Debates tal-kamra tad-deputati



Yüklə 365,43 Kb.
səhifə3/5
tarix01.03.2018
ölçüsü365,43 Kb.
#43423
1   2   3   4   5

MADAM SPEAKER: Onorevoli, ippermettili nwaqqfek għaliex reġa' skadielek il-ħin u għandek bżonn il-Leave of House biex tkompli titkellem. Hawn Leave of House? (Onor. Membri: Iva)
Il-permess ingħata.
ONOR. ALEX SCEBERRAS TRIGONA: Nirringrazzja lill-Kamra talli għoġobha terġa' testendili l-ħin.
Madam Speaker, kont qed ngħid li jien naħseb li din l-Arab Free Trade Area (AFTA) li se titwaqqaf fil-pajjiżi GĦarab kollha u li se tinkludi wkoll dak li kien diġa' qed jiġi żviluppat ġewwa l-Gulf bħala l-Gulf Free Trade Area hija interessanti għalina għaliex diġa' hemm it-taħdidiet biex ngħid hekk - mhux over our heads - by our sides, bejn il-European Union u l-Gulf Co-operation Council biex jitwaqqaf free trade area bejniethom. Allura wieħed jibda jara x'tip ta' relazzjonijiet qegħdin jiġu żviluppati madwarna, x'tip ta' relazzjonijiet il-Euro-Med għadha kif ipproġettat għall-Mediterran - u reġgħet tenniet hawn Malta ix-xahar li għadda u terġa' tkompli ttenni fil-meetings li għandha - u l-progress li qegħdin jagħmlu anke l-pajjiżi Għarab tal-MAGREB bil-AFTA, bid-deċiżjoni li għadha kemm ittieħdet. Fuq din il-parti nikkonkludi billi ngħid li f’din ir-riżoluzzjoni ta' Frar li għadda fil-Lega Għarbija qed jgħidu li mill-1 ta' Jannar, 1998 iridu jibdew l-Arab Free Trade Area. Allura meta wieħed jara din it-tip ta' sitwazzjoni u jara wkoll l-offerta min-naħa tal-pajjiż ġar tagħna l-Libja li prodotti Maltin jkunu jistgħu jidħlu ġewwa l-Libja mingħajr ma jħallsu dwana u mingħajr insistenza fuq reċiproċita', jinduna li dawn huma opportunijiet ikbar għalina milli kemm kemm niffokaw fuq is-suq ta' l-Unjoni Ewropea.
Madam Speaker, nieħu l-opportunita' nfakkar ukoll fl-agreement li kien sar ma' l-allura Unjoni Sovjetika fl-1981 li s-suċċessur tagħha hija l-Federazzjoni Russja. Konna għamilna trade agreement li artiklu 3 tiegħu jsemmi li l-provisions of article 2, jiġifieri tal-most favoured nation clause, m'hijiex se tkun applikabbli għall-vantaġġi f’article 3D, għall-vantaġġi li ngħataw u li jistgħu jingħataw fil-futur mir-Repubblika ta' Malta lil wieħed jew bosta pajjiżi GĦarab. Fl-1981 konna diġa' qegħdin nikkontemplaw li anke fir-relazzjonijiet kummerċjali tagħna mhux biss ma' l-Unjoni Ewropea u mal-pajjiżi GĦarab, inklużi l-pajjiżi tal-Gulf, imma anke mal-pajjiżi tal-Lvant inkunu nistgħu niggwadanjaw minn most favoured nation treatment mingħajr ebda wieħed minnhom ma jkun jista' jlumna li nkunu qegħdin niddiskriminaw kontra tiegħu. Din in-nota ta' diskriminazzjoni ndaħħalha ovvjament għaliex issa bil-World Trade Organization li wirtet il-General Agreement on Tariffs and Trade hemm dawn ir-regolamenti dwar non-diskriminazzjoni u allura l-preferenzi li nkunu qegħdin nagħtu lil naħa ma nistgħux nagħtuhom lil naħa oħra.
Madam Speaker, qed insemmi dawn it-tliet zoni għaliex l-inċentivi industrijali li qed jitressqu hawnhekk illejla jridu jittieħdu wkoll f'dan il-kontest ta' politika ta' kummerċ barrani. Ma naħsibx li jkun tajjeb għal pajjiżna jekk il-kummerċ barrani tagħna jibqa' ffissat biss fuq l-Unjoni Ewropea. Ovvjament hemm lok - għax l-Unjoni Ewropea kienet kbira u issa kibret iktar bid-dħul tal-pajjiżi l-ġodda sentejn ilu - li ta' kull prodott wieħed li aħna nesportaw lejn l-Unjoni Ewropea nesportaw tnejn lejn dawn il-pajjiżi l-oħra li semmejt. Waħda mill-iktar mistoqsijiet elementari hija: Jekk industrija "X" f'Malta li qed tgawdi dawn l-inċentivi u sejra tajjeb - għax fl-aħħar ta' kull sena qed tagħmel il-qligħ billi tbigħ prodott wieħed lil ċertu raħal, per eżempju, fi Franza - għaliex għandha prodott ta' kwalita' tajba, bi prezz tajjeb u kompetittiv, ma tkunx ħaġa tajba li din iżżid il-kapital u l-produzzjoni tagħha la diġa' għandha swieq li huma tagħha? Jien m'iniex qed ngħid li dawk għandhom jonqsu, anzi dawk is-swieq li diġa' għandna ġo l-Unjoni Ewropea għandna nkomplu nżiduhom, pero' huwa tajjeb ukoll li nibdew inħarsu 360 degrees u mhux 45 degrees kif konna qegħdin nagħmlu bil-Partit Nazzjonalista fil-gvern; konna qisna dejjem inħarsu lejn il-majjistral ta' Malta.
Madam Speaker, dak li qiegħed ngħid huwa li Malta, ta' gżira li hi, biex toħroġ mill-iżolazzjoni ġeografika tagħha assolutament ma jkunx salutari li tħares biss 45 degrees lejn l-Ewropa u l-Unjoni Ewropea imma trid tħares lejn l-Amerka u tikkoltiva l-general system of preferences li għandha ma' l-Amerka ħalli tkompli tippromwovi kif ironikament kien qed jiġi promoss f'dawn l-aħħar tliet snin, għax wieħed jinnota li l-esportazzjoni lejn l-Amerika daħlet sew u qiegħda tespandi, u qed jiġi ċertu investiment Amerikan lejn Malta u forsi anke jitħajjar jiġi aktar. Allura għaliex aħna m'għandniex inkabbru fuq dan minflok ma nħarsu biss lejn l-Unjoni Ewropea fejn imbagħad ikollna ntellgħu d-dazji, il-fortizzi u s-swar Ewropej kontra l-prodotti Amerikani li mbagħad ovvjament huma wkoll itellgħu s-swar tagħhom kontra l-prodotti Maltin li diġa' daħlu hemmhekk? Dawn il-prodotti konna bdejna nibagħtuhom fil-bidu tas-snin tmenin, għadhom hemmhekk illum u qegħdin ikomplu jiżdiedu. Imbagħad min-naħa l-oħra għaliex għandna nidħlu ġo din il-fortress Europe u ma nħarsux lejn il-possibbilta' li jkollna iktar kummerċ permezz ta' investiment ġdid fid-dinja Għarbija li ġeografikament tant hija viċin tagħna. L-istess nistgħu ngħidu għal-Lvant ta' l-Ewropa, għar-repubbliki l-antiki li kienu qegħdin fl-Unjoni Sovjetika. Dawn għaliex m'għandniex inħarsu lejhom bħala swieq potenzjonali tagħna? Jekk aħna kapaċi nesportaw prodotti tagħna bi kwalita' tajba u bi prezz tajjeb lejn l-Unjoni Ewropea, iktar u iktar għandna għalfejn niddiversifikaw is-swieq tagħna lejn dawk ir-repubbliki l-qodma ta' l-Unjoni Sovjetika li magħhom għandna dak it-trade agreement ta' l-1981 li qed insemmi hawnhekk li nistgħu nibbenefikaw tant minnu. Dawn l-inċentivi industrijali huma mportanti biex jiġbdu lejn Malta foreign direct investment, anke minħabba dan it-360 degree approach għall-kummerċ barrani li Malta toffri u li ma joffrux pajjiżi oħrajn li qegħdin jingħalqu fil-fortizzi doganali u kummerċjali tagħhom. Jiena lil dawn nawguralhom the best of luck imma aħna m'għandniex għalfejn - minħabba li ngawdu minn dan il-vantaġġ ġeografiku f'nofs il-Mediterran - naħdmu qisna xi Liechtenstein jew Luxembourg imdawrin b'artijiet oħra li huma membri f'għaqda doganali li jista' jkun li sa l-aħħar ta' dan is-seklu jkunu magħqudin f'unjoni monetarja u wkoll f'unjoni politika. Għalhekk dawn l-inċentivi industrijali huma magħmula bl-akbar responsabbilta' għaliex qegħdin ġo qafas ta' kummerċ barrani - partikolarment issa li hawn Partit Laburista fil-gvern - li m'huwiex daqstant ta' natura diskriminatorja bejn pajjiż u ieħor u fejn id-dinja ta' madwarna hija tassew kollha miftuħa 360 degrees għall-esportazzjoni minn Malta.
