Debates tal-kamra tad-deputati



Yüklə 0,57 Mb.
səhifə5/7
tarix30.04.2018
ölçüsü0,57 Mb.
#49480
1   2   3   4   5   6   7

AĠĠORNAMENT



ONOR. GEORGE VELLA: Madam Speaker, nipproponi l-Aġġornament tal-Kamra għal-lum it-Tnejn, 20 ta' Ottubru, fis-2.00 p.m. b'din l-aġenda:
Abbozz ta' Liġi biex jemenda l-Att dwar Self Lokali u Self ieħor - it-Tieni Qari (Kont);
Abbozz ta' Liġi li jemenda l-Att dwar Dazju tas-Sisa (Emenda Nru 2) - it-Tieni Qari (Kont.);
Riżoluzzjoni dwar it-twaqqif ta' Kummissjoni dwar l-Industrija tal-Bini f'Malta - Kontinwazzjoni;
Abbozz ta' Liġi li jemenda l-Att dwar Taxxa tar-Reġistrazzjoni ta' Vetturi bil-Mutur (Emenda Nru 2) - it-Tieni Qari;
Abbozz ta' Liġi li jemenda l-Att dwar Tribunal għal Talbiet Żgħar - it-Tieni Qari; u
Riżoluzzjoni tal-Kap ta' l-Oppożizzjoni dwar Malta u l-Unjoni Ewropea - Kontinwazzjoni.
----------------------------------
Abbozz ta' Liġi dwar il-Condominia - Kumitat Permanenti (Kont.);
Abbozz ta' Liġi biex jagħmel Provvedimenti Speċjali dwar Proċeduri quddiem Qrati - Kumitat Permanenti;
Abbozz ta' Liġi li jemenda l-Att dwar l-Amministrazzjoni tat-Taxxa - Kumitat Permanenti;
Abbozz ta' Liġi li jemenda l-Ordinanza dwar il-Lottu Pubbliku - Kumitat Permanenti; u
Abbozz ta' Liġi li jemenda l-Att dwar il-Pools tal-Gvern Malti fuq il-Logħob - Kumitat Permanenti.
MADAM SPEAKER: Grazzi. Rimarki, jekk jogħġobkom? L-Onor. Borg.
ONOR. CARMELO BORG: Madam Speaker, fil-ftit ħin li għandi allokat għalija, illum se nitkellem dwar wieħed mis-servizzi li għalkemm huwa importanti ħafna għall-pubbliku qatt ma ngħatalu l-attenzjoni meħtieġa. Qed nirriferi għas-servizz tat-toroq ta' pajjiżna.
Fl-imgħoddi normalment it-toroq tagħna jew kienu jinħadmu mit-torba jew inkella minn biċċiet ta' ġebel imdamma ma' xulxin. Din is-sistema kienu vvintawha r-Rumani u kienet magħrufa bħala l-cobblestone system. Dawn it-toroq kienu joħolqu ħafna inkonvenjenti għaliex fis-sajf kien jinqala' minnhom ħafna trab, u fix-xitwa, minħabba x-xita, kien ikun hemm ħafna ċaflis. Pero' minkejja dan kollu l-antenati tagħna kienu jużaw is-sengħa kbira tagħhom biex kemm jista' jkun inaqqsu dawn l-inkonvenjenti. Fil-fatt waħda mis-soluzzjonijiet li sabu kienet li jsiru gandotti fil-ġenb tat-toroq ħalli l-ilma tax-xita jkun jista' jmur fihom. Barra minn hekk dawn it-toroq kienu jsiru b'tali mod li jkollhom il-qlib - dan teknikament nirriferu għalih bħala camber - biex b‘hekk l-ilma tax-xita jinġabar f'dawn il-gandotti u jibqa' sejjer fil-widien tagħna.
