Kamra tad-deputati



Yüklə 224,23 Kb.
səhifə2/3
tarix18.08.2018
ölçüsü224,23 Kb.
#72784
1   2   3

ONOR. DEBORAH SCHEMBRI: Mr Speaker, jista’ jkun li jkun hemm nies li jkunu wkoll ta’ kwalità u bi kwalifiċi tajbin li jistgħu jagħmlu x-xogħol, u li ma jkollhomx it-titlu ta’ research analyst. Jiġifieri, naħseb li nkunu kważi qegħdin nillimitaw lilna nfusna rather milli niftħu l-pool ta’ nies li jistgħu jkunu tajbin għax-xogħol jekk ngħidu li għandhom ikunu bilfors research analyst. Ma naħsibx li naqbel li għandhom ikunu neċessarjament b’dak it-titolu.

MR SPEAKER: Ma kienx fil-perijodu tiegħi meta kien hemm id-deċiżjoni. Il-Clerk of the House qed jgħidli li, fl-2011, jiġifieri fi żmien l-iSpeaker Michael Frendo, kien hemm qbil f’dak il-Kumitat li jkun hemm rotazzjoni minn fost ir-research analysts: però, ovvjament, dan kien suġġeriment. Għalissa nħalluha kif inhi, imbagħad wieħed jara. Ovvjament, għandu jkun uffiċjal mill-Parlament, jiġifieri mhux xi ħadd li jirrappreżenta lill-Parlament u ma jkunx uffiċjal tal-Parlament.
L-Onor. Mario de Marco.
ONOR. MARIO DE MARCO: Xtaqt nistaqsi sempliċement b’kurżità. Kif tiġi appuntata l-persuna li se tissostitwixxi lis-Sinjorina Pauline Abela? Jiġifieri, ssir sejħa mill-uffiċċju?
MR SPEAKER: Il-proċedura hija li l-persuna turi interess li tixtieq tmur, u aħna rridu niddeċiedu.
ONOR. MARIO DE MARCO: Agreed. Imma ssir sejħa interna?
MR SPEAKER: Ovvjament, sejħa interna fost l-uffiċjali tal-Parlament.
ONOR. LOUIS GRECH: Hemm proċedura stabbilita fuqha.
ONOR. DEBORAH SCHEMBRI: Naħseb qed jistaqsi jekk hux se jkun hemm sejħa interna.
IS-SUR RAY SCICLUNA (Skrivan tal-Kamra): L-unika persuna li wriet interess huwa s-Sur Curmi.
MR SPEAKER: Onor. de Marco, jiena s’issa fil-presidenza tiegħi ma kienx hemm ħatra simili. Jiena sibt dak li hemm; però, għamilt sew li qajjimt il-punt ħalli nkunu nistgħu nimxu ma’ proċedura stabbilita. Ikun hemm call għal kulħadd.
ONOR. LOUIS GRECH: U l-punt l-ieħor li semmiet l-Onor. Schembri jagħmel sens, għax tajjeb li jkollok pre-rekwiżiti mingħajr ma teskludi, għax jista’ jkun hemm nies interessati li ma jkunux research analysts.
MR SPEAKER: Mela fuq id-deċiżjoni li jkun hemm l-estensjoni tas-Sinjorina Pauline Abela naqblu, hux hekk? (Onor. Membri: Iva)

MOZZJONI DWAR IT-TNEĦĦIJA TAL-IMĦALLEF LINO FARRUGIA SACCO
MR SPEAKER: Issa niġi għar-rapport tal-Kummissjoni għall-Amministrazzjoni tal-Ġustizzja dwar l-Imħallef Lino Farrugia Sacco. Jien għaddejtilkom estratt ta’ dak li ntqal fis-seduta nru 106, fejn kien hemm intervent kemm mill-Prim Ministru, kif ukoll mill-Kap tal-Oppożizzjoni.
Irrid ngħid li, wara dawn l-interventi u sakemm jien ġejt għal din il-laqgħa, illum waslet korrispondenza datata 15 ta’ Jannar, mibgħuta mill-avukati tal-Imħallef Lino Farrugia Sacco fl-uffiċċju tagħna, u li hija indirizzata lill-Iskrivan tal-Kamra, li jien se naqra. Din l-ittra tgħid hekk:
“15 ta’ Jannar 2014
Lill-Iskrivan tal-Kamra

