Malta kamra tad-deputati kumitat permanenti dwar l-affarijiet soċjali



Yüklə 118,67 Kb.
tarix01.01.2018
ölçüsü118,67 Kb.
#36716


MALTA
KAMRA TAD-DEPUTATI
KUMITAT PERMANENTI DWAR L-AFFARIJIET SOĊJALI
(Rapport Uffiċjali u Rivedut)


Il-ĦDAX-IL PARLAMENT

Laqgħa Nru. 33
L-Erbgħa, 20 ta' Mejju, 2009


Stampat fl-Uffiċċju ta' l-Iskrivan

Kamra tad-Deputati

Malta

Prezz €2.50
IL-ĦDAX-IL PARLAMENT

KUMITAT PERMANENTI DWAR L-AFFARIJIET SOĊJALI

Laqgħa Nru. 33

It-Tlieta, 12 ta' Mejju, 2009


Il-Kumitat iltaqa' fil-Palazz, il-Belt Valletta, fis-07.30 p.m.


Talba


MINUTI
Il-Minuti tal-Laqgħa Nru. 31 li saret nhar it-Tnejn, 18 ta’ Mejju 2009, ġew konfermati.
Approvazzjoni tad-dokument “L-Edukazzjoni, ir-ResponsabilitÀ u l-FedeltÀ: L-Aqwa StrateĠija Nazzjonali Favur is-SaĦĦa Sesswali”.
THE CHAIRMAN (Onor. Edwin Vassallo): Ngħaddu minnufih għad-diskussjoni u għall-approvazzjoni tar-rapport li għandna quddiemna llum. Dan għandu jkun it-tieni rapport tal-11-il leġislatura li jġib l-isem “L-edukazzjoni, ir-responsabilità u l-fedeltà: L-aqwa strateġija nazzjonali favur is-saħħa sesswali.” Din se tkun laqgħa ta’ diskussjoni bejn il-membri sabiex niddiskutu r-rapport finali u fuq dak li jiġi maqbul, ikun ippubblikat dan it-tieni rapport. Mela nistgħu nibdew nisimgħu s-suġġerimenti.

ONOR. MICHAEL FARRUGIA: Naħseb li l-aħjar ħaġa hija li nibdew billi naqsmu r-rapport f’erba’ partijiet kif juri l-werrej u niddiskutuhom waħda waħda. Per eżempju, fl-ewwel sezzjoni hemm hekk:
“Quddiem dan il-kontest u permezz tal-laqgħat li kellu l-kumitat ma’ esperti fis-suġġett, il-membri tal-Kumitat dwar l-Affarijiet Soċjali fehmu li tlieta għandhom ikunu l-valuri li jdawlu l-istrateġija nazzjonali favur is-saħħa sesswali:

  • l-edukazzjoni

  • ir-responsabilità u

  • l-fedeltà.”

Issa jien ma’ dawn kont inżid il-kelma “prevenzjoni”.


Mill-bqija, minn paġna 4 sa paġna 7 m’għandix aktar x’nikkoreġi.
THE CHAIRMAN: Mela ma’ ‘l-edukazzjoni’ nżidu ‘l-prevenzjoni’. Ħalli nagħmlu hekk. Mela qed ngħidu li għall-paġni 5, 6 u 7 m’hemmx korrezzjonijiet. Issa rridu naraw li l-ismijiet tal-membri jitneħħew peress li nġibdet l-attenzjoni dwar dan.
ONOR. MICHAEL FARRUGIA: Jien m’għandix aktar kummenti x’nagħmel sakemm naslu għal paġna 15.
THE CHAIRMAN: Però jekk intom taħsbu li għandkom tħallu l-ftit li baqa’, jien kemm inħalli risposta mas-Sur James Carabott. Għalija din mhijiex problema.

ONOR. MICHAEL FARRUGIA: Imma għad-darba ta’ wara ma nkomplux inniżżlu ismijiet.
THE CHAIRMAN: Naħseb li diġà għandna l-korrezzjoni mingħajr ismijiet. Għalhekk ejja nkomplu fuq id-deċiżjoni li ħadna u ċioè dik li jkomplu jitneħħew l-ismijiet. (Interruzzjonijiet)
ONOR. MICHAEL FARRUGIA: Naħseb li din diġà ntqalet darb’oħra imma kont nippreferi li l-wording...
THE CHAIRMAN: Liema?
ONOR. MICHAEL FARRUGIA: Qed ngħid għal paġna 9 fl-aħħar paragrafu.
ONOR. ANTHONY ZAMMIT: Hemmhekk jingħad hekk:
“Fid-dawl ta’ informazzjoni li żvela Dr Carabot, fejn Paceville qed ikun l-aktar post fejn jiltaqgħu in-nies biex ikollhom is-sess...”
The Chairman: Huwa hekk kien qalha.
ONOR. MICHAEL FARRUGIA: Din donnha tinftiehem li min imur Paceville, se jmur biex jagħmel is-sess. Issa wieħed jista’ jmur hemmhekk biex jara film biss u li wkoll ma jkun fih xejn ħażin.  
THE CHAIRMAN: Eżatt. Fl-aħħar mill-aħħar x’tagħmel inti jgħodd. Imma dan huwa l-aktar meeting place li jwassal għal dawn l-affarijiet. Ejja nqabbdu lis-Sur James Carabott jibgħat dik is-sentenza lil Dr Philip Carabot u jara jekk jaqbilx magħha. (Interruzzjonijiet)

ONOR. MICHAEL FARRUGIA: Jien naħseb li nistgħu ngħidu l-istess ħaġa billi nagħmlu r-rewording tas-sentenza. Nistgħu nagħtu l-istess informazzjoni imma mhux li tiftiehem b’tali mod li qisu min imur Paceville, se jmur hemm biex ikollu s-sess.

THE CHAIRMAN: Mela din għandna nieħdu nota tagħha.