Tajjeb li wieħed jara wkoll ir-reġim ta' trattati ta' double taxation exemption li wkoll jgħinu biex jiġbdu lejn Malta investiment industrijali dirett minn barra. Meta wieħed iħares lejn in-network ta' double taxation exemption agreements, wieħed jara kemm il-fatt li bnejna din in-network huwa ta' għajnuna enormi. Jiena nagħlaq billi ngħid li din l-informazzjoni kollha li hawn, hija iktar strutturata mill-hekk imsejjaħ djalogu strutturat ma' l-Ewropa li kien dejjem għaddej, kien dejjem pożittiv u kien dejjem storiku imma li wassal għad-decline fl-investiment industrijali tal-manifattura u dak ta' l-istabbilimenti turistiċi.
Madam Speaker, naħseb li jkun tajjeb li min-naħa ta' l-MDC ikun hemm website fuq l-Internet fejn nuru x'qegħdin noffru bħala soft loans, tax holidays, accelerated depreciation, investment allowance - dejjem skond il-value added - allowance for research and development, energy saving fl-elettriku u fl-ilma, inċentivi għall-esportazzjoni u fuq kollox x'qegħdin noffru bil-firxa ta' kuntatti u trattati ta' kummerċ barrani li għandna mad-dawra kollha tagħna ġeografikament u anke d-double taxation exemption agreements li għandna mad-diversi pajjiżi. Illum diversi ditti barranin u diversi investituri potenzjali qegħdin jagħmlu dan it-tip ta' reklamar, liema reklamar jiġina ħafna u ħafna irħas minn kemm kemm nofs seminar li jsiru regolarment. Jien ma rridx inwaqqa' l-preġju ta' dawn ta' l-aħħar, imma bilfors trid tgħid li llum, bit-teknoloġija moderna ta' komunikazzjoni diġitali, jkun importanti ħafna li fuq l-internet inkunu qegħdin nitrasmettu x'qiegħda tirreklama Malta biex tħajjar investiment industrijali lejha. U allura huwa b'dan il-mod skjett li wieħed jelenka dawn it-tmien inċentivi ndustrijali, kemm fil-qasam tal-manifattura kif ukoll fil-qasam tas-settur turistiku, il-firxa ta' politika kummerċjali barranija kif ukoll id-double taxation exemption agreements u naħseb li l-fatt li dak il-messaġġ se jkun qiegħed hemm dejjem available huwa rħis a paragun ta' x'jista' jiġbed bħala nvestiment lejn Malta. Jekk naslu biex nivvotaw għal dawn l-inċentivi b'mod unanimu nkunu qegħdin nagħmlu reklam għal pajjiżna u nkunu tassew qegħdin naqdu dmirna sewwa lejn il-poplu tagħna li tellagħna. Il-poplu tellagħna mhux biex noqogħdu nimpikaw hawn ġew imma biex inġibu lejn dan il-pajjiż l-aqwa nvestiment li jista' jkattar l-aqwa tip ta' impjiegi bl-aqwa tip ta' makkinarju, teknoloġija u bl-aqwa tip ta' qligħ għal kulħadd f'Malta u Għawdex. Grazzi, Madam Speaker.
MADAM SPEAKER: Grazzi. Aktar rimarki? L-Onor. Joe Farrugia.
ONOR. JOE FARRUGIA: Madam Speaker, qiegħed nieħu gost li l-Gvern Laburista, permezz tal-Ministru ta' l-Ekonomija u ta' l-Industrija, mill-ewwel ħa passi biex tiġi emendata l-Liġi dwar l-Iżvilupp Industrijali. Ħadt gost ukoll li l-Oppożizzjoni mill-ewwel qablet ma' dawn l-emendi li qiegħed jipproponi l-Gvern preżenti. Jiena dejjem emmint li s-settur tal-manifattura huwa ta' importanza kbira għal kull pajjiż u jiddispjaċini li l-Gvern Nazzjonalista naqas li jattira ndustriji ġodda f'dawn l-aħħar snin, pero' issa, li hemm Gvern Laburista, irridu naraw u nistudjaw għalfejn ġara dan u nagħmlu l-almu tagħna biex nieħdu l-passi neċessarji kollha bis-serjeta' u fl-iqsar żmien possibbli. Huwa hawnhekk fejn tidħol l-MDC u fejn din il-korporazzjoni għandha parti ferm importanti x'tilgħab.
Madam Speaker, hemm bżonn - kif dejjem għidt f'diskorsi li għamilt qabel - li din il-korporazzjoni jkollha nies imħarrġa sewwa u li s-servizz li tagħti meta xi ħadd jiġi Malta biex jinvesti jkun wieħed mill-aqwa. Trid tinqata' s-sistema li meta xi barrani jiġi Malta biex jinvesti jkun qisu xi ballun tal-ping-pong u jispiċċa jiltaqa' ma nafx ma' kemm-il rappreżentant tal-korporazzjoni. Ma nistgħux nibqgħu nitrattaw lil dawn l-investituri b'dan il-mod u hemm bżonn li jsir xi ħaġa. Hemm bżonn li l-investitur prospettiv jispiċċa jittratta ma' persuna waħda biss, liema persuna tieħu ħsieb il-bżonnijiet kollha tiegħu. Irridu naraw li l-MDC tkun f'pożizzjoni finanzjarja tajba biżżejjed biex twettaq dan ix-xogħol u rridu nassiguraw li kull min imiss magħha - bħall-Korporazzjoni Enemalta, il-Korporazzjoni Telemalta u l-Awtorita' ta' l-Ippjanar - jagħtuha l-importanza meħtieġa. Ma jistax ikun li industrijalist, wara li jingħata fabbrika jispiċċa jaħli xhur sħaħ jiġri minn dipartiment għal ieħor biex forsi din il-fabbrika titlesta minn kollox. Żgur li jekk barrani ma jkunx jaf kif inhi l-mentalita' f'dawn id-dipartimenti tal-gvern jispiċċa biex jippakkja u jerġa' jmur lura minn fejn ikun ġie. Anke fejn jidħlu l-industrijalisti Maltin, jien ma naqbel xejn mal-policy tal-Gvern preċedenti li kienet tgħid li għandhom jingħataw biss fabbriki għal Maltin jekk dawn jibdew jesportaw mill-ewwel, għaliex naħseb li kienet din li qatlet l-inizjattiva. Minħabba l-fatt li s-suq lokali huwa żgħir, l-ammont ta' nies li forsi riedu jibdew jimmanifatturaw xi prodott għas-suq lokali u wara espandew għas-suq internazzjonali, kważi sar insinifikanti. Dan minħabba l-fatt li qatt ma ngħataw iċ-ċans li tiġi mikrija lilhom xi fabbrika żgħira u għalhekk jien nitlob li din il-policy tinbidel.
Madam Speaker, hemm bżonn li jsir studju biex naraw liema industriji rridu nattiraw u jekk diġa' nafu allura rridu naraw x'kien dak li attirahom lejn pajjiżi oħra. Wieħed irid jara x'inhuma l-bżonnijiet ta' dawn l-industriji partikolari u x'jippretendu mingħandna u rridu naraw ukoll li dawn il-bżonnijiet nilħquhom. L-idea tat-Technopark kienet tajba u jekk hemm bżonn li jsir dan it-tip ta' żvilupp, irridu naraw li nagħmluh. Hawnhekk wieħed irid jiftakar li l-kompetizzjoni għall-investiment barrani żdiedet u llum il-pajjiżi kollha qed joffru bosta inċentivi. Ikun tajjeb li kieku l-Ministru konċernat iqabbel l-inċentivi li qed noffru aħna ma' dawk li qed joffru pajjiżi oħra, speċjalment dawk ta' madwarna u ta' l-Ewropa tal-Lvant. Jekk wieħed isib li dak li qed noffru aħna huwa simili għal dak li qed joffri ħaddieħor, allura għalkemm b'dawn l-emendi jkun sar progress, l-għan tagħna ma jkunx qiegħed jintlaħaq. Jiena nitlob lill-Ministru sabiex is-suġġerimenti li se nagħmel jiġu studjati.
Għalkemm huwa tajjeb li bl-emendi li qed nipproponu qed tiġi nkluża wkoll l-industrija tat-turiżmu - ħaġa verament tajba - naħseb li ħallejna barra - hawnhekk nixtieq li l-Ministru jikkonsidra dan - l-industrija tas-software. Jekk din diġa' hija nkluża fil-liġi, allura għandha tiġi ċċarata. Dan għandu jsir jekk irridu nattiraw l-industrija tat-teknoloġija għolja għaliex bosta drabi din timxi id f'id ma' dawk li jipproduċu s-software. Jien inħoss li bil-livell ta' edukazzjoni li jeżisti f'Malta din l-industrija - li għandha wkoll a high value added - hemm bżonn li nagħtuha importanza kbira.
Madam Speaker, ħaġa oħra li nixtieq nissuġġerixxi hija li jsiru grants għal research and development marketing u għal ristrutturazzjoni jew għajnuna fil-management ta' l-azjendi, speċjalment dawk iż-żgħar. Jien naf li din hija kwestjoni ta' kemm il-Gvern lest li jalloka flus f'dan il-qasam, pero' jekk irridu ngħinu lill-industriji ż-żgħar, irridu ngħinuhom b'mod dirett. Ħafna minn dawn l-azjendi ż-żgħar, ma jkunux f'pożizzjoni finanzjarja, speċjalment fil-bidu, biex iħallsu lin-nies professjonali biex iqiegħdu fuq sisien sodi lill-industrija

