ONOR. FRANCIS ZAMMIT DIMECH: Sur President, ma nafx jekk il-Gvern hux qed jipprova li jgħaddi l-klawsoli kollha li fadal ta' dan l-abbozz ta' liġi qabel ma l-Parlament jaġġorna għall-vaganzi ta' l-Għid - nafu li din hija liġi importanti li iktar ma tidħol fis-seħħ malajr iktar ikun aħjar - pero' irrid ngħid li jekk inħarsu lejn dak li qed jiġri l-Ingilterra bħalissa, insibu li t-tendenza hi preċiżament li inti tikkonsolida kemm jista' jkun kwalunkwe materja konnessa ma' servizzi finanzjarji taħt awtorita' waħda, f'dan il-każ taħt il-financial services authority. Jekk wieħed iħares anke lejn dokumenti differenti ġewwa l-Ingilterra jsib li filwaqt li t-tendenza fil-passat kienet waħda li tispezzetta, illum it-tendenza hi li tikkordina u li jkollok punt wieħed ta' riferenza. U minn dak li qrajt dwar dak li qed jiġri fl-Ingilterra, żgur li anke għal-long-term business r-riferenza hi preċiżament għall-financial services authority. F'Malta l-ekwivalenti għall-financial services authority - bid-diffikulta' li s'issa mxejna li l-awtorita' kompententi tista' tfisser ħaġa taħt liġi waħda u tista' tfisser ħaġa oħra taħt liġi oħra, imma dak forsi huwa dibattitu daqsxejn itwal li rriferejna għalih diġa' f'din il-Kamra u forsi rridu nsibu l-mument iktar opportun meta nidħlu fih - hija l-competent authority. Issa f'Malta żidna l-komplikazzjoni li l-competent authority mhux dejjem niddefinixxuha l-istess taħt il-liġijiet varji. Li nżidu l-komplikazzjoni li ngħidu li l-long-term business jagħmlu l-financial services tribunal, naħseb li m'huwiex meħtieġ.
Sur President, aktar ma nisma' argumenti min-naħa tal-Ministru li dan huwa suġġett li huwa cumbersome, li jieħu fit-tul u li għandu proċeduri metikolużi kif tirregolah, kważi nasal għall-konklużjoni bil-maqlub. Għaliex jekk hi proċedura li tieħu fit-tul, jekk hi proċedura anke metikoluża u trid il-mod dettaljat kif applikazzjoni tiġi eżaminata, l-aħħar ħaġa li trid hu li flok ma jkunu n-nies li għandhom il-hands-on experience kontinwa għaddejjin fl-oqsma tas-servizzi finanzjarji kollha, b'mod partikolari dak ta' l-assigurazzjoni, u li dawn bil-mod organizzattiv tagħhom li naf li huma kapaċi jagħmluh jgħidu li se jkollhom unit speċjalizzata fuq long-term business, fejn anke hemm il-back-up amministrattiv kollu u l-expertise meħtieġ li jagħmlu dan ix-xogħol, twaddab l-applikazzjonijiet għand tribunal li fl-aħħar mill-aħħar għandu t-tajjeb kollu tat-tribunal imma għandu l-iżvantaġġi wkoll ta' tribunal, jiġifieri huma persuni li bażikament qed jistabilixxu r-rwol tagħhom prinċipali biex isegwu appelli li jkun hemm min-nies li d-deċiżjonijiet ta' l-awtorita' kompetenti ma jkunux qed jaqblu magħha għal raġuni jew oħra. Iktar ma noħolqu dan id-distakk naħseb li flok inkunu qed nirregolaw bil-konċett ta' awtorita' waħda inkunu qegħdin nispezzettaw. Wara kollox x'inhu l-prinċipju li kollok awtorita' waħda?