Is-Sur Raymond Scicluna

Kamra tar-Rappreżentanti,

Il-Palazz,

Il-Belt Valletta.
Sinjur,
Qed niktbulek għan-nom tal-Imħallef Lino Farrugia Sacco a tenur tal-artikolu 175 tal-Ordnijiet Permanenti tal-Kamra. Nirreferu għar-Rapport tal-Kummissjoni għall-Amministrazzjoni tal-Ġustizzja, riferibbli għall-Imħallef Lino Farrugia Sacco. Ninformak li la hu u lanqas aħna qatt ma rċevejna kopja tar-Rapport, u kulma nafu huwa mill-media. Għalhekk, nitolbu li jkollna kopja tiegħu.
In oltre xtaqna nirrilevaw li, fil-fehma umli tagħna, f’dan l-istadju, il-mozzjoni ta’ Dr. Gonzi wara l-elezzjoni ġenerali tad-9 ta’ Marzu 2013 u l-fatti kollha sussegwenti, m’għadhiex aktar fis-seħħ meta hemm Parlament ġdid, mandat ġdid mill-poplu, Prim Ministru ġdid, xort’oħra minn dak ta’ qablu li kien ressaq il-mozzjoni, u meta Dr. Gonzi m’għadux membru tal-Kamra. In oltre nitolbuk li ġġib għall-attenzjoni tal-iSpeaker li hemm rikors Kostituzzjonali pendenti u li l-eżitu tiegħu jista’ jimpinġi fuq deċiżjoni tal-Kummissjoni.
Inselli għalik.
Dr. Philip Sciberras

Alex Sciberras



David Farrugia Sacco.
Il-firma fuq Stephen Farrugia Sacco ma tidhirx, jiġifieri hemm tliet firmatarji. Din hija l-ittra li rċevejt illum. Issa se nikkummenta fuq l-ewwel parti.
Fl-ewwel parti qed jingħad li huma għadhom ma rċevewx ir-Rapport tal-Kummissjoni. Jien lill-Clerk of the House tajtu struzzjonijiet fejn bagħatna kopja uffiċjali lill-Imħallef ta’ li tpoġġiet fuq il-Mejda tal-Kamra, ovvjament bagħatnihielu issa stess biex tasallu. Illum nifhem li b’xi mod se tasallu. Din l-ittra ntbagħtet bil-mail normali. (Interruzzjonijiet) Jien ma weġibtux.
Għandek l-ewwel parti tal-ittra fejn qed jgħid li hu sal-lum għadu ma rċeviex ir-Rapport tal-Kummissjoni, multo magis li rċieva l-inkartament, jiġifieri la l-inkartament u lanqas ir-rapport. Aħna bagħatna dak li huwa pubbliku. Jiena li għamilt fis-seduta ta’ nhar it-Tnejn issa bgħattulu.
Jien nixtieq niġbed l-attenzjoni dwar korrispondenza li ġiet mibgħuta llum, bid-data tal-lum stess, f’isem l-Imħallef Farrugia Sacco mill-avukati li qed jirrimarkaw fuq żewġ punti. Ovvjament, din se nitfagħha għad-diskussjoni. Dan huwa l-iktar punt saljenti, aktar minn kull ħaġa oħra. Dan il-punt huwa dwar jekk il-mozzjoni tal-Prim Ministru ta’ dak iż-żmien Lawrence Gonzi għadhiex fis-seħħ.
Imbagħad għandek il-punt l-ieħor, ċjoè li hemm proċeduri fil-Qorti dwar rikors Kostituzzjonali pendenti li ovvjament l-eżitu tiegħu qed jgħidu li jista’ jimpinġi fuq l-istess deċiżjoni tal-kompożizzjoni tal-Kummissjoni għall-Amministrazzjoni tal-Ġustizzja.
Dawn huma ż-żewġ punti: l-ewwel wieħed naħseb li, f’dan l-istadju huwa aktar importanti għalissa mit-tieni waħda, għaliex għaddejja għad-diskussjoni min-naħa tagħkom. Allura, jien nixtieq nisma’ kemm min-naħa tal-Gvern, u anke min-naħa tal-Oppożizzjoni. Irrid ngħid li s-Sedja dawn il-punti daħlet fihom sew. Jiena, f’dan l-istadju, nixtieq nisma’ lilkom. Irrid ngħid ukoll li dak li jiġi deċiż minn dan il-Kumitat, jekk se tieħdu deċiżjoni, ovvjament dik tkun id-deċiżjoni. Però, fin-nuqqas ta’ deċiżjoni, jew fin-nuqqas ta’ ċertezza dwar fejn se niġbdu l-proċedura, għax hawnhekk qed nitkellmu fuq proċedura u fuq l-ammissibilità ta’ xi ħaġa biex inti timxi, hija xi ħaġa li ovvjament trid tiġi diskussa hawnhekk.
Irrid ngħid ukoll, mingħajr ma ninfluwenza lil ħadd – ovvjament jien qiegħed hawnhekk biex niċċerja – illi naħseb li tal-ewwel niddiskutu. Però, kull parti, kemm il-Gvern kif ukoll l-Oppożizzjoni – u anke s-Sedja – inħossu li għandna nikkonsultaw, jew naraw biex inkunu nistgħu nikkonsultaw, b’mod profond legali din l-issue għax, ovvjament, wieħed irid jaraha wkoll għad-diskussjoni. Issa f’idejkom.
L-Onor. Louis Grech.
ONOR. LOUIS GRECH: Jien għalissa se nagħmel żewġ kummenti qosra. L-ewwel nett, jiena naqbel li aħna rridu nieħdu parir legali, għax nafu li l-Parlament ....

