ONOR. ALFRED SANT: Sinjura President, inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra:
Memorandum mibgħut lili mis-Segretarju Permanenti għall-Affarijiet Interni fil-21 ta' April 1997 dwar rakkmandazzjonijiet mill-Bord ta’ Inkjesta dwar il-mewt ta’ Carlos Chetcuti.
Sinjura President, tiftakar li kont poġġejt fuq il-Mejda tal-Kamra r-rapport tal-Bord ta' l-Inkjesta fuq il-mewt ta' Carlos Chetcuti, imbagħad kif għandu jsir, is-Segretarju Permanenti għall-Affarijiet Interni għamel rapport - li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra - dwar il-follow-up fuq ir-rakkmandazzjonijiet tal-Bord ta' l-Inkjesta.
MADAM SPEAKER: Grazzi. Il-Ministru Bartolo.
ONOR. EVARIST BARTOLO (Ministru ta' l-Edukazzjoni u Kultura Nazzjonali): Madam Speaker, inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra:
Informazzjoni dwar impjegati bi grad postali fid-Diviżjoni ta’ l-Edukazzjoni, bi tweġiba għall-mistoqsija parlamentari numru 5274.
MADAM SPEAKER: Grazzi. Il-Ministru Brincat.
ONOR. LEO BRINCAT: Madam Speaker, inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra:
Informazzjoni dwar frott importat mill-1 ta' Novembru 1996 sal-15 ta' April 1997, bi tweġiba għall-mistoqsija parlamentari numru 5397; u
Lista li turi n-numru ta' trademarks reġistrati bejn l-1989 u l-1995, bi tweġiba għall-mistoqsija parlamentari numru 5412.
MADAM SPEAKER: Grazzi. Il-Ministru Mizzi.
ONOR. JOE MIZZI: Madam Speaker, f'isem il-Ministru ta' l-Affarijiet Ekonomiċi u ta' l-Industrija nqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra:
Kopja tal-pjanta ta' l-area allokata għall-użu tal-Medserv f'Birżebbuġia, bi tweġiba għall-mistoqsija parlamentari numru 5396.
MADAM SPEAKER: Grazzi. Il-Ministru Debono Grech.
ONOR. JOE DEBONO GRECH (Ministru għat-Trasport u Portijiet): Madam Speaker, inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra:
Informazzjoni dwar reġistrazzjonijiet ġodda ta' bċejjeċ tal-baħar bejn l-1993 u l-1996, bi tweġiba għall-mistoqsija parlamentari numru 5403.
MADAM SPEAKER: Grazzi. Il-Ministru Buhagiar.
ONOR. CHARLES BUHAGIAR: Madam Speaker, inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra:
Kopja ta' pjanta approvata mill-Awtorita' ta' l-Ippjanar, għal tibdil fid-daħla ta' Buġibba ħdejn Triq il-Pijunieri, bi tweġiba għall-mistoqsija parlamentari numru 5264.
MADAM SPEAKER: Grazzi. Stqarrijiet ministerjali. Mozzjonijiet. Ordnijiet tal-Ġurnata.
ORDNIJIET TAL-ĠURNATA ABBOZZ TA' LIĠI LI JEMENDA L-ATT DWAR L-IŻVILUPP INDUSTRIJALI INDUSTRIAL DEVELOPMENT (AMENDMENT) BILL
L-ordni għat-Tieni Qari ġie moqri.
Ikompli mis-7 ta' Mejju, 1997.
Il-mistoqsija reġgħet tqiegħdet.
MADAM SPEAKER: L-Onor. Alex Sceberras Trigona huwa in possession of the House.
ONOR. ALEX SCEBERRAS TRIGONA: Madam Speaker, l-aħħar li kont qed nitkellem fuq dan l-abbozz ta' liġi kont qiegħed niddelinja kif l-istatistiċi f'kull rapport li hawn - kemm tal-Bank Ċentrali, kemm dawk ta' l-Economic Survey u anke oħrajn - juru n-nuqqas fil-foreign direct investment f'Malta partikolarment fis-settur tal-manifattura matul dawn l-aħħar tliet snin. Għalhekk kont qed navvanza l-argument li wieħed irid jieħu with a pinch of salt il-ftaħir min-naħa ta' l-Oppożizzjoni li dan l-abbozz ta' liġi li qed niddiskutu llejla kien diġa' ppreparat minnhom u lest biex jiġi diskuss f'dan il-Parlament. Jekk kellhom dawn il-fatti u l-figuri mill-istatistika preżenti quddiemhom u kienu wkoll ippreparaw dan l-abbozz ta' liġi, allura għaliex ma kenux għamluh liġi? Mill-banda l-oħra, kif dawn jiġu hawnhekk u kważi jipprovokaw lin-naħa tal-Gvern bl-akkuża li huwa f'dawn l-aħħar sitt xhur li naqas l-investiment u li aħna qegħdin nagħmlu dawn l-inċentivi minħabba li naqas l-investiment f'dawn l-aħħar sitt xhur? Hawnhekk hawn kontradizzjoni liema bħala li assolutament m'hijiex aċettabbli għaliex hija illoġika.
