L-Erbgħa, 15 ta’ Jannar 2014 Il-Kumitat iltaqa' fil-Palazz, il-Belt Valletta, fis-6.47 p.m.
PERMESS LILL-MEDIA MR SPEAKER: Nagħti merħba lil kulħadd f’din il-laqgħa tal-Kumitat Permanenti dwar ix-Xogħol tal-Kamra. Qabelxejn, hawn talba biex membri tal-media jingħataw il-permess jidħlu fil-Kumitat. Hawn permess? (Onor. Membri: Iva)
Il-permess ingħata.
MINUTI Il-Minuti tal-Laqgħa Nru. 12, li saret fis-17 ta’ Diċembru 2013, ġew ikkonfermati. MR SPEAKER: L-Onor. Carmelo Abela.
ONOR. CARMELO ABELA: Mr Speaker, il-Minuti qed jirreferu għal ittra li ntbagħtet mis-Sur Sant liż-żewġ Whips. Dakinhar kont għedt li ma rċevejthiex; però, kif mort id-dar, sibtha fil-posta, jiġifieri kienet intbagħtet. Qed ngħid dan għall-korrettezza.
MR SPEAKER: Onor. Agius, inti rċevejtha wkoll?
ONOR. DAVID AGIUS: Iva, Mr Speaker, irċevejtha.
MR SPEAKER: Mela l-ittra li bagħat dakinhar, għall-korrettezza tal-Minuti, irċevejtha kemm inti, Onor. Abela, kif ukoll inti, Onor. Agius.
Ngħaddu issa għax-Xogħol tal-Kamra. Id-Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Ewropej u Twettiq tal-Manifest Elettorali.
XOGĦOL TAL-KAMRA ONOR. LOUIS GRECH (Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Ewropej u Twettiq tal-Manifest Elettorali):Mr Speaker, aħna qed nipproponu din l-aġenda għas-sessjonijiet li jmiss: nhar it-Tnejn, 20 ta’ Jannar 2014, se nkomplu niddiskutu l-Abbozz ta’ Liġi dwar il-Professjoni tax-Xogħol maż-Żgħażagħ, Abbozz nru. 30 – it-Tieni Qari. It-Tlieta, 21 ta’ Jannar, se nagħmlu mozzjoni dwar patents, li se tkun immexxija mis-Segretarju Parlamentari għall-Ġustizzja, u mbagħad, ikollna Abbozz ta’ Liġi dwar Patents. Imbagħad, ikollna l-Abbozz ta’ Liġi li jemenda l-Kodiċi Kriminali, Emenda nru 3, li jiġi Abbozz nru 22 – it-Tieni Qari. Imbagħad, hemm l-Abbozz ta’ Liġi li jemenda l-Kodiċi Kriminali, Emenda nru 4, Abbozz nru. 23, fl-istadju tat-Tieni Qari; kif ukoll l-Abbozz ta’ Liġi li jemenda l-Att dwar l-Affarijiet tal-Konsumatur, Abbozz nru 31 – it-Tieni Qari. Dik hija l-aġenda tat-Tlieta, 21 ta’ Jannar. L-Erbgħa nipproponu li jkun hemm Abbozz ta’ Liġi li jemenda l-Liġijiet tal-Komunikazzonijiet, Abbozz nru. 33 – it-Tieni Qari.
ONOR. DAVID AGIUS: Ministru, ħu paċenzja bija: tat-Tnejn fhimtha li qed ngħidu li se nagħmlu l-Abbozz ta’ Liġi dwar il-Professjoni tax-Xogħol maż-Żgħażagħ ...
ONOR. LOUIS GRECH: Qed ngħidu li t-Tnejn se jkun hemm Abbozz ta’ Liġi dwar il-Professjoni tax-Xogħol maż-Żgħażagħ; imbagħad, it-Tlieta nagħmlu l-mozzjoni dwar patents. ONOR. DAVID AGIUS: Jiġifieri, qed ngħidu għall-Mozzjoni 78, hux hekk?
ONOR. LOUIS GRECH: Hekk hu. Imbagħad se jkollna l-Abbozz ta’ Liġi li jemenda l-Kodiċi Kriminali, Emenda nru. 3, l-Abbozz ta’ Liġi li jemenda l-Kodiċi Kriminali, Emenda nru. 4, u l-Abbozz ta’ Liġi li jemenda l-Att dwar l-Affarijiet tal-Konsumatur, Abbozz nru. 31 – it-Tieni Qari.