Madam Speaker, imbagħad meta f'pajjiżna tfaċċaw il-vetturi t-toroq bdew jiġu magħmula minn materjal ġdid, ċioe' mill-asfalt. Dan il-materjal instab li kien ħafna iktar aħjar mit-torba jew mill-biċċiet tal-ġebel imdamma ma' xulxin. Fil-fatt ta' min jgħid li fost il-vantaġġi li għandu l-asfalt, hemm li dan jirreżisti iktar l-ilma tax-xita u t-toqol tal-vetturi u jelimina t-trabijiet u ċ-ċaflis. Pero' jien naħseb li meta tfaċċa dan il-materjal ġdid f'pajjiżna n-nies li kienu nkarigati mit-toroq serrħu moħħhom wisq fuq dan il-materjal u għamlu l-arja bih u minflok ma pprovaw itejbu s-sistemi li bihom jinġabar l-ilma tax-xita, radmu l-gandotti ta' l-ilma li kien hemm fil-ġnub tat-toroq, bil-konsegwenza li l-ilma tax-xita beda jibqa' fil-wiċċ tat-triq. Barra minn hekk ta' min jgħid ukoll li ġiet eliminata s-sistema ta' qlib, jew aħjar il-camber, u minħabba f'hekk minflok ma l-ilma tax-xita beda jinġabar fil-ġenb, beda jibqa' f'nofs it-triq. Naturalment dan iservi ta' inkonvenjent kemm għall-pedestrians kif ukoll għas-sewwieqa li jagħmlu użu minn dawn it-toroq. Hawn ta' min isemmi wkoll il-ħsara li ssir lill-vetturi għaliex ma' kull ħalba xita li tagħmel naraw ħafna karozzi weqfin fit-toroq.
Huwa fatt magħruf li meta triq ma tkunx saret kif suppost u ma jkunx sar ħsieb fuq fejn imur l-ilma tax-xita, dan jikkawża ħafna ħsara lit-triq stess. Fil-fatt meta tibda x-xitwa u jibda jkollna x-xita, wieħed jinnota li l-ħofor fit-toroq tagħna jiżdiedu. Dan huwa kaġun ta' l-ilma li jibqa' fit-triq minħabba nuqqas ta' ippjanar. Ħafna drabi, meta ssir triq ikun hemm nuqqas ta' ippjanar kemm fis-sistema ta' l-ilma u tad-drenaġġ kif ukoll fis-sistema ta' l-elettriku u dik tat-telefon. Kif kulħadd jaf, biex wieħed idaħħal xi servizz minn dawn li semmejt ikollu bżonn iħaffer trinka minn nofs it-triq u għalkemm wara din it-trinka terġa' timtela' t-triq xorta ma terġax tiġi kif kienet qabel. Għalhekk malli xi resident jagħmel trinka fit-triq sabiex idaħħal xi servizz fid-dar tiegħu, din it-triq tispiċċa mgħarrqa għal dejjem. Hawnhekk wieħed ma jridx jinsa jsemmi l-fatt li meta jkun hemm xi ħsara f'dawn is-servizzi t-triq ikollha terġa' tiġi mħaffra sabiex ikunu jistgħu jsiru t-tiswijiet. Fil-fatt meta nkunu għaddejjin mit-toroq tagħna ta’ spiss naraw ħaddiema ta’ xi korporazzjoni jew dipartiment li jkunu qed jerġgħu jaqilgħu parti mit-triq sabiex isewwu xi ħsara, bil-konsegwenza li jkomplu jiżdiedu l-ħofor fit-toroq. Jien qed ngħid dan kollu biex nindika wieħed mill-fatturi li qed jikkawża ħsarat kbar fit-toroq tagħna.
