Malta debates tal-kamra tad-deputati (Rapport Ufficjali u Rivedut)


ORDNIJIET TAL-ĠURNATA ABBOZZ TA' LIĠI DWAR SERVIZZI TAT-TURIŻMU GĦAL MALTA



Yüklə 430,19 Kb.
səhifə4/8
tarix03.01.2019
ölçüsü430,19 Kb.
#88944
1   2   3   4   5   6   7   8

ORDNIJIET TAL-ĠURNATA

ABBOZZ TA' LIĠI DWAR SERVIZZI TAT-TURIŻMU GĦAL MALTA

MALTA TOURISM SERVICES BILL



L-ordni għat-Tieni Qari ġie moqri

Il-mistoqsija reġgħet tqiegħdet

Ikompli mis-17 ta' Marzu, 1998
THE DEPUTY SPEAKER (Onor. Michael Bonnici): Il-Ministru Karmenu Vella huwa in possession.
ONOR. KARMENU VELLA (Ministru tat-Turiżmu): Madam Speaker, fl-aħħar seduta kont qed inwieġeb għall-punti li tqajmu minn diversi kelliema, fosthom l-Onor. Michael Refalo u l-Onor. Sandro Schembri Adami, u kont anke bdejt nikkummenta dwar xi punti li qajjem l-Onor. Joe Psaila Savona. L-Onor. Membru qal li għadu m'huwiex konvint li aħna għandna nimmiraw għal mixed tourism. Kif stajt nifhem jien donnu għadu jemmen li Malta għandha tmur għal dak li n-naħa l-oħra kienet issejjaħ up-market tourism, jew il-5-Star tourism, meta fl-opinjoni tiegħi dan it-tip ta' turist lanqas biss jeżisti.
THE DEPUTY SPEAKER: L-Onor. Psaila Savona.
ONOR. JOE PSAILA SAVONA: Jien li għidt eżattament kien li għad irrid nikkonvinċi ruħi li għandna mmorru għal up-market tourism, bħalma kien hemm xi ideat li hekk għandu jsir. Jiġifieri la jien konvint fuq il-fatt li jrid ikollna up-market tourism biss u lanqas jien konvint mod ieħor. Jiġifieri jekk fid-diskors tiegħu l-Ministru jikkonvinċini nkun obbligat. Imma daqshekk biss għidt!
THE DEPUTY SPEAKER: Il-Ministru.
ONOR. KARMENU VELLA: Sur President, fil-fatt jien għidt li l-Onor. Psaila Savona mhuwiex konvint li għandna mmorru għal mixed tourism. Jekk mhux konvint li għandna mmorru għal mixed tourism, jien kont qed nifhem - u naħseb li sewwa kont qed nifhem - li hu jippreferi li nkomplu bil-policy tal-Gvern ta' qabilna li jmur għal up-market tourism u 5-Star tourism. Jien niftakar li kont staqsejt: Imma mid-destinazzjonijiet turistiċi kollha li hemm fl-Ewropa u barra mill-Ewropa, min se jgħidlek li huwa miftuħ għal xi kwalita` ta' turist biss? Jien ma nistax nifhem din il-pożizzjoni għaliex naf il-prodott li għandna aħna. Aħna m'għandniex prodott ta' kwalita` waħda ta' turist imma għandna prodott imħallat - jekk nitkellmu fuq hotels, f'Malta għandna hotels li jibdew minn 1-Star u jibqgħu telgħin għal 5-Star - u allura rridu nipprovaw inġibu x-xogħol għall-hotels kollha. Jekk nitkellmu dwar restaurants, nistgħu nibdew mill-kiosks u mill-ħwienet tat-take-away, ngħaddu għal restaurants iktar elevati u nibqgħu sejrin għal ristoranti tajbin ħafna, ristoranti 4-Star u 5-Star fil-lukandi. Mela meta int għandek prodott varjat bilfors li trid tmur għal taħlita ta' turisti jekk int trid timla u tutilizza l-prodott kollu tiegħek. Jien qed ngħid hekk wara osservazzjonijiet li wieħed bilfors ikollu jinnota.
Ngħidu x'ngħidu, f'dan il-pajjiż - mhux f'dan il-pajjiż biss imma kważi l-moviment kollu ta' turisti minn pajjiż għall-ieħor - il-persentaġġ kbir tat-turisti ġej kollu fuq package holidays. Meta nitkellmu fuq package holidays ma jfissirx li huma ta' ċertu kalibru baxx. Illum ġo package holiday tista' ssib pakkett li jagħtik servizz ta' 2-Star hotel, jew ma' 2-Star hotel jagħtik trasport b'irħis, jew pakkett li l-kwalita` u s-servizz li għandek fih huwa servizz 2-Star. Imma għandek ukoll package holidays li huma mmirati għal turist ta' kwalita` tajba ħafna. Fir-rigward ta' cruise holidays li għal xi żmien kellhom il-perception li huma mmirati għal ċertu livell ta' turist, illum jista' jilħaqhom kulħadd għax illum issib cruise holidays b'Lm200, b'Lm2,000 jew b'Lm10,000 pero' kollha qed jinbiegħu bħala pakkett. Issa meta wieħed iħares lejn it-turist li qed nirċievu aħna, jien nerġa' nirriferi għall-istatistika li għadha kemm ippubblikat l-MIA tal-breakdown tat-turisti jew tal-viżitaturi li deħlin f'pajjiżna. Minn din l-istatistika, naturalment dejjem minn sample surveys eċċ., joħroġ ċar li 80% tat-turisti li jiġu hawn Malta ġejjin fuq package holidays.