tagħhom. Illum bla management tajjeb ma tistax timxi, kif ma tistax timxi jekk ma tiżviluppax kontinwament prodotti ġodda u jkollok ukoll marketing plans tajbin. Naf ukoll li ssib nies li jipprovaw jabbużaw minn skemi bħal dawn, pero' jekk l-MDC tkun organizzata tajjeb u kull talba tiġi nvestigata b'mod serju u anke jsir follow-up, ikun aktar diffiċli biex wieħed jabbuża. Min jinqabad jabbuża - din għandha tkun parti mil-liġi - għandu jiġi mġiegħel iħallas lura dak li jkun ħa billi jagħti garanzija personali qabel ma jieħu xi grant.


Nixtieq ukoll niġbed l-attenzjoni tal-Ministru għal subartiklu 18(6) ġdid kif propost f'dan l-abbozz ta' liġi li jgħid:
"Il-korporazzjoni tista' tikseb ukoll għall-kumpannija kwalifikanti bini u strutturi industrijali b'titolu ta' enfitewsi temporanja u art fi stat mhux żviluppat b'titolu ta' kera taħt dawk it-termini u kundizzjonijiet li jistgħu jiġu preskritti mill-Ministru minn żmien għal żmien.".
Fuq proprjeta' bħal din, individwu jkun jista' jissellef minn banek lokali? Per eżempju, jekk industrijalist ikun ħa fabbrika fuq enfitewsi temporanja, u biex jirranġa l-fabbrika jsib li minħabba l-kondizzjonijiet ta' l-enfitewsi ma' jkunx jista' jissellef, allura se jiltaqa' mill-ewwel ma' problema u l-iskop ta' l-MDC li tagħti t-tgawdija tal-post lis-sid, jintilef. Din il-problema tikber jekk l-industrijalist jingħata biċċa art għaliex f'dak il-każ żgur li jkollu jissellef.
Nixtieq ukoll li forsi l-Ministru jikkonsidra inċentiv ieħor, li fejn xi ħadd jissellef mill-banek lokali biex jirranġa jew jiżviluppa bini, strutturi jew art industrijali jkollu xi mod ta' għajnuna preferenzjali mill-banek lokali. Jien qed ngħid dan kollu għaliex inħoss li meta niġu biex noffru dawn it-tip ta' inċentivi hemm bżonn li nkunu qabel pajjiżi oħra u hemm bżonn ukoll li nużaw aħjar l-iskills tagħna u nkunu aktar immaġinattivi. Fil-fatt, jien niltaqa' ma' ħafna nies Maltin li huma kapaċissimi f'dan il-qasam, pero' l-problema tagħhom tkun li ma jsibux għajnuna biex jiżviluppaw l-idea tagħhom. U hawn jidħol il-famuż venture capital.
Madam Speaker, jien naf li l-banek lokali, flimkien mal-Lohombus Bank, kienu waqqfu fund għal dan l-iskop li ġie wżat ftit li xejn. Għalhekk jien nitlob lill-Ministru sabiex jara kif jista' jdawwar l-iskop ta' dan il-fund biex jgħin lill-industrija lokali jew inkella għal investiment ġdid. Hemm bżonn li l-banek jibdew jisilfu l-flus anke lil dawk li jkollhom ideat ġodda u serji u mhux biss lil min għandu x'jagħmel tajjeb ħalli b'hekk forsi fl-aħħar dan il-venture capital jieħu żvolta 'il fuq.
Madam Speaker, ħaġa oħra li ta' min jikkonsidra hija li tiġi offruta ċ-ċittadinanza Maltija u passaport Malti li min verament ikun irid jinvesti b'mod sostanzjali f'Malta wara li jipprova, permezz ta' means test, li finanzjarjament u ekonomikament huwa b'saħħtu. Per eżempju, fil-Kanada jekk wieħed jinvesti $100,000, ikun jista' jkollu passaport Kanadiż. Aħna m'aħniex fil-pożizzjoni tal-Kanada għaliex għandna popolazzjoni żgħira, pero' nistgħu forsi nżidu t-threshold għal Lm3 miljun u nkunu nistgħu noffru l-istess inċentiv. Min jaf kieku din offrejnieha lill-industrijalisti jew lill-investituri f'Hong Kong kemm konna nkunu kapaċi nattiraw investiment ġdid! Illum kull pajjiż jagħmel minn kollox biex jattira investiment barrani u li jgħodd huwa dak li kapaċi nagħmlu qabel ħaddieħor għax jekk nagħmlu bħal ħaddieħor żgur li ma nkunux qed nilħqu l-għan tagħna. Peress li aħna ngħixu f'pajjiż żgħir ma nistgħux noffru s-suq tagħna u għalhekk irridu nikkompensaw b'affarijiet oħra imma b'daqshekk ma għandniex nibżgħu li se naqgħu għar-redikolu, basta naħdmu b'mod serju.
Mr Speaker, fl-aħħarnett irrid ngħid li nixtieq li l-Gvern Laburista jagħmel sforz, kif kien għamel il-Gvern Nazzjonalista, sabiex l-industrial estates jiġu miżmuma ndaf u ssir maintenance kontinwa fuqhom għaliex aħna ma nistgħux nattiraw investiment barrani jekk l-ambjent t'hemmhekk ma jinżammx nadif. Meta jsir xogħol ta' kostruzzjoni ta' fabbrika hemm bżonn li nilħqu standards għolja ħalli min jeħodhom ma jkunx baqagħlu ħafna xogħol x'jagħmel ġo fihom. Jien persważ li jekk nagħmlu sforz nistgħu nattiraw industriji ġodda lejn Malta, pero' hemm bżonn li nkunu ferm professjonali fil-ħidma tagħna. B'hekk biss nistgħu nirbħu din il-ġlieda kontinwa - biex insejħulha hekk - li nattiraw investiment barrani u fl-istess ħin ngħinu lill-industrija lokali tkompli tissaħħaħ. Il-fatt li l-pagi tal-ħaddiema tagħna saru ogħla minn dawk ta' pajjiżi oħra jirrikjedi iktar ħidma u sforz kollettiv ikbar. Grazzi, Mr Speaker.
THE DEPUTY SPEAKER(L-Onor. Michael Bonnici): Nirringrazzjak. Iktar rimarki, jekk jogħġobkom? L-Onor. Michael Frendo.
ONOR. MICHAEL FRENDO: Mr Speaker, ħafna mid-diskussjonijiet li kien hawn fuq dan l-abbozz ta' liġi ma kenux jirrigwardaw biss il-klawsoli partikolari u dan fih innifsu huwa ġust għaliex fil-fatt, dan l-abbozz ta' liġi, qed jagħti lil dan il-Parlament il-possibbilta' li jiddiskuti wkoll il-qasam ta' l-industrija, il-ħteġijiet li għandu dan il-qasam kif ukoll kif dawn il-ħteġijiet qed jiġu indirizzati f'dan il-Parlament.
Jien naħseb li huwa d-dmir ta' l-Oppożizzjoni li titkellem dwar affarijiet bħal dawn ukoll u fil-fatt billi l-Onor. Spiteri tkellem anke fuq ir-rwol ta' l-Oppożizzjoni fid-demokrazija ... Din hija xi ħaġa li qisha saret in voga bħalissa u fil-fatt illum anke l-media qed tistaqsi x'inhi l-funzjoni ta' l-Oppożizzjoni f'demokrazija u d-demokrazija fl-Oppożizzjoni. Dawn huma affarijiet tajbin u wieħed jiskanta kif dan is-suġġett qam issa fuq il-mezzi tax-xandir, pero' ma jimpurtax, in-nies għandhom moħħ biex jaħsbu. Fil-fatt fil-bidu tad-diskors qasir li se nagħmel nixtieq ngħid xi ħaġa fuq dan il-punt jiena wkoll.
Mr Speaker, l-Oppożizzjoni hija fid-dmir li tagħmel il-kritika tagħha u naħseb li huwa ċar li f'dan il-Parlament il-kritika tagħha qiegħda tagħmilha b'mod responsabbli u b'mod li tipprova tgħin it-tmexxija tal-pajjiż u mhux b'mod li tipprova tfixklu. Aħna qegħdin ngħixu f'pajjiż fejn il-Gvern ġie elett demokratikament f'elezzjoni ħielsa u fejn l-Oppożizzjoni għandha appoġġ kbir mill-pubbliku u għalhekk għandha d-dover lejn min ivvotalha biex tgħid x'inhuma l-veduti u l-vizjonijiet tagħha. U dan huwa li sar minn din in-naħa f'dawn id-diskorsi li saru. Saru ħafna suġġerimenti li juru li din hija Oppożizzjoni kostruttiva li qiegħda tpoġġi l-każ tagħha quddiem il-poplu Malti, imma din hija wkoll Oppożizzjoni li tagħti l-kontribut tagħha speċifikament għal items jew issues li jkollha quddiemha sabiex dawn jiġu mtejbin. GĦalhekk, id-dikorsi fejn jidħlu dinosawri u affarijiet bħal dawn, naħseb li aħjar inħalluhom għal Jurassic Park u mhux għal din il-Kamra. Jiena naħseb li kulħadd jifhem li l-ispirtu li mxiet bih l-Oppożizzjoni m'huwiex spirtu ta' filibustering imma huwa spirtu ta' oppożizzjoni li trid tagħti l-kontribut tagħha fid-diskussjonijiet fuq suġġett bħal dan.
Irridu nifhmu li fil-Parlament, partikolarment fl-istadju tat-Tieni Qari, id-diskussjoni ma ssirx biss fuq item wieħed imma ssir biex toħloq dibattitu fuq dak li jkun qed jiġi mressaq u fuq is-settur innifsu. Is-settur li għandna quddiemna llum huwa settur importanti ferm u qiegħed jiġi ndirizzat billi jsiru improvements fl-Industrial Development Act. Din hija xi ħaġa li kien ħadem fuqha l-Gvern ta' qabel u huwa tajjeb li dan il-Gvern ikompli miexi f'din id-direzzjoni. Illum qegħdin nitkellmu fuq settur li huwa kruċjali għall-impjiegi f'pajjiżna u huwa fl-interess ta' kulħadd li mpjiegi bħal dawn mhux biss jiġu preservati imma jiġu wkoll imkattra u li f'pajjiżna jkollna espansjoni f'dan is-settur.
Issa kif nistgħu nħarsu lejn espansjoni f'dan is-settur? Waħda mill-affarijiet li l-Oppożizzjoni dejjem tpoġġi quddiem il-poplu Malti - u se tkompli tpoġġi - hija l-alternattiva politika li għandu pajjiżna anke għal dan il-qasam bi sħubija ta' Malta fl-Unjoni Ewropea. Kien hemm min qajjem din il-kwestjoni tas-sħubija ta' Malta fl-Unjoni Ewropea biex jipprova jpoġġi l-istampa li kieku aħna sirna membri ta' l-Unjoni Ewropea, allura dawn l-affarijiet li qegħdin isiru llum ma kenux jistgħu jsiru. Jiena naħseb li din hija waħda min dawk il-ħrejjef li wieħed jista' jaqra lit-tfal qabel ma jorqdu. Dawn it-tip ta' stejjer żgur li t-tfal ma jemmnuhomx u tkun ħasra kbira jekk jemminhom min ikun qed jaqrahom. Jekk irridu li lill-poplu Malti nħalluh fil-livell tal-ħrejjef u fil-livell ta' statements li ma jistgħux jiġu sostanzjati u li m'humiex sostenibbli, allura la nkunu qegħdin nagħmlu ġid lill-poplu Malti u lanqas inkunu qed naqdu l-funzjoni tagħna f'dan il-Parlament.
Il-Prim Ministru ġie rrapportat li qal li aktar ma nitbiegħdu mill-Ewropa u issa anke li m'għadniex on the doorstep ta' l-Ewropa, nistgħu nattiraw aktar investiment, imma r-realta' hija ħafna u ħafna aktar differenti. Jekk wieħed jara x'qed jiġri llum fir-Renju Unit, partikolarment fl-Iskozja, isib li hemmhekk qed isir investiment ġdid minn pajjiżi mill-Far East, fosthom it-Taiwan u l-Japan. Dawn żgur li ma daħlux biex jinvestu f'partijiet mir-Renju Unit għaliex għoġobhom il-kilt jew it-te' ta' l-Iskozja imma għamlu dan għaliex għoġbuhom l-inċentivi li għandhom biex ikunu jistgħu jagħmlu l-bażi ta' produzzjoni tagħhom hemmhekk u għaliex għoġobhom il-fatt li għandhom aċċess assigurat u sħiħ għas-suq kollu ta' l-Unjoni Ewropea.
Fil-fatt, kif qal il-kollega tiegħi l-Onor. Josef Bonnici - li naħseb li din anke missha b'idejh u kellu esperjenza diretta tagħha - żgur li meta kumpanniji kienu jiġu biex jinvestu hawnhekk, dawn kienu qed jorbtu mal-fatt li Malta kienet se tkun membru ta' l-Unjoni Ewropea. Dawn il-kumpanniji kienu jorbtu ma' dan għaliex din id-direzzjoni l-ewwelnett kienet tgħin sabiex pajjiżna jkompli jtejjeb il-kondizzjonijiet tiegħu u jiġi dejjem aktar qrib dawk il-kondizzjonijiet li jkollna nammettu li f'ħafna setturi huma aktar sofistikati fl-Unjoni Ewropea. Jiena naħseb li huwa inutli li nipprovaw nagħmluha ta' nazzjonalisti ż-żejjed f'ċerti affarijiet. Irridu nammettu li rridu nilħqu ċerti standards u ċerti livelli li f'pajjiżi oħrajn huma aktar għoljin minn tagħna, u din m'hijiex xi ħaġa li għandna nistħu ngħiduha.
Il-poplu Malti huwa poplu li bil-ħila tiegħu, minn pajjiż li għandu biss il-ġebel u l-blat bħala riżorsi minerali, irnexxielu joħloq ekonomija li qiegħda tgħajjex 360,000 ruħ b'mod mirakoluż. Il-poplu ta' dan il-pajjiż li m'għandu l-ebda riżorsi minerali u naturali u li prattikament huwa blata, bl-industrija tiegħu u bil-bżulija tiegħu, irnexxielu jibni ekonomija li sostniet lil dan il-pajjiż għal dawn is-snin kollha u dejjem tejjeb il-livell ta' għajxien ta' dan il-pajjiż, u din hija xi ħaġa li tagħmlilna ġieħ. Pero' rridu nkunu realistiċi u nifhmu li aħna, anke biex nattiraw l-investiment industrijali u biex inżommu l-investiment industrijali li diġa' għandna, qegħdin ngħixu kontinwament f'kompetizzjoni. Aħna qegħdin f'kompetizzjoni ma' blokk sħiħ ta' pajjiżi li qegħdin jagħmlu politika industrijali biex l-investiment minn barra l-Unjoni Ewropea jipprovaw jattirawh hemmhekk u mhux f'pajjiżi oħrajn li m'humiex membri tagħha. Dawn huma pajjiżi li flimkien qegħdin jagħmlu sforzi kontinwi biex ikunu jistgħu jattiraw investiment lejn it-territorju li jifforma parti mill-Unjoni Ewropea u jeħduh minn partijiet oħra tad-dinja. Pero' aħna għażilna li ma nidħlux f'din it-triq; sforz li qegħdin insibuh kontirna.
Fl-Unjoni Ewropea hemm diversi programmi li jgħinuha biex l-industrija tkun tista' tiżviluppa, fost dawn insibu programmi ta' joint ventures, programmi ta' training u programmi ta' riċerka u ta' żvilupp. Hemm imbagħad programmi li jgħinu sabiex wieħed jagħmel investiment f'partijiet mill-Ewropa li huma inqas żviluppati u b'hekk ikunu jistgħu jkabbru l-intrapriża f'dak it-territorju. GĦalhekk jiena naħseb li jkun żbaljat li l-poplu Malti jiġi ffaċċjat bil-fantażma li l-Unjoni Ewropea hija magħmula minn xi ditti enormi li lesti jibilgħu lil kulħadd u li m'hemm l-ebda ditti żgħar. Din hija xi ħaġa li smajniha f'dan il-Parlament u anke fost il-poplu, imma r-realta' hija li l-industriji żgħar u medji huma l-qalba tas-suq. Jekk inħarsu ftit lejn kif inhi mqassma l-industirja fl-Unjoni Ewropea insibu li 80% tad-ditti jimpjegaw inqas minn 250 ruħ u li mbagħad 90% minnhom stess jimpjegaw inqas minn 10 persuni.
Żgur li r-realta' ta' l-industriji żgħar f'pajjiżina hija l-istess realta' ta' l-Unjoni Ewropea u ta' l-aktar pajjiżi li kellhom suċċess fl-Unjoni Ewropea. Fil-fatt, huma l-industriji ż-żgħar li kellhom l-aktar suċċess. Jekk wieħed iħares lejn kif żviluppa d-dħul tal-pajjiżi fl-Unjoni Ewropea, isib storja konsistenti - partikolarment fil-każ ta' Spanja u fil-każ tal-Portugall - ta' investiment li ġie kemm mill-Unjoni Ewropea kif ukoll minn barra l-Unjoni Ewropea għaliex kien hemm aċċess sħiħ għal dak is-suq ukoll. U dan ġara għaliex dawn iż-żewġ pajjiżi kellhom it-timbru ta' membri ta' dan il-club, għaliex jekk irridu nkunu realistiċi rridu nagħrfu li din l-unjoni m'hi xejn iżjed ħlief club.
Huwa tajjeb li dawn l-affarijiet inkomplu ngħiduhom għaliex huwa d-dover tagħha bħala Oppożizzjoni li nagħtu din l-informazzjoni anke għaliex qegħdin nippreżentaw il-viżjonijiet tagħna għal dan il-pajjiż. U dawn il-viżjonijiet ikomplu jkissru dan il-fantażma li dak li qed nagħmlu llum ma kienx jista' jsir kieku konna membri fl-Unjoni Ewropea. Aħna nafu li hemm ħafna pajjiżi li huma kklassifikati bħala pajjiżi li għandhom dritt għal għajnuna mid-diversi fondi - fosthom il-fondi strutturali, il-fondi ta' koeżjoni u fondi oħrajn - għaliex huma pajjiżi li f'ċerti regions ma jilħqux mal-livell average li għandhom il-pajjiżi ta' l-Unjoni Ewropea.