MR SPEAKER: Mela, dik il-ġurnata tat-Tlieta.
ONOR. LOUIS GRECH: Hekk hu. Għall-Erbgħa, 22 ta’ Jannar, se jkollna l-Abbozz ta’ Liġi li jemenda l-Liġijiet tal-Komunikazzjonijiet, Abbozz Numru 33,.
ONOR. MARIO DE MARCO: L-Erbgħa se jkollna dak biss?
ONOR. LOUIS GRECH: Jista’ jagħti l-każ li jkun hemm il-kontinwazzjoni tal-oħra.
ONOR. CARMELO ABELA: L-intenzjoni hi li l-Erbgħa, 22 ta’ Jannar, nibdew bl-Abbozz ta’ Liġi dwar il-Komunikazzjoni. Jekk jitlesta matul is-seduta, immorru fuq xi abbozz ta’ liġi li ma jkunx tlesta mill-ġurnata ta’ qabel.
ONOR. LOUIS GRECH: Għat-Tnejn, 27 ta’ Jannar aħna qed nissuġġerixxu li jkun hemm il-mozzjoni tal-Oppożizzjoni dwar Kumitat Permanenti fuq is-Saħħa.
MR SPEAKER: Kien hemm mozzjoni tal-Onor. Claudio Grech, hux hekk?
ONOR. LOUIS GRECH: Hekk hu. F’dik il-ġimgħa għandu jkun hemm ukoll diskussjoni fuq il-mozzjoni tal-Oppożizzjoni dwar l-IIP.
MR SPEAKER: Hawnhekk għandu raġun l-Onor. David Agius li qed jistaqsi: it-Tnejn se nibdew bil-mozzjoni tal-Onor. Claudio Grech?
ONOR. LOUIS GRECH: Dawn huma l-proposti tagħna.
MR SPEAKER: Ħalli nibdew biċċa biċċa. Intom min-naħa tagħkom, Onor. de Marco u Onor. Agius,kemm għandkom bżonn?
ONOR. DAVID AGIUS: Seduta waħda biżżejjed.
ONOR. LOUIS GRECH: Jiġifieri, għal dik għandhom bżonn seduta waħda.
ONOR. DAVID AGIUS: Biżżejjed seduta waħda li tkun maqsuma bejn iż-żewġ naħat. Il-ħin jinqasam indaqs bejn iż-żewġ naħat.
MR SPEAKER: Mela t-Tnejn tiġi eżawrita dik il-mozzjoni. Mela nistgħu ngħaddu għat-Tlieta, 28 ta’ Jannar, fejn hemm mozzjoni oħra tal-Oppożizzjoni.
L-Onor. Carmelo Abela.
ONOR. CARMELO ABELA: Dwar il-mozzjoni tas-Saħħa, informalment tkellimna bejn Gvern u Oppożizzjoni, jiġifieri sa dakinhar forsi tajjeb li nkomplu nitkellmu ftit ieħor informalment fuqha biex naraw kif nistgħu naslu. Però, id-dibattitu jrid isir.
MR SPEAKER: Id-dibattitu huwa stradat għal nhar it-Tnejn, 20 ta’ Jannar, u għandna bżonn ta’ seduta waħda, bil-ħin jinqasam indaqs bejn iż-żewġ naħat. Ngħaddu għall-ġurnata tat-Tlieta, fejn hemm il-mozzjoni tal-Oppożizzjoni dwar l-IIP.
ONOR. LOUIS GRECH: Aħna qed nissuġġerixxu li jkun hemm żewġ seduti.
MR SPEAKER: L-Onor Agius.
ONOR. DAVID AGIUS: Jiena naħseb li jekk naqilbuhom ikun aħjar għaliex, fit-28 ta’ Jannar – jekk m’inix sejjer żball – jidher li ngħatat data partikolari għal kumitat partikolari.
MR SPEAKER: Iva, fil-fatt kont se niġi għaliha.
