Malta debates tal-kamra tad-deputati

Sizin üçün oyun:

Google Play'də əldə edin


Yüklə 490.66 Kb.
səhifə1/8
tarix07.01.2019
ölçüsü490.66 Kb.
  1   2   3   4   5   6   7   8

MALTA

DEBATES TAL-KAMRA TAD-DEPUTATI
(Rapport Ufficjali u Rivedut)


ID-DISA' PARLAMENT

Seduta Nru. 81


It-Tnejn, 29 ta' Marzu, 1999

Stampat fl-Ufficcju ta' l-Iskrivan

Kamra tad-Deputati

MALTA

Prezz Lm1


ID-DISA' PARLAMENT


Seduta Nru. 81

It-Tnejn, 29 ta' Marzu, 1999

Il-Kamra tad-Deputati ltaqghet fil-Kamra tal-Parlament,

il-Palazz, il-Belt Valletta, fis-6.07 p.m.

Talba

SEDUTA NRU. 81
It-Tnejn, 29 ta' Marzu, 1999
WERREJ

MINUTI 1

PETIZZJONI 1

MISTOQSIJIET - TWEĠIBIET ORALI 2

TQEGĦID TA' KARTI 6

MOZZJONI TA’ RINGRAZZJAMENT LILL-E.T. UGO MIFSUD BONNICI 7

MOZZJONI DWAR IL-ĦATRA TA’ PRESIDENT TAR-REPUBBLIKA 13

MOZZJONI DWAR IL-ĦATRA TA’ PRESIDENT TAR-REPUBBLIKA 21

AĠĠORNAMENT 28



MISTOQSIJIET GĦAL TWEĠIBIET ORALI MWIEĠBA BIL-MIKTUB 29



MINUTI



Il-Minuti tas-Seduta Nru. 80 li saret fl-24 ta' Marzu, 1999 ġew konfermati.
MR SPEAKER (Onor. Anton Tabone): L-Onor. Jeffrey Pullicino Orlando.

PETIZZJONI



ONOR. JEFFREY PULLICINO ORLANDO: Grazzi, Mr Speaker. F'dawn l-aħħar jiem, kemm jien kif ukoll l-Onor. George Vella ġejna avviċinati minn grupp ta' residenti mis-Siġġiewi, li ħaduha f'idejhom biex jiġbru l-firem kontra l-iżvilupp ta' simenterija fil-limiti tas-Siġġiewi, li għaliha hemm applikazzjoni quddiem l-awtorita' ta' l-ippjanar.
M'għandix il-ħin biex nidħol fid-dannu kbir li żvilupp bħal dan jista' jagħmel mhux biss lill-industriji lokali oħrajn - fil-fatt nafu li l-ST Micro Electronics ressqu xi ilmenti f'dan ir-rigward - u lanqas se noqgħod nitkellem fuq il-ħsara li żvilupp bħal dan jista' jagħmel lill-industrija tat-turiżmu, pero' ngħid biss li huwa ppruvat li dan jikkawża ħsara lis-saħħa, speċjalment ta' dawk li jkunu within a five-mile radius and to a limited extent ta’ dawk li jkunu within a twenty-mile radius. Dan ifisser li prattikament se tkun milquta l-gżira kollha.
Mr Speaker, il-petizzjoni tgħid hekk:
Aħna hawn taħt iffirmati qegħdin noġġezzjonaw bil-qawwa kollha għall-bini ta' simenterija mhux biss fil-limiti tas-Siġġiewi iżda f'Malta kollha.
Aħna nappoġġaw lill-kunsilli lokali kollha fil-ħidma tagħhom kontra l-bini ta' din is-simenterija.
Żvilupp bħal dan, Mr Speaker, huwa ppruvat li jikkawża partikolarment il-mard tal-kanċer, speċifikament fit-trabi, u għalhekk nitlob lill-Kamra biex kemm jista' jkun kull membru tagħha jagħti l-appoġġ tiegħu għal din il-petizzjoni. Nirringrazzjak.
MR SPEAKER: Grazzi. Ngħaddu issa għall-mistoqsijiet. L-Onor. Silvio Parnis.