Il-prinċipju li jkollok awtorita' waħda, fl-aħħar mill-aħħar jgħin immensament biex meta niġu biex nagħmlu l-marketing tas-servizzi finanzjarji, b'wiċċna bil-quddiem inkunu nistgħu ngħidu li f'Malta hawn financial services centre, ċentru mwaqqaf b'politika ta' consensus assoluta u anke b'mod bipartisan bejn iż-żewġ naħat tal-Kamra, kemm fil-liġijiet li saru oriġinarjament fl-1994 u anke f'kull emenda sussegwenti li qed issir għalihom, u wieħed mill-preġji l-kbar li għandu ċ-ċentru hu li jrid iservi bħala one-stop shop. Issa jekk inti lill-kumpanniji ta' l-assigurazzjoni tgħidilhom li għalihom hawn l-MFSC biex jirregola n-negozju kollu tagħhom, u mbagħad nibdew nagħmlu eċċezzjonijiet, naħseb li nkunu qed noħolqu diffikulta' li m'hemmx bżonnha.
Wara kollox irridu niftakru li l-financial services tribunal oriġinarjament kien twaqqaf taħt artiklu 10 tal-Banking Act ta' l-1994 u hemmhekk diġa' kien provdut li dan irid ikun tribunal li għandu funzjoni ta' appell minn deċiżjonijiet ta' l-awtorita' kompetenti rigward awtorizzazzjoni, rigward revoki u rigward anke kondizzjonijiet li jsiru fuq liċenzji ta' banking. Issa hemm id-diffikulta' li semmejt qabel li l-awtorita' kompetenti, għall-iskopijiet ta' dik il-liġi, għal raġunijiet storiċi partikolari ta' pajjiżna, sal-mument preżenti hi l-Bank Ċentrali u mhux l-MFSC. Pero' mbagħad għandek it-tribunal għal servizzi finanzjarji li allura għandu dan ir-rwol ta' appelli mill-awtorita' kompetenti kif definita hemmhekk. Fil-liġi dwar il-banking hemm provdut ukoll kif inhu kompost dak l-istess tribunal. Issa fl-abbozz li għandna quddiemna, jiġifieri f'dan l-artiklu u mbagħad anke f'artiklu 57, qed inżidu funzjoni addizzjonali li mhijiex eżistenti fil-liġijiet preżenti li jirriferu għat-tribunal għal servizzi finanzjarji. Issa din qed nagħmluha f'kontest ta' liġi fejn diġa' hawn il-qbil taż-żewġ naħat tal-Kamra li l-qasam totali ta' assigurazzjoni għandu jirriferi kollu għal awtorita' kompetenti waħda. Jiġifieri diġa' kkjarifikajna - u hawn impenn f'dan is-sens - li meta l-Parlament se jiddiskuti fl-istadju ta' Kumitat l-abbozz ta' liġi dwar brokers u intermedjarji oħra, se ngħidu li l-awtorita' kompetenti hija l-awtorita' kompetenti taħt din il-liġi. Allura l-konċett ta' one-stop shop ġie definit u aċċettat b'mod ċar ħafna. Naħseb li allura jkun żball li naqbdu l-long-term business u ngħidu one-stop shop għal kollox ħlief għal dan in-negozju.
It-tribunal għal servizzi finanzjarji la għandu l-expertise meħtieġ, kif għandha l-awtorita', u lanqas għandu l-garanzija ta' back-up amministrattiv u ta' l-istrutturi kollha li għandna l-MFSC imma huwa tribunal li lanqas huwa mwaqqaf, waqt li l-MFSC - jekk wieħed imur lura għal meta kien jissejjaħ il-MIBA - huwa ċentru b'back-up u esperjenza ta' għaxar snin. Jiġifieri qegħdin nissostitwixxu dan iċ-ċentru li evolva prattiċi, li evolva guidelines, li ħadem fuq direttivi, li ħadem anke fuq kodiċi ta' prattika, li għandu din l-istruttura kollha, ma tribunal kompletament ġdid li għalkemm fil-liġijiet eżistenti diġa' ilu jissemma' erba' snin s'issa ma twaqqaf qatt, minn l-ebda amministrazzjoni, u dan forsi għaliex iż-żewġ amministrazzjonijiet s'issa ma kellhomx każijiet li jirrikjedu t-twaqqif tiegħu. Hawn qed ngħidu li l-kompożizzjoni tiegħu se tkun differenti u se ngħidu li dan it-tribunal issa se nwaqqfuh b'kompożizzjoni differenti taħt il-liġi ta' l-1998 u mill-ewwel nagħtuh funzjoni ta' liċenzjar u mhux biss ta' appelli kif għandu. Jien naħseb li jekk se nagħmlu hekk ma jkunx l-iktar pass għaqli. L-iktar pass għaqli jkun li nieħdu l-opportunita' ta' din il-liġi biex dan it-tribunal jitwaqqaf. Fl-opinjoni tiegħi għandna niddiskutu kif jitwaqqaf b'mod li jorbot għal-liġijiet kollha, u mhux f'liġi noqogħdu ngħidu li huwa kompost mod u f'liġi oħra ngħidu li huwa kompost b'mod differenti.
