Kamra tad-deputati



Yüklə 212,56 Kb.
səhifə2/4
tarix01.01.2018
ölçüsü212,56 Kb.
#36719
1   2   3   4

SUR CLIVE TONNA: Li rrid niċċara huwa li aħna rakkmandazzjonijiet nistgħu nagħmlu lill-PA. Dwar jekk qattx ħarġu permessi min-naħa tal-PA wara li aħna għamilna oġġezzjoni, m’għandix informazzjoni hawnhekk, imma nkun nista’ niċċekkja u ngħidilkom. Dwar il-punti li semmejt ta’ infurzar, naħseb li jolqot diversi entitajiet aktar milli d-Dipartiment tagħna per se. Għar-rigward ta’ manpower irrid ngħid li għandna jidħlu madwar 6,000 ilment fis-sena fuq diversi affarijiet li għandhom x’jaqsmu mal-environmental health – uħud minnhom ikunu proprju lmenti ta’ dan it-tip – u aħna ninvestigawhom kif għandu jkun.
ONOR. GODFREY FARRUGIA: 6,000 minn Malta kollha?
SUR CLIVE TONNA: Iva, minn Malta kollha. Aħna kulma għandna huwa madwar 20 spettur li jagħmlu dan ix-xogħol kollu. F’dinja ideali tajjeb li wieħed ikun jista’ jifrex, kif qed tgħid tajjeb inti, u jiċċekkja dawn l-affarijiet, però hemm entitajiet oħrajn li naf li jagħmlu dak ix-xogħol. Pereżempju, fuq storbju naf li jistgħu jidħlu l-Pulizija, fuq affarijiet li jintefgħu barra nistgħu nieħdu passi kemm aħna kif ukoll il-Pulizija, u fuq x’qed jiġri fi stabbilment per se huwa r-remit tal-OHSA.
ONOR. CHARLES BUHAGIAR: Għandkom statistika ta’ kemm kellkom ilmenti minn din iż-żona?
SUR CLIVE TONNA: Hawnhekk m’għandix imma nkun nista’ niċċekkja.
ONOR. CHARLES BUHAGIAR: Tistgħu forsi darb’oħra ġġibu din l-istatistika, jekk jogħġobkom?
ONOR. GODFREY FARRUGIA: U anke tgħidulna kemm minnhom waslu sal-qorti.
ONOR. CHARLES BUHAGIAR: Dr. Gauci, inti għedt li ma teħux pjaċir meta jkun hemm it-taħlit tar-residenzjali mal-industrijali u allura ma naħsibx li tieħu pjaċir jekk jiżdiedu r-residenzi f’żona industrijali kif qed tipproponi l-PA.
SUR JOHANN BUTTIGIEG: Le, m’aħniex qed nipproponu hekk.
ONOR. CHARLES BUHAGIAR: Iva, hekk qed tipproponu.
SUR JOHANN BUTTIGIEG: Le, qed nipproponu li tinbidel minn żona industrijali għal żona residenzjali u kummerċjali.
ONOR. CHARLES BUHAGIAR: Imma li hemm se jibqgħu. Aħna hawnhekk qegħdin nisimgħu l-ilmenti tan-nies li qed jagħmluhom għax qed iħossu li b’dak li qed jiġri, l-industrija li hemm qed tniġġes iż-żona.
SUR JOHANN BUTTIGIEG: Mela fil-kas nagħmluha kollha industrijali, immorru the other way, mhijiex problema!
ONOR. CHARLES BUHAGIAR: Le, m’iniex qed ngħid hekk. Jien qed ngħid li b’dak li qegħdin tipproponu m’intomx se ssolvu din il-problema partikolari għax intom qegħdin tipproponu li fejn diġà hemm problema bir-residenti jgħidu – u jien ma nagħtihomx tort – li hemmhekk qegħdin ibatu mit-tniġġis, qegħdin tipproponu li tagħmlu aktar residenti.
ONOR. MARLENE FARRUGIA: Mr Chairman, xtaqt nistaqsi lis-Sur Buttigieg jekk jikkonfermax li meta kellhom rakkmandazzjoni biex ma tagħtux permess minħabba raġunijiet ta’ saħħa, huma għamlu proprju hekk. Jew inkella taw permess xorta? Is-Sur Tonna qal li ma jafx imma inti, Sur Buttigieg, suppost taf.
SUR JOHANN BUTTIGIEG: Jien m’iniex infurmat li qatt xi darba kien hemm rakkmandazzjoni min-naħa tad-Direttorat għas-Saħħa li l-PA marret kontriha, imma rrid nivverifika għax m’għandix l-informazzjoni.
