ONOR. ĊENSU GALEA: Sinjura President, niġbidlek l-attenzjoni li m'hawnx quorum.
MADAM SPEAKER: Is-Seduta hija sospiża minħabba nuqqas ta' quorum.
Is-Seduta kienet sospiża fl-11.15 a.m. u rriżumiet ħames minuti wara. MADAM SPEAKER: L-Onor. Ninu Zammit jista' jkompli bid-diskors tiegħu.
ONOR. NINU ZAMMIT: Madam Speaker, irrid infakkar li immedjatament wara l-elezzjoni bdejna nisimgħu ħafna ħrejjef ta' ħofor u mhux ħofor, bil-konsegwenza li kollox beda jiġġammja bil-mod il-mod. Illum meta titkellem man-nies jgħidulek li diżgrazzjatament qegħdin f'pożizzjoni fejn kulħadd jiġri biex ifittex ix-xogħol, iżda xogħol m'hawnx u l-qgħad dejjem tiela'. Kulħadd jaf li l-flus sparixxew mill-idejn. Titkellem ma' min titkellem fl-industrija tal-bini jgħidlek li flus m'hawnx u minflok daħal it-tpartit. F'kelma waħda dan ifisser li l-investiment prattikament waqaf u allura ġejna qisna ta' l-istorja.
Fl-istorja nisimgħu dwar bniedem li kien jarmi l-għaks, dejjem jeqred li huwa fallut u li għandu d-dejn u ovvjament ma' kull min jiltaqa' kien dejjem jitkarrab. Bil-Malti ngħidu li min jarmi l-għaks, għaks isib. Insibu li din il-persuna darba minnhom ġiet f'pożizzjoni li kellha bżonn min jissieħeb magħha biex tagħmel proġett, pero' peress li kellha l-fama li ħlief għaks ma tarmix u ħlief fallimenti ma ssemmix, ma sabitx min jissieħeb magħha biex tagħmel il-proġett li kellha f'moħħha. L-istess ġralu l-Gvern preżenti, li mill-elezzjoni 'l hawn tant qal stejjer fuq ħofor u mhux ħofor li llum il-ġurnata ma baqax jiġi fdat, u dawn il-fatturi kollha ġabuna fi kriżi finanzjarja. Kif diġa' għidt, il-mediċina tal-Gvern preżenti hija xita ta' taxxi li l-poplu issa beda jirrealizza l-impatt u l-guffaġni tagħhom. Dan hu li qed iżomm lin-nies lura milli jonfqu għaliex bit-taxxi li ntroduċa dan il-Gvern - u milli nistgħu nifhmu aktar ġejjin - trid veru toqgħod attent kif tonfoq flusek. Madam Speaker, nerġa' mmur għall-ewwel punt.
Wieħed mill-fatturi prinċipali li ġabu din il-kriżi finanzjarja fil-pajjiż kienet it-tneħħija tal-VAT. Irrid infakkar li qabel l-elezzjoni l-Partit Laburista kien wiegħed u bellagħha lin-nies li se jneħħi l-VAT u wħud mill-operaturi tan-negozju belgħuha li jekk jitla' l-Partit Laburista fil-gvern kien se jneħħi l-cash registers. Fil-fatt il-Partit Laburista tela' fil-gvern imma l-cash registers għadhom hemm. L-Onor. Alfred Sant kien wiegħed solennement li jekk kemm-il darba ma jirnexxilux ineħħi l-VAT ma jibqax fil-politika. Fil-fatt fl-1 ta'Lulju ta' l-1997 il-Gvern ta' l-Onor Sant neħħa l-VAT u daħħal is-CET. Minn din in-naħa tal-Kamra aħna għidnilu li t-taxxa tas-CET kienet se tnaqqas sostanzjalment ir-revenue tal-gvern. Għadda ż-żmien, bdew ħerġin iċ-ċifri u kulħadd ra li kellna raġun aħna għaliex miċ-ċifri li ppubblika l-Gvern stess jidher ċar daqs il-kristall li d-dħul mis-CET meta pparagunat mad-dħul bil-VAT naqas sostanzjalment. Aħna nafu li minkejja l-ħafna kliem fieragħ li qed issir biex napprovaw is-self ta' Lm110 miljun, madwar Lm1 miljun intnefqu mill-Gvern bħala parti minn eżerċizzju propagandistiku fil-bdil tas-sistema ta' tassazzjoni. Nafu wkoll li biex il-Gvern preżenti jwaqqaf żona ta' kummerċ ħieles ma' l-Unjoni Ewropea se jkollu jerġa' jdaħħal sistema ta' tassazzjoni li tixbaħ il-VAT, biex ma ngħidx li hi photocopy tagħha.
Sinjura President, kif kont qed ngħid il-liġi tas-CET fgat diversi oqsma ta' l-ekonomija ta' pajjiżna. Per eżempju, jekk nieħdu l-qasam tal-biedja u s-sajd insibu li fil-preżent l-operaturi kull sitt xhur qed ikollhom jonfqu madwar Lm300,000 iżjed f'taxxa ta' l-ETS. Hawn nixtieq infakkar li l-ammont ta' VAT li kienu jħallsu l-bdiewa, is-sajjieda u r-raħħala fuq is-servizzi kienu jeħduh lura. Dak kien ġust għax permezz ta' hekk lil dawn l-operaturi tajnihom iċ-ċans li jkomplu jkabbru u jsaħħu l-industrija tagħhom. Illum għandna l-konferma li l-Gvern preżenti għamel żball meta neħħa l-VAT u daħħal is-CET. Dan mhux aħna biss qed ngħiduh imma qed jammettuh uħud min-nies ewlenin fil-Partit Laburista, li stqarrew pubblikament u kitbu iswed fuq l-abjad li l-VAT hija aħjar mis-CET, kemm f'dak li huwa revenue għall-pajjiż u anke fejn tidħol il-moralita' fiskali. Sinjura President, niġi għat-tieni żball li għamel il-Gvern preżenti, ċioe' l-iffriżar ta' l-applikazzjoni għas-sħubija fl-Unjoni Ewropea.
Titkellem ma' min titkellem tinduna li l-poplu kollu jaf li ilna mexjin fil-baħħ għal dawn l-aħħar 18-il xahar għax dan huwa gvern bla direzzjoni. L-investiment f'pajjiżna naqas u prattikament sparixxa u hawn ta' min jagħmel xi ftit paraguni ta' x'qed jiġri f'pajjiżi oħra. Per eżempju, dan l-aħħar f'din il-Kamra ssemma l-mod li bih qed jiżviluppaw pajjiżi oħra, bħalma huma l-Irlanda, l-Portugall u Spanja, bl-għajnuna finanzjarja li qed tagħtihom l-Unjoni Ewropea. Jien m'iniex se ngħid li l-Gvern preżenti huwa mingħajr boxxla imma se ngħid xi ħaġa agħar minn hekk. Illum lil pajjiżna qed inxebbħu ma' vapur bla makna, li jimxi bil-qlugħ, dak li jgħidulu xini, bid-differenza li x-xini tagħna lanqas għandu qlugħ u allura jinsab f'nofs ta' baħar jiġġerra kull fejn jieħdu l-kurrent. Naturalment, min hu f'sensih m'huwiex se jissogra jirkeb fuq dan il-vapur għax qatt ma jista' jkun jaf fejn hu sejjer. L-istess ġralna aħna. Peress li pajjiżna spiċċa bla direzzjoni, ħadd ma jissogra jinvesti u dan wassal għall-istaġnar li hawn fil-pajjiż.
Sinjura President, dalgħodu qgħadt nisma' lill-Onor. Sceberras Trigona jsemmi ħafna ċifri ta' miljuni, qisu qed itella' l-lotterija. Hawnhekk ta' min ipoġġi saqajh fl-art u jirraġuna l-affarijiet. Jekk se nibqgħu mexjin fit-triq għal zona ta' kummerċ ħieles u mhux dik ta' sħubija sħiħa ma' l-Unjoni Ewropea, se nitilfu l-vantaġġi kollha. Nhar il-Ħadd li għadda l-Kap tal-Partit Nazzjonalista, l-Onor. Eddie Fenech Adami, għamel laqgħa fir-Rabat għall-bdiewa, s-sajjieda u r-raħħala, fejn spjega l-vantaġġi li jista' jakkwista pajjiżna, b'mod partikolari fl-oqsma tal-biedja u s-sajd, permezz ta' sħubija fl-Unjoni Ewropea. Hu spjegalna wkoll x'piżijiet se jkollhom jerfgħu dawn l-oqsma jekk kemm-il darba pajjiżna jibqa' miexi fit-triq lejn it-twaqqif ta' żona ta' kummerċ ħieles. Il-Ministru tal-Biedja u Sajd, l-Onor. Noel Farrugia, ħareġ press release li titratta dwar dak li qal l-Onor. Fenech Adami u din meta taqraha mhux tidħak imma jaqbiżlek id-dmugħ. Per eżempju, il-Ministru Farrugia qal li aħna għidna li jekk nissieħbu fl-Unjoni Ewropea din tagħtina l-fondi biex l-ambjent rurali nkunu nistgħu nirranġawh. Il-Ministru kkonferma dan imma mbagħad għoġbu jżid li:
"Dan diġa' qed isir f'Malta u f'GĦawdex, bħalma juru ċerti proġetti.".
Dawn huma affarijiet tad-daħk. Aħna ilna sena u nofs nistaqsu lill-Ministru Farrugia meta se jinvesti ċenteżmu biex jirranġa t-trejqiet li jagħtu għar-raba' u biex jinbnew ħitan tas-sejjieħ u r-risposta li ħadna mingħand il-Ministru kienet li m'għandux fondi.
Sinjura President, aħna għidna wkoll li bis-saħħa tal-common agricultural policy, l-Unjoni Ewropea tipprovdi għajnuna finanzjarja biex ir-raħħala u l-bdiewa jkunu jistgħu jixtru makkinarju ġdid u iktar effiċjenti. Fl-istqarrija li ħareġ nhar il-Ħadd li għadda, il-Ministru Farrugia qalilna li dan diġa' qed isir f'Malta u GĦawdex permezz ta' skemi ta' għajnuna mill-banek. Allura hawn jien għandi mistoqsija għall-Ministru. Il-Gvern kemm ta għajnuna lill-bdiewa u lir-raħħala tul dawn l-aħħar sena u nofs biex ikunu jistgħu jixtru makkinarju modern u effiċjenti? Bħalma jaf kulħadd ir-risposta hija zero għax fil-fatt tul dawn l-aħħar 18-il-xahar ma ngħatat l-ebda għajnuna bħalma kien isir fil-passat.
Madam Speaker, nhar il-Ħadd li għadda aħna għidna li bil-fondi ta' l-Unjoni Ewropea jistgħu jinbnew impjanti ta' tisfija ta' drenaġġ u sistemi ta' provvista ta' ilma second class għat-tisqija ta' l-uċuh tar-raba'. Fl-istqarrija għall-istampa l-Ministru Farrugia qalilna li dan diġa' qed isir. Pero' fil-fatt dan m'hu minnu xejn, u dan meta l-iktar ħaġa importanti biex il-biedja tikber u tifjorixxi hu li jkollna provvista adegwata ta' ilma. Issa aħna nafu li biex ikun jista' jintlaħaq dan l-għan - fil-fatt il-Korporazzjoni għas-Servizzi ta' l-Ilma kienet qed timxi fuq dan il-ħsieb - bejn wieħed u ieħor l-ammont ta' drenaġġ irid ikun ilaħħaq l-20 miljun gallun kuljum. Hawn ta' min jgħid li meta jissaffew dawn l-20 miljun gallun ta' drenaġġ, ikunu jistgħu jiġu utilizzati għaxar miljun gallun. Dak kien il-ħsieb tagħna, li ngħaddu dan is-second class water lill-bdiewa għat-tisqija. Dan il-proġett seta' jsir biss bl-għajnuna ta' l-Unjoni Ewropea u aħna konna nikkwalifikaw għal din it-tip ta' għajnuna. Pero' aħna ma konniex se nwettqu l-proġett tat-tisfija tad-drenaġġ biss, għax ma ridniex li jiġri bħalma ġara fil-każ ta' l-Impjant ta' Sant'Antnin. GĦaliex qed ngħid dan?
Kif jaf kulħadd, minkejja li fl-Impjant ta' Sant Antnin id-drenaġġ jiġi msaffi, dan ma jistax jitwassal għand il-bdiewa kollha li hemm fl-area ta' Ħaż-Żabbar. Hemmhekk hemm sistema ta' open channel, u b'din is-sistema wieħed ma jkunx jista' jippressa u jippompja l-ilma biex iwasslu fejn irid. Aħna kellna l-ħsieb li nwettqu dan il-proġett tat-tisfija tad-drenaġġ skond il-Konvenzjoni ta' Barcelona u li nġibu l-fondi mill-Unjoni Ewropea biex nagħmlu sistema ta' network fl-areas agrikoli kollha ta' pajjiżna biex b'hekk tikber il-produzzjoni u tiżdied l-effiċjenza f'dan il-qasam. Imma sfortunatament illum, kif nafu, dan il-Gvern għażel li jiskarta l-idea li jġib il-fondi billi jissieħeb fl-Unjoni Ewropea u minflok qed jaħdem fuq żona ta' kummerċ ħieles, u l-fatti nafuhom.
Madam Speaker, il-Gvern preżenti x'għamel biex isir dan il-proġett ta' tisfija tad-drenaġġ? Dan daħħal taxxa fuq id-drenaġġ li minnha se jiġbor Lm4 miljun fis-sena. U min se jħallas dawn il-flus? L-Unjoni Ewropea żgur li m'hijiex se tħallashom - għax issa qed ngħidu li se nwaqqfu żona ta' kummerċ ħieles - u allura se jħallashom il-ħaddiem Malti. GĦalhekk hawn għal darb'oħra qed naraw lill-Gvern Laburista jkompli jnaqqar minn but il-ħaddiem ħalli jkun jista' jkollu l-mezzi u l-finanzjament neċessarju biex jagħmel dan l-impjant ta' tisfija tad-drenaġġ. Issa, kif għidt diġa', permezz ta' sħubija sħiħa fl-Unjoni Ewropea aħna stajna nġibu dawn il-fondi faċilment mingħajr il-bżonn li ndaħħlu taxxa inġusta, katastrofika u diżastruża, u hawn nixtieq nerġa' nfakkar lill-Onor. Alfred Sant li b'din it-taxxa huwa se jisloħ minn fuq dahar il-poplu