Template for Published Version of Sittings



Yüklə 218,99 Kb.
səhifə3/4
tarix16.04.2018
ölçüsü218,99 Kb.
#48269
1   2   3   4

THE DEPUTY SPEAKER: Grazzi. Aktar rimarki? L-Onor. Jason Azzopardi.
ONOR. JASON AZZOPARDI: Sur President, dan l-abbozz ta` liġi li għandna quddiema huwa importanti ħafna għax fil-fehma tiegħi jagħti spunt għal riflessjoni f’waqtha dwar l-istat tal-ħarsien tad-drittijiet tal-bniedem, speċjalment fid-dawl ta’ anniversarju partikolari ta’ ftit tal-ġranet ilu. Minn fejn tlaqna fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem f’dan il-pajjiż? Irridu bilfors u nħoss li għandna dmir li nimmarkaw il-mument tant importanti ta’ Awissu ta’ l-1987 għax, tista’ tgħid, li kien il-mument li b’mod konkret tlaqna biex insaħħu l-qasam tal-ħarsien tad-drittijiet tal-bniedem. Dakinhar, xahrejn u nofs wara l-elezzjoni l-gvern nazzjonalista bl-Att numru XIV ta’ l-1987 impenja ruħu li l-ewwel liġi li jinkorpora fil-korp leġislattiv tagħna tkun l-Konvenzjoni Ewropea tad-drittijiet tal-Bniedem. Din kienet l-ewwel liġi, u aħna niftaħru biha, li kien għadda l-gvern nazzjonalista. Qabel l-1987 we paid lip service għall-qasam, għall-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem. Qabel l-1987 il-gvern Malti kellu record li ma tantx wieħed seta’ jiftaħar bih għax il-gvern Malti kellu record ta’ sensiela ta’ sentenzi maqtugħa mill-qorti kostituzzjonali ta’ pajjiżna dwar ksur sfaċċat tad-drittijiet tal-bniedem anke mill-istrutturi ta’ l-Istat stess, fosthom mill-pulizija. Minn hemmhekk tlaqna fl-1987. Qiegħed insemmi l-passat għax bilfors tħares lejn il-passat biex tara fejn wasalt. F’dawn l-aħħar snin għamilna passi importanti u dak li aħna bnejna u ksibna f’Awissu ta’ l-1987, b’dik il-liġi importanti, illum jinsab minqux fil-blata kostituzzjonali ta’ pajjiżna.
Sur President, il-Konvenzjoni Ewropea kienet importanti għal żewġ raġunijiet prinċipali. L-ewwelnett il-qrati tagħna issa għandhom l-obbligu morali, mhux legali, li meta jkunu qegħdin jiddeterminaw kawża ta’ natura kostituzzjonali jixorbu mill-għajn ta’ ġurisprudenza tal-qorti Ewropea li hija case law profikwa, voluminuża ħafna u żviluppata immens. Mela l-ewwel vantaġġ li għandna huwa li aħna l-avukati, jew pjuttost anke l-ġudikatura, meta nkunu qegħdin nittrattaw kawżi ta’ natura kostituzzjonali nkunu nistgħu nagħmlu riferenza - u mn’Alla jkun hemm ħafna drabi - għall-avvanzi ferm aktar avant-garde minn tagħna f’dak li jiġri fil-qorti Ewropea ġewwa Strasbourg. It-tieni vantaġġ li huwa wieħed indirett - fil-fehma tiegħi l-ewwel wieħed kien vantaġġ dirett - huwa li fil-qorti Maltija l-ebda ġudikant Malti ma jazzarda jaqta’ sentenza meta jaf li għandu jew se jkollu appell lill-qorti Ewropea ta’ Strasbourg minħabba l-ġurisprudenza li jkun hemm fil-qorti Ewropea. Allura jekk il-prim awla tkun qatgħet kontra r-rikorrent - niftakar anke kawża partikolari - il-qorti kostituzzjonali tiddeċiedi favur ir-rikorrent proprju minħabba l-iskorta tal-ġurisprudenza tal-qorti Ewropea. Dawk naħseb li huma l-iktar żewġ vantaġġi li jiġuni f’moħħi meta nsemmi l-Konvenzjoni Ewropea.
Sur President, la qed insemmu l-Konvenzjoni Ewropea naħseb li huwa xieraq li minn hawn insellmu l-Imħallef Giovanni Bonello li qiegħed jirrappreżenta lil Malta fil-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem. Naħseb inkun qiegħed inkun mild jekk ngħid li kien avukat tajjeb ħafna għax kien espert fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem u kien hu who set the pace fl-iżvilupp każistiku tal-ġurisprudenza fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem f’Malta u verament qiegħed jagħmel unur u gieħ mhux biss lilu imma anke lil pajjiżna fil-Qorti Ewropea.