MISTOQSIJIET - TWEĠIBIET ORALI



XANDIR - FREKWENZI TAR-RADJU

3980. L-ONOR. SILVIO PARNIS staqsa lill-Ministru ta' l-Edukazzjoni: Jista' l-Ministru jgħid kemm hawn frekwenzi tar-radju vakanti bħalissa?
ONOR. LAWRENCE GONZI (Ministru għall-Politika Soċjali) (f'isem il-Ministru ta' l-Edukazzjoni): Il-mistoqsija għandha tiġi riferuta lill-ministru li fid-dekasteru tiegħu hemm l-uffiċċju tal-wireless telegraphy.


RAĦAL ĠDID - POLIKLINIKA

3981. L-ONOR. SILVIO PARNIS staqsa lill-Ministru tas-Saħħa: Jista' l-Ministru jgħid fiex waslu n-negozjati u meta se jinbeda x-xogħol ta' estensjoni tal-poliklinika ta' Raħal Ġdid? Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-pjanti dwar dan ix-xogħol?
ONOR. LOUIS DEGUARA (Ministru tas-Saħħa): Ninforma lill-Onor. Interpellant li meta d-dipartiment fl-1995 sar jaf li s-sular ta' fuq iċ-ċentru tas-saħħa ta' Raħal Ġdid se jiġi vakat, beda proċeduri mal-lands biex is-sular battal jintuża bħala estensjoni taċ-ċentru tas-saħħa.
Il-pjanti għadhom qed jiġu ffinalizzati u huwa ppjanat li jinbeda xi xogħol lejn tmiem din is-sena.