L-Oppożizzjoni hija responsabbli għal dak li ġara f'dan il-qasam f'dawn l-aħħar tliet snin għaliex kienu jafu b'dawn il-fatti u l-figuri u mhux sewwa meta n-naħa ta' l-Oppożizzjoni tgħid li l-investiment fil-manifattura naqas f'dawn l-aħħar sitt xhur. Meta wieħed jara dawn il-fatti u figuri mill-ewwel jinduna għaliex il-Gvern Nazzjonalista ma kienx daħħal dawn l-inċentivi industrijali. Huwa veru li huma kienu abbozzaw ħafna minnhom imma meta tara il-kambjamenti li għamilna aħna, tinduna li huma ma kenux daħħluhom minħabba l-overriding goal li jdaħħlu lil Malta membru sħiħ fl-Unjoni Ewropea. Eżattament minħabba f'dan l-overriding and very costly goal għal Malta li ma daħħlux dawn l-inċentivi u li l-manifattura f'Malta naqset b'mod drastiku għall-Maltin kollha.
Madam Speaker, irrid ngħid li kieku Malta daħlet membru sħiħ ta' l-Unjoni Ewropea ma kenitx se żżid il-manifattura anzi kienet se tnaqqasha. Dan juri li l-għaġeb ta' enfasi li għaddej bħalissa li s-salvazzjoni ta' Malta hija s-sħubija fl-Unjoni Ewropea mhux minnu, anzi kienet tkun id-daqqa tal-mewt għas-settur tal-manifattura f'dan il-pajjiż, kif eżattament kienu wrew biċ-ċar il-kummissarji ta' l-Unjoni Ewropea fl-avis dwar id-dħul ta' Malta fl-Unjoni Ewropea. F'dak l-avis - dan tajjeb li niftakruh - kienu innotaw li l-ikbar numru ta' manufaturers li hawn f'dan il-pajjiż huma dawk żgħar u dawn huma eżattament dawk l-industriji li fl-Unjoni Ewropea qed jipprovaw jagħtuhom iktar saħħa. Infatti dan huwa bil-maqlub ta' kif kien stabbilit fil-bidunett fit-Trattat ta' Ruma, meta kulma kienu daħlu kienu l-anti-trusts regulations prinċipalment ikkoppjati mill-Amerka, daħħlu is-section 86 u dawk ta' madwarha fuq il-monopolies u l-mergers u pprovaw jittekiljaw biss dawk l-għaqdiet u ażjendi kummerċjali li kienu se jikbru u jkomplu jikbru tant li kienu se jaħkmu lil kulħadd. Biss sa seba' snin ilu - ovvjament dan wara evoluzzjoni ta' kważi 25 sena - bdew jindunaw li b'din il-politika li jrażżnu l-mergers bejn id-ditti l-kbar nett u li jrażżnu l-monopolies b'ħafna aspetti differenti - fil-Qorti Ewropea hemm ġurisprudenza ricca ħafna u tista' tara kemm ipprovaw irazznu lill-kbar nett milli jsiru ikbar - ma kenitx suffiċjenti anke għall-Ewropa stess.
Allura bdew policy oħra - u huwa interessanti għalina jekk irridu nħarsu lejn x'qiegħed jiġri fil-Kontinent ta' l-Ewropa - li jippromwovu l-ismall and medium sized enterprises. Mela hawnhekk naraw tip ta' strateġija totalament differenti; fil-bidu kienu kemm kemm kontra laisser-faire esaġerat, allura kienu kemm kemm kontra l-monopolies il-kbar nett kemm f'sensiela ta' prodotti, kemm f'zona ġeografika, kemm f'saħħa finanzjarja, kemm f'interlocking directorates u f'diversi aspetti ta' saħħa kbira industrijali/kummerċjali u kienu iddeċidew li jagħtu kas dan l-aspett progressista li kien ilu ġewwa l-Ewropa anke minn qabel it-Tieni Gwerra Dinjija u kienu ħasbulu eżattament fit-Trattat ta' Ruma iktar minn 30 sena ilu, imbagħad meta raw li din il-linja ma kenitx se tirrendilhom, bdew it-tieni linja ta' l-ismall and medium sized enterprises li waslet fil-fruition tagħha fl-1989/90. F'dak iż-żmien, Alla jbierek, hawn Malta konna għadna għaddejjin fil-linja li ningħaqdu ma' l-Unjoni Ewropea, jiġri x'jiġri lill-manufacturers iż-żgħar.
