ABBOZZ TA' LIĠI DWAR SERVIZZI TAT-TURIŻMU GĦAL MALTA 112
ORDNIJIET TAL-ĠURNATA 113
ABBOZZ TA' LIĠI LI JEMENDA L-ORDINANZA DWAR IL-PROTEZZJONI TA' PROPRJETA' INDUSTRIJALI 113
INDUSTRIAL PROPERTY (PROTECTION) ORDINANCE (AMENDMENT) BILL 113
ABBOZZ TA' LIĠI LI JEMENDA L-ATT DWAR L-IPPJANAR TA' L-IŻVILUPP 113
DEVELOPMENT PLANNING (AMENDMENT) BILL 113
AĠĠORNAMENT 140
MISTOQSIJIET GĦAL TWEĠIBIET ORALI MWIEĠBA BIL-MIKTUB 147
MINUTI
Il-Minuti tas-Seduta Nru. 107 li saret fil-25 ta' Lulju, 1997 ġew ikkonfermati.
KUNSENS GĦAL ATTI
MADAM SPEAKER (Onor Myriam Spiteri Debono): Nixtieq ninforma lill-Kamra li l-President ta' Malta għoġbu jagħti l-kunsens tiegħu għal:
Att Nru XVIII ta' l-1997 - Att biex jemenda l-Att dwar l-Edukazzjoni, Kap. 327.
MISTOQSIJIET -TWEĠIBIET ORALI
AFFARIJIET BARRANIN - KUMMISSJONI GĦOLJA F'LONDRA
7262. L-ONOR. ĊENSU GALEA (f'isem l-Onor. Joe Borg) staqsa lill-Vici Prim Ministru, Ministru għall-Affarijiet Barranin u ta' l-Ambjent: Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' Malta based officers u locally engaged personnel fil-Kummissjoni Għolja ta' Malta f'Londra li ħarġu bis-sick leave bejn l-1 ta' Jannar u t-30 ta' Ġunju, 1997? Mingħajr ma jidentifika l-persuni, jista' jindika kemm minnhom ħarġu bis-sick leave minħabba depression?
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħidilna kemm rriżenjaw locally engaged personnel mill-Kummissjoni Għolja ta' Malta f'Londra bejn l-1 ta' Jannar u t-30 ta' Ġunju, 1997? Għal-liema raġuni rriżenjaw? Irċieva korrispondenza dwar dan?
ONOR. GEORGE VELLA (Viċi Prim Ministru, Ministru għall-Affarijiet Barranin u ta' l-Ambjent): Minħabba n-numru żgħir ta' nies involuti fl-ewwel parti tal-mistoqsija, inħoss li ma jkunx prudenti nagħti din l-informazzjoni li hija pjuttost personali. Ħadd minn dawk li kien bis-sick leave f'dan il-perjodu ma ppreżenta ċertifikat mediku li jsemmi depression bħala l-kawża ta' l-assenza mix-xogħol.
Ir-risposta għat-tieni parti tal-mistoqsija hija kif jidher hawn taħt:
(a) driver/assistant rriżenja b'effett mill-10 ta' Marzu, 1997wara li kien ġie mpjegat fil-5 ta' Diċembru, 1996 biex jilqa' u jittrasporta pazjenti Maltin li jitilgħu l-Ingilterra għall-kura - ma kienx jaf kelma bil-Malti;
(b) clerk typist irriżenjat biex tiżżewweġ u tirritorna Malta - l-aħħar li ħadmet kien fit-28 ta' Frar, 1997;
(c) clerical officer irriżenja mit-2 ta' April, 1997; u
(d) clerical officer irriżenja fit-13 ta' Ġunju, 1997 wara li kien ġie mpjegat fit-22 ta' April, 1997 - kien fiż-żmien ta' prova.
AFFARIJIET BARRANIN - KUMMISSJONI GĦOLJA F'LONDRA
7317. L-ONOR. ĊENSU GALEA (f'isem l-Onor. Joe Borg) staqsa lill-Vici Prim Ministru, Ministru għall-Affarijiet Barranin u ta' l-Ambjent: Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħidilna jekk huwiex veru li l-Kummissarju Għoli ta' Malta f'Londra żamm il-leave għall-membri tal-kummissjoni kollha? Veru li r-raġuni li ta hi li m'għandux staff biżżejjed?
Jekk dan hu veru, kif jirrikonċilja dan mar-risposta li kien ta għall-mistoqsija parlamentari numru 5485 - magħmula mill-Onor. Adrian Vassallo - li l-Kummissjoni Għolja għandha ħames Malta based officers u 11-il locally engaged personnel u li għalhekk hija l-akbar mission ta' Malta?
ONOR. GEORGE VELLA: Skond ir-regolamenti stabiliti, il-vacation leave bħal minn dejjem jingħata jew ma jingħatax skond l-esiġenzi tas-servizz.
