MOZZJONI DWAR AVVIŻ LEGALI NRU 356 TAL-2010 – TARIFFI SKONT L-ATT DWAR I-IPPJANAR TAL-IŻVILUPP 177
AĠĠORNAMENT 198
Ordnijiet tal-Ġurnata 198
MISTOQSIJIET GĦAL TWEĠIBIET ORALI MWIEĠBA BIL-MIKTUB 199
MINUTI
Il-Minuti tas-Seduta Nru 273 li saret fl-4 ta’ Novembru, 2010 ġew konfermati.
MISTOQSIJIET - TWEĠIBIET ORALI
MĠARR YACHT MARINA - PRIVATIZZAZZJONI 17677. L-ONOR. ANTHONY AGIUS DECELIS (f’isem l-Onor. Helena Dalli) staqsiet lill-Ministru tal-Finanzi, l-Ekonomija u Investiment: Jista l-Ministru jagħti d-dettalji tal-privatizzazzjoni tal-yacht marina tal-Imġarr?
ONOR. TONIO FENECH (Ministru tal-Finanzi, l-Ekonomija u Investiment): Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari 20404, li tapplika wkoll għall-mistoqsijiet parlamentari 19316, 18718, 17960, 19181, 18471, 19055 u 18201.
MINISTERU TAL-FINANZI, L-EKONOMIJA U INVESTIMENT - KONSULENTI 19395. L-ONOR. JOSPEH M. SAMMUT (f’isem l-Onor. Leo Brincat): staqsa lill-Ministru tal-Finanzi, l-Ekonomija u Investiment: Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm konsulenti mal-Ministeru tiegħu li jaħdmu minimu ta’ 15-il siegħa fil-ġimgħa u/jew minimu ta’ 60 siegħa fix-xahar? Min huma? X’inhu x-xogħol ta’ konsulenza tagħhom? Kemm jitħallsu? Dan il-ħlas isir fuq bażi ta’ somma fissa maqbula bil-quddiem jew fuq bażi ta’ hourly attendance rate? Kemm minnhom huma specifically assignment based u min huma?
ONOR. TONIO FENECH: Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari 20003.
ENTITAJIET PUBBLIĊI - IMPJEGATI 19682. L-ONOR. JOSPEH SAMMUT (f’isem l-Onor. Chris Agius): staqsa lill-Ministru tal-Finanzi, l-Ekonomija u Investiment: Jista' l-Ministru jinforma kemm kien hemm impjegati mal-entitajiet pubbliċi f'Diċembru 2009?
ONOR. TONIO FENECH: Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi mal-entitajiet pubbliċi li jaqgħu taħt il-Ministeru tal-Finanzi, l-Ekonomija u Investiment f’Diċembru, 2009 kien hemm 5,091 impjegat.
THE DEPUTY SPEAKER (Onor. Ċensu Galea): L-Onor. Roderick Galdes, mistoqsija supplimentari.
ONOR. RODERICK GALDES: Qed nifhem sew li din iċ-ċifra tinkludi l-awtoritajiet jew id-dipartimenti tal-gvern biss?
THE DEPUTY SPEAKER: Il-Ministru.
ONOR. TONIO FENECH: Din tkopri l-entitajiet kollha.
MINISTERU GĦAL GĦAWDEX: VOT KAPITALI - VIREMENTS 19820. L-ONOR. L-ONOR. JOSPEH SAMMUT (f’isem l-Onor. Anton Refalo) staqsa lill-Ministru tal-Finanzi, l-Ekonomija u Investiment: Jista' l-Ministru jgħid x'virements saru taħt kull item of expenditure tal-vot kapitali tal-Ministeru għal Għawdex fl-2009 u din is-sena sal-aħħar ta' Settembru?
ONOR. TONIO FENECH: l-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
HOUSE OF FOUR WINDS 19868. L-ONOR. JOSPEH SAMMUT (f’isem l-Onor. Gino Cauchi) staqsa lill-Ministru tal-Finanzi, l-Ekonomija u Investiment: Jista’ l-Ministru jwieġeb separatament għal kull waħda minn dawn il-mistoqsijiet:
B’liema mod ittieħdet id-deċiżjoni li l-gvern jagħti s-sit ewlieni magħruf bħala House of Four Winds lill-Bank of Valletta?
Kien il-gvern li għamel din l-offerta jew kien il-bank li għamel talba ghal dan is-sit?
Kemm hi stmata l-House of Four Winds u min għamel l-istima?
Kien hemm proprjetajiet oħra li kienu kkunsidrati u, jekk iva, liema kienu?
Kemm hi stmata l-proprjetà tal-Bank of Valletta li se taqa' bħala parti mill-proġett ta’ Bieb il-Belt?
Il-valur tal-proprjetà li ngħata bħala kumpens lill-Bank of Valletta huwa inkluż fl-istima ta' €80 miljun li l-gvern ta għall-proġett?
