Template for Published Version of Sittings



Yüklə 218,99 Kb.
səhifə1/4
tarix16.04.2018
ölçüsü218,99 Kb.
#48269
  1   2   3   4
    Bu səhifədəki naviqasiya:
  • MINUTI

MALTA

DIBATTITI TAL-KAMRA TAD-DEPUTATI
(Rapport Ufficjali u Rivedut)


ID-DISA' PARLAMENT

Seduta Nru. 758

L-Erbgħa, 19 ta' Ġunju, 2002

Stampat fl-Ufficcju ta' l-Iskrivan

Kamra tad-Deputati

MALTA

Prezz Lm1


ID-DISA' PARLAMENT


Seduta Nru. 758
L-Erbgħa, 19 ta' Ġunju, 2002

Il-Kamra tad-Deputati ltaqgħet fil-Kamra tal-Parlament,

il-Palazz, il-Belt Valletta, fis-9.02 a.m.

Talba

SEDUTA NRU. 758


L-Erbgħa, 19 ta' Ġunju, 2002


WERREJ


MINUTI 205

MISTOQSIJIET – TWEĠIBIET ORALI 205

TQEGĦID TA' KARTI 210

ORDNIJIET TAL-ĠURNATA 210

ABBOZZ TA' LIĠI DWAR L-GĦAQDIET TAL-PRODUTTURI 210

PRODUCERS' ORGANISATIONS BILL 210

ABBOZZ TA' LIĠI DWAR IS-SIGURTA` FL-IKEL 211

FOOD SAFETY BILL 211

ABBOZZ TA' LIĠI LI JEMENDA L-ATT DWAR IL-KONVENZJONI EWROPEA 212

EUROPEAN CONVENTION (AMENDMENT) BILL 212

AĠĠORNAMENT 232

Abbozz ta’ Liġi li jemenda l-Att dwar il-Konvenzjoni Ewropea - Tieni Qari (Kont.); 232



MISTOQSIJIET GĦAL TWEĠIBIET ORALI MWIEĠBA BIL-MIKTUB 238


MINUTI



Il-Minuti tas-Seduta Nru 757 li saret fit-18 ta’ Ġunju, 2002 ġew konfermati.

MISTOQSIJIET – TWEĠIBIET ORALI



KLANDESTINI
32590. L-ONOR. NOEL FARRUGIA staqsa lill-Ministru ta' l-Intern u l-Ambjent: Jista' l-Ministru jgħid kemm klandestini nqabdu fl-ewwel tliet xhur ta' din is-sena? Jista' jagħti l-informazzjoni għall-istess perjodu għal dawn l-aħħar ħames snin?
ONOR. NINU ZAMMIT (Ministru għall-Agrikoltura u Sajd) (f'isem il-Ministru ta' l-Intern u l-Ambjent): Ninsab informat illi bejn l-1 ta' Jannar u l-31 ta' Marzu, 2002 il-pulizija qabdu 234 klandestin, filwaqt li matul l-istess xhur ta' bejn l-1997 u l-2001 ma kien hemm l-ebda każ.