GĦAQDIET SPORTIVI - GĦOTJIET
7356. L-ONOR. ĊENSU GALEA (f'isem l-Onor. Jean Pierre Farrugia) staqsa lill-Ministru ta' l-Edukazzjoni u Kultura Nazzjonali: Jista' l-Ministru jgħid fuq liema kriterju ntgħażlu 13-il għaqda nazzjonali, tmien għaqdiet lokali u żewġ kumpanniji, meta l-Gvern qassam is-somma ta' Lm166,850 lill-għaqdiet u 'l kumpanniji sportivi? Għaliex il-fondi ta' Lm135,000 li ngħataw lill-Kumitat Olimpiku Malti ngħataw fi tliet pagamenti differenti u mhux mill-bidu nett?
ONOR. EVARIST BARTOLO (Ministru ta' l-Edukazzjoni u Kultura Nazzjonali): Nirriferi l-Onor. Interpellant għat-tweġiba parlamentari numru 7828 mogħtija fis-seduta numru 106.
UNIVERSITA' - INĠINIERA RIĊERKATURI
7386. L-ONOR. JOE CASSAR staqsa lill-Ministru ta' l-Edukazzjoni u Kultura Nazzjonali: B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari tiegħi numru 6710 u t-tweġiba mogħtija fil-11 ta' Lulju, jista' l-Ministru jgħid għaliex la hemm ħtieġa ta' għaxar riċerkaturi temporanji qegħdin isiru biss intervisti biex jimtlew ħames postijiet?
ONOR. EVARIST BARTOLO: Nirriferi l-Onor. Interpellant għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari numru 7843 mogħtija fis-seduta numru 107.
PA - ĦADDIEMA
7591. L-ONOR. ĊENSU GALEA (f'isem l-Onor. Ninu Zammit) staqsa lill-Vici Prim Ministru, Ministru għall-Affarijiet Barranin u ta' l-Ambjent: Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid fil-preżent kemm hemm ħaddiema li huma seconded, on loan jew on a contract basis mal-Planning Authority? Kemm hemm ħaddiema li huma fuq il-kotba tal-Planning Authority li fil-preżent jinsabu seconded jew on loan ma' dipartimenti tal-gvern, korporazzjonijiet u ministeri?
ONOR. GEORGE VELLA: Fil-preżent l-Awtorita' ta' l-Ippjanar għandha magħha għaxar ħaddiema fuq definite contract basis u 316-il ħaddiem fuq indefinite contract basis, li minnhom erbgħa huma on loan ma' dipartimenti tal-gvern u 116 huma detailed ma' l-istess awtorita'.
MADAM SPEAKER: L-Onor. Ċensu Galea, mistoqsija supplimentari.
ONOR. ĊENSU GALEA: Madam Speaker, jekk m'iniex sejjer żball hemm xi ħaddiema fl-Awtorita' ta' l-Ippjanar, b'mod partikolari building inspectors, li jew talbu jew inkella jixtiequ jitilqu minn ma' l-awtorita' biex jirritornaw lura ma' dipartimenti tal-gvern. X'inhi l-pożizzjoni ta' dawn in-nies?
MADAM SPEAKER: Il-Viċi Prim Ministru.
ONOR. GEORGE VELLA: Madam Speaker, attwalment ma nafx eżatt b'dan l-iżvilupp li qed jitkellem fuqu l-kollega tiegħi. Nitolbu jagħmilli mistoqsija bil-miktub u nkun nista' nagħtih id-dettall eżatt.
PA - RUNNING COSTS, IMPJEGATI U PERMESSI
7592. L-ONOR. ĊENSU GALEA (f'isem l-Onor. Ninu Zammit) staqsa lill-Vici Prim Ministru, Ministru għall-Affarijiet Barranin u ta' l-Ambjent: Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid għall-perjodu mill-1 ta' Jannar, 1995 sat-30 ta' Ottubru, 1996 u l-1 ta' April, 1997 sal-11 ta' Lulju, 1997 rispettivament, kemm kienu r-running costs ta' l-Awtorita' ta' l-Ippjanar?
Kemm kien in-numru totali ta' impjegati ta' l-Awtorita' ta' l-Ippjanar, esklużi cleaners, xufiera u security guards?
Kemm kien in-numru ta' applikazzjonijiet għal bini, modifikazzjonijiet eċċ? Kemm kien in-numru ta' permessi li ġew approvati, maħruġa u mibgħuta lill-applikanti?
ONOR. GEORGE VELLA: L-informazzjoni hija kif ġej:
Period
Running costs
Employees*
01.01.95 - 30.10.96
Lm5,267,006
288
01.04.97 - 30.06.97
754,150
332
* excluding cleaners, drivers and security guards. Informazzjoni oħra rigward applikazzjonijiet u permessi tal-bini qed titqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra.
PEMBROKE - GROUND
7593. L-ONOR. ĊENSU GALEA (f'isem l-Onor. George Pullicino) staqsa lill-Ministru ta' l-Edukazzjoni u Kultura Nazzjonali: B'riferenza għat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari numru 6735, jista' l-Ministru jgħid x'azzjoni qed jieħu fuq dik l-ittra datata 18 ta' Lulju, 1996 ġaladarba ma nifhimx għalfejn dan il-club kellu jerġa' jressaq talba mill-ġdid wara l-bidla fil-gvern? Ma jaħsibx il-Ministru li ma jagħmilx sens li jintalab li ssir talba mill-ġdid?