Barra minn Malta jintużaw sistemi differenti minn dawk li nużaw aħna sabiex idaħħlu xi servizz fid-djar tagħhom u għalkemm dawn is-sistemi inizjalment jiswew ħafna flus, fil-fatt ikunu qed jiġu ffrankati somom kbar ta' flus għaliex meta tinqala xi ħsara f’xi wieħed minn dawn is-servizzi, ma jkun hemm għalfejn issir l-ebda trinka fit-triq. Dan issir billi s-servizzi jgħaddu minn taħt il-bankini u għalhekk jekk ikun hemm xi ħsara fihom tinqala' biss parti mill-bankina u kif ikun lest ix-xogħol, din il-bankina terġa' tiġi rranġata u t-toroq ma jintmessux. Kif diġa' għidt din is-sistema tqum ħafna flus u għalhekk ħafna mill-pajjiżi li jkunu għadhom qed jiżviluppaw jew ikollhom problemi finanzjarji ma jkollhomx kuraġġ jadottawha, pero' wieħed jista' jintroduċi din is-sistema bil-mod il-mod fil-pajjiż. Per eżempju, tkun idea tajba jekk għall-ewwel din is-sistema tibda tiġi adottata meta tkun għadha se ssir xi triq ġdida għaliex b’hekk jiġu evitati ħafna problemi kbar.
Ta' min jgħid ukoll li fil-preżent f'pajjiżna ħafna mill-ilma tax-xita qed jispiċċa jintefa' mad-drenaġġ, bil-konsegwenza li ma' kull ftit xita li tagħmel diversi toroq jiżbroffaw u dan jagħmel ħsarat kbar lis-sistema tad-drenaġġ. Kif għidt diġa' ħafna mill-ilma tax-xita qed jispiċċa jibqa' fit-toroq u dan b'dannu għall-pubbliku, għall-vetturi u għat-toroq tagħna stess. Għalhekk ikun għaqli jekk din is-sistema li semmejt tibda tiġi ntrodotta bil-mod u b'ċertu għaqal f'pajjiżna.
Madam Speaker, nixtieq nispiċċa dan l-intervent tiegħi billi nsemmi l-fatt li dan l-aħħar qed ikollna numru kbir ta' inċidenti fit-toroq tagħna u jien nispera li fil-futur qarib insibu ħin nitkellmu fuq l-istat li jinsabu fih it-toroq ta' pajjiżna u l-inċidenti tat-traffiku li qed ikollna. Grazzi, Madam Speaker.
MADAM SPEAKER: Nirringrazzjak. Aktar rimarki, jekk jogħġobkom? L-Onor. Farrugia.
ONOR. ANĠLU FARRUGIA: Madam Speaker, bħalma qal tajjeb il-ħabib tiegħi l-Onor. Borg fl-aħħar tad-diskors tiegħu, liema diskors jien kont qed nisma' b'attenzjoni kbira, dan l-aħħar f'pajjiżna kuljum qed ikollna xi inċident tat-traffiku b'konsegwenzi fatali. Bla ebda dubju aħna ma nistgħux nibqgħu passivi quddiem din ir-realta' u hija r-responsabbilta' tagħna lkoll li ma nħallux sitwazzjoni simili sseħħ f'pajjiżna. Fl-aħbarijiet kuljum qed nisimgħu bi mwiet li qed iseħħu kawża ta’ inċidenti tat-traffiku. Huwa inutli li noqogħdu nipprovaw naqtgħu min kellu tort jew jekk is-sewwieq kienx qed isuq bi speed eċċessiv għaliex il-fatt jibqa’ dak li hu, jiġifieri li qed imutu nies kuljum minħabba inċidenti tat-traffiku. Din hija responsabbilta' ta' kulħadd, speċjalment tal-Pulizija, u lkoll kemm aħna għandna naraw li din is-sitwazzjoni tiġi kkontrollata mill-iktar fis possibbli. Biex isir dan irridu nifhmu l-kultura tal-Pulizija.