Għaliex il-gvern ma ħassx li kellu jiġi quddiem il-Parlament biex jgħaddi proprjetà pubblika prima bħall-House of Four Winds lil dan il-Bank?
Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-kuntratt u l-kundizzjonijiet dwar it-trasferiment ta' din il-proprjetà?
Il-gvern rabat b'xi mod lill-Bank of Valletta li ma jistax ibigħ din il-proprjetà lil terzi jew x'tip ta' żvilupp jista' jsir biha?
ONOR. TONIO FENECH: Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi l-House of Four Winds ġiet allokata lill-Bank of Valletta bħala post alternattiv għall-fond li l-Bank of Valletta kellu f’South Street, liema fond huwa meħtieġ in konnessjoni mall-proġett ta’ Bieb il-Belt. Ma saret l-ebda stima tal-bini magħruf bħala House of Four Winds peress li dan inkera lill-BOV bl-istess kera, termini u kundizzjonijiet li dan kellu fuq il-fond ġewwa South Street.
Il-House of Four Winds ingħatat b’allokazzjoni diretta skont id-dispożizzjoni ta’ Artikolu 3 tal-Att Dwar it-Trasferiment tal-Artijiet tal-Gvern (Kap 268) u skont il-provvediment ta’ klawsola 6 (e) (ii) tal-Iskeda annessa mal-istess Att.
Qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-kuntratt u l-kundizzjonijiet li jirregolaw din il-kirja.
Il-Bank of Valletta ma jistax ibigħ din il-proprjetà peress li dan igawdi biss titlu ta’ kirja. Kull żvilupp li jista’ jsir irid ikollu l-permess tal-Kummissarju tal-Artijiet u tal-awtoritajiet konċernati, inkluża l-Awtorità ta’ Malta għall-Ambjent u l-Ippjanar fejn ikun bżonn.
LISTA TA’ FTEHIM KOLLETTIV – ĦADDIEMA KOPERTI 20290. L-ONOR. JOSEPH SAMMUT (f’isem l-Onor. Chris Agius) staqsa lill-Ministru tal-Finanzi, l-Ekonomija u Investiment: B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 19683, jista' l-Ministru jindika kemm ikopri ħaddiema dan il-ftehim kollettiv b'mod separat?
ONOR. TONIO FENECH: l-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
MINISTERU TAL-FINANZI, L-EKONOMIJA U INVESTIMENT - KUNTRATTI TA' KONSULENZA 20433. L-ONOR. JOSPEH SAMMUT (f’isem l-Onor. Charles Mangion) staqsa lill-Ministru tal-Finanzi, l-Ekonomija u Investiment: Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsijiet parlamentari 19731, 19312, 19216, 19023 u 18738 u jgħid kemm-il kuntratt ta' konsulenza ingħata mill-Ministeru tiegħu u/jew kumpaniji u entitajiet li jaqgħu fid-dekasteru tiegħu matul is-snin 2009 u 2010 sal-lum? Kemm kien l-ammont ta' kull kuntratt ta' konsulenza mogħti u lil min ingħata?
ONOR. TONIO FENECH: Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi l-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
AMBULANZI ON CALL MAL-BAJJIET 19356. L-ONOR. JOSPEH SAMMUT (f’isem l-Onor. Anthony Agius Decelis) staqsa lill-Ministru tas-Saħħa, l-Anzjani u l-Kura fil-Komunità: Jista' l-Ministru jgħid jekk matul ix-xhur tas-sajf f'postijiet li huma 'l bogħod bħall-Għadira, l-Armier, il-Ġnejna u bajjiet oħra, ikunx hemm stazzjonati ambulanza u personnel mediku fil-viċinanza ħalli jekk jiġri xi inċident f'dawn il-bajjiet ikunu mill-ewwel fuq il-post?
ONOR. JOSEPH CASSAR(Ministru tas-Saħħa, l-Anzjani u l-Kura fil-Komunità): Nirriferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba li tajt għall-mistoqsija parlamentari 17989.
SERVIZZ PUBBLIKU – CONTINUOUS PROFESSIONAL DEVELOPMENT 19358. L-ONOR. JOSPEH SAMMUT (f’isem l-Onor. Anthony Agius Decelis) staqsa lill-Prim Ministru: Jista' l-Prim Ministru jgħid liema huma dawk il-kategoriji u sezzjonijiet ta' kategoriji li jaħdmu maċ-Ċivil li jgawdu mill-continuous professional development?
ONOR. MARIO DE MARCO (Segretarju Parlamentari) (f’isem il-Prim Ministru): Ninsab infurmat li fis-Servizz Pubbliku hemm numru ta’ ftehim settorjali li jipprovdu għall-għoti ta’ continuous professional development (CPD) lil diversi uffiċjali pubbliċi. Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella li turi l-kategorija ta’ uffiċjali pubbliċi li huma intitolati għal CPD.