MR SPEAKER: Intom bħala Gvern?
ONOR. LOUIS GRECH: Le, qed nitkellem aħna bħala Kumitat li għandu jkollu bażi legali, u jkun jaf perfettament dawn iż-żewġ punti mressqa u li jkollna an expert advice legali fuqhom. Jien nemmen li mbagħad minn hemmhekk nimxu u naraw il-proċedura li għandha tittieħed. Però, naqbel miegħek perfettament li wieħed irid ikun jaf preċiżament x’inhi l-pożizzjoni ta’ dan il-Parlament; imbagħad, eventwalment, skont il-kummenti legali li jkollna u l-pariri legali, aħna nimxu.
It-tieni punt li rrid insemmi li m’għandux x’jaqsam ma’ din l-ittra li semmejt int, Mr Speaker, hu li għalina wkoll kien inaċċettabbli li l-media kellha, b’xi mod jew ieħor, informazzjoni qabel ma kellek int, qabel ma kellu l-Prim Ministru, u qabel ma kellu l-Kap tal-Oppożizzjoni, meta din hija xi ħaġa daqshekk sensittiva. Għalhekk nixtiequ nirreġistraw id-diżappunt tagħna.
MR SPEAKER: Dwar l-aħħar punt, nista’ ngħidlek illi l-media kienet taf affarijiet ċertament li ma kontx naf jien, għaliex jien kelli nkun l-ewwel persuna li nkun a konjizzjoni ta’ dan ir-rapport. Fil-fatt, jien marbut mal-istess kapitolu tal-liġi nru. 369, li d-denunzja l-ewwel issir lill-iSpeaker, imbagħad l-iSpeaker, fl-ewwel opportunità li jkollu, jinforma lill-Kamra. Jien kont sorpriż ukoll illi sakemm irċevejt ir-rapport kien hemm min mill-media li anke pprova jkellem lili fuq ir-rapport, meta r-rapport lanqas biss kien qiegħed f’idejja. Din hija xi ħaġa inaċċettabbli, u verament ... Jien din qed ngħidha għax għamilt sew li qajjimtha, u naħseb li anke min-naħa tal-Oppożizzjoni, l-Onor. Simon Busuttil, l-istess ħaġa, meta għamel ir-reazzjoni tiegħu, l-ewwel li sema’ bir-rapport kien dakinhar li poġġejtu fuq il-Mejda tal-Kamra. U l-Prim Ministru kien korrett li rreġistra li hu qed jarah issa, u għamilha ċara li l-korrezzjoni tal-proċedura hija li l-iSpeaker jinforma lill-Parlament, kif fil-fatt jien għamilt fil-ġurnata tat-Tnejn, il-ġurnata meta ltaqa’ il-Parlament.
L-Onor. Mario de Marco.

ONOR. MARIO DE MARCO: Nista’ nikkonferma li, anke min-naħa tagħna, jien rajt dak ir-rapport l-ewwel darba meta ġie mqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra. Hija ħaġa skomda li rapporti hekk sensittivi, l-informazzjoni dwarhom tingħata lill-media: però ovvjament, naħseb li din hija xi ħaġa li forsi wieħed jista’ jqajjimha kemm mal- President tal-Kamra, u forsi mal-Kummissjoni stess, li tgħid li huwa importanti ...
MR SPEAKER: Onor. Mario de Marco, ibqa’ ċert li din mhux se tieqaf hawnhekk min-naħa tiegħi. Nirringrazzjak.