Sur President, huwa tajjeb li l-ministru tal-ġustizzja qed jipproponi d-diskussjoni ta’ dan l-abbozz ta` liġi proprju erbat ijiem wara l-15 ta’ Ġunju. Il-15 ta’ Ġunju, li kien s-Sibt li għadda, jaħbat ir-raba’ anniversarju ta’ meta fil-Parlament bdejna naraw ċerti xenati u allura nqala` dak l-inkwiet kollu qabel l-elezzjoni ta` l-1998 Kien proprju fil-15 ta’ Ġunju 1998 meta l-Perit Mintoff qam u qal dak kollu li qal fil-konfront tal-Prim Ministru ta’ dak iż-żmien.
Pero’ ferm iktar important minn hekk fil-15 ta’ Ġunju ta’ l-1802, mitejn sena ilu, il-Maltin b’espressjoni qawwija ħafna ta’ patrijottiżmu u ta’ self-determination iddikjaraw disa’ drittijiet, disa’ prinċipji li fil-fehma tagħhom, u anke tagħna, huma fundamentali għal kwalunkwe ġens u għal kwalunkwe nazzjon. Fil-15 ta’ Ġunju ta’ l-1802 il-Maltin sabu u għamlu l-ogħla forma ta’ espressjoni kollettiva ta’ poplu li kien qiegħed jipprova jasserixxi l-identita’ tiegħu. Illum, with the benefit of hindsight, wieħed jargumenta u ċertament jirrifletti li setgħu aġixxew b’mod differenti għaliex jekk kien hemm żball kbir tal-Maltin fl-1802 kien dak tan-naiveté politika tagħhom li jitolbu lill-Kaptan Alexander Ball jippresjedi l-Kungress Nazzjonali biex fost oħrajn dawn jiddiskutu dawn id-drittijiet. Il-Maltin kien mingħalihom li l-Ingliżi ġejjin hawnhekk sempliċiment bħala ħbieb sinċiera, pero’ kif nafu lkoll l-Ingliżi fil-fatt damu sa l-1964, sakemm ħadna l-indipendenza.
Sur President, fid-diskors li se nagħmel se nieħu spunti mid-diskors eċċellenti tal-Professur Henry Frendo li se nagħmel fiċ-ċerimonja tal-11 ta’ Ġunju, il-ġimgħa l-oħra, fit-tifħira tal-200 sena mid-dikjarazzjoni tad-drittijiet tal-Maltin organizzata fil-Palazz Presidenzjali ta’ San Anton. Naħseb li huwa għajb li tliet kwarti tal-popolazzjoni ta’ Malta ma tafx li b’dan l-avveniment ta’ l-1802. Huwa għajb li l-Ingliżi pprovaw innessuhulna. Fil-fatt id-dokument oriġinali għadu sal-lum ma nstabx minkejja r-riċerka u l-isforzi kbar li saru. Pero’ wara li telqu l-Ingliżi, dawk kollha konċernati, huma min huma, m’għandu jkollhom l-ebda skuża għall-fatt li l-istudenti tagħna – m’għandix dubju 99% minnhom - ma jafux b’din id-dikjarazzjoni ta’ l-1802.
Sur President, fid-diskors tiegħu l-professur Frendo qal hekk:
“Kien pass importanti ħafna dak ta’ l-1802. Kien tentattiv kuraġġuż immens, edifikanti li xhed l-esistenza ta’ klassi indiġina ta’ nies struwiti u għorrief, delużi u mweġġa’. Ftit konfużi, pero’ mneżża` mis-setgħa, imwarrba u mċaħħda mir-rispett dovut iżda mhux fatalisti. Mhux neqsin mill-istima tagħhom infushom jew mir-rieda persisteni għall-kisba ta’ ħajja aħjar, għall-kisba saħansitra ta’ pajjiż internament ħieles u ċivilment ġestit, awtonomu, jekk mhux indipendenti, minkejja ċ-ċokon ġeografiku u dgħjufija fiżika.”.
Dak il-paragrafu li kkwotajt mid-diskors tal-professur Frendo jixhed kemm il- karta tad-dikjarazzjoni Maltija ma kenitx sempliċi dokument. Ma waqgħetx mis-sema, ma kenitx xi karta saħħara ta’ xi dikjarazzjoni oħra formulata x’imkien ieħor minn ħaddieħor. Ma ninsewx li kien hemm tliet dikjarazzjonijiet prinċipali qabel l-1802, fi tliet pajjiżi prinċipali. Fl-Ingilterra kellek il-bill of rights ta’ l-1689 fejn allura l-monarkija saret waħda kostituzzjonali u ma baqgħetx waħda assoluta fejn ir-re kien aktar jirrenja milli jiggverna. It-tieni dikjarazzjoni kienet diki Amerikana wara l-indipendenza ta’ l-1776 u t-tielet waħda kienet id-dikjarazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem f’Pariġi f’Awissu ta` l-1789. Mela allura d-dikjarazzjoni Maltija ta’ l-1802 ġiet in the weight tat-tliet dikjarazzjonijiet importanti oħrajn, pero’ ovvjament ma kenitx ikkuppjata. Kienet oriġinali, kellha l-identita’ tagħha. Din id-dikjarazzjoni Maltija tikxef u tbaqbaq il-ħajja ta’ poplu patrijott f’mument ta’ żmien diterminanti. Kienet rikors lejn viżjoni fit-tul waqt trawma ta’ inċertezza ġenerali u kif jgħid il-professur Frendo fid-diskors tiegħu, kienet il-grif fil-blat ta’ pedament għall-futur.