Issa nerġa' ngħid li ma jfissirx li dawn qed jimlew biss t-2-Star u 3-Star, għax l-istess package holidays qed joffru wkoll l-opportunita` lit-turist li jagħżel kwalita` għolja ta' hotels. Jekk tara brochure issib li l-ebda wieħed m'hu qed joħroġ bil-hotels tat-2-Star biss jew 3-Star biss imma kull operatur għal kull destinazzjoni jkollu taħlita sħiħa ta' hotels, skond għal liema spectrum ta' turisti jkun qiegħed jimmira. Skond dik li ħareġ mis-survey f'Malta għandna 80% li ġejjin fuq package holidays, 10% li ġejjin fuq other holidays, 5% li ġejjin fuq business travel, 1% li ġejjin fuq conference travel, 2% visiting friends and relatives, u għandek il-kumplament li jkunu naqra minn kollox. Jiġifieri 90% jiġu għal holiday u 80% minnhom jiġu fuq package holidays. Meta għandna numru daqshekk għoli ta' package holidays, kif nistgħu ngħidu li m'aħniex konvinti li għandna mmorru għal mixed tourism?


L-Onor. Psaila Savona qal ukoll li aħna kważi qed nagħtu ħafna importanza lis-settur privat - allavolja ftit qabel kien għadu kemm qal li f'din il-liġi qed jara l-id tqila tal-ministru - u jien nista' ngħid li dan huwa veru u dan huwa wieħed mill-iskopijiet ewlenin ta' din il-liġi. Aħna rridu nagħtu rwol importanti lis-settur privat mhux biss biex jippjana policies u jissettja guidelines fi framework maħdum għas-settur tat-turiżmu, imma anke biex jimplimenta dak li jkun qed jippjana. (Interruzzjonijiet) Ma nistax nifhem għalfejn qed jgħid hekk l-Onor. Psaila Savona. Jien mhux se nipprova nieħu l-kredtu li ħafna mill-ideat noħorġuhom aħna u mbagħad jikkopjana l-privat - ġieli joħroġ bl-ideat il-privat u nikkopjawh aħna - pero' fuq din ir-rimarka nħalli lill-istess privat jiġġudika. L-Onor. Membru aċċertana li fi żmienhom dejjem kien hemm kuntatti eċċellenti bejn il-gvern u l-privat. Ngħid għalija ma ħadtx din l-impressjoni mill-mod kif jitkellmu miegħi, u anke mill-korrispondenza li sibt, speċjalment rigward kif kienet se titwaqqaf din l-awtorita`.
Qalilna wkoll l-Onor. Membru li m'għandniex nagħtu rwol importanti daqshekk lis-settur privat għaliex il-privat għandu interessi individwali. Allura noħolqu awtorita` tat-turiżmu u nħalluha f'idejn nies li m'għandhom l-ebda interess fis-settur tat-turiżmu? Jien nifhem li l-Onor. Membru ried jgħid li jekk aħna se npoġġu nies li ġejjin mis-settur, bħal lukandier jew operatur, dan se jkollu conflict of interests. Naturalment dak li se jkun fl-awtorita` tat-turiżmu tkun bagħtitu l-association tiegħu għax għandha fiduċja fih li se jaħdem għall-interess ta' l-association u mhux għall-interessi personali. Jien naħseb li kull association taf sew lin-nies li tkun qed tipproponi biex joqogħdu fuq it-tourism authority. Jien nemmen li għad baqa' ħafna sectoral interest u jien ngħid li bil-mod il-mod irridu nneħħu l-mentalita` li kull min ġej minn xi settur - mhux qed nirriferi għall-interess individwali, li lukandier jiġbed ix-xogħol lejn il-lukanda tiegħu - jinqeda bil-pożizzjoni li jkollu biex dejjem jiġbed lejn is-settur tiegħu. Dan veru jeżisti imma mhux se jibda jeżisti issa għax hemm it-tourism authority. Anzi jien nemmen li bit-tourism authority dan jista' jonqos għax fiha se jkun hemm iktar setturi rappreżentati. Jekk illum l-NTOM għandha predominanza tas-settur tal-lukandiera - biex nagħti eżempju, mhux qed ngħid li huwa hekk - 'l quddiem din il-predominanza tal-lukandier fit-tourism authority inċekknuha ftit billi hemm indaħħlu iktar operaturi, iktar aġenti u nies minn setturi oħra biex dak li qed jibża' minnu l-Onor. Membru ma jiġrix. Nerġa' naċċenna għad-differenza bejn l-interess individwali u l-interess settorjali, imma jien għidt kemm-il darba li l-interess settorjali dejjem hemm qiegħed u wasal iż-żmien li npoġġu l-interessi globali tas-settur tat-turiżmu qabel.
L-interess settorjali joħroġ ċar meta, per eżempju, jiġu jkellmuni nies mis-settur tat-trasport. Dawn jgħiduli biex inżid is-sodod u nżid il-gwidi ħalli jiġu iktar turisti biex ikollhom ix-xogħol - għax ġo l-għalqa ta' ħaddieħor kulħadd irid iżid - imma mbagħad meta tidħol fl-għalqa tagħhom, fuq it-trasport, u tistaqsihom jekk inġibux iktar coaches, jgħidulek: Le, ara ma tmisshomx għax taqla' pandemonju! Jekk titkellem mas-sidien tar-restaurants jew tal-lukandi u tistaqsihom jekk jaqblux li nżidu iktar coaches u iktar gwidi, dawn jgħidulek biex tiftaħ u tilliberalizza. Imma meta tistaqsihom jekk għandniex inżidu lukandi, jgħidulek: Le, għax għandna biżżejjed sodod. Jiġifieri tinduna mill-ewwel li iktar joħroġ l-interess settorjali milli l-interess globali tat-turiżmu - imma dan ma jiġrix minħabba xi għaqda partikolari - u nerġa' ngħid li kif se tkun magħmula t-tourism authority tista' tgħin ħafna biex dawn l-interessi jitnaqqsu. Fl-aħħar mill-aħħar hemm nies minn diversi setturi - lukandiera, aġenti, operaturi, tat-trasport, gwidi u oħrajn - li jien għandi fiduċja li huma kapaċi jibdlu l-kappell tagħhom, jiġifieri li meta jkunu fuq għaqda nazzjonali jaħdmu għall-interess globali tas-settur tat-turiżmu u mhux għas-settur tagħhom.
Dak li qal l-Onor. Membru kien se jkun rifless ħafna fit-tourism authority kif proposta fl-1994, meta l-awtorita` kienet se tkun magħmula minn seba' membri li kellhom id-dritt tal-vot u dawn kienu se jkunu nnominati kollha mill-ministeru, u mill-inqas tlieta suppost li kellu jkollhom background mis-settur tat-turiżmu. Il-fatt li minn sebgħa, allavolja jagħżilhom il-ministru, tlieta kellhom jiġu minn background turistiku, jidher li veru donnu ma kienx hemm biżżejjed fiduċja fis-settur privat. Jien ngħid li kienet tkun għażla ħażina mill-bidu kieku kellu jagħżilhom il-ministru minflok li l-associations jagħżlu r-rappreżentant tagħhom huma. Fil-fatt ħafna mill-associations ma qablux magħha u oġġezzjonaw totalment għal dak li kien qed jiġi ssuġġerit. Hawn nista' nikkwota minn ittra li l-MHRA kienet bagħtet f'Mejju, fejn fost affarijiet oħrajn qed tgħid hekk:
''From the very outset the association wishes strongly to oppose the proposals in respect of the persons to be appointed on the authority. The association feels that it is certainly not in the interest of the industry that the highest body constituted by law and entrusted with the functions mentioned in the proposals should fail to be represented directly.''
Mela l-MHRA qed toġġezzjona bil-qawwa li hi ma kenitx se tkun rappreżentata fit-tourism authority.
L-MHRA kompliet tgħid:
''The association must insist that the nominees of the authority should include members nominated by the various branches of the industry, one of whom should be chosen by the Malta Hotels and Restaurants Association. The association wishes to make it very clear that it considers the draft as proposed in so far as concerns section 3 thereof...''
- fejn qed jgħid min u kif se jiġi nnominat -
''... as totally unacceptable.''
Mela hawnhekk l-MHRA qed tgħid li l-abbozz ta' liġi kif ġie mgħoddi lilha kien "totally unacceptable" għaliha. (Interruzzjonijiet) Dan kien fis-26 ta' Mejju, 1995. Nista' ngħaddilek kopja! (Interruzzjonijiet) Infatti jien għidt li kien hemm. Int għidtli li ma kienx hemm. (Interruzzjonijiet) Eżatt, ġej miegħi! Meta jien għidt li kien hemm draft fl-1994 u sa l-1996 ma ġara xejn, int kont għidtli li ma kien hemm xejn fuq xiex jinħadem. U jien kont għidtlek li jien għandi d-draft tal-liġi li kienet ħarġet fl-1994. Jien qed ngħid li probabbli ma sar xejn bejn l-1994 u l-1996 għax kien hemm dik l-oppożizzjoni kollha mill-associations u mis-setturi nvoluti. Hawnhekk qed insemmi lill-MHRA biss imma għandi wkoll il-veduti ta' l-Air Malta li nista' nikkwota minnhom.
Ċertament li l-MHRA oġġezzjonat li ma kien se jgħaddi xejn mill-gvern lill-privat imma mill-gvern lill-awtorita`. L-MHRA qalet li kif kienet proposta d-draft law kien se jkun sempliċement eżerċizzju biex tgħaddi awtorita` mingħand il-gvern għal għand il-gvern u mhux kif riedet l-MHRA li l-awtorita' mingħand il-gvern tgħaddi għal għand il-privat. L-MHRA dak iż-żmien qalet hekk:
''The proposals do not appear to affect the shift in approach but merely to shift the onus from one or several bodies appointed by government as existing today to one body again appointed by government as proposed. It is evident that the only real effect of the proposals will be to convert the NTOM from a mere marketing body into an all-encompassing authority, while contemporaneously weakening, indeed possibly nullifying, the private sector's representation and consequent involvement in the bodies that formally fulfilled the authority's role.''
Din kienet il-preokkupazzjoni kbira li kellu s-settur privat fuq din il-liġi. L-MHRA qalet ukoll li l-effett kien se jkun wieħed taparsi u kien se jneħħħi lill-privat mir-rwol li diġa` kellu. Dan huwa differenti mill-kliem li nisimgħu min-naħa ta' l-Oppożizzjoni llum.
Il-conclusion ta' l-MHRA kienet li:
''The association's views are encompassed in the paragraphs afore mentioned. In substance the draft appears to propose a very cosmetic effect. The only material effect of the proposed draft would be to remove the private sector from the advisory role it today occupies''.
U dan meta l-Oppożizzjoni qed tgħid li l-kuntatti li kien hemm bejn is-settur privat u l-Gvern Nazzjonalista kienu eċċellenti!
Jien għandi wkoll l-ittri li ntbagħtu mill-Air Malta fuq l-istess proposta tal-Gvern Nazzjonalista. Skond l-ittra li għandi jirriżulta li l-Air Malta għamlet 18-il xahar titlob id-draft ta' l-1994 u qatt ma ngħatalha. Jidher ukoll li l-NTOM stess għamlet żmien meta lanqas taf x'kien qiegħed għaddej. Mela ejjew naraw x'qalet l-Air Malta. (Interruzzjonijiet) Imma jien ma kontx hemm dak iż-żmien, qed naqra l-ittri li sibt:
''We, the undersigned, as official representatives of Air Malta on the executive board of the NTOM ...''
- għaliex l-Air Malta dak iż-żmien kienet fuq l-NTOM, jiġifieri lanqas minn fuq il-bord ta' l-NTOM ma kienu jafu x'kien għaddej -
''... want to put on record that the first time that we saw a draft of the above Act was on 27th April, 1995 when it was forwarded to us. This in spite of our various requests made in the course of a number of board meetings held over the past 18 months to see the drafts being prepared. We find this strange, to say the least, that the executive board of the NTOM was not consulted in drafting this legislation. It is our view however and that of our executive chairman that Air Malta, as the national airline carrying 54% of all traffic into and out of Malta, should have a statutory right to have a voting member on the authority as well as on the various directorates.''
L-Air Malta qed tgħid hekk għaliex dak iż-żmien kien se jitneħħielha d-dritt li tpoġġi membru min-naħa tagħha fuq din l-awtorita`, kif proposta dak iż-żmien, u oġġezzjonat bil-qawwa li kienet se titħalla barra.
Ħalli nkompli naqra mill-ittra ta' l-Air Malta:
''It should therefore be inconceivable to set up a tourist authority without the full participation of Air Malta, both on the board of the authority as well as within the individual directorates, when by definition such bodies should incorporate representatives from the major components of the industry. It is unacceptable to us that Air Malta has been deprived of such representation. Air Malta is the national airline and like the NTOM is part of the tourism infrastructure.''
Jiġifieri rajna kif il-MHRA u l-Air Malta oġġezzjonaw bil-qawwa kollha għal dak li kien qed jiġri.


