Malta debates tal-kamra tad-deputati



Yüklə 353,16 Kb.
səhifə4/6
tarix17.01.2019
ölçüsü353,16 Kb.
#99718
1   2   3   4   5   6

AĠĠORNAMENT



ONOR. JOE MIZZI: Nipproponi l-Aġġornament tal-Kamra għal nhar l-Erbgħa, 21 ta' Mejju, 1997, fis-6.00 p.m. b'din l-aġenda:
Abbozz ta' Liġi li jemenda l-Att dwar il-Eurocontrol - it-Tieni Qari;
Abbozz ta' Liġi dwar il-Condominia - it-Tieni Qari;
Abbozz ta' Liġi dwar l-Awditur Ġenerali u l-Uffiċċju Nazzjonali tal-Verifika - it-Tieni Qari;
Abbozz ta' Liġi li jemenda l-Kostituzzjoni ta' Malta - it-Tieni Qari; u
Abbozz ta' Liġi dwar it-Taxxa tad-Dwana u tas-Sisa - it-Tieni Qari.
----------------------------------
Abbozz ta' Liġi li jemenda l-Att dwar l-Iżvilupp Industrijali - Kumitat Permanenti;
Abbozz ta' Liġi li jemenda l-Att dwar il-Protezzjoni tal-Proprjeta' Industrijali - Kumitat Permanenti;
Abbozz ta' Liġi li jemenda l-Att dwar il-Portijiet Ħielsa ta' Malta - Kumitat Permanenti; u
Abbozz ta' Liġi li jemenda l-Att dwar l-Awtorita' Marittima ta' Malta - Kumitat Permanenti.
MADAM SPEAKER: Hawn rimarki? L-Onor. George Hyzler.
ONOR. GEORGE M. HYZLER: Madam Speaker, fis-seduta ta' nhar il-Ħamis li għadda, fid-diskussjoni dwar il-mozzjoni tal-Kap ta' l-Oppożizzjoni, smajna l-argument mill-kelliema tan-naħa l-oħra li l-Gvern għandu dan il-famuż mandat li jneħħi l-VAT u li jdaħħal il-liġi proposta tat-taxxi l-ġodda. Jien illum f'dawn il-ftit minuti nixtieq nittratta l-argument li qed jinġieb li t-tneħħija tal-VAT hija marbuta intimament mal-mandat elettorali li għandu dan il-Gvern. Nixtieq nistieden lill-Gvern biex jerġa' jħares sew lejn dak li wiegħed dwar it-tneħħija tal-VAT u jara jekk verament huwiex marbut li jagħmel dak li qed jipproponi jew jekk għandux, fl-interess tal-pajjiż u ta' l-irġulija, jerġa' jikkonsidra l-pożizzjoni tiegħu u jersaq qrib dak li kien ġie propost fir-riżoluzzjoni li kellha l-Kamra quddiemha nhar il-Ħamis li għadda.
M'hemmx dubju li l-Malta Labour Party ma wegħedx ħafna fil-programm elettorali konċiż tiegħu, anzi forsi għax kellu xi patt max-xitan żgur li ma wegħedx anġli jiżfnu. Il-wegħdiet kienu li joħroġ lil Malta mill-Partnership for Peace, li ma jidħolx fl-Unjoni Ewropea u li jneħħi l-VAT fi żmien sitt xhur. Dawn kienu wegħdiet li sa ċertu punt malajr tattwahom.
Mill-Partnership for Peace ħriġna b'daqqa ta' pinna; li nibdlu r-rotta ta' l-Ewropa kienet ħaġa faċli għax daħħalna l-applikazzjoni fil-friża u tajna ċans lill-pajjiżi l-oħra li kienu fil-queue warajna - bħar-Repubblika Ċeka - biex jaqbżuna; u l-wegħda li l-VAT titneħħa fl-ewwel sitt xhur kienet ftit iktar diffiċli u aktar komplessa biex tintlaħaq. Għalhekk din timmerita analisi xi ftit iktar profonda.
Il-wegħda tal-Partit Laburista rigward il-VAT kienet li jneħħu din it-taxxa u minflokha jdaħħlu s-sistema ta' dazji u sisa li kien hemm qabel Jannar 1995, wegħda li kienet immirata b'suċċess lejn iċ-ċittadin konsumatur kif ukoll lejn iċ-ċittadin negozjant, partikolarment iċ-ċittadin negozjant iż-żgħir. Din il-wegħda kienet intiża li taġevola lill-konsumatur billi l-VAT ġiet impinġija bħala r-raġuni wara l-għoli tal-ħajja filwaqt li kellha taġevola lin-negozjant billi teliminalu dak kollu fis-sistema tal-VAT li tant kien qed jinkwetah, speċjalment fil-fażi ta' l-introduzzjoni tagħha. Issa ħalli naraw kemm kienet flokha l-allegazzjoni li l-ħajja għoliet minħabba l-VAT.
Sa ftit taż-żmien ilu kien jingħad ħafna li l-ħajja taħt Gvern Nazzjonalista għoliet. Mur obsor! Anke qabel ma daħlet il-VAT għoliet il-ħajja. L-uniku mod kif tista' trażżan l-għoli tal-ħajja f'pajjiż bħal tagħna huwa li ma timporta xejn u tikkontrolla l-prezzijiet. Dawn iż-żewġ metodi esperjenzajnihom taħt il-gvernijiet Laburisti tas-snin sebgħin li r-riżultat tagħhom nafu fejn wassal lill-pajjiż. Fl-aħħar mill-aħħar dawn kienu metodi li ma rnexxewx fl-iskop limitat tagħhom għaliex il-ħajja xorta għoliet u bis-saħħa tagħhom marru tajjeb il-kutrabandisti, partikolarment dawk li kienu midħla sew tal-gvern tal-ġurnata.
Madam Speaker, ir-ri-introduzzjoni tas-sistema tad-dazji mlaqqma sisa żgur li tappella lil dawk li għandhom vokazzjoni għal kutrabandu. Ġieli jintuża l-argument li l-kutrabandu huwa l-mod kif iżżomm il-prezzijiet l-isfel. Jien ma nafx jekk huwiex dan li għandu f'moħħu l-Gvern sabiex jikkontrolla l-għoli tal-ħajja. Dan qed ngħidu għaliex ma tistax tgħid li se tneħħi l-VAT biex tikkontrolla l-għoli tal-ħajja. Il-mistoqsija li tiġi waħedha hi: Il-Gvern kif se jikkontrolla l-għoli tal-ħajja b'dawn il-liġijiet il-ġodda? S'issa għad m'hawnx tweġiba għal din il-mistoqsija anzi hawn qbil ġenerali li r-ri-introduzzjoni tad-dazji mhux talli mhux se trażżan l-għoli tal-ħajja talli se tkompli tgħolli l-ħajja. Dan l-aspett ġie diskuss f'diversi dibattiti f'din il-Kamra u llum naħseb li l-poplu kollu fehem il-vantaġġ tas-sistema bbażata fuq refunds ta' l-ammont li jkun tħallas għal sistema bbażata fuq dazji fejn, per eżempju, tbigħ jew ma tbigħx tħallas xorta waħda u fejn is-sistema ta' taxxi hija cascading u l-profitt jiġi kkalkolat mhux biss fuq il-valur miżjud iżda wkoll fuq l-ispejjeż ta' l-intrapriża. Mela fuq il-kwestjoni ta' l-għoli tal-ħajja nistgħu naslu għall-konklużjoni li kemm-il darba s-sistema l-ġdida fiha nnfisha ma tikkontrollax u ma trażżanx l-għoli tal-ħajja allura kwalunkwe sistema, tissejjaħ x'tissejjaħ, li hija ntiża biex tissostitwixxi l-VAT u li fiha nnifisha ma trażżanx l-għoli tal-ħajja ma tissodisfax il-wegħda elettorali, anzi tkun qed tikser dik il-wegħda. Għalhekk jekk nibdlu l-VAT ma sistema li ma trażżanx l-għoli tal-ħajja l-Gvern ikun qed jikser il-mandat elettorali.
Madam Speaker, il-Gvern ikun qed jikser il-mandat elettorali wkoll jekk bis-sistema l-ġdida ma jneħħix dawk l-elementi kollha tal-VAT li jirrenduha mhux popolari, partikolarment fil-fażi ta' l-introduzzjoni tagħha. Mill-indikazzjonijiet li għandna fil-white paper jidher li dawn l-elementi se jibqgħu hemm. Huwa ovvju li se tibqa' l-ħtieġa li kull operatur ekonomiku jiġi reġistrat bħala tali; se jibqgħu jingħataw l-irċevuti jew il-kontijiet fiskali; se jibqgħu jiġu ntaxxati s-servizzi permezz ta' taxxa msejħa "sisa fuq servizzi" magħżula b'xi eżenzjoni lill-konsumaturi; se tibda tinġabar 15% taxxa fuq l-importazzjoni, liema taxxa issa se tkun sisa li ma tkunx rifondibbli; u se tibqa' tinġabar taxxa fuq il-valur miżjud fil-proċess tan-negozju permezz ta' taxxa msejħa "sisa fuq prodotti".
Madam Speaker, l-audit trail mhux talli se jibqa' hemm talli se jissaħħaħ b'theddid ta' ħabs għal min jabbuża u b'lotterija u rigali għall-konsumaturi li jogħġobhom jikkoperaw u jiġbru l-irċevuti fiskali. Meta tibda taħseb li s-sisien ta' sistema moderna u trasparenti qed jinbena fuq lotterija marbuta ma' irċevuti jibdew jidħlulek id-dubji dwar is-serjeta' tas-sistema, is-serjeta' ta' min qed imexxi l-pajjiż u fejn sejrin u dwar il-kompetenza ta' min hemm wara din l-iskema. Wara din l-iskema żgur li m'hemmx l-Onor. Spiteri għaliex il-lotterija ma dehritx fil-proposti ta' l-ewwel fażi li suppost kien ħejja hu. Jista' jkun li hemm xi moħħ ta' xi ekonomista jew ta' xi stratega merċenarju li jiddisprezza ċ-ċokon tagħna billi jagħraf li lill-poplu Malti aktar jinteressawh il-lotteriji milli l-moralita' fiskali.
Madam Speaker, ikun tajjeb li wieħed janalizza wkoll il-mandat elettorali mill-punto di vista tan-negozjant u l-imprenditur iż-żgħir billi jara x'kienet ir-reazzjoni tiegħu għas-sistema li qed tiġi proposta mill-Gvern. Kien hawn kundanna assoluta u unanima. Biżżejjed jingħad li dawk l-erba' korpi kostitwiti, li qed jippareteċipaw mal-Gvern fl-introduzzjoni ta' din is-sistema permezz ta' kumitat li twaqqaf, qed jagħmlu hekk - din iddikjarawha pubblikament - mhux biex itejbu s-sitwazzjoni attwali imma biex jipprovaw irażżnu l-ħażin li bilfors se jitwettaq. Dawn qed jipparteċipaw mhux għax jaħsbu li din is-sistema hija tajba iżda biex jillimitaw il-ħsara li s-sistema proposta se tagħmel. Ara fiex ġie l-pajjiż f'qasir żmien! Qed nintroduċu sistema ġdida u nikkoperaw mal-Gvern billi nipparteċipaw f'damage containment exercise. Jekk mill-punto di vista tal-konsumatur se ndaħħlu sistema li se tgħolli l-ħajja, u mill-punto di vista tan-negozjant is-sistema mhux talli mhux se tneħħi l-iskumditajiet li kien hemm fil-VAT iżda se tikkrea effett negattiv, allura x'sens hemm li l-Gvern ikompli jwebbes rasu u jibqa' jirrepeti li se jneħħi l-VAT għaliex għandu l-mandat popolari?
Madam Speaker, illum ħareġ ċar li l-mandat popolari għas-sistema l-ġdida ma jeżistix. Kif jista' qatt wieħed jitkellem fuq mandat popolari biex idaħħal sistema meta proprju fil-mument li wegħdu ma kenux jafu x'se jdaħħlu? Mhux talli meta wiegħed li se jneħħi l-VAT u jdaħħal sistema ġdida ma kienx jaf x'se jdaħħal talli lanqas illum, sitt xhur wara, għadna ma nafu eżattament x'għandu f'moħħu l-Gvern. Possibbli partit serju li rebaħ elezzjoni daqshekk diffiċli iwiegħed xi ħaġa u ma jkollu l-ebda rapport li fuqu se jibbaża dan it-taqlib? Fl-aħħar mill-aħħar fis-sistemi tat-taxxi, kwalunkwe bidliet fihom infushom huma taqlib u jġibu skonvolġiment fil-pajjiż. Jiena ma nemminx li dak iż-żmien il-Partit Laburista ma kellux rapporti u allura jekk kellu rapporti - il-Prim Ministru huwa akkanit għar-rapporti u biżżejjed wieħed jagħti daqqa ta' għajn lejn kemm-il rapport ġie mħejji malli nbidel il-gvern - għaliex qatt ma rajnihom? Għaliex qatt ma tqiegħdu fuq il-Mejda tal-Kamra? Jekk il-Gvern ma kellux rapport allura iktar u iktar ngħidlu: Kif tista' tgħid li kellek mandat biex tagħmel xi ħaġa jekk lanqas biss kont taf xi trid tagħmel!
Madam Speaker, jien bdejt nissuspetta li llum qed jirripetu l-istess argument sabiex forsi huma stess jibdew jemmnuh u fil-fatt kull min hu dilettant tal-propaganda jaf l-effetti tar-ripetizzjoni fuq l-imħuħ, inkluż fuq moħħu stess. GĦalhekk nagħlaq billi ngħid lill-kelliema tal-Gvern li jekk iridu jbiddlu l-liġi dan jistgħu jagħmluh għaliex għandhom il-maġġoranza tas-siġġijiet pero' ma jipprovawx jibqgħu ibellgħuha lilna, lilhom infushom u liċ-ċittadin billi jgħidu li huma kostretti li jagħmlu dan għaliex għandhom l-imbierek mandat elettorali. Mandat bħal dan għandu jkun ċar u inekwivoku - żgur li m'hux il-każ hawnhekk - u anke kieku għall-argument biss dan il-mandat kien verament ċar, mandat bħal dan għandu dejjem ikun soġġett għall-interess nazzjonali u għas-sens komun. Sfortunatament nafu li s-sens komun mhux dejjem huwa l-iktar sens komuni u għar-rigward l-interess nazzjonali f'dan il-każ jidher li hawn qbil unanimu fil-pajjiż dwar dan.
Jien nistieden lill-Gvern sabiex jirrifletti fuq dak li qed jgħid li jrid jagħmel u jagħti kas ta' dawk li qed jgħidulu li m'huwiex fl-interess nazzjonali li jidħlu dawn il-liġijiet il-ġodda bil-mod kif qed jiġu proposti. U biex ma niġix interpretat li jien għandi xi streak ta' arroganza, allavolja għaddiet dik il-mozzjoni bil-mod kif għaddiet nhar il-Ħamis li għadda, jiena xorta nerġa' nistieden lill-Gvern biex jerġa' jifli l-kontenut ta' dik il-mozzjoni - li ma kienet xejn ħlief daqqa ta' id għall-Gvern, fejn il-Kap ta' l-Oppożizzjoni qed joffri l-għajnuna tiegħu lill-Prim Ministru biex ikun hemm consensus nazzjonali fuq materja daqshekk importanti - u jara sewwa dawk l-emendi u jekk huwa raġel ibiddel ir-rotta fl-interess ta' pajjiżna li aħna lkoll nirrispettaw. Grazzi, Madam Speaker.
MADAM SPEAKER: Grazzi. Aktar rimarki? L-Onor. Lawrence Gonzi.
ONOR. LAWRENCE GONZI: Madam Speaker, fis-seduta ta' nhar it-Tlieta, 13 ta' Mejju l-Onor. Edwin Grech, Ministru tal-Ħarsien Soċjali għoġbu jagħmel diskors fuq il-kwestjoni tas-sitwazzjoni tal-qgħad f'pajjiżna u f'dak id-diskors iddeċieda li jagħmel attakk sfrenat kontra l-Oppożizzjoni. Dan kollu għaliex din in-naħa tal-Kamra qiegħda kontinwament tipprova taqdi dmirha lejn il-pajjiż billi tressaq il-kritika tagħha, tipprova tiftaħ għajnejn il-Gvern għar-realtajiet li qegħdin niffaċċjaw u tipprova tindirizza lill-Gvern lejn is-soluzzjonijiet li aħna jidhrilna li huma tajbin għas-sitwazzjoni li pajjiżna qiegħed jiffaċċja.

Fid-diskors tiegħu l-Onor. Grech għoġbu juża kliem bħal - se nikkwota mit-text tad-debate li għandi f'idejja - "ħmieġ", "gideb", "ipokresija", "irresponsabbilta'" u diversi aġġettivi dispreġġjattivi li jien kont naħseb li spiċċaw mill-vokabularju li jintuża f'dan il-Parlament. Aktar kemm jgħaddi ż-żmien donnu aktar qiegħed joħroġ dan l-istil ta' attakk min-naħa tal-Gvern lejn l-Oppożizzjoni. Matul id-dibattitu li kellna nhar il-Ħamis li għadda dwar il-mozzjoni tal-Kap ta' l-Oppożizzjoni ntuża dan l-istil ta' attakk ukoll għax il-fatt li l-Oppożizzjoni ressqet għad-diskussjoni mozzjoni quddiem dan il-Parlament ġiet deskritta mill-Prim Ministru bħala xi ħaġa anti-demokratika. Sewwa jgħidu li l-interpretazzjoni ta' dak li huwa demokratiku u dak li m'huwiex inqalbu rashom 'l-isfel u saqajhom 'il fuq, almenu min-naħa tal-Gvern. Jien personalment jidhirli li d-diskors ta' l-Onor. Grech ma kien xejn ħlief reazzjoni isterika għall-fatt li aħna nħarsu lejn dak li qed jiġri bis-serjeta' u nipprovaw insibu soluzzjonijiet għall-problemi li niltaqgħu magħhom.


Madam Speaker, bid-diskors tiegħu l-Onor. Membru reġa' kkonferma li l-qagħda ta' l-impjiegi f'pajjiżna m'hijiex sejra tajjeb u kemm mid-diskorsi li saru f'dan il-Parlament kif ukoll mid-diskorsi li saru barra minn dan il-Parlament jidher li l-Gvern iddeċieda li d-difiża tiegħu għal dan l-istat preokkupanti tkun li din il-qagħda ilha sejra ħażin minn qabel l-elezzjoni li għaddiet u allura dan kollu huwa kkaġunat mill-Gvern Nazzjonalista. L-Onor. Grech saħansitra qed jgħid li l-qagħda ilha sejra lura minn mindu daħlet il-VAT f'pajjiżna, jiġifieri minn Jannar ta' l-1995, u hawnhekk jidher ċar li dan l-Onor. Membru qed jipprova jiġġustifika l-fatt li llum pajjiżna qed jiffaċċja kriżi li ħarġet mill-istatistika li fl-aħħar ġiet ippubblikata. Fil-fatt ħalli nikkwota din is-sentenza mid-diskors li għamel l-Onor. Grech:
"Għalhekk huwa evidenti li s-sensji li qed jingħataw issa huma frott il-politika żbaljata u staġnata li kien qabad il-Gvern Nazzjonalista bid-dħul tal-VAT u bl-ossessjoni tagħhom li jdaħħalna fl-Unjoni Ewropea.".
Madam Speaker, issa ħalli naraw jekk l-Onor. Grech u l-Gvern Laburista għandhomx raġun meta qed jgħidu li s-sitwazzjoni kienet ilha sejra ħażin minn mindu daħlet il-VAT f'pajjiżna. Pero' hawnhekk se jkolli nieħu riskju għax aħna, il-Membri ta' l-Oppożizzjoni, qed ninnotaw li kull darba li xi ħadd min-naħa ta' l-Oppożizzjoni jiftaħ ħalqu mill-ewwel qed jiġi mgħajjar li huwa Frankist u dan meta bil-Kostituzzjoni huwa d-dmir tagħna li naqdu l-funzjoni tagħna f'dan il-Parlament. Issa meta aħna qed niġu mgħajrin Frankisti kważi qed niġu deskritti bħala Faxxisti u xewwiexa u dan kollu għaliex f'dan il-Parlament niftħu ħalqna u nressqu l-kritika tagħna! Saħansitra qed niġu mgħajra "giddibin". Dan huwa kliem li ntuża mill-kelliema tan-naħa tal-Gvern, inkluż il-Prim Ministru, fil-konfront ta' l-Oppożizzjoni minħabba li l-Oppożizzjoni qed taqdi dmirha hawn ġew. Donnu li l-Gvern qed jaħseb li biex oppożizzjoni tkun kostruttiva trid tfaħħar lill-Gvern għad-diżastri, għall-problemi u għad-deċiżjonijiet żbaljati li qed jieħu. Imma jien iddeċidejt li nieħu dan ir-riskju u jekk hemm xi ħadd li beħsiebu jgħidli li jien Frankist jew xewwiex għax qed naqdi d-doveri tiegħi f'dan il-Parlament dik hija affari tiegħu għax lili li jinteressani huwa li naqdi d-doveri tiegħi.
Jien naħseb li l-Onor. Grech u l-Gvern Laburista iridu jiddeċiedu fl-iskiżrofrenja tagħhom. Issa għal min ma jafx tajjeb li ngħid li skiżrofrenja hija sitwazzjoni meta bniedem jispiċċa f'żewġ pożizzjonijiet kontra xulxin jew aħjar b'żewġ karattri differenti minn xulxin. Jien qed nuża din il-kelma għax donnu l-Gvern f'ċertu mument jgħid mod u mbagħad meta jaqbillu jgħid bil-kontra ta' dak li jkun għadu kif qal. Għax jekk jien personalment m'iniex kapaċi nikkonvinċi u nipperswadi lill-Ministru tal-Ħarsien Soċjali li dak li qal bħal-lum tmint'ijiem huwa żbaljat, allura forsi jista' jikkonvinċih u jipperswadih id-diskors tal-budget li kien għamel l-Onor. Spiteri f'wieħed mill-iktar mumenti importanti ta' dan il-Parlament. Ħalli nikkwota kelma b'kelma parti żgħira minn paġna 24 tad-diskors tal-budget fejn jingħad li:
"Fl-ewwel disa' xhur ta' l-1996 il-prodott gross domestiku f'termini nominali hu kalkulat li żdied b'6.9% għal Lm884.3 miljun jew 4% f'termini reali. L-ammont minfuq għall-konsum kien jirrifletti l-aktar iż-żieda fl-impjiegi u dħul aktar għoli ... għall-ħaddiema tagħna.".
Jien naħseb li ma jistax ikun hemm dikjarazzjoni iktar ċara minn din li qed tikkonferma ż-żieda fl-impjiegi li kien hawn f'dan il-pajjiż matul ix-xhur ta' l-1996, jiġifieri sena wara li daħlet il-VAT.
Issa ħalli nikkwota parti minn paġna 25 ta' l-istess diskors tal-budget fejn hemm li:
"Il-prodott gross domestiku at factor cost huwa stmat li tela' għal Lm783.1 miljun minn Lm729.4 miljun sena qabel. Id-dħul mill-impjiegi tela b'Lm30.9 miljun jew b'7.9% għal Lm421 miljun. Din iż-żieda kienet riflessa fl-istima ta' dħul medju tal-ħaddiema, li tela' f'termini nominali b'Lm4.37c jew b'5.8% għal Lm79.35c. F'termini reali huwa stmat li tela' bi 3.1%. Dan id-dħul medju huwa maħdum fuq medda wiesgħa ta' nies bi dħul baxx kif ukoll minn numru ferm inqas li d-dħul tagħhom kien ikun ħafna iktar għoli"."
Din id-dikjarazzjoni ma tgħidx biss li żdiedu l-impjiegi fl-1996 imma wkoll li l-kondizzjonijiet tax-xogħol u l-pagi tal-ħaddiema tagħna kienu dejjem qed jitjiebu.
Imbagħad f'paġna oħra nsibu wkoll li:
"Il-profitti huma stmati li telgħu b'6.7% ...",
- u li -
"Il-kontribut tas-settur produttiv żdied bi 3.6% biex tela' għal Lm278.4 miljun. Dan jirrifletti żieda fl-attivitajiet kollha li jaqgħu f'din il-kategorija. Il-qasam tas-servizz żdied b'9.8%, l-aktar minħabba l-attivitajiet konnessi mas-setturi tat-trasport u komunikazzjonijiet, l-assikurazzjoni, il-banek u l-proprjeta', mis-servizzi privati u minn dħul ieħor mill-proprjeta'.".
Imbagħad fost affarijiet oħra paġna 26 tad-diskors tal-budget tgħid hekk:
"In-numru ta' nies jaħdmu żdied b'1,819 matul is-sena sa Settembru tal-1996, bis-settur privat u dak pubbliku jikkontribwixxu t-tnejn għal livell ogħla ta' impjiegi. Is-settur tas-servizzi sostna ż-żieda fl-impjiegi tas-settur privat għalkemm parti minnha setgħet kienet attivita' li qabel kienet fl-ekonomija moħbija.".
Madam Speaker, għalhekk anke hawn l-Onor. Spiteri qed jikkonferma li fl-ewwel disa' xhur kien hemm żieda ta' 1,819 impjieg imma qed jgħid ukoll li parti minn din iż-żieda hija frott l-effett pożittiv tas-sistema tal-VAT.
Madam Speaker, allura jekk il-pożizzjoni reali kienet dik li semma l-Onor. Spiteri, il-Gvern kif qed jipprova jiġġustifika s-sitwazzjoni li qiegħed fiha billi jgħid li fi żmien il-Gvern Nazzjonalista kien hemm xi forma ta' diżastru? Jekk illum wieħed jisma' din l-argumentazzjoni li qed iġib il-Gvern u jerġa' jaqra d-diskors tal-budget ta' Frar li għadda - għax dan id-diskors tal-budget li għadni kif ikkwotajt m'huwiex ta' xi għaxar snin ilu - wieħed bilfors ikollu jistaqsi min hu Jekyll u min hu Hyde. Kif il-Ministru Grech u l-Gvern Laburista llum qed jgħidu kompletament il-kontra ta' dak li kien qed jgħid l-Onor. Spiteri li dak iż-żmien kien il-ministru responsabbli mill-finanzi? Wara kollox l-istatistika li għandna tikkonferma li minn Jannar ta' l-1995, jiġifieri minn meta daħlet il-VAT, sa Ottubru ta' l-1996 l-impjiegi f'dan il-pajjiż żdiedu b'iktar minn 6,000. Jien naħseb li din l-istatistika ħadd ma jista' jmeriha u din fil-fatt qiegħda hemm biex kulħadd ikun jista' jaraha b'għajnejh u jmissha b'idejh.
Madam Speaker, il-Ministru Grech nhar it-Tlieta li għaddew kompla d-diskors tiegħu - liema diskors jien ngħid li huwa denju ta' min jagħmel il-gabirjoli fiċ-ċirku - billi għamel eżerċizzju li spjegah b'dan il-mod:
"L-istampa globali turi li bejn Mejju 1996 u April 1997 il-qgħad żdied b'1,330. Minn dawn 1,071 jew aktar minn 80% żdiedu fl-aħħar xhur tal-Gvern Nazzjonalista.".
Issa hawn ikun tajjeb jekk nispjega lil kull min qed isegwina li min jagħmel eżerċizzju bħal dan ma jkunx qed ikun ġust u sinċier u għalhekk qatt ma għandu jsir eżerċizzju simili għaliex wieħed irid japprezza l-fatt li l-qasam ta' l-impjiegi jgħaddi minn staġuni differenti. Dan bħal meta, per eżempju, filwaqt li fix-xhur tax-xitwa, il-fabbriki li jipproduċu s-soft drinks jkollhom ftit bejgħ, fis-sajf il-bejgħ tagħhom jisplodi minħabba li tkun daħlet is-sħana. GĦalhekk dan il-bejgħ nistgħu nsejħulu bħala staġonali u l-istess jista' jingħad għall-impjiegi għaliex għall-ħabta ta' Ġunju u Lulju n-numru ta' nies li jirreġistraw għax-xogħol awtomatikament jiżdied minħabba li jkun hemm diversi studenti li jkunu spiċċaw l-iskola u jkunu laħqu l-eta' biex imorru jaħdmu. Hawn nista' nsemmi wkoll li jkun hemm diversi żgħażagħ li jiġu mpjegati biss għax-xhur tas-sajf u għalhekk meta jerġa' jibda jersaq Settembru wieħed jinnota li n-numru ta' dawk li jirreġistraw jogħla minħabba li dawn ikunu spiċċaw mill-impjieg temporanju tagħhom. GĦalhekk hija ħaġa mill-iktar normali li f'pajjiżna n-numru ta' dawk li jirreġistraw jiżdied għall-ħabta ta' Lulju u ta' Ottubru.
Madam Speaker, imma fil-fatt x'għamel il-Ministru biex wasal għal din il-figura ta' qgħad matul Mejju 1996 u April 1997? Il-Ministru konvenjentement qabad dak li sar - jien għalhekk għidt li dan kien qisu qed jagħmel il-gabirjoli fiċ-ċirku - u dak li ma sarx fil-qasam ta' l-impjiegi minn Mejju sa Ottubru ta' l-1996, qabad dak li sar u li ma sarx fl-istess qasam minn Ottubru ta' l-1996 sa April ta' l-1997 u pparagunahom biex issa qed joqgħod jiftaħar kemm żdied il-qgħad taħt il-Gvern Nazzjonalista. Imma jien ngħid li mhux sew li jsiru dawn it-tip ta' argumenti għaliex kieku, per eżempju, kellna ngħidu lill-mara tad-dar sabiex tipparaguna l-flus li kellha fil-portmoni fl-ewwel ġimgħa tax-xahar ma' dawk li kellha fl-aħħar ġimgħa tax-xahar din żgur li ssib li fl-ewwel ġimgħa tax-xahar kellha ħafna iktar flus mill-aħħar ġimgħa tax-xahar għax sa l-aħħar ġimgħa tax-xahar tkun nefqet kollox u tkun qed tistenna paga oħra dieħla. Imma dan ma jfissirx li l-mara tad-dar għandha paga jew li r-raġel qed iġibilha paga aħjar fit-tieni xahar milli mill-ewwel xahar! Imma l-Ministru għoġbu jagħmel dan it-tip ta' argument li, fl-opinjoni tiegħi, m'huwiex ġust.
Madam Speaker, jiena jinkwetani iżjed u iżjed il-fatt li fid-diskors tiegħu - fil-parti li kkwotajt fil-bidu ta' l-intervent tiegħi - il-Ministru qal li l-Oppożizzjoni hija ossessjonata bl-Ewropa. Din hija l-vera differenza bejn il-Partit Laburista u l-Partit Nazzjonalista. Din hija l-vera differenza bejn is-sitwazzjoni ta' dan il-pajjiż sa Ottubru ta' l-1996 u s-sitwazzjoni minn Novembru ta' l-1996. Id-differenza vera m'hijiex li issa hemm Gvern Laburista u qabel kien hemm Gvern Nazzjonalista, imma hija li sa Ottubru ta' l-1996 Malta kellha direzzjoni ċara ankrata ma' l-applikazzjoni biex hi ssir membru sħiħ ta' l-Unjoni Ewropea u dik waħedha ġabet ġid kbir għal dan il-pajjiż. Dan l-argument hemm bżonn nagħmluh. Il-ġid li dan il-pajjiż gawda matul is-snin li għaddew kien ġid li ġie għas-sempliċi fatt u żgur minħabba l-fatt - fost raġunijiet oħra u diversi argumenti oħrajn - li aħna wassalna messaġġ lid-dinja kollha li ridna nsiru membri sħaħ ta' l-Unjoni Ewropea. Dak il-fatt waħdu ġab il-ġid lejn pajjiżna, aħseb u ara l-ġid li kien jiġi malli konna nidħlu! X'ġara f'Novembru ta' l-1996? F'Novembru ta' l-1996 il-Gvern Laburista ddeċieda li jiffriża l-applikazzjoni ta' Malta biex insiru membri sħaħ ta' l-Unjoni Ewropea. Din hija d-differenza bejn iż-żewġ partiti u huwa għalhekk li qabel kellna l-ġid u issa m'għandniex dak il-ġid u li qabel kien hawn is-serħan tal-moħħ u issa m'hawnx is-serħan tal-moħħ. Aħna qegħdin nitkellmu b'dan il-mod għaliex ninkwetaw meta nisimgħu lill-Ministru tal-Ħarsien Soċjali - u l-Gvern miegħu - jgħid li aħna ossessjonati bl-Unjoni Ewropea. Aħna ossessjoni waħda biss għandna li naraw lil dan il-pajjiż jimxi 'l quddiem, li l-poplu tagħna jgawdi kwalita' ta' ħajja aħjar u li dan il-pajjiż igawdi stima u dinjita' mad-dinja kollha dejjem aħjar xahar wara l-ieħor. Allura d-dover tagħna f'dan il-Parlament huwa li niftħu għajnejn il-Gvern.
Jiena nagħlaq billi nappella lill-Gvern sabiex privatament fl-uffiċċini tiegħu - fejn la għandu gazzetti, la għandu oppożizzjoni preżenti u lanqas ħadd - isakkar il-bieb u jistudja bir-reqqa l-implikazzjoni tad-deċiżjonijiet li ħa s'issa, li qiegħed jieħu u li se jieħu fil-ġranet li ġejjin. L-ebusija tar-ras ma sservi għal xejn ħlief biex tkabbar il-ħsara li tkun qed issir. Din issa m'għadhiex kwestjoni ta' ġustifikazzjoni politika imma hija kwestjoni li tolqot l-għajxien ta' ħafna familji tagħna li huma mħassbin. Hemm bżonn li l-Gvern jieqaf jirifletti u jasal għal deċiżjonijiet li verament huma fl-interess ta' dan il-pajjiż Grazzi, Madam Speaker.
MADAM SPEAKER: Grazzi. Sar il-ħin.
Il-Kamra hija aġġornata għal għada l-Erbgħa, 21 ta' Mejju fis-6.00 p.m. bl-aġenda kif komunikata mill-Ministru Mizzi.
Fid-9.30 p.m. il-Kamra aġġornat mingħajr ma saret il-mistoqsija.


Yüklə 353,16 Kb.

Dostları ilə paylaş:
1   2   3   4   5   6




Verilənlər bazası müəlliflik hüququ ilə müdafiə olunur ©muhaz.org 2024
rəhbərliyinə müraciət

gir | qeydiyyatdan keç
    Ana səhifə


yükləyin