PORTIJIET - KONTROLL KONTRA L-MARD
32591. L-ONOR. NOEL FARRUGIA staqsa lill-Ministru għall-Agrikoltura u Sajd: Jista' l-Ministru jinformani bl-azzjonijiet li qed jissoktaw sabiex fil-portijiet ta’ Malta u Għawdex jiġu segwiti miżuri ta' kontroll ħalli f'pajjiżna ma tidhirx il-marda ta' l-ilsien u d-dwiefer? Jista' jgħid x'miżuri qed jittieħdu u meta saru spezzjonijiet matul dawn l-aħħar tliet xhur sabiex ikun assigurat dan il-kontroll?
ONOR. NINU ZAMMIT: Bħalissa qegħdin isiru l-kontrolli normali fuq il-prodotti filwaqt li fid-dwana qed jiġi assigurat li l-ebda prodott ta' l-annimali ma jiddaħħal mill-passiġġieri.
MR SPEAKER (Onor. Anton Tabone): L-Onor. Farrugia, domanda supplimentari.
ONOR. NOEL FARRUGIA: Jista' l-Ministru almenu jara li ċerti prekawzjonijiet f'dak li huwa ġarr ta' annimali minn razzett għal ieħor, jibqgħu jiġu segwiti? Lili jirriżultali li m'huwiex qed isir follow-up bis-serjeta` f'dan ir-rigward.
MR SPEAKER: Il-Ministru.
ONOR. NINU ZAMMIT: F'pajjiżna għall-grazzja t'Alla l-ebda farm m'huwa mniġġeż bil-marda ta' l-ilsien u d-dwiefer. Kuntrarjament għal dak li qed jgħid l-Onor. Interpellant, lili jirriżultali li fl-irziezet kulħadd jieħu l-prekawzjonijiet kollha biex il-merħliet ma jiġux affetwati minn xi tip ta' mard.
MR SPEAKER: L-Onor. Farrugia.
ONOR. NOEL FARRUGIA: Mr Speaker, filwaqt li m'għandi l-ebda dubju mill-ħniena u mill-grazzja t'Alla, jista' l-Ministru jara li f'kull farm ikun hemm ilma disinfettant ħalli kull vettura li tidħol u toħroġ titnaddaf minn ċerta bacteria li tista' tikkaġuna mhux biss il-marda ta' l-ilsien u d-dwiefer imma kwalunkwe tip ta' mard ieħor? Mhux billi mingħalina li kollox miexi fuq ir-rubini!
MR SPEAKER: Il-Ministru.
ONOR. NINU ZAMMIT: Mr Speaker, l-għan ta' kull min imexxi dan il-qasam hu li kemm jista' jkun ix-xogħol jimxi fuq ir-rubini. Napprezza li mhux kollox jimxi kif tkun tridu, pero' konvint illi r-raħħala jieħdu l-prekawzjonijiet kollha neċessarji biex jaraw li kemm jista' jkun l-operat jimxi smooth.
Rigward l-ilma disinfettant, jiena persważ li r-raħħala jobdu u jesegwixxu d-direttivi li jinħarġu perjodikament mid-direttur ġenerali responsabbli mis-servizzi veterinarji.
MR SPEAKER: L-Onor. Farrugia.
ONOR. NOEL FARRUGIA: Jista' l-Ministru ġentilment jinformana meta hu personalment f'dawn l-aħħar sitt xhur għamel spezzjonijiet biex jaċċerta ruħu f'dan is-sens?
MR SPEAKER: Il-Ministru.
ONOR. NINU ZAMMIT: Mr Speaker, fid-dipartiment għas-servizzi veterinarji hemm tekniċi li jifhmu aktar mill-politiċi u huma jagħmlu l-monitoring u jaraw li l-irziezet jinżammu up to standard sabiex tiġi eliminata kull possibbilta' ta' mard.