ONOR. MARLENE FARRUGIA: Issa xtaqt nistaqsi lill-uffiċjali tas-Saħħa Ambjentali jekk ikunx hemm kundizzjonijiet marbuta mat-trade licence li tinħareġ biex dik l-istess trade licence tibqa’ in vigore. Meta dik it-trade licence tiġi biex tiġġedded, terġgħu tmorru tispezzjonaw? Pereżempju, id-dental clinics jiġu għandna darbtejn fis-sena biex jaraw li minn dak li nkunu għednilhom kollox ikun għadu jiffunzjona. Jekk, pereżempju, għandek attività li tista’ toħloq tniġġis fl-arja, għandkom is-saħħa li torbtuha mat-tiġdid tat-trade licence? Pereżempju, jekk jiġu għandi u jaraw li m’iniex up to standard jgħiduli li l-liċenzja mhijiex se tiġġeddidli sakemm nirranġa l-affarijiet. Intom għandkom dik is-saħħa fejn jidħlu dawn l-attivitajiet industrijali li jikkawżaw tniġġis?
SUR CLIVE TONNA: Kif diġà għedt, il-Public Health Act jagħtina l-fakultà li nieħdu azzjoni, kemm jekk dak li jkun ikollu permess kif ukoll jekk ma jkollux permess. Jiġifieri anke jekk ikun qed jimxi mat-trading licence tiegħu però aħna ninnutaw li qed joħloq dannu lil xi residenti fil-viċin, nistgħu nieħdu passi.
ONOR. MARLENE FARRUGIA: Jekk fhimt tajjeb, intom tirreaġixxu jekk ikun hemm ilment. Bħala prevenzjoni, tmorru tiċċekkjaw li l-istandards li intom ħriġtu liċenzja fuqhom qegħdin fil-fatt jinżammu? Jekk tirreaġixxu fuq ilment biss, allura għandna problema, għax kif qal l-Onor. Farrugia, ħafna nies jaqtgħu qalbhom fejn tidħol il-qorti għax, kif nafu, meta xi ħaġa tmur il-qorti, tilħaq tmut u tifga u jaqbdek cancer għax tinqata’ nell’anno mai. Qed insemmi dawn l-affarijiet għax jekk se nagħmlu pjan alternattiv, dawn l-affarijiet iridu jittieħdu inkonsiderazzjoni, u ċioè li jkun hemm il-prevenzjoni, jiġifieri li liċenzja tiġi mġedda biss jekk dak li jkun ikun qed iżomm mal-istandards mitluba minnu, u dan mhux għar-residenti biss imma anke għall-ħaddiema stess u għall-industrijalisti tal-madwar.
TABIBA CHARMAINE GAUCI: Tajjeb insemmu li f’każ ta’ dental clinics, il-liċenzja toħroġ min-naħa tagħna, aħna nagħmlu l-licence conditions, naraw jekk humiex qegħdin jiġu segwiti, u jekk xi ħaġa mhijiex segwita allura l-liċenzja tiġi rifjutata sakemm isir it-tibdil li jkun hemm bżonn isir. Fil-każ ta’ dawn l-entitajiet, il-liċenzja ma toħroġx min-naħa tagħna, jiġifieri l-ewwel ma jrid isir huwa li naraw min joħroġ il-liċenzja u x’kundizzjonijiet qegħdin jitpoġġew fuq wara, imbagħad inkunu nistgħu naraw jekk hemmx lok li nidħlu aħna biex nagħmlu mezz ta’ prevenzjoni.
ONOR. MARLENE FARRUGIA: Dak huwa l-punt, għax li qed isibu nieqes ħafna, kemm ir-residenti kif ukoll il-businessmen, huwa li m’hemmx koorindazzjoni bejn il-ministeri u d-dipartimenti l-oħrajn; mill-Pulizija kważi qatgħu qalbhom għax huma ineffettivi, iċemplulhom għalxejn. Jekk tassew irridu nindirizzaw din il-problema hemm bżonn li qabel ma mmorru għal tip ieħor ta’ zoning, naraw kif se nikkordinaw biex l-infurzar isir kif suppost.
THE CHAIR: Hemm aktar mistoqsijiet? L-Onor. Agius Decelis.
ONOR. ANTHONY AGIUS DECELIS: Nixtieq nistaqsikom jekk ir-rwol tagħkom hijiex waħda edukattiva jew li tinforza l-liġi. Jekk hemm xi ħadd li jixtieq jibda negozju, intom tgħinuh biex jilħaq l-istandards rikjesti mil-liġi?