ONOR. MICHAEL GONZI: Issa fir-raba’ paragrafu ta’ paġna 5 qiegħed jingħad hekk:
“Apparti li din ir-realtà f’Malta tista’ tindika l-użu tal-antibijotiċi b’mod sporadiku mingħajr testijiet jew illegalment mixtrijin mingħajr preskrizzjoni tat-tabib...”
Il-kelma “illegalment” trid titneħħa minn dik is-sentenza.
ONOR. MICHAEL FARRUGIA: U minflok tiġi tinqara hekk; “jew mixtrija mingħajr preskrizzjoni tat-tabib”.
THE CHAIRMAN: Mela trid titneħħa l-kelma “illegalment”.
ONOR. MICHAEL GONZI: Imbagħad fit-tieni paragrafu ta’ paġna 6 għandna “Għalhekk permezz ta’ messaġġi favur is-saħħa, il-promozzjoni tas-sesswalità...” Din mhux qed togħġobni għax sesswalità hija maskili u femminili.  
THE CHAIRMAN: Naqblu. Forsi nistgħu nagħmlu “il-promozzjoni għall-edukazzjoni sesswali”.
ONOR. MICHAEL FARRUGIA: Le, naħseb li din għandha tiġi hekk; “il-promozzjoni ta’ edukazzjoni sesswali”.
THE CHAIRMAN: Kollox sew.
ONOR. MICHAEL GONZI: Imbagħad fl-aħħar linja tal-ewwel paragrafu f’paġna 8 hemm il-frażi “tfajliet li jagħmlu s-sess”. Din ma togħġobnix u naħseb li għandna ngħidu hekk; “li jipprattikaw is-sess minn età żgħira”.
THE CHAIRMAN: Jew inkella nagħmluha hekk; “tfajliet li jaqgħu vittma”.
ONOR. MICHAEL GONZI: Le jekk nagħmluha “li jipprattikaw is-sess minn età żgħira” tiġi tajba.
THE CHAIRMAN: Ejjew immorru ftit lura ħalli nifhmu aħjar x’qed jingħad. Hawnhekk hawn li:
“Edukazzjoni sesswali għandha tkun immirata sabiex iż-żgħażagħ isaħħu l-istima tagħhom infushom u jipposponu r-rapport sesswali għal età aktar matura.”
Il-konklużjoni ta’ din is-sentenza hija maqtugħa. Imbagħad hemm il-frażi;
“tfajliet li jipprattikaw is-sess minn età żgħira jispiċċaw b’dispjaċiri kbar u dwejjaq għar-rapporti li huma jkunu għamlu.”
Din hija ħażina u naħseb li hawnhekk għandna nżidu l-frażi “meta dawn jispiċċaw vittma ta’ sfruttament”.
ONOR. MICHAEL FARRUGIA: Le għax probabilment dawn ikunu jridu huma.
THE CHAIRMAN: Kieku jridu biss u ma jinqabdux tqal forsi ma jispiċċawx b’dispjaċir għax ma jkunx hemm guilt feeling u sens ta’ vittma. Imma lilna qalulna li dawn it-tfajliet jispiċċaw sfruttati wara li jkunu xorbu... (Interruzzjonijiet)
ONOR. MICHAEL FARRUGIA: Fl-opinjoni tiegħi din irridu nagħmluha hekk:  
“Tfajliet li jipprattikaw is-sess minn età żgħira mhux l-ewwel darba li jispiċċaw b’dispjaċiri kbar u dwejjaq għar-rapporti li huma jkunu għamlu”.
THE CHAIRMAN: Imma trid tgħid għaliex.
ONOR. MICHAEL FARRUGIA: Għax qed imorru qabel.
THE CHAIRMAN: Le m’hemm xejn qabel. M’aħniex ngħidu għalfejn ġralhom hekk u rridu ndaħħluha. Per eżempju, lilna qalulna li meta tfajliet ta’ età żgħira jispiċċaw sfruttati jew jippermettu lilhom infushom... Imma ħafna drabi mhux għax ikollhom il-ħila li jżommu lilhom infushom għax ikunu xorbu ...
ONOR. MICHAEL FARRUGIA: Mhux neċessarjament.
THE CHAIRMAN: Mela dik inħassruha imma qed nipprova niftakar x’kien intqal lilna.
ONOR. MICHAEL FARRUGIA: Li kien intqal lilna kien li tfajliet li jkunu involuti fi prattika sesswali... (Interruzzjonijiet)
THE CHAIRMAN: Meta jinqabdu tqal.
ONOR. MICHAEL FARRUGIA: Le, jinqabdu jew ma jinqabdux. (Interruzzjonijiet)
THE CHAIRMAN: Lili ma ddejjaqnix il-verżjoni tagħkom. Fil-kas nitolbu lis-Sur James Carabott imur lura għat-transcript. Jien qed ngħid li jinqabdu b’dispjaċiri kbar mhux għax ikunu għamlu s-sess imma għax jispiċċaw sfruttati u jinqabdu jġorru l-piż ta’ omm waħedhom.
ONOR. ANTHONY ZAMMIT: Imma anke jekk ma jinqabdux tqal. (Interruzzjonijiet)
ONOR. MICHAEL GONZI: Minħabba l-peer pressure tkun għamilt is-sess u mbagħad... (Interruzzjonijiet)
ONOR. MICHAEL FARRUGIA: Wara jiddispjaċik għal dak li tkun għamilt.
THE CHAIRMAN: Kif inhi għandha sens edukattiv ferm akbar milli kif qed ngħid jien. (Interruzzjonijiet) Lili ma ddejjaqnix kif inhi. Mela l-frażi għandha tiġi hekk:
“Għalhekk tfajliet li jipprattikaw is-sess minn età żgħira jispiċċaw b’dispjaċiri kbar u dwejjaq għar-rapporti li jkunu għamlu.”.
ONOR. MICHAEL FARRUGIA: Din għandna nkompluha mal-biċċa ta’ qabel u allura jiġi jingħad hekk:
“Jipposponu r-rapport sesswali għal età aktar matura...”
THE CHAIRMAN: Mela din għandna nkompluha hekk:
“...għaliex tfajliet li jipprattikaw is-sess minn età żgħira jispiċċaw b’dispjaċiri kbar u dwejjaq għar-rapport li jkunu għamlu.”.

ONOR. MICHAEL FARRUGIA: Mhux “jispiċċaw” imma għandna ngħidu li “mhux l-ewwel darba li jispiċċaw...”.

THE CHAIRMAN: Mela wara l-kelma “matura” rridu ndaħħlu comma u nżidu “għaliex tfajliet li jipprattikaw is-sess minn età żgħira”. Issa jekk se ngħidu “mhux l-ewwel darba li jispiċċaw...” (Interruzzjonijiet) Ma rridux niġġeneralizzaw imma se tkissru dik il-proposta li semmejtu intom. L-ewwel tajtuni x’nifhem li tfajliet, wara li jkollhom is-sess minn età żgħira...
ONOR. MICHAEL GONZI: Mhux kollha.
ONOR. ANTHONY ZAMMIT: Hemm tfajliet li jipprattikaw is-sess min età żgħira u jispiċċaw b’dispjaċiri kbar u dwejjaq għar-rapporti li jkunu għamlu.
THE CHAIRMAN: Wara l-kliem “aktar matura”, minflok full stop nagħmlu comma, imbagħad ngħidu “għaliex tfajliet li jipprattikaw is-sess minn età żgħira mhux l-ewwel darba li jispiċċaw b’dispjaċiri kbar u dwejjaq għar-rapporti li huma jkunu għamlu.”
ONOR. MICHAEL FARRUGIA: Hekk aħjar.  
THE CHAIRMAN: Issa ngħaddu għal paġna 10.
ONOR. MICHAEL GONZI: Issa se ngħid xi ħaġa li tirrigwarda lili. Hawnhekk ingħad li “kien huwa li ppropona sabiex il-kumitat jorganizza serje ta’ laqgħat sabiex l-istakeholders kollha f’dan il-qasam jagħrfu l-messaġġ favur is-saħħa sesswali”. Jien kont issuġġerejt li ssir laqgħa waħda bl-istakeholders kollha u mhux serje ta’ laqgħat.
THE CHAIRMAN: Mela nneħħu l-frażi “serje ta’ laqgħat” u niktbu “laqgħa waħda”. Imma naħseb li ladarba James Carabott kiteb hekk sinjal li kien semagħha hekk.
ONOR. MICHAEL GONZI: Jien kont għedt li għandna niġbru l-istakeholders kollha madwar mejda. Ħaġa oħra wkoll hija li f’dan id-dokument irridu noqogħdu daqxejn attenti. Per eżempju, fit-tieni paragrafu għandna li:
“Fil-kultura Maltija it-taboos fuq il-kontraċettivi qed iżommu milli l-messaġġ favur saħħa sesswali jasal b’mod ċar. Eżempju ta’ dan huwa l-ħsieb ħażin li l-condom inaqqas il-pjaċir sesswali.”
Hemm bżonn li ndaħħluha din?
THE CHAIRMAN: Jekk tridu nneħħuha nneħħuha. Niftakar li din kienet qalitha Dr Anna Vella imma jien noqgħod fuq is-suġġerimenti tagħkom it-tobba.
ONOR. MICHAEL FARRUGIA: Mhux aħjar ngħidu “taboos u miżinformazzjoni”?
ONOR. MICHAEL GONZI: Naħseb li aktar tagħmel sens hekk.
THE CHAIRMAN: Mela wara l-kelma “taboo” rridu nniżżlu “u miżinformazzjoni”. L-aħħar sentenza dejqitni imma issa se nagħmel kif qed tgħiduli intom.
ONOR. MICHAEL GONZI: Ikun aħjar li titneħħa.
THE CHAIRMAN: F’paġna 12 qed ngħidu li:
“it-tagħlim irid ikun responsabbli biżżejjed sabiex jinforma liż-żgħażagħ fuq sitwazzjonijiet li jistgħu jirrikjedu attenzjoni medika. Każ frekwenti huwa meta l-condom jispiċċa ...”
ONOR. MICHAEL GONZI: Naħseb li dak li qed jingħad wara għandu jitneħħa.  
THE CHAIRMAN: Kollox sew. L-Onor. Gonzi.
ONOR. MICHAEL GONZI: Issa nixtieq inqajjem punt fuq paġna 14 fejn qed jingħad hekk:  
“Meta mistoqsi mill-Onor. Farrugia u l-Onor. Gonzi fuq koordinazzjoni aħjar bejn il-GU Clinic u speċjalisti oħrajn, bħal ġinekoloġi, Dr Carabott qal li jinħass il-bżonn ta’ aktar responsabilità u koordinament bejn l-ispeċjalisti. Huwa qal li jeħtieġu linji gwida f’dan ir-rigward ukoll.”
Hemm linji gwida tat-tobba jew le?