SERVIZZ PUBBLIKU – CONTINUOUS PROFESSIONAL DEVELOPMENT 19359. L-ONOR. JOSPEH SAMMUT (f’isem l-Onor. Anthony Agius Decelis) staqsa lill-Prim Ministru: Jista' l-Prim Ministru jgħid fuq liema kriterji jiġi deċiż liema professjoni jew grupp ta' ħaddiema jaqgħu taħt il-kategorija ta' continuous professional development u liema m’humiex? Kif jiġu magħżula u min jagħmel din l-għażla? Hemm xi bord li jiddeċiedi dan? Kemm hemm ħaddiema tal-gvern u liema huma l-kategoriji li jaħdmu fiċ-Ċivil li mhumiex f'din il-kategorija?
ONOR. MARIO DE MARCO (f’isem il-Prim Ministru): Ninsab infurmat illi fis-Servizz Pubbliku jingħata continuous professional development u dan skont diversi ftehim settorjali negozjati bejn il-gvern u l-unions. Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista ta’ kategoriji ta’ uffiċjali pubbliċi li jibbenefikaw minn dan it-tip ta’ CPD partikolari.
Ninsab infurmat ukoll illi s-Servizz Pubbliku, b’mod kostanti, joffri diversi opportunitajiet ta’ taħriġ lill-uffiċjali pubbliċi biex jiżviluppaw il-ħiliet tagħhom u jibqgħu aġġornati bl-iżviluppi li jkunu qed iseħħu fil-qasam tagħhom. Għal dan il-għan, fl-2009 il-gvern alloka €159,370. Minn dawn l-opportunitajiet ibbenefikaw 5,138 uffiċjal pubbliku. Il-prospectus ta’ taħriġ offrut jiġi aġġornat on-line. Fuq livell nazzjonali hemm ukoll skemi oħra li joffru opportunitajiet ta’ taħriġ u żvilupp personali bħalma hi l-iskema tal-iSteps u l-Malta Government Scholarships Scheme li minnhom jibbenefikaw numru mhux żgħir ta’ uffiċjali pubbliċi. Dawn huma ko-finanzjati mill-Unjoni Ewropea.
B’rabta ma’ dan kollu għandu jingħad ukoll li l-gvern mhux biss jiffinanzja s-CPD u l-parti l-kbira tat-taħriġ msemmi, imma issa nvesta ukoll b’fondi nazzjonali f’ċentru ta’ taħriġ li se jiġi inawgurat fil-ġranet li ġejjin. Dan iċ-ċentru ikkollabora mal-Università ta’ Malta biex għall-ewwel darba, minn dan ix-xahar, 43 uffiċjal pubbliku se jibdew Higher Diploma in Public Accounting and Finance li apparti l-valur fiha nnifisha, għandha marbuta magħha garanzija ta’ career advancement biex kull min jiggradwa jieħu pożizzjoni ta’ Manager (Accounting and Finance) fi skala 7.
Min-naħa tiegħu il-gvern hu kommess li jtejjeb dejjem aktar l-opportunitajiet ta’ taħriġ u kien għalhekk li, fost l-oħrajn, applika (u ġie approvat) proġett ko-finanzjat mill-Unjoni Ewropea sabiex, flimkien mal-École Nationale d’Administrationta’ Franza u numru ta’ aġenziji oħrajn, isir taħriġ lill-uffiċjali pubbliċi.
Il-gvern, konxju mill-ħtieġa li l-uffiċjali pubbliċi jkomplu jiżviluppaw il-ħiliet tagħhom, jappellalhom biex jagħmlu użu minn dawn l-opportunitajiet billi jwieġbu għas-sejħiet tat-taħriġ, skont il-każ u ċ-ċirkostanzi partikolari.
SERVIZZ PUBBLIKU – CONTINUOUS PROFESSIONAL DEVELOPMENT 19360. L-ONOR. JOSEPH SAMMUT (f’isem l-Onor. Anthony Agius Decelis) staqsa lill-Prim Ministru: Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm jiġu allokati flus ħalli jkompli jkun hemm continuous professional development? Kif jiġu mqassma dawn il-flus lejn professjonijiet differenti u kemm hemm professjonijiet li bbenifikaw minn dan il-fond matul is-sena 2009? Jista' jgħid kif irid jagħmel ħaddiem li jkun jixtieq jibbenefika minn dawn il-fondi?
ONOR. MARIO DE MARCO (f’isem il-Prim Ministru): Ninsab infurmat illi fis-servizz pubbliku hemm numru ta’ ftehim settorjali li jipprovdu għall-għoti ta’ continuous professional development lil diversi uffiċjali pubbliċi. Fl-2009, fid-dipartimenti li jaqgħu taħt id-dekasteru tal-Prim Ministru, ġew allokati €3427.40 għal CPD. Rigward il-ministeri l-oħra, nistieden lill-Onor. Interpellant jagħmel l-istess mistoqsija lill-ministri rispettivi. Rigward kemm hemm professjonijiet li huma ntitolati għal CPD, nirreferi l-Onor. Interpellant għat-tweġiba li ngħatat għall-mistoqsija parlamentari 19358. Sabiex uffiċjal pubbliku li skont il-ftehim settorjali tiegħu jkun intitolat għat-tali ħlas, l-uffiċjal konċernat għandu jagħmel talba lid-direttur tas-servizzi korporattivi tal-ministeru tiegħu sabiex jiggwidah skont il-parametri tal-ftehim settorjali applikabbli.