ONOR. EVARIST BARTOLO: M'għandix x'inżid mar-risposta mogħtija għall-mistoqsija parlamentari numru 6735.
FONDAZZJONI GĦAX-XJENZA U TEKNOLOĠIJA - BIGHI
7594. L-ONOR. ĊENSU GALEA (f'isem l-Onor. George Pullicino) staqsa lill-Ministru ta' l-Edukazzjoni u Kultura Nazzjonali: B'riferenza għall-fatt tal-bini msemmi fil-mistoqsija parlamentari numru 7240 u t-tweġiba mogħtija li l-Gvern kien għaddih lill-Fondazzjoni għax-Xjenza u Teknoloġija fit-12 ta' Mejju, 1995 jista' l-Ministru jgħid jekk din il-fondazzjoni qablitx ma' dan it-tibdil fl-użu? Jekk iva, jista' jgħid meta ngħata dan il-kunsens?
ONOR. EVARIST BARTOLO: Jiena informat li fis-6 ta' Mejju, 1997 il-Prim Ministru, wara konsultazzjoni mal-Fondazzjoni għax-Xjenza u Teknoloġija, emenda l-att li bih il-Gvern kien għadda Bighi lill-imsemmija fondazzjoni.
UNIVERSITA' - INĠINIERA RIĊERKATURI
7678. L-ONOR. JOE CASSAR staqsa lill-Ministru ta' l-Edukazzjoni u Kultura Nazzjonali: Jista' l-Ministru jwieġeb għall-mistoqsija parlamentari numru 7386 li saret fil-11 ta' Lulju?
ONOR. EVARIST BARTOLO: Nirriferi l-Onor. Interpellant għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari numru 7843 mogħtija fis-seduta numru 107.
UE - FOURTH FRAMEWORK PROGRAMME
7747. L-ONOR. ĊENSU GALEA (f'isem l-Onor. George Pullicino) staqsa lill-Ministru ta' l-Edukazzjoni u Kultura Nazzjonali: B'riferenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari tiegħi numru 7403, jista' l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li l-ministeru ma jżommx lista ta' l-applikazzjonijiet li jkunu saru għall-INCO/DC, anke jekk l-applikazzjonijiet isiru direttament lill-kummissjoni ta' l-Unjoni Ewropea? Il-Kunsill Malti għax-Xjenza u Teknoloġija ma jżommx lista ta' dawn l-applikazzjonijiet?
ONOR. EVARIST BARTOLO: Meta l-Kunsill Malti għax-Xjenza u Teknoloġija jagħmel briefing session fuq l-INCO/DC, dejjem jitlob lil dawk li japplikaw għall-INCO/DC biex iżommu l-Kunsill Malti għax-Xjenza u Teknoloġija nformat. Uħud jagħmlu dan iżda oħrajn le. Għaldaqstant m'huwiex possibbli li l-Kunsill Malti għax-Xjenza u Teknoloġija jkollu lista komprensiva ta' dawk li jitfgħu l-applikazzjonijiet.
Ta' min jirrimarka li din hija sistema identika għal dik użata fl-1996.
UE - FOURTH FRAMEWORK PROGRAMME
7748. L-ONOR. ĊENSU GALEA (f'isem l-Onor. George Pullicino) staqsa lill-Ministru ta' l-Edukazzjoni u Kultura Nazzjonali: B'riferenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari tiegħi numru 7403, jista' l-Ministru jgħid x'kienu l-ispejjeż involuti sabiex il-partners Maltin jieħdu sehem fit-tliet proġetti? Meta saru ħlasijiet lil dawn il-partners u f'liema ammonti? Min ħallas għal dawn l-ispejjeż?
X'uża sal-lum il-Gvern Malti mill-protokoll finanzjarju tal-UE għal dan il-għan kif previst fl-istess ftehim?
ONOR. EVARIST BARTOLO: Il-proġetti huma dawn:
1) il-proġett Biomaerl, Maerl Biodiversity - functional structure and anthropogenic inputs - spejjeż għall-partners Maltin: ECU132,380;
2) il-proġett MEDUSE, The Mediterranean DUST experiment - monitoring and prediction of the atmoshpheric transport and deposition of desert dust in the Mediterranean region - spejjeż għall-partners Maltin: ECU93,625; u
3) il-proġett ABEL, Automated Back-End European Line - li jaqa' taħt l-ESPRIT Programme - spejjeż għall-partners Maltin: ECU693,799.
S'issa saru biss ħlasijiet fuq l-ewwel żewġ proġetti:-
1) il-proġett Biomaerl - ammont totali ta' Lm4,000 ingħata f'Lulju 1997 u ħlas għall-research assistant biex jaħdem fuq dan il-proġett; u
2) il-proġett MEDUSE - ammont totali ta' Lm5,876 ingħata f'Lulju 1997.