THE CHAIRMAN: Illum m’hemmx imma jeħtieġ li jkun hemm.  
ONOR. MICHAEL GONZI: Jien m’għandi xejn uffiċjalment li m’hemmx linji gwida. Meta jiġu quddiemi dawn il-każijiet irrid nirrapporta x’imkien. Gynaecologist ukoll għandu jirrapporta x’imkien. Mela linji gwida hemm x’imkien. Jien ma nippretendix li meta noħroġ dokument jiġi xi ħadd jgħidli li m’hemmx linji gwida meta fil-fatt ikun hemm.
ONOR. MICHAEL FARRUGIA: Naħseb li l-problema tiegħu kienet li każijiet li jmorru għand l-ispeċjalisti ma jiġux riferuti lill-GU clinic u allura jitilfu l-istatistika tagħhom.
ONOR. ANTHONY ZAMMIT: Qed jara just the tip of the iceberg u mhux qed jara l-kontenut kollu.  
ONOR. MICHAEL GONZI: Jekk insib ċertu mard bħall-chlamydia jew gonorrhea inkun irrid ninforma lid-dipartiment? Dik hi l-linja gwida?
THE CHAIRMAN: Naħseb li din aħjar inħalluha kif inhi għax forsi tista’ tiġi diskussa bejn it-tobba.
ONOR. MICHAEL GONZI: Hemm differenza bejn li jkun hemm linji gwida u li jien ma noqgħodx għalihom u li ma jkunx hemm linji gwida. Min jaqra dan id-dokument jgħid li qed ngħidu ħażin. Hemm linji gwida imma t-tobba mhux qed jagħtu kashom.
THE CHAIRMAN: Intom taħsbu li rridu nirrimarkaw lil Dr Carabott?
ONOR. MICHAEL GONZI: Naħseb li nistgħu nagħmlu xi mistoqsija parlamentari.
THE CHAIRMAN: Naħseb li għandna nistaqsu lil Dr Carabott jekk huwiex kuntent b’din il-linja għax fil-każ ngħidulu li you have to face the music. Wara kollox hu qalilna hekk. Jien nixtieq niġbed l-attenzjoni tas-Sur James Carabott sabiex jara li ma’ isem Dr Carabott ikun hemm din is-sentenza. Issa Dr Carabott jew jgħid li huwa responsabbli jew inkella jgħid li linja gwida hemm imma mhux qed joqogħdu magħha.  Aħna nitolbu lil Dr Carabott jiċċaralna din il-kwotazzjoni tiegħu stess. (Interruzzjonijiet) Jista’ jkun hemm u jista’ ma jkunx hemm imma jien irrid inħalli l-istatement tal-espert.
Issa ngħaddu għal paġna 16.
ONOR. MICHAEL FARRUGIA: Mela waħda minnhom kienet wara l-frażi “risk compensation”. Hawn donnu li kien hemm il-ħsieb li tingħata definizzjoni tar-“risk compensation”. Jien ipprovajt nidħol ukoll fil-website www.greenwood.com li mhijiex feliċi ma’ dan li hawn miktub hawnhekk. Jien se naqra d-definizzjoni li qed nagħtu f’dan ir-rapport ta’ x’inhi risk compensation. Mela hawnhekk qed ngħidu hekk;
“Din hija sitwazzjoni fejn livell għoli ta’ aċċess għall-kontraċettivi u tagħlim fuq kontraċettivi biss jistgħu jżidu l-mard trasmess sesswalment għaliex bl-użu tal-kontraċettivi jista’ jiżdied iċ-ċans u r-riskju li wieħed ma’ jeħux mingħajr il-kontraċettivi.”,
Mela hawn qed ngħidu li jekk ma nużawx kontraċettivi jkollna inqas riskju milli kieku nużawhom! “Risk compensation” hija bejn wieħed li ma jagħmilx sess għal wieħed li jagħmel is-sess bil-kontraċettiv għax jaħseb li huwa safe. Dik naċċettaha imma li tiġi tgħidli li wieħed li ma jużax il-kontraċettivi m’għandux riskju u wieħed li juża l-kontraċettivi għandu ħafna riskju, dik ma naċċettahiex.
THE CHAIRMAN: Hawnhekk naqbel miegħek. Dwar id-definizzjoni rrid nitkellem ftit ma’ James Carabott.
ONOR. MICHAEL FARRUGIA: Fl-opinjoni tiegħi d-definizzjoni għandek tħalliha barra. Bażikament il-ktieb ta’ Greenwood kien jitkellem fuq l-esperjenza li kien hemm ġewwa l-Uganda fejn minħabba r-rata għolja tal-HIV, waħda mill-affarijiet li għamlu kien li l-faith societies ipprovaw jaqbdu numru ta’ persuni u bl-edukazzjoni reliġjuża jew bit-twemmin tagħhom iżommuhom milli jkollhom relazzjoni sesswali. Riżultat ta’ dan kien it-tnaqqis fit-tixrid tal-HIV minħabba li n-nies kienu qed joqgħodu ‘l bogħod mill-atti sesswali. Għalhekk ir-risk compensation hija bejn numru ta’ persuni li ma jagħmlu xejn sess u allura r-riskju tagħhom huwa zero u dawk li jużaw il-kontraċettivi għax jaħsbu li m’għandhomx riskju u fejn sabu li persentaġġ żgħir minnhom xorta ġew infettati.

THE CHAIRMAN: L-ispjegazzjoni li qed tagħti int hija waħda preċiża. Issa rridu naraw jekk aħniex kapaċi jkollna żewġ sentenzi li inti tkun komdu bihom ukoll. Imma sa “risk compensation” jiena ninsab komdu.
ONOR. MICHAEL FARRUGIA: Bir-rispett kollu jien m’iniex komdu għax ir-realtà hi li hi. Aktar ‘l isfel se nkunu qed nagħmlu riferenzi dwar x’inhu l-ideali u allura jien kont nieqaf fil-full stop tar-“risk compensation”.

THE CHAIRMAN: M’hemmx għalfejn nikkonkludu kollox illum u din nistgħu nagħmluha anke via email.
ONOR. MICHAEL FARRUGIA: Fil-każ ngħaddilek ir-rewording tagħha jien.

THE CHAIRMAN: Mela għaddili l-aħjar proposta tiegħek. Jien naf x’kienet ir-risk compensation għax kif smajtha mingħandek tiġi tajba. Jekk nistgħu, nagħmluha kif smajniha u ma jkun ġara xejn jekk tiġi xi ftit itwal.  

ONOR. MICHAEL FARRUGIA: Imbagħad fir-raba’ linja tat-tieni paragrafu hemm il-kliem: “Dawn it-tliet strateġiji għandhom l-edukazzjoni...”. Issa jien kont inżid il-kliem “...u l-prevenzjoni”.
THE CHAIRMAN: Hawnhekk nixtieq niġbed l-attenzjoni tal-iskrivana tal-kumitat li kull fejn qed jissemmew il-kliem “edukazzjoni, responsabilità u fedeltà” indaħħlu l-kelma “prevenzjoni” matul ir-rapport kollu.  

ONOR. MICHAEL FARRUGIA: Fl-opinjoni tiegħi din is-sentenza għandha tiġi tinqara hekk; “l-edukazzjoni u l-prevenzjoni, ir-responsabilità u l-fedeltà bħala valuri bażiċi fil-pedament tagħhom mingħajr ma naħarbu r-realtà.” Hawnhekk għandna kwestjoni ta’ realtà, l-ideal u x’qed nipprovaw nagħmlu. Per eżempju, aħna nafu x’għandha tkun l-istrateġija imma mbagħad hemm l-ideal u r-realtà. Ir-realtà hi dik li hi.

ONOR. ANTHONY ZAMMIT: Imma r-realtà tvarja minn perijodu għal ieħor.
ONOR. MICHAEL FARRUGIA: Għalhekk inħalliha “realtà” u nieqaf hemmhekk.
ONOR. MICHAEL GONZI: Jekk għamilna dan id-dokument u m’aħniex se nimxu ‘l quddiem se nirrepetu l-konklużjonijiet ta’ miljun dokument ieħor. Aħna nafu r-realtajiet x’inhuma. Issa bħala kumitat soċjali rridu ngħidu li r-realtajiet huma hemm imma issa rridu nimxu ‘l quddiem.
THE CHAIRMAN: Ir-realtajiet qegħdin fil-kontest li qed ngħixu fih.