SUR CLIVE TONNA: Dak mhux ir-rwol tagħna.
ONOR. ANTHONY AGIUS DECELIS: Kien hemm xi industrija li intom oġġezzjonajtu għaliha minħabba t-tniġġis li tikkawża? Kemm kienu frekwenti dawn l-istanzi u kemm-il każ kien hemm fejn intom ma tajtux permess li industrija tiftaħ minħabba t-tniġġis li tista’ toħloq?
SUR CLIVE TONNA: Kif diġà għedt, kien hemm istanzi fejn oġġezzjonajna, però rrid niċċekkja u darb’oħra nkun nista’ nġib l-informazzjoni, imma kif għedt aktar qabel, aħna rakkmandazzjoni nagħmlu, jiġifieri fl-aħħar mill-aħħar il-permess qatt ma noħorġuh aħna bħala Direttorat tas-Saħħa Ambjentali; dawn jinħarġu mill-PA jew mid-Dipartiment tal-Kummerċ.
THE CHAIR: Grazzi. L-Onor. Godfrey Farrugia.
ONOR. GODFREY FARRUGIA: Fl-2013 kien ħareġ dokument min-naħa tas-Supretendent għas-Saħħa Pubblika li jħares lejn kif l-ambjent jeffettwa lill-familji. Malta kienet l-ewwel stat membru tal-Unjoni Ewropea li ħarġet dokument riċerkat bħal dan li huwa ta’ ċerta portata. Jien nappellalkom sabiex tħarsu lejn dan id-dokument għax naħseb li japplika ħafna għal din iċ-ċirkostanza; hemm ħafna parametri li nistgħu napplikawhom bħala forward looking suggestions għal sitwazzjonijiet bħal dawn.
THE CHAIR: Nirringrazzjakom. Nistennew li meta nerġgħu niltaqgħu tiġu tagħtuna l-informazzjoni li ntlabtu tagħtu.
Nistieden issa fuq il-Mejda lil Dr. Mark Gauci u nitolbu sabiex jgħidilna x’miżuri jittieħdu f’din iż-żona fir-rigward ta’ occupational health and safety, imbagħad il-Membri tal-Kumitat ikunu jistgħu jagħmlu l-mistoqsijiet tagħhom.
TABIB MARK GAUCI (OHSA): L-OHSA hija entità li topera skont il-liġi li waqqfitha li l-objettiv uniku tagħha huwa li jkunu protetti s-saħħa u s-sigurtà tal-ħaddiema. Meta twaqqfet l-OHSA, konna ppruvajna diversi drabi li naraw li kwalunkwe xogħol ma jħalli l-ebda effett fuq terzi persuni. Fil-fatt konna anke ftaħna kawżi fil-qorti kontra employers li jippermettu ċerti emissjonijiet fuq il-post tax-xogħol tagħhom li kien qed ikollhom effett fuq nies fil-viċin, imma l-qorti rrifjutat li tisma’ dawn il-kawżi għax qalet li l-OHSA kienet qed taġixxi ultra vires għax l-iskop prinċipali tagħha huwa li jkunu protetti s-saħħa u s-sigurtà tal-ħaddiema. Kif spjegaw iż-żewġ kollegi qabli, hemm liġijiet oħrajn fil-pajjiż li huma ntiżi biex jipproteġu s-saħħa tal-membri tal-pubbliku. Il-liġi li waqqfet l-OHSA ma tkoprix inkonvenjenti li jistgħu jkunu qed isofru terzi persuni.
Għar-rigward tal-infurzar, l-OHSA taġixxi b’żewġ modi. L-ewwel nett, tindirizza kull ilment li tirċievi mingħand il-pubbliku, anke meta l-ilment ma jkunx jikkonċerna, jew ma jkunx jaqa’ taħt il-parametri stabbiliti mil-liġi, u tinvestiga biex tara li ma tkunx qed tinkiser il-liġi tas-saħħa u s-sigurtà. Fejn ikun hemm ilment li jikkonċerna xi ħaġa li ma taqax taħt il-liġi tas-saħħa u s-sigurtà, l-OHSA tirriferi l-każ. Jien iċċekkjajt kemm kien hemm ilmenti fuq din iż-żona f’dawn l-aħħar ħames snin, kemm minn residenti, kif ukoll minn ħaddiema, u sibt li kulma kien hemm kienu biss żewġ ilmenti; wieħed minnhom sar erba’ jew ħames snin ilu u kien jikkonċerna ħġieġ mal-art fit-triq, u l-ieħor daħal proprju l-Ġimgħa tal-ġimgħa li għaddiet fejn persuna anonima ilmentat dwar qtar tal-ispray li qed issib fil-bitħa tagħha. Din il-persuna la identifikat min hi u lanqas il-post fejn toqgħod u allura ma stajniex ninvestigaw, però l-uffiċjal qalilha li allavolja dak l-ilment ma jaqax taħt l-applikabilità tal-liġi tagħna, l-OHSA xorta kienet se tinvestiga u jekk ikun hemm bżonn se tirriferi lill-entitajiet oħrajn.