Dawn huma pajjiżi li mhux biss jieħu għajnuna diretta mill-Unjoni Ewropea biex primarjament jagħmlu żvilupp industrijali u infrastrutturali imma jgawdu wkoll minn reġim partikolari ta' taxxa jew ta' grants li jkunu jistgħu jagħtu lill-industrija tagħhom.


Żgur li aħna għandna bżonn kbir li nkomplu nkabbru dan il-pakkett ta' grants u ta' rati ta' taxxa partikolari biex inkunu nistgħu nattiraw l-investiment f'pajjiżna. Anzi, wieħed irid jifhem li s-sħubija fl-Unjoni Ewropea mhux talli ma tfixklekx milli tagħmel pakkett bħal dan, talli tgħinek biex tagħmel pakketti aħjar mill-pakketti li għandna prosposti f'dan l-abbozz ta' liġi. Eżempju ta' dan hija l-Irlanda. Dan il-pajjiż mhux biss huwa eżempju ta' kif tista' tagħti għajnuna industrijali imma huwa wkoll eżempju ta' kif tista' tiżviluppa l-infrastruttura tiegħek.
L-Irlanda huwa pajjiż li għandu politika ta' newtralita' militari u baqa' jirrispetta din il-politika anke bħala membru fl-Unjoni Ewropea. Allura dan huwa fatt ieħor li jkisser fantażma oħra, dik li l-Gvern jgħid li ma tistax tkun pajjiż newtrali u tidħol fl-Unjoni Ewropea. Anke l-Isvezja u l-Awstrija huma pajjiżi li juru li inti tista' tkun fl-Unjoni Ewropea u tibqa' fl-istess ħin tirrispetta l-għażliet li tkun ħadt bħala pajjiż. L-Irlanda, li bniet l-istruttura tagħha permezz ta' ħafna għajnuna mill-Unjoni Ewropea, foshom in-network ta' toroq u servizzi oħrajn, għandha skema li biha min imur biex jagħmel investimenti hemmhekk, ikun jista' jħallas taxxa ta' 15% pero' jkollu grant ta' 60%. Dan huwa pakkett ieħor li jeżisti fi ħdan l-Unjoni Ewropea.
Hemm ħafna aktar pakketti minn dawn li jistgħu jintużaw fi ħdan ir-realta' ta' l-Unjoni Ewropea, u allura huwa kruċjali li lill-poplu Malti nagħtuh stampa bilanċjata u mhux nagħtuh stampa li tpoġġi lill-Unjoni Ewropea bħala xi fantażma li tbeżża' l-investiment minn pajjiżna. Lill-poplu rridu nagħtuh l-istampa bbażata fuq il-fatti u mhux fuq l-impressjonijiet u l-propaganda. U l-verita' tal-fatti l-ewwelnett turik li l-industrija ta' l-Unjoni Ewropea hija simili għal tagħna għaliex mhux biss għandna industriji kbar imma anke industriji medji u żgħar - fil-fatt, il-qalba ta' l-industrija tagħha hija magħmula minn industriji żgħar - u t-tieni nett, l-Unjoni Ewropea tippermetti li f'ċerti territorji tagħha - Malta żgur li tista' tikkwalifika f'dan is-sens - ikun hemm inċentivi biex isir investiment

f'pajjiżi li fi ħdan l-Unjoni Ewropea għad iridu jilħqu l-livelli li laħqu pajjiżi oħrajn. Barra minn hekk l-Unjoni Ewropea tagħti possibbilta' mhux biss li nżommu dawn il-pakketti li għandna, imma permezz ta' diversi programmi li għandha hi u li qed toħloq kontinwament biex tipprova tattira l-investiment lejha, tagħtina l-possibbilta' li jkollna pakketti aħjar minn dak li għandna hawnhekk. Huwa tajjeb ukoll li ngħidu li l-Unjoni Ewropea tagħtina l-possibbilta' li jkollna suq enormi garantit. Din tagħti l-possibilta' lill-industrija Maltija li tidħol f'dawk is-swieq mingħajr ħafna hassle ta' negozjati li jkollna nagħmlu kull darba li niddiskutu kwestjonijiet dwar l-agreement ta' l-assoċjazzjoni li ilu hemm għal ħafna snin.


Mr Speaker, dawn kollha huma possibbiltajiet li jagħtu ċ-ċans li jkun hemm prodotti industrijali - u anke agrikoli - Maltin li jidħlu fis-suq Ewropew. Bħala pajjiż aħna għandna ħafna fatturi li joħolqu diffikultajiet enormi sabiex nattiraw l-investiment; għandna l-fatt li m'għandniex suq intern kbir, il-fatt li aħna gżira mdawwrin bil-baħar, il-fatt li m'għandniex suq intern li jattira minnu nnifsu investiment minn pajjiżi oħrajn u anke l-fatt li għandna spiża sabiex inġibu l-materja prima hawnhekk. Pajjiżna m'għandux materja prima u għandu ftit nies u allura minħabba f'hekk għandu wkoll limitazzjonijiet fil-work force u fl-availability tal-work force li għandu. Pero' rridu ngħidu li minkejja dawn l-iżvantaġġi kollha rnexxielna, gvern wara ieħor - ma rridx inkun partiġġjan f'affarijiet bħal dawn - nattiraw investiment lejn pajjiżna. Pero' madankollu m'għandniex inżidu l-iżvantaġġi ma' dawk li għandna imma għandna nipprovaw insibu l-mezz kif ikollna edge kompetittiva u nużaw is-sitwazzjoni tagħna għall-vantaġġ tagħna. U llum għandna realtajiet fejn għandna pajjiżi Ewropej li jistgħu jmorru jinvestu fil-pajjiżi tal-Lvant Ċentrali u tal-Lvant ta' l-Ewropa u peress li m'hemmx baħar jaqsam bejniethom, dawn m'għandhomx l-ispejjeż tat-trasport li għandna aħna. Barra minn hekk dawn huma pajjiżi li huma kompetittivi anke għar-rigward tal-cost of labour tagħhom u llum qed isir ħafna investiment fihom. Aħna minflok ma nipprovaw nikkompetu ma' pajjiżi bħal dawn billi nuru li aħna mexjin fl-istess triq li mexjin pajjiżi bħal dawk - anzi aħna konna fuq quddiem nett ta' dik it-triq, u huma kienu qegħdin isegwuna - ...
Madam Speaker, ftit xhur ilu jien kelli l-okkażjoni li nakkumpanja lill-Prim Ministru ta' dak iż-żmien fiż-żjara li għamel fis-Slovenja. Waħda mill-aktar affarijiet li tatni sodisfazzjon bħala politiku f'dan il-pajjiż kienu d-diskussjonijiet li kellna ma' l-awtoritajiet tas-Slovenja. Dawn fost affarijiet oħrajn, bl-iktar mod ċar kienu qalulna li huma tefgħu għajnejhom fuq il-mudell li Malta kienet qed tagħmel għall-pajjiżi ż-żgħar fl-Ewropa. Is-Slovenja huwa pajjiż li għandu popolazzjoni ta' madwar żewġ miljun ruħ - fil-fatt huwa wieħed mill-pajjiżi ż-żgħar ta' l-Ewropa - u li kien qed jgħaddi minn ristrutturazzjoni dwar it-telekommunikazzjonijiet, ristrutturazzjoni li aħna għaddejna minnha wara l-1987. Minflok ma jenfasizzaw fuq l-industrija t-tqila bdew jenfasizzaw fuq il-light industry u fuq is-setturi tas-servizzi u bdew jagħmlu l-bidliet kollha ekonomiċi li pajjiżna għażel li jagħmel fl-1987 wara li tela' fil-gvern il-Partit Nazzjonalista. U huwa nteressanti ħafna u anke ta' sodisfazzjon - naħseb għal kulħadd u mhux biss għal min kien fil-gvern dak iż-żmien - li tara pajjiż bħal dan, li għandu t-triq ċara li jidħol integrat parti mis-suq Ewropew, li kien qed isegwi t-triq li qabad pajjiżna.
U jien inħoss ċertu diżappunt meta ftit ilu fuq is-CNN rajt lill-Prim Ministru tas-Slovenja jitkellem fuq kif pajjiżu jrid ikun wieħed mill-pajjiżi li jidħlu fl-Unjoni Ewropea meta Malta kellha dan il-vantaġġ fuq dawk il-pajjiżi u rmietu. U għax irmiet dan il-vantaġġ se toħloq diffikultajiet lilha nnifisha biex f'dan il-pajjiż ikun hawn iktar investiment fl-industrija. Wieħed jiskanta u jinkwieta ruħu meta jara statements - kif ġie rrapportat f'wieħed mill-ġurnali lokali - li għal ċerti industriji f'pajjiżna l-fatt li Malta m'għadhiex fit-triq li tidħol fl-Unjoni Ewropea huwa ta' preokkupazzjoni. Jiġifieri mhux talli m'huwiex xi ħaġa li tagħmel deni lil Malta li tidħol fl-Unjoni Ewropea, mhux talli nkunu nistgħu nattiraw aktar investiment, talli l-industrija li qiegħda hawnhekk qed tħares b'mod preokkupat li Malta tidher li telqet din it-triq.
Jien għandi kull rispett lejn il-Ministru li qed iressaq din il-liġi hawnhekk, li naturalment għandu d-diffikulta li jrid jaħdem fil-parametri tal-politika tal-partit tiegħu - wieħed irid jirrispetta dan ukoll - imma dawn huma konsiderazzjonijiet li aħna, bħala Oppożizzjoni rridu li npoġġu lilu u lill-poplu Malti. Imma ħalli nagħmel ukoll suġġeriment, mhux fi ħdan il-viżjoni Nazzjonalista għal Malta, imma fi ħdan il-politika preżenti li l-Gvern għandu għal dan il-pajjiż.
Fl-MDC jeżistu ċerti fondi available għall-feasibility studies. Dawn huma fondi li wieħed jista' jutilizzahom u jien naħseb li f'dan il-pajjiż għandna bżonn nagħmlu iktar biex ngħallmu lin-nies jutilizzawhom. Naħseb li f'dan il-każ anke l-MDC għandha taħdem biex tagħmel minn kollox biex kemm jista' jkun tgħin anke lill-entrepreneur Malti, forsi anke in conjunction ma' assoċjazzjonijiet, mas-settur privat u jien ngħid anke ma' professjonijiet. Per eżempju, jekk wieħed iħares lejn kif kiber is-settur tax-ship registration f'pajjiżna - fil-fatt dan huwa settur li ġie żviluppat mill-Gvern Nazzjonalista u l-ex-Ministru Fenech kien għamel bidliet importanti enormament fil-qasam marittimu li jridu jiġu rikonoxxuti f'dan il-pajjiż bħala żviluppi li bidlu kompletament dak is-settur u taw revenue kbir lil pajjiżna - jiskopri li dan kiber ukoll permezz ta' konsulenti, professjonisti u individwi li ħarġu biex jipprovaw iġibu dak it-tip ta' investiment ta' ship registration - mhux investiment fl-industrija - lejn pajjiżna.