ONOR. DAVID AGIUS: Jiġifieri, it-Tnejn nibdew tal-IIP, u t-Tlieta nagħmlu tas-Saħħa. Imbagħad, l-Erbgħa nkomplu tal-IIP.
MR SPEAKER: Hemmhekk għandek punt għax, fil-fatt, hemm id-data tal-Kumitat dwar il-Privileġġi, li xtaqt inkomplih on the 28th. Nitlobkom titfu daqsxejn il-microphone.
Onor. Grech u Onor. de Marco, naħseb nistgħu nirrikapitolaw hekk. It-Tnejn se mmorru għall-mozzjoni mhux tal-Onor. Claudio Grech, imma għall-mozzjoni l-oħra. It-Tlieta se mmorru għall-mozzjoni tal-Oppożizzjoni tal-Onor. Claudio Grech. Qed neħodha li t-Tlieta wkoll se jkollna l-Kumitat dwar il-Privileġġi, ħalli ninformaw lill-Prim Ministru bħala l-ewwel xhud, biex jagħti x-xhieda tiegħu dakinhar fil-każ tal-Ksur ta’ Privileġġ prima facie tal-Onor. Simon Busuttil. U l-Erbgħa nkomplu bil-mozzjoni ... (Interruzzjonijiet)
L-Onor. David Agius.
ONOR. DAVID AGIUS: Se nieħu naqra feedback mingħand il-Membri li se jitkellmu min-naħa tagħna. Issa, imbagħad araw intom kemm għandkom bżonn. F’massimu ta’ tliet seduti naħseb li ndaħħal lil kulħadd min-naħa tagħna; imbagħad intom araw kemm għandkom bżonn.
ONOR. LOUIS GRECH: Din ta’ tliet seduti naraha daqsxejn esaġerata fiha għax mhux l-ewwel darba li ġiet diskussa b’mod dettaljat.
MR SPEAKER: Ejja nkunu daqsxejn raġjonevoli.
ONOR. LOUIS GRECH: L-ewwel għedna żewġ seduti, u issa qed ngħidu nagħmlu tliet seduti. Jiena naħseb li se ntawlu u jkun hemm repetizzjoni. Naħseb li t-talba ta’ tliet seduti mhijiex ġustifikata.
MR SPEAKER: L-Onor. Mario de Marco.
ONOR. MARIO DE MARCO: Il-Legal Notice per se hija l-ewwel darba li se tiġi diskussa fil-Parlament. Ma ninsewx li din il-mozzjoni hija dwar avviż legali, u l-Avviż Legali qatt ma ġie diskuss fil-Parlament. Id-dibattitu li sar fil-Parlament kien biss limitat għall-emendi tal-Liġi dwar iċ-Ċittadinanza. Din se tkun l-ewwel opportunità li niddiskutu d-dettall, u d-dettall huwa fl-Avviż Legali. Mingħajr ma nidħol fil-kwestjoni tad-dibattitu li qed isir bħalissa jew illum, jew li qed isir band’oħra, dan huwa suġġett sensittiv ġewwa pajjiżna, u naħseb li, jekk irridu nkunu sensittivi, almenu għal dan is-suġġett – li huwa suġġett importanti ħafna – u meta wieħed qed jikkonsidra li qed nitkellmu dwar l-Avviż Legali li, fl-aħħar mill-aħħar, qed iġib f’effett l-emendi li aħna ddiskutejna fil-Parlament, u l-qofol ta’ din l-iskema huwa fid-dettall tal-iskema iktar milli fil-prinċipji li tkellimna dwarhom ukoll qabel il-Milied. Jiena naħseb li dan huwa dibattitu li ma jistħoqqlux li jiġi ttrattat bi proċedura ta’ giljottina. Jiena ma rridx nidħol fil-mertu ta’ kemm jixtiequ ħin il-kelliema tan-naħa tal-Gvern, però aħna qed naħsbu li fi tliet seduti min-naħa tagħna bħala kelliema tal-Oppożizzjoni jkunu biżżejjed. Jekk intom qed taħsbu li seduta għalikom hija biżżejjed ... (Interruzzjonijiet) Jiena ma nistax nikkontrolla kemm il-Gvern jixtieq li jkollu kelliema. Nista’ nitkellem biss għalija nnifsi. Aħna qed ngħidu tliet seduti għall-kelliema tal-Oppożizzjoni fuq avviż legali daqshekk importanti, jiġifieri ħadd mhu qed jesaġera.