Il-Kunsill Malti għax-Xjenza u Teknoloġija ħallas dawn l-ispejjeż mill-extra budgetary funds li ngħataw mill-Gvern għall-Fourth Framework Programme. Il-Ministeru ta' l-Edukazzjoni u Kultura Nazzjonali se jidħol garanti għal dawn l-ispejjeż u se jħallas għar-research assistant biex jaħdem fuq il-proġett Biomaerl.
Għaddejjin negozjati bejn il-Gvern u l-kummissjoni tal-Unjoni Ewropea dwar l-użu tal-fondi allokati fil-protokoll finanzjarju ta' l-Unjoni Ewropea. Waqt li għaddejjin dawn in-negozjati, il-Gvern qed ikompli jappoġġa programmi ta' riċerka validi.
MADAM SPEAKER: L-Onor. Joe Cassar, mistoqsija supplimentari.
ONOR. JOE CASSAR: Jista' l-Ministru jgħidilna bejn wieħed u ieħor dawn in-negozjati f'liema stadju waslu?
MADAM SPEAKER: Il-Ministru Bartolo.
ONOR. EVARIST BARTOLO: Nitlob lill-Onor. Membru jagħmel il-mistoqsija lill-ministru kkonċernat.
KUNSILL MALTI GĦAX-XJENZA U TEKNOLOĠIJA - FONDI
7749. L-ONOR. GEORGE PULLICINO staqsa lill-Ministru ta' l-Edukazzjoni u Kultura Nazzjonali: B'riferenza għar-risposta mogħtija għall-mistoqsija parlamentari tiegħi numru 7093, jista' l-Ministru jagħti breakdown tas-somma minfuqa sat-30 ta' Ġunju, 1997?
ONOR. EVARIST BARTOLO: It-tagħrif mitlub mill-Onor. Interpellant qed jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
KUNSILL MALTI GĦAX-XJENZA U TEKNOLOĠIJA - CO-ORDINATOR
7751. L-ONOR. GEORGE PULLICINO staqsa lill-Ministru ta' l-Edukazzjoni u Kultura Nazzjonali: B'riferenza għar-risposta mogħtija għall-mistoqsija parlamentari tiegħi numru 7407, jista' l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li l-post ta' industry applications network se jibqa' vakanti matul din is-sena?
ONOR. EVARIST BARTOLO: Il-post ta' industry applications network mhux se jibqa' vakanti matul din is-sena għaliex se jiġi mħaddem fuq bażi part-time.
EDUKAZZJONI U KULTURA NAZZJONALI - HOSPITALITY
7617. L-ONOR. AUSTIN GATT staqsa lill-Ministru ta' l-Edukazzjoni u Kultura Nazzjonali: Jista' l-Ministru jwieġeb għall-mistoqsija parlamentari numru W562 li saret f'April, 1997?
ONOR. EVARIST BARTOLO: Tweġiba tingħata f'xi seduta oħra
XOGĦLIJIET PUBBLIĊI U KOSTRUZZJONI - HOSPITALITY
7618. L-ONOR. AUSTIN GATT staqsa lill-Ministru għax-Xogħlijiet Pubbliċi u Kostruzzjoni: Jista' l-Ministru jwieġeb għall-mistoqsija parlamentari numru W568 li saret f'April, 1997?
ONOR. JOE MIZZI (Ministru Mingħajr Portafoll fi Ħdan l-Uffiċċju tal-Prim Ministru) (f'isem il-Ministru għax-Xogħlijiet Pubbliċi u Kostruzzjoni): Nirriferi l-Onor. Interpellant għat-tweġiba li tajt għall-mistoqsija parlamentari numru W568 fis-seduta numru 101.
SAĦĦA, KURA TA' L-ANZJANI U AFFARIJIET TAL-FAMILJA - HOSPITALITY
7619. L-ONOR. AUSTIN GATT staqsa lill-Ministru tas-Saħħa, Kura ta' l-Anzjani u Affarijiet tal-Familja: Jista' l-Ministru jwieġeb għall-mistoqsija parlamentari numru W574 li saret f'April, 1997?
ONOR. MICHAEL FARRUGIA (Ministru tas-Saħħa, Kura ta' l-Anzjani u Affarijiet tal-Familja): In-nefqa għal hospitality magħmula mill-Ministeru tas-Saħħa, Kura ta' l-Anzjani u Affarijiet tal-Familja matul il-perijodu msemmi kienet ta' Lm5,441.12 maqsuma kif ġej:
Ministeru
Lm2,276.55
Segretarjat Parlamentari
1,070.00
Dipartiment tas-Saħħa
248.61
Dipartiment għall-Anzjani
474.88
Affarijiet tal-Familja
1,371.08
OPM - IMPJIEGI CASUAL
7620. L-ONOR. AUSTIN GATT staqsa lill-Prim Ministru: Jista' l-Prim Ministru jwieġeb għall-mistoqsija parlamentari numru W645 li saret f'Mejju, 1997?