ONOR. MARIO DE MARCO: Għal dak li għandu x’jaqsam maż-żewġ punti sollevati, forsi m’inix konvint li għandna bżonn parir legali fuq żewġ affarijiet, għaliex fir-realtà forsi huwa l-ewwel punt li huwa ta’ rilevanza legali, fis-sens li l-issue dwar jekk il-mozzjoni oriġinali hijiex valida jew le, allavolja ma narax x’differenza se tagħmel. Jekk wieħed jara x’qal il-Prim Ministru, isib li dan qal hekk:
“Il-Kummissjoni tat id-deċiżjoni tagħha u jien, b’mod immedjat, se nkun qed nara li l-proċess ta’ impeachment jitkompla mingħajr dewmien.”

Kliem il-Prim Ministru ma kienx li se jippreżenta mozzjoni ġdida, iżda li se jkompli l-proċess ta’ impeachment, liema proċess ovvjament beda bil-mozzjoni li ġiet ippreżentata mill-Prim Ministru, dak iż-żmien Dr. Lawrence Gonzi. Wieħed ma tantx jista’ jmur lura fuq preċedenti; però naħseb li l-aħħar preċedent kienet il-mozzjoni ta’ impeachment li kienet ġiet ippreżentata dwar l-Imħallef Anton Depasquale dak iż-żmien. Jekk m’inix sejjer żball, dak iż-żmien kien intlaħaq ftehim fil-House Business Committee li dik il-mozzjoni, allavolja kien hemm leġiżlatura ġdida bejn il-mozzjoni u t-tkomplija tas-smigħ ta’ dik il-mozzjoni ...


MR SPEAKER: Onor. Mario de Marco, bil-permess tal-Kumitat, biex nistradaw id-diskussjoni. Jien ippreparajt il-proċedura li ntużat fil-każ tal-Imħallef Depasquale, u se ngħaddi kopja tagħha lil kulħadd. Ħalli nissospendi l-laqgħa għal ftit ħin u nagħmel kopja lil kulħadd.
ONOR. MARIO DE MARCO: Sur President, qabelxejn ippermettili ftit. Jekk fhimt sew kliem il-Prim Ministru korrettement, id-differenza f’dan il-legaliżmu, sa ċertu punt, huwa bejn jew li nkomplu l-proċess bl-istess mozzjoni li ġiet ippreżentata, jew inkella, jekk hemm argument legali dwar il-mozzjoni preċedenti, nifhem li l-Prim Ministru se jippreżenta mozzjoni ġdida, kif hu qal, sabiex jitkompla l-proċess ta’ impeachment mingħajr dewmien. Jiġifieri, hawnhekk m’aħniex qegħdin ngħidu li l-proċess se jieqaf għaliex il-mozzjoni preċedenti m’għadhiex aktar valida għaliex kien hemm bidla fl-eżekuttiv u fil-leġiżlatura. Jekk qed nifhem sew, il-kwestjoni hawnhekk kollha hija li jew se nkomplu bl-istess mozzjoni, jew se tiġi ppreżentata mozzjoni ġdida mill-Prim Ministru. Il-Prim Ministru ma tax indikazzjoni li hu qed jgħid: Le, mhux se nkompli. Anzi, naħseb il-kliem tiegħu kien ċarissimu meta qal: Jien b’mod immedjat se nkun qed nara li l-proċess tal-impeachment jitkompla mingħajr dewmien. Aktar ċar minn hekk ma naħsibx li seta’ jkun il-Prim Ministru. Jiġifieri, hawnhekk qed nitkellmu dwar teknikalità dwar jekk nistgħux inkomplu bl-istess mozzjoni, jew hemmx bżonn li ssir mozzjoni ġdida. Naħseb hawnhekk, fair enough, min-naħa tagħna m’hemmx diffikultà li inti bħala Sedja tieħu l-parir legali neċessarju dwar x’inhu l-aħjar proċess bil-għan li l-proċess tal-impeachment jitkompla kif espress fi kliem il-Prim Ministru. Naħseb li qed naqblu. Però mbagħad, dwar il-kwestjoni l-oħra li hemm rikors kostituzzjonali pendenti, hawnhekk ma tantx naħseb li hija kwestjoni ta’ parir legali. L-istat ta’ fatt huwa, assumendo, li dak li jgħid l-avukat ...
MR SPEAKER: Ejja nispostja d-domanda, għax forsi ma spjegajtx ruħi biżżejjed dwar it-tieni waħda.

