Debates tal-kamra tad-deputati (Rapport Ufficjali u Rivedut)



Yüklə 497,64 Kb.
səhifə34/96
tarix07.01.2022
ölçüsü497,64 Kb.
#86854
1   ...   30   31   32   33   34   35   36   37   ...   96
THE CHAIRMAN: Grazzi. Aktar rimarki. L-Onor. Joe Cassar.
THE CHAIRMAN: Nirringrazzjak. Aktar rimarki, jekk jogħġobkom? L-Onor. Joe Cassar.
ONOR. JOE CASSAR: Sur President, fis-seduta numru 487 tas-Seba' Parlament li saret nhar l-Erbgħa, 6 ta' Diċembru, 1995 skond ir-rapport uffiċċjali u rivedut tal-Kamra, kien intqal hekk:
"Din is-sena kien hemm ħafna każijiet fejn anzjani ġew pin-pointed bħala vittmi tal-kriminalita' u llum stess kien hemm każ ta' anzjan ta' 71 sena li safa' vittma tal-kriminalita'. Kull meta tistaqsi lill-anzjani u kull meta jsiru studji xjentifiċi dwar il-problemi ta' l-anzjani dejjem jgħidulek li l-akbar problema li tinkwetahom u tippreokkupahom hija ż-żieda fil-kriminalita'. Sfortunatament naraw strateġija fis-soċjeta' tagħna li l-anzjani qed ikunu l-mira ta' din il-kriminalita' li dejjem qed tikber. Kemm-il darba tkellimna minn hawn ġew u kemm-il darba għamilna stqarrijiet, anke min-naħa tal-Partit Laburista, dwar li għandha ssir xi ħaġa biex titrażżan din il-mewġa ta' kriminalita', speċjalment fuq l-anzjani. Għalhekk jien nixtieq li llum nistaqsi jekk il-Ministru jqisx li din hi problema ta' prijorita' għall-pajjiż? Nistaqsih jekk tkellimx mal-Ministru ta' l-Intern biex jara jekk tistax issir xi ħaġa dwar l-anzjani?".
Sur President, dan il-kliem m'huwiex tiegħi imma huwa l-kliem li għamel ftit iktar minn sena ilu l-Onor. Edwin Grech meta kien shadow minister għall-politika soċjali. Billi l-kamp soċjali huwa qasam vast ħafna u sfortunatament il-Ministru ma jweġibx għal ħafna mistoqsijiet parlamentari li jsirulu imma jgħid biss li se jagħti tweġiba f'seduta oħra, issa nittama li jgħidilna kif ġew meħlusa n-nies li kienu nstabu ħatja tal-qtil ta' Mary Douglas . Il-Ministru huwa ministru tal-Gvern u fl-aħħar mill-aħħar, igħidu x'jgħidu, jibqa' l-Gvern li għandu r-responsabbilta' ewlenija u aħħarija għal dak li jiġri fil-pajjiż. Billi jkun hemm triumvirat! (Interruzzjonijiet)
Fid-dinja kien hawn ħafna triumvirati! Fil-fatt darba għamlu triumvirat Octavius, Lepidus u Marc Antonius. Intom ukoll għamiltu triumvirat, imma żammejtu wieħed barra, għalkemm fl-istess ħin dan huwa l-konsulent tal-Prim Ministru! Ikun tajjeb jekk ngħid li filwaqt li qed jiġru ċerti affarijiet fil-gvern u anke hawn ġew, min qiegħed barra qed jgħid bil-maqlub bir-riżultat li wieħed qed jiddefendi lill-ieħor. Imma din m'hijiex logħba ta' effiċjenza jew ta' management, minkejja li l-Prim Ministru dejjem jiftaħar li jeżisti management tajjeb. Fil-fatt dan it-triumvirat ma tantx qed jagħmel affarijiet tajba u aħjar joqgħod ftit attent li ma jidħolx "bejn il-basla u qoxritha", biex nuża espressjoni li uża l-Onor.George Vella.