Aparti l-flus li jingħataw bħala CPD skont id-diversi ftehim settorjali, ninsab infurmat illi sabiex l-uffiċjali pubbliċi jkomplu jiżviluppaw il-ħiliet tagħhom u jibqgħu aġġornati bl-iżviluppi li jkunu qed iseħħu fil-qasam tagħhom, fl-2009 is-servizz pubbliku, permezz tal-iStaff Development Organisation u Centre for Development, Research and Training alloka €159,370 f’taħriġ u sponsorships lill-uffiċjali pubbliċi. Il-gradi tal-uffiċjali pubbliċi li bbenefikaw minn dan it-taħriġ u l-isponsorships jinsabu fit-tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra. Sabiex uffiċjal pubbliku jattendi għal dan it-taħriġ huwa għandu jimla’ formola li tinsab fil-prospectus li joħroġ kull sena u li jinsab on line.
SERVIZZ PUBBLIKU – CONTINUOUS PROFESSIONAL DEVELOPMENT 19361. L-ONOR. JOSPEH SAMMUT (f’isem l-Onor. Anthony Agius Decelis) staqsa lill-Prim Ministru: Jista' l-Prim Ministru jgħid jekk il-continuous professional development iġġibx flus minn fondi mill-Unjoni Ewropea, jew jekk il-fondi li għandha li jagħmlu użu minnhom il-ħaddiema humiex kollha provduti mill-Gvern Malti?
ONOR. MARIO DE MARCO (f’isem il-Prim Ministru): Ninsab infurmat illi l-fondi għall-ħlas ta’ continuous professional development li hemm stipulat fid-diversi ftehim settorjali fis-servizz pubbliku huma kollha provduti mill-Gvern Malti.
ANZJANI FI DJAR IMMEXXIJA MILL-PRIVAT 19412. L-ONOR. JOSEPH SAMMUT (f’isem l-Onor. Anthony Agius Decelis) staqsa lill-Ministru tas-Saħħa, l-Anzjani u l-Kura fil-Komunità: Jista' l-Ministru jgħid kemm hawn anzjani li huma fuq il-lista tal-gvern imma li qed jgħixu ġewwa homes u djar immexxija mill-privat? Jista' jgħid kemm hemm minn dawn l-anzjani f'kull dar privata u kemm jiġi jiswielu lill-gvern biex lil dawn l-anzjani jżommhom f'dawn id-djar?
ONOR. JOSEPH CASSAR: Infurmat li hemm 257 anzjan li qegħdin fi djar immexxija mill-privat taħt l-iskema tal-Public Private Partnership. Id-dettalji sal-aħħar ta’ Lulju 2010 huma kif jidher hawn taħt:
Residenza
Residenti
Nefqa
Jannar/Lulju 2010
€
Casa Serena
78
506,913
Central Home
61
355,470
Casa Arkati (independent residents)
23
84,915
Casa Arkati (dependent residents)
10
88,689
Villa Messina (independent residents)
43
275,294
Villa Messina (dependent residents)
12
119,145
Roseville Home (dependent & semi dependent)
40
3,855
(Lulju 2010)
TOTAL
257
1,434,281
THE DEPUTY SPEAKER: L-Onor. Roderick Galdes, mistoqsija supplimentari.
ONOR. RODERICK GALDES: X’inhuma l-kriterji li bihom jintagħżlu d-djar biex fihom il-gvern ikun jista’ jakkomoda lill-anzjani? Hemm xi kriterji stabbiliti kif issir l-għażla ta’ liema dar tikkwalifika biex tidħol f’dan il-publicpartnership?
ONOR. JOSEPH CASSAR: Normalment ikun hemm sejħa, però kif wieħed jara ċar, illum fid-djar tal-anzjani il-ħtieġa ta’ sodod qiegħda tmur minn dawk it-tip ta’ sodod li jintużaw minn pazjenti indipendenti - li ħafna mid-djar privati jaħsbu għalihom, jiġifieri sodod ta’ pazjenti li jieħdu ħsieb lilhom infushom u m’għandhomx bżonn ta’ carers – għal sodod ta’ nies li huma semi-indipendenti u totalment dipendenti. Allura x-shifthuwa minn residential home għal nursing home. F’termini li kulħadd jiftiehem bihom, meta ngħidu “nursing home” qed nirreferu għal pazjenti li huma fid-sodda, li jiddependu totalment minn carers, anke biex jieklu, ħafna drabi jkollhom bżonn anke ta’ ossiġnu, ikollhom bżonn ta’ carers li jdawruhom fis-sodda kull sagħtejn minħabba bedsores u jkollhom bżonn ta’ sodod apposta. Jiġifieri meta dar tal-anzjani tiġi ċertifikata mid-Dipartiment tas-Saħħa, dan isir skont is-sodod li jkollha u skont x’tista’ toffri, jiġifieri jekk humiex sodod għal persuni indipendenti jew għal persuni dipendenti. Jekk id-dar ikollha l-faċilitajiet għal persuni li huma dipendenti, tikkwalifika biex aħna nkunu nistgħu nidħlu f’partnership magħha.