MR SPEAKER: L-Onor. Parnis, mistoqsija supplimentari.
ONOR. SILVIO PARNIS: Jista' l-Ministru jgħid jekk l-ispiżerija ta' Raħal Ġdid hijiex se tkun inkluża fl-estensjoni tal-proġett peress li bħalissa f'din l-ispiżerija qed ikun hemm ħafna lmenti minħabba li l-post huwa żgħir?
MR SPEAKER: Il-Ministru.
ONOR. LOUIS DEGUARA: Bħal fil-każ taċ-ċentru tas-saħħa tal-Mosta, li jkopri n-north ta' Malta kollu, bħalissa ċ-ċentru tas-saħħa ta' Raħal Ġdid qiegħed ukoll jieħu x-xogħol taċ-ċentru tas-saħħa ta' Bormla. Jien informat li dan iċ-ċentru għandu jiftaħ għall-ħabta ta' nofs din is-sena - ovvjament tinfetaħ ukoll l-ispiżerija - u allura numru sostanzjali ta' dawk li llum qegħdin jirrikorru ġewwa l-health centre ta' Raħal Ġdid ikunu jistgħu jinqdew minn hemmhekk.
Irrid infakkar lill-Onor. Interpellant li qabel ma kien għalaq il-health centre ta' Bormla ma kienx ikollna dawk il-queues li qed ikun hemm bħalissa ġewwa Raħal Ġdid u għalhekk wieħed jittama u jistenna li s-sitwazzjoni terġa' tiġi għan-normal ladarba jinfetaħ iċ-ċentru tas-saħħa ta' Bormla.
MR SPEAKER: L-Onor. Joe Mizzi, mistoqsija supplimentari.
ONOR. JOE MIZZI: Jista' l-Ministru jara jekk huwiex possibbli li jżid il-ħinijiet tal-ftuħ tal-poliklinika ta' Bormla? Ir-raġuni hija li bħalissa hemm attivita' kbira għaddejja n-naħa tal-Kottonera - minħabba l-film li qed jinġibed hemmhekk - u allura jista' jkun hemm il-bżonn tal-poliklinika bil-lejl. Barra minn hekk issa dalwaqt jidħol is-sajf, ikun hemm ħafna nies li jmorru fuq ix-xtut u jista' jkun hemm xi każi fejn ikun hemm bżonn tas-servizzi tal-poliklinika.
MR SPEAKER: Il-Ministru.
ONOR. LOUIS DEGUARA: Ovvjament dak huwa l-ottimu li d-dipartiment qiegħed jimmira lejh, li l-health centre ta' Bormla tkun miftuħa għal 24 siegħa kuljum. Pero' kif jaf il-ħabib tiegħi bħalissa hemm problema ta' nuqqas ta' tobba, liema problema hija diffiċli ħafna biex tiġi riżolta qabel ma jilħaq il-grupp ġdid ta' tobba u wieħed ikun jista’ jieħu stock tas-sitwazzjoni. Madanakollu ma nsibx diffikulta' biex ngħid li s-suġġeriment ta' l-Onor. Interpellant se jiġi kkonsidrat.
MR SPEAKER: L-Onor. Carmelo Mifsud Bonnici, mistoqsija supplimentari.
ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI: Jista' l-Ministru jinformana f'liema stadju wasal ix-xogħol fuq dan iċ-ċentru? Meta hemm il-ħsieb li jinfetaħ? Jista' jgħidilna jekk hemmx il-ħsieb li jibda jiffunzjona mill-ewwel b’ċerta saħħa?
MR SPEAKER: Il-Ministru.