ONOR. MICHAEL GONZI: L-ideal qatt m’int se tilħqu. Minn dan id-dokument nafu min qiegħed f’riskju imma allura, kif se nagħmlu strateġija ġdida ħalli ngħallmu lil dawn in-nies? Dan huwa l-punt kruċjali f’dan kollu.

THE CHAIRMAN: Ejja ngħaddu għall-proposti għax hawnhekk nistgħu noħolqu diskussjoni vera. Mela nistgħu ngħaddu għal paġna 17.

ONOR. MICHAEL GONZI: Jien nixtieq li dawn ir-rakkmandazzjonijiet jinżlu in a table form.  
ONOR. ANTHONY ZAMMIT: Imma mbagħad trid tagħmilhom qosra ħafna.
ONOR. MICHAEL GONZI: Tista’ tagħmilhom in bullet form.
THE CHAIRMAN: Il-proposti huma dawk li huma, jiġifieri setgħu kienu tnejn, tlieta u aktar. Issa qed nitfgħu ħafna food for thought li jkomplu jaqilgħu ħafna diskussjoni għax dawn lanqas huma proposti li se jsiru bilfors. L-istrateġija trid tiġi fformata. U għalkemm issa qed nipprovdu aktar ħsieb imlaħħam għad m’għandniex il-konklużjoni eżatta.

ONOR. MICHAEL GONZI: F’dan il-kumitat wasalna għal konklużjonijiet fuq l-għażliet personali tagħna nfusna. Imbagħad għandna affarijiet li jirrigwardaw il-valuri tas-soċjetà. Xi ħaġa importanti wkoll hija l-aċċess għas-servizzi u dawn se nibdew niddiskutuhom waħda waħda.

THE CHAIRMAN: Mela inti tixtieq li dawn jiġu in bullet form taħt xulxin u allura jkunu hekk; “L-għażliet personali”, “Il-valuri fis-soċjetà”, “Aċċess għas-servizzi tas-saħħa”, “Il-familji u l-komunità” u “Riċerka, evalwazzjoni u informazzjoni”.

ONOR. MICHAEL GONZI: Jien nixtieq li r-rakkmandazzjonijiet jiġu qabel il-konklużjoni għax kif inhi qisha qiegħda titlef il-ġist kollu. Jien għamilt ir-rakkmandazzjonijiet li jixtieq il-kumitat soċjali.

THE CHAIRMAN: Irridu konklużjoni għall-preżentazzjoni. Mela immedjatament wara kapitlu 2.4. “Fedeltà” ikun hemm kapitlu 2.5 “Konklużjoni”. Imbagħad jibqgħu biss il-kliem “Rakkmandazzjonijiet tal-Kumitat Soċjali”. Dwar dan jidher li qed naqblu. Issa ejjew nibdew inħarsu lejn il-proposti.
ONOR. MICHAEL FARRUGIA: Paragrafu “g” jgħid hekk:
“Tagħlim aħjar fuq il-kontraċettivi, l-użu tajjeb u f’waqtu tagħhom u l-implikazzjonijiet mediċi kollha tal-użu tagħhom, inkluż...”
Hawnhekk irridu ndaħħlu l-kliem “jekk jintużaw ħażin”.
THE CHAIRMAN: Inkella nistgħu nagħmluha “inkluż informazzjoni fuq l-effett jekk jintużaw ħażin”.
ONOR. MICHAEL GONZI: Irridu noqogħdu attenti għal din is-sentenza. “Għarfien irid jingħata li bl-użu tal-kontraċettivi, persuna xorta tista’ tiltaqa ma’ mard trasmess sesswalment...”.
ONOR. MICHAEL FARRUGIA: Jien naħseb li għandna ngħidu hekk: “Għarfien irid jingħata li bl-użu tal-kontraċettivi, persuna m’għandhiex mija fil-mija lqugħ għall-mard trasmess sesswalment.”. Issa ovvjament ma rridux nagħtu l-messaġġ li bil-condoms u mingħajrhom xorta.
ONOR. MICHAEL GONZI: Bħalissa r-realtà hi li ż-żgħażagħ, bil-condoms u mingħajrhom, xorta waħda qegħdin jagħmlu s-sess. Għalhekk ma rridx nibgħat il-messaġġ ħażin li bil-condoms xorta se tmur ħażin. U għalhekk irrid noqgħod attent.
ONOR. MICHAEL FARRUGIA: Għalhekk trid tagħmel “mhux mija fil-mija”.
ONOR. MICHAEL GONZI: L-aħjar ħaġa hija l-astinenza. (Interruzzjonijiet) Il-punt hu li ma rridx nagħti a complete negative view tal-kontraċettivi.

ONOR. MICHAEL FARRUGIA: Jien għalhekk kont imħasseb u għedt li għadna “mhux mija fil-mija”. Ma rridx nibgħat il-messaġġ li mingħajr condoms huwa tajjeb u ma rridx nibgħat il-messaġġ li jekk tuża l-condoms inti mija fil-mija protett. Imma fl-istess ħin lanqas irrid nibgħat il-messaġġ li bihom jew mingħajrhom xorta waħda.
THE CHAIRMAN: Naħseb li dawn huma kollha realtajiet.
ONOR. MICHAEL FARRUGIA: Il-problema hi li bl-użu tal-condoms se tilqa’ ħafna mill-mard trasmess sesswalment imma xorta jista’ ikollok dawk il-waħdiet fejn il-condom ma jiffunzjonax kif tkun mixtieq.  Issa ma rridx nibgħat il-messaġġ li jekk tuża l-condoms ma timradx u lanqas irrid nibgħat messaġġ ħażin.
ONOR. MICHAEL GONZI: Jien tal-parir li paragrafu “g” jispiċċa hekk: “Tagħlim aħjar fuq il-kontraċettivi, l-użu tajjeb u f’waqtu tagħhom u l-implikazzjonijiet mediċi kollha tal-użu tagħhom, inkluż l-użu ħażin...”.
ONOR. ANTHONY ZAMMIT: Dik neħħejniha.
ONOR. MICHAEL GONZI: Il-biċċa l-oħra għandha tinqata’ għax jien ma nistax inkompli bis-sentenzi l-oħrajn mingħajr ma nagħti spjegazzjoni dettaljata lil min ikun hemm quddiemi. Jien lil dak li jkun irrid nispjegalu x’inhu tajjeb u x’inhu ħażin. Din tieħu 20 minuta u mhux se nagħmel erba’ linji biex nispjega l-ħażin kollu tal-condoms. Dik hija ħażina.

THE CHAIRMAN: Imma hawnhekk qed jilħaq ċerti checks and balances. Qed ikun fair ma’ dak li smajna għax fl-istess ħin daħħal il-kliem “jitneħħew il-preġudizzji fuq il-kontraċettivi, bħall-condoms li jnaqqsu l-pjaċir.”
ONOR. MICHAEL GONZI: Imma jekk din diġà semmejtha fid-dokument...
THE CHAIRMAN: Imma issa ġejna għar-rakkmandazzjonijiet. Insa d-dokument li rajna.

ONOR. MICHAEL GONZI: Kif inhi hija on the negative side u jien ma rridx nieħu a negative side. Jekk jien se nispjega eżatt fuq il-kontraċettivi, ma nistax nagħmilha f’sentenza waħda għax nista’ nagħti messaġġ ħażin. Dan huwa riskju li ma rridx nieħu. Jien irrid ngħid li r-rakkmandazzjonijiet ta’ dan il-kumitat huwa li t-tagħlim fuq il-kontraċettivi jrid ikun aħjar imma mhux se noqgħod nispjega.
THE CHAIRMAN: Ejja nħalluha miftuħa.
ONOR. MICHAEL GONZI: Min irid ikun jaf fuq il-condoms imur għand it-tabib tiegħu jew whatever imma dan għandu jispjegalu l-affarijiet sew.