ONOR. JOE MIZZI (f'isem il-Prim Ministru): Jiena nformat li sitt persuni ġew impjegati on a casual basis bħala casual social assistants fil-perijodu msemmi.
Dawn l-impjegati, li huma kkonsidrati bħala self-employed, jagħmlu parti mill-iskema tal-home help care li hija amministrata mill-Uffiċċju għall-Kura ta' l-Anzjani fi ħdan id-dipartiment tal-customer services tas-segretarjat parlamentari għal Għawdex.
L-Onor. Membru għamel l-istess mistoqsija wkoll lill-Ministru mingħajr Portafoll fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru bin-numru W654. Dan il-ministeru kellu jagħti tweġiba separata, inkluża l-informazzjoni dwar il-Korporazzjoni Telemalta.
MADAM SPEAKER: L-Onor. Joe Cassar, mistoqsija supplimentari.
ONOR. JOE CASSAR: Kif jaf il-Ministru, billi l-casual social assistants huma self-employed żdiditilhom il-kontribuzzjoni nazzjonali. GĦalhekk se tingħatalhom xi żieda, kif kien wiegħed il-Ministru tal-Ħarsien Soċjali fil-Parlament?
MADAM SPEAKER: Il-Ministru Mizzi.
ONOR. JOE MIZZI: Nitlob lill-Onor. Cassar jagħmel din il-mistoqsija lill-ministru konċernat u jkun jista' jingħata risposta.
EDUKAZZJONI - IMPJIEGI CASUAL
7621. L-ONOR. AUSTIN GATT staqsa lill-Ministru ta' l-Edukazzjoni u Kultura Nazzjonali: Jista' l-Ministru jwieġeb għall-mistoqsija parlamentari numru W647 li saret f'Mejju, 1997?
ONOR. EVARIST BARTOLO: Jiena nformat li fil-perijodu bejn l-1 ta' Novembru 1996 u l-31 ta' Marzu, 1997 in-numru ta' persuni li ġew impjegati fuq bażi każwali fid-dikasteru li għalih jien responsabbli huwa kif ġej:
Jiena nformat ukoll li fis-Segretarjat Parlamentari għaż-Żgħażagħ, Sport, Kultura u Arti, id-Dipartimenti tas-Servizzi Korporattivi, l-Eżamijiet, Mużewijiet u Libreriji, kif ukoll il-Fondazzjoni għall-Istudji Internazzjonali u l-Kunsill Malti għax-Xjenza u Teknoloġija ma mpjegaw lil ħadd fuq bażi każwali fil-perijodu ndikat mill-Onor. Interpellant.
FINANZI U KUMMERĊ - IMPJIEGI CASUAL
7622. L-ONOR. AUSTIN GATT staqsa lill-Ministru tal-Finanzi u Kummerċ: Jista' l-Ministru jwieġeb għall-mistoqsija parlamentari numru W648 li saret f'Mejju, 1997?
ONOR. LEO BRINCAT (Ministru tal-Finanzi u Kummerċ): Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li fil-perijodu msemmi l-ebda persuna ma ġiet impjegata fuq bażi każwali fid-dikasteru tiegħi.
PULIZIJA - TRAFFIC ACCIDENTS
7806. L-ONOR. JOSEPH ABELA (f'isem l-Onor. Adrian Vassallo) staqsa lill-Prim Ministru: Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm kien hawn traffic accidents sena b'sena mill-1987 'il hawn?
ONOR. JOE MIZZI (f'isem il-Prim Ministru): Ninsab informat li n-numru ta' inċidenti tat-traffiku sena b'sena mill-1987 'l hawn kien kif jidher hawn taħt:
1987
6,363
1988
6,958
1989
8,053
1990
7,948
1991
9,344
1992
10,348
1993
10,322
1994
12,353
1995
12,994
1996
15,265
1997*
7,028
*sat-30 ta' Ġunju
PULIZIJA - TRAFFIC ACCIDENTS
7807. L-ONOR. JOSEPH ABELA (f'isem l-Onor. Adrian Vassallo) staqsa lill-Prim Ministru: Jista' l-Prim Ministru jagħti breakdown tal-causes of traffic accidents li saru s-sena l-oħra?
ONOR. JOE MIZZI (f'isem il-Prim Ministru): Qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella li turi l-informazzjoni mitluba.
7808. L-ONOR. JOSEPH ABELA (f'isem l-Onor. Adrian Vassallo) staqsa lill-Ministru tal-Finanzi u l-Kummerċ: Jista' l-Ministru jgħid kemm kien l-interest on public debt sena b'sena minn 1987 'il hawn?
ONOR. LEO BRINCAT: It-tagħrif mitlub qed jitqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra.
BANEK - COMMERCIAL BANK LOANS
7809. L-ONOR. JOSEPH ABELA (f'isem l-Onor. Adrian Vassallo) staqsa lill-Ministru tal-Finanzi u l-Kummerċ: Jista' l-Ministru jgħid kemm kienu l-commercial bank loans fuq house purchases sena b'sena mill-1987 'il hawn?