Kif diġà għedt, il-maġġorparti ta’ djar li qed jinvesti fihom il-privat m’għadhomx ikunu għall-pazjenti dipendenti, u meta jiġu jkellmuna, il-parir li nagħtuhom hu li l-investiment għandu jkun aktar lejn djar li jieħdu pazjenti dipendenti. Kif kulħadd jaf, il-popolazzjoni qiegħda tixjieħ aktar, il-pazjenti qed jiġu aktar dipendenti fuq il-carers, u dawn huma s-sodod li għandhom bżonn. Ħafna drabi aħna ngħinu lil dawk il-pazjenti li huma indipendenti biex jibqgħu fid-djar tagħhom. Għaldaqstant, anke s-servizz fil-komunità – fil-fatt dalwaqt jibda servizz pilota ġewwa l-Imsida - huwa kollu maħsub biex dawk li jistgħu jgħixu weħidhom, kemm jista’ jkun aħna mmorru ngħinuhom jgħixu weħidhom fil-komunità, fid-djar tagħhom, u mhux imorru jgħixu weħidhom ġod-djar tal-anzjani.
Jiġifieri x-shift huwa importanti li wieħed jifhmu, għax ovvjament meta jkollok bżonn ta’ nursing home, qed ikollok bżonn ta’ aktar finanzjament. Naturalment jekk anzjan għandu bżonn ta’ sodda apposta, għandu bżonn ta’ carer li jdawru darba kull sagħtejn, għandu bżonn xi ħadd li jitimgħu, għandu bżonn ta’ pipe biex minnu tagħtih jiekol, għandu bżonn nurse li tieħu ħsiebu, dawn l-affarijiet jirrikjedu spiża ħafna akbar fuq il-poplu tagħna.
THE DEPUTY SPEAKER: L-Onor. Roderick Galdes.
ONOR. RODERICK GALDES: Ir-rati li bihom dawn l-anzjani jkunu assenjati f’dawn id-djar huma stabbiliti mill-gvern fis-sejħa pubblika jew għal kull anzjan li jkollu bżonnijiet differenti, ir-rati jkunu differenti?
THE DEPUTY SPEAKER: Il-Ministru.
ONOR. JOSEPH CASSAR: Din mhijiex stipulata fis-sejħa pubblika. Ovvjament isir agreement mad-dar tal-anzjani skont kemm aħna nkunu se nixtru sodod u skont kemm-il sodda għandna bżonn fuq id-dipendenza tagħha. Jiġifieri kull kuntratt ta’ business ikun relatat mal-kumpanija konċernata, ovvjament fil-parametri stabbiliti fil-liġi u fil-parametri li dik l-entità tagħmel flimkien mal-Ministeru.
MEPA – INVESTIGAZZJONI DWAR ŻVILUPP TA’ SIT 20506. L-ONOR. LEO BRINCAT staqsa lill-Prim Ministru: Jista' l-Prim Ministru jgħid x'passi ttieħdu dwar is-sit, li dettalji tiegħu qed jingħataw separatament, fejn il-bini sar b'tali mod li qed jieħu parti sew mill-bankina, tant li omm lanqas tista' tgħaddi bil-pushchair minn fuqha, fejn ma kienx hemm rispett lejn il-linja li suppost żammet il-binja, kif ukoll nuqqas ta' netting xieraq u dan kollu kien ta' inkonvenjent għar-residenti? Kif wieħed jispjega l-fatt li kuntrarju għal kull bini ieħor f'din it-triq żgħira nħareġ il-permess biex saħansitra jibnu basement u garaxx? X'passi ttieħdu s'issa fid-dawl tad-diversi rapporti li waslu għand l-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar kif ukoll minħabba artiklu li deher Fil-ġurnal TheTimes aktar kmieni dan ix-xahar?
ONOR. MARIO DE MARCO (f’isem il-Prim Ministru): Tweġiba tingħata f’xi seduta oħra.
THE DEPUTY SPEAKER: L-Onor. Brincat, mistoqsija supplimentari.
ONOR. LEO BRINCAT: Sur President, ovvjament m’iniex qed nipprentendi lill-Onor. de Marco jmur jispezzjona s-sit hu, biss hawnhekk qed nirriferu għall-każ fejn sar ksur sfaċċat tal-liġi li apparti l-fatt li dan il-punt qajjimtu f’domanda li tpoġġiet fuq il-Mejda tal-Kamra fit-22 ta’ Ottubru, kważi ġimagħtejn ilu, il-każ ġie rapportat lill-MEPA minn diversi nies li joqogħdu f’din it-triq - naf fiċ-ċert għax qaluli l-persuni involuti - u over and above deheranke artiklu dwaru fil-gazzetta “The Times” aktar kmieni dan ix-xahar.