Mod ieħor kif l-Awtorità tinforza huwa billi torganizza dawk li jissejħu information and inspection campaigns meta jkunu identifikati, jew setturi partikolari, jew ikun hemm issues jew problemi partikolari, u minn żmien għal żmien torganizza kampanji li jkunu indirizzati lejn kull min jopera f’dak is-settur. Kampanji li niftakar li saru riċentement kienu jikkonċernaw l-ispray painters u entitajiet, organizzazzjonijiet jew intrapriżi li jużaw ċertu tip ta’ apparat jew magni partikolari. F’dan il-każ l-OHSA tikteb lill-korp kostitwit li jirrappreżenta lil dak is-settur u jinfurmahom bl-affarijiet prinċipali li l-uffiċjali tal-OHSA jkunu qegħdin jiċċekkjaw imbagħad tgħidilhom li fis-sitt xhur li jkunu ġejjin se jkollhom żjara min-naħa tal-uffiċjali tal-Awtorità biex jaraw jekk dawk l-affarijiet li kienu msemmijin fl-ittra jkunux qed jiġu attwati jew le. Imbagħad l-OHSA tipprova taġixxi kemm jista’ jkun b’dak li hi tikkunsidra bħala a risk based approach jiġifieri l-ikbar riskji jingħataw l-ikbar attenzjoni, jekk ikun hemm riskju kbir jinħarġu ordnijiet skont kif tippermetti l-liġi, jekk hemm bżonn ikun hemm multi amministrattivi, jew jekk il-każ jimmerita jinbdew proċeduri fil-qorti. Dak fil-qosor ħafna ta’ kif taġixxi l-OHSA f’dak li għandu x’jaqsam ma’ infurzar.
Saret il-mistoqsija lill-kollegi ta’ qabli jekk l-Awtorità għandhiex irwol edukattiv, promozzjonali, informattiv eċċ. Nista’ ngħid li l-OHSA għandha dak ir-rwol ukoll, huwa wieħed mill-funzjonijiet prinċipali tal-OHSA u fil-fatt torganizza ħafna attivitajiet ta’ informazzjoni, seminars, tiżviluppa u tippubblika ħafna linji ta’ gwida u tagħmel mill-aħjar li tista’ biex tiżviluppa għodda elettroniċi li jistgħu jitħaddmu mingħajr ma jitħallsu flus biex tgħin lil dak li jkun jattwa l-obbligi legali tiegħu.
THE CHAIR: Nirringrazzjak. Hawn mistoqsijiet? L-Onor. Godfrey Farrugia.
ONOR. GODFREY FARRUGIA: Dr. Gauci, l-ewwel nett insellimlek. Inti għedt li f’dawn l-aħħar ħames snin kien hemm żewġ ilmenti biss, li wieħed minnhom daħal il-ġimgħa li għaddiet, u fhimt ukoll li l-ilmenti jistgħu jsiru mingħajr ma dak li jkun jidentifika ruħu, u intom xorta ssegwu, xi hija li hija tajba. Ma taħsibx li l-entità li qed tirrappreżenta inti m’għandhiex aċċess fejn hi tqarreb lilha nnfisiha għaċ-ċittadin jekk minn din iż-żona – li l-kelliem ta’ qabel qal li lanqas għandha buffer zone – kien hemm żewġ ilmenti biss meta l-ilmenti fil-fatt huma ħafna aktar minn hekk?
Inti għedt ukoll – u huwa tajjeb – li intom tagħmlu kampanji ta’ informazzjoni lill-ażjendi partikolari. Qatt indirizzajtu dawn il-kampanji ta’ informazzjoni għal-lokalità partikolari minflok ġenerali madwar Malta kollha? Hemm obbligu biex dak li jkun jattendi għal dawn il-kampanji ta’ informazzjoni biex iħares saħħtu, saħħet il-ħaddiema, u b’mod indirett anke saħħet il-familji li joqogħdu fiż-żona?