ONOR. LOUIS DEGUARA: Ix-xogħol fuq dan iċ-ċentru miexi b'mod mgħaġġel u huwa ppjanat li jinfetaħ għall-ħabta ta' nofs din is-sena. Dan iċ-ċentru fil-fatt se jkun l-ikbar wieħed u se jkun fih kumditajiet u ċerti faċilitajiet u servizzi li sal-lum ħafna mill-health centres għad m'għandhomx minkejja li ilhom miftuħin għal żmien twil. Kif diġa’ għedt, il-problema li teżisti biex dan iċ-ċentru jkun jista' jaħdem fuq medda ta' 24 siegħa hija n-nuqqas ta' tobba li għandna fil-livell tal-health centres.
Aħna diġa' konna tajna konferenza fuq il-post fejn semmejna l-firxa ta’ servizzi li se jkun hemm provduti. Ovvjament is-servizzi li se jkunu offruti minn ġewwa l-health centre ta' Bormla huma ferm aħjar u iżjed vasti minn dawk li kienu offruti qabel.
MR SPEAKER: L-Onor. Michael Farrugia, mistoqsija supplimentari.
ONOR. MICHAEL FARRUGIA: Taħt l-amministrazzjoni preċedenti kienet twaqqfet kummissjoni li kellha x'taqsam mat-tmexxija taċ-ċentri tas-saħħa fil-kura primarja u anke mal-mod kif isiru r-rosters, eċċ. Fil-fatt is-CGMO preżenti kien ta l-parir biex uħud miċ-ċentri tas-saħħa jingħalqu bil-lejl, ħaġa li l-gvern ta' dak inhar ma aċċettax. Fil-fatt kienet saret talba biex jekk jista’ jkun iċ-ċentri tas-saħħa - inkluż ta’ Birkirkara u Bormla - jiftħu by roster fuq bażi ta' 24 siegħa. Xtaqt nistaqsi lill-Ministru jekk dak ir-rapport kompliex jiġi diskuss u, jekk iva, f'liema stadju wasal.
MR SPEAKER: Il-Ministru.
ONOR. LOUIS DEGUARA: Nista' ngħid li l-idea li ċ-ċentri tas-saħħa jagħlqu bil-lejl ma ġietx diskussa iżjed. Kif diġa’ għedt, ir-raġuni għalfejn m’aħniex se niftħu l-health centre ta' Bormla għal 24 siegħa hija minħabba n-nuqqas ta' tobba. Ikun żball kbir jekk l-ewwel niftħu ċ-ċentru għal 24 siegħa mbagħad forsi jkun hemm xi riżenji ta’ tobba li jaħdmu fil-health centres u jkollna nerġgħu innaqqsu s-servizzi. Huwa għalhekk li ġie deċiż li sakemm jiġi korrett in-nuqqas ta' tobba, il-ftuħ tal-health centre ta' Bormla ikun għal sigħat limitati.
Rigward il-health centre ta' Birkirkara nista’ ngħid li hemmhekk qegħdin jingħataw ċerti servizzi bħal dawk tal-fiżjoterapija u patoloġija u nfetħet ukoll l-ispiżerija, pero’ minħabba n-nuqqas ta' tobba s'issa ma stajniex niftħuh. Kif jaf il-kollega tiegħi, ġejna avviċinati minn grupp ta' tobba privati sabiex dawn joffru dan is-servizz ġewwa l-health centres pero' dan is-suġġeriment għad irid ikompli jiġi diskuss u jinvolvi wkoll taħdidiet mal-unions għaliex hemm il-problema li se ddaħħal kondizzjonijiet tax-xogħol differenti minn ta’ dawk li diġa’ qegħdin jagħtu dan is-servizz. Nista’ ngħid li s’issa għadha ma ttieħdet ebda deċiżjoni.
MR SPEAKER: L-Onor. Carmelo Abela, mistoqsija supplimentari.