THE DEPUTY SPEAKER: L-Onor. Joe Psaila Savona.
ONOR. JOE PSAILA SAVONA: Ministru, ippermettili daqsxejn nikkummenta fuq dan li qed tgħid dwar l-MHRA u l-Air Malta. Tinsiex li l-idea tal-Gvern ta' qabel kienet li t-tourism authority tkun imfassla differenti minn kif se tkun issa. Kien se jkollna sezzjoni li kienet se tieħu ħsieb setturi - li issa jidher li mhumiex se jkunu rappreżentati fuq il-bord - bħalma hu l-ambjent, il-wirt kulturali, u l-ħajja soċjali tal-poplu tagħna. Imbagħad kien hemm sezzjoni oħra fejn kienu se jiġu rappreżentati l-MHRA, l-Air Malta u s-setturi privati kollha. Is-settur tat-turiżmu m'huwiex tal-lukandiera biss jew ta' l-Air Malta biss, kif huma jippretendu, għalkemm ma nagħtihomx tort li jagħmlu hekk. L-amministrazzjoni trid tieħu ħsieb dak kollu li jiġri fit-turiżmu, cioe' dak li jagħmel il-lukandier u dak li tagħmel l-Air Malta, imma mbagħad hemm fatturi oħrajn li int bħala ministru trid taqbeż għall-poplu in ġenerali. Qabel l-1994 kulma kellna kienet liġi għall-extended role ta' l-NTOM u iktar tard inħoloq il-konċett tat-tourism authority. Bħala amministrazzjoni aħna ħassejna li kienet tkun importanti ħafna li fit-tourism authority jkunu rappreżentati setturi bħalma huma dawk ambjentali u ta' wirt kulturali, u jkun hemm il-ministru qed jaqbeż għalihom. Forsi l-kritika ta' l-MHRA kienet li m'humiex se jkunu rappreżentati fuq dan is-settur, għax il-bqija kienu se jkunu rappreżentati bħal kwalunkwe settur ieħor.
THE DEPUTY SPEAKER: Il-Ministru.
ONOR. KARMENU VELLA: Fil-fatt ma jirriżultax hekk għaliex skond l-abbozz ta' qabel dawn la kienu se jkunu rappreżentati fuq naħa u lanqas fuq oħra. Jien ma ġejtx naqra l-ittri hawnhekk qabel ma kkonfermajt li dak li qalu huma jaqbel ma' dak li kien hemm fil-liġi. Fil-fatt dawn ma kienu jidhru mkien fil-liġi ta' qabel. Issa jien naqbel miegħek meta tgħidli li t-turiżmu m'huwiex biss tal-lukandiera, ta' l-Air Malta, tal-gwidi, tas-sidien tar-restaurants, jew ta' min għandu t-trasport. Imma jien ma nistax ngħid li t-turiżmu ta' dak m'hux, ta' dak m'hux u ta' dak m'hux. Allura ta' min hu? Tiegħi, li ma nvestejt xejn! Jekk nara x'investew il-hoteliers nixba' ngħodd il-miljuni. Jekk nara x'investew il-catering establishments nixba' ngħodd il-miljuni. Jekk nara l-investiment li għandha l-Air Malta l-istess. Allura jien kif nista' nagħmel pjan għas-settur tat-turiżmu mingħajr ma ndaħħal lil dawn in-nies! (Interruzzjonijiet) Le, ma kontux se ddaħħluhom. Qed naqralek dawn l-affarijiet. Int trid tgħidli min kienu se jkunu s-seba' rappreżentanti. Nerġa' naqrahielek biex inkunu ċerti?
THE DEPUTY SPEAKER: L-Onor. Psaila Savona.
ONOR. JOE PSAILA SAVONA: Mhux billi taqra dik l-ittra ta' l-MHRA!
ONOR. KARMENU VELLA: Mhux mill-ittra biss imma ċert milli qaluli huma.
ONOR. JOE PSAILA SAVONA: Ministru, illum jgħidu lilek ħafna affarijiet u qabel kienu jgħidu lili ħafna affarijiet, jiġifieri rridu naraw l-affarijiet fil-perspettiva tagħhom. Impossibbli li tgħid li aħna konna se nagħmlu awtorita` fejn l-MHRA ma kenitx rappreżentata għax l-MHRA kienet se tkun rappreżentata fejn għandha tkun rappreżentata.
ONOR. KARMENU VELLA: Imma din toħroġ mid-draft tal-liġi? Ma toħroġx. Nista' nagħtik il-liġi kif kienet.
ONOR. JOE PSAILA SAVONA: Mela ma toħroġx!. Meta nkunu bi kwietna jien u int naraw kif kienet proposta u tara li l-MHRA u s-setturi kollha kienu se jkunu rappreżentati.
ONOR. KARMENU VELLA: Ma toħroġx. Qrajtha tnejn, tliet darbiet għax ma ridtx niġi hawn naqra dawn l-ittri qabel ma nkun konvint li dak li qed jgħidu m'huwiex fil-liġi.
ONOR. JOE PSAILA SAVONA: Allura b'min konna se nagħmluha? B'nies li m'għandhom x'jaqsmu xejn mat-turiżmu!
ONOR. KARMENU VELLA: Għadek kemm qed tgħidli int stess li lanqas għandhom jippretendu li t-turiżmu huwa tagħhom!