Xtaqt nistaqsik ukoll jekk għandekx mappa bl-ażjendi u bit-trading licences li għandhom – kemm għal din iż-żona kif ukoll għal żoni oħra – u x’forma ta’ tniġġis jista’ jkollha żona partikolari biex b’hekk intom tkunu tistgħu, minflok tilqgħu lmenti biss, tkunu proattivi u tagħmlu l-ispezzjonijiet. Kemm għandek nies fl-ispettorat tiegħek biex tkun tista’ tagħmel dan ix-xogħol madwar Malta kollha?
TABIB MARK GAUCI: Ħalli nibda bl-aħħar waħda. Biex jagħmlu dan ix-xogħol f’Malta, Għawdex u Kemuna, hemm tmien uffiċjali li huma meqjusa bħala ġeneralisti, u ħames uffiċjali oħra li jaħdmu f’setturi speċjalizzati fejn tidħol għodda, apparat, inġenji, eċċ. Jiġifieri t-total ta’ ħaddiema li komplessivament jistgħu jaġixxu huwa ta’ 13.
ONOR. GODFREY FARRUGIA: U dawn jispezzjonaw kull lant tax-xogħol, jiġifieri tista’ tkun fabbrika u tista’ tkun skola; tkun xi tkun?
ONOR. MARLENE FARRUGIA: Jew anke sit ta’ kostruzzjoni?
TABIB MARK GAUCI: Il-liġi tagħti interpretazzjoni wiesgħa tal-kelma “work”, għalhekk jien għedt li l-OHSA tidentifika s-setturi jew oqsma partikolari li jistgħu jkunu qegħdin joffru jew iwasslu għal xi problema partikolari. L-Onor. Farrugia rrifera wkoll għall-emissjonijiet.
L-OHSA la għandha poter u lanqas il-vires legali biex tikkontrolla emissjonijiet. Kif spjegajt fil-bidu, dan kien kkonfermat mill-aġir tal-qrati li ma ħallewx lill-OHSA tintervjeni biex tara li jkunu kkontrollati emissjonijiet mill-postijiet tax-xogħol.
Għar-rigward ta’ jekk għandniex mappa ta’ Malta kollha, ngħid li mappa bħal din ma teżistix, però l-OHSA taġixxi b’mod ieħor għax hemm diversi modi kif tindirizza problema partikolari. Meta l-Awtorità tidentifika, jew permezz ta’ lmenti li jsiru, jew permezz ta’ alert li joriġina minn barra minn Malta, xi riskju partikolari li jimmerita ċerta attenzjoni, tikteb lil entitajiet oħrajn. Pereżempju, tista’ tikteb lill-Employment and Training Corporation (ETC), lil Transport Malta (TM), jew lil kwalunkwe entità oħra li tkun involuta f’dak il-qasam biex tagħtiha l-ismijiet u l-indirizzi kollha tal-operaturi f’dak il-qasam u allura tkun tista’ tindirizzahom b’mod speċifiku.
Saret rimarka għax l-OHSA irċeviet biss żewġ ilmenti. Irrid ngħid li l-OHSA mhijiex l-entità li r-resident għandu jikkuntattja meta jkollu lmenti. Jekk persuna tara ħaddiem li taħseb li jkun qed jaħdem f’periklu għal saħħtu, tista’ ċċempel – fil-fatt l-OHSA kuljum ikollha kwantità ta’ lmenti mingħand ċittadini, ħafna drabi f’dak li għandu x’jaqsam ma’ siti ta’ kostruzzjoni, li jaslu għall-konklużjoni jew jidhrilhom li dak il-ħaddiem jew ħaddiema jkunu qegħdin jaħdmu f’periklu, u l-OHSA tinvestigahom – però lmenti fir-rigward tar-residenti ma jistgħux jkunu ndirizzati mill-OHSA.
THE CHAIR: L-Onor. Charles Buhagiar.
ONOR. CHARLES BUHAGIAR: L-OHSA tkun taf kemm hemm ħaddiema jaħdmu f’żona partikolari?