Sur President, għaldaqstant il-Ministru llum irid jgħid kif saret din l-amnestija u, flimkien mal-Gvern kollu, irid jerfa' r-responsabbilta' mingħajr ma jwaħħal f'ħadd. Hu jrid jerfagħha r-responsabbilta' kif irid jerfa' r-responsabbilta' wkoll dwar każ fejn keċċa ħaddiem li meta jien għamiltu mistoqsija parlamentari dwaru pprova jwaħħal f'ħaddieħor. Illum l-Onor. Grech hu ministru u ma għadux, kif kien qabel, shadow minister u għalhekk irid jiffaċċja r-responsabbilta'. Li ttellef l-impjieg lil xi ħadd hija xi ħaġa kbira u mhux ta' min jagħmilha u tagħha rridu nagħtu ħaqq mhux biss fid-dinja imma anke x'imkien ieħor.
Billi l-aħħar darba l-Prim Ministru semma lil Berthold Brecht - il-Prim Ministru jaqra ferm iżjed minni - u la qed insemmu t-telf ta' impjiegi li jista' jkun kawżat minn kif għidt jiena, nistieden lill-Ministru jaqra mhux il-kapolavuri ta' Brecht imma storja żgħira ta' l-istess awtur ta' żewġ folji li jisimha' "The Job", "By the sweat of thy brow shalt thou fail to earn thy bread". Jekk il-Ministru jrid kopja nista' nġibhielu għada stess.
Nidħol issa fill-qasam tax-xogħol. Hawnhekk irridu niftakru li taħt il-libsa tal-ħaddiem hemm il-bniedem. Irridu niftakru li x-xogħol qiegħed għall-bniedem u mhux il-bniedem għax-xogħol u għalhekk il-ħidma ekonomika għandu jkollha lill-bniedem bħala ċ-ċentru tagħha u għalhekk jien ma naqbilx mal-kelma "ċittadin" għaliex il-kelma "ċittadin" tfisser biss ir-relazzjoni bejn il-bniedem u l-Istat. Il-bniedem huwa ħaġa sħiħa li ma tistax tifirdu u ma tistax taqsmu f'biċċiet. Min jitkellem biss fuq management - kelma li qed nisimgħu ħafna; bil-Malti għandna l-kelma "timmaniġġa", imma ma nafx jekk "management" u "timmaniġġa" humiex l-istess - aktarx jasal biex jinsa lill-bniedem jew iħares lejh bħala numru, wieħed mill-massa. Ix-xogħol tal-bniedem għandu x'jaqsam mhux biss ma' l-ekonomija imma wkoll, anzi aktar, mal-valuri tal-bniedem bħala ħolqien uniku. Bix-xogħol il-bniedem joħloq il-kapital li jieħu sura skond iż-żmenijiet - darba kien hawn l-art, imbagħad ġew il-makni mentri llum hawn it-teknoloġija u l-informatika - imma dan huwa biss għodda li twieled mix-xogħol u li fuqu juri s-sinjali tal-ħidma tal-bniedem. Ix-xogħol huwa mera ta' solidarjeta' bejn il-ħaddiema u l-bnedmin. Solidarjeta' ma tfissirx għaqda għalenija kontra xi ħadd imma għaqda ta' ħidma għall-ġid ta' kulħadd.
Anke hawn il-Ministru għandu joqgħod attent xi jgħid fuq l-impjegati tiegħu għaliex anke dawn qegħdin fil-General Workers' Union. Dan l-aħħar kienu se joħorġulu press release kontra l-press release li ħareġ hu. Għax dan hu wieħed li jiddiletta ħafna bil-press releases! Kemm imissu joħroġ press releases iżjed, speċjalment fuq in-nollijiet ta' Għawdex għax anke dawn huma parti mill-qasam soċjali peress li jaffettwaw lill-istudenti, lill-ħaddiema u lill-konsumaturi. Din qegħda anke fuq "it-torċa" tal-bieraħ u nista' nurihielek għax qegħda għandi. Onorevoli, dawn huma kollha problemi soċjali. Oħroġ xi stqarrija fuq ix-xogħol, la tiddiletta tant biex toħroġ stqarrijiet! Stqarrija messek tiġi tagħmilha hawn fil-Parlament u mbagħad tlesti ruħek għall-mistoqsijiet li jistgħu jsirulek!