Il-kummissjoni ta' l-Unjoni Ewropea nnotat li hawn Malta wkoll bħall-Unjoni Ewropea, il-profile, mutatis mutandis, huwa l-istess, għax rat li għandek numru żgħir ta' industriji kbar u numru kbir ta' industriji żgħar. Hawnhekk ta' min isemmi kemm kienu saru studji interni min-naħa tal-Gvern Nazzjonalista, tant li kien jaf li mad-dħul ta' Malta fl-Unjoni Ewropea - kif fuq kollox indika l-avis - mill-inqas 4,500 li kienu jaħdmu fl-industrija ż-żgħira kien ikollhom jispiċċaw mix-xogħol tagħhom għaliex lanqas kienu jkunu salvagwardati bil-liġijiet ta' kontra l-monopolji u ta' kontra l-mergers. Dawn, bażikament, bl-impatt tad-dħul fl-Unjoni Ewropea ma kenux ikunu jistgħu jifilħu għall-kompetizzjoni Ewropea. Mela hawnhekk naraw kemm ma kenitx f'waqtha r-rankatura biex nidħlu fl-Unjoni Ewropea mingħajr ebda kondizzjonijiet ta' xejn. Għallinqas wieħed kien jippretendi li nisimgħu xi ħaġa dwar xi kondizzjonijiet.
F'paġna 52 tas-Central Bank Annual Report tas-sena li għaddiet hemm spjegazzjoni ta' kif in-numru ta' kumpanniji barranin f'Malta naqsu matul l-1996 u fl-istess paġna jerġa' jikkonferma dak li tennejt id-darba l-oħra, jiġifieri li l-foreign direct investment fil-manufacturing sector kien naqas minħabba li t-total amount of capital injected naqas drastikament. Meta inħarsu lejn l-Economic Survey ta' l-istess sena nsibu li f'paġna 90 hemm li n-net investment f'Malta naqas bi 11%. Madam Speaker, jien naħseb li tnaqqis ta' 11% fin-net investment huwa ta' inkwiet gravi ħafna għal pajjiżna, għaliex dak huwa tip ta' mard kroniku, bħal meta wieħed ikollu marda fil-mudullun li jirriġenera l-life-blood tas-sistema vaskolari sħiħa tal-bniedem.
Madam Speaker, insemmi wkoll, per eżempju, is-settur tat-turiżmu li wkoll mar ħażin għaliex ġew 50,000 turist inqas u l-esportazzjoni li wkoll qalgħet daqqa ta' ħarta għaliex kien hawn b'Lm20 miljun inqas f'esportazzjoni. Meta jonqos l-investiment ma tkunx ħadt daqqa waħda għax din hija strutturali daqslikieku wieħed ikollu cancer li minħabba fih ma jkunx qed jipproduċi dawk l-elementi li jrid ikollu s-saħħa fuqhom. Imbagħad, biex tkompli tagħqad, l-abbozz ta' liġi li kien ippreżenta l-Gvern Nazzjonalista - meta dawn diġa' kellhom il-fatti u l-figuri - li jirrigwarda inċentivi industrijali, lanqas biss kien ġie diskuss f'dan il-Parlament.
MADAM SPEAKER: Onorevoli, ippermettili ninterrompik għaliex skadielek il-ħin u għandek bżonn extension. Xi ħadd jipproponi biex tkompli tinstema'.
ONOR. LAWRENCE GONZI: Nipproponi li l-Onor. Sceberras Trigona jkompli bid-diskors tiegħu.
MADAM SPEAKER: Min jissekonda jekk jogħġobkom?
ONOR. JOHN ATTARD MONTALTO (Ministru ta' l-Ekonomija u Finanzi): Nissekonda.
MADAM SPEAKER: Hawn talba biex l-Onor. Alex Sceberras Trigona jkompli jitkellem. Il-Kamra taqbel? (Onor. Membri: Iva)
Il-mozzjoni għaddiet nem. con.
ONOR. ALEX SCEBERRAS TRIGONA: Nirringrazzja lill-proponent, lis-sekondant u lill-Kamra kollha talli għoġobha testendili l-ħin.
Madam Speaker, minn dan kollu li għidt wieħed jara kemm hija iktar kriminali l-leblieba tal-Partit Nazzjonalista biex idaħħal lil Malta fl-Unjoni Ewropea at all costs u lanqas biss indenja ruħu jdaħħal dawn l-inċentivi industrijali allavolja kien qed jara li l-foreign direct investment fil-manufacturing sector kien qiegħed dejjem jonqos.
Għal dawk li huma training grants ta' l-ETC wieħed jara wkoll li dawn kienu qegħdin jonqsu sena wara l-oħra u dan minħabba li kien hemm inqas investiment u minħabba li s-sur industrijali kien qiegħed jonqos fid-daqs. Minn dan wieħed jista' jara kemm din il-policy kienet sejra ħażin. Hawnhekk nistgħu naqilbu x-xenarju u ngħidu li faċilment setgħet kienet sena ħażina għall-foreign investment minħabba li fl-Ewropa ma kenux qegħdin jinvestu u allura Malta, bħala estensjoni kummerċajli, batiet ukoll estensjoni ta' investiment fid-decline tiegħu, pero' l-każ ma kienx hekk. Bħala policy, l-ETC fir-rapport tagħha dwar l-1996 ftaħret li kien hemm il-marked shift għal services sector minflok il-manufacturing sector. Allura meta tara li r-rapport tas-Central Bank qed jgħid li l-foreign direct investment qiegħed jonqos, l-Economic Survey qed jurik l-istess u l-ETC qiegħda tgħid li hemm marked shift għas-services sector, bilfors tgħid li dawn kienu qegħdin jieħdu gost jaraw l-investiment fis-settur tal-manifattura jonqos.