Id-dikjarazzjoni Maltija kien fiha 9 artikli prinċipali u tajjeb li wieħed jirrifletti fuq id-disa’ artiklu. L-artiklu 9 jgħid hekk:


“Ebda bniedem, ikun min ikun, m’għandu juża l-awtorita’ personali tiegħu fuq il-ħajja, il-proprjeta’ jew il-liberta’ ta’ ħaddieħor. Il-poter jinsab biss fis-setgħa li tagħtih il-liġi u t-trażżin jew kastig jistgħu biss jingħataw skond kif titlob il-liġi.”.
Dan qaluh il-Maltin fl-1802. Jiġifieri ara x’viżjoni kellhom. Mitejn sena ilu ġie asserit il-prinċipju, mill-Maltin, li ħadd m’hu ‘l fuq mil-liġi. Kulħadd huwa ndaqs quddiem il-liġi u ħadd m’għandu dritt jieħu l-liġi b’idejh la fuq il-ħajja, la fuq il-proprjeta’ u lanqas fuq il-liberta’ ta’ ħaddieħor. Dan l-artiklu huwa s-sunt tal-prinċipji fi tliet dikjarazzjonijiet Amerikana, Ingliża u Franċiża li semmejt. Fl-1802 aħna l-Maltin għedna li l-ebda bniedem m’għandu l-awtorita’ personali fuq il-ħajja ta’ ħaddieor. Din is-sentenza waħedha kif qal il-Professur Frendo - u nikkwota allura - tiġbor l-ispirtu kuxjentement liberali li fuqu hija mibnija d-dikjarazzjoni Maltija ta’ mitejn sena ilu. Is-setgħa, tikkonkludi d-dikjarazzjoni, qiegħda biss fil-liġi u l-prevenzjoni u l-kastigg jistgħu jiġu eżerċitati biss f’obbidjenza għal-liġi. That was a quantum leap ahead. Kienet xi ħaġa rari fil-bidu tas-seklu dsatax li poplu li għadu ġej minn ħakma tal-Kavallieri ta’ l-Ordni ta’ San Gwann jasserixxi jew jipprova jasserixxi l-identita’ tiegħu b’dawn il-kliem.
Sur President, ovvjament kif anke kkonkluda l-professur Frendo, irridu nagħmlu ftit ta’ awto-kritika, u mhux ftit. Baqagħlna x’naqdfu. L-identita’ Maltija ma nibżgħux għaliha, ma bżajniex għaliha biżżejjed. Jekk l-Ingliżi pprovaw inessuna dik id-dikjarazzjoni sta għalina l-Maltin tal-lum niftakruha u nfakkruha. Ma nistgħux nibqgħu niddependu fuq il-pezzi bukkuni, il-hearsay, id-detto del detto biex insiru nafu l-istorja ta’ pajjiżna. Suġġeriment li għamlu anke l-professur Frendo u nagħmlu tiegħi hawnhekk f’dan il-parlament huwa li għandna bżonn inizjattivi oħrajn biex nippromwovu l-identita` Maltija. Per eżempju, għandna fondazzjoni għall-istudji internazzjonali, pero’ fondazzjoni għall-istudji Maltin m’għandniex. Għandna istitut Mediterranju, pero’ istitut Malti m’għandniex. Id-dikjarazzjoni ta’ l-1802 kienet inkoraġġanti pero’ fl-istess ħin skonċertanti. Kienet inkoraġġanti għaliex fl-għeqqel tad-disgwid ta’ dan l-abbandun missierijietna ltaqgħu flimkien u raw kif l-aħjar jagħtu l-espressjoni kollettiva għal dak li kienu qegħdin iħossu u kif l-aħjar bil-mezzi li kellhom ifasslu pjan għall-futur tagħhom. Pero’ kienet skonċertanti, kif jgħid il-professur Frendo, għaliex għandna verament nibżgħu, ilkoll kemm aħna, li l-valuri li tesprimi d-dikjarazzjoni ftit li xejn huma magħrufa u ftit li xejn għadhom apprezzati. Il-liberta’ u l-ġustizzja trid tiġġilidhom kuljum. Irridu niġġieldu għalihom ta’ kuljum. Il-Professur Frendo kkonkluda d-diskors tiegħu billi qal hekk:

“Il-bajtra ma taqax f’ħalqek u anke meta tintrifes tinqabeż u titwarrab xorta waħda trid tissielet biex tissopravivi kontra sistemi, strutturi u interessi konfliġġenti jew indifferenti, u hekk tonora almenu l-amor proprju tiegħek stess.”.


X’qegħdin ngħidu hawnhekk? Qegħdin ngħidu li l-bniedem miegħu nnifsu jrid jgħix u jrid jibża` għall-amor proprju tiegħu stess.

Irridu nassiguraw u niġġieldu biex ir-realta` Maltija tingħaraf b'mod organiku, b'mod komplet u tiġi artikolata, arrkkita, komunikata u studjata. We owe it to our forefathers but we owe it to ourselves as well.