ONOR. CARMELO ABELA: Nixtieq nistaqsi lill-Ministru jekk hemmx il-ħsieb li fiż-Żejtun tinfetaħ poliklinika. Għal xi żmien kien qed jissemma' n-naħa tal-housing estate ta' Ġebel San Martin.
MR SPEAKER: Il-Ministru.
ONOR. LOUIS DEGUARA: Waqt li wieħed ma jiċħadx li ovvjament ikun ideali li ż-Żejtun jew l-inħawi ta' hemmhekk ikollhom health centre, wieħed irid jifhem ukoll li qabel ma nkomplu bil-proċess li niftħu health centres ġodda rridu naraw kif beħsiebna niżviluppaw is-servizzi fil-kura primarja. Wieħed irid jara wkoll fuq liema livell irridu nagħtu kura liċ-ċittadini tagħna u naħseb li għadu prematur li wieħed jitkellem dwar ftuħ ta’ health centres ġodda f'lokalitajiet differenti meta nafu li għad għandna diffikulta' biex immexxu l-health centres li għandna fil-preżent. Ovvjament din hija diffikulta' li jekk ma jitteħdux xi deċiżjonijiet dwarha, ‘il quddiem ikun ferm diffiċli biex nikkorreġuha.
MR SPEAKER: L-Onor. Mario Galea, mistoqsija supplimentari.
ONOR. MARIO GALEA: Jaħseb il-Ministru li l-fatt li jkun hemm madwar 100,000 ruħ f’sena li jattendu d-dipartiment ta' l-emerġenza - figura esaġerata għaliex allaħares terz tal-popolazzjoni tkun f'xi stat ta' emerġenza matul is-sena! - juri li ċ-ċentri tas-saħħa m'humiex jaqdu l-funzjoni sħiħa tagħhom?
MR SPEAKER: Il-Ministru.
ONOR. LOUIS DEGUARA: Il-fatt li f’sena jattendu 'l fuq minn 90,000 ruħ ġewwa d-dipartiment ta’ l-emerġenza fl-Isptar San Luqa jista' jkun ġej minn ħafna fatturi. L-ewwelnett naħseb li ħafna min-nies m’humiex konxji li l-health centres ukoll joffru servizz ta' emerġenza għalkemm limitat. Fil-fatt ċerti ittri li jidhru fil-gazzetti - niftakar ittra ta’ waħda mara li qalet li damet tistenna madwar sagħtejn u nofs fil-casualty department ta’ l-Isptar San Luqa biex jagħmlulha l-punti u fl-aħħar xebgħat, telqet 'il barra u marret ġol-health centre u faħħret ħafna s-servizz t'hemmhekk għaliex qalet li f'affari ta' għaxar minuti kienu diġa’ għamlula l-punti - juru proprju dan. Pero' rridu nammettu wkoll li l-mod kif żviluppajna l-health centres sal-lum forsi jinduċi lin-nies biex mingħajr ma jridu jirrikorru ġewwa d-dipartiment ta’ l-emerġenza ta' l-Isptar San Luqa. Qed ngħid hekk għaliex ċerti servizzi bħal, per eżempju, dak ta' l-X-ray ġewwa l-health centres huwa pjuttost limitat - hemmhekk filgħaxija ma jitteħdux X-rays - u allura jekk wieħed ikollu dubju ta' xi ksur jew weġġa' wara nofs inhar ovvjament ikollu jmur l-Isptar San Luqa.
Fattur ieħor li jġiegħel lin-nies jattendu l-Isptar San Luqa minflok imorru l-health centres huwa li ma jkunx hemm speċjalisti li wieħed jista’ jirriferi għalihom meta jittieħdu ċerti eżamijiet u allura ħafna drabi l-junior doctors fil-health centres jirriferu pazjenti għall-casualty department ta' l-isptar għaliex hemmhekk hemm back-up services f'dawk li huma speċjalisti ferm aħjar. Jiġifieri l-fatt li hemm daqstant nies li jattendu l-casualty department ta’ l-Isptar San Luqa huwa dovut in parti għaliex għadu ma rnexxilniex nedukaw lin-nies jużaw sew il-health centres u wkoll għaliex m'aħniex f'pożizzjoni li hemmhekk inpoġġu speċjalisti.
MR SPEAKER: L-Onor. Parnis.
ONOR. SILVIO PARNIS: Jista' l-Ministru jgħid jekk fid-diskussjonijiet dwar l-estensjoni tal-poliklinika ta’ Raħal Ġdid daħlux ukoll dipartimenti bħal dak tas-social security, il-posta u l-kunsill lokali?
La qed nitkellmu dwar polikliniċi, xtaqt nistaqsi wkoll lill-Ministru jekk hemmx il-ħsieb jew jekk sarux diskussjonijiet mal-Caritas jew mas-Sedqa biex kull meta drug addict imur fil-polikliniċi jitlob is-siringi, ma jaqbdux u jagħtuhomlu imma jkun hemm xi ħadd kwalifikat biex jispjegalu kif jista’ joħroġ mill-problema.