Huwa dmir ewlieni ta' kull gvern li jippjana sabiex fil-pajjiż ma jkunx hawn il-qgħad - u issa fuq il-qgħad ngħidu iżjed - għax il-qgħad ikisser id-dinjita' tal-bniedem u jħarbat is-soċjeta'. Dan id-dmir għandu piż akbar fiż-żmenijiet meta hawn taqlib fis-sistemi ta' produzzjoni għax hemm il-ħtieġa li l-bniedem jitgħallem għall-ħteġijiet tal-ġejjini. Id-dmir ta' gvern hu li jwettaq politika fejn kulħadd ikollu fejn jista' jħaddem il-ħiliet u t-talenti tiegħu filwaqt li jiżgura għijxien xieraq għalih u għal min jiddependi minnu. Il-Gvern preżenti dan m'huwiex qed jagħmlu. Il-kuntratt tax-xogħol huwa kuntratt ta' tisħib bejn il-bnedmin, solidali ma' xulxin fejn jaħdmu għall-ġid ta' kulħadd. M'għandniex inqisu li la l-ħaddiem issa għandu fuqu tliet managers, bħala triumvirat - li b'xi mod vvintajna - se nirranġaw kollox jew li se nġibu lil kulħadd jaħdem jew nimmaġinaw li se nagħmlu xi ħaġa kbira f'dan il-pajjiż! Ikun aħjar jekk inbaxxu xi ftit rasna u ngħidu li aħna lkoll bnedmin. Gvern Nazzjonalista għax kien jemmen fuq dawn il-ftit prinċipji li semmejt - jien għidthom fil-qosor ħafna għax il-ħin huwa limitat - ħadem ħafna biex ikun hawn xogħol għal kulħadd u fuq xogħol li jagħti sodisfazzjon lill-bniedem u mhux xogħol tal-korpi, jiġifieri f'ambjent ta' sliem u paċi politika, soċjali u ekonomika. Gvern Nazzjonalista ħadem ukoll biex il-ħaddiem ikollu paga deċenti biex jgħix hu u l-familja. Il-Gvern ta' qabel kien stinka ukoll biex il-ħaddiem ikollu l-jeddijiet tiegħu mħarsa u biex il-ħaddiem jaħdem f'ambjent ħieles mill-perikolu għas-saħħa u għas-sigurta' ta' ħajtu. Ħadem biex il-ħaddiem jibda jissieħeb fil-qligħ.
Issa ngħaddu għall-problema tal-qgħad. F'mistoqsija numru 322 li saret fl-10 ta' Diċembru, lill-Ministru konna tlabnih xi ċifri dwar il-qgħad u fis-17 ta' Diċembru, 1996 il-Ministru kien wieġeb: "L-istatistika mitluba għadha qed tinġabar". Dik kienet it-tweġiba għal dik id-darba li messu jwieġeb, għax ġeneralment il-mistoqsijiet ta' dan il-Ministru jinġibu ma' ta' l-aħħar u allura kemm sempliċement jiktibhom - jew jiktbuhomlu! Fuq mistoqsija supplimentari li saret wara l-mistoqsija msemmija, il-Ministru qal jew aħjar assigura lill-Kamra - dan qed nikkwota lilu - li ċ-ċifri kienu lesti u kellhom jiġu pubblikati dalwaqt mill-Uffiċċju ta' l-Istatistika billi, skond il-proċeduri normali, ma kienx hu li jħabbar dawn iċ-ċifri. Jien ma nafx x'inhuma sewwa sew id-dmirijiet tal-Ministru. Il-Ministru mbagħad qisu, biex ngħid hekk, nesa l-kalendarju għax warrab ix-xhur ta' Ottubru u ta' Novembru, it-12-il xahar tas-sena ġabhom għaxra biex ħareġ b'ċifra tal-qgħad għal Diċembru ta' 6,245. Il-qgħad qed jiżdied, dak li ġab dan il-Gvern bl-inċertezza u bin-nuqqas ta' ideat u pjanijiet. Imbagħad, meta fit-22 ta' Jannar ta' din is-sena, il-Ministru wieġeb għal domanda oħra, numru 795, reġa' qatta' l-kalendarju u għamel tas-soltu u stqarr li: "Il-figura mogħtija fil-press release ma kenitx dik uffiċjali għax dik kienet għada qed tinġabar u għalhekk ma stajtx u għadni ma nistax nagħtiha fil-Parlament". Sur President, kif jista' jkun li Ministru jiġi jgħid li ċ-ċifra li ta fi press release - hawnhekk issa qed nitkellem fuq ministru - jista' jkun li m'hijiex eżatta. Din x'serjeta' hi! U hawn, il-kliem "għadha tinġabar" ifissru li inti qed tgħodd iċ-ċifra, imma wara ġejja figura oħra li biha l-qgħad jista' jkun akbar miċ-ċifra li ta l-Ministru? Għalija hekk ifisser il-kliem "qed tinġabar". Figuri oħra l-Ministru malajr jagħtihom bħal, per eżempju, fuq il-Labour Office u fuq in-numru ta' diżgrazzji, imma fuq il-qgħad il-Ministru jdum ma jweġibhom u hawnhekk il-Ministru kultant donnu li jinsa li l-ewwel dmir tiegħu huwa lejn il-Parlament u mhux lejn il-gazzetti. Id-dmir tagħna mhuwiex lejn il-media imma lejn din il-Kamra li hija l-ogħla istituzzjoni tal-pajjiż. Jien diġa' għidt li kultant nibda nitħawwad għalxiex huwa responsabbli dan il-Ministru għax ċerti affarijiet donnu jew jaħbihom jew ikun jafhom u ma jgħidhomx jew forsi xi ħadd jgħidlu biex ma jgħidhomx. Jien ma nafx x'qed jiġri imma tajjeb li l-Ministru jibda jara kif iwieġeb il-mistoqsijiet li jsiru hawn ġew għax hawn ġew għandna ċerta lealta' lejn xulxin.