Sur President, dan kien l-ewwel spunt li xtaqt nieħu biex nasal għad-diskussjoni fuq dan l-abbozz ta' liġi għax dak li l-Maltin ipprovaw jagħmlu fl-1802 diversi gvernijiet Maltin sussegwentement bnew fuqu, speċjalment bl-Att ta' l-1987 ta' Awissu. F’dak l-Att daħħalna bis-serjeta` d-dritt li ċittadin Malti jista' anke jmur fil-qorti Ewropea ta' Strasbourg u jfittex il-gvern Malti. Il-gvern Malti qiegħed lilu nnifsu taħt il-liġi, mhux 'il fuq mil-liġi. Dik kienet il-portata ta' l-Att ta' l-1987 li l-gvern Malti huwa taħt il-liġi, anke dik internazzjonali tat-tħaris tad-drittijiet tal-bniedem.
Hawnhekk nixtieq nipproponi xi ħaġa li kont ipproponejt f'aġġornament naħseb 'il fuq minn sentejn ilu. Diversi drabi l-qrati tagħna jsibu u jiddikjaraw li ċerti liġijiet jew ċerti artikli ta' ċerti liġijiet huma kontra l-Kostituzzjoni. Niftakar kawża partikolari, inzertajt kont jien l-avukat, fejn il-qorti ma setgħetx tarresta xhud b'mod indefinittiv u allura dak l-artikolu tal-liġi li jagħti poter lill-ġudikant jarresta xhud għal żmien indeterminat ġie dikjarat li jmur kontra l-Kostituzzjoni. Kellna sentenza, jekk m`iniex sejjer żball, ta' l-Imħallef Magri fejn il-Prim’Awla qalet li dak l-artiklu tal-liġi fil-kodiċi ċivili li jiddiskrimina bejn tfal illeġittimi u tfal leġittimi, kwantu għal-leġittima li jistgħu jieħdu għaliex it-tfal illeġittimi għandhom jieħdu terz tal-leġittima li jieħu tifel leġittimu, huwa kontra d-drittijiet tal-bniedem. Dan kien kważi erba' snin ilu, jekk mhux sitta. Pero` l-artiklu tal-liġi għadu hemm u s-sentenza għadha hemm u hemm diversi sentenzi oħrajn u qed niftakar fi tnjen partikolari. Wasal iż-żmien li jitwaqqaf kumitat parlamentari ad hoc li jkun kompost mill-avukat ġenerali, mill-ministru tal-ġustizzja u x-shadow tiegħu mill-oppożizzjoni, ħalli jkun hemm rappreżentanza tajba, biex appena jkun hemm sentenza li tiddikjara artikolu tal-liġi li jmur kontra d-drittijiet jew kontra l-Kostituzzjoni ta' Malta jissejjaħ dan il-kumitat mill-ewwel biex jiġu abbozzati l-emendi mill-ewwel biex dak l-istat ta' illegalita` ma jibqax jippersisti għaliex illum qed ngħixu fi stat ta' illegaita` meta għandek artikolu tal-liġi li jiġi ddikjarat kontra l-Kostituzzjoni, liema artikolu tal-liġi għadu miktub kif kien fl-1854. Dak huwa mela s-suġġeriment umli tiegħi.
Sur President, dan l-abbozz huwa importanti u verament ħaqqu tifħir il-gvern b'mod partikolari l-Ministru tal-Ġustizzja għal din il-quantum leap ahead fil-qasam tat-tħaris tad-drittijiet tal-bniedem. Għalfejn qed ngħid dan? Mhux qed ngħidu hekk, b’kumpliment a skapitu tal-verita` imma għax b’dan l-abbozz l-Istat Malti qed jintrabat – u dan irridu nissoffermawh u nagħmu enfasi fuqu - li jagħti kumpens ta' mhux iktar minn Lm10,000 għal dawk il-persuni, huma min huma Maltin jew le, li jkunu sofrew miscarriage of justice. L-Istat Malti għall-ewwel darba fl-istorja leġislattiva ta' pajjiżna qed jirrikonoxxi li huwa għandu responsabbilta` morali u responsabbilta` legali għall-persuna li tkun instabet ħatja ta' reat kriminali b'deċiżjoni finali, tkun ġarrbet piena bħala riżultat ta' dak is-sejbien ta' ħtija u l-Istat irid jikkummpensaha sa massimu ta' Lm10,000. Wieħed forsi jgħidli: Imma Lm10,000 biżżejjed? Jien ngħid li l-liberta` m'għandhiex prezz, pero` diġa` huwa healthy li għandna threshold ta' Lm10,000. Anzi jien nissusġġerixxi li għandu jkun hemm skala ta' kumpens. Bniedem li l-miscarriage of justice tiegħu ġiet skoperta wara ftit xhur li kien qed jiskonta sentenza ta` ħabs m’huwiex fl-istess pożizzjoni ta' bniedem li l-miscarriage of justice tiegħu ġiet skoperta 20, 25, 30 sena wara. Mela allura l-kumpens ta' wieħed m'għandux ikun daqs ta' l-ieħor għax il-ġustizzja tfisser, kif kien qal Cicerun, tagħti lil kulħadd skond kemm ħaqqu. Mela allura għandu jkun skala li dak li l-miscarriage of justice tiegħu tkun saret entro ċertu perjodu ta' żmien jingħata tant kumpens pero` dak li l-miscarriage of justice tiegħu ġiet skoperta wara tant żmien jingħata kumpens ogħla. Importanti li napprezzaw dan il-pass 'il quddiem. Dan huwa pass li leġislattivament huwa kuraġġjuż. L-Istat Malti qed jissoġġetta ruħu għal-liġi.