Din ħafna drabi tiġi kkritikata għaliex fiha nnifisha l-Pulizija toħloq sens ta' reżistenza għall-bidliet u għar-riformi li jkunu qed isiru, ħaġa li n-nies ma tifhimhiex. L-ewwelnett il-Pulizija trid tara li - din hija l-iktar ħaġa importanti fix-xogħol tagħhom - is-soċjeta' ma tiksirx il-liġi u trid tara ukoll li ma jsirux affarijiet li jistgħu jpoġġu l-ħajja taċ-ċittadin fil-periklu. Qed ngħid dan għaliex filwaqt li qabel konna niskantaw meta jmut xi ħadd kawża ta’ xi inċident tat-traffiku, illum l-imwiet fit-toroq tagħna kważi qed jindraw, jiġifieri kważi qed naċċettaw il-fatt li peress li f'pajjiżna hawn numru kbir ta' karozzi jkun hawn ukoll numru ta' inċidenti li saħansitra jwasslu għall-mewt. Ikun sew kieku forsi kultant nistaqsu lilna nfusna ċerti mistoqsijiet bħal, per eżempju, jekk humiex jittieħdu ċerti miżuri u jekk aħniex nintegraw kollox b’mod sistematiku.
Madam Speaker, jien naħseb li l-kultura tal-Pulizija għandha bżonn titwessa iktar u ssir strutturazzjoni fil-moralita'. Aħna ma rridux naraw lill-pulizija meta l-inċident ikun diġa' sar imma jenħtieġ li dawn ikunu pro-attivi u jieħdu ċerti prekawzjonijiet, anke f'dawk li huma inċidenti tat-traffiku. Ċertament wieħed jista' jara li qed isiru diversi żviluppi imma aħna m'għandniex inkunu kuntenti biss b'dawk l-affarijiet li saru s'issa, liema affarijiet forsi ma sarux bl-iktar mod veloċi u bl-iktar mod b'saħħtu. Fost affarijiet oħra għandna naraw li l-komunita' tiġi involuta iktar u li din ma tiġix involuta biss meta jidhrilha l-Pulizija, bħal f'każ ta' xi delitt, kif sar riċentement. Fil-fatt kien għalhekk li fil-bidu ta' l-intervent tiegħi jien għidt li l-Pulizija minn dejjem uriet reżistenza għall-bidliet li jkunu qed isiru. Il-perspettiva kontemporanja hi li l-Pulizija taħdem iktar mal-komunita', kemm fil-ġlieda kontra l-kriminalita', kemm fil-ġlieda kontra d-drogi kif ukoll f'dik li hi dixxiplina fit-toroq. Dan il-Pulizija tkun tista' tagħmlu biss jekk kemm-il darba jkollha sistema b'saħħitha ta' management fil-komunita'. Pero' m'huwiex biżżejjed li ngħidu li naqblu ma' dan il-konċett jekk ma nagħmlu xejn biex dan ikun jista' jseħħ għaliex inkella nibqgħu fl-istess sitwazzjoni li qegħdin fiha llum.
Il-fatt hu li hemm bżonn li l-Pulizija tara li jkun hemm iktar prevenzjoni għall-inċidenti tat-traffiku permezz ta' community policing għaliex ma nistgħux nibqgħu naraw il-figuri ta' mwiet b'inċidenti tat-traffiku dejjem jiżdiedu. Hemm bżonn li l-Pulizija tkun iktar preżenti fit-toroq tagħna u n-nies għandhom jiġu edukati kontinwament billi l-Pulizija tagħmel laqgħat pubbliċi kemm mal-kunsilli lokali kif ukoll man-nies biex b'hekk tibda dieħla l-kultura li l-komunita' għandha tikkollabora iktar mal-Pulizija, kif kien isir tradizzjonalment. Ġaladarba tidħol din il-kultura, l-enforcement jiġi waħdu għaliex jekk il-komunita' tgħin lill-Pulizija, dawn ikollhom aktar informazzjoni u l-ġlieda kontra l-kriminalita' u kontra d-droga tissaħħaħ. Is-sistema li l-Pulizija tħalli barra lill-komunita' fix-xogħol tagħha jew iddaħħalha meta jidhrilha hija waħda antikwata u sabiex iċ-ċittadin ikun jista’ jifhem il-kultura tal-Pulizija, hemm bżonn li din tiġi mġedda mill-bidu nett. Illum spiċċa ż-żmien li wieħed jitkellem fuq il-passat għaliex issa dak għadda u mar, u jkun aħjar jekk kull wieħed u kull waħda minna nitgħabbew bir-responsabbilta' li lit-tfal tagħna nagħtuhom dinja aħjar milli sibnieha aħna. Biex dan ikun jista' jsir, għandu jidħol mill-iktar fis possibbli l-konċett ta' community policing u dan għandu jitħaddem kontinwament.