Lill-Ministru saritlu wkoll din il-mistoqsija, numru 2,191:
"Jista' l-Ministru jgħid meta l-ETC għaddiet l-aħħar ċifri dwar impjiegi lill-Uffiċċju Ċentrali ta' l-Istatistika?"
It-tweġiba tal-Ministru kienet:
"Hemm kuntatt kontinwu bejn l-ETC, l-Economic Planning Division u l-Uffiċċju Ċentrali ta' l-Istatistika dwar iċ-ċifri ta' l-impjiegi u l-qgħad".

Mur obsor, Mr Chairman! Jien ma staqsejtux dwar il-qgħad - dak hu semma l-qgħad - imma dan jurik kemm din il-pjaga qed tifni lil dan il-pajjiż. Il-Ministru jaf biha din u qed jipprova jaħbiha. Il-Ministru għandu joqgħod attent biex ma jsirx ministru tal-misteri minflok il-Ministru tal-Ħarsien Soċjali. Nhar il-Ħamis li għadda, fl-aħħar, inħarġu ċ-ċifri u forsi il-Ministru ħariġhom nhar il-Ħamis biex illum ikollu xi ħaġa fuq x'hiex jitkellem. X'jirriżulta minn dawn iċ-ċifri li ħareġ il-Ministru? Jirriżulta li f'Settembru n-nies li jaħdmu bi qligħ kienu jammontaw għal 142,599 u f'Novembru n-numru ta' nies jaħdmu niżel għal 140,407. Hawnhekk qegħdin naraw li mhux biss qed jiżdied il-qgħad imma anke n-nies li jaħdmu bi qligħ qegħdin jonqsu - u issa ngħid il-figuri - u dan qatt ma ġara bejn l-1987 u l-1996. Il-Ministru għandu ħerba u għalhekk tajjeb li dan il-ministeru qiegħed quddiem Palazzo Ferreria għax quddiemu hemm il-ħerba tat-teatru li jgħidu li twaqqa' bil-ħidma ta' l-għadu - jien dak iż-żmien ma kontx hawn! u l-Ministru għandu joqgħod attent li ma jagħmilx ħerba mill-impjiegi għax l-impjiegi jolqtu l-ħobżna ta' kuljum ta' kulħadd.


Meta ngħaddu għall-qgħad naraw li f'Novembru dan kien ta' 6,058, żieda ta' 430 fuq ix-xahar ta' qabel u skond il-famuża stqarrija li għamel il-Ministru, fejn ma riedx jgħidha hawnhekk, il-qgħad f'Diċembru tela' għal 6,245. Issa jekk il-Ministru ta dan in-numru bl-addoċċ, kif donnu ried jgħid, issa jrid iġorr it-toqol tiegħu u nittama li n-numru mhuwiex akbar. Il-Ministru donnu kultant jitfa' kelma 'l hawn u 'l hemm biex 'il quddiem ikun jista' jiddefendi ruħu tajjeb. Gvern Nazzjonalista dejjem ħoloq ambjent li fih tkattar ix-xogħol. Fejn qabel l-ekonomija kienet staġnata din qamet fuq tagħha, sar żvilupp kbir u minkejja l-bidla kbira li saret, kemm min iħaddem u kemm min jaħdem, kien jaf fejn qiegħed. Illum ħadd ma jaf fejn qiegħed. Kien seħħ żvilupp kbir fejn l-investiment żdied u l-ħaddiem Malti, bħal dejjem, wera l-ħiela tiegħu. Il-Gvern Nazzjonalista ma baqax lura u affronta sidru u stinka għall-ġid tal-pajjiż u tal-ħaddiema. Gvern Nazzjonalista dejjem kellu rispett lejn il-ħaddiema. Gvern Nazzjonalista dejjem ħadem għall-ħaddiem u qatt m'għajjar lill-ħaddiema.