THE CHAIRMAN: Naqblu u dik il-parti nħassruha. Għalhekk paragrafu “g” se jiġi jinqara hekk: “Tagħlim aħjar fuq il-kontraċettivi, l-użu tajjeb u f’waqtu tagħhom u l-implikazzjonijiet mediċi kollha tal-użu tagħhom, inkluż jekk jintużaw ħażin.”.
ONOR. ANTHONY ZAMMIT: Issa ladarba hawnhekk qed nużaw il-kelma “kontraċettivi”, ta’ min jgħid li l-condom mhuwiex l-uniku kontraċettiv. Fil-fatt jista’ ikollok lil min ikun qiegħed fuq il-pill u se jkollha no safeguard sex.

ONOR. MICHAEL GONZI: Dan huwa punt importanti. (Interruzzjonijiet)
THE CHAIRMAN: Il-fatt li neħħejna l-kumplament ta’ dik is-sentenza u ħallejna l-ewwel żewġ versi naħseb li se tkun aħjar.
ONOR. MICHAEL FARRUGIA: Lili ħaġa waħda qiegħda tinkwetani. Hawnhekk qegħdin nitkellmu fuq mard trasmess sesswalment. Jekk se nitkellmu fuq kontraċettivi naħseb li rridu nkunu speċifiċi fuq liema kontraċettiv qed nitkellmu fuqu. Tfajla li qiegħda fuq il-pill mhux qiegħda fuqha biex ma tieħux mard trasmess sesswalment imma biex ma tinqabadx tqila. Mela l-kontraċettiv hija kelma wiesgħa ħafna.
ONOR. MICHAEL GONZI: Aħna qed nitkellmu fuq is-saħħa sesswali u mhux fuq il-mard sesswali. Għalhekk naħseb li rridu nneħħu dik il-parti fejn jissemma l-condom. (Interruzzjonijiet)
THE CHAIRMAN: Forsi għada jivvintaw xi ħaġa oħra.
ONOR. MICHAEL GONZI: Hawnhekk qed nitkellmu fuq il-kontraċettivi kollha. Issa ikunx condom, pill jew xi ħaġa oħra m’hemmx differenza.  

ONOR. MICHAEL FARRUGIA: Xi ħaġa li qed iddejjaqni hawnhekk hija li qbadna nitkellmu fuq mard trasmess sesswalment. Issa fil-bidu aħna ġibna lil Dr Carabott, lil Dr Charmaine Gauci u lil Dr Anna Vella mill-qasam edukattiv. U jekk tara kif żviluppaw id-diskussjonijiet issib li r-relazzjoni bejn is-sess u t-tqala ma tantx missejnihom. (Interruzzjonijiet)

ONOR. MICHAEL GONZI: Imma aħna qed ngħidu wkoll li jekk tagħmel is-sess qabel ċerta età jista’ jkollok problemi psikoloġiċi u qegħdin insemmu wkoll it-teenage pregnancies.

THE CHAIRMAN: Ma rridux ninsew li aħna qed nipprovaw ngħaddu ħafna informazzjoni fl-inqas paġni miktuba u allura kull kelma tfisser ħafna. Din hija konklużjoni ta’ transcript u l-laqgħat li kellna kienu ftit. Issa l-laqgħat li jista’ jkollna riżultat ta’ dan jistgħu jerġgħu jkunu aktar minn dak li smajna mill-esperti. Jien naħseb li s-sentenza li hemm f’paragrafu (g) għandna nħalluha kif inhi għax hija miftuħa u biha qed infissru kollox. Jiġifieri bħala kumitat soċjali qed ngħidu li “tagħlim aħjar fuq kontraċettivi”. Hawnhekk lanqas qed insemmu liż-żgħażagħ, lill-kbar jew lill-adulti imma għada pitgħada din is-sentenza trid tkompli tespandi, jiġifieri ma’ min se nkunu qed niltaqgħu u dawn jistgħu jkunu għalliema, tobba eċċ. Jiena ngħid li dan kollu huwa food for thought.

ONOR. ANTHONY ZAMMIT: Jiġifieri hawnhekk se nħallu l-ewwel sentenza biss.
THE CHAIRMAN: Iva u nħalluha bil-korrezzjonijiet li għamilna.
ONOR. MICHAEL FARRUGIA: Paragrafu (i) jgħid hekk: “Promozzjoni aħjar fuq l-importanza ta’ screening għal min ikun f’riskju ta’ mard bħall-prostituti u li jista’ jipperikola saħħtu u saħħet ħaddieħor.”. Jien naħseb li ma kontx nuża l-kelma “prostituti” għax allura qisna qed ngħidu li min mhuwiex fil-prostituzzjoni m’għandux bżonn screening.
THE CHAIRMAN: Jien naqbel ma’ dan imma din ma kenitx xi ħaġa li kien qed jaraha Dr Philip Carabott?
ONOR. MICHAEL GONZI: Din hija l-konklużjoni tal-kumitat.
ONOR. MICHAEL FARRUGIA: Kieku l-prostituzzjoni hija legali u allura inti tkun taf min huma l-prostituti tkun tista’ tagħmel l-iscreening imma din hija xi ħaġa llegali.
THE CHAIRMAN: Paragrafu (i) se tiġi taqra hekk: “Promozzjoni aħjar fuq l-importanza ta’ screening għal min ikun f’riskju ta’ mard li jista’ jipperikola saħħtu u saħħet ħaddieħor.” Kull waħda minn dawn tqanqal mistoqsijiet bħal; Kif? Fuq min? Kif se nkunu nafu? Ovvjament minn żmien għal żmien id-dipartiment tas-saħħa jirrikkmanda.
ONOR. ANTHONY ZAMMIT: Fuq l-iscreening ta’ dawn l-affarijiet hemm l-EU directive ta’ ġimagħtejn ilu li tgħid li cervical screening is a must and must be started now. Dik hija direttiva tal-Unjoni Ewropea li ħarġet ġimagħtejn ilu.
THE CHAIRMAN: Fuq min qiegħda dik u għal min tapplika?
ONOR. ANTHONY ZAMMIT: Tapplika għal kull pajjiż membru tal-Unjoni Ewropea.
THE CHAIRMAN: Din għandna nħalluha kif inhi għax hija vaga.
ONOR. MICHAEL FARRUGIA: L-iscreening ma jsirx fuq in-nisa biss imma jsir ukoll fuq l-irġiel... (Interruzzjonijiet)
ONOR. ANTHONY ZAMMIT: Imma if you have the symptoms, you have the disease.
ONOR. MICHAEL FARRUGIA: Jista’ jkun li l-irġiel ikollhom infezzjoni u lanqas biss ikunu jafu li għandhom tali infezzjoni. 
ONOR. ANTHONY ZAMMIT: Imma jekk ikollok il-gonorrhoea jew is-syphillis se jkollok is-sintomi li tħosshom u tarahom. (Interruzzjonijiet)
ONOR. MICHAEL FARRUGIA: U jekk ikollok l-HIV?
ONOR. ANTHONY ZAMMIT: Allura I am going to screen everybody for HIV? Per eżempju, hemm min fl-isptar li qed jinsisti li qabel ma ssir operazzjoni jagħmlulu HIV screening and I do not think that that is the point. Fil-fatt hemm surgeons li ma joperawkx jekk ma jagħmlulekx HIV screening. Hawnhekk tidħol l-importanza tat-tabib li jitkellem mal-pazjent għax jekk it-tabib jaħseb li quddiemu għandu a high risk patient, awtomatikament jitolbu jagħtih il-kunsens tiegħu ħalli jagħmillu l-iscreening.

ONOR. MICHAEL FARRUGIA: Imma jekk jien liberu fis-sess tiegħi u ma nużax il-prevenzjoni meħtieġa u every so often ikolli screening għall-HIV, għall-Hepitatis B, għall-Hepatitis C...

ONOR. ANTHONY ZAMMIT: L-iscreening jiġi followed regularly, jiġifieri naqbad lin-nies u ngħidilhom li kull sitt xhur iridu jagħmlu t-testijiet. (Interruzzjonijiet)
THE CHAIRMAN: Din mhux bilfors tfisser hekk.
ONOR. ANTHONY ZAMMIT: Mill-banda l-oħra hemm surgeons li jinsistu sabiex anke pazjenti ta’ 80 u 85 sena jagħmlulhom l-HIV test.
ONOR. MICHAEL GONZI: Jien naħseb li it could be wise li nagħtu messaġġ ta’ screening. Hawnhekk mhux qed nirriferu għal screening ta’ dawk li qegħdin f’riskju biss.