ONOR. MARIO DE MARCO: Ok, fair enough.
MR SPEAKER: Il-Kumitat qiegħed jidħol fuq il-punt jekk jistenniex l-eżitu tal-kawża jew le. Dak li qed jgħid.
ONOR. MARIO DE MARCO: Ħalli niftehmu, let’s go one step backward. Il-Kummissjoni stess ma waqqfitx il-proċess tagħha. Il-Kummissjoni kellha l-istess kwestjoni quddiemha. F’liema sens? Il-Kummissjoni meta qed tisma’ dan il-proċess, sar rikors kostituzzjonali. L-istess ħaġa, il-Kummissjoni setgħet tieħu l-pożizzjoni li tgħid: Mela ladarba ġie ppreżentat rikors kostituzzjonali, jien għandi nissospendi l-proċess sakemm jiġi determinat ir-rikors kostituzzjonali.
MR SPEAKER: Imma insa x’għamlet il-Kummissjoni; x’se jagħmel il-Parlament issa!
ONOR. MARIO DE MARCO: Fair enough. Imma l-Kummissjoni għamlet hekk, baqgħet għaddejja u waslet għall-ġudizzju tagħha u ppreżentatulna r-rapport. Aħna llum il-ġurnata għandna rapport ippreżentat quddiemna. Ma naħsibx li aħna f’dan l-istadju nistgħu ninjoraw dan ir-rapport għaliex hemm rikors kostituzzjonali, anke fi kliem testwalment tal-Prim Ministru meta qal li se jkompli – b’mod immedjat – jara li l-proċess tal-impeachment se jitkompla mingħajr dewmien.
MR SPEAKER: Il-Ministru qed jgħid li l-proċedura għandha titkompla mingħajr dewmien; però, ovvjament, issa hawn dawn l-issues li jridu jiġu diskussi.
ONOR. LOUIS GRECH: Jien nemmen li dak li esponejt inti, Onor. de Marco, probabbilment huwa korrett legalment; qed tgħidilna għaliex m’hemmx kwestjoni legali fiha. Però aħna nippreferu li, jekk mhux problema għan-naħa tagħkom, aħna jkollna kjarifika fuq iż-żewġ punti mill-aspett legali. Dan li qed tgħid int probabbilment huwa korrett. Però nixtieq li l-parir legali li se nitolbu jgħid dawn l-affarijiet. Forsi jekk huma korretti, kif qed tgħidhom int, jiġu mingħand dan l-espert legali li s-Sedja se tagħmel. Mhux għax m’għandix fiduċja, imma ħalli jkollna xi ħaġa li hija oġġettiva fis-sens li lanqas ...
ONOR. MARIO DE MARCO: Ministru, min-naħa tiegħi, fl-aħħar mill-aħħar m’għandniex diffikultà jekk il-President tal-Kamra jixtieq li jkollu ... Jien kważi kważi ...
ONOR. LOUIS GRECH: Il-Kamra kollha tixtieq li jkollna ...
ONOR. DAVID AGIUS: Mr Speaker, naħseb li f’dan il-Kumitat aħna diġà kellna xi ħaġa simili ta’ din. Naħseb li jekk naraw x’ġara fil-passat u x’deċiżjoni ħa dan il-House Business Committee, m’għandniex għalfejn nitfixklu. Il-House Business Committee, meta kellu każ kif għandna quddiemna issa – il-proċedura li ntużat fil-każ tal-Imħallef Depasquale – f’żewġ leġiżlaturi li ġew maqbuża – mis-seba’ leġiżlatura, il-mozzjoni għaddiet għad-disa’ leġiżlatura – dak il-House Business Committee kien iddeċieda li dik il-mozzjoni tibqa’ fis-seħħ għax kien hemm rapport tal-Kummissjoni għall-Amministrazzjoni tal-Ġustizzja. Jien ma jidhirlix li dan il-Kumitat għandu jagħmel xi ħaġa differenti minn kumitati oħrajn qablu meta l-każ huwa simili u l-istess.
MR SPEAKER: Mhux biex nikkoreġik ...
ONOR. DAVID AGIUS: Jimporta ...
MR SPEAKER: Le, mhux se nfixklek, mexxi l-argument. Imma hemm punti li nixtieq nagħmel referenza għalihom. Kompli.

