l-assistenza ta’ nutar għax ma nafx kemm l-avukati jinsinwaw noti. Pero` hemm ċirkostanzi fil-liġi fejn wieħed jista’ jinsinwa, u normalment dan iseħħ meta jkollok ipoteka ġenerali u tkun trid tirreduċiha f’ipoteka speċjali. Għalhekk nittama li jiġi faċilitat il-mod ta’ kif anke l-avukati, li m’humiex il-persuni li jipprattikaw fil-qasam ta’ l-insinwi, ikunu jistgħu jirreġistraw din in-nota.
Sur President, interessatni ħafna l-kwestjoni tat-tribunal li se jiġi mwaqqaf bil-liġi. Għalkemm wieħed irid japprezza ż-żewġ skejjel ta’ ħsieb, jiena għandi sistema pjuttost tradizzjonali u nibża’ ħafna li nneħħi xi tip ta’ dritt li jeżisti llum fil-qasam tal-proprjeta`. Nerġa’ ngħid li filwaqt li napprezza li l-prim`awla tal-qorti ċivili m’hijiex l-aktar post fejn wieħed jieħu pjaċir minħabba li l-kawża tiġi mgħaġġla, anzi hija pjuttost frustranti, nista’ ngħid anke mill-esperjenza personali li nibża’ ħafna li jinħoloq tribunal li fil-verita` ikun qed jagħmel ix-xogħol tal-qorti bil-għan li x-xogħol li ma jkunx tal-qorti jgħaġġel aktar. Jiena ġeluż ħafna għall-indipendenza u għall-imparzjalita` ta’ min jiġġudika, partikolarment jekk wieħed iqis li l-valur tal-proprjetajiet li se jkunu diskussi f’dan it-tribunal jistgħu jkunu ta’ valuri kbar.
U allura ma jagħmilx sens li jkollok maġistrat li jiddeċiedi kawżi ta’ Lm5,000 li jkollu l-immunitajiet kollha li jgawdi maġistrat ieħor u li ma tista’ tagħmillu xejn ħlief impeachment fil-parlament. Din hija xi ħaġa rari ħafna u hekk għandu jkun, għax aħna mgħallmin li s-sistema tas-separazzjoni tal-poter tirrikjedi li jkun hemm indipendenza u imparzjalita` ta’ l-imħallfin u l-maġistrati. Allura fil-fehma tiegħi ma jagħmilx sens li jekk xi ħadd li għandu dawn is-salvagwardji li s’issa qed jieħu dawn id-deċiżjonijiet fuq ammonti ta’ flus enormi jispiċċa li dawk il-merti jiġu mogħtija lil xi ħadd li m’għandux dawk is-salvagwardji u li addirittura jkun qed jipprattika l-professjoni ta’ kuljum.
Nifhem li l-gvern qiegħed jipprova joħloq mekkaniżmi ta’ kif jista’ jiffaċilita l-affarijiet, imma bl-istess argument tista’ tiżmantella l-qorti kompletament u kwalunkwe kwestjoni tipprova tpoġġiha f’kexxun għaliha. Imbagħad tgħid din kummerċjali, din mal-marittimu, din amministrattiva u tneħħi kompletament l-istitut tal-qorti. Jekk tibqa’ sejjer b’din il-manjiera u taċċetta l-prinċipju fuq punt wieħed, eventwalment ikollok tasal sabiex tħaddan il-prinċipju fuq il-kawżi l-oħrajn kollha, għax daqskemm huma importanti l-kawżi tal-proprjeta`, daqshekk ieħor huma importanti l-kawżi kummerċjali u oħrajn. Min-naħa tiegħi napprezza li jkun hemm il-ħeffa ħalli wieħed ikun jista’ jasal sabiex ikollu titolu malajr f’idejh. 

L-aħħar kumment li rrid nagħmel huma aktar f’forma ta’ mistoqsijiet. Nixtieq inkun naf meta għandna l-ħsieb li nimplimentaw din is-sistema hekk eċċitanti, sabiħa u nnovattiva u l-pajjiż tant ilu jixxennaq għaliha. Naf li xi ħaġa bħal din hija l-frott ta’ ħafna ħsieb u tkun ħasra jekk jiġrilna l-istess ħaġa bħalma ġara fuq tal-land registry ta’ l-1981 li semma l-ministru aktar qabel. Il-land registry kienet idea sublimi u idea tajba ħafna, pero` eventwalment is-sistema tradizzjonali Maltija m’aċċettathiex. Nirringrazzjak.


Fid-9.00 p.m. id-diskussjoni kienet interrotta u baqgħet aġġornata.
MR SPEAKER: Grazzi. Sar il-ħin. Il-Ministru Gatt, jekk jogħġbu, iressaq l-aġġornament tal-Kamra.



Yüklə 434,86 Kb.

Dostları ilə paylaş:
1   2   3   4   5   6   7




Verilənlər bazası müəlliflik hüququ ilə müdafiə olunur ©muhaz.org 2020
rəhbərliyinə müraciət

    Ana səhifə