Infatti jekk immur fuq il-liġi Ingliża ta' l-1986, fil-Financial Sevices Act ta' l-Ingilterra hemm provdut li jkollok it-tribunal kompost bi struttura fejn ikollok panel ta' nies, imbagħad kif inti minn dak il-panel tagħżel in-nies l-iktar idonei għal kull każ tiddeċiedi skond il-każijiet li jkollok. Din m'hijiex xi ħaġa li fil-liġijiet l-oħra Maltin m'għandniex. F'pajjiżna għandna liġijiet diversi - hawn l-Avukat Ġenerali u flimkien man-nies mill-Malta Financial Services Centre jista' jikkonfermalna dan - fejn għandek tribunali li l-kompożizzjoni tkun ta' panel, imbagħad il-kompożizzjoni għal każijiet partikolari naturalment tkun skond l-eżiġenzi tal-każ jew tat-tip ta' każ. M'iniex qed ngħid li rridu nikkomponu b'mod differenti għal kull każ pero' jekk inti tagħmel panel għandek vantaġġi oħrajn ukoll, inkluż il-vantaġġ li jekk xi ħadd għandu interess fil-każ li qed jiġi diskuss quddiem it-tribunal in kwestjoni huwa iktar faċli li tissostitwixxi milli kieku t-tribunal ikun kompost b'mod iktar riġidu. Naħseb li dan nistgħu nagħmluh.
Sur President, jekk aħna rridu ngħaddu l-klawsoli kollha li fadal sad-9.00 p.m. tal-lejla allura aħjar insibu formola u nipprovaw naqblu għaliex aħjar li nimxu f'dan il-qasam. Nista' ngħid li fuq dan l-artiklu m'hawn l-ebda casus belli min-naħa ta' l-Oppożizzjoni. Jiġifieri jekk l-intenzjoni tal-Gvern hija hekk, jgħidilna u l-Ministru jkollu l-koperazzjoni sħiħa tagħna. Pero' jekk għad hemm opportunita' li naħsbu iktar u li naraw mhux biss il-liġi Ingliża eżistenti imma anke x'qed ikun propost l-Ingilterra, fid-dawl tar-riforma kbira li qed issir bħalissa, preċiżament biex kollox ikun iktar kordinat, ma naħsibx li f'Malta għandna nitilfu din l-opportunita' li dan it-tribunal inħalluh fil-funzjoni tiegħu ta' appell, niftehemu flimkien kif l-aħjar ikun kompost u nagħtu l-fiduċja tagħna lill-MFSC, anke biex jagħti l-awtorizzazzjonijiet meħtieġa fuq il-long-term business. Wara kollox il-MFSC min jaf kemm se jkollha każijiet fejn tkun qiegħda f'diskussjoni kontinwa ma' ditti fuq oqsma differenti ta' assigurazzjoni. Għandek il-long-term, għandek il-policies l-oħrajn li qegħdin niddiskutu, għalfejn dawn ir-rappreżentanti anke li jiġu u jagħżlu lil Malta bħala ċentru minn fejn jagħmlu n-negozju....
Fl-aħħar mill-aħħar aħna qed niddiskutu din il-liġi mhux biss mil-lat purament legali u mil-lat purament tekniku imma qed niddiskutu anke bħala parlamentari li nixtiequ li Malta tkun ċentru ta' reputazzjoni għolja u ċentru li jħabbatha ma' l-aqwa postijiet finanzjarji madwar id-dinja. Mela meta aħna qegħdin nipprovaw nattiraw negozju ġdid lejn pajjiżna, l-aħjar ħaġa li nistgħu nagħmlu hija li ngħidu li l-MFSC huwa a one-stop shop, kemm fis-sens ekonomiku u kummerċjali, u kemm fis-sens legali u tekniku.