ONOR. DAVID AGIUS: Jekk aħna nieħdu parir legali jew le dwar x’se nagħmlu llum, jekk din il-mozzjoni quddiemna hijiex xi ħaġa li dan il-Kumitat jista’ jimxi fuqha jew le, hija l-istess ħaġa li kien hemm fil-każ tal-Imħallef Depasquale.
MR SPEAKER: Bħala Sedja ma naqbilx miegħek. It is not a debate. This is a very crucial issue. Ħu paċenzja. Naħseb li l-Onor. de Marco kien korrett sa ċertu punt, u naħseb li għamel sew li ... Meta kien hemm il-mozzjoni tal-Imħallef Depasquale – jekk tara l-kronoloġija – ssib li l-mozzjoni saret fis-seba’ leġiżlatura, u ovvjament ġiet referuta lill-Kummissjoni għall-Amministrazzjoni tal-Ġustizzja. Mela, din saret fil-15 ta’ Mejju 1995, ġiet referuta fis-17 ta’ Mejju 1995, ir-rapport ġie konkluż u ntbagħat fis-16 ta’ Ġunju 1995 – jiġifieri xahar wara – u fil-25 ta’ Settembru 1995, il-mozzjoni ddaħħlet fil-ktieb tal-mozzjonijiet. Aħna dejjem qed nitkellmu fuq dik il-mozzjoni. Mela, kienet iddaħħlet fil-ktieb tal-mozzjonijiet ... Issa rrid ngħid ukoll, għall-korrettezza tal-proċedura, li mozzjoni ta’ dan it-tip m’għandhiex għalfejn tiġi riattivata kull xahrejn, bħal meta tippreżenta mozzjoni inti, pereżempju, jew jippreżenta mozzjoni xi ħadd. Mozzjoni ta’ dan it-tip m’għandhiex għalfejn tiġi riattivata. Din il-mozzjoni, meta sar ir-rapport tal-Kummissjoni, ddaħħlet fil-ktieb tal-mozzjonijiet.
Fil-każ in eżami, għandna mozzjoni li kienet ġiet intavolata, jidhirli fil-15 ta’ Diċembru 2012 – qed nitkellem fuq il-mozzjoni tal-Imħallef Farrugia Sacco – jiġifieri fil-leġiżlatura l-oħra. Ir-rapport ġie konkluż riċentement, f’dawn il-ġranet, u ppreżentajtu nhar it-Tnejn, u l-mozzjoni ma kenitx għadha ġiet imdaħħla fil-ktieb tal-mozzjonijiet. Mela, għandna xogħol u xenarju differenti, dak li qal fl-ittra li trid tiġi indirizzata, li l-mozzjoni tal-Imħallef Depasquale dak iż-żmien kien ippreżentaha Dr. Eddie Fenech Adami. Allura, meta kien hemm il-leġiżlatura ta’ wara u ta’ wara, meta ġiet għad-diskussjoni fl-2001, whatever, il-kronoloġija qiegħda hemmhekk, kien l-istess Dr. Eddie Fenech Adami li ressaq il-mozzjoni.
Fil-każ in eżami, Onor. David Agius – għalhekk qed ngħidlek li għandna xenarju li wieħed irid jindirizzah legalment, proċeduralment qiegħed hemmhekk – kellek lill-Onor. Lawrence Gonzi li ressaq il-mozzjoni, illum m’għadux membru tal-Parlament – kif hemm indikat fl-ittra – u, ovvjament, lanqas għadu Prim Ministru u lanqas membru tal-Parlament, u allura d-domanda hija: tista’ dik il-mozzjoni terġa’ tiġi ssanata? Din qed nagħmilha għad-diskussjoni. I am asking.
Issa x’qal l-Onor. de Marco? Naħseb li għandu punt importanti. L-Onor. de Marco qed jgħid li ovvjament wieħed irid jara dan ix-xenarju, u jrid jidħol b’mod aktar profond legalment dwar il-proċedura parlamentari kif għandha tiġi segwita. Jekk kemm-il darba dik il-mozzjoni tal-Onor. Gonzi – qed jgħid l-Onor. De Marco – ma tistax tiġi ssanata, allura kif qal il-Prim Ministru, la hu ddikjara li kemm jista’ jkun dan il-proċess jibqa’ miexi, ovvjament irid iressaqha l-Prim Ministru. Dan huwa x-xenarju. L-Onor. Mario De Marco.