Meta mbagħad niġu għall-budget, x'jgħid fuq ix-xogħol dan il-budget? Kollox sew, naf li l-Onor. Lino Spiteri jikteb Malti tajjeb u hemm ħafna kliem sabiħ bħal dak li hemm f'paġna 13:
"... inħeġġu t-tkattir ta' l-impjiegi li jżidu valur, waqt li nħeġġu u ninċentivaw liż-żgħażagħ tagħna biex ikunu dejjem u bla riserva xprun għal tħejjija minn issa għal ġejjieni aħjar, li jridu jirtuh huma u li għandhom kull jedd ifittxu li jipparteċipaw fil-bini tiegħu minn issa."
Qisek qed tisma' xi Enċiklika! Din hija miktuba tajjeb, imma fil-fatt x'qed jiġri? Fl-aħħar mill-aħħar, kien l-Onor. Lino Spiteri li darba kien ġie f'dan il-Parlament, fis-16 ta' Novembru, 1982 u għalkemm hawn Malta ma tantx jagħmel silġ f'dik il-ġurnata kien għamel silġ kbir tant li kulħadd beda jimxi fuq l-iskates! Dak inhar l-Onor. Lino Spiteri bid-diskors tal-budget kien iffriża kollox, anke lilek kien iffriża Onor. Mizzi allavolja ma kontx hawn! Il-Ministru ħabbar li l-Gvern Laburista kien iddeċieda li b'effett mill-1 ta' Jannar, 1983 kellu jimplimenta freeze fuq il-pagi ħalli l-ispejjeż tal-produzzjoni minn dan il-lat jibqgħu stabbli matul l-1983 u allura ma jsir l-ebda ftehim kollettiv. Aħra diġa' bdejna t-triq lejn dan l-istadju u se naslu. U qabel ġiet il-friża, l-Onor. Lino Spiteri, li llum huwa Ministru tal-Finanzi bħalma kien dak inhar ... (Interruzzjonijiet) Jiena ma nafx imma l-ex Prim Ministru Mintoff kien jgħid ħafna affarijiet u forsi kultant kien jgħidhom biċ-ċajt bħal meta darba qal:
"Illum in-nies u t-turisti jridu aktar ħut tant li qed jimpurtaw fuq il-Lm1 miljun fis-sena ħut tal-friża jew immellaħ. Il-ħut tal-friża m'huwiex popolari mal-Maltin għax ma jafux isajruh iżda l-Maltin iħobbu l-ħut immellaħ."
Dan kien f'mass meeting f'Ħal Qormi fis-27 ta' Marzu, 1976, jiġifieri l-friża, il-ħut tal-friża u l-logħba bil-ħaddiem dejjem sejra!
Darb'oħra, f'konferenza ġenerali tal-General Workers' Union, fl-1972, kien mar l-Onor. Dom Mintoff, Prim Ministru ta' dak iż-żmien, u qalilhom oħra:
"Kull pajjiż, bħal pazjent, l-ewwel ma tara huwa għandux deni u jekk telgħetlux it-temperatura. Fil-każ ta' pajjiż it-temperatura huwa l-qgħad. Sakemm idum il-Partit Laburista fil-gvern il-figura tal-qgħad se tibqa' dejjem nieżla".