ONOR. ANTHONY ZAMMIT: Għal kulħadd, speċjalment għal min ikun f’riskju ta’ mard li jista’ jipperikola...
ONOR. MICHAEL GONZI: Check-ups regolari u screening għal dawk li huma f’riskju.
THE CHAIRMAN: Fir-rapport għandna “Promozzjoni aħjar fuq l-importanza ta’ screening” imma naħseb li jkun tajjeb li nżidu l-kelma “check-ups”. Promozzjoni aħjar tfisser li nibdew kampanja edukattiva fuq livell nazzjonali biex hekk kif tmur tiċċekkja qalbek jew id-demm, tiċċekkja wkoll jekk intix f’riskju ta’ mard li jiġi trasmess sesswalment. Qegħdin inqajmu ftit iżjed kuxjenza nazzjonali fuq dan u allura mhux bilfors ngħidu li jkollna screening fuq kulħadd jew fuq sezzjoni ta’ nies. Din għandha implikazzjoni wiesgħa ħafna. Jien ma niddejjaqx li kieku nipproponi dan li ġej; “Promozzjoni aħjar fuq l-importanza ta’ screening regolari għal kulħadd u l-aktar għal min ikun f’riskju”.
ONOR. ANTHONY ZAMMIT: Dan għandu jkun speċjalment għal min ikun f’riskju ta’ mard.
THE CHAIRMAN: Mela nagħmluha “Promozzjoni aħjar fuq livell nazzjonali dwar l-importanza ta’ screening għal kulħadd, speċjalment għal min ikun f’riskju.”
ONOR. ANTHONY ZAMMIT: Imma trid toqgħod attent għax il-gvern għadu ma ħasibx għalih u malajr idur fuqek.
THE CHAIRMAN: Ma jimpurtax imma almenu nkunu ġbidna l-attenzjoni.

ONOR. MICHAEL GONZI: Hemm differenza bejn li jien ma nagħtix kas u li b’dan il-messaġġ se mmur għand it-tabib u dan se jistaqsini jekk inbatix b’tisfija, b’discharge u b’dawn l-affarijiet.
THE CHAIRMAN: Din tista’ tkun an eye-catcher għat-tobba.
ONOR. ANTHONY ZAMMIT: L-iscreening jista’ jagħmlu anke min m’għandux sintomi.
ONOR. MICHAEL GONZI: Ma jfissirx li kull raġel li se jiġi quddiemi se nagħmillu l-chlamydia test. (Interruzzjonijiet) Imma l-fatt li ġie għandi, għamel check-up, rajtlu l-glandoli u dawn l-affarijiet u din tiġi parti miċ-check-up, dak li jkun ikun qed jipprevjeni ċertu mard.
THE CHAIRMAN: Issa kif triduha miktuba? Per eżempju, jien ma niddejjaqx ngħid “Promozzjoni aħjar fuq skala nazzjonali...”.
ONOR. ANTHONY ZAMMIT: Le ma jaqbilx. (Interruzzjonijiet)
THE CHAIRMAN: Mela nagħmluha hekk; “Promozzjoni aħjar fuq l-importanza ta’ screening regolari għal kulħadd.”
ONOR. MICHAEL FARRUGIA: Le l-iscreening isir għal min ikun f’riskju ta’ mard.
ONOR. MICHAEL GONZI: Il-kliem “bħall-prostituti” rridu nneħħuhom.
THE CHAIRMAN: Iva. 

ONOR. MICHAEL FARRUGIA: Nistgħu nagħmlu l-kliem “jista’ jipperikola saħħtu u saħħet ħaddieħor.”
THE CHAIRMAN: Imma dak kollu li kontu qed tgħidu bħala tobba qegħdin tnaqqsuh mill-importanza tiegħu.

ONOR. MICHAEL FARRUGIA: Le.
THE CHAIRMAN: Iva. Issa jien qed nitgħallem minn dak li qed tgħidu intom imma intom kontu forceful aktar fid-diskussjoni milli kif se tħalluha miktuba. Jien ma nafx dak li tafu intom imma intom m’intomx qed tagħtuni l-aħjar indikazzjoni u l-aħjar messaġġ. Hawnhekk qed nitkellmu fuq il-frażi “Promozzjoni aħjar fuq l-importanza ta’ screening għal min ikun f’riskju”. Jien ma nafx jekk iniex qiegħed f’riskju.

ONOR. ANTHONY ZAMMIT: Il-problema hi li int jista’ jkollok koppja fejn il-mara hija faithful filwaqt li r-raġel mhuwiex. Mela allura jkun qiegħed ipoġġi lill-mara tiegħu at risk without her knowing.

THE CHAIRMAN: Mela allura aħjar nagħmluha hekk; “Promozzjoni aħjar fuq l-importanza ta’ screening għal kulħadd”.

ONOR. MICHAEL GONZI: Nistgħu nagħmluha “Promozzjoni aħjar fuq l-importanza ta’ check-ups regolari li jinkludu wkoll saħħa sesswali.” B’hekk tkun daħħalt kollox.
THE CHAIRMAN: Mhux se tinftiehem hekk għax meta nismagħha lili ma tolqotnix. Issa jien naf fuq xiex kontu qed titkellmu imma jew se nkunu fidili mar-realtà...

ONOR. MICHAEL FARRUGIA: Nistgħu nagħmlu “screening sesswali għal min ikun f’riskju ta’ mard...”.

ONOR. ANTHONY ZAMMIT: L-iscreening isir in ġenerali. Meta tagħmel screening ma taqbadx dawk li huma at risk. Ovvjament dawk li jkunu f’riskju tinkludihom imma l-iscreeing is widespread.

THE CHAIRMAN: Qabel ma ngħaddu għall-iscreening, qisu f’daqqa waħda ndunanja li għandna xi periklu. Mela ejja mmorru għall-iżjed ħaġa li teknikament hija aċċettabbli minn kulħadd u hawnhekk qed nirriferi għall-proċedura taċ-check-ups. Huwa iżjed faċli li d-dipartiment jgħid biex kulħadd jagħmel check-up regolari.

ONOR. MICHAEL FARRUGIA: Hemm persuni li jaħsbu li ma jkunux qegħdin f’riskju imma sfortunatament huma f’riskju. Meta tagħmel screening lil xi ħadd li jkun qiegħed f’riskju u jinstab li huwa pożittiv, dan se jiġi mitlub jara min huma l-kuntatti tiegħu u hemmhekk jidħol l-iscreening. Bażikament jekk jien liberu fis-sess tiegħi u jinstab li jien marid, se niġi mistoqsi min huma l-kuntatti tiegħi. Issa jekk fil-kuntatti li nagħmel insemmi l-mara jew il-partner tiegħi, awtomatikament dan se jkun for her own benefit li jsirulha wkoll it-testijiet.
THE CHAIRMAN: Imma hawn x’se ngħidu? Aktar ma titkellmu aktar tagħmluha tidher meħtieġa u kbira fl-importanza u fir-riskju tagħha. Issa aħna għadna qed nitkellmu at a very early stage.

ONOR. MICHAEL GONZI: Jien għamiltha hekk: “Promozzjoni aħjar fuq l-importanza ta’ check-ups regolari għal kulħadd u għal dawk li jkunu aktar f’riskju ta’ mard sesswali.”
THE CHAIRMAN: Hawnhekk qed insemmu ċ-check ups u l-iscreening.
ONOR. MICHAEL GONZI: Id-differenza hi li meta tgħid “check-up” lil dak li jkun qed tarah minn rasu sa saqajh u meta tgħid “screening” lil dak li jkun tagħmillu screening għall-HIV, Heptatis A u B, syphilis u whatever. U allura hemm differenza bejniethom.  