Sur President, ħalli nagħmel suġġeriment ieħor. Jiena naħseb li kont l-ewwel wieħed f'dan il-Parlament, madwar tliet snin ilu, fejn f’aġġornament kont issuġġerejt xi ħaġa, mhux identika pero` ftit simili għall-kunċett tal-kumpens li hawn f'dan l-abbozz. Fil-qorti, mhux ta' kuljum jew ta' sikwit, għal Grazzja ta' Alla rari pero` once li jiġri anke għal wieħed huwa biżżejjed, ikollok bniedem akkużat li ma jkollux il-bail, il-ħelsien mill-arrest isir il-proċess tiegħu u jiġi liberat. Jista` jkollok proċess li ġie deċiż mill-qorti tal-maġistrat wara ftit xhur. Pero` jekk ikollok il-proċess deċiż mill-ġuri ċertament se jkun deċiż mhux wara ftit xhur imma forsi wara sena, sentejn, tlieta jew erbgħa. U jekk tiġi liberat mill-ġuri wara li tkun għamilt tliet snin imċaħħad mil-liberta` tiegħek? Jekk tiġi liberat wara sitt xhur taħt arrest preventiv? Il-liberta` tiegħek min se jagħtihielek lura? Dawk is-sitt xhur, dik is-sena jew dawk is-sentejn min se jagħtihomlok lura? U kien hemm każ, għax f'ġuri ta' Tuneżin deċiż akkużat bi traffikar ta' droga kien għamel erba' snin taħt arrest preventiv u f'April ta' l-1998 jew 1999 il-ġuri lliberah. Ma tantx kellna minnhom, nerġa' ngħid, pero` għalija anke għal wieħed huwa biżżejjed. Il-liberta` ta' bniedem wieħed hija importanti għaliex hija l-għeżeż ħaġa li għandna, mingħajrha m'aħniex li aħna.
Sur President, xtaqt hawnhekk nikkwota lill-awtur Ingliż penalist, Blackstone li jgħid hekk:
Better nine guilty persons be acquitted than one innocent person be found guilty.”.
L-agħar forma ta' inġustizzja hija dik li ssir f'isem il-ġustizzja mela allura għandu jingħata kumpens għal għal dak l-akkużat li jkun ġie lliberat wara tant żmien, ikun hemm ikun, taħt arrest preventiv, għax dan ikun taħt arrest preventiv b'deċiżjoni soġġettiva tal-ġudikant u aħna ma nistgħux infittxu l-ġudikanti b'mod personali. Alla ħares għaliex tispiċċa l-indipendenza tal-ġudikatura. Allura min irid jirrispondi? Irid jirrispondi l-Istat. Għandu jingħata kumpens, jew għallinqas tiġi mistħarrġa l-possibbilta`, għaliex once li l-gvern qed jieħu dan il-pass tas-sens ta' onesta` politika u legali li jingħata kumpens għal dak il-bniedem li jkun sofra miscarriage of justice, hija inġustizzja wkoll dik li inti tiġi liberat wara tant żmien taħt arrest preventiv. Miscarriages of justice isiru. Frame-up huwa miscarriage of justice. Huwa l-agħar forma ta' miscarriage of justice u kellna frame-ups f'dan il-pajjiż u kien hemm min bata. Kien hemm min mhux hu biss bata imma anke l-familja. Immaġinaw ftit, bniedem innoċenti tressqu għall-qorti umiljat, imċappas u akkużat b'delitt, forsi jkun delitt ta' omiċidju, meta ma għamlux u inti taf li ma għamlux u xorta tressqu l-qorti. Imma x'wiċċ għandek? Fejn hija l-kuxjenza?
Pero` sfortunatament kien hemm ċirkostanzi f'dan il-pajjiż, mhux fi żmien il-Franċiżi jew fi żmien l-Ingliżi imma meta konna rajna f'idejna, meta konna indipendenti u saru dawn l-oxxenitajiet fil-qorti. Mhux qed nitkellem allura fuq affarijiet li qed nivvintawhom. U tajjeb allura li l-gvern qed jintrabat f'dan l-abbozz li jagħti kumpens għal min isofri miscarriage of justice għaliex, per eżempju, l-Ingilterra kellhom il-Gilford Four u l-Manchester Six li kienu frott il-gwerra ċivili ta' l-Irlanda. Dawk kienu miscarriage of justice li ġew skoperti wara 20 sena. Immaġinaw ftit, tagħmel 20 sena l-ħabs meta taf li ma għamiltx dak ir-reat. Ma tibqax bniedem. Titlef is-sens, tiġi umiljata d-dinjita` tal-bniedem. Allura tajjeb u ta' min ifaħħru dan il-pass. Kull min għandu għal qalbu l-qasam tad-drittijiet tal-bniedem irid jifraħ u juri s-sodisfazzjon tiegħu għal dan l-abbozz.