Forsi hija l-okkażjoni - għax din hija xi ħaġa li aħna nixtiequ naraw bħala Oppożizzjoni, li pajjiżna jimxi 'l quddiem - li anke l-MDC tipprova torbot ma' dan is-settur biex ikun hemm anke nies li joħorġu barra mill-pajjiż u jipprovaw jattiraw kemm jista' jkun investiment lejn pajjiżna. Naturalment ikun hemm bżonn li tinżamm aġġornata l-informazzjoni kollha li għandna f'diversi lingwi sabiex dan ukoll ikun jista' jgħin dan it-tip ta' investiment lejn pajjiżna.


Madam Speaker, naħseb li din il-liġi tatna l-okkażjoni biex nitfgħu għajnejna mhux biss fuq it-titjib li qed jiġi ppreżentat hawnhekk - il-kollegi ta' qabli tkellmu fid-dettall fuqu u ma nħossx li jien għandi nirrepeti l-istess ħaġa - imma tatna wkoll il-possibbilta' sabiex naraw kif se nħarsu lejn politika li tkabbar is-settur industrijali f'pajjiżna u tattira l-investiment. Naħseb li l-iktar punt fejn hemm kuntrast nett bejn il-Gvern u l-Oppożizzjoni huwa eżattament fl-għażliet li l-Gvern u l-Oppożizzjoni qed jagħmlu fil-politika Ewropea. Jien ikolli ngħid li nistmerr bil-qawwa kollha l-argument - mhux il-persuna - li ġab l-Onor. Lino Spiteri meta ta l-impressjoni li l-Partit Nazzjonalista meta kien fil-gvern - anke issa li qiegħed fl-oppożizzjoni - għamel l-għażla għall-Ewropa u ma ħalla l-ebda options miftuħin. Huwa għamel argument fejn ipprova jpoġġi x-xenarju li filwaqt li l-Gvern tal-lum huwa prammatiku u għandu ħafna options quddiemu, il-Partit Nazzjonalista fil-gvern ġie magħluq qisu f'handlock li ma jistax jiċċaqlaq minnha għaliex għamel l-għażla għall-Ewropa.
Madam Speaker, jien nirreżisti dan l-argument bil-qilla kollha għaliex inħoss li huwa argument sofista li żgur ma jistax ireġi għaliex m'huwiex veru. L-ewwelnett m'huwiex veru li l-Partit Nazzjonalista qabad u daħal għal din l-għażla ta' l-Ewropa mingħajr ma kkonsidra xejn; dan huwa travestiment tar-realta' u tal-verita'. Il-Partit Nazzjonalista ra l-options kollha wkoll bħal kull partit ieħor u għamel l-għażla kważi 20 sena ilu. U kien għamel din l-għażla għaliex ra li l-options l-oħra li kellna kienu jew "to go it alone", li jidher li tista' tkun l-option li qed jieħu dan il-Gvern jew inkella l-option li nagħmlu bħalma għamlu pajjiżi oħrajn, u ningħaqdu ma' gruppi oħrajn. Per eżempju, f'mument minnhom kien hemm anke min issuġġerixxa li ningħaqdu mal-MAGREB; option li forsi m'għadhiex tiġi kkonsidrata.
Meta l-Partit Nazzjonalista ra kif kienu mexjin pajjiżi oħrajn, kif kienu se jkunu r-realtajiet ta' pajjiżna u diversi raġunijiet oħra li m'iniex se nidħol fihom issa, ħaseb li sħubija fl-Unjoni Ewropea kienet option tajba. Il-Partit Nazzjonalista qal ukoll bl-iktar mod ċar li hu ried li pajjiżna jsir membru taħt kondizzjonijiet ġusti u fil-fatt dak kollu li konna għamilna meta konna fil-gvern kien dirett lejn il-pass li nsiru membri taħt kondizzjonijiet ġusti. Meta pajjiżna beda d-djalogu strutturat, beda bl-iktar mod sistematiku jersaq aktar viċin ta' l-Unjoni Ewropea. Dan ma sarx b'passi ta' ġgant imma sar b'passi żgħar li kienu konsistenti fid-djalogu strutturat. Konna diġa' bdejna npoġġu l-qafas u l-pedament għan-negozjati li kien baqgħalhom isiru. Hija xi ħaġa li ma titwemminx li jkun hemm min ikollu l-impressjoni li l-Partit Nazzjonalista fil-gvern kien se jidħol fl-Ewropa u jagħti carte blanche lill-Unjoni Ewropea mingħajr ma jagħmel ebda negozjati u jgħid "iva" għal kollox! Din hija ħaġa tad-daħk u m'hijiex sostnuta mill-programm sħiħ li kien għamel il-Partit Nazzjonalista fil-gvern.
Il-Partit Nazzjonalista kien kontinwament - naħseb li l-Onor. Joe Borg jaf eżattament id-dettal ta' dan li qed ngħid għaliex kien involut direttament f'dan il-proċess - qed janalizza s-sitwazzjoni Maltija. Kien qed janalizza kull settur, wieħed wieħed, sabiex jara kif dawn is-setturi kollha jistgħu jiġu effettwati, biex jara kif nistgħu nagħmlu l-bażi għall-pedamenti għad-diskussjonijiet tagħna. Ridna naraw kif nistgħu npoġġu l-argumenti tagħna, ridna naraw fejn kien l-iktar essenzjali li ma nċedux u ridna naraw li fl-aħħar mill-aħħar ikollna somma li kienet tkun favur pajjiżna. Aħna dan kollu konna qegħdin nagħmluh għaliex nemmnu li huwa favur tagħna li Malta tkun membru ta' l-Unjoni Ewropea, mhux għax irridu nkunu bin-nemex u mhux biex xi ħadd jgħidilna li aħna Ewropej u b'xi mod narmu l-oriġini u l-kultura tagħna li hija wkoll semitika, imma għaliex jinteressana li nagħmlu dak li huwa ta' ġid veru għal pajjiżna. U dak li konna qegħdin nagħmlu kien indirizzat lejn dan ukoll.
Dan l-abbozz ta' liġi li għandna quddiemna llum huwa wieħed importanti u li tajjeb li niddiskutuh, imma kieku Malta baqgħet għaddejja fit-triq għall-Unjoni Ewropea kien ikun wieħed li malajr kien jiġi ssuperat għaliex kien ikun possibbli li nagħmlu pakketti finanzjarji u anke pakketti ta' inċentivi aħjar minn dawk li għandna llum. U dawn huma r-realtajiet li rridu nqabblu. Ma nistgħux nagħtu l-impressjoni lill-pubbliku u ngħidulu li kieku dħalna fl-Unjoni Ewropea konna nitilfu dak li għandna. Il-fatt li ma dħalniex fl-Unjoni Ewropea tlifna l-possibbilta' li jkollna pakketti aħjar minn dawk li nistgħu nagħtu aħna għaliex il-limitazzjonijiet tagħna anke finanzjarji huma dawk li huma. L-Unjoni Ewropea tagħtina l-possibiltajiet li noħorġu minn dan il-qafas ta' pajjiż ta' 19-il kilometru b'9 kilometri kwadri u b'popolazzjoni ta' 360,000 ruħ. Pajjiżna ma jistax jingħalaq fih innifsu u jibni s-swar madwaru imma jrid ikollu l-kuraġġ li jmur fil-beraħ u jikkompeti. Qed ngħid dan mhux għaliex din hija għażla imma għaliex din hija l-unika triq li għandna sabiex nibqgħu neżistu bħala pajjiż u sabiex nibqgħu rilevanti għas-settur u għall-area li ngħixu fiha. Aktar ma nitbiegħdu mill-Ewropa - kuntrarju għal dak li qal il-Prim Ministru - aktar insiru irrilevanti fl-istorja u aktar insiru rrilevanti għar-rigward ta' l-investiment u l-opportunitajiet kbar, liema opportunijiet huma konxji minnhom pajjiżi li m'humiex membri ta' l-Unjoni Ewropea u li għalhekk qegħdin jiġġieldu ma' xulxin biex jidħlu huma l-ewwel sabiex ikollhom dawk l-opportunitajiet miftuħin għalihom, fosthom l-opportunitajiet għas-settur industrijali. Dawn l-opportunitajiet ifissru li l-industrija lokali tagħna tkun at par ma' l-industrija barranija u jkollha l-possibbiltajiet u l-kondizzjonijiet li għandhom il-kompetituri tagħna fl-Ewropa. Dawn l-industriji fl-Ewropa li aħna nikkompetu magħhom huma vvantaġġjati aktar minna għaliex għandhom l-appoġġ li tagħtihom l-Unjoni Ewropea permezz tal-programmi tagħha. L-Unjoni Ewropea tagħti fondi u grants lil dawn l-industriji li magħhom iridu jikkompetu l-industriji tagħna. Dawn huma affarijiet li tajjeb li ngħiduhom lill-poplu Malti u anke nirrepetuhom u nissostanzjawhom għaliex din hija r-realta', realta' li sfortunatament forsi ħafna nies ma kkonċentrawx biżżejjed fuqha, realta' kruċjali għall-ħajja ta' dan il-pajjiż.