Li jiġi l-Prim Ministru, li f’ismu qed iwieġeb l-Onor. de Marco, u sempliċement jgħidilna li tweġiba se tingħata f’seduta oħra mhijiex aċċettabli għax kif timplika d-domanda - u mort on site jien stess biex nivverifika l-allegazzjonijiet li hemm - hemm mill-inqas erbgħa jew ħames build-in cases ta’ ksur sfaċċat tal-liġi fil-mod kif min bena b’mod illegali dan il-post tħalla jopera with impunity mhux over the weeks or over the months imma over the years! U dan apparti l-fatt li hemm suspetti fondati ħafna dwar kif inħariġlu l-permess meta din it-triq fiha madwar għaxart idjar, kollha mibnija bl-istess mod u, kuntrarju għar-residenti l-oħra, lil dan tawh permess biex jibni basement u anke garaxx.
Jekk jitkellem mar-residenti - fosthom hemm nies midħla sew tal-Partit Nazzjonalista – ikun jaf kemm huma urtati u għandhom raġun. Għaldaqstant nitolbu biex bl-akbar serjetà jinvestiga dan il-każ u fl-ewwel mument opportun jinforma lil din il-Kamra għax hija xi ħaġa li jekk ma tkunx tifhem fil-bini u sempliċement tgħaddi biss bil-karozza wkoll tinduna bil-ksur multiplu li sar tal-liġijiet viġenti li għandna fil-pajjiż.
THE DEPUTY SPEAKER: L-Onor. Mario de Marco.
ONOR. MARIO DE MARCO: Filwaqt li napprezza l-punt tal-Onor. Brincat, il-fatt li ma ngħatatx tweġiba llum ma jfissirx li mhux qed tittieħed azzjoni. Tirrifletti biss li qed tinġabar l-informazzjoni għax l-Onor. Interpellant qed jagħmel numru ta’ mistoqsijiet varji u mhux mistoqsija waħda. Nerġa’ ngħid li l-punt tal-Onor. Brincat ħadtu u qed issir l-investigazzjoni neċessarja biex jekk naraw li qed issir xi ħaġa illegali tittieħed kull azzjoni biex tieqaf immedjatament.
THE DEPUTY SPEAKER: L-Onor. Brincat.
ONOR. LEO BRINCAT: Jien naċċetta l-isjegazzjoni tas-Segretarju Parlamentari u qed ngħid dan kollu l-aktar għax l-aħħar mistoqsija kienet l-aktar parti operattiva. Fiha ġie mistoqsi x’passi ttieħdu fid-dawl tad-diversi rapporti li waslu għand il-MEPA u dwar l-artiklu li deher fil-gazzetta “The Times”. Però se nieħu l-kelma tas-Segretarju Parlamentari.
LEARNING SUPPORT ASSISTANTS 20512. L-ONOR. LEO BRINCAT staqsa lill-Ministru tal-Edukazzjoni, Xogħol u l-Familja: Tista' l-Ministru tgħid għaliex dawk li qagħdu għall-course tas-supply learning support assistants u qagħdu għall-eżami f'Jannar 2010 għadhom ma tqassmulhomx iċ-ċertifikati tal-course? Meta mistennija jinfetħu l-applikazzjonijiet għall-mili tal-postijiet? Kemm mistennija jkun hemm postijiet vakanti? Kemm kien hemm nies li bdew il-course u li temmewh u kkwalifikaw għal ċertifikat?
ONOR. DOLORES CRISTINA (Ministru tal-Edukazzjoni, Xogħol u l-Familja): Is-sejħa għal-Learning Support Assistant II għadha kif għalqet. Bħalissa qed isiru l-verifiki tal-applikazzjonijiet u wara jsiru l-interviews. 320 persuna bdew il-kors, temmewh u kkwalifikaw għaċ-ċertifikat. It-tqassim taċ-ċertifikati se jsir fil-futur qrib.
THE DEPUTY SPEAKER: L-Onor. Brincat, mistoqsija supplimentari.
ONOR. LEO BRINCAT: Jiġifieri m’hemmx indikazzjoni ta’ bejn wieħed u ieħor kemm se jkun hemm postijiet vakanti x’jimtlew?
THE DEPUTY SPEAKER: Il-Ministru.
ONOR. DOLORES CRISTINA: Se jkun hemm numru sostanzjali ta’ vakanzi li jimtlew f’qasir żmien.