ONOR. MARIO DE MARCO: Però l-issue mhijiex tant jekk għandekx Prim Ministru ġdid jew le. L-issue hija jekk, meta jispiċċa Parlament, il-mozzjoni tispiċċax jew le. Fil-fatt, hemm argument ukoll li l-unika mozzjoni li fil-fatt tissoppravvivi bidla fil-leġiżlatura hija mozzjoni ta’ impeachment.
MR SPEAKER: Minn fejn toħroġ din?
ONOR. MARIO DE MARCO: Għaliex min-natura tagħha hija mozzjoni differenti.
MR SPEAKER: Minn fejn toħroġ din?
ONOR. MARIO DE MARCO: Issa niġi għaliha.
MR SPEAKER: Staqsejtek biex inkun naf.
ONOR. MARIO DE MARCO: Qed nitkellem mill-impressjoni li għandi.
MR SPEAKER: It’s from one session to another mhux from one legislature ...

ONOR. MARIO DE MARCO: Però l-impeachment, min-natura tiegħu, huwa differenti minħabba ċ-ċirkostanzi tiegħu. Però, nerġa’ ngħid, jien m’għandix diffikultà li wieħed, jekk irid iħossu komdu ... Jien naħseb li ħadt il-kliem tal-Prim Ministru bħala kliem li qisu, bi qbil fil-Kumitat, wieħed jista’ jkompli bl-istess mozzjoni. Jien ma fhimtx li l-Prim Ministru kellu f’moħħu ... Jekk aħna ż-żewġ naħat tal-Kamra f’dan il-House Business Committee qed naqblu li dan il-proċess għandu jitkompla ... Għax imbagħad tiġi kwestjoni li jekk se tiġi ppreżentata mozzjoni ġdida, se tiġi abbozzata b’mod differenti? Se jkun hemm raġunijiet differenti? (Interruzzjonijiet) Ma nikkumplikawx il-ħajja għalxejn b’xejn! Ir-rapport li sar mill-Kummissjoni għall-Amministrazzjoni tal-Ġustizzja sar abbażi ta’ mozzjoni li ġiet ippreżentata. Irridu noqogħdu attenti li ma nagħmlux kumplikazzjonijiet legali għalxejn b’xejn billi naqbdu ... Mela, għandek mozzjoni, għandek rapport, ir-rapport ġie ppreżentat wara l-bidla fil-leġiżlatura, fil-kors ta’ leġiżlatura ġdida, u għandek dikjarazzjoni tal-Prim Ministru ġdid f’leġiżlatura ġdida li qed jgħid li huwa jrid ikompli l-proċess ta’ impeachment.
Irridu noqogħdu attenti għaliex, fil-fehma tiegħi, l-aktar ħaġa prattika li naħseb li nistgħu nagħmlu hija li ż-żewġ naħat tal-Kamra f’dan il-House Business Committee, biex nagħtu effett għall-kliem tal-Prim Ministru, huwa li naqblu li dik il-mozzjoni għadha valida, kif kien il-House Business Committee qabel, u ta estensjoni lill-mozzjoni fil-każ tal-impeachment tal-Imħallef Depasquale. Hemmhekk kellek qbil bejn iż-żewġ naħat tal-Kamra li dik il-mozzjoni, minkejja l-varji bidliet fil-leġiżlatura, tibqa’ fis-seħħ. Jien naħseb li nistgħu nagħmlu l-istess ħaġa għaliex inkella, jekk se tiġi ppreżentata mozzjoni ġdida, se jkollok komplikazzjonijiet oħrajn legali li jistgħu jidħlu fis-seħħ. Jien hekk naħseb.
MR SPEAKER: L-Onor. Louis Grech.

ONOR. LOUIS GRECH: L-ewwel kummenti tal-Onor. de Marco kienu li fil-fatt fl-ewwel punt jara li jista’ jkun hemm raġuni għaliex is-Sedja għandha titlob parir legali. Fuq it-tieni punt, ma kienx qed jaraha daqshekk. Issa qed jgħid li, anke mingħajr dak il-parir legali, aħna kulma qed nistaqsu, anke f’din id-diskussjoni, opinjonijiet hemm. Aħna nħossuna aktar komdi bħala Kumitat kieku ngħidu: Isma’, għandna nieħdu dawn iż-żewġ punti li qamu għand esperti legali ... għax anke hawn, anke jekk se nagħti opinjoni, ma nafx jekk jien għandix il-pożizzjoni legali tiegħi korretta, speċjalment il-fatt li jien m’iniex avukat. Aħna nixtiequ li jkun hemm xi analiżi oġġettiva, li fil-fatt tmur oltre. Il-Parlament irid ikollu ċerta kumdità li jkun jaf li l-parir legali li għandu jista’ jmexxi b’dik it-tip ta’ proċedura. Ma naħsibx li aħna nkunu qed nitilfu xi ħaġa jekk ngħidu li nemmnu u naqblu li għandha tkun immedjata l-proċedura li anke ssemmiet mill-Prim Ministru lbieraħ; però aħna qed ngħidu wkoll li tkun aktar pożizzjoni b’saħħitha jekk ikollna l-kumdità li jkollna parir legali li jkun oġġettiv.