MR SPEAKER: Onor. de Marco, qabel ma nimxu mill-ewwel għat-tliet seduti, jista’ wieħed jikkonsulta biex forsi jgħid kemm għandu bżonn eżatt? Jiena qed ngħid hekk biex nipprovaw nersqu daqsxejn.
ONOR. LOUIS GRECH: Naqbel mal-iSpeaker. Barra minn hekk, nixtieq nikkoreġi xi ħaġa. Aħna ma semmejna l-ebda proċedura ta’ giljottina.
ONOR. MARIO DE MARCO: Le,mhux qed ngħidlek li semmejtu.
ONOR. LOUIS GRECH: U lanqas qed ngħid li m’aħniex sensittivi għal din l-issue. Assumejna li fi tliet seduti għandna neżawrixxu s-suġġett.
ONOR. MARIO DE MARCO:Mr Speaker, jiena nista’ nissuġġerixxi – jiġifieri qed nieħu l-linja ta’ kompromess li qed tipproponi s-Sedja – li forsi almenu nibdew b’erba’ seduti. Inti, Sur President, qed tgħid biex naraw daqsxejn kemm jista’ ikun hemm kelliema, u pproponejt tliet seduti biex inkunu on the safe side. Jiena naħseb li b’erba’, jekk se nitkellmu fuq żewġ seduti kull wieħed, inkunu nafu ħafna aħjar. Allura, provviżorjament, qed nitkellmu dwar erba’. Però, mingħajr m’aħna qed ngħidu li ... (Interruzzjonijiet).
MR SPEAKER: Nixtieq nisma’ dwar x’għandu xi jgħid l-Onor. Carmelo Abela fuq dan il-punt. Jien, ovvjament, qed nagħti ħin biex forsi wieħed jasal. L-Onor. Carmelo Abela.
ONOR. CARMELO ABELA:Mr Speaker, l-ewwel nett, il-Gvern huwa konxju li dan is-suġġett huwa ta’ interess nazzjonali. Ilna niddibattuh. Mhux il-lok li niddibattu hawnhekk fuq is-sustanza tiegħu u kif wasalna s’hawn; imma l-prassi hi li fuq mozzjonijiet ta’ dan it-tip normalment nieħdu seduta waħda. Fil-fatt, qbilna ż-żewġ naħat tal-Kamra li fuq tas-Saħħa se nieħdu seduta waħda, għax normalment dejjem hekk kienet il-prassi. Fuq din l-issue aħna stess ġejna bi proposta li ma nagħmlux seduta waħda biss, imma nagħmlu tnejn bil-ħin jinqasam indaqs bejn kelliema tal-Gvern u tal-Oppożizzjoni għax – nassigura lill-kollegi tan-naħa l-oħra – il-Gvern għandu numru ta’ kelliema wkoll. Mhux qed nirrestrinġu n-numru ta’ kelliema, imma rridu nkunu dixxiplinati fil-ħin. Dak li se jiġri. Issa, mhux se taqa’ d-dinja jekk intawlu, u minflok żewġ seduti nagħmlu tlieta, bil-ħin jinqasam indaqs. Min-naħa tagħna lesti nikkonsidrawha. Imma, li ngħidu żewġ seduti kull wieħed hija ftit esaġerata meta tqis li dan is-suġġett ġie diskuss sew u eżawrejnieh. Aħna naħsbu li l-ħin li qed nissuġġerixxu huwa ħin adegwat. Kull membru jista’ jitkellem: però, għandna nirregolaw il-ħin kemm kull membru jitkellem.
MR SPEAKER: L-Onor. David Agius.
ONOR. DAVID AGIUS: Qed ngħidu li min-naħa tagħna rridu tliet seduti, għax dawn jagħmlu seba’ sigħat u nofs, li jekk taqsamhom bejn 15-il deputat għandek nofs siegħa kull wieħed. Qed ngħidlek nofs il-grupp parlamentari, meta dwar din il-materja diġà kelli request biex jitkellmu aktar minn 15-il membru. Jiena nifhem x’qed jipproponi l-Gvern; però l-Gvern irid jifhem lilna wkoll. Jien għandi numru ta’ kelliema diġà ppreparati li jridu jitkellmu, u llum kellna laqgħa tal-Grupp Parlamentari fejn fiha wkoll jiena ħadt il-feedback tal-grupp tagħna. Jiġifieri, wasalna għal dak l-ammont bi ħsieb ġenwin ibbażat fuq in-numru ta’ nies li jridu jitkellmu.