ĦADDIEMA FIL-KMAMAR TAN-NAR 20524. L-ONOR. LEO BRINCAT staqsa lill-Ministru tas-Saħħa, l-Anzjani u l-Kura fil-Komunità: Billi dan l-aħħar ġejt mgħarraf f'din il-Kamra li n-nies li jaħdmu full-time u part-time fil-kmamar tan-nar ma jaqgħux taħt l-Occupational, Health and Safety Authoritygħaliex dawn jaqgħu taħt l-Explosives Ordinance Act, kif wieħed jista' jispjega l-fatt li l-liġi tgħid li all occupations fall under the responsability of OHSA, li l-Explosives Ordinance Act bl-ebda mod ma tkopri occupational hazards u riskji fuq il-post tax-xogħol għal kull tip ta' ħaddiema u li l-uniċi nies eżentati mill-Ordinanza huma l-Pulizija, l-Armata u l-CPD? Kif fil-fatt l-ħaddiema li jaħdmu fil-kmamar tan-nar effettivament jaqgħu taħt l-Explosives Ordinance Act, speċjalment meta l-OHSA tirreferi speċifikament għal nies li jaħdmu in an explosive environment? ONOR. JOSEPH CASSAR: Jien infurmat li peress li teżisti diġà l-Ordinanza Dwar l-Esplożivi li tirregola l-attività li qed jirriferi għaliha l-Onor. Interpellant, l-Occupational Health and Safety Authority ma tintervjenix u dan biex ma jkunx hemm diverġenzi fil-proċess ta’ infurzar ta’ liġijiet u jew spezzjonijiet mill-entitajiet kompetenti, u jekk ikun il-każ, biex ma tkunx preġudikata azzjoni legali.
Ir-riferenza għal “an explosive environment” kif qed jindika l-Onor. Interpellant, tinstab fir-Regolamenti tal-2004 dwar il-Post tax-Xogħol (Bżonnijiet ta’ Saħħa u Sigurtà Minimi fuq ix-Xogħol) (Spazji Ristretti jew Spazji b’Atmosferi Esplossivi). Tajjeb wieħed ifakkar li Regolament 3(e) tal-istess Regolamenti jistabbilixxi li dawn ma japplikawx għall-manifattura, ċ-ċaqliq, l-użu, il-ħażna u t-trasport ta’ splussivi jew sustanzi kimiċi instabbli.
RAĦĦALA – GĦAJNUNA GĦALL-IMMODERNIZZAR TAL-IRZIEZET 20566. L-ONOR. JOSEPH SAMMUT (f’isem l-Onor. Stefan Buontempo) staqsa lill-Ministru għar-Riżorsi u Affarijiet Rurali: Jista’ l-Ministru jgħid jekk hux se jitħallsu r-raħħala li mmodernizzaw l-irziezet u kemm għad baqa’ minnhom li s’issa qatt ma ħadu ewro? X’qed jistenna biex iħallashom?
ONOR. JOSEPH CASSAR (f’isem il-Ministru għar-Riżorsi u Affarijiet Rurali): Nitlob l-Onor. Interpellant jispeċifika għal liema għajnuna qed jirriferi.
RAĦĦALA U BDIEWA – KONTIJIET TAD-DAWL U L-ILMA 20567. L-ONOR. JOSEPH SAMMUT (f’isem l-Onor. Stefan Buontempo) staqsa lill-Ministru għar-Riżorsi u Affarijiet Rurali: Jista’ l-Ministru jgħid kemm qed iħallsu għad-dawl u l-ilma r-raħħala u bdiewa f’termini ta’ metru kubu u f’kilowatts?
ONOR. JOSEPH CASSAR (f’isem il-Ministru għar-Riżorsi u Affarijiet Rurali): Nirreferi l-Onor. Interpellant għat-tweġiba tal-mistoqsija 20611 li saret bl-istess kliem preċiż mill-Onor. Sammut.
ARMS LTD. – DĦUL MINN KONTIJIET TAD-DAWL U ILMA TA’ BDIEWA U RAĦĦALA 20568. L-ONOR. JOSEPH SAMMUT (f’isem l-Onor. Stefan Buontempo) staqsa lill-Ministru tal-Finanzi, l-Ekonomija u Investiment: Jista' l-Ministru jgħid kemm qed tigbor flus l-Korporazzjoni Enemalta u l-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma permezz tal-ARMS Ltd. bħala ħlasijiet tad-dawl u l-ilma mir-raħħala u l-bdiewa?
ONOR. TONIO FENECH: Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li sa minn meta bdiet topera s-sistema l-ġdida s’issa, jiġifieri mill-1 ta’ Jannar, 2010 sas-27 ta’ Ottubru, 2010, saru 2,535 pagament f’total ta €1,737,568.44 minn konsumaturi li jaqgħu taħt il-kategorija msemmija “farms”.
RZIEZET - VOLUM TA’ SKART 20569. L-ONOR. JOSEPH SAMMUT (f’isem l-Onor. Stefan Buontempo) staqsa lill-Ministru għar-Riżorsi u Affarijiet Rurali: Jista’ l-Ministru jgħid kemm hu l-volum ta’ skart bħal slurry u demel mill-irziezet kollha?