TABIB MARK GAUCI: Le, però rridu nirrealizzaw li kemm f’din iż-żona kif ukoll f’żoni oħra simili jkunu qegħdin joperaw ħafna micro enterprises li lanqas huma small and medium sized enterprises (SMEs). Dawn huma meqjusin bħala problema kullimkien, jiġifieri m’aħniex qegħdin ngħidu li għandna xi problema partikolari hawn Malta u m’iniex se nuża l-frażi “only in Malta” li ħafna nies jużaw abbużivament. L-OHSA ma jistax ikollha dik it-tip ta’ informazzjoni, l-ewwel nett għax hemm ħafna mobilità; il-mod li jitħaddmu bih il-micro enterprises bilfors li jkun hemm turnover kbir ta’ ħaddiema u allura l-OHSA mhix se jkollha a snapshot f’xi ħin partikolari ta’ kemm hemm ħaddiema qegħdin jaħdmu f’dak il-post partikolari.
ONOR. CHARLES BUHAGIAR: Qed nagħmel din il-mistoqsija għax peress li huma intrapriżi żgħar u jkollhom xi tnejn jew tliet ħaddiema li jkunu qed jaħdmu fil-garaxx tagħhom, huwa diffiċli għalikom biex tkunu tafu x’qed jiġri. Dawn mhux bħal sit ta’ kostruzzjoni fejn kulħadd ikun qed jara x’qed jiġri għax ikun fil-miftuħ. Jiġifieri jien nifhem id-diffikultà li għandkom f’każijiet bħal dawn u kważi kważi tiddependu ħafna fuq l-ilmenti ta’ terzi li jsiru fuq ħaddiema li ma jkunux qed jaħdmu kif suppost.
TABIB MARK GAUCI: Għalhekk l-OHSA taġixxi wkoll permezz ta’ organiżżazzjonijiet kostitwiti. Nista’ nsemmi, pereżempju, il-General Retailers’ and Traders’ Union (GRTU) li tirrappreżenta ħafna min-nies li jaħdmu f’dawn it-tip ta’ micro enterprises u SMEs. Aħna naħdmu ħafna mal-GRTU, però mhux biss magħhom, biex jgħinuna nwasslu l-informazzjoni. Kif għedt, illum id-dinja qed tinbidel u l-informazzjoni m’għadekx tgħaddiha biss billi tqassam il-karti, imma billi tiffaċilita l-aċċess għall-informazzjoni u tagħmel kollox b’mod elettroniku. Fil-każ tagħna kollox huwa available mingħajr ħlas.
ONOR. MARLENE FARRUGIA: Xtaqtek, jekk jogħġbok, tiċċarali punt. Jiġifieri l-OHSA tagħmel response biss jekk ikollha lment?
TABIB MARK GAUCI: Kif għedt qabel, hemm żewġ modi kif taġixxi l-OHSA, jew wara lment, jew inkella permezz ta’ kampanji, li jissejħu ta’ spezzjoni jew ta’ informazzjoni, fejn tindirizza lill-operaturi kollha f’settur partikolari. Pereżempju, ftit ta’ snin ilu indirizzajna l-panel beaters u lill-ispray painters kollha li hawn reġistrati hawn Malta.
ONOR. MARLENE FARRUGIA: Meta tgħid “indirizzajtu”, jiġifieri għamiltu kampanja edukattiva, jew mortu fuq il-postijiet tax-xogħol?
TABIB MARK GAUCI: It-tnejn. Għamilna kampanja edukattiva fejn ktibnilhom u għednilhom li f’dak is-settur “dawk” kienu l-obbligi li riedu jiġu osservati, però mbagħad saret spezzjoni tal-post. Fi spezzjonijiet bħal dawn ikunu ppreparati checklists minn qabel għax il-liġijiet tas-saħħa u s-sigurtà tant huma vasti li kieku wieħed kellu jaqbad u jikkwantifika l-obbligi legali kollha fir-rigward ta’ saħħa u sigurtà jsib li jaqbżu l-eluf sew u allura nidentifikaw ċerti prijoritajiet abbażi tar-riskju, ċerti affarijiet li l-Awtorità tkun qed tipprova tenfasiżża u li huma rilevanti għal dak is-settur partikolari. L-uffiċjali jduru lill-operaturi kollha f’dak is-settur, imbagħad, kif għedt fil-bidu, skont il-livell ta’ riskju li jindunaw bih, jaraw x’tip ta’ azzjoni jieħdu.
ONOR. MARLENE FARRUGIA: Imma din hija xi ħaġa li ssir regolari, jew inkella din li dduru s-siti ta’ kostruzzjoni u dawn it-tip ta’ industrija, anke behind closed doors, kienet a one-off?