ONOR. MARIO DE MARCO: Qegħdin seduta ‘l bogħod minn xulxin.
ONOR. LOUIS GRECH: L-Onor. Agius semma li jitkellmu għal nofs siegħa. Jiena qed ngħid forsi wieħed jagħmilha inqas minn nofs siegħa. Anke min-naħa tagħna, se nkunu dixxiplinati.
MR SPEAKER: Huma kif inhuma l-iStanding Orders. Imma nsomma, xi darba jrid isir l-eżerċizzju li ...
ONOR. LOUIS GRECH: Għax imbagħad ikollok repetizzjoni. Wieħed irid ikun prattiku wkoll. Nissuġġerixxi li l-Whips jitkellmu bejniethom dwar dan.
MR SPEAKER: Jidher li hemm qbil min-naħa tal-Gvern li jkun hemm tliet seduti żgur.
ONOR. LOUIS GRECH: Jekk hemm bżonn, nużaw ukoll il-Ħamis.
MR SPEAKER: Jiġifieri qegħdin hemmhekk, Onor. de Marco.
ONOR. LOUIS GRECH: Però, ejja naraw x’se jkun hemm bżonn ta’ kelliema miż-żewġ naħat, u naraw kif jista’ jinqasam il-ħin.
MR SPEAKER: L-Onor. Mario de Marco.
ONOR. MARIO DE MARCO: Nitlobkom tapprezzaw li se nkunu qegħdin niddiskutu għall-ewwel darba d-dettall tal-Avviż Legali. Id-diskussjoni preċedenti kienet dwar l-Att dwar iċ-Ċittadinanza u l-emendi li kienu saru. L-Avviż Legali qatt ma ġie diskuss, jiġifieri m’aħniex se nkunu qegħdin nirrepetu d-diskussjoni.
ONOR. CARMELO ABELA: Inti għamilt referenza għal dibattitu ieħor. (Interruzzjonijiet) Ma naħsibx li qed jieħdu 20 minuta, jieħdu tliet minuti kull wieħed. (Interruzzjonijiet) Mhux qed ngħidlek nagħmlu l-istess, imma nistgħu nkunu aktar dixxiplinati fil-ħin.
ONOR. MARIO DE MARCO: Kieku l-iStanding Orders tagħna kienu l-istess, konna nagħmlu l-istess. Però mhumiex!
MR SPEAKER: Ħalli nipprova nistrada l-affarijiet. Fuq il-mozzjoni li ressaq l-Onor. Jason Azzopardi biex il-Kamra tirrevoka u tannulla l-Avviż Legali 450 tal-2013 li tirrigwarda l-IIP, żgur qegħdin niftehmu li għandu jkun hemm tliet seduti. Ikun hemm seduta t-Tnejn – għax it-Tlieta mhux se jkun hemm din il-mozzjoni, u se jkun hemm il-mozzjoni tal-Onor. Claudio Grech – l-Erbgħa se jkun hemm il-mozzjoni fuq l-IIP, u l-Ħamis jerġa’ ikun hemm seduta fil-Parlament biex tkompli tiġi diskussa din il-mozzjoni. Jiena nissuġġerixxi li jkun hemm abbokkament bejn il-partijiet biex wieħed jipprova jasal dwar in-numru ta’ kelliema, eċċ. Mill-bqija nistgħu nibqgħu mexjin bl-aġenda?
ONOR. DAVID AGIUS:Mr Speaker, ħalli nagħmilha ċara, din mhux finali minn naħa tagħna.
MR SPEAKER: Le, jien ma ħadthiex li hija finali.
ONOR. DAVID AGIUS: Fil-ġranet li ġejjin, se nkomplu niddiskutu bejnietna. Bdejna bi tlieta, u naraw fejn se naslu.