ONOR. JOE PSAILA SAVONA: Is-setturi tal-privat flimkien kienu se jkun rappreżentati, m'hemm dubju ta' xejn.
ONOR. KARMENU VELLA: Ibqa' ċert li la fehmuha huma dak inhar u lanqas qed nifhimha jien illum. Jien rajtu d-draft u dan ma joħroġ minn imkien. Anke l-ittri rajt, u ma ridtx niġi naqrahom qabel ma nkun konvint li dak li qed jgħidu lili llum veru kien qiegħed hekk fil-liġi. Imma ħalli ma ntawwalx fuq dak l-aspett - naħseb li l-punt għamiltu - u nirrispondi għal punt ieħor li għamel l-Onor. Psaila Savona.
Fir-rapport ta' l-ewwel sena ta' ħidma - u dan ir-rapport ma nafx x'għandu x'jaqsam mal-liġi li qegħdin niddiskutu - jien ħriġt l-istatistika tat-turisti, tal-cruise passengers, tal-bednights, ta' l-earnings, il-per capita income, l-employment u l-figuri ta' Għawdex. Jien ħadt is-sena 1994, is-sena 1996 u s-sena 1997. Issa l-Onor. Membru qalilna li ma jistax jifhem għalfejn kont qed inqabbel dak li ġara bejn l-1994 u l-1996 ma' dak li ġara bejn l-1996 u l-1997. Jien għamilt hekk biex nuri x'ġara bejn l-1996 u l-1997 u, peress li l-1994 kulħadd iħares lejha bħala l-aqwa sena, qabbilt l-1997 ma' l-1994. Fl-1994 kien hawn 939,000 turist u sa l-1996 dawn niżlu għal 846,000. Mela bejn l-1995 u l-1996 it-turiżmu kien qabad downward trend għax kellna minus 10% bejn l-1994 u l-1996. Bejn l-1996 u l-1997 in-numru ta' turisti tela' b'5%. (Interruzzjonijiet) Jien ridt nuri biss li d-downward trend f'sentejn dawwarnieha għal upward trend. Jiġifieri m'hemm l-ebda ħsieb warajha imma sempliċement ridt niġbed comparison bejn dak li ġara fis-sentejn ta' qabel ma' l-aħħar sena.
L-Onor. Psaila Savona qal ukoll li l-kejl tas-suċċess tat-turiżmu m'għandux ikun fin-numru tat-turisti biss. Jien naqbel miegħu mija fil-mija u dan mhux illum biss qed ngħidu imma kont ngħidu meta kont fl-oppożizzjoni. Jien l-iktar li nħossni sodisfatt kieku minn sena għal sena nkunu żviluppajna prodott aħjar. Din m'hijiex xi ħaġa li tista' tkejjilha imma hi xi ħaġa li tista' taraha. Per eżempju, kieku bejn l-1993 u l-1994 f'Buġibba żdied it-turiżmu imma l-infrastruttura marret lura, mela min ikun qed ikejjel in-numri jgħid li għamilna suċċess imma min ikun qed iħares lejn il-prodott turistiku jgħid li morna lura. Jien nixtieq li naħdmu mhux biex inżidu n-numri imma biex intejbu l-prodott għaliex jekk aħna se noqogħdu ninħlew fuq in-numri biss u ma nagħtux kas il-prodott, allura dak ix-xogħol se jkun short-term wisq u sena wara l-oħra nerġgħu nibdew innaqqsu. Aħna għandna naħdmu biex intejbu l-prodott li diġa` għandna, għax anke fejn hu tajjeb għad hemm lok għal titjib, u mhux nintilfu fuq in-numri biss. X'jiswa li nkunu qed inkejlu kemm ġew turisti jekk imbagħad ma nikkonsidrawx anke l-ammont ta' ljieli li dawn jorqdu Malta. Ilna ngħidu li għandna ninsew in-numru ta' turisti u nibdew nitkellmu fuq bednights. Allura x'qegħdin ngħidu?
Bħalissa l-average stay ta' kull turist li jiġi Malta hija ta' għaxart ijiem. Mela jekk jiġu miljun turist għandek ten million bednights, imma jekk ikollok two million tourists li jiġu għal ħamest ijiem xorta ten million bednights għandek. Jiġifieri min iħares lejn in-numri biss jgħidlek li n-numru ta' turisti tela' minn miljun għal żewġ miljuni, u jgħid: Eh, tajjeb, it-turisti li ġejjin Malta rdoppjaw! Imbagħad jara li l-miljun turist joqogħdu għaxart ijem u ż-żewġ miljuni joqogħdu ħamest ijiem u malajr jinduna li t-total number of bednights baqa' l-istess. Issa kieku tistaqsini x'nippreferi ngħidlek li nippreferi ż-żewġ miljuni li joqogħdu ħamest ijiem u se ngħid għaliex. Għax jekk aħna kapaċi nimlew ten million bednights b'żewġ miljun passiġġier ikun ifisser li l-Air Malta se taħdem żewġ miljun passiġġier. L-istess, jekk kull turist imur ġurnata Għawdex, mela se jmorru żewġ miljuni u mhux miljun lejn Għawdex. Jiġifieri nippreferi li kieku nistgħu nnaqqsu l-bednights u nżidu t-turisti.