Sur President, mhux se nidħol fi protokolli li se jiġu mehmuża għaliex inkun qed nirripeti dak li qalu ta` qabli. Imma rrid ngħid li qegħdin nirrikonoxxu li m'għandux ikun hemm priġunerija għal dejn, il-liberta` tal-moviment, id-dritt ta' appell f'materja kriminali u l-ugwaljanza bejn il-konjuġi, li aħna daħħalna fl-1989 u anke saħansitra emendejna l-Kostizzujoni fl-1990 biex jirrifletti dan il-protokoll. Dawn huma kollha affarijiet li għandna niftaħru bihom. Pero` l-qasam tad-drittijiet tal-bniedem huwa qasam in a permanent state of flux. Qatt ma tista' tgħid li wasalt fejn ridt. Dejjem hemm x'tilleġisla, dejjem hemm x'tiskopri. Jien naħseb li tajjeb li nirrikonoxxu dak li kien qal Cicerun ħafna u ħafna snin ilu meta qal li aħna rridu nkunu servi tal-liġi sabiex nistgħu nkunu nies ħielsa. Dak li kien qal Cicerun bl-għerf tar-Rumani u kemm għadu attwali. Aħna servi, jew pjuttost skavi tal-liġi sabiex b'hekk inkunu nies ħielsa. Inti tkun persuna ħielsa u libera għaliex tkun taħt il-liġi. Min jaħseb li mingħajr liġijiet se jkun bniedem ħieles se jkun żbaljat, u huwa żbaljat għaliex l-istorja qed turik. Pero` meta għandek qafas leġislattiv tajjeb inti għandek il-garanzija tala-liberta`, tal-ħelsien u tal-ġustizzja. Allura ċertament kull ċittadin ikun jista' jgħix b'mod aktar trankwil u aktar dinjituż għaliex jaf li l-Istat tiegħu, l-Istat Malti f'dan il-każ, qed ipoġġi lilu nnifsu taħt il-liġi, mhux 'il fuq mil-liġi. U din hija importanti li nifhmuha għaliex kien hemm żmien, mhux daqstant 'il bogħol 15 jew 20 sena ilu, li l-Istat kien jaħseb li hu ‘l fuq mil-liġi. L-Istat kien jaħseb li l-ministru kien omnipotenti, li l-ministru kien omnixjenti, jaf kollox u ħadd ma jista' jmerih. Pero` għall-grazzja t'Alla dak iż-żmien għadda. Pero` rridu nkunu viġilanti għaliex il-passat jista' jkun mera tal-futur. Irridu nkunu viġilanti għax il-liberta` u d-demokrazija rridu niġġieldu għalihom kuljum. Ma nistgħux inkunu complacent f'din il-ġlieda, f'dan it-tħaris għad-drittijiet tal-bniedem.
Sur President, jiena naħseb li dan huwa abbozz pożittiv li għandu jqiegħed 'il fuq fil-pedament il-qasam tad-drittijiet tal-bniedem. Pero` ċertament ejjew nirrikonoxxu wkoll dak li għamlu ta' qabilna. Semmejt id-dikjarazzjoni ta' l-1802. Jien niftakar, kont għadni s-Sixth Form, meta kienu ħarġu posters bid-dikjarazzjoni nnifisha u tqassmu fost l-istudenti. Niftakar ukoll li hemm waħda partikolari f'uffiċċju partikolari l-qorti. Din id-dikjarazzjoni kelma b’kelma, bit-test awtentiku, bit-test oriġinali kienet tqassmet u kienet qajmet kuxjenza fuq dak l-istat ta' fatt. Ejjew nerġgħu nfakkruhom avvenimenti bħal dawk. Għaddew 200 sena u għandna dejn lejn dawk ta' qabilna għaliex araw ftit x'sagrifiċċju għamlu. Fl-imblokk tal-Franċiżi kienu mietu 20,000 Malti biex jiġġieldu u biex iġibu l-liberta` tagħhom. Immaġinaw ftit 20,000 minn popolazzjoni ta' Malta ta' dak iż-żmien. Pero` m’iniex se nidħol f'diskorsi storiċi għaliex inkella ma nispiċċa qatt. L-importanti hu li jekk irridu verament nirrikonoxxu lil dawk li ġew qabilna, mid-dikjarazzjoni li għamlu rridu nirrikonoxxu li hawn bżonn istitut għall-istudji Maltin, għall-identita` Maltija għaliex għandna teżor ta' realta` ta' identita` Maltija li ftit li xejn napprezzaw, anzi li nagħtu bis-sieq. Nagħmel imħatra ma' min irid li tliet kwarti ta' l-istudenti Maltin, jekk mhux tal-Maltin, ma jafux b’din id-dikjarazzjoni. Huwa importanti li f’affarijiet bħal dawn niġġieldu dan is-sens ta' kompjazenza, pero` napprezzaw l-iżviluppi leġislattivi li qed isiru għaliex qed ikunu żviluppi importanti u żviluppi li jagħmlu ġieħ lill-Istat Malti. Grazzi.
THE DEPUTY SPEAKER: Grazzi. Hawn aktar rimarki? L-Onor. Noel Farrugia.
ONOR. NOEL FARRUGIA: Grazzi, Sur President. L-għanijiet u raġunijiet ta’ dan l-abbozz ta’ liġi jgħidu hekk:
“L-għan ta’ dan l-Abbozz hu sabiex jestendi d-dispożizzjonijiet ta' l-Att prinċipali għad-Drittijiet tal-Bniedem u Libertajiet Fondamentali protetti bir-Raba', s-Sitt u s-Seba' Protokolli li hemm mal-Konvenzjoni.”.