TABIB MARK GAUCI: L-OHSA l-ħin kollu għaddejja b’kampanji partikolari. Ikun hemm żmien fejn tagħmel kampanji relatati ma’ spray painters, panel beaters, eċċ., kif tispiċċa dik, tibda kampanja oħra li tista’ tkun qed tindirizza ċertu makkinarju partikolari, pereżempju, biex tara hemmx guarding, imbagħad jista’ jkun hemm kampanja oħra li tindirizza, pereżempju, it-tħaddim ta’ young persons u allura jista’ jkun hemm żjajjar f’ċerti żoni partikolari minn uffiċjali li jkunu qegħdin jindirizzaw issues partikolari. Fir-rigward ta’ fejn jinstabu nuqqasijiet, ikun hemm dejjem follow-up inspections għax ikunu ħarġu ordnijiet u l-uffiċjali jmorru biex jaraw jekk dawk l-ordnijiet ġewx obbduti.
ONOR. MARLENE FARRUGIA: F’dawn l-aħħar erba’ snin żiedlek il-manpower, minħabba li hawn ħafna siti ta’ kostruzzjoni apparti dawn l-industriji li kienu hemm u għadhom hemm, jew bqajtu bl-istess numru ta’ nies?
TABIB MARK GAUCI: Kull sena qisu żdidna bi tnejn, però ovvjament ikun hemm ċertu ammont ta’ turnover
ONOR. MARLENE FARRUGIA: Jiġifieri min jitlaq u min jiġi.
TABIB MARK GAUCI: Kulħadd jaf li ħafna mill-uffiċjali tagħna, minħabba t-taħriġ li jirċievu, minħabba l-kompetenza li jakkwistaw matul iż-żmien, u minħabba s-salarji tagħna, li huma li huma, dejjem ifittxu…
ONOR. MARLENE FARRUGIA: Tħoss li għandek biżżejjed nies biex taħdem?
TABIB MARK GAUCI: Le.
ONOR. MARLENE FARRUGIA: Grazzi.
THE CHAIR: Nirringrazzjak. Nistieden issa lir-rappreżentanti tal-Korp tal-Pulizija.
SUPRETENDENT KEVIN FARRUGIA: Jien stazzjonat fl-għassa ta’ Ħal Qormi u din iż-żona li qegħdin nsemmu taqa’ taħt ir-responsabilità tagħna.
ASSISTENT KUMMISSARJU MARTIN SAMMUT: Jiena inkarigat mill-għases.
THE CHAIR: Tistgħu tagħtuna overview tal-problemi li tiffaċċjaw fuq din iż-żona partikolari ta’ Ħal Mula u x’infurzar tagħmlu?
SUPRETENDENT KEVIN FARRUGIA: Il-problema f’din iż-żona hija li għalkemm ix-xogħol isir, l-infurzar ma jidhirx. Qed ngħid hekk għax meta l-Pulizija tmur u tħarrek lin-nies, ma noqogħdux indoqqu trumbetti u ma noqogħdux noħorġu press releases biex ngħidu kemm inkunu ħarrikna nies. Meta jkun hemm affarijiet ta’ ingombru, naraw kif nistgħu nneħħuhom; mhux neċessarjament niġbduhom imma nsibu lill-persuna u tneħħihom minn hemmhekk. Meta nerġgħu mmorru fi ġranet oħrajn u f’ħinijiet differenti, in-nies jinbidlu u l-problema terġa’ tinqala’. Ħalli nitkellem ftit fuq il-problema tal-ingombru.
Bħalissa fi Triq Lucas Garnier hemm kiosk fuq il-ġebel, u l-Puliizja għamlet is-sign biex fiż-żmien li tajnihom, jekk ma jitneħħiex, inneħħuh aħna. Ir-responsabilità biex jitneħħew oġġetti ta’ ngombru, bħal derelict vehicles, skips mitluqin bla permess, u kwalunkwe oġġett ieħor li jkun qed jingombra, qiegħda f’idejn il-Pulizija, f’idejn TM u f’idejn il-kunsill lokali; nikkoperaw bejnietna u fejn nistgħu nsibu min hu l-individwu ħalli l-ingombru jitneħħa mill-aktar fis, u fejn le, inwaħħlu sinjal bit-terminu taż-żmien, u kif jaqbeż it-terminu naraw li nneħħuh aħna minn hemmhekk.