Madam Speaker, ma nistax inżomm lura milli niftakar li meta kien fil-gvern il-Partit Laburista fit-tmeninijiet, l-Onor. Fenech Adami, dak iż-żmien Kap ta' l-Oppożizzjoni kien qal - u dan kien ġie recorded bil-Ġermaniż ukoll - li kien qed jitkarrab mal-Ġermaniżi li l-investiment Ġermaniż f'Malta mhux qed jonqos biżżejjed. Imbagħad l-istess Onor. Fenech Adami kien għamel kawża dwar dan għaliex ma riedx jammetti li qal dak il-kliem u qagħdu joqogħdu jdaħħlu ħafna nuances biex jgħidu li huwa ma kienx qed jgħid li qed jieħu gost li l-fabbriki Ġermaniżi qed joħroġu minn Malta, anzi kienu jridu jġibuha li kien qed jikkomplejnja għaliex dawn kienu qegħdin joħorġu malajr minn Malta. Li ġara kien li dik ix-xewqa li ma seħħitx dak iż-żmien ġiet boomeranged fuq il-Gvern Nazzjonalista fil-bidu tas-snin disgħin, għax ġara li kien hemm decline fil-manufacturing sector u lanqas biss ġie korrett. Anke meta tħares lejn paġna 160 ta' l-Economic Survey tara li l-MDC soft loans bdew jonqsu wkoll u allura tibda tgħid li din is-sitwazzjoni hija deliberate minħabba ħafna fatturi; minħabba l-goal tal-membership fil-European Union u minħabba l-goal li kellu l-Partit Nazzjonalista li jgħin iktar lis-settur tas-servizzi a skapitu tas-settur tal-manifattura. M'hemm xejn ħażin li wieħed jgħin lis-settur tas-servizzi jikber imma mhux a skapitu tas-settur tal-manifattura. Huwa tajjeb għal pajjiżna li jsir dan? Jien sinċerament ma naħsibx, pero' għandna nħallu f'idejn iċ-ċittadin sabiex jiddibatti jekk hux aħjar job fis-settur tas-servizzi jew inkella job fis-settur tal-manifattura, imma mhux inti tmur oltre minn dan minħabba fissazzjoni ideoloġika fl-Ewropa li tgħin iktar lis-settur tas-servizzi u ma tgħinx lis-settur tal-manifattura u tnaqqas is-soft loans u t-training grants.
Għalhekk jiena ma nistax ma naqbilx ma' l-abbozz ta' liġi li għandna quddiemna llejla għax wieħed jara li l-ETC training grants, fl-estimi ta' l-aħħar budget ġew miżjuda minn Lm650,000 għal Lm720,000. Anke l-aspett tas-soft loans se jkun ikbar din is-sena. Apparti minn hekk il-qofol ta' kollox huwa li għall-ewwel darba, fl-estimi għal din is-sena, ġiet ivvotata somma li tammonta għal Lm0.5 miljun biex minnha jibbenefikaw dawn is-small and medium sized enterprises. Allura meta wieħed jibda jara li dan l-abbozz ta' liġi għandu fih is-sugu finanzjarju li diġa' għadda fil-budget iktar kmieni din is-sena, wieħed ikun qiegħed jara li, l-ewwelnett qegħdin nieħdu stock tas-sitwazzjoni preżenti, it-tieni nett qegħdin nivvotaw il-flus għaliha u t-tielet nett qegħdin indaħħlu ċerti provvedimenti leġislattivi b'fine tuning tassew sofistikat u li jixraq lil Malta biex b'hekk ma naħlux dawk il-flus.
Huwa tajjeb li t-training grants ikunu monitored sew mill-ETC stess ħalli ma jkollniex min ikun qiegħed jieħu holiday minn fuq it-training grants u forsi jkun hemm ditti oħra li jkollhom bżonn ta' training grants u ma jkunux qed jeħduhom. Tajjeb ukoll li s-soft loans li se jkun hemm available se jkunu soft loans b'interessi ta' 3% fis-sena allura hekk ikunu tassew soft loans għall-industrija li għandu jagħmilna kompetittivi ma' ħafna pajjiżi viċini madwarna fil-Mediterran u fil-Lvant ta' l-Ewropa li huma l-kompetitturi tagħna u li ma jagħtux soft loans ta' 3% kif qed nipproponu f'din il-liġi.