THE CHAIRMAN: Tgħaġġilx għax din hija l-akbar problema meta niltaqgħu hawnhekk. L-għorrief jibdew jisparaw ‘il fuq meta jitkellmu u ma jolqtux liċ-ċittadin. Issa hawnhekk għandna ġurnalist li jrid ikellem lill-poplu Malti. Imma x’qiegħed jifhem minn dak li qed tgħid inti? Bi screening nistgħu nifhmu dak li qed tgħid int ukoll imma lill-poplu Malti kif se nagħmlulu sentenza li tqanqal lid-dipartiment jipprova jagħmel kampanja dwar dan is-suġġett?
ONOR. MICHAEL GONZI: Għalhekk neħħejt il-kelma “screening”.
THE CHAIRMAN: Iva, imma ejjew inkunu ftit aktar sempliċi ħalli naslu fejn tridu intom. Hawnhekk qed ngħidu: “Promozzjoni aħjar fuq l-importanza ta’ check-ups regolari għal kulħadd, b’mod speċjali għal min hu f’riskju ta’ mard sesswali li jista’ jipperikola saħħtu u saħħet ħaddieħor.”
Huwa importanti li lil dak li jkun ma nġiegħluhx jifhem li għandna xi pulizija mid-dipartiment tas-saħħa li qed jipprova jfittex lil dak u lil ieħor biex imorru jagħmlu check-up għax inkella mhu se naslu mkien.
Issa ejjew ngħaddu għall-parti li tikkonċerna l-familja u l-komunità.
ONOR. MICHAEL FARRUGIA: Hawnhekk qed jingħad hekk: “Qed jerġa jiġi rakkmandat network ta’ professjonisti bil-għan li jagħmlu kuntatt personali f’dawn il-clinics, partikolarment ma’ dawk il-persuni, ġenituri u tfal li minħabba l-istat soċjo-ekonomiku u kulturali tagħhom, ir-riskju ta’ mard trasmess sesswalment jista’ jkun ogħla minn dawk ta’ persuni oħra.”

Dan għaliex minħabba li huma ġejjin minn settur soċjo-ekonomiku u kulturali li forsi huwa ‘l isfel u allura jistgħu jkunu traskurati. Min-naħa l-oħra ma rridx ngħid li dawk li ġejjin mil-livell ta’ fuq huma aktar knowledgeable għax jista’ jkun li huma traskurati wkoll.

Imbagħad għandna paragrafu (d) li jinsab f’paġna 21 tar-rapport li jgħid hekk: “Anke l-politika favur it-tisħiħ tal-familja trid twassal il-messaġġ favur saħħa sesswali responsabbli li tnaqqas ir-rata ta’ twelid ta’ tfal mingħand ommijiet xebbiet...”

Din il-biċċa għandna nagħmluha “twelid ta’ tfal mhux mixtieqa minn ommijiet xebbiet”.


THE CHAIRMAN: Naħseb il-kliem “mhux mixtieqa” huma koroh.
ONOR. MICHAEL FARRUGIA: Inkella nagħmlu “tqala mhux mixtieqa” jew “tqala mhux ippjanata”.
THE CHAIRMAN: Onor. Farrugia għandek raġun f’dak li qed tgħid imma trid tirrispetta ftit ir-realtà. Immaġina li jien tifel ta’ single mother u se naqra l-kelma “unwanted”. Dan mal-ewwel se ngħid mela jien kont unwanted.
ONOR. MICHAEL GONZI: Mela x’inhu.
ONOR. MICHAEL FARRUGIA: Jien mhux hekk ridt ngħid.
THE CHAIRMAN: Naf li ma ridtx tgħid hekk imma l-Malti jfisser hekk.
ONOR. MICHAEL FARRUGIA: Jista’ jkollok single mother who wanted a pregnancy and you can have another single mother who did not want a pregnancy.
THE CHAIRMAN: Imma rridu noqogħdu attenti kif nużaw ċertu kliem. Trid taħseb li t-tfal tal-lum għada se jikbru u jistgħu jaqraw dawn l-affarijiet. Jekk hemm xi ċans li nbiddlu xi ħaġa nbiddluha. Jien ma kontx niddejjaq li fil-brackets nagħmlu “early pregnancies”.
ONOR. MICHAEL FARRUGIA: Le għax l-aħħar darba konna għedna li għandna bżonn l-early pregnancies għax inkella se nispiċċaw b’rata tat-twelid... (Interruzzjonijiet)
THE CHAIRMAN: Il-problema hi li dawn ikunu single mothers.
ONOR. MICHAEL GONZI: Imma hawnhekk mhux dak hu l-messaġġ li qed nagħtu. “Teenage pregnancies” trid tiġi u mhux “ommijiet xebbiet” għax jista’ jkollok single mother żgħira, single mother kbira u single mother li ddeċidiet hi hekk, eċċ.
THE CHAIRMAN: Mela nagħmlu “teenage pregnancies” fil-brackets ħalli nifhmu x’aħna ngħidu.
ONOR. MICHAEL FARRUGIA: L-idea kienet li nipposponu t-tqala lejn età matura.
THE CHAIRMAN: Mela within brackets minflok “single mothers” se ngħidu “teenage pregnancies”. B’hekk nifhmu x’aħna ngħidu għax xi kultant bil-kliem ma niftiehmux.

ONOR. MICHAEL GONZI: F’dik il-parti nagħmlu semicolon u ndaħħlu l-kliem “tipposponi t-tqala lejn età matura.”

ONOR. MICHAEL FARRUGIA: F’paragrafu (e) qed insemmu l-media, speċjalment dik televiżiva jew tar-radju. Nafu li ħafna drabi l-Awtorità tax-Xandir toqgħod tqis is-sekondi tar-reklami ma jmorrux jagħmlu xi reklam b’sekonda żejda. Fl-opinjoni tiegħi għandna nżidu li dawn it-tip ta’ reklami ta’ edukazzjoni sesswali u health promotion m’għandhomx jitqiesu bħala ħin allokat għar-reklami.
ONOR. MICHAEL GONZI: Fl-istess paragrafu qed ngħidu hekk: “Għaldaqstant irid isir sforz sabiex il-kampanji televiżivi favur saħħa sesswali (u oħrajn soċjali) fuq it-televiżjoni tal-Istat terġa’ ssir mingħajr ħlas...”.

ONOR. MICHAEL FARRUGIA: Jekk tagħmlu bil-ħlas jiġi meqjus bħala reklam għall-Awtorità tax-Xandir. Jekk tagħmlu bla ħlas u ma jkunx meqjus bħala ħin allokat għar-reklamar, l-Awtorità tax-Xandir ma tmurx bil-benchmark ta’ reklamar ieħor tal-health promotion għax inkella se jiġri li r-radjijiet u t-televiżjoni...
ONOR. MICHAEL GONZI: Jien mhux qed nifhem. Irid ikun hemm reklam ta’ promozzjoni.

ONOR. MICHAEL FARRUGIA: Il-punt tiegħi hu li jrid ikun messaġġ edukattiv li m’għandux jitqies għal kull fini oħra bħala reklam għax inkella l-Awtorità tax-Xandir toqgħod tikkalkulah bħala reklam.
ONOR. MICHAEL GONZI: Imma dik ma tridx tidħol hawnhekk. Aħna qed ngħidu li dan għandu jkun hekk u mbagħad sta għad-dipartiment tas-saħħa...
ONOR. MICHAEL FARRUGIA: Għalhekk din il-parti trid issir hekk: “Għaldaqstant irid isir sforz sabiex il-kampanji televiżivi favur edukazzjoni dwar saħħa sesswali (u oħrajn soċjali) fuq it-televiżjoni tal-Istat terġa’ ssir mingħajr ħlas u ma tkunx meqjusa bħala ħin allokat għar-reklamar ħalli ma jintefax aktar piż finanzjarju fuq id-Dipartiment tal-Promozzjoni tas-Saħħa.” Inkella l-Awtorità tax-Xandir tiġi taqa’ u tqum u tgħid li dan huwa reklam mill-Health Promotion Unit. Jekk għandhom allokati erba’ minuti fis-siegħa, l-istazzjon tat-televiżjoni qed tnaqqaslu d-dħul finanzjarju tiegħu.

ONOR. MICHAEL GONZI: Tagħmel x’tagħmel se tnaqqaslu d-dħul.
THE CHAIRMAN: Imma mhux fuq it-televiżjoni tal-Istat. U hekk għandu jkun.