Kull sena rridu nħarsu wkoll lejn l-occupancy li jkun hemm fil-hotels, il-bejgħ, ir-rates li jagħtu dawn il-hotels, il-qligħ li jibqgħalhom il-hoteliers u jekk hemmx minn fejn tagħmel investiment ġdid. Il-ġimgħa l-oħra kont qed nitkellem ma' xi ħadd minn Ċipru li qalli li fl-aħħar sentejn marru ħażin filwaqt li din is-sena tant qed iżidu - fil-fatt għandhom żieda ta' 40% fuq it-turisti mill-Ingilterra u għandhom żieda anke mill-Ġermanja - li issa se jkollhom problema ta' overbookings daqskemm se jmorru turisti hemmhekk. Naturalment jien għidtlu: Mela sejrin tajjeb! Qalli: Nippreferi kif konna qabel għax kulħadd kien qed ibaxxi l-prezzijiet. Mela inutli li nħarsu biss lejn in-numri u ma narawx it-total revenue, l-ispending power ta' kull turist, l-occupancy, il-bejgħ, il-profitti u l-investimenti li jridu jsiru.


Meta nkejlu s-suċċess tat-turiżmu in a particular year ħaġa oħra importanti li rridu naraw hija l-customer-satisfaction index. Tela' jew niżel minn sena għall- oħra? Jista' jkun li jkollok żieda fin-numri u s-sodisfazzjon tal-customer tonqos. Jista' jkollok tnaqqis fin-numru jew in-numru jibqa' l-istess, imma għax toffri servizz aħjar u għax tagħti value for money il-customer-satisfaction index jitla'. Wara l-1994 - nerġa' nsemmi l-1994 għax bħala numri dik kienet l-aqwa sena - ħafna operaturi, speċjalment l-operaturi Ġermaniżi, għamlu żmien ma jridux jersqu lejn Malta minħabba l-esperjenza ħażina li kellhom il-klijenti tagħhom, jiġifieri dawk it-turisti li ġew Malta proprju fl-1994. Allura x'jiswa li aħna noqogħdu nżidu? Mela hawnhekk naqbel ma' l-Onor. kollega li ma rridux inħarsu lejn in-numri biss imma fost l-affarijiet li semmejt qabel irridu nħarsu anke lejn kemm ħareġ sodisfatt it-turist.
Aspett ieħor li rridu nħarsu lejh huwa l-effett tat-turiżmu fuq il-komunita` tagħna mil-lat soċjali, mil-lat kulturali u mil-lat ambjentali. X'jiswa li jiġu erba' miljun turist jekk iħallu effetti negattivi drastiċi fuq il-komunita` tagħna. Iż-żieda tat-turiżmu trid tibqa' tkejjilha dejjem ma' l-effetti li għandha. Jekk aħna kapaċi li nibqgħu nżidu mingħajr ma jkollna effett negattiv fuq il-wirt kulturali, soċjali u ambjentali tagħna, mela nibqgħu nżidu. Kif naraw li jekk se nżidu iktar se nibdew inbatu, allura noqogħdu attenti u naraw safejn se nibqgħu telgħin. Għalhek aħna qed nagħmlu dawk l-istudji tal-carrying capacity. (Interruzzjonijiet) Għandna sections sħaħ illum. Anzi l-istudju tal-carrying capacity irridu nlestuh qabel titwaqqaf l-awtorita' nazzjonali tat-turiżmu.
THE DEPUTY SPEAKER: L-Onor. Psaila Savona.
ONOR. JOE PSAILA SAVONA : Qed issemmi li ma tkunx kuntent jekk jiġu erba' miljun turist għax inkella jirrovinaw il-pajjiż mil-lat ambjentali u soċjali. Minn fost dawk li se jkun hemm fuq l-awtorita' nazzjonali tat-turiżmu, hemm xi ħadd li se jara li dawn l-affarijiet ma jiġrux?
ONOR. KARMENU VELLA: Illum min qed jagħmilhom dawn l-affarijiet? Taħseb li s-settur privat mhux qed jarahom dawn l-effetti? Jien nista' ngħidlek li iktar minn nofs il-membri li qed jagħmlu l-istudju dwar il-carrying capacity ġejjin mis-settur privat. Is-settur privat jaf li ma nistgħux naffordjaw li jkollna dak l-impatt negattiv fuq il-kultura u fuq l-ambjent soċjali tagħna, għax għandek ċertu limitu li ma tistax taqbżu, għax inkella t-turist ma jibqax jiġi 'l hawn. Fejn irridu we underestimate il-privat. Ara ma taħsibx li l-privat mhux konxju ta' dawn l-affarijiet! Il-carrying capacity study qed nagħmluh mal-privat. Jiġifieri m'hijiex