Madam Speaker, it-tieni ħaġa li tolqotni f'dak li qed nipproponu f'din il-liġi huwa l-konċett ta' finance leasing u l-konċett tal-hire purchase għax b'dawn se nolqtu diversi problemi li qed jiffaċċja l-pajjiż għaliex meta inti se tagħti s-soft loans għall-finance leasing u għall-hire purchase ta' makkinarju, min-naħa waħda se tkun qed tassorbi makkinarju li jkun qiegħed idle fil-pajjiż u min-naħa l-oħra tkun qed tagħti l-possibbilita' lill-industrija Maltija, li forsi ma jkollhiex profil finanzjarju daqshekk b'saħħtu, li tixtrih mill-ewwel jew li tikrih fuq bażi ta' hire purchase, fejn allura kull kontribuzzjoni tal-kirja ta' dak il-makkinarju jibda jitqies bħala parti mill-prezz eventwali li se tħallas. Issa ħalliha li dak il-makkinarju se tħallsu fuq perijodu ta' seba' jew 10 snin, imma permezz ta' soft loan għall-hire purchase agreement li jkun estiż fuq bażi ta' seba' jew 10 snin, inti tkun qed tgħin sabiex kull makkinarju li forsi jkun hawn lying idle fil-pajjiż ikun jista' jinkera minn ditti li għandhom ix-xogħol pero' ma jkunux jistgħu jixtruh għaliex m'għandhomx flus u ma jistgħux imorru għand il-banek kummerċjali għax biex jissellfu bid-9% tiġihom għolja wisq. Jekk huwa jixtri fuq bażi ta' hire purchase u jħallas fuq perijodu stradat ta' 10 snin b'kuntratt leġittimu u approvat mill-MDC, inti tkun qed tgħinu biex dan ma jitlifx ix-xogħol li għandu. Jiġifieri b'din it-tip ta' soft loan tkun qiegħed toħroġ makkinarju minn ditti li m'għandhomx xogħol u in exchange tkun qed tagħtihom finanzi li permezz tagħhom ikunu jistgħu jaqbdu jagħmlu xi xogħol ieħor jew huma stess jiġġeneraw xi makkinarju li jkun utli għalihom u lil min l-MDC tkun qed tagħti s-soft loan tkun qed toħorġu min-nixfa għaliex għalkemm ikollu x-xogħol u potenzjalment jista' jagħmlu ma jkunx jista' jissellef biżżejjed għaliex ma jkollux collateral biżżejjed jew għaliex ikun għoli wisq għalih is-self bid-9% mill-banek kummerċjali.
Mela hawnhekk qegħdin naraw li b'dan il-profil tas-soft loans li qed jiġi propost f'din il-liġi, se jkun ta' vantaġġ kemm min-naħa ta' l-imgħax bit-2.5% li hija taħt il-minimum Central Bank discount rate u li hija kompetittiva ħafna, kif ukoll bil-possibbilita' ta' flessibilita' għall-makkinarju għaliex il-makkinarju, by definition, m'huwiex flessibbli għaliex ikun diġa' laħaq ċertu valur. Ħafna mill-makkinarju modern huwa ta' valur għoli u ħafna ditti Maltin m'għandhomx dik il-flessibilita' finanzjarja li jaqilbu l-makkinarju kif iridu u meta jridu. Hawnhekk huwa importanti li ninnotaw li jekk dan il-pajjiż se jkollu t-teknoloġija tal-makkinarji tiegħu dejjem tiġi upgraded bilfors li se jkollna nagħtu l-għajnuna finanzjarja. Għalhekk bilfors ukoll li l-approval ta' l-MDC iżżomm bħala kriterju l-vintage tat-teknoloġija li se tkun qiegħda tiġi introdotta ġewwa l-pajjiż. Fi kliem ieħor ma jistax ikun li jkollok makkinarju ta' 30 sena ilu li jkun qed jiġi ssussidjat b'dawn l-ammonti kbar, għaliex inkella ma nkunux kompetittivi. Allura hawnhekk wieħed għandu jara r-responsabbilta' li għandha l-MDC meta tiġi biex tapprova jew ma tapprovax proġett industrijali f'dan il-pajjiż, anke f'aspett ta' proġetti industrijali li huma għaddejjin diġa'.
Bl-emendi li qegħdin inressqu hawnhekk l-MDC tista' tapprova soft loan għal xiri ta' makkinarju second-hand, imma xorta waħda għandha r-responsabilita' li tiċċekkja x'inhuwa l-vintage tat-teknoloġija u li l-kontribut li jkun se jagħti dak il-makkinarju jkun utli.
Imbagħad semmejna wkoll il-metodi ta' kuntratti legali li ftit li xejn jintużaw hawn Malta minħabba ċerta vertikalizzazzjoni u kompetizzjoni ta' kuntratturi u industrijalisti. Kellu bżonn ikun hemm naqra iktar orizzontalizzazzjoni ta' l-użu tal-makkinarju li permezz tal-kuntratti tal-hire purchase u permezz tal-kuntratti tal-finance leasing wieħed ikun jista' jkun iktar flessibbli kemm għall-użu ta' art għall-fabbriki kif ukoll għall użu ta' makkinarji li ma jkunux qegħdin kompletament utilizzati jew ikunu qegħdin under-employed. B'hekk il-likwidita' tal-flus tibbriġġja r-riġidita' tal-kapital tal-makkinarju u allura jagħmel aktar flessibbli dak li kien riġidu qabel u b'dan il-mod se jkun salutari ħafna għall-iżvilupp industrijali ġewwa pajjiżna.