L-ewwelnett nixtieq niddikjara li llum il-libertajiet fundamentali u d-drittijiet tas-sajjieda huma mhedda minn sajjieda oħra tal-pajjiżi membri ta' l-Unjoni Ewropea. Hawnhekk ikun tajjeb li wieħed ifakkar id-dikjarazzjonijiet li għamlu s-sajjieda Maltin u Għawdxin fis-snin 2001 u 2002 li fihom qalu li jħossu li l-gvern għandu jagħti s-sehem tiegħu biex jipproteġi d-drittijiet tas-sajjieda u l-libertajiet fundamentali tagħhom meta dawn ikunu qegħdin iwettqu l-mestjier tagħhom bejn sema u ilma aktar u aktar meta x-xogħol tagħhom huwa wieħed perikoluż u tal-biżgħa. Dawn jiddikjaraw li jinsabu mhedda kontinwament u għaldaqstant irrid nikkundanna l-aġir tas-sajjieda barranin li abbużivament qed iġibu fil-periklu l-ħajjiet, id-drittijiet u l-libertajiet fundamentali tas-sajjieda Maltin u Għadwxin. Per eżempju, jien kont diżilluż meta smajt id-dikjarazzjonijiet li għamlu s-sajjieda Maltin u Għawdxin bejn il-lejl tat-Tnejn u t-Tlieta filgħodu fejn qalu li minkejja li bdew jgħajtu u anke kkommunikaw mas-sajjieda barranin biex jinformawhom li kienu deħlin fuq il-konzijiet tagħhom, dawn injorawhom totalment u baqgħu għaddejjin bil-konsegwenza li kkawżawlhom eluf kbar ta' liri f'danni u ħsarat.
Sur President, inċident ieħor li ġara jumejn ilu jinvolvi għadd kbir ta’ dgħajjes u tugboats tas-sajjieda barranin li wħud minnhom għamlu ġesti oxxeni wara li s-sajjieda Maltin informawhom li kienu se jgħaddu minn fuq il-konzijiet tagħhom. Bħala kelliem ewlieni ta’ l-oppożizzjoni għal dan il-qasam ma nistax ma nikkundannax dan l-aġir. Nixtieq nikkundanna wkoll l-aġir tal-Ministru ta’ l-Agrikoltura u Sajd li wara li dalgħodu staqsejtu xi mistoqsijiet dwar din il-pożizzjoni qal li kollox ġie rranġat u l-problemi ġew solvuti. Jien għandi nifhem li għandna nkunu realistiċi u saqajna ma’ l-art għax jidher li dawn is-sajjieda qed jiġu mneżża’ mid-drittijiet tagħhom. Il-membri ta’ din il-Kamra għandhom jagħmlu osservazzjonijiet kbar għax ma jistax ikun li jiġru dawn l-affarijiet minn sajjieda oħrajn fir-reġjun tal-Mediterran, jiġifieri Taljani, Spanjoli u Franċiżi¸ li suppost jirrispettaw il-liġijiet internazzjonali u d-drittijiet tal-bniedem. Ma jistax ikun li ma nipprotestawx għal dawn l-affarijiet li Allaħares qatt jistgħu jispiċċaw f’xi inċident fatali. Jien insostni li m’għandniex nistennew li jseħħu inċidenti fatali u allura nappella lin-naħa tal-gvern biex ma tibqax tieħu dawn l-affarijiet with a pinch of salt u bl-aktar mod diżonest u rresponsabbli. Dawn l-affarijiet qed jheddu l-ħobż, il-ħajjiet tan-nies u l-industrija tas-sajd tagħna u għaldaqstant wieħed irid ikun ċar u jrid jifforma opinjoni kategorika dwar dawn l-abbużi u dwar dan it-theddid li qed isir.
Sur President¸ minn hawnhekk nixtieq insellem il-mod qalbieni tas-segretarju tal-koperattiva¸ is-Sur Raymond Bugeja, li ġab għal attenzjoni tal-gvern l-importanza li pajjiżna jipproteġi l-25 mil kosta tas-sajd għax skond hu¸ din hija l-unika żona li fadlilhom fejn jistadu s-sajjieda tagħna. Is-Sur Bugeja mhux qed jagħmel dan biex jaġevola l-politika Laburista li qed jipproponi partnership ma’ l-Unjoni Ewropea jew inkella biex jagħmel mażżra fuq il-viżjoni tal-partit Nazzjonalista dwar din is-sitwazzjoni fid-dawl tas-sħubija ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea. Dan huwa bniedem onest u responsabbli li qed jgħid il-verità sabiex bl-akbar għaqal jiddefendi l-interessi tal-membri tal-koperattiva tiegħu, l-interessi tal-bqija tas-sajjieda Maltin u Għawdxin kif ukoll l-interessi ta’ l-industrija tas-sajd u l-industrija tal-bejgħ tal-ħut li tipprovdi provvistà sostanzjali ta’ ħut frisk għall-konsumatur u għall-industrija tat-turiżmu.
Sur President, jekk nirriflettu ftit dwar id-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali żgur li nsibu aktar affarijiet importanti minn dan li qed ngħid imma ma jistax ikun li aħna bħala parlament ma nieqfus quddiem dawn in-nuqqasijiet, dawn l-abbużi u dawn l-inġustizzji sfaċċati li qed isiru fuq il-poplu tagħna. Hawnhekk qed nitkellmu fuq sajjieda li għandhom l-aktar vapuri sofistikati¸ għandhom radars li jistgħu jevitaw kull periklu u l-aktar apparat sofistikat fid-dinja biex jistadu għal dan l-ispeċi u mbagħad niġu hawnhekk ngħidu li rridu li s-sajjieda tagħna jridu jiżviluppaw u jirristruturaw meta min huwa rristrutturat u żviluppat diġภqed jhedded il-ħajja tas-sajjieda Maltin u Għawdxin. Huwa għalhekk li dalgħodu jien ma komplejtx nagħmel mistoqsijiet fil-ħin tal-mistoqsijiet parlamentari għax minkejja li l-ministru jaf li saru dawn l-affarijiet, qal li s-sajjieda rranġaw kollox bejniethom. Għalhekk nerġa’ nsostni li ma jistax ikun li nieħdu dawn l-affarijiet with a pinch of salt u nħallu lis-sajjieda jgħumu waħedhom¸ jekk ukoll ma jiġrix kif ġara s-sena l-oħra u jkollna niddeċiedu li nattakkawhom permezz tal-forzi tagħna minħabba xi rregolaritajiet li xi ħadd għaref seta’ fehem li kien hemm.