Fid-domanda tiegħu l-Onor. Interpellant staqsieni dwar l-azzjoni li qed tittieħed fil-portijiet biex jiġu segwiti miżuri ta' kontrolli ħalli ma tfeġġx il-marda ta' l-ilsien u d-dwiefer. Is-servizzi veterinarji jagħmlu l-almu tagħhom biex iżommu din il-marda 'l bogħod minn xtutna u s'issa nistgħu ngħidu li għall-grazzja tal-ħanin Alla, din il-marda nżammet 'il bogħod. Is-servizzi veterinarji jieħdu l-miżuri u l-prekawzjonijiet kollha biex jassiguraw li l-ebda tip ta' mard ma jinġarr minn razzett għal ieħor.
Barra minn hekk, jien perjodikament inżur l-irziezet – għax niġi mistieden mir-raħħala stess - u nista' ngħid li wħud minnhom tant jinżammu fi stat tajjeb li tkun qisek dieħel f’abitazzjoni residenzjali, pero' mhux se noqgħod insemmi liema huma l-irziezet li żort.
MR SPEAKER: L-Onor. Farrugia.
ONOR. NOEL FARRUGIA: L-ewwelnett lill-Ministru ma tlabtux jgħidli liema kienu l-irziezet li żar imma staqsejtu jekk f'dawn l-aħħar sitt xhur marx hu personalment jispezzjona l-irziezet biex jara li qed jiġi sostnut il-pjan ta' kontinġenza tal-gvern dwar il-ħarsien mill-marda ta' l-ilsien u d-dwiefer u minn xi mard ieħor. Xtaqtu jgħidli wkoll jekk żarx il-portijiet għal dan l-istess skop.
MR SPEAKER: Il-Ministru.
ONOR. NINU ZAMMIT: Mr Speaker, waqt li niġbed l-attenzjoni ta’ l-Onor. Membru li d-domanda tiegħu oriġinali kienet tittratta fuq il-portijiet u mhux fuq l-irziezet, nerġa’ nirrepeti li jiena nżur diversi rziezet u naf li ħafna minnhom jinżammu f'livell għoli ħafna.
Rigward iċ-checking fil-portijiet, dan isir mill-uffiċjali kompetenti li jaħdmu fit-taqsima tas-servizzi veterinarji u nista’ nikkonferma li dawn jieħdu l-miżuri kollha neċessarji biex jassiguraw li din il-marda ma tidħolx f'pajjiżna. Meta madwar sena u nofs ilu fl-Ewropa kien hawn outbreak ta' din il-marda, konna ħadna l-miżuri kollha biex nassiguraw li l-marda ma tidħolx – naħseb li kienu aktar ebsin minn ta' pajjiżi oħra – u nistgħu ngħidu bi ftaħir li rnexxielna.
MR SPEAKER: L-Onor. Farrugia.
ONOR. NOEL FARRUGIA: Filwaqt li naqbel mal-Ministru li għandu joqgħod fuq dak li jgħidulu t-tekniċi li għandu fid-dipartiment, jista' jgħidilna min-naħa tiegħu x'passi ħa u x'konsultazzjoni għamel sabiex jinvestiga s-sitwazzjoni illi qed jiffaċċjaw is-sajjieda Maltin fil-kwestjoni tas-sajd tat-tonn, anke fir-rigward ta' dak li ġie rrapportat fil-ġurnali kemm il-bieraħ kif ukoll illum?
MR SPEAKER: Il-Ministru.
ONOR. NINU ZAMMIT: Mr Speaker, bħalissa l-istaġun tas-sajd tat-tonn qiegħed fl-aqwa tiegħu u ma nistax niċħad li ġieli jinqalgħu xi inċidenti. Imma rrid ngħid li jeżisti agreement bejn il-koperattivi tas-sajjieda Maltin u l-koperattivi tas-sajjieda Taljani biex f’każ li jinqala’ xi inċident isir l-arranġament neċessarju.