Rigward l-infurzar ta’ parking, nafu li hemmhekk hemm problema, li wkoll hija responsabilità tal-Pulizija, ta’ TM u tal-wardens. Is-sena l-oħra biss, fi Triq Luret Cutajar inħarġu 59 ticket, u dan minbarra l-karozzi li nċaqilqu mingħajr ma noħorġu ticket, fis-sens li jkun hemm persuna fil-karozza u ngħidulha biex timxi. (Interruzzjonijiet) Imma tridu żżommu f’moħħkom li l-Pulizija għandhom żona ferm ikbar x’jikkontollaw, u bħal din iż-żona għandna oħrajn li għandhom problemi simili, bħall-Ħandaq, in-naħa tal-wied ta’ Ħal Qormi, u n-naħa tal-Imrieħel. L-istess problemi li qed jiffaċċjaw in-nies ta’ din iż-żona – u jien nifhimhom u nissimpatizza magħhom – qed jiffaċċjaw in-nies ta’ dawn iż-żoni li semmejt. Il-Pulizija ma tistax tibqa’ disentu hemmhekk – jekk tkun disentu hemmhekk, 59 ticket nagħtuhom f’ġurnata jew f’siegħa! – imma hemm bżonn li nsibu soluzzjoni għal din il-problema.
Min-naħa tagħna aħna qed ngħidu li hemm bżonn ta’ linji gwida dwar kif in-nies għandhom jipparkjaw f’din iż-żona, u ċioè li jkun hemm, kif hemm f’ħafna postijiet madwar Malta, sinjali mal-art li jagħtu indikazzjoni lin-nies fejn jistgħu jipparkjaw. M’iniex qed ngħid li dawn se jsolvulna l-problema, imma jistgħu jtaffuha. Jien darba qrajt il-ktieb “The Broken Window Theory” fejn jingħad kif post li jkollu tieqa waħda mkissra, se jkompli jitkisser, mentri jekk dik it-tieqa tissewwa, il-ħġieġ l-ieħor forsi ma jibqax jitkisser. Li qed ngħid hu li jekk ikun hemm sinjali mal-art, lil dak li jkun tħajru jipparkja tajjeb, u jekk jipparkja quddiem garaxx, hu se jħoss li qiegħed ipparkjat ħażin għax ma jkunx qiegħed fil-kaxxa l-bajda. F’sezzjoni ta’ brainstorming li għamilna mal-kunsill lokali konna ssuġġerejna – jista’ jkun li forsi hawn ħafna li ma jaqblux magħna – li t-triq li tidħol għaliha minn Triq Luret Cutajar għal Triq Angelo Melilli, Triq l-Għarram u finalment toħroġ minn Triq l-Imdina, tiġi one way. Qed nistaqsu jekk huwiex possibbli li naħa minnhom tiġi fishtail ħalli b’hekk indaħħlu iżjed parking spaces. Jekk din it-triq nagħmluha one way, min jipparkja ħażin in-naħa l-oħra, se jimblokka t-triq u allura bilfors ikollu jsuq minn hemmhekk. Aħna qegħdin nissuġġerixxu li wieħed jara jekk huwiex possibbli li fuq in-naħa Ta’ Ċikka Bar isir fishtail parking ħalli nżidu l-parkeġġi, u anke titħaddem sistema ta’ one way fejn il-karozzi jidħlu minn Triq il-Poeta Nazzjonali għal Triq Luret Cutajar, għal Triq Angelo Melilli, għal Triq Għarram u joħorġu minn Triq l-Imdina. Permezz ta’ hekk, minbarra li nkunu żidna ftit il-parking spaces, ikollna sistema fejn il-karozzi jimxu f’direzzjoni waħda u b’hekk innaqqsu l-istorbju tal-karozzi għaddejjin. Irrid ngħid li aħna m’aħniex l-awtorità responsabbli mill-immarkar tal-kaxxi mal-art; għamilna s-suġġeriment u issa nimxu minn hemmhekk.
Fl-aħħar nett irrid ngħid li jien smajt xi ntqal fil-laqgħa ta’ dan il-Kumitat li saret il-ġimgħa l-oħra fejn kien hawn min qal li seta’ ma kienx hemm response tajjeb minn ċerti entitajiet. Jien nitlob sabiex min iċempel biex jagħmel ilment, jistaqsi ma’ min qed jitkellem ħalli jekk ikun hemm persuna li ma tkunx taf titkellem, dan jasal għall-attenzjoni tagħna u jien ngħallimha kif għandha titkellem.
Yüklə 212,56 Kb.

Dostları ilə paylaş:
1   2   3   4




Verilənlər bazası müəlliflik hüququ ilə müdafiə olunur ©muhaz.org 2024
rəhbərliyinə müraciət

gir | qeydiyyatdan keç
    Ana səhifə


yükləyin