ONOR. JOSEPH CASSAR (f’isem il-Ministru għar-Riżorsi u Affarijiet Rurali): Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba tal-mistoqsija 20606 li saret bl-istess kliem preċiż mill-Onor. Sammut.
ENERĠIJA U FERTILIZZANT MINN DEMEL TAL-IRZIEZET 20570. L-ONOR. JOSEPH SAMMUT (f’isem l-Onor. Stefan Buontempo) staqsa lill-Ministru għar-Riżorsi u Affarijiet Rurali: Jista l-Ministru jgħid meta se jibni l-impjant biex jipproduċi l-enerġija u l-fertilizzant minn demel tal-irziezet u b’hekk tinqata’ l-inkonvenjenza tal-irwejjaħ minn xi rħula li jzommu d-demmiela?
ONOR. JOSEPH CASSAR (f’isem il-Ministru għar-Riżorsi u Affarijiet Rurali): Jien infurmat illi l-bini tal-impjant li qed jirriferi għalih l-Onor. Membru huwa stipulat fl-istrateġija għall-Immaniġġjar tal-Iskart. Beda l-proċess tal-istudji għall-environmental impact assessment u tad-disinn tekniku. Huwa mistenni li sa tard is-sena d-dieħla jiġi approvat l-istudju tal-EIA u jinħarġu l-permessi neċessarji. Kif jinħareġ il-permess, joħorġu t-tenders għall-iżvilupp ta’ dan l-impjant. Huwa mistenni li l-impjant jkun mibni sal-bidu tal-2014.
ĠBIR TA' SKART ORGANIKU DOMESTIKU 20571. L-ONOR. JOSEPH SAMMUT (f’isem l-Onor. Stefan Buontempo) staqsa lill-Ministru għar-Riżorsi u Affarijiet Rurali: Jista’ l-Ministru jgħid kemm qed jinġabar skart organiku domestiku mil-lokalitajiet ta’ Malta u Għawdex? X’qed isir minn dan l-iskart organiku? Il-gvern beħsiebu jipproduċi enerġija minnu?
ONOR. JOSEPH CASSAR (f’isem il-Ministru għar-Riżorsi u Affarijiet Rurali): Jien infurmat illi l-ammont ta’ skart organiku li jirrużulta minn dak domestiku li nġabar mill-kunsilli lokali sal-aħħar ta’ Settembru 2010 kien 68,000 tunellata. L-ewwel impjant li se jkun jittratta l-iskart organiku sabiex permezz ta’ digesters tiġi ġġenerata l-enerġija huwa dak ta’ Sant’Antnin.
SKOLA TAL-MUŻIKA - KONSULENTI 20591. L-ONOR. JOSEPH SAMMUT (f’isem l-Onor. Evarist Bartolo) staqsa lill-Ministru tal-Edukazzjoni, Xogħol u l-Familja: Tista’ l-Ministru tgħid min huma l-konsulenti tal-mużika fil-qasam tal-edukazzjoni u xi ħlasijiet u terms of reference għandhom għax-xogħol tagħhom? Tista’ tgħid x’xogħol għamlu s’issa u jekk dan kienx jinkludi l-intervistar ta’ persuni biex jgħallmu fl-Iskola tal-Mużika? Tista’ tgħid jekk l-uffiċjal edukattiv inkarigat mill-mużika kienx involut f’dawn l-intervisti, u jekk le għaliex ma kienx?
ONOR. JOSEPH CASSAR (f’isem il-Ministru Ministru tal-Edukazzjoni, Xogħol u l-Familja): Il-konsulent fil-qasam tal-edukazzjoni tal-mużika huwa Mro. Alan Chircop li wkoll tqabbad jagħti konsulenza u assistenza lil Mario Azzopardi, Director Lifelong Learning, lil Monica Bugeja, Acting Head School of Music u lil Mariella Cassar, EO Music. Ix-xogħol kollu li sar huwa relatat mad-direzzjoni li ġie mogħti mill-Ministeru, li jkopri l-areas of consultation u t-terms of reference tiegħu. Kien wasal iż-żmien li l-mużika tingħata attenzjoni aktar iffukata u proprju dan huwa x-xogħol li qed jagħmel il-konsulent, biex tinħoloq is-sinerġija meħtieġa bejn l-oqsma kollha li għandhom kontribut dirett mal-edukazzjoni tal-mużika.
Dwar xi ħlasijiet u terms of reference tal-individwu msemmi, qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-kuntratt li jinkludi t-terms of reference. L-uffiċjal edukattiv inkarigat mill-mużika ma kienx involut f’dawn l-intervisti. Dawn l-intervisti huma għall-għalliema fid-direttorat tal-Lifelong Learning u mhux fl-edukazzjoni obbligatorja.
THE DEPUTY SPEAKER: Grazzi. Il-ħin tal-mistoqsijiet għadda. Ngħaddu għal Tqegħid ta’ Karti. Il-Ministru Dolores Cristina.