Irridu niftakru li hemm sajjieda li jistadu għat-tonn permezz ta' konz bis-sistema tal-long-lining, jiġifieri li jkun jikkonsisti fi xlief twil 'il fuq minn kilometru u miegħu jkun hemm ħafna snanar, filwaqt li sajjieda oħra jaqbdu t-tonn permezz ta' xibka, imbagħad dan jintefa' ġo gaġġa u din tiġi rmunkata minn tug boat. Ġieli jiġri li meta t-tug boat tkun qiegħda tirmonka l-gaġġa jinqabdu magħha l-konzijiet u ssir ħafna ħsara.
F'dan it-tip ta' xogħol sfortunatament l-inċidenti jinqalgħu kull mument, u infatti, jien informat li l-bieraħ stess kien hemm erba' inċidenti u nqala' ieħor il-lejl li għadda. Fil-fatt għaddejjin proċeduri biex is-sajjieda jissetiljaw il-problema bejniethom.
MR SPEAKER: L-Onor. Farrugia.
ONOR. NOEL FARRUGIA: Jien nieħu gost nisma' lill-Ministru jkompli bil- follow-up tiegħu u jgħid li kollox miexi ħarir u kollox se jiġi rranġat! F'dan l-ispirtu u fid-dawl ta' dak li qed tgħid l-Unjoni Ewropea, u cioe' li biex ikun hemm aktar protezzjoni ta’ l-istocks tal-ħut trid titnaqqas flotta, partikolarment fir-reġjun tal-Mediterran, jista' l-Ministru jgħid x'inhi l-policy tal-gvern f'dak li għandu x'jaqsam ma' l-użu tal-purse-seiners? Il-gvern iħares lejn il-purse-seiners bħala xi ħaġa distruttiva u għaldaqstant aħjar napplikaw ċerti mezzi selettivi oħra biex jinqabad it-tonn, jew huwa favur tagħhom? Veru li l-purse-seiners iġibu magħhom dawn id-diffikultajiet u ljieli koroh u ta' biża' – qed nikkwota minn "l-orizzont" ta' dalgħodu – għas-sajjieda Maltin u Għawdxin?
MR SPEAKER: Il-Ministru.
ONOR. NINU ZAMMIT: L-Onor. Interpellant qed isemmi l-iljieli koroh u ta' biża'. Naturalment f'kull tip ta' xogħol għandek is-sabiħ u l-ikrah, iżda mhux għax jinqala' xi inċident tgħid li waqgħet id-dinja! Inċidenti kien ikun hemm fil-passat, għadu jkun hemm u se jibqa' jkun hemm. Sakemm inti għandek nies li jaħdmu b'apparat differenti tistenna li jkun hemm xi forma ta' inċident. L-importanti hu li jkun hemm l-irġulija, li dawn in-nies jiftehmu bejniethom u li ma jkunx hemm min joqgħod jippompja minn wara biex l-affarijiet nonfħuhom aktar milli hemm bżonn.
L-Onor. Interpellant staqsa dwar diversi affarijiet, u anke semma l-overfishing. Fil-fatt il-pajjiżi tad-dinja kollha u mhux biss dawk ta’ l-Unjoni Ewropea huma konxji minn din il-problema. Mela inti taħseb li fl-Amerika ta’ Fuq, fl-Amerika t’Isfel, fl-Awstralja, fi New Zealand, fil-Ġappun u fil-bqija ta’l-Asja m'hemmx overfishing? Mhux kulħadd jaf li fid-dinja kollha jeżisti l-overfishing! L-Ewropa hija istituzzjoni serja biżżejjed u qiegħda tgħid li m'għandniex noqogħdu nparlaw biss dwar l-overfishing u ma nagħmlu xejn. L-Unjoni qiegħda tgħidilna biex ningħaqdu u nieħdu l-passi neċessarji. (Interruzzjonijiet)
ONOR. NOEL FARRUGIA: Mr Speaker, ma nafx kif is-Sedja tippermettilu jirrispondi b’dan il-mod.

