Debates tal-kamra tad-deputati (Rapport Ufficjali u Rivedut)



Yüklə 1,09 Mb.
səhifə23/232
tarix07.01.2022
ölçüsü1,09 Mb.
#91175
1   ...   19   20   21   22   23   24   25   26   ...   232
THE DEPUTY SPEAKER: Onorevoli, niġbidlek l-attenzjoni li skadielek il-ħin u għandek bżonn leave of House. Hawn permess? (Onor. Membri: No).
Il-permess ma ngħatax.
THE DEPUTY SPEAKER: Aktar rimarki? L-Onor. Alex Sceberras Trigona.
ONOR. ALEX SCEBERRAS TRIGONA: Sur President, jien xtaqt nibda billi nqiegħed dan l-abbozz ta' liġi fil-kontest ta' l-iskema ta' self ġenerali li l-gvern għandu dan il-mument fil-pajjiż. Veru li hemm il-letteratura kollha available għax hemm l-estimi ġenerali, hemm is-survey, hemm pubblikazzjonijiet differenti li jsemmu kemm jammonta s-self tal-gvern u tal-korpi parastatali u kemm jammontaw f'sussidju l-letters of comfort, imma meta jitressaq abbozz bħal dan naħseb li għandha ssir bħala prattika li titressaq skeda biex wieħed juri li din hija miżura eċċezzjonali ta' self u mhux xi ħaġa li se ssir drawwa. GĦandha tingħata l-informazzjoni dwar is-self preżenti tal-gvern u tal-korpi parastatali, u dwar kemm jammontaw il-letters of comfort li bihom il-gvern qed jiggarantixxi b'modi differenti - għax għandek is-sovereign loan, tat-tip li ħadet il-Freeport, li m'hi xejn ħlief letter of comfort iktar ħafifa - ħalli ditti parastatali jkunu jistgħu jissellfu. Kieku wieħed ikollu quddiemu din l-iskeda bħala annex ta' faċċata waħda, ta' kemm huwa dan is-self, kemm hemm imgħax fuq dan is-self differenti u x'inhuwa l-perijodu biex jitħallas lura dan is-self, u forsi xi tip ta' skeda tas-snin kif huwa maħsub li jitħallas lura s-self kollu li għandu l-gvern u l-parastatali fuq medda ta' 30 sena minn issa, ovvjament wieħed ikun jista' jara fuq liema snin se jaqgħu l-aktar piżijiet qawwijin biex jintradd lura ċertu ammont ta' self. B'hekk wieħed ikun jista' jara anke fuq liema sena qed jiġi propost li jintradd lura l-bulk tas-self. Naħseb li jkun min ikun fil-gvern, din it-tip ta' skeda għandha ssir bħala prattika ta' preżentazzjoni ġewwa l-Parlament. GĦandu jkun hemm din il-fact sheet ħalli kulħadd ikun jaf il-fatti.
Nixtieq nagħmel it-tieni suġġeriment li forsi huwa iktar bold u allura aktar diffiċli biex jitwettaq. Meta gvern jippreżenta proposta biex jissellef - u hawnhekk mhux qed jippreżenta proposta biex jissellef Lm10,000 imma Lm110 miljun - naħseb li jkun xieraq ukoll li jqiegħed quddiem il-Parlament il-possibbiltajiet l-oħra ta' self, b'liema imgħax u f'liema ammont ta' snin għandu jintradd lura dak is-self u imgħax, kemm minn sorsi lokali kif ukoll minn sorsi barranin. Tajjeb li jkollna quddiemna, per eżempju, l-informazzjoni li l-World Bank qiegħed isellef b'xi 9.5% jew 10% lil Malta, u tajjeb li l-poplu Malti jkun jaf li s-self li se jsir minn hawn Malta se jsir b'inqas imgħax, jiġifieri l-poplu Malti stess se jiggwadanja dik id-differenza fl-imgħax. Hemm ukoll l-International Monetary Fund, li tagħti ċertu self b'ċerti imgħaxijiet għolja wkoll. Ta' min ikun jaf b'kemm imgħax u fuq kemm medda ta' snin Malta jkollha trodd lura dawn il-flus. Kulħadd għandu jkun jaf x'inhuma l-possibbiltajiet internazzjonali ta' self.
Fil-ftit li nikteb fil-gazzetti jien semmejt il-Council of Europe Social Development Fund. Minn hawn konna ilna mill-1972 nissellfu biex nibnu l-housing estates f'kull belt u raħal ta' Malta. Issa bqajna nużaw dan l-aċċess u nnotajt li mill-1993 kien hemm Lm10 miljun available li għadhom ma ntużawx. Hemm possibbiltajiet li mill-Council of Europe Social Development Fund jew nieħdu self dirett b'imgħax baxx jew nużaw is-selective trust account tas-Social Development Fund bħala collateral jekk irridu nissellfu mill-World Bank jew mill-International Monetary Fund. Allura tajjeb li jkollna quddiemna din il-fact sheet li tgħid li aħna qegħdin nissellfu mingħand il-poplu Malti b'dan l-imgħax u b'dan l-ammont ta' żmien biex inroddu lura dan il-kapital. Ejja nqiegħdu din l-informazzjoni b'mod sempliċi. Tajjeb li jkollna din l-informazzjoni għax hawn Malta stess anke ż-żgħażagħ jgħallmuna llum.
Qabel ma jissellfu dawn jaraw minn fejn jaqblilhom jisselfu. Imorru l-Bank of Valletta, il-Mid-Med, il-Lohombus u l-APS. Jaraw ukoll jekk jaqblilhomx jissellfu mill-idejn, mingħand tal-familja jew mingħand min qiegħed fin-negozju li jsellef, li ovvjament isellef ħafna aktar mill-banek. Min għandu bżonn jissellef jagħmel dak li jgħidulu shopping around. Allura tajjeb li nqiegħdu dan is-self li għandna quddiemna f'kontest ta' loan shopping u naraw il-kondizzjonijiet differenti ta' loans potenzjali li jista' jkollha Malta. GĦandu jkollna matrix sħiħa li tgħid li dawn il-Lm110 miljun stajna ssellifnihom mingħand it-tali bank, mingħand it-tali fond b'tant imgħax iktar jew inqas, b'tant żmien iktar jew inqas, imma mbagħad fil-kolonna tar-rimarki nuru li ċerti banek internazzjonali jagħmlu tant kondizzjonijiet li ma jkunux aċċettabbli għal Malta.
Mela allura wieħed qed jgħid li wara li qabbilna, rajna li jaqbel illi din il-proposta tal-Gvern tiġi mressqa lil dan il-Parlament biex nisselfu mingħand il-Maltin. B'hekk ikun hawn ċertu raġunar loġiku, kalm u sensibbli. Dawn l-affarijiet kulħadd irid jittrattahom kważi apolitikament. Wieħed irid jara dak li l-aktar jaqbel għal Malta. Jekk ikun hemm qisu tie, għandu jkun hemm diskussjoni fejn wieħed jgħid: Isma' imgħax b'imgħax, kondizzjoni ta' żmien ma' kondizzjoni ta' żmien jaqblu, għaliex ma neħdux Lm55 miljun minn hemm u Lm55 miljun minn hemm?
GĦandu jkollna anke diskussjoni teknika u naraw ukoll l-aspett ta' value for money. Ikun xieraq ukoll illi dan il-punt inqajmuh anke fil-Public Accounts Committee. Fl-istorja riċenti ta' Malta kien hemm loans li nkitbu u loans li ma nkitbux ukoll ma' pajjiżi barranin. Ta' min wieħed jerġa' jqabbel anke dawn il-loans partikolari. Per eżempju, f'parti mill-protokoll finanzjarju ma' l-EU jew ma' l-Italja hemm element ta' self. Dawn il-possibbiltajiet ġew investigati, Sur President? Illum wasalna fir-raba' protokoll fl-istorja ta' Malta, kemm ma' l-Unjoni Ewropea kif ukoll ma' l-Italja. Qegħdin resqin biex infasslu l-ħames protokoll, kemm ma' wieħed kif ukoll ma' l-ieħor, u tajjeb li f'din l-iskeda ta' faċċata waħda wieħed ikollu informazzjoni dwar il-kondizzjonijiet ta' dawn il-loans. Linja wara linja ġo faċċata waħda wieħed għandu joħroġ il-possibbiltajiet illi jeżistu internazzjonalment biex Malta tagħmel is-self tagħha.
Ta' min hawnhekk wieħed isemmi wkoll is-self li Malta kellha maċ-Ċina u mal-Libja. Dawn ġew esplorati? Tista' titressaq quddiemna informazzjoni li tgħid li per eżempju minn taħdidiet mal-Gvern Ċiniż ma jirriżultax illi jista' jsir self rakkommandabbli minħabba ċerti kondizzjonijiet? Mal-Libja ġie eżaminat jekk jistax isir self ta' Lm110 miljun bl-istess imgħax u fl-istess perijodu ta' żmien biex jintradd lura? Ġie eżaminat jekk ma dan il-pajjiż jistax isir self b'imgħax aktar kompetittiv, jew inkella biż-żmien li jintradd lura aktar kompetittiv? Dawn huma l-affarijiet li jiena nixtieq nissottometti. Dawn il-punti għandhom ikunu fl-introduzzjoni ta' proposta biex gvern jissellef. L-ewwel ħaġa rridu naraw x'inhuma l-possibbiltajiet fis-suq internazzjonali wkoll, jekk humiex aktar jew anqas kompetittivi mis-suq lokali.
Ovvjament l-ekonomisti se jagħmlu l-kummenti tagħhom biex iqabblu d-differenza bejn il-piż ta' self internazzjonali fuq ekonomija Maltija mal-piż lokali u konsegwenzi lokali meta inti qiegħed tixrob il-flus mill-ekonomija Maltija biex jissellef il-gvern. U hemm argumenti favur u kontra dwar dan. Hemm min se jgħidlek li int qisek se tiġbed 'il barra Lm110 miljun mill-ekonomija Maltija li se jmorru kompletament għas-settur pubbliku u qisek qed tiċħadhom lis-settur privat. Hemm element ta' crowding-out ta' finanzi fis-settur privat ġo l-ekonomija Maltija? Mill-banda l-oħra, wieħed irid jara x'kondizzjonijiet hemm li jorbtu lill-Gvern Malti jekk jieħu loans mis-settur internazzjonali .

Jiġifieri wieħed irid ikollu wkoll il-kummenti umani wara li ssir b'matrix klinika, għax xejn ma jopera b'mod assolutament kliniku. Ejja nibdew billi nagħmlu l-framework. Tajjeb li jkollok il-kumment ta' l-ekonomisti - ovvjament anke dak wieħed jieħdu with a pinch of salt għax kull ekonomist għandu l-value judgements tiegħu, li m'humiex totalment indipendenti - imma tajjeb bħala introduzzjoni li jibda jkollna din it-tip ta' skema quddiemna ħalli nkunu nafu preċiż x'inhuwa l-homework kollu li sar qabel ma ġejna biex niddiskutu u nikkonsidraw hawnhekk din il-proposta biex il-Gvern jissellef dan l-ammont ta' flus.


Illejla fil-Public Accounts Committee se nkunu qegħdin neżaminaw l-iżball li hemm fejn kien hemm diskrepanza ta' circa Lm20 miljun bejn dak li kien hemm fil-budget u dak li deher fl-estimi. Wieħed irid jara jekk ma dawn il-Lm110 miljun itteħditx into consideration din id-diskrepanza ta' Lm20 miljun. Tajjeb li din tkun espliċita' u tajjeb li nagħmlu dovetailing ta' dawn iż-żewġ ċifri biex ikun hawn a consolidated picture tal-qagħda finanzjarja.
Jekk wieħed jieħu in consideration dawn il-punti li semmejt, imbagħad tinfetaħ area ta' dibattitu ħafna aktar imqanqal u tip ta' diskussjoni ħafna aktar serja u responsabbli. Ovvjament jiena qed nirriferi għad-dibattitu li għaddej il-ħin kollu f'dan il-Parlament u anke fil-gazzetti u fuq il-media.
Dawn jgħidu li kieku Malta daħlet membru sħiħ fl-Unjoni Ewropea konna ngawdu Lm100 miljun fis-sena u allura l-loan tal-lum lanqas kien ikun hemm bżonnha. Din tinstema' daqsxejn esaġerata. Imbagħad tisma' min jgħidlek Lm80 miljun, oħrajn jgħidu li kienu ħadmu analisi li tiġi għal Lm25 miljun u hemm min jgħidlek Lm40 miljun. Hawn m'aħniex qed nitkellmu fuq banek b'tant imgħax u b'tant medda ta' żmien biex tirritorna lura self imma qisna qed nitkellmu fuq Father Christmas b'borża kbira u fuq ir-realm ta' Christmas-land. Allura tajjeb li dan it-tip ta' kliem dwar kemm Malta tieħu mill-EU jekk issir membru sħiħ isir iktar responsabbli. Forsi sa l-aħħar ta' din is-sena nagħmlu anke seduta fuq l-aspett finanzjarju u jkollna opportunita' li jkollna diskussjoni responsabbli. Naħseb li jkun ħela ta' ħin jekk noqogħdu ngħidu li rridu nidħlu fl-EU ħalli jkollna Father Christmas jagħtina Lm100 miljun fis-sena. Hawn ħafna nies kompetenti f'dan il-Parlament u tajjeb li jerġa' jitlesta studju ġdid fuq l-effetti finanzjarji.
Ovvjament l-effetti finanzjarji m'humiex distakkati mill-effetti, per eżempju, fuq l-area ta' l-employment, li tkun l-ewwel area li tintlaqat. Allura hawnhekk wieħed ukoll ikun irid jiżen. Tajjeb li jkollna Lm25 miljun fis-sena imma jkollna wkoll 3,000 persuna li jispiċċaw barra? X'tagħmel Malta b'Lm25 miljun u bi 3,000 persuna qegħda fis-sena? Qed tmur għall-aħjar jew għall-agħar? Membership fl-EU m'hijiex xi mediċina għal kull tip ta' deficit finanzjarju. Barra minn hekk jidher ċar ukoll li sas-sena 2002/2003, il-parteċipazzjoni fl-EMU se tkun parti integra mill-acquis communautaire. Aħna ma konniex membri fid-diskussjoni preliminari, kif kienet l-Ingilterra fl-1991/92, meta żammet riżerva. Biex xi darba aħna nidħlu fl-EU, ma jistax ikun li jkollna dejn pubbliku li jaqbeż ċertu livell.

Yüklə 1,09 Mb.

Dostları ilə paylaş:
1   ...   19   20   21   22   23   24   25   26   ...   232




Verilənlər bazası müəlliflik hüququ ilə müdafiə olunur ©muhaz.org 2024
rəhbərliyinə müraciət

gir | qeydiyyatdan keç
    Ana səhifə


yükləyin