Madam Speaker, aspett ieħor tas-soft loans huwa l-energy saving devices - ħalli nsejħulhom hekk - li jistgħu jdaħħlu dawn l-industriji. Hawnhekk hawn ivvotati madwar Lm200,000 li jkunu jistgħu jgħinu s-soft loans għal dawk id-ditti li jdaħħlu water conservation jew inkella energy conservation measures fil-pajjiż. Illum tant hawn riċerka u teknoloġija ġdida kemm fil-konservazzjoni ta' l-ilma kif ukoll fl-utilizzazzjoni ta' l-enerġija solari, tar-riħ jew metodi oħra li dawn saru mezz ta' kif pajjiżna jippromwovi t-teknoloġija ġdida f'dan il-qasam tant importanti. F'dan ir-rigward qegħdin nibbriġġjaw anke ma' l-avvanzi akkademiċi u jien nappella lill-Universita' ta' Malta sabiex tgħin f'dan l-aspett għaliex hija qiegħda f'pożizzjoni li tagħmel dan. Diġa' kien hemm individwi li, b'ħafna resistenza li kienu jiffaċċjaw mill-awtoritajiet, ipprovaw jiżviluppaw energy saving measures li huma tajbin għal Malta kemm fl-elettriku kif ukoll għal water conservation u water desalination measures li jkunu utli għal pajjiżna, għaliex ikunu iktar ekonomiċi u allura nkunu nistgħu nżewwġu l-ideat brillanti ta' l-akkademiċi ma' l-utilita' tant imxennqa ta' l-industrijali eżattament permezz ta' dawn il-miżuri kkontemplati f'dawn l-emendi li għandna quddiemna llejla. Hawnhekk huwa fejn tassew il-Gvern joħroġ bħala rappreżentant, mhux biss tal-poplu in ġenerali - għaliex din issa saret cliche' - imma tal-ħteġijiet diversi tal-poplu għax jibda jżewweġ l-idejat tajbin għall-energy saving u water conservation flimkien ma' l-utilita' tagħhom min-naħa industrijali permezz ta' dawn il-Lm200,000 f'soft loans għall-energy saving measures.
Madam Speaker, tajjeb li wieħed jgħid li dawn il-miżuri kollha u varji se jiġu miġbura ġewwa one-stop shop - biex ngħidulu hekk - li jagħmel ħafna sens meta wieħed jibda jmur għall-pariri. Se jitwaqqaf uffiċċju ġewwa l-Marsa - li huwa post ċentrali ħafna għall-industrjalizzazzjoni ta' Malta - biex b'hekk inkunu qed ngħinu iżjed lill-industrijalist iż-żgħir għaliex l-industrijalist il-kbir għandu kull faċilita' li kważi kważi jibgħat għall-kapijiet tad-dipartimenti ġewwa l-uffiċini tiegħu. Huma l-industrijalisti ż-żgħar li għandhom ħafna ġiri 'l hemm u 'l hawn biex ifittxu l-pariri u aħna se ngħinuhom billi nkunu nisgħu nagħtuhom il-pariri neċessarji f'dawn it-taqsimiet tant varji li hawn fl-industrija. Meta dawn imorru f'dan il-one-stop shop se jkunu jistgħu jiċċekkjaw x'tip ta' hire purchase contract jistgħu jagħmlu għal ċertu makkinarju, għal kemm-il soft loan se jkunu eliġibbli, għal kemm u x'tip ta' training grants il-ħaddiema li se jdaħħlu huma eliġibbli u għal liema tip ta' grants u soft loans fuq water conservation measures, energy generating u energy saving measures se jkunu eliġibbli. Dawn se jkunu jistgħu jieħdu dawn il-pariri kollha mingħajr ma jkollhom joqogħdu jiġru għand l-Enemalta, il-Water Services Corporation, il-banek kummerċjali, l-MDC u tant postijiet differenti oħra tant li jaqtgħu qalbhom u jirrassenjaw ruħhom u jkun hemm min jgħid: "Mn'Alla deħlin fl-Ewropa għaliex minn hemmhekk se nieklu l-istilel ta' l-Ewropa u se jkolli nagħlaq l-ażjenda tiegħi li timpjega 19-il ruħ!" Madam Speaker, minn hawnhekk naraw kemm għall-ewwel darba qegħdin nieħdu ħsieb tassew dawn l-azjendi ż-żgħar bil-vot il-ġdid ta' Lm0.5 miljun għall-ismall and medium sized enterprises.