Hawnhekk qed nitkellmu fuq ksur tad-drittijiet tal-bniedem u tal-libertajiet fundamentali minn ċittadini ta’ pajjiżi membri ta’ l-Unjoni Ewropea li suppost huma l-kapulavur ta’ dawn l-affarijiet. Imbagħad għandna l-gvern Malti li qed jiġi mitlub biex ikun assistit mill-patrol boats ħalli dawn l-affarijiet ma jibqgħux isiru.
Sur President¸ meta jien nitkellem fuq id-drittijiet tal-bdiewa u tas-sajjieda forsi ma nibgħatx messaġġ tajjeb biżżejjed għaliex donnu li dawn is-setturi li minnhom jiddependi l-ikel tal-poplu Malti kollu¸ ħadd ma jagħtihom il-valur li ħaqqhom.
Ma nistax ma nsemmix ukoll il-fatt li s-sena l-oħra u din is-sena s-sajjieda barranin għamlu ħerba sħiħa fil-konzijiet tal-Maltin u l-Għawdxin li huma konzijiet silettivi u mhux distruttivi. Ta’ min igħid li l-mod kif jistadu s-sajjieda tagħna jġib ir-rispett tal-globu għax is-sajjieda tagħna ma jistadux għat-tonn bil-purse-seiners imma jistadu bil-konz u bis-sunnara u dan huwa mod rispettabbli lejn il-ħajja u lejn l-ispeċi tal-ħut. Meta tistad bil-konzijiet ma jiġrix kif jiġri fil-purse-seiners fejn jinqabdu wkoll speċi ta’ annimali protetti fosthom il-frieken, id-dniefer u x-sharks bil-konsegwenza li meta tingħalaq il-purse-seiner, din tiġi qisha ballun u t-tonn tant jibda jagħti li ħafna drabi qabel jifga hu jkun ħoloq impatt mill-iktar distruttiv fuq l-ispeċi ta’ l-annimali protetti tal-baħar l-oħrajn.
Sur President, nisimgħu lil min igħid li l-politika Laburista ta’ Svizzera fil-Mediterran u l-politika Laburista ta’ partnership ma’ l-Unjoni Ewropea ma jifhimhiex. Pero’ li ma jinftiehemx żgur huwa l-mod kif is-sajjieda barranin li huma protetti u ssussidjati mill-pajjiżi tagħhom li huma membri ta’ l-Unjoni Ewropea qed ikissru u jheddu d-drittijiet u l-libertajiet fundamentali tas-sajjieda Maltin u Għawdxin.
Għalhekk huwa mportanti ħafna li kif igħid il-Kap ta’ l-Oppożizzjoni¸ nikkonċentraw fuq il-bżonnijiet tal-poplu u tal-gżira tagħna u nifhmu li ċ-ċirkostanzi¸ id-daqs ġeografiku ta’ pajjiżna u l-esperjenzi ta’ pajjiżna huma tagħna u allura rridu nħarsuhom u nipproteġuhom. Iż-żmenijiet tal-lum li huma mimlija opportunitajiet, tensjonijiet u sfidi rridu nagħrfu nanalizzawhom b’mod nadif u b’mod ħieles.
Għaldaqstant jien inħoss li għandi nikkjarifika l-messaġġ tal-mexxej Laburista jiġifieri li nikkonċentraw aktar fuq il-problemi tal-Maltin u l-Għawdxin. Hawnhekk nixtieq nistqarr li f’dak li għandu x’jaqsam mas-sħubija ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea qed isiru dikjarazzjonijiet foloz lill-poplu tagħna, dikjarazzjonijiet li¸ fl-opinjoni personali tiegħi, qed jheddu d-drittijiet u l-libertajiet fundamentali tal-poplu tagħna. Jien ngħid li l-MIC, il-Moviment IVA u xi ġurnali li għal xi raġunijiet jew oħra aktar jippromwovu l-ħsieb li Malta għandha tissieħeb fl-Unjoni Ewropea¸ għandhom ikunu sostenibbli u maturi u jifhmu li l-Oppożizzjoni Laburista mhux qed tbeżża’ bil-babaw imma qed twassal dak li qed tistudja biex tiggarantixxi d-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali tas-soċjetà tagħna. Nirringrazzjak.

MR SPEAKER: Grazzi. Nitlob lill-Ministru Austin Gatt biex, jekk jogħġbu¸ jressaq l-Aġġornament tal-Kamra.

F’nofsinhar id-diskussjoni ġiet interrotta u baqgħet aġġornata.


Yüklə 218,99 Kb.

Dostları ilə paylaş:
1   2   3   4




Verilənlər bazası müəlliflik hüququ ilə müdafiə olunur ©muhaz.org 2024
rəhbərliyinə müraciət

gir | qeydiyyatdan keç
    Ana səhifə


yükləyin