ONOR. LOUIS GRECH: Dan huwa s-suġġeriment li eventwalment wieħed irid jara jekk hux se jaċċettah, kemm min-naħa tagħkom u kemm min-naħa tagħna. U nafu wkoll li jrid ikun hemm qbil qabel ma nibdew.
MR SPEAKER: Li hu żgur hu li aħna qegħdin nitkellmu li, fis-seduta tat-Tnejn, 27 ta’ Jannar, fis-seduta tal-Erbgħa, 29 ta’ Jannar, u fis-Seduta tal-Ħamis, 30 ta’ Jannar, se tiġi diskussa din il-mozzjoni dwar l-IIP.
Se nimxi daqsxejn, għax għandna ħafna xogħol hawnhekk. Fuq ix-xogħol tal-Kamra, naħseb li għamilna programm ta’ ġimagħtejn, u allura nistgħu nimxu fuq punti oħrajn.
AFFARIJIET OĦRA MR SPEAKER: Ħalli niġi mill-ewwel fuq l-Ombudsplan tal-2014, kif rivedut wara l-aħħar laqgħa li, kif tafu intom, tqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra nhar it-Tnejn li għadda. Ovvjament, għad trid tinsab data li fiha nkomplu u nikkonkludu d-diskussjoni dwar dan l-Ombudsplan biex tkun tista’ titressaq mozzjoni relattiva fil-Parlament. Nissuġġerixxu lill-partijiet biex niftehmu fuq data, jekk jogħġobkom.
ONOR. DAVID AGIUS: Safejn niftakar jiena, kellna nistaqsu lill-Onor. Abela jekk kienx se jagħmel iktar domandi.
ONOR. CARMELO ABELA: Li ġara hu li l-aħħar seduta kelli mmur nitkellem fil-Kamra.
ONOR. DAVID AGIUS: Onor. Abela, għalhekk qed inqajjem l-argument.
ONOR. CARMELO ABELA: Mr Speaker, tista’ tissuġġerixxi data inti meta jkun konvenjenti?
MR SPEAKER: Mela le!
ONOR. DAVID AGIUS: Biex nifhem ftit, inti għad għandek id-domandi? Għax hu kien ġej ippreparat jagħti r-risposti. Jiġifieri, aħna qed naqblu li tagħmel id-domandi tiegħek, hu jirrispondi, u mbagħad jekk ikun fadal x’jirrispondi jew nagħmlu seduta oħra jew inkella jirrispondi dak il-ħin. Qed naqblu?
ONOR. CARMELO ABELA: Il-mistoqsijiet tiegħi mhumiex ta’ barra minn hawn. Ikun jista’ iweġibhom dak il-ħin, m’hemmx għalfejn issir seduta oħra biex iweġibhom.
MR SPEAKER: Kollox sew.
ONOR. DAVID AGIUS: Għax hu qal li se jipprepara ruħu, imbagħad jirrispondi.
ONOR. CARMELO ABELA: Ma nafx jekk il-Ministru Dalli kellhiex mistoqsijiet oħrajn x’tagħmel.
MR SPEAKER: Jidher li l-Ministru Dalli eżawriet id-domandi kollha.
ONOR. DAVID AGIUS: Anke min-naħa tagħna eżawrejnihom.
MR SPEAKER: Però l-Ombudsman wiegħed li, fis-seduta li jmiss, jagħti r-risposti tiegħu, anke bil-miktub. Jaf ukoll li inti kellek tagħmel xi domandi, u ġentilment se nħallu seduta oħra biex inti tkun tista’ tagħmel id-domandi tiegħek. Jekk ovvjament ikun hemm l-opportunità li ħaddieħor jagħmel id-domandi, jiġifieri by all means. Diġà poġġejna l-ġurnata tat-28 ta’ Jannar għal-laqgħa dwar il-Privileġġi li żgur ma nistgħux inpoġġu xogħol ieħor magħha. Fid-29 ta’ Jannar, naf żgur li għandna l-Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea, imma ma nafx il-programm li għandi miegħu, jiġifieri dik il-ġurnata rridu naqbżuha.
ONOR. DEBORAH SCHEMBRI: U jien, Mr Speaker, ikolli l-Kumitat tal-Affarijiet Soċjali.