ONOR. LEO BRINCAT: It-tagħrif mitlub huwa kif ġej:
1994
Lm4,531,876
1995
6,478,758
1996
8,059,931
1997 (għal 6 xhur)
4,744,323
MADAM SPEAKER: L-Onor. Joe Cassar, mistoqsija supplimentari.
ONOR. JOE CASSAR: Fil-mistoqsija tiegħu, l-Onor. Adrian Vassallo staqsa għall-informazzjoni mill-1987 'l hawn pero' l-informazzjoni li ngħatat hija mill-1994 'l hawn.
MADAM SPEAKER: Il-Ministru Brincat.
ONOR. LEO BRINCAT: L-Onor. Cassar għandu raġun pero' jiena qrajt it-tagħrif kif ġie mgħoddi lilna mil-Lohombus Bank. GĦalhekk nitlob lill-Onor. Interpellant jerġa' jissottometti l-mistoqsija rilevanti u nkun nista' nwieġbu f'seduta oħra.
MADAM SPEAKER: L-Onor. Lino Spiteri.
ONOR. LINO SPITERI: Bir-rispett kollu, Madam Speaker, din hija informazzjoni pubblika u allura ma naħsibx li hemm għalfejn wieħed joqgħod jieħu l-inkarigu li jerġa' jagħtiha f'din il-Kamra.
DĦUL NAZZJONALI - LIĊENZJI, TAXXI U MULTI
7810. L-ONOR. JOSEPH ABELA (f'isem l-Onor. Adrian Vassallo) staqsa lill-Ministru tal-Finanzi u Kummerċ: Jista' l-Ministru jgħid kemm kien ir-revenue tal-gvern minn liċenzji, taxes and fines sena b'sena mill-1987 'l hawn?
ONOR. LEO BRINCAT: It-tagħrif mitlub qed jitqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra.
MADAM SPEAKER: L-Onor. Lino Spiteri, mistoqsija supplimentari.
ONOR. LINO SPITERI: Billi fl-interpellanza li għadu kif wieġeb il-Ministru hemm riferenza għat-taxxi, nixtieq nistaqsi jekk lill-Ministru jirriżultalux li l-iżball li sar il-ġimgħa li għaddiet fil-ħruġ ta' ċerti pagi bil-final settlement tax imnaqqsa sar b'kapriċċ. Qed nistaqsi dan għaliex proprju sa 27 minuta ilu kont qed nisma' Radio 101 jgħid li l-iżball forsi sar b'kapriċċ. Mela dan qiegħed jakkuża lill-impjegati li għamlu dan l-iżball b'kapriċċ. Jirriżultalu hekk lilll-Ministru? U jekk jirriżultalu hekk, x'passi se jittieħdu? Jekk ma jirriżultax hekk, huwa l-każ li l-Broadcasting Authority tagħti kas din it-tiċpisa li Radio 101 għamel fuq il-ħaddiema li għamlu dan l-iżball? Safejn naf jiena, dan l-iżball sar mill-impjegati u mhux mill-ministru u allura ma nifhimx għaliex għandu jingħata slant politiku.
MADAM SPEAKER: Il-Ministru Brincat.
ONOR. LEO BRINCAT: Din in-news item jiena ma kellix l-opportunita' li nismagħha, kif semagħha l-kollega tiegħi, biss ninvestiga ma' l-Awtorita' tax-Xandir. Kif spjegajt anke fl-istqarrija li għamilt hawnhekk, se mai jirriżulta li kien hemm żball ta' negliġenza pero' aħna xorta waħda dehrilna li għandna nieħdu passi dixxiplinarji fir-rigward ta' min naqas.
MADAM SPEAKER: L-Onor. Lino Spiteri.
ONOR. LINO SPITERI: Biex nippreċiża - u anke fil-każ li l-Awtorita' tax-Xandir tagħti kas ta' dan li qiegħed jingħad f'din il-Kamra u tinvestiga - dak li ntqal ma kienx news item imma ntqal fi programm - ma nafx x'programm kien - li spiċċa proprju qabel ma beda l-bulettin ta' l-aħbarijiet tas-6.00 p.m.
DĦUL NAZZJONALI - N.I. CONTRIBUTIONS
7811. L-ONOR. JOSEPH ABELA (f'isem l-Onor. Adrian Vassallo) staqsa lill-Ministru tal-Finanzi u l-Kummerċ: Jista' l-Ministru jgħid kemm kien ir-revenue tal-gvern mill-bolla sena b'sena minn 1987 'il hawn?
ONOR. LEO BRINCAT: It-tagħrif mitlub qed jitqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra.