Dawn il-miżuri kollha qegħdin jissejħu inċentivi industrijali imma tajjeb li ninnotaw li dawn japplikaw ukoll għall-qasam tat-turiżmu. Meta wieħed iġonġi flimkien is-settur industrijali ma' dak turistiku, mill-ewwel jara x'firxa kbira ta' decline kien hawn fis-snin li għaddew taħt il-Gvern Nazzjonalista li dejjem jiftaħar li huwa dejjem ikollu l-golden era. Il-verita' hija li din ma kienet golden era xejn għaliex kien ram ħażin u kienet diġa' ħarġitlu l-ħdura. Il-firdirram beda jfeġġ sew fl-aħħar tas-sajf li għadda u llum wieħed jista' jara kemm aħna qegħdin inkunu iktar kliniċi u preċiżi dwar il-fatti f'dawn iż-żewġ oqsma tant importanti fl-ekonomija Maltija li ġew relattivament traskurati biex min-naħa jippumpjaw lit-terzjarju u min-naħa l-oħra jingħaqdu ma' l-Ewropa. Ġaladarba fis-settur turistiku u fis-settur tal-manifattura kien hawn dan id-decline qawwi, wieħed mill-ewwel ikollu jikkonkludi li huwa tajjeb li dan l-abbozz ta' liġi li għandna quddiemna dwar il-promozzjoni ta' inċentivi industrijali jgħaddi kemm jista' jkun bl-appoġġ taż-żewġ naħat ħalli tassew inkunu nistgħu nibdew telgħin mill-qiegħ tas-cycle li ilna niffaċċjaw għal dawn l-aħħar tliet snin.
Madam Speaker, hawn diversi stabbilimenti li jieħdu ħsieb kemm lit-turisti kif ukoll lill-Maltin li għandhom bżonn upgrading u li għandhom bżonn ta' refurbishing imma ħafna drabi l-cost tal-loans kif inhuma offruti preżentement mill-banek kummerċjali ma jwasslux biex dawn l-istabbilimenti jkunu jistgħu jagħmlu dak li huwa neċessarju fir-refurbishing u fl-upgrading biex ikunu tassew ta' livell għat-turiżmu li nkunu qegħdin inġibu u anke sabiex ngħollu l-livell. GĦalhekk hija ħaġa ta' l-iskantament għalija kif il-partit - bħall-Partit Konservattiv Ingliż - li s-soltu kien jieħu ħsieb lill-industrijalist u lill-entrepreneur fil-qasam turistiku, abbanduna lil dawn l-entrepreneurs. Hawn xi ħaġa li qiegħda sseħħ fil-pajjiż, xi terremont bil-kwiet fil-mod ta' kif qegħdin jitbiddlu s-social formations f'dan il-partit u l-kongruwenzi politiċi soċjali li hawn f'dan
il-pajjiż fit-tmiem dan is-seklu. Ta' min wieħed jirrifletti ftit fuq dawn il-kongruwenzi - għaliex lanqas nista' ngħidilhom alignments la huma qegħdin fi stat ta' terremot bil-mod u kwiet - għaliex tibda tistagħġeb kif il-partit li suppost kien jaqbeż għall-entrepreneur fil-qasam industrijali ma jgħaddix abbozz ta’ liġi bħal dan dwar il-promozzjoni ta' inċentivi industrijali. Wieħed jistagħġeb kif il-partit li kien jaqbeż għall-entrepreneur fil-qasam turistiku ma rranġax l-iktar zona turistika bħalma hi Buġibba u ħalliha tispiċċa f’dak l-istat. L-inqas ħaġa li seta' jagħmel il-Gvern sabiex jippromwovi s-settur turistiku kienet li jirranġa l-ambjent turistiku u jirranġa l-aspetti finanzjarji li qegħdin insemmu hawnhekk.
Wieħed jistagħaġeb kif allura minħabba din il-leblieba biex nidħlu niġru fl-Unjoni Ewropea nħallu u ninsew l-ismall and medium sized enterprises li l-avis ta' l-Unjoni Ewropea stess innota kemm huwa kbir dan is-settur hawn Malta. Allura kif jista' jkun li f'pajjiżna ma jkollniex min jaqbeż għall-ismall and medium sized enterprises? Huwa tajjeb li nfakkru li meta, per eżempju, ridna li nagħmlu Malta repubblika, din kienet għaddiet minn dan il-Parlament b'mod bi partiġjan, meta kien hawn bżonn li ndaħħlu n-newtralita', din ukoll għaddiet b'mod bi partiġjan u l-istess ġara meta kien hawn bżonn li nibdew noffru s-servizzi u faċilitajiet finanzjarji f'dan il-pajjiż. Għalhekk jien naħseb li jkun tajjeb għal pajjiżna li dawn l-inċentivi industrijali li qed nipproponu wkoll jidħlu b'mod bi partiġjan.