Nistaqsi wkoll lill-Ministru jekk hemmx il-ħsieb li fiċ-ċentru tas-saħħa ta' Bormla jkun hemm social workers, peress li fil-Kottonera jeżistu problemi soċjali kbar.


MR SPEAKER: Il-Ministru.
ONOR. LOUIS DEGUARA: Dwar jekk hemmx dipartimenti oħra nvoluti fid-diskussjonijiet dwar l-estensjoni tal-poliklinika ta’ Raħal Ġdid ikolli ngħid li m'għandix l-informazzjoni, pero' nista’ ngħid li meta kienu bdew id-diskussjonijiet fl-1995 - jien kont għadni segretarju parlamentari - deherilna li biex nipprovdu s-servizzi li wieħed kien jistenna li se jkun hemm bżonn ġewwa l-health centre ta’ Raħal Ġdid kien se jkollna bżonn is-sular kollu.
Dwar il-problemi tas-siringi, nista’ ngħid li din hija waħda perenni; hawn min jgħid li mhux sewwa li dawn jistgħu jieħdu s-siringi faċilment u hawn min jgħid li aħjar tagħmilha iktar faċli għaliex b’hekk tkun qed tnaqqas ir-riskju tal-mard li jista’ jinfirex meta d-drug addicts jużaw is-siringi ta’ xulxin. Barra minn hekk - għaliex aħna donna npoġġu dan l-enfasi kollu fuq is-siringi li qegħdin jitqassmu - dawn is-siringi wieħed jista' jixtrihom minn kull spiżerija mingħajr riċetta tat-tabib, jiġifieri m’huwiex xi oġġett diffiċli biex takkwistah. Jien naħseb li l-fatt li l-problema tal-hepatitis u l-AIDS għadna ma laħqitx il-livelli li hemm f’pajjiżi oħra juri li qegħdin nużaw it-triq it-tajba. Huwa veru li ta' spiss ikun hemm rapporti li nstabu siringi f'xi post jew ieħor pero', kif jaf l-Onor. Interpellant, huwa diffiċli tgħid jekk dawn ikunux siringi mogħtija mill-health centres jew inkella jkunux mixtrija minn spiżerija għaliex, kif diġa’ għedt, huwa faċli li bniedem jixtri siringi minn kwalunkwe spiżerija.
MR SPEAKER: L-Onor. Farrugia.
ONOR. MICHAEL FARRUGIA: Xtaqt nistaqsi lill-Ministru jekk għadux il-ħsieb li t-testijiet fl-anti-coagulant clinic jibdew isiru fiċ-ċentri tas-saħħa - qed nistaqsi dan minħabba li kienu nqalgħu xi problemi tekniċi min-naħa tad-dipartiment tal-patoloġija - u anke x’passi qegħdin jittieħdu biex tinżamm il-konfidenzjalita’ għal dak li jirrigwarda riżultati li jgħaddu bil-computer mil-laboratorju lejn is-swali u ċ-ċentri tas-saħħa.
MR SPEAKER: Il-Ministru.
ONOR. LOUIS DEGUARA: Dwar l-anti-coagulant clinic nista’ ngħid li bħalissa għadhom għaddejjin id-diskussjonijiet mal-laboratorju tal-patoloġija. Kif japprezza l-kollega tiegħi, l-unika ħaġa li hemm li tista' tikkrea diffikultajiet hija li s-samples ikunu jridu jaslu mill-health centres għal-laboratorju fi żmien nofs siegħa biex jibdew jinħadmu. Qegħdin naraw jekk hemmx min hu lest li jieħu d-demm kmieni, qabel ma jibda x-xogħol tal-health centre, jiġifieri għall-ħabta tas-7.00a.m., u qegħdin anke nesploraw il-possibbilta' ta’ couriers bil-mutur biex ikunu jistgħu jwasslu d-demm kemm jista' jkun malajr.

Dwar it-tieni parti tal-domanda li tirrigwarda l-konfidenzjalita', irrid ngħid li s-sistema komputerizzata hija magħmula b'mod li kull persuna li tista' tidħol fis-sistema għandha l-code number tagħha li allura jiġi rreġistrat. Fil-fatt għamilna exercise fejn ippruvajna nagħtu codes ħżiena jew codes wieħed ta' l-ieħor, u ħareġ ċar li m'hemmx lok fejn wieħed jista' jabbuża fuq il-konfidenzjalita' tar-riżultati. Fil-fatt fl-exercise li għamilna kien faċli ħafna li naslu biex niskopru min ta code ta' ħaddieħor apposta.


MR SPEAKER: Grazzi. Il-ħin tal-mistoqsijiet għadda. Ngħaddu issa għal Tqegħid ta' Karti. Il-Ministru għall-Politika Soċjali.


Dostları ilə paylaş:
  1   2   3   4   5   6   7   8
Orklarla döyüş:

Google Play'də əldə edin


Verilənlər bazası müəlliflik hüququ ilə müdafiə olunur ©muhaz.org 2017
rəhbərliyinə müraciət

    Ana səhifə