MR SPEAKER: Mela fil-każ inħalluha għall-ġimgħa ta’ wara. Nissuġġerixxi li l-ewwel okkażjoni tkun it-Tnejn, 3 ta’ Frar. Araw tistgħux intom. Tajjeb għalik, Onor. Schembri?
ONOR. DEBORAH SCHEMBRI: Tajjeb, Mr Speaker.
MR SPEAKER: Il-ħin nagħmluh għall-ħabta tas-6.45 p.m. Mela, fit-3 ta’ Frar inkomplu l-Ombudsplan 2014. F’idejk, Onor. Carmelo Abela, tibda inti. Il-Kumitat dwar il-Privileġġi jiltaqa’ fit-28 ta’ Jannar fis-6.45 p.m, diġà ftehemna fuqu. Tajjeb fis-6.45 p.m. biex ninformaw lill-Prim Ministru?
ONOR. LOUIS GRECH: Tajjeb, Mr Speaker.
MR SPEAKER: L-Onor. David Agius.
ONOR. DAVID AGIUS: Jiġifieri, qed nifhem li l-Kumitat dwar il-Privileġġi ta’ dakinhar se jkollu biss lill-Prim Ministru.
MR SPEAKER: Kif ftehmna fl-aħħar seduta, Onor. David Agius, li l-ewwel xhud għandu jkun il-Prim Ministru.
ONOR. DAVID AGIUS: U l-uniku wieħed u daqshekk; imbagħad m’aħniex se nġibu xhieda oħra?
MR SPEAKER: Le, le, naħseb se jkollna.
ONOR. DAVID AGIUS: Imma qed naqblu li se jkun hemm il-Prim Ministru biss għal dik is-seduta.
ONOR. CARMELO ABELA: Fl-ewwel laqgħa konna qbilna li l-ewwel xhud se jkun il-Prim Ministru.
ONOR. DAVID AGIUS: Hu biss se jkun?
MR SPEAKER: U ovvjament isiru d-domandi.
ONOR. CARMELO ABELA: Ma jfissirx li se jkun l-uniku xhud, imma ... (Interruzzjonijiet)
MR SPEAKER: Korrett. Jiena diġà informajt lill-Kamra li kelli korrispondenza mill-Onor. Simon Busuttil. Kulħadd għandu kopja tal-ittra, u din kienet anke fil-media. Nixtieq ukoll li niftehmu fuq data biex jiltaqa’ il-Kumitat Magħżul biex ikompli jiddiskuti u jiffinalizza dak l-abbozz ta’ liġi – li kulħadd għandu kopja tiegħu – li waqqaf il-Kummissarju dwar l-iStandards, kif ukoll il-Kumitat Permanenti dwar l-iStandards, l-Etika u l-Imġiba Xierqa fil-Ħajja Pubblika. Bħalma diġà għedt fir-rapport interim li tqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra f’Diċembru tas-sena l-oħra – dan poġġejnih in time għax kellna npoġġuh sa nofs ix-xahar – ovvjament irridu nilqgħu kull suġġeriment fuq dan l-abbozz. Però, irridu niftehmu dwar data għal dan il-kumitat.
Mela, għat-3 ta’ Frar għall-Ombusplan kollox sew, hux hekk? Nistgħu niltaqgħu dik il-ġimgħa?
ONOR. DAVID AGIUS:Mr Speaker, naħseb ikun aħjar jekk l-ewwel nitkellmu ftit mal-membri konċernati.
MR SPEAKER: Se nindikaw. Jiena nixtieq li timxi kemm jista’ ikun malajr.
ONOR. DAVID AGIUS: Fl-4 ta’ Frar tista’?
MR SPEAKER: Fl-4 ta’ Frar mhux problema.
ONOR. DAVID AGIUS: Wisq probabbli li l-Onor. Zammit Dimech ikollu xi ħaġa.
ONOR. DEBORAH SCHEMBRI: Fl-4 ta’ Frar ukoll aħjar għalik.
MR SPEAKER: Se nipprovaw fl-4 ta’ Frar. F’dan il-każ, hemm l-Onor. Justyne Caruana u l-Onor. George Vella; imbagħad hemm l-Onor. Ryan Callus u l-Onor. Francis Zammit Dimech.
ONOR. DAVID AGIUS: Naħseb li aħjar fl-4 ta’ Frar.