MR SPEAKER: L-Onor. Carmelo Abela.

ONOR. CARMELO ABELA: Mr Speaker, naħseb li hawnhekk għandna żewġ issues. L-issue politika jew l-issue ta’ direzzjoni, kif issolleva anke l-Onor. Mario de Marco, mhi titqiegħed f’dubju minn ħadd. Ħadd mhu jgħid li għandna nieqfu jew m’għandniex nieqfu. Dik hija ċara. L-issue hija purament fuq dik li nistgħu nsejħulha bħala proċedura ta’ kif se nipproċedu. Jien se nikkwota anke dak li qal il-Prim Ministru fl-aħħar paragrafu tiegħu, fejn talab lill-Kap tal-Kamra sabiex, bħalma sar u għandu jsir f’każijiet dħal dawn, il-materja tgħaddi għand il-Kumitat Permanenti dwar ix-Xogħol tal-Kamra biex flimkien, iż-żewġ naħat, jistradaw il-proċess ‘il quddiem skont kif tgħid il-Kostituzzjoni u l-liġijiet ta’ pajjiżna. Jiġifieri, dan il-Kumitat irid jitkellem u jiddeċiedi fuq proċedura biex nimxu. Dak huwa l-ewwel punt rigward id-direzzjoni. Fejn għandna mmorru nafuh u kkwotajtu inti, Onor. de Marco; però, rridu nimxu mill-aspett ta’ proċedura.
Issa jiena, bħala membru ta’ dan il-Kumitat u bħala membru tal-Kamra, jien personalment inħoss li għandi nkun konfortat li, filwaqt li nafu fejn irridu mmorru, il-proċedura biex naslu hemm irrid inkun ċert, anke mill-bażi legali, li hija proċedura korretta fiċ-ċirkostanzi li għandna quddiemna la għandna mozzjoni ffirmata minn persuna li llum lanqas għadu membru tal-Kamra. Issa jien m’għandix il-bażi legali. Naħseb anke kieku kont avukat – għax jekk tistaqsi avukati differenti, kulħadd jagħti l-opinjoni tiegħu jew ma nafx fuqiex tkun ibbażata. Għalhekk, naħseb li tkun idea tajba – u qed ngħid li nħossni aktar komdu, anke bħala membru tal-Kamra u bħala membru ta’ dan il-Kumitat, li ngħatajna l-inkarigu, kif ġara fil-passat, naturalment ukoll li dan il-Kumitat jiddeċiedi – li, minn aspett ta’ proċedura, inkunu korretti anke minħabba r-raġuni li – se ngħidha – il-Parlament ikun qed jissogra li d-deċiżjoni li jkun ħa, anke b’mod unanimu, tiġi sindikata f’xi qorti. Irridu noqogħdu attenti minnha. Jien irrid inserraħ rasi bħala membru tal-Kamra għall-inqas li mill-aspett ta’ proċedura nimxu. Nafu fejn irridu mmorru, kif spjega l-Onor. de Marco u kkwota lill-Prim Ministru, imma mill-aspett ta’ proċedura ejja nkunu ċerti li mexjin b’mod korrett, filwaqt li nafu fejn irridu naslu. Dak biss li qed ngħid. Jien naħseb li s-Sedja, kif esprimiet ruħha wkoll, wara li rċeviet din l-ittra, li kienet indirizzata lill-Iskrivan tal-Kamra ... Diġà hemm issues imqajma. Jien naqbel li l-issue kostituzzjonali ma nafx kemm għandna nidħlu fiha aħna, sinċerament. Imma fuq l-issue l-oħra tal-validità jew le tal-mozzjoni, fid-dawl li l-mozzjoni iffirmata minn persuna li mhijiex membru tal-Kamra, naħseb li jkun tajjeb li jkollok parir.
Yüklə 224,23 Kb.

Dostları ilə paylaş:
1   2   3




Verilənlər bazası müəlliflik hüququ ilə müdafiə olunur ©muhaz.org 2024
rəhbərliyinə müraciət

gir | qeydiyyatdan keç
    Ana səhifə


yükləyin