MR SPEAKER: Ippermettili ftit, Onor. Farrugia. Inti taf li ma nistax nindaħallu x'iwieġeb. X'inhi d-domanda tiegħek, jekk jogħġbok?

ONOR. NOEL FARRUGIA: Jien qed nitlob lill-Ministru jgħidli x’inhi l-policy tal-gvern fejn jidħlu l-purse-seiners, fil-kuntest tal-politika tal-Gvern Malti li jissieħeb fl-Unjoni Ewropea. Jekk il-Ministru m'huwiex lest li jirrispondi għad-domandi li qed nagħmillu ħalli nżommu din id-diskussjoni ħajja, jien niddikjara bil-quddiem li mhux se nagħmel aktar mistoqsijiet bħala sinjal ta’ protesta għall-mod kif il-Ministru qed jirrendi bla sugu l-ħin tal-mistoqsijiet u anke għan-nuqqas ta' support min-naħa tas-Sedja. (Interruzzjonijiet)
MR SPEAKER: Onor. Farrugia, inti taf li għajjatlek ripetutament biex tagħmel domandi supplimentari u l-Ministru hu fid-dover li jwieġeb għalihom. Jien daqshekk nista' nagħmel u m'għandix triq oħra. Ikompli l-Ministru.
ONOR. NINU ZAMMIT: Tant nimxu ta' nies minn din in-naħa li mill-ilsien u d-dwiefer issa morna għall-overfishing, għat-tonn u għall-purse-seiners, pero' jien ma nistenniex li jiġi bniedem, jagħmel set ta' mistoqsijiet - lanqas tkun taf fejn beda u fejn spiċċa – u jippretendi li nwieġbu.
Jien nerġa' ngħid li l-overfishing mhux fl-Unjoni Ewropea biss isir imma fid-dinja kollha. Jien kont qed ngħid li l-Unjoni u l-pajjiżi l-oħra huma konxji mill-problema tal-qbid ta' ħut bla rażan. Issa x'qegħdin ngħidu fuq il-purse-seining, il-qbid tal-ħut permezz ta' xibka, xogħol li ilu jsir għal għexieren ta' snin? Jien kif nista' ngħid jekk dan il-mezz huwiex ħażin jew tajjeb? Il-qbid ta' ħut bix-xibka huwa tajjeb għal ċerti speċi ta' ħut u huwa ħażin għal ċerti speċi oħra. Nafu li hemm trawlers kbar li joħorġu 'l barra biex jistadu u qabel xahrejn, tlieta ma jerġgħux jirritornaw. Kull vapur ikollu fabbrika sħiħa fuqu u l-ħut li jinqabad jiġi ppakkjat u pproċessat ġol-laned u mhux iffriżat. Aħna għal dan it-tip ta' overfishing qed nitkellmu.
Issa fil-Mediterran u anke fl-Amerika daħal il-kunċett li jkun hawn il-fish-farming tat-tuna. Jiena dan naqbel miegħu għax huwa l-mod kif tista' tgħin biex ma jkunx hawn overfishing fl-ibħra tad-dinja. Il-purse-seining jintuża biex wara li t-tonn ikun bejjed jintefa' ġol-gaġeġ, jerġa' jeħxien u jkun f'pożizzjoni li jitqatta' u jintbagħat lejn swieq differenti, b'mod partikolari lejn is-swieq tal-Ġappun u tal-Korea t’Isfel bi prezzijiet tajbin. Jien m'għandi xejn kontra dan it-tip ta' sajd pero' ma nistax ngħid li jiena kontra l-purse-seiners. Jekk il-purse-seining ikun ikkontrollat bil-għaqal skond parametri li ma joqtolx il-ħut kollu, jiena favur tiegħu. Pero' ejja naraw x'inhi l-pożizzjoni ta' Malta dwar dan, Sur President.
Qabel xejn f'pajjiżna m'għandniex overfishing. Aħna m'aħniex l-Italja, m'aħniex f'Norway, m'aħniex l-Ingilterra, m'aħniex il-Portugal u m'aħniex Spanja. In-nitfa tagħna taqdi l-ħteġijiet ta' pajjiżna u m'għandniex overfishing u allura rridu nagħmlu dak li qed jagħmel il-gvern. Il-gvern irid li l-area ta' madwar Malta tiġi ddikjarata bħala zona ta' konservazzjoni ħalli nassiguraw li din tkun area kkontrollata, li ġo fiha jbid il-ħut, il-bajd ifaqqas u ladarba jkollok il-ħut, ikollok l-industrija tas-sajd u jkollok is-sajjieda. Dan li qegħdin nagħmlu aħna. U għalhekk nhar is-Sibt li għadda l-gvern ħabbar li se jgħin finanzjarjament lis-sajjieda biex jara li din il-conservazation zone taħdem billi anke nikkontrollaw l-ammont ta' qbid f'din iz-zona.
Fil-fatt il-gvern se joħroġ Lm2.4 miljun ħalli ċerti bastimenti li qabel kienu jistadu f'din iż-żona, jinħarġu 'l barra minn 25 mil u jistadu hemmhekk. Irridu niftakru li 80% tas-sajd isir barra mill-25 mil u allura l-gvern - naħseb għall-ewwel darba fl-istorja tas-sajd f'pajjiżna – qed jagħti din l-injection finanzjarja ħalli ċerti bastimenti nirranġawhom u nagħmluhom aktar safe biex ikunu jistgħu jistadu 'l barra. Għax biex tistad fiz-zona tagħna trid tkun f'ċerti parametri. Jiġifieri li tiġi tgħid li sajjieda barranin jiġu hawnhekk veru m'aħniex nifhmu x'qegħdin nagħmlu! Għax f'din iż-żona trid tistad kemm-il darba inti ma taqbiżx il-fishing effort u dan kollu se jiggarantixxi illi ż-żona ta' 25 mil madwar Malta, verament issir żona ta' konservazzjoni.