MR SPEAKER: Mela, ħalli nipprovaw għall-4 ta’ Frar. Naraw jekk l-Onor. George Vella jew l-Onor. Justyne Caruana għandhomx xi safar. Il-ħin dejjem nagħmluh wara l-ħin tal-mistoqsijiet fil-Plenarja. Jiġifieri, fis-6.45 p.m. ikun tajjeb.
Nirreferi wkoll għar-Riżoluzzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti tal-21 ta’ Novembru 2005. Kif tafu intom, kien ġie ddikjarat li s-27 ta’ Jannar hija l-ġurnata li tikkommemora l-vittmi tal-Olokawst. Din id-data se tkun it-Tnejn, 27 ta’ Jannar. Jekk taqblu, il-kommemorazzjoni nistgħu nagħmluha dakinhar stess. Normalment, kif tafu intom, isiru interventi qosra miż-żewġ naħat tal-Kamra – persuna waħda minn kull naħa – imbagħad jiena nagħmel l-intervent tiegħi, u ssir minuta silenzju.
ONOR. CARMELO ABELA: Jiena naqbel li għandha ssir il-kommemorazzjoni. Forsi nistgħu nikkonsidraw li ssir qabel il-mozzjoni tal-Oppożizzjoni.
MR SPEAKER: Din ġeneralment ma ddumx aktar minn ħames minuti.
ONOR. CARMELO ABELA: Jiġifieri jkun hemm kelliem minn kull naħa, flimkien mal-iSpeaker. Nistgħu nibdew fis-6.00 p.m., nagħmlu l-ħin tal-mistoqsijiet sas-6.15 p.m. jew sas-6.20 p.m., imbagħad nieħdu l-aħħar għaxar minuti għal din il-kommemorazzjoni.
MR SPEAKER: Mela dik lesta wkoll. Nixtieq niġi wkoll għar-Rappreżentant li għandna tal-Parlament Malti fil-Parlament Ewropew. Kif tafu intom, hemmhekk għandna lis-sinjorina Pauline Abela. Is-Sedja qed tipproponi li s-sinjorina Pauline Abela jittawlilha t-terminu tal-kuntratt tagħha b’xahrejn. Dan għaliex, kif tafu intom – u l-Onor. Louis Grech jista’ jgħallimni aktar – il-Parlament Ewropew preżenti jxolji minħabba l-elezzjonijiet. Abbażi ta’ ftehim li kien intlaħaq f’dan il-Kumitat fil-leġislatura l-oħra, meta għall-ewwel darba ġie maħtur dan ir-rappreżentant, għandu jkun hemm sistema ta’ rotazzjoni minn fost l-uffiċjali tal-Parlament. Il-kuntratt jiskadi fi Frar, u allura jien qed ngħid li din tagħmel hemmhekk up to round about April. Qed nitkellmu fuq estensjonita’ xahrejn sa April,għax imbagħad għandek l-elezzjonijiet, u qabel Lulju ma jerġax jiġi convened il-Parlament Ewropew.
Ovvjament, irrid il-barka ta’ dan il-Kumitat biex it-terminu tal-kuntratt tas-sinjorina Pauline Abela jiġi estiż. Nista’ ngħidilkom li hemm diġà l-persuna mill-Parlament, is-Sur Kenneth Curmi, li huwa Research Analyst, li huwa interessat li jitla’. Jiena diġà informajt lil min kelli ninforma li nixtieq li s-sinjorina Pauline Abela tibqa’ hemmhekk imqar for the next months. Hawn qbil? (Onor. Membri: Iva)
MR SPEAKER: Il-Clerkof the House għandu raġun, anzi rrid nagħmilha ċara li hawnhekk konna ftehmna li r-rappreżentanti tal-Parlament Malti fil-Parlament Ewropew ikunu nies li għallinqas ikunu fil-grad ta’ research analyst biex ikollna nies li qed jagħmlu x-xogħol u li jkun hemm il-produzzjoni. Din diġà ddiskutejniha, imma nixtieq nerġa’ nikkonfermaha. Issa araw intom, imma jiena naħseb li hekk għandu jkun, jiġifieri jkun hemm persuna li għallinqas ikollha ċertu livell.
L-Onor. Deborah Schembri.