Madam Speaker, filwaqt li nawguraw li dan l-abbozz ta' liġi li qed jippreżenta l-Ministru f'din il-Kamra jkollu suċċess anke għar-rigward tal-miżuri sabiex jgħinu lill-pajjiż jimxi 'l quddiem, naħseb li m'huwiex ġust - naħseb li huma argumenti li għandhom jiġu ribattuti bil-qawwa kollha - li kien hawn min qal illi kieku dħalna fl-Unjoni Ewropea dan ma kienx ikun possibbli. Jien ngħid li meta aħna nidħlu fl-Unjoni Ewropea - qed ngħid hekk għax naħseb li jiġri x'jiġri fil-pajjiż din hija mixja inevitabbli - dan il-pakkett jista' jkun ħafna aħjar u l-industriji tagħna jkunu jistgħu jgawdu ħafna iktar vantaġġi minn dan. Wieħed għandu jirrifletti wkoll fuq id-diffikultajiet jekk jagħmel l-għażla li ma jidħolx.


Illum għandna quddiemna tentattiv ġust mill-Gvern Malti biex jgħin lill-industrija Maltija imma għandna wkoll eżempju ċar ta' x'inhu the cost of non-membership. Dan huwa eżempju ċar ta' xi jfisser li ma tkunx membru ta' l-Unjoni Ewropea u allura ma tistax tagħti ċerti inċentivi li l-Unjoni Ewropea tagħti lill-industrija tagħha. Aħna, bħala oppożizzjoni, bl-iktar mod leali u bl-iktar mod li huwa bbażat biss fuq l-argument li aħna partit li nenfasizzaw fuq il-ħtieġa li nibnu l-pajjiż u mhux li nkissru lin-nies jew lill-personaġġi u li rridu naħdmu biex lil dan il-pajjiż nagħmluh dejjem aħjar, qed inpoġġu dawn l-ideat għall-konsiderazzjoni ta' din il-Kamra u tal-pubbliku Malti biex filwaqt li wieħed jara x-xogħol li qed isir - wieħed jawgura li dan ix-xogħol li qed isir ikollu s-suċċess li tixtieq din il-Kamra kollha - iżomm ukoll quddiem għajnejh il-viżjoni Nazzjonalista għal dan il-pajjiż, viżjoni li hija ħafna itjeb minn dik li qed joffri l-Gvern preżenti. Grazzi, Mr Speaker.
THE DEPUTY SPEAKER: Grazzi. Hawn aktar rimarki? (Onor. Membri: No) Nistieden lill-Ministru sabiex jagħmel il-winding up.
ONOR. JOHN ATTARD MONTALTO: Mr Speaker, jien naħseb li kull min kellu l-paċenzja li jsegwi dan id-dibattitu ntebaħ li dwar din il-liġi bħala liġi m'hemm xejn li wieħed jista' jgħidlu kontenzjuż, anzi jien nista' ngħid li ħadt pjaċir ħafna nisma' l-kelliema miż-żewġ naħat tal-Kamra għaliex għal dak li jirrigwarda l-liġi nnifisha kien hemm ħafna rimarki validi u ħafna suġġerimenti pożittivi.
Id-dibattitu daħal f'ċerti aspettattivi oħrajn u għalkemm jien m'iniex se nkun kontenzjuż, min-naħa l-oħra bilfors irrid nippreċiża x'inhi l-opinjoni tal-Gvern dwar ċerti oqsma li huma laterali u li ġew imqajma f'dan id-dibattitu. L-ewwel punt kien dwar l-istat ta' l-ekonomija Maltija u bħala l-Ministru responsabbli għat-tali naħseb li jkun nuqqas min-naħa tiegħi li ma nirrispondix fil-qosor għall-punti li tqajmu. Il-punti li tqajmu minn xi kelliema - mhux mill-kelliema kollha - kienu li minn mindu tela' fil-gvern il-Partit Laburista l-pajjiż mar lura f'ċerti oqsma. Jien naħseb li din ir-rimarka ma kenitx waħda leali u għalkemm niddejjaq insemmi figuri, bilfors irrid nagħti ċerta indikazzjoni biex nuri kemm dan m'huwiex veru.
Jekk nieħdu, per eżempju, is-settur tal-manifattura nsibu li fl-1995 dan ipproduċa b'madwar Lm906 miljun worth of goods. Fl-1996 dan l-ammont niżel għal Lm862 miljun. Jekk naraw dan kif inhu maqsum insibu li l-mod li bih beda jonqos il-manufacturing output kien konsistenti qabel ma tela' fil-gvern il-Partit Laburista. Fil-qasam tat-turiżmu naraw li fl-1995 il-figura kienet ta' Lm232 miljun filwaqt li fl-1996 din niżlet għal Lm228 miljun. L-importazzjoni ta' supplies industrijali fl-1996 naqset bi Lm23 miljun u niżlet għall-figura ta' Lm598 miljun. Fl-istess sena d-dħul ordinarju tal-Gvern naqas b'14% għal Lm446 miljun u l-ispiża - din m'hijiex ħaġa pożittiva - kellha tiżdied b'5%. Jekk imbagħad naraw id-debitu nazzjonali insibu li fl-1987 dan tela' għal 48.6% u jekk tgħodd id-debiti tal-korporazzjonijiet issib li dawn jammontaw għal madwar Lm1 biljun, jiġifieri daqs il-GDP.
Jien ma neħux pjaċir nagħti dawn il-figuri u nippreferi li kieku l-affarijiet kienu l-oppost imma għamilt dan għaliex ma naħsibx li huwa leali li wieħed jipprova jagħti stampa li qisu l-affarijiet bdew sejrin lura minn mindu tela' fil-gvern il-Partit Laburista. Jekk inħarsu lejn dak li jissejjaħ l-economic growth - wieħed hawnhekk irid jagħmel distinzjoni importanti bejn dak li hu l-kwalita' u l-kwantita' ta' l-economic growth - naraw li f'figuri reali f'ħames snin il-growth kien average ta' 4.7%. Fl-1995 in real terms kien ta' 6.2% u naħsbu li 2% minnhom kienu kaġun ta' l-introduzzjoni tal-VAT minħabba l-ekonomija li ma kenitx qed tiġi mkejla. Dan ifisser li fl-1995 l-economic growth - jekk inneħħu dawk it-2% - kien ta' 4.2%. Jekk imbagħad wieħed inħares lejn kif kien l-economic growth in real terms fl-1996, iżjed jibda jinkwieta għaliex insibu li f'termini reali dan kien ta' 3.1% u jekk inħarsu lejn il-kwalita' minflok lejn il-kwantita', aktar ninkwetaw għaliex l-input tal-growth kien dovut għal infiq iktar min-naħa tal-konsumatur u infiq akbar min-naħa tal-Gvern, probabbli minħabba li kienet riesqa l-elezzjoni.
Mr Speaker, meta wieħed iħares lejn dawn il-figuri għandu jiżen id-diskors ta' l-Oppożizzjoni meta tgħid li kif tela' Gvern Laburista kien hemm rigress. Dan m'hu veru xejn u l-Oppożizzjoni għandha taċċetta li l-poplu Malti tella' Gvern ġdid u ma toqgħodx tipprova tissostanzja ċerti kwestjonijiet li m'humiex minnhom; għandha taċċetta s-sitwazzjoni kif inhi. Lill-Oppożizzjoni ngħidilha li l-aktar mod li bih tkabbar l-inċertezza - li tant jitkellmu dwarha - u l-islowdown fl-ekonomija huwa billi titkellem dwarha u tirrepetiha. Jien naħseb li l-Oppożizzjoni għandha tkun responsabbli u tevalwa l-fatti fil-perspettiva vera tagħhom. Jien, kif għidt fil-bidu tad-diskors tiegħi, ma rridx inkun kontenzjuż u kelli nagħmel din ir-rimarka u nagħti dawn il-figuri għaliex kien hemm kelliema li għamlu riferenza għall-istat ta' l-ekonomija fil-pajjiż.
Mr Speaker, it-tieni punt li xtaqt nitkellem dwaru u li tqajjem minn diversi kelliema kien dwar l-istrateġija tal-Gvern u jekk jeżistix pjan industrijali. L-ewwel ħaġa, waħda mir-rimarki li wieħed jisma' kostantement mill-korpi kostitwiti kif ukoll mill-esperti li jifformaw ir-Ramboll team huwa li l-Gvern preċedenti ma kellux pjan jew strateġija industrijali. L-industrija kienet qed taħdem f'vacuum f'dak li għandu x'jaqsam ma' l-istrateġija industrijali. Ħalli issa naraw x'inhi l-istrateġija li qed inressqu 'l quddiem aħna.
L-ewwelnett huwa importanti li jkollok ekonomija bilanċjata u l-bilanċ irid ikun bejn l-oqsma differenti u importanti ta' l-ekonomija. Irid ikun hemm bilanċ bejn dik li tissejjaħ produzzjoni diretta, bejn is-servizzi tas-suq u s-servizzi li m'humiex tas-suq b'mod li dan il-bilanċ ikun lest li jilqa' għall-vulnerabilita', li tista' tiġi minn forzi esterni li wara kollox m'humiex fil-kontroll ta' l-awtoritajiet nazzjonali. X'għandu jkun dan il-bilanċ jiddefinih min ikun qed imexxi, fis-sens li l-Gvern irid jara x'bilanċ jaħseb li għandu jinżamm. Għalhekk jien għidt li huwa importanti li gvern ikollu strateġija industrijali - dak li qabel kien jissejjaħ pjan industrijali - għaliex il-bilanċ irid jinstab skond din id-direzzjoni.
Rigward is-settur tal-manifattura, dan għandu jkun kapaċi jżomm il-kontribuzzjoni li kien qed jagħti bħala persentaġġ tal-kontribuzzjoni diretta għall-ekonomija in ġenerali. Kif qed inħarsu aħna lejn il-produzzjoni diretta? Aħna qed inħarsu lejn il-produzzjoni diretta fuq erba' binarji prinċipali; l-ewwelnett aħna nemmnu li m'għandux ikun hemm riduzzjoni fil-kontribuzzjoni tal-kumpanniji barranin eżistenti f'Malta fl-ekonomija tal-pajjiż - jiġifieri l-kumpanniji preżenti għandhom mhux biss iżommu r-ritmu bħala input jew persentaġġ fl-ekonomija nazzjonali ta' pajjiżna imma għandhom jaraw kif ikomplu jikbru miegħu - it-tieni nett għandu jkun hemm żieda fil-livell ta' investiment ġdid f'pajjiżna f'setturi differenti - kif wieħed jista' japprezza, dan il-qasam huwa wieħed importanti u minkejja diffikultajiet li 'l quddiem niġi għalihom, wieħed għandu japprezza li għandu jsir sforz sħiħ biex il-livell ta' l-investiment dirett barrani jiżdied -

it-tielet li s-settur tal-manifattura lokali jkun kapaċi jgħix fid-dinja tas-suq ħieles billi jkun kapaċi hu stess jirristruttura ruħu u r-raba' li jiżdied in-numru ta' intrapriżi ġodda fil-manifattura fl-ambitu lokali.