L-Oppożizzjoni Nazzjonalista ammettiet li kellha mano in pasta biex tagħmel din il-liġi u ma kenitx għamlitha u allura jkollha tammetti li żbaljat li ma kenitx daħlet dan l-abbozz ta' liġi b'inċentivi industrijali għar-raġunijiet validi jew invalidi li kellhom. Pajjiżna bata minn dak id-delay għaliex iktar stabbilimenti industrijali u turistiċi ma komplewx jiżviluppaw u jikbru kif misshom għamlu u dan weġġa' lil ħafna nies; weġġa' lit-trainees, weġġa' lil min kellu makkinarju li waqa' idle, weġġa' lil min kellu azjenda turistika li ma setax iħaddimha u weġġa' lil min kien potenzjalment se jiftaħ fabbrika hawn Malta u, kif għidt fil-bidunett, Malta tilfitu għaliex mar band'oħra. Malta weġgħet minħabba l-iżball li għamel il-Gvern Nazzjonalista li ma daħħalx dawn l-inċentivi industrijali. Għal dan il-għan tajjeb li issa nkunu tassew sinċieri fil-bi partiġjaniżmu tagħna għaliex jekk hawnhekk nuru ċertu ammont ta' bi partiġjaniżmu nkunu anke nistgħu nressqu l-kont flimkien għal ċerta assistenza min-naħa ta' l-Unjoni Ewropea għal żvilupp industrijali. Qed ngħid dan għaliex jekk min-naħa tal-Partit Nazzjonalista - li xtaq full membership li tinkludi ċertu ammont ta' relazzjoni anke fis-settur industrijali - u minn din in-naħa - li qegħdin ngħidu li ma naħsbux li jaqbel lil Malta li tmur għall-full membership, għallinqas żgur li mhux għalissa - qed naqblu li għandna niżviluppaw l-industrija, allura ejja nieħdu dak li huwa komuni bejnietna, il-least common factor, u naraw kif nistgħu nagħmlu proprju dan. Hemm bżonn li naraw il-qafas kummerċjali ta' fejn nesportaw u la nesportaw tant lejn l-Ewropa naraw x'nistgħu niggwadanjaw ma' l-Ewropa settur wara settur.
Meta jkollna l-mixed parliamentary delegation bejn Malta u l-Ewropa fl-aħħar ta' Mejju irridu naraw flimkien li l-aspetti tal-programmi ta' "Leonardo" u ta’ "Socrates" inkunu nistgħu niggwadanjaw minnhom kif inhu kontemplat għal ċerti terzi pajjiżi. Irridu naraw ukoll li jkun hemm ċerta assistenza biex nagħmlu improvement fit-teknoloġija u anke għad-diversi programmi li hemm fuq energy saving measures li jikkontemplaw assistenza ma' pajjiżi assoċjati imma li m'humiex membri. Aħna naħsbu li jkun tajjeb li nagħmlu dan għaliex fir-relazzjonijiet tagħna ma' l-Unjoni Ewropea kien żball li nitilqu niġru għal full membership mingħajr ma niżviluppaw settur wara settur.
Hemm setturi li bdejna niżviluppaw fi żmenijiet differenti. Bdejna bl-association agreement fil-qasam tad-dwana, imbagħad fis-snin sebgħin beda s-settur anke finanzjarju. Niftakar li anke fis-snin tmenin konna bdejna nitkellmu ma' l-Unjoni Ewropea fuq għajnuna ta' task force industrijali lil Malta - bħala associate u mhux bħala member country - biex iżżid l-investiment min-naħa tagħha hawn Malta. Hemm imbagħad is-settur politiku li dejjem żammejnieh qawwi permezz ta' djalogu politiku kemm fil-livell parlamentari kif ukoll fil-livell eżekuttiv. Il-membership bracket se jkollna narawha bħala li nfetħet fl-1987, għalqet fl-1996 u issa se jkollna nkomplu bil-kooperazzjoni u bil-konċentrazzjoni fuq is-settur industrijali u neżaminaw - kif eżamina tajjeb ħafna dan l-abbozz ta’ liġi billi studja l-inċentivi differenti - kull aspett li nistgħu niksbu assistenza għalih min-naħa tal-European Union jew anke minn member states tal-European Union li jgawdu l-kummerċ ma' dan il-pajjiż.
Għalhekk tajjeb li wieħed jara l-qafas tan-network kummerċjali fil-kontest tal-politika kummerċjali barranija ta' dan il-pajjiż. Ovvjament jekk din l-industrija li qegħdin nitkellmu fuqha hija l-industrija tal-manifattura li hija geared għall-export, jekk it-turiżmu li qegħdin nitkellmu fuqu huwa turiżmu li ġej minn barra u mhux turiżmu intern u lokali, allura rridu nagħtu ħarsa lejn il-politika ta' kummerċ barrani ta' dan il-pajjiż. Madam Speaker, huwa tajjeb li naraw li hemm naħa oħra tal-kummerċ barrani; hemm dak li qed jiġi żviluppat fin-naħa tad-dinja Għarbija kif ukoll fin-naħa tal-Lvant ta' l-Ewropa. Jiena hawnhekk nixtieq nenfasizza kemm huwa importanti li ma ninjorawx il-fatt li fid-19 ta' Frar, 1997 ġewwa l-Lega Għarbija, l-Arabic Economic and Social Council għadda riżoluzzjoni li fil-fehma tiegħi hija storika, fejn kien hemm qbil unanimu li titwaqqaf Arab Free Trade Area. Jiena naħseb li għalina li qegħdin eżattament fin-nofs bejn il-European Union u l-wider free trade area tagħha - l-EFTA - huwa importanti li naraw li viċin tagħna qed tiġi żviluppata Arab Free Trade Area, ħaġa li dejjem kienu jistqarru diversi pajjiżi GĦarab singolarment, imma issa tajjeb li nieħdu nota tal-fatt li l-Lega Għarbija ħadet din id-deċiżjoni fid-19 ta' Frar, 1997 biex twaqqafha.
Dostları ilə paylaş: |