kwestjoni li l-privat irid jibqa' jżid u allura l-kompitu tiegħi huwa li nżommu għax jien biss konxju mill-possibbilta` ta' impatt negattiv. Sakemm jibqgħu ġejjin turisti li lilna qed iqumulna ftit flus biex inġibuhom u qed iħallu relattivament ħafna flus fi profitti, ħallihom jibqgħu jiġu. Imma jekk naraw li t-turisti li qed inġibu qed iqumulna ħafna - qed iqumulna ħafna mhux in terms of money imma in terms ta' dawn l-affarijiet li qed insemmu - x'se nagħmlu? Se nibqgħu nħarsu lejn l-introjtu tal-flus u ma niżnux dak li qed nitilfu soċjalment, ambjentalment u kulturalment? Jiġifieri dan l-aspett irridu nħarsu lejh ukoll.
Din il-ġimgħa kellna seminar ta' l-AMITEX - l-Onor. Membru kien hemmhekk u pparteċipa wkoll - fejn aħna stess ipprovajna nqajmu diskussjoni billi wrejna films biex noħorġu l-affarijiet negattivi. Hemmhekk ħareġ il-fatt li diġa` hemm xi wieħed minn kull għaxra li qed jibżgħu mit-turiżmu, fis-sens li kienu jkunu iktar ferħanin li kieku kellna ngħaddu mingħajr turiżmu. Imma kif tista' tgħaddi mingħajr turiżmu? GĦandna alternattiva għat-turiżmu? Dak li jien għidt fis-seminar nerġa' ngħidu hawnhekk. Kull pajjiż jixtieq li ma joqgħod jiddependi minn ħadd u minn xejn. Kieku pajjiżna ma kellux għalfejn jiddependi mit-turiżmu, mill-exports u mis-servizzi ta' l-offshore kieku qegħdin il-ġenna! Nista' ngħid li pajjiżna, bħal kull pajjiż, għadda minn ċerti żviluppi. Beda mill-agrikoltura, baqa' miexi għal-light industry, heavy industry, electronics, imbagħad mill-industrija għadda għas-servizzi u għat-turiżmu. Issa wara t-turiżmu fejn se mmorru? M'għandna l-ebda servizz ieħor li jista' jissostitwixxi t-turiżmu u għalhekk huwa importanti li dan is-settur nibqgħu nieħdu ħsiebu.
L-Onor. Psaila Savona u l-Onor. Michael Refalo tkellmu fuq l-ITS, suġġett importanti ħafna għax fuqu jiddependi l-livell ta' servizz li nagħtu fis-settur tat-turiżmu. Hawnhekk nitlaq mill-premessa li t-turiżmu m'huwiex biss hotels u catering. Din hija waħda mill-problemi li kellna nittrattaw fl-ITS - u issa nispjega kif - pero' qabel ma nibda rrid inserraħ moħħ l-Onor. Psaila Savona rigward dak li qal li ma jixtieqx jara l-ITS jaqa' taħt il-ministeru ta' l-edukazzjoni. Ċertament għalissa m'hemm l-ebda ħsieb li dan isir, biss nista' ngħidlu li qed isir ħafna xogħol bejn il-ministeru tat-turiżmu u l-ministeru ta' l-edukazzjoni, mhux sempliċement fuq dik li hija edukazzjoni, bħalma huwa l-ITS, imma anke fil-kamp tal-kultura. Fil-fatt nixtieq nirringrazzja lill-Onor. Evarist Bartolo li għadu kemm għadda l-premises ta' Martin Luther College f'idejn il-ministeru tat-turiżmu, għax għidnielu li nixtiequ nżidu l-attivitajiet ta' l-ITS u għandna bżonn iktar spazju.
L-Onor. Michael Refalo qal li għandna noqogħdu attenti li ma jkollniex a hotel school. Jien ma naqbilx miegħu għax il-bżonn li jkollna a hotel school mhux qed ngħidu jien imma qaluhulna ħafna nies li ġew iżuru l-ITS. L-idea tiegħi hija li jkollna a hotel school fejn l-istudenti jitgħallmu hotel-related subjects u mbagħad ikollna l-kulleġġ fejn jitgħallmu suġġetti oħrajn li m'għandhomx x'jaqsmu ma' hotels u catering. Illum l-istudenti qed ikollhom il-prattika mill-ewwel sena, mhux kif kien isir qabel, jiġifieri jattendu għal-lezzjonijiet l-ITS u jieħdu l-prattika ġewwa l-hotels. X'inhu l-vantaġġ li jkollok a hotel school? Min ikun qed iħaddem student f'hotel , jgħinu kemm jgħinu, ma jistax jissostitwixxi lit-tutor tiegħu, iżda meta student jagħmel il-prattika fil-hotel school ikun qed jagħmilha taħt għajnejn u taħt id-driezzjoni tat-tutor tiegħu. Nerġa' ngħid li ma naqbilx li m'hemmx bżonn ta' hotel school.