KUNSILL NAZZJONALI TAŻ-ŻGĦAŻAGĦ
7886. L-ONOR. ĊENSU GALEA (f'isem l-Onor. Richard Muscat) staqsa lill-Ministru ta' l-Edukazzjoni u Kultura Nazzjonali: B'riferenza għat-tweġiba li ta fit-12 ta' Mejju, 1997 għall-mistoqsija parlamentari numru 5317, jista' l-Ministru jgħid kemm-il laqgħa kellu s-Segretarju għaż-Żgħażagħ, Sport, Kultura u Arti minn Jannar 'il hawn mat-tliet rappreżentanti tiegħu fil-Kunsill Nazzjonali taż-Żgħażagħ?
ONOR. EVARIST BARTOLO: Tweġiba tingħata f'xi seduta oħra
MADAM SPEAKER: L-Onor. Francis Zammit Dimech, mistoqsija supplimentari.
ONOR. FRANCIS ZAMMIT DIMECH: Jidhirlu l-Ministru li fir-rigward ta' mistoqsija ta' din in-natura - fejn kulma jrid jagħmel huwa li jgħidilna kemm il-laqgħa saret mal-Kunsill Nazzjonali taż-Żgħażagħ - hemm għalfejn jittieħed iż-żmien sabiex tingħata risposta darb'oħra!
MADAM SPEAKER: Il-Ministru Bartolo.
ONOR. EVARIST BARTOLO: Wieħed mill-aktar ministeri li jkollu mistoqsijiet parlamentari x'jipproċessa u x'jara huwa l-Ministeru ta' l-Edukazzjoni. Aħna kemm jista' jkun nipprovaw inlaħħqu mal-mistoqsijiet li jidħlu, pero' l-Onor. Interpellant jifhem li wieħed xorta jrid ikun ċert li l-mistoqsijiet parlamentari li ma jitolbux ħafna sforz għal tweġiba, jipproċessahom u jarahom qabel jingħataw f'din il-Kamra.
BIBLJOTEKA NAZZJONALI
7887. L-ONOR. ĊENSU GALEA (f'isem l-Onor. Richard Muscat) staqsa lill-Ministru ta' l-Edukazzjoni u Kultura Nazzjonali: B'riferenza għat-tweġiba li ta fit-13 ta' Mejju, 1997 għall-mistoqsija parlamentari tiegħi numru 5192, u partikolarment għall-parti finali tal-mistoqsija, jista' l-Ministru jgħid jekk it-tender ħarġitx? Jekk fl-affermattiv, jista' jgħid x'irriżulta?
ONOR. EVARIST BARTOLO: Nhar il-Ġimgħa 13 ta' Ġunju, 1997 ġew ippubblikati żewġ sejħiet għall-offerti fil-Gazzetta tal-Gvern, waħda għal xogħlijiet ta' l-elettriku u protezzjoni mis-sajjetti fil-Bibljoteka u l-oħra għal provvista ta' fire detecting and suppression system fl-istess Bibljoteka. Dawn is-sejħiet jagħlqu nhar il-Ħamis 24 ta' Lulju, 1997.
KULTURA - SAHRA
7888. L-ONOR. ĊENSU GALEA (f'isem l-Onor. Richard Muscat) staqsa lill-Ministru ta' l-Edukazzjoni u Kultura Nazzjonali: Jista' l-Ministru jgħid kemm tħallset sahra lill-impjegati li jaħdmu fil-fergħa tad-Dipartiment tal-Kultura f'Ħal Luqa matul l-1996 u mill-bidu ta' din is-sena sa l-aħħar ta' Ġunju li għadda?
ONOR. EVARIST BARTOLO: Tweġiba tingħata f'xi seduta oħra
KULTURA - SAHRA
7889. L-ONOR. ĊENSU GALEA (f'isem l-Onor. Richard Muscat) staqsa lill-Ministru ta' l-Edukazzjoni u Kultura Nazzjonali: Jista' l-Ministru jgħid kemm tħallset sahra lill-impjegati li jaħdmu fil-fergħa tad-Dipartiment tal-Kultura f'Ħal Luqa b'konnessjoni mal-Festival Internazzjonali ta' l-Arti li għadu kif intemm?
ONOR. EVARIST BARTOLO: Tweġiba tingħata f'xi seduta oħra
KULTURA - EUROVISION SONG CONTEST
7890. L-ONOR. ĊENSU GALEA (f'isem l-Onor. Richard Muscat) staqsa lill-Ministru ta' l-Edukazzjoni u Kultura Nazzjonali: Billi saru stqarrijiet pubbliċi li l-kumitat li ħa ħsieb il-parteċipazzjoni ta' Malta fil-Eurovision Song Contest iffranka l-flus fil-konfront ta' snin oħra billi ra li l-video tal-kanzunetta Maltija jinħadem f'Malta, jista' l-Ministru jgħid kemm kienu effettivament il-flus iffrankati lill-Kaxxa ta' Malta? Jista' jgħid kemm kien jonfoq il-kumitat biex jagħmel il-video fis-snin li għaddew u kemm fil-fatt nefaq din is-sena?