U veru kien profeta, imma kien profeta falz! Mela barra l-friża, bejn l-1972 u l-1980 kien żdied sewwa n-numru ta' nies li jfittxu impjieg. F'dak il-perjodu, in-numru ta' nies jaħdmu jew ifittxu x-xogħol kien qabeż il-120,000, iżda mill-1980 in-numru beda nieżel, biex imbagħad sa nofs l-1986 staġna għal kollox . Dan huwa li qed jiġri issa u għalhekk għamilt enfasi li mhux biss qed jiżdied il-qgħad imma qegħdin jonqsu f'daqqa in-nies li kienu jaħdmu bi qligħ. Is-soluzzjoni tal-Gvern Laburista ta' dak iż-żmien kienet it-twaqqif tal-korpi u l-Onor. Dom Mintoff - llejla qed nikkwotah ħafna - kien qal li dawn kienu xi ħaġa temporanja, tant li fis-seduta tal-Parlament numru 63 tat-22 ta' Marzu, 1972 dwar il-Korp ta' l-Emerġenza, jiġifieri b'mod uffiċjali, kien qal hekk:
"Issa intom sena se tagħmlu ..."
- dan lin-nies tal-korpi kien qed jgħid u mhux lill-Parlamentari -
"... u f'din is-sena kull wieħed minnkom irid jagħmel ħiltu biex jigħallem ħalli mill-aktar

fis isib xogħol barra u jekk issibu xogħol barra aħna mhux talli ma nżommukomx talli anke wara ġurnata, anke wara 48 hours .."



- din qalha bl-Ingliż -
"... milli ssibu x-xogħol barra u tagħtu l-prova li se ssibu xogħol barra, aħna nagħtukom bounty.
Jien naħseb li hawn mhux għaċ-ċikkulata kien qed jirriferi imma għal xi ħaġa oħra! Qalilhom li jekk isibu xogħol barra jagħtihom rigal. Li tgħid lin-nies li se tagħtihom rigal jekk isibu x-xogħol mhux kollha ħmerijiet! Mhux il-Gvern irid ikattar l-ambjent li jġib ix-xogħol fil-pajjiż! Dak hu d-dmir tal-Gvern u mhux li joqgħod jagħti l-bounty u jilgħab bil-kliem! Din tal-korpi baqgħet sejra matul is-snin.
L-Onor. Karmenu Mifsud Bonnici, fis-27 ta' Mejju, 1987 kien ħareġ jippriedka hekk:
"Imxejna b'politika biex inkunu kompetittivi fis-swieq barranin u ma tajniex żidiet fil-pagi u fil-benefiċċji soċjali. Dawn ma nistgħux inżiduhom għax qabel irridu inwettqu pass nisrani, soċjalist u ġust, pass li bih nassiguraw li l-ħaddiema jkollhom ix-xogħol. Jiena ċert li dawk kollha li qed jaħdmu jifhmu li qabel ma jiżdiedu l-pagi jridu jaħdmu dawk li m'humiex jaqilgħu l-għajxien tagħhom.".
Ara xi tfisser meta prim ministru jammetti li fil-pajjiż hawn min m'huwiex jaqla' l-għajxien tiegħu! Dak hu l-istat li kien wasal fih Gvern Laburista! Hawn ġew kienu saru ħafna kwotazzjonijiet. Kulħadd jista' jara kif intesa l-famuż programm ta' fabbriki taċ-ċikkulata, tal-ħġieġ, tar-rattan, tat-twapet u tal-kappar li ħabbar li se jwaqqaf l-Onor. Dom Mintoff waqt xandira lin-nazzjon fl-okkażjoni tal-Milied u l-aħħar tas-sena. L-Onor. Dom Mintoff veru kellu fantasija kif iferraħ lill-poplu! Is-soluzzjoni għall-qgħad kienet li l-Gvern beda jdaħħal in-nies miegħu kif, per eżempju, kien għamel fl-1980 meta kien impjega 4,695 ruħ. Sa Settembru n-numru kien tela' għal 46,064, żieda ta' 5,369 ruħ. Bejn Settembru 1986 u Mejju 1987 sar miraklu akbar għax f'daqqa waħda 9,372 ruħ ġew impjegati mal-gvern. Hawnhekk ta' min ifakkar ukoll x'kien kiteb l-Onor. Karmenu Mifsud Bonnici lill-Onor. Freddie Micallef, dak iż-żmien Ministru tax-Xogħol u Servizzi Soċjali, f'ċirkolari Nru. OPM 515/79.
"The Prime Minister has given the following directive. There is to be no further recruitment with government departments, parastatal organisations and commercial companies with a government shareholding except by special Cabinet approval over the Prime Minister's signature.".
Din kienet veru ħerba! Minkejja li l-Prim Ministru kiteb lill-Ministru, li jiġi taħtu, l-affarijiet xorta baqgħu għaddejjin u s-soluzzjonijiet baqgħu ma nstabux.