Dawn l-erba' punti huma l-bażi, il-qalb ta’ dak li qed jiġi propost fl-abbozz ta’ liġi li għandna quddiemna. Meta aħna niġu biex niddiskutu qasam qasam, wieħed irid japprezza li dan l-abbozz ta’ liġi ġie proprju tailor made biex dawn l-erba' oqsma individwali iżda li huma relatati wkoll ma' xulxin, ikollhom il-qafas legali għall-iżvilupp neċessarju. L-abbozz ta' liġi stess jagħmilha ċara li l-fabbriki eżistenti u dawk li se jibdew jaħdmu għandhom jingħataw l-għajnuniet skond dawk kontemplati fl-IDA, iżda meta dawk l-għajnuniet fiskali kontemplati jieqfu m'għandux jieqaf l-investiment. In-naħa l-oħra qalet li sakemm spiċċat mill-Gvern ma kenitx ippreparat l-abbozz ta' liġi dwar l-għajnuna legali fil-qasam tat-taxxa għax ħasset li ma kienx għad hemm bżonnu u kellhom jippreparawh għaliex l-iskema kellha tiskadi fis-sena 2000. Jien naħseb li dan l-argument ma tantx hu serju għaliex kumpanniji li huma ta' ċerta entita' jibdew jippjanaw investiment ġdid minn żmien qabel. Jekk wieħed jaħseb li kumpannija tagħmel l-istrateġija industrijali tagħha mil-lum għal għada, jiżbalja. Fil-fatt, kif jaf kulħadd, sakemm jiskadu diversi opportunitajiet li kienet tagħti l-IDA kien baqa', bejn wieħed u ieħor, minn tlieta sa erba' snin u kumpanniji li jkunu fil-qagħda li jerġgħu jibdew jikkontemplaw investiment ġdid, speċjalment meta l-investiment ikun qawwi kif qegħdin nantiċipaw f'ċerti fabbriki, dan irid jiġi maħsub minn żmien qabel.
Meta l-Oppożizzjoni titkellem fuq nuqqas ta' fiduċja jien ngħidilha li jkun tajjeb li jitkellmu direttament ma' l-industrijalisti - apparentement qabel ma tantx kien isir djalogu ma' l-industrijalisti - biex jaraw x'inhi verament il-pożizzjoni ta' dawk l-industriji li huma b'saħħithom. Jien ngħid illi li kieku l-industrijalisti ma kellhomx fiduċja f'pajjiżna, kif qed jipprovaw ipinġu tan-naħa l-Oppożizzjoni, kieku ma kenux iħeġġuna huma stess sabiex ngħaddu din il-liġi kemm jista' jkun malajr biex ikunu jistgħu jieħdu ċerti deċiżjonijiet strateġiċi dwar fejn se jkabbru l-investiment tagħhom. Jien għandi l-pjaċir ngħid hawnhekk li l-SGS Thomson, kumpannija ewlenija li għandna f'pajjiżna, mhux talli marret mill-fażi ta' Kirkop 1 għal Kirkop 2 imma aktarx se timxi għall-fażi ta' Kirkop 3. Wieħed japprezza l-fiduċja li din il-kumpannija għandha f'pajjiżna u t-tip ta' investiment li se tagħmel, li se jkun wieħed li jtejjeb it-teknoloġija f'dak li għandu x'jaqsam mal-microchips - għax huma jispeċjalizzaw f'dan il-qasam - se jgħin biex ikun hemm investiment teknoloġiku qawwi kif kien hemm fl-imgħoddi.
Eżempju ieħor huwa dak tal-kumpannija Brandstaetter. Kieku ma kienx hawn fiduċja fil-pajjiż, kieku din il-kumpannija ma kenitx tiddeċiedi li toħroġ parti mill-Lm5 miljun li hemm bżonn biex jinbena qasam ta' fabbriki ġdid ġo Ħal Far. Kieku m'hawnx ċerta fiduċja f'pajjiżna kieku kumpannija li għadha kemm nefqet Lm3 miljun f'fabbrika li għandha x'taqsam ma' l-ipproċessar ta' l-ikel ma kenitx titħajjar biex terġa' tiżviluppa fabbrika oħra ta' l-istess daqs bl-istess investiment. Meta nisma' lil min jgħid li l-industrijalisti jħossuhom inċerti u qegħdin jinkwetaw jien ngħid li dan il-ħsieb huwa biss f'min qiegħed jgħidu għax l-industrijalisti li niltaqgħu magħhom aħna - u ltqajna ma' biżibilju minn mindu tlajna fil-gvern - ma wrewx il-preokkupazzjoni li qed turi l-Oppożizzjoni. Jien nista’ ngħid ukoll - u dan huwa termometru ta' dak li jeżisti bħala ħsieb f'pajjiżna - li jekk wieħed iħares lejn dawk il-proġetti li kienu on-line - jiġifieri li kienet qed issir il-ħmira dwarhom - qabel l-elezzjonijiet ġenerali sabiex jara jekk dawn irtirawx jew le, isib li dawn mhux biss ma rtirawx talli baqgħu għaddejjin bl-istess ritmu. Per eżempju, fit-Technopark din is-sena ġew approvati ħames proġetti ġodda li nisperaw li jibdew joperaw fil-ġejjieni. Jiġifieri meta wieħed jisma’ dan il-kliem dwar nuqqas ta' fiduċja u inċertezza wieħed jibda jissuspetta li dawn qegħdin jiġu ripetuti għal skopijiet ta' partiġġjaniżmu li m'għandux ikun fejn għandha x'taqsam il-politika industrijali tal-pajjiż.
Jien xtaqt nitkellem ukoll fuq il-kritika - għax hija relatata magħha - li saret il-ħin kollu dwar il-politika ta' dan il-Gvern fil-konfront tal-European Union. Aħna m'aħniex Ewropej jew Mediterranji - għaliex xi ħadd għoġbu jsejħilna hekk - inferjuri għaliex m'aħniex fil-Euopean Union. L-ispostament ta' l-argument ta' l-Oppożizzjoni li għaliex Malta m'hijiex se tidħol fil-European Union qisha m'hijiex pajjiż Ewropew huwa wieħed żbaljat għal kollox. Jekk hemm qasam fejn dan l-argument ma jistax jintuża huwa proprju fejn tidħol il-politika industrijali għaliex f'dan il-qasam fejn il-Gvern qed jipproponi li l-pożizzjoni ma tkunx inferjuri għal sħubija sħiħa u li għandu jkun hemm zona industrijali ħielsa. Allura jien ngħid lill-Oppożizzjoni - li apparentement ma tistax taċċetta l-fatt li l-politika barranija ta’ dan il-Gvern fil-konfront ta' l-Unjoni Ewropea hija waħda ta' relazzjoni mill-qrib f'ċerti oqsma mingħajr sħubija sħiħa - li fil-qasam industrijali mhux talli wieħed m’għandux jipprova juża dan id-dibattitu biex jallarma billi jgħid li l-pożizzjoni ta' Malta se tiġi aggravata fin-nuqqas ta' sħubija ma' l-Unjoni Ewropea, talli jekk hemm qasam li veru mhux se jkun inferjuri huwa proprju fejn tidħol il-politika industrijali.
Meta aħna nitkellmu mar-rappreżentanti tal-kummissjoni ta' l-Unjoni Ewropea dwar il-politika tagħna fil-qasam industrijali aħna qed nagħmluha ċara li l-intendiment ta' dan il-Gvern huwa proprju biex jasal għal industrial free zone. Il-kelma "industrijali" qiegħda magħżula u meqjusa apposta għax hekk inħossu li jaqbel għall-pajjiż. Kieku nħossu li għall-pajjiż jaqbel politika differenti kieku ma ninsistux fuq din il-politika, imma aħna nħossu li għal Malta dan li qed nipproponu aħna huwa aħjar u aqwa minn sħubija sħiħa. Qed ngħidu hekk għaliex illum Malta m'hijiex membru tal-European Union u allura meta n-Nazzjonalisti joqogħdu jitkellmu fuq l-investiment li ġabu matul iż-żmien li kienu fil-gvern bl-intiża ta' proġetti - fost dawn il-proġetti ssemma wieħed li għandu x'jaqsam ma' Hugo Boss - li kellhom l-intenzjoni li jiġu hawn u jagħmlu t-tikketta "Made in the European Union" fuq il-prodotti tagħhom, jien ngħidilhom li huma ma kenux daħlu fil-European Union, anzi ma kenux jafu meta se jidħlu. Skond l-argument tagħhom stess, il-fatt li ma kenux daħlu ma kienx neħħa l-opportunita' ta' l-investiment, għaliex pajjiż ma jkunx Ewropew għaliex ikun fil-European Union. Meta inti tara l-possibbiltajiet li qed joffri l-Gvern fil-politika industrijali m'għandekx tkompli tħambaq fuq is-sħubija sħiħa fil-European Union għaliex f'dan il-qasam aħna proprju m'aħniex qed nippreżentaw politika inferjuri għal sħubija sħiħa. Aħna qed ngħidu li fejn għandha x'taqsam l-industrija u l-manifattura, aħna nipproponu li għandna jkollna ftehim li ma jkunx inferjuri. Jekk fil-qasam industrijali naslu għal dan wieħed jara li hemm vantaġġi oħrajn li verament kienu jintilfu kieku aħna konna nkunu membri sħaħ. Ħalli nieħu xi żewġ eżempji.
Kieku aħna konna membri sħaħ, wieħed seta' jikkontempla li tiġi rinovata l-konċessjoni - verament kull sena tiġi rinovata - li għandna għall-esportazzjoni ta' prodotti li ħafna minnhom imorru lejn l-Istati Uniti? Li kieku Malta kienet membru sħiħ ta' l-Unjoni Ewropea, ma kenitx tkun tista' tibbenefika mill-qasam ta' investiment - il-fondi li l-Oppożizzjoni ssejħilhom strutturali - li huwa sostanzjali li se jagħmlu l-pajjiżi ta' l-Ewropa għal dak li għandu x'jaqsam mal-proċess imsejjaħ MEDA. Malta se tibbenefika minn dan il-proċess għaliex m'hijiex membru sħiħ ta' l-Unjoni Ewropea. In-naħa l-oħra ma tkellmitx dwar dan imma tkellmet biss fuq x'seta' jakkwista l-pajjiż. Fl-istess nifs imbagħad l-Oppożizzjoni titkellem kontinwament fuq il-problema tal-qgħad f'pajjiżna. Jien nixtieq li ngħid xi ħaġa fil-qosor dwar il-politika tal-Gvern fejn għandu x'jaqsam il-labour market.