Rigward jekk l-Onor. Interpellant iridx jagħmel aktar mistoqsijiet jew le nħalli f'idejh, għalkemm jien nista' ngħid li nieħu gost li jagħmilli l-mistoqsijiet.



OVERTIME
32617. L-ONOR. NOEL FARRUGIA staqsa lill-Ministru għall-Agrikoltura u Sajd: Jista' l-Ministru jgħid kemm-il siegħa overtime għamlet il-persuna - isimha qed jintbagħat separatament - minn Jannar ta' din is-sena 'l hawn? Kemm fil-fatt ilha mal-ministeru u jew mad-dipartiment din il-persuna? Kemm-il siegħa overtime għamlet din il-persuna matul l-1999, 2000 u l-2001? X'inhuwa r-rwol ta' din il-persuna fil-ministeru jew fid-dipartiment?
ONOR. NINU ZAMMIT: Jien informat li l-persuna li għaliha qed jirriferi l-Onor. Interpellant għandha rwol ta' security officer u ilha mal-ministeru mit-18 ta' Jannar, 2000. Din il-persuna għamlet 31 siegħa sahra bejn Jannar u Frar ta' din is-sena. Fis-snin 2001 u 2000 is-sahra li ħadem telgħet għal 485 u 363.5 siegħa rispettivament.

GĦAJNUNA
32618. L-ONOR. NOEL FARRUGIA staqsa lill-Ministru tas-Saħħa: B'riferenza għall-urġenza tal-każ li d-dettalji tiegħu qed jintbagħtu separatament, jista' l-Ministru jara li din il-persuna tingħata l-għajnuna meħtieġa?
ONOR. LOUIS DEGUARA (Ministru tas-Saħħa): L-informazzjoni mitluba mill-Onor Interpellant hija ta' natura personali, u għalhekk għandha tiġi segwita l-proċedura kif indikata fit-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 13567.
Mr Speaker, nieħu l-opportunita` biex niġbed l-attenzjoni ta’ l-Onor. Membri kollha - mhux ta' l-Onor. Farrugia biss għax ovvjament dawn it-tip ta' domandi jsiru miż-żewġ naħat tal-Kamra lili bħala ministru tas-saħħa - illi sakemm jibqgħu jsiru domandi li jitolbu particulars li jinvolvu s-saħħa ta' persuna, jiena ma nkunx f'pożizzjoni li nirrispondi jekk ma jkollix talba bil-miktub min-naħa tal-pazjent biex jiena nkun nista' niżvela ċerta informazzjoni illi tkun ta' ċertu grad ta' konfidenzjalita`.
Qiegħed ngħid dan kollu għax nifhem li ż-żewġ naħat tal-Kamra jkunu taħt pressjoni mill-kostitwenti tagħhom stess. Pero` nitlobkom tifhmu l-limitazzjoni li għandi jien għax minkejja li jiena ministru tas-saħħa, m'għandix id-dritt li mmur inqalleb il-file ta' ħadd biex inkun naf x'inhu għaddej. U naħseb li m'huwiex fair fuq il-kostitwenti li jibqgħu jwasslu dawn it-tip ta' domandi, illi ħafna minnhom meta mbagħad nitlob biex tiġi segwita l-proċedura kif indikata hawnhekk, jiġifieri li jinġieb il-permess tal-pazjent stess, dawn rarament jaslu. Fil-fatt naħseb li fit-tliet snin u nofs li ili nirrispondi għal dawn it-tip ta' domandi, niddubita kienx hemm awtorizzazzjoni waħda!
MR SPEAKER: Grazzi. Il-ħin tal-mistoqsijiet għadda. Ngħaddu għal Tqegħid ta' Karti. Il-Ministru.


Yüklə 218,99 Kb.

Dostları ilə paylaş:
  1   2   3   4




Verilənlər bazası müəlliflik hüququ ilə müdafiə olunur ©muhaz.org 2024
rəhbərliyinə müraciət

gir | qeydiyyatdan keç
    Ana səhifə


yükləyin