Dwar il-qasam tas-saħħa u s-sigurta' fuq il-post tax-xogħol illum għadu m'hu qed isir xejn . S'issa l-Ministru għadu ma ġabx il-liġi taċ-CERA quddiem il-Parlament meta għandu kollox lest u kif s'issa għadu ma ppreżentax il-"Kodiċi dwar il-Prattika tal-Bini" li wkoll sabu lest u li fuqu kkritikatu anke l-General Workers' Union? U x'qed jagħmel il-Ministru għall-koperattivi?
B'risposta għall-mistoqsija parlamentari l-Ministru kien qal li tkellem mall-unions, filwaqt li darba oħra kien qal li avviċinawh xi ħaddiema biex jagħmlu koperattiva u hu bagħathom għand il-bord. Pero' nbagħad meta jien staqsejtu min kienu dawn il-ħaddiema baqa' ma qallix. Jiena kulma naf hu li kemm ilu hemm il-Ministru ma twaqqfitx koperattiva waħda u aħna, għax nemmnu fil-parteċipazzjoni, anke lill-ħaddiema tal-gvern ħeġġiġna biex jifformaw koperattivi ħalli jkollhom iżjed qligħ. Hawnhekk ikun tajjeb li l-Ministru jgħidilna wkoll jekk ħallasx dawk il-flus li qalgħet il-koperattiva li tagħmel is-sinjali tat-toroq - għalkemm forsi dan huwa ma jafux.
Sur President, aħna nistgħu nibqgħu sejrin hekk b'kantaliena sħiħa fuq il-ħidma ta' dan il-Ministru u jiena jiddispjaċini li huwa qiegħed miexi bl-istess mod li bih qed jimxi l-bqija tal-Gvern kollu. Il-Ministru għandu jkun jaf li dan l-aħħar indunaw li bejn Kastilja - qiegħda fuq il-biċċa l-għolja tal-Belt - u Palazzo Ferreria - jiġi ftit iżjed 'l isfel - hemm tunnel minn taħt jiġifieri, passaġġ sigriet, li għandu żewġ xatbiet, waħda naħa u l-oħra n-naħa l-oħra, u li l-imfietaħ għal dawn ix-xatbiet sfortunatament qegħdin Kastilja u l-Ministru m'għandux kopja tagħhom. Jiena jiddispjaċini li m'għandux kopja, imma l-Ministru għandu joqgħod attent x'qed jiġri madwaru. Jiena nsemmilu biss meta fis-seduta tas-16 ta' Diċembru 1996, waqt li kien qed jagħlaq id-dibattitu dwar l-estimi ta' l-ETC, qal:
"IIlejla għandi l-pjaċir inħabbar li ħadt il-passi meħtieġa biex isiru żewġ studji strateġiċi fuq l-ETC kif ukoll fuq id-Dipartiment tax-Xogħol minn esperti kwalifikati f'dan il-qasam biex nara kif dawn iż-żewġ entitajiet jistgħu jwieġbu għall-isfidi ġodda li għandna quddiemna".
Jiena ma nafx x'inhuma dawn l-isfidi ġodda. Forsi huwa l-qgħad li l-Ministru jaf li dejjem qed jiżdied! Pero' bħas-soltu, il-Ministru ma jweġibx għax igħid frażijiet ambigwi u naħseb li fl-aħħar se naslu għall-punt fejn hawn ġew xi ħadd ikollu jgħid: "You are misleading the House". U kien għalhekk li llejla sar dan il-vot ta' sfiduċja! Jien nittama li l-Ministru jxandar ir-rapporti li għamillu d-Direttur tax-Xogħol u mhux joqgħod jaħbihom jew ma jirrappurtahomx lill-Parlament. Jiena nittama li l-Ministru jsib nies li jagħtuh pariri tajbin u li jaħdem għall-ġid tal-qasam soċjali.
Fl-aħħarnett, nittama li l-Ministru jkollu aktar rispett lejn dan il-Parlament li huwa l-ogħla istituzzjoni tal-pajjiż. Grazzi, Sur President.

Yüklə 497,64 Kb.

Dostları ilə paylaş:
1   ...   30   31   32   33   34   35   36   37   ...   96




Verilənlər bazası müəlliflik hüququ ilə müdafiə olunur ©muhaz.org 2024
rəhbərliyinə müraciət

gir | qeydiyyatdan keç
    Ana səhifə


yükləyin