Hawnhekk ikun tajjeb jekk wieħed jgħid li f'Malta dalwaqt se ssir konferenza internazzjonali tal-Euro-Med. Din il-konferenza se tibqa' sejra jumejn u għaliha se jkunu preżenti ħafna personalitajiet, soċjetajiet u voluntary organisations internazzjonali li huma involuti fil-ġlieda kontra d-droga. Fil-fatt waħda mit-temi li se tiġi trattata hija dwar kif wieħed jista' jinvolvi lill-komunita' fil-ġlieda kontra l-konsum u t-traffikar tad-droga, għaliex illum m’huwiex biżżejjed li wieħed joqgħod jgħid biss kif taħdem il-Pulizija wara li jiġi rrapportat xi reat jew inċident. Dan għaliex, kif kulħadd jaf, ikun hemm diversi każi li qatt ma jiġu rrapportati lill-Pulizija, liema każi wkoll iħallu l-vittmi tagħhom. Jekk il-komunita' tibda tagħraf tikkollabora u taħdem mal-Pulizija, awtomatikament ikun hemm rapportaġġ qawwi. U huwa dan li rridu aħna. Aħna ma rridux biss figuri biex fl-aħħar tas-sena noqogħdu ngħidu li fit-tali area ma tantx ġew irrapportati każi ta' serq. GĦalkemm din is-sistema hija tajba biex wieħed jivvaluta x-xogħol, l-investigazzjonijiet u l-enforcements li jkunu qed isiru, weħidha m'hijiex biżżejjed. Il-komunita' tħossha iktar secure jekk tibda titħaddem din is-sistema għaliex b'hekk almenu tkun taf x'qiegħed jiġri madwarha.
Madam Speaker, jien għamilt dawn il-ħsebijiet wara li smajt l-aħħar parti tad-diskors ta' l-Onor. Borg, fejn semma l-inċidenti tat-traffiku. Filwaqt li nawgura li l-konferenza li semmejt aktar kmieni tkun suċċess, nixtieq ngħid ukoll li din il-Kamra għandha tkun onorata - dejjem grazzi għas-Sinjorija Tiegħek u għall-faċilitajiet li tajt lil dan il-Parlament - li għall-ewwel darba f'dan il-Parlament se ssir konferenza importanti dwar l-Euro-Arab parliamentary dialogue. Matul din il-konferenza, li se ssir fit-8 u fid-9 ta' Novembru, se jiġi espress il-bżonn ta' djalogu bejn il-pajjiżi GĦarab u għalhekk wieħed għandu jaspira li din il-konferenza tagħti r-riżultati mixtieqa. Grazzi, Madam Speaker.
MADAM SPEAKER: Nirringrazzjak. Sar il-ħin.
Il-Kamra hija aġġornata għal-lum it-Tnejn, 20 ta' Ottubru, fis-2.00 p.m. bl-aġenda kif komunikata mill-Viċi Prim Ministru.
Fis-12.55 p.m. il-Kamra aġġornat mingħajr ma saret il-mistoqsija.

Yüklə 0,57 Mb.

Dostları ilə paylaş:
1   2   3   4   5   6   7




Verilənlər bazası müəlliflik hüququ ilə müdafiə olunur ©muhaz.org 2024
rəhbərliyinə müraciət

gir | qeydiyyatdan keç
    Ana səhifə


yükləyin