Mr Speaker, l-ewwelnett jien qbadt l-argument li l-Oppożizzjoni titkellem fuq il-qasam ta' l-impjiegi u tagħti l-impressjoni li s-settur tal-manifattura kienet tagħtih importanza daqs is-settur tas-servizzi. Meta wieħed iħares lejn kif żdiedu l-impjiegi matul is-snin 1991-1996, jara li dan mhux minnu għaliex fis-settur tal-manifattura, fl-1991 kien hemm 29,674 impjegat filwaqt li fl-aħħar ta' l-1996 kien hemm 29,691 impjegat. Dan ifisser li għalkemm l-impjiegi fil-pajjiż żdiedu matul medda ta' ħames snin, fil-manifattura dawn baqgħu kważi kostanti. Jekk imbagħad inħarsu lejn il-qasam tas-servizzi nsibu li l-impjiegi żdiedu minn madwar 36,000 għal madwar 47,000, żieda ta' 11,000 impjieg. Dan ifisser li waqt li l-impjiegi in ġenerali żdiedu, l-impiegi fil-qasam tal-manifattura ma żdidux bl-istess rata. Wieħed irid jgħid li aktar ma jgħaddi ż-żmien aktar hemm inter-dipendenza bejn iż-żewġ oqsma. Jiena ma rridx ngħid u ma rridx niġi interpretat li qed ngħid li għandu jkun hemm żbilanċ bejn dawn iż-żewġ oqsma - aktar ma jkun hemm inter-dipendenza bejniethom, aktar ikun aħjar - pero' huwa fatt li ma jista' jirrifjutah ħadd li fil-qasam tas-servizzi l-affarijiet żviluppaw b'ritmu differenti milli żviluppaw fil-qasam tal-manifattura.
Mr Speaker, wieħed irid japprezza wkoll li fil-qasam tal-manifattura l-pajjiż kellu, u għad għandu, sfidi kbar. Ta' xejn wieħed joqgħod jgħid li ġraw ċerti ħwejjeġ fil-qasam industrijali, meta ma jkunx realistiku għall-politika internazzjonali industrijali li hawn madwarna. Aħna smajna kif tkellmu ċerti membri taż-żewġ naħat tal-Kamra dwar problemi li tiffaċċja l-industrija tal-lum; għandna l-problema li m'għandniex suq domestiku u għandna wkoll il-problema li għandna pajjiżi fil-Lvant ta' l-Ewropa u anke fl-Afrika ta' Fuq li huma kompetituri tagħna. Nafu wkoll li bit-tibdil sħiħ tal-mentalita' dwar is-suq, hemm pajjiżi oħra li wkoll jinsabu fit-triq ta' l-iżvilupp. M'iniex qed nirriferi għaċ-Ċina fejn hemm suq domestiku enormi, imma qed nirriferi għal pajjiżi bħal Vietnam li wkoll qed jikkompeti għaliex jipproduċi mano d'opera li hija rħisa.
Meta naraw dawn l-isfidi kollha, aħna għandna nirrikkonoxxu l-possibbiltajiet tal-pajjiżi l-oħra biex nibnu l-fiduċja fuq dak li hu b'saħħtu. U pajjiżna x'għandu b'saħħtu? L-ewwel ħaġa li għandna nirrikonoxxu hija li għalkemm pajjiżna huwa żgħir, għandu ħafna x'joffri. M'għandniex nimmaġinaw li għandna xi ġgant ċkejken industrijali, bħal forsi pajjiżi li huma ċkejknin u għandhom ekonomija żviluppata ħafna, pero' xorta waħda għandna ħafna x'noffru. Il-pożizzjoni ta' pajjiżna hija waħda ideali u għalkemm ma' l-Ewropa m'aħniex - kif qal wieħed mill-kelliema - fuq il-mainland, min-naħa l-oħra qegħdin ħafna iktar viċin suq kbir ta' tliet miljun ruħ fin-naħa ta' fuq ta' l-Afrika. Dan is-suq żgur li għadu ma ġiex żviluppat kif imissu jiġi żviluppat. Aħna nafu li 75% ta' dak li għandu x'jaqsam ma' esportazzjoni, importazzjoni u anke turiżmu hija ma' l-Unjoni Ewropea u jekk taqta' dak li jmur lejn l-Amerka tinduna li hemm suq sħiħ li għadu ma ġiex żviluppat.
Mr Speaker, suq ieħor li ma ġiex żviluppat huwa proprju l-Lvant ta' l-Ewropa. Aħna nitkellmu fuq il-Lvant ta' l-Ewropa billi ngħidu li dawn qed jipprovaw jissieħbu ma' l-Unjoni Ewropea ħalli jkunu hemm qabilna, u allura minflok narawh bħala suq, qed narawh biss bħala kompetitur. Kieku l-Gvern preċedenti uża aktar moħħu u għaraf il-fatt li ħafna minn dawn il-pajjiżi li qegħdin fil-Lvant ta' l-Ewropa għandhom ftehim ta' assoċjazzjoni ma' l-EFTA, kien jara li din il-parti ta' l-Ewropa m'għandniex inqisuha biss bħala kompetitur tagħna imma għandna nqisuha wkoll bħala li tista' tkun suq. Pero' minħabba traskuraġni u forsi, biex ngħid hekk, għaliex ma kienx hemm dik il-ħajra li jkomplu d-diskussjonijiet mar-rappreżentanti ta' l-EFTA, din il-possibbilta' intilfet. It-triq tal-Gvern Nazzjonalista kienet biss lejn l-Ewropa u għalkemm kellu r-raġunijiet tiegħu - raġunijiet li aħna ma naqblux magħhom - jien naħseb li kien żball li ttraskura toroq oħrajn.
Madam Speaker, qabel ma nikkonkludi xtaqt nirriferi għad-diskors li ntqal rigward il-fatt li dan l-abbozz ta' liġi huwa mibni fuq abbozz preċedenti li tressaq mill-ex-Ministru Josef Bonniċi. Dan huwa veru u jekk kien hemm xi ħaġa li jien dejjem sħaqt fuqha minn mindu nħtart bħala Ministru hija l-ħtieġa tal-kontinwita' fil-qasam ta' l-industrija u f'oqsma oħrajn li huma ta' importanza nazzjonali, bħalma huwa s-settur tat-turiżmu. M'hemmx dubju li meta jiena bdejt naġixxi bħala Ministru, dan ma kienx biss bil-kliem imma anke bil-fatti, għaliex kif ħadt ċerti deċiżjonijiet deher ċar li t-triq li għażilt kienet waħda ta' kontinwita' billi bnejt u saħħaħt fuq dak li sibt li deherli li kien tajjeb u dak li deherli li ma kienx adattat għall-politika tagħna ttrimjajtu biex jiġi adattat. Imma meta jkun hawn min jgħid li dan l-abbozz ta' liġi huwa mibni kollu kemm hu fuq abbozz ta' liġi preċedenti, ma jkunx qed jgħid il-verita'. Qed ngħid dan għaliex jekk nagħmlu bħat-tfal iż-żgħar u noqogħdu ngħoddu l-paġni, insibu li l-abbozz ta' liġi li kien tressaq taħt l-Amministrazzjoni preċedenti kellu ħames paġni u dan għandu d-doppju. Jiġifieri barra li aħna bnejna fuq dak li deherilna li kien fl-interess ta' l-industrija u fl-interess tal-politika industrijali tal-pajjiż, għamilna daqstant ħwejjeġ ġodda li dehrilna li kellna bżonnhom biex insaħħu dak li sibna bħala l-Liġi li Tirregola l-Qasam Industrijali.
Madam Speaker, jien nikkonkludi billi ngħid li fl-istadju tal-Kumitat se jiġu proposti ċerti emendi ġodda - li se ngħaddi lill-kollegi tiegħi tan-naħa ta' l-Oppożizzjoni - sabiex inkunu nistgħu niddiskutuhom u b'hekk nagħmlu liġi li verament tagħti fiduċja u kunfidenza lill-industrija Maltija. Nirringrazzjak.
MADAM SPEAKER: Grazzi. Il-mistoqsija hi li l-Abbozz ta' Liġi msejjaħ "Att biex jemenda l-Att dwar l-Iżvilupp Industrijali, Kap. 325", ikun moqri t-Tieni Darba. Dawk favur? (Onor. Membri: Aye) Dawk kontra? (Onor. Membri: No) Carried.
Il-mozzjoni għaddiet u l-Abbozz ta' Liġi ġie moqri t-Tieni Darba.
MADAM SPEAKER: Il-Ministru ta' l-Affarijiet Ekonomiċi u ta' l-Industrija.
ONOR. ATTARD MONTALTO: Nipproponi li dan l-Abbozz ta' Liġi li għadna kemm għaddejna mill-istadju tat-Tieni Qari jkun trattat mill-Kumitat Permanenti għall-Konsiderazzjoni ta' Abbozzi ta' Liġi.
MADAM SPEAKER: Min jissekonda, jekk jogħġobkom?
ONOR JOSEF BONNICI: Nissekonda.
MADAM SPEAKER: Il-mistoqsija hi li l-Abbozz ta' Liġi biex jemenda l-Att dwar l-Iżvilupp Industrijali, jiġi trattat mill-Kumitat Permanenti għall-Konsiderazzjoni ta' Abbozzi ta' Liġi. Dawk favur? (Onor. Membri: Aye) Dawk kontra? Agreed
Il-mozzjoni għaddiet nem. con.
MADAM SPEAKER: Il-Viċi Prim Ministru.
ONOR. GEORGE VELLA: Madam Speaker, nixtieq ninforma lill-Kamra li fuq il-Kumitat Permanenti għall-Konsiderazzjoni ta’ Abbozzi ta’ Liġi maħtur biex jikkonsidra l-Abbozz ta’ Liġi li jemenda l-Att dwar l-Iżvilupp Industrijali fl-istadju ta’ Kumitat, min-naħa tal-Gvern qed jiġu appuntati l-Ministru għall-Affarijiet Ekonomiċi u ta’ l-Industrija, is-Segretarju Parlamentari għas-Self-Employed u s-Segretarju Parlamentari għad-Drittijiet tan-Nisa.
MADAM SPEAKER: Grazzi. L-Onor. Borg.
ONOR. JOE BORG: Ninforma lill-Kamra li l-membri għan-naħa ta’ l-Oppożizzjoni appuntati fuq l-istess kumitat huma l-Onor. Josef Bonnici, l-Onor. Michael Frendo u jiena stess.
MADAM SPEAKER: Grazzi. Sar il-ħin. Il-Viċi Prim Ministru, jekk jogħġbu, iressaq l-Aġġornament.

Yüklə 365,43 Kb.

Dostları ilə paylaş:
1   2   3   4   5




Verilənlər bazası müəlliflik hüququ ilə müdafiə olunur ©muhaz.org 2024
rəhbərliyinə müraciət

gir | qeydiyyatdan keç
    Ana səhifə


yükləyin