L-Onor. Psaila Savona qal li l-ITS m'għadux l-istess. Veru m'għadux l-istess pero' mhux għax tfajnieh lura imma għax ridna ntejbuh. L-Onor. Membru huwa żbaljat ħafna li jaħseb li aħna qed nimmiraw għall-kwantita` u mhux għall-kwalita` fl-ITS. Fl-aħħar snin kellna programm attiv u intensiv - u hawnhekk nixtieq nirringrazzja kemm lill-istaff akkademiku, kemm lill-interim management committee u kemm lill-istudenti li kkoperaw biex kollox baqa' miexi sew - biex jirrifletti aħjar il-bżonnijiet ta' l-industrija tat-turiżmu. Jekk l-industrija tat-turiżmu kien jeħtiġilha iktar impjegati mħarrġa għax l-ammont li kien joħroġ qabel mill-ITS ma kienx ikun biżżejjed, aħna ridna ntellgħu l-kwantita` pero' not at the expense tal-kwalita`. Ridna ntellgħu kemm il-kwantita` kif ukoll il-kwalita`. Fil-bidu kienu qaluli li kull sena joħorġu 200 jew 220 student mill-ITS imma mbagħad sibt li t-turnout ta' l-istudenti kien qed ikun bejn 60 u 70 fis-sena. Fl-opinjoni tiegħi dan l-ammont ma kienx biżżejjed għall-bżonnijiet ta' l-industrija. Barra minn hekk il-courses kienu qed jinkludu hotel-related subjects biss u hawnhekk ħassejna l-bżonn li jkun hemm iktar suġġetti ġodda. Imma aħna ma qgħadniex biss fuq ix-xogħol ta' l-ITS biex insaħħu l-edukazzjoni fit-turiżmu.
Jien tkellimt ma' l-Onor. Evarist Bartolo dwar il-bżonn li nibdew indaħħlu s-suġġett tat-turiżmu fl-iskejjel mil-livell tal-primarja, għas-sekondarja u sal-livell terzjarju. Fil-fatt diġa` beda jaħdem dan il-programm u qed indaħħlu awareness subjects fil-livell primarju, bdejna ndaħħlu hospitality subjects fil-livell sekondarju u għall-ewwel darba fl-Universita` bdejna nagħtu first degree courses fit-turiżmu. Qabel kien hemm min seta' jieħu a first degree course in a tourism-related subject, jiġifieri wieħed kien jieħu degree fil-management u mbagħad jispeċjalizza fit-turiżmu. Aħna ridna nagħtu first degree courses fit-turiżmu, imbagħad wieħed jispeċjalizza fil-branches differenti bħal management jew marketing. Imma mhux l-oppost, jiġifieri jieħu first degree fil-management jew fil-marketing u mbagħad jispeċjalzza fit-turiżmu. In-nuqqas ta' trained personnel li kien qed joħroġ mill-ITS ma kienx qiegħed f'kategorija waħda u allura ridna ndaħħlu courses fil-kategoriji kollha. Illum qed nagħtu courses li jibdew mil-livell ta' manager u jibqgħu neżlin sal-livell ta' waiter jew kok, u d-diplomas minn hemmhekk jistgħu jwassluk għal degree universitarja. Dan stajna nagħmluh bl-introduzzjoni tal-modular credit system li nista' ngħid li diġa` bdiet tagħti r-riżultati mixtieqa. B'din is-sistema għandna kwalita` aħjar fil-livell edukattiv u stajna nieħdu intake ikbar. Fil-fatt, fejn qabel kien ikun hemm intake ta' 60 jew 70, is-sena l-oħra kellna intake ta' 370 u jekk m'iniex sejjer żball kien hemm intake ieħor fi Frar. GĦandna l-part-timers u għandna wkoll l-in-house courses .
THE DEPUTY SPEAKER: Ippermettili, Ministru Vella, sar il-ħin. Tibqa' in possession?
ONOR. KARMENU VELLA: Iva, nibqa' in possession. Grazzi.

Fid-9.00 p.m. id-diskussjoni ġiet interrotta u baqgħet aġġornata.

THE DEPUTY SPEAKER: Grazzi. Il-Ministru Mizzi, jekk jogħġbu, iressaq l-Aġġornament tal-Kamra.


Yüklə 430,19 Kb.

Dostları ilə paylaş:
1   2   3   4   5   6   7   8




Verilənlər bazası müəlliflik hüququ ilə müdafiə olunur ©muhaz.org 2024
rəhbərliyinə müraciət

gir | qeydiyyatdan keç
    Ana səhifə


yükləyin