ONOR. MICHAEL FARRUGIA: Jien hekk nemmen imma meta kellna d-diskussjonijiet fuq l-edukazzjoni medika, is-Super One tana allotment ta’ għaxar minuti b’xejn, in-Net TV tana allotment ta’ għaxar minuti b’xejn, l-iSmash TV tana wkoll allotment ta’ għaxar minuti b’xejn filwaqt li l-istazzjon tal-Istat ġiegħlna nħallsu. Mela kulħadd jagħtik allotment b’xejn minbarra l-istazzjon tal-Istat!
ONOR. MICHAEL GONZI: Ikkoreġini jekk jien żbaljat. Din trid tiġi jew mill-awtorità jew mill-eżekuttiv tal-gvern. Għalhekk ma tridx tidħol hawnhekk.
ONOR. MICHAEL FARRUGIA: Jien qed ninsisti fuq edukazzjoni dwar is-saħħa sesswali.
ONOR. MICHAEL GONZI: Aħna naqblu li dan irid isir bla ħlas imma issa sta għall- eżekuttiv li jgħid lill-awtorità.
THE CHAIRMAN: L-awtorità tippermetti kif u x’fatta.
ONOR. MICHAEL FARRUGIA: L-Awtorità tax-Xandir mhijiex l-eżekuttiv. Aħna qed nibagħtu messaġġ mill-parlament lill-awtorità li hija indipendenti. Aħna rridu nwasslu l-messaġġ li bħala awtorità m’għandhiex tqis bħala benchmark... (Interruzzjonijiet)
THE CHAIRMAN: Naħseb li l-Onor. Michael Farrugia qed jitkellem mill-esperjenza tiegħu ta’ ministru. Hux hekk Onorevoli? 
ONOR. MICHAEL FARRUGIA: Iva għax dawn il-problemi konna niffaċċjawhom.
ONOR. MICHAEL GONZI: Hawnhekk mhux qed nitkellmu fuq sempliċement reklam. Jien ngħid li jekk isir ħlas fuq messaġġ, reklam, talkshow eċċ u allura din il-promozzjoni... Per eżempju, rarissimu naraw reklami tal-HIV fuq it-televiżjoni. Jekk hemm xi ħaġa li trid issir b’mod radikali, din trid issir mill-eżekuttiv.
THE CHAIRMAN: Hawn aħna qed nagħtu l-proposti tagħna. Għalhekk din il-parti għandha tiġi tgħid hekk: “Għaldaqstant irid isir sforz sabiex il-kampanji televiżivi favur saħħa sesswali (u oħrajn soċjali) fuq it-televiżjoni tal-Istat terġa’ ssir mingħajr ħlas ħalli ma jintefax aktar piż finanzjarju fuq id-Dipartiment tal-Promozzjoni tas-Saħħa.” Il-parti “ħalli ma jintefax aktar piż finanzjarju” kont inneħħiha għax l-importanti hu li jsir mingħajr ħlas.
ONOR. ANTHONY ZAMMIT: Jiġifieri rridu nagħmlu fullstop wara l-kelma “ħlas”.
ONOR. MICHAEL FARRUGIA: Jien kont inniżżel biss: “Dan il-ħin għandu jiġi meqjus bħala edukazzjoni u mhux ħin allokat għar-reklami.”
THE CHAIRMAN: Lili ma ddejjaqnix hekk. Nistgħu nagħmluha hekk mela; “Dan il-ħin allokat għal messaġġi edukattivi mill-Promozzjoni tas-Saħħa m’għandux ikun meqjus bħala ħin allokat għal reklamar kummerċjali.”
Imbagħad f’paragrafu (f) għandna “Isir sħab innovattiv...”. Din ma fhimthiex.

THE CHAIRMAN: Lili din dejqitini ftit. Hawnhekk qed ngħidu li: “Isir sħab innovattiv ma’ kull organizzazzjoni taż-żgħażagħ, għaqdiet volontarji, soċjali, u mexxejja fil-komunità sabiex jiġu konformi mal-istrateġija nazzjonali favur is-saħħa sesswali.” Hawn qed ngħidu xi ħaġa ġdida. Jekk se jkollna sexual health policy irridu nedukaw lill-għaqdiet biex il-messaġġi jaslu.
Sħab innovattiv huwa kliem bil-Malti li ma jinftiehemx. Fil-kas nagħmluha bl-Ingliż ħalli nifhmu mill-ewwel x’aħna ngħidu. Fl-opinjoni tiegħi din il-parti għandha tiġi hekk: “Kull organizzazzjoni taż-żgħażagħ, għaqdiet volontarji, soċjali, u mexxejja fil-komunità għandhom ikunu inklużi fl-istrateġija nazzjonali favur is-saħħa sesswali.”
ONOR. ANTHONY ZAMMIT: Tajjeb hekk.
ONOR. MICHAEL FARRUGIA: Imbagħad għandna paragrafu (g) u jien naħseb li hemmhekk irridu naqtgħu barra l-ewwel sentenza.
THE CHAIRMAN: Kollox sew. Issa dak il-paragrafu jiġi jibda hekk: “Edukazzjoni favur is-saħħa sesswali trid tindirizza kull lokalità skont ir-riskju li toffri.”. (Interruzzjonijiet) Hawnhekk irridu ndaħħlu lid-dipartiment.

ONOR. MICHAEL GONZI: Nistgħu nagħmlu “postijiet iffrekwentati ħafna miż-żgħażagħ.”
THE CHAIRMAN: Tajjeb. Inti trid tindirizza kull lokalità bi ftit aktar attenzjoni.
ONOR. MICHAEL FARRUGIA: Nistgħu ninkludu wkoll “fejn jinġabru ż-żgħażagħ u nies ta’ kull età”. (Pawsa)
ONOR. ANTHONY ZAMMIT: It-Tnejn kien hawn is-Sur Charles Azzopardi li qalilna bl-importanza tal-family nurse. Qalilna wkoll li din għandha tkun a psychologist u li jkollha kuntatt mal-familja. (Interruzzjonijiet)

ONOR. MICHAEL FARRUGIA: Jien naħseb li dan huwa avviż legali.
THE CHAIRMAN: Avviż legali jorbot legalment.
ONOR. MICHAEL FARRUGIA: Le.
THE CHAIRMAN: X’jiġifieri! (Interruzzjonijiet) Imma għax ikun qed jgħid hekk l-avviż legali!
ONOR. MICHAEL FARRUGIA: Le, propjament trid tirrapporta imma m’għandek l-ebda ħjiel li jekk tinstab ħati tinbagħat il-ħabs.
THE CHAIRMAN: Imma għax l-avviż legali ma jorbtokx li tmur il-ħabs.
ONOR. MICHAEL GONZI: Għalhekk huwa importanti ħafna li nivverifikaw ftit.
THE CHAIRMAN: Irridu naraw eżatt x’inhu artiklu 31.
Taħsbu li għandu jkun hemm xi suġġerimenti jew rakkmandazzjonijiet li hawnhekk mhux qegħdin jinħassu imma li tixtiequ li jitniżżlu?  
ONOR. MICHAEL FARRUGIA: Ejja l-ewwel naraw a revised report u nikkonkluduh.
THE CHAIRMAN: Naqblu. Aħna qatt ma konna se ngħidu li hu lest qabel mal-korrezzjoni kollha terġa’ tintbagħat lilkom ħalli tarawha.  Fil-fatt hekk għamilna d-darba ta’ qabel. Issa qabel naġġornaw irrid infakkar li għada fit-7.45 p.m. fiċ-chaplaincy tal-università hemm il-laqgħa mal-KDZ. Din il-laqgħa oriġinat minn hawnhekk stess, fejn aħna stedinna ruħna b’idejna u dawn issa ħaduha bis-serjetà ħafna. Fil-fatt organizzaw lilhom nfushom, għamlu xi tip ta’ questionnaire u għada se jagħmlu preżentazzjoni. (Interruzzjonijiet) Għaldaqstant huwa importanti li nkunu preżenti. Sadanittant jekk xi ħadd jaħseb li għandu jkun hemm xi proposta li mhijiex qiegħda hawnhekk u hija koerenti ma’ dak li tkellimna fuqu, jaqbad u jgħaddiha lis- Sur James Carabott. Nirringrazzjakom.
Fid-9.15 pm il-Kumitat aġġorna.



- -

Yüklə 118,67 Kb.

Dostları ilə paylaş:




Verilənlər bazası müəlliflik hüququ ilə müdafiə olunur ©muhaz.org 2024
rəhbərliyinə müraciət

gir | qeydiyyatdan keç
    Ana səhifə


yükləyin