ONOR. EVARIST BARTOLO: Tweġiba tingħata f'xi seduta oħra
7891. L-ONOR. ĊENSU GALEA (f'isem l-Onor. Richard Muscat) staqsa lill-Ministru ta' l-Edukazzjoni u Kultura Nazzjonali: Jista' l-Ministru jispjega sewwa sew fiex se tikkonsisti l-parteċipazzjoni ta' kantanti barranin fil-Festival tal-Kanzunetta Maltija li se jsir aktar tard din is-sena f'Għawdex?
ONOR. EVARIST BARTOLO: Tweġiba tingħata f'xi seduta oħra
IMPJIEGI - REĠISTRAZZJONI 7920. L-ONOR. JOE CASSAR staqsa lill-Ministru tal-Ħarsien Soċjali: B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari numru 6956 u t-tweġiba mogħtija fis-Seduta tal-15 ta' Lulju, jista' l-Ministru jgħid għal liema xogħol kienu qed jirreġistraw il-505 persuni li f'Ġunju ma komplewx jirreġistraw minn jeddhom?
ONOR. EDWIN GRECH (Ministru tal-Ħarsien Soċjali): Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar.
MADAM SPEAKER: L-Onor. Joe Cassar, mistoqsija supplimentari.
ONOR. JOE CASSAR: Billi l-aħħar darba kellu mistoqsija u wera tħassib serju dwar in-numru ta' nies li mhux qed ikomplu jirreġistraw minn jeddhom u kellu jara ftit x'qed jiġri, jista' l-Ministru jgħidilna jekk wasalx għal xi konklużjoni s'issa?
MADAM SPEAKER: Il-Ministru Grech.
ONOR. EDWIN GRECH: Dan li qed jgħid l-Onor. Membru jitlob ħafna xogħol ta' riċerka u meta jkolli l-informazzjoni f'idi ngħaddihielu.
MADAM SPEAKER: L-Onor. Cassar.
ONOR. JOE CASSAR: Il-mistoqsija supplimentari li għamilt jien issa ma kenitx dwar in-nurmu. L-aħħar darba l-Ministru qal li se jagħmel investigazzjoni. Jien qed nistaqsi jekk investigax s'issa.
MADAM SPEAKER: Il-Ministru.
ONOR. EDWIN GRECH: Tlabt biex isir l-istħarriġ u dan qiegħed isir. Kif ikolli r-riżultat nagħtihulek.
VETERINARJI
7921. L-ONOR. JOE CASSAR staqsa lill-Ministru tas-Saħħa, Kura ta' l-Anzjani u Affarijiet tal-Familja: Jista' l-Ministru jgħid kemm hawn veterinarji f'Malta u Għawdex u kemm minnhom jaħdmu fis-servizz pubbliku?
ONOR. MICHAEL FARRUGIA: Mir-reġistru mediku jirriżulta li veterinarji hawn tmintax joqogħdu Malta u wieħed Għawdex. Rigward kemm minn dawn il-veterinarji jaħdmu fis-servizz pubbliku għandha ssir talba lill-Ministru ta' l-Agrikultura.
TELEMALTA- LINJI TAT-TELEPHONE
7922. L-ONOR. JOE CASSAR staqsa lill-Ministru mingħajr Portafoll fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru: Jista' l-Ministru jgħid kemm hawn linji tat-telephone fi djar u għall-użu ta' kummerċ jew ta' professjoni f'Malta u Għawdex?
ONOR. JOE MIZZI: L-informazzjoni mitluba qed tinġabar u risposta tingħata f'xi seduta oħra.
Jiddispjaċini li din l-informazzjoni ma nistax nagħtiha issa għax ma kienx minnu dak li kienet tgħid l-amministrazzjoni l-oħra li bis-sistema l-ġdida komputerizzata l-informazzjoni setgħet tinġabar kollha u malajr.
IMPJIEGI - ĦADDIEMA MSIEĦBA F'UNION
7923. L-ONOR. JOE CASSAR staqsa lill-Ministru tal-Ħarsien Soċjali: Jista' l-Ministru jgħid kemm hawn ħaddiema f'Malta u f'Għawdex li huma msieħba f'xi union? Kemm minn dawn jaħdmu fis-servizz pubbliku u f'korpi parastatali/mal-privat?
ONOR. EDWIN GRECH: In-numru ta' ħaddiema mseħbin f'unions f'Malta u f'Għawdex huwa ta' 79,136. Ir-reġistratur tat-trade unions ma jkollux tagħrif dwar fejn jaħdmu l-membri ta' l-unions.
Għalkemm xi unions bħalma huma l-GWU u l-UĦM għandhom taqsimiet għal ħaddiema tal-gvern u tal-parastatali, ma jistax jiġi eskluż li jkun hemm ħaddiema fis-setturi tal-gvern u tal-parastatali li jifformaw parti minn taqsimiet oħrajn.
Għal tagħrif aħjar nitlob lill-Onor. Interpellant biex jikkonsulta r-rapport tar-reġistratur tat-trade unions maħruġ fit-3 ta' Jannar, 1997.
MADAM SPEAKER: Grazzi. Il-ħin tal-mistoqsijiet għadda. Ngħaddu għal Tqegħid ta' Karti. Il-Ministru Noel Farrugia.