THE DEPUTY SPEAKER: L-Onor. Alfred Sant.
ONOR. ALFRED SANT: Jien naħseb li aħjar naqraw iż-żewġ klawsoli flimkien. L-ewwel jien staqsejt mistoqsija dwar il-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea u naħseb li din il-klawsola li għandna quddiemna - u issa naqrahom it-tnejn apposta - li tibda bil-kelma “Infakkru” tgħidilna għaliex. (Interruzzjonijiet) Ħalli nibda b’dak li għadna kemm qrajna u għaddejna.
THE DEPUTY SPEAKER: Onor. Sant, qed tirriferi għal din il-klawsola u ta’ qabilha jew għal ta’ warajha?
ONOR. ALFRED SANT: Se naqrahom it-tnejn f’daqqa.
THE DEPUTY SPEAKER: Il-klawsola ta’ qabel u din?
ONOR. ALFRED SANT: Iva, il-klawsola li għaddejna qabel fejn jien staqsejt għaliex għandna Qorti taħt Ġurisdizzjoni Ewropea. Il-klawsola ta’ qabel kienet tgħid hekk:
“JINNUTAW li l-konformità mal-obbligu tal-Partijiet Kontraenti li r-“regola ta’ baġit bilanċjat” tiġi trasposta fis-sistemi legali nazzjonali tagħhom, permezz ta’ dispożizzjonijiet vinkolanti, permanenti u preferibbilment kostituzzjonali, għandha tkun soġġetta għall-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, f’konformità mal-Artikolu 273 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea;”.
Hemmhekk x’qed ngħidu? Hemmhekk għidna li l-ewwel, se tkun regola kostituzzjonali li timponi l-balanced budget fuq il-Gvern tal-ġurnata, ikun min ikun, u li dan l-obbligu se jkun soġġett għall-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea. Jien staqsejt: Għaliex mhux il-qrati nazzjonali, pereżempju? Toħroġ imbagħad minn dan il-paragrafu l-ieħor li jgħid:
“IFAKKRU li l-Artikolu 260 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea jagħti s-setgħa lill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea biex timponi l-ħlas ta’ somma f’daqqa jew pagament ta’ penali fuq Stat Membru tal-Unjoni Ewropea li jkun naqas milli jikkonforma ma’ xi waħda mis-sentenzi tagħha u
JFAKKRU li l-Kummissjoni Ewropea stabbilixxiet kriterji għad-determinazzjoni tas-somma f’daqqa jew pagament ta’ penali li jiġu imposti fil-qafas ta’ dak l-Artikolu;”.
X’inhuwa l-mekkaniżmu kollu hawnhekk? Li l-ewwel ikollok regola kostituzzjonali li timponi fuq gvern, anke b’maġġoranza, li jmexxi l-finanzi tiegħu b’ċertu mod determinat minn dan it-trattat. It-tieni jgħid li jista’ jiġi mtella’ dwarha quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea dwar dik ir-regola. U għaliex din il-ħaġa? Għaliex meta xi ħaġa tista’ tittella’ quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, allura hemmhekk il-Qorti għandha s-setgħa li tiddetermina u twaħħal il-multi fuq dak il-pajjiż membru! Dik hija r-rabta! Mhijiex rabta biss kostituzzjonali, hija rabta wkoll li b’mod tassattiv qed timplika li mbagħad naslu ħalli dak il-pajjiż iħallas penali. Din hija regola kompletament ġdida f’dan il-kontest! Issa l-balanced budget li qed nitkellmu dwaru u li għandna definizzjoni tiegħu f’dan it-trattat huwa differenti mill-balanced budget kif fhimnieh s’issa taħt is-Six-Pack. Dak huwa argument ieħor. Imma din hija l-loġika ta’ dan kollu.
Allura, ejjew inkunu ċari, li bħala Parlament hawnhekk, dan it-Trattat se jobbliga lill- Gvern b’maġġoranza f’dan il-Parlament li jekk ma jsegwix din il-ħaġa, jaqa’ taħt il-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea waqt li qed jeżerċita d-dritt sorvan tiegħu li jiddeċiedi l-budget tiegħu, imbagħad ikun soġġett għall-penali li tiddeterminahom il-Kummissjoni Ewropea li tistabbilixxi anke l-kriterji li nimmaġina li jistgħu jinbidlu jiġifieri it is a walking target. Naħseb li anke hawnhekk forsi l-Ministru jista’ jilluminana ftit dwar x’inhuma dawn il-multi u fuq liema skala jitpoġġew dawn il-multi ħalli nkunu nafu eżattament x’qed niffirmaw u ma’ xiex qed naqblu f’dan it-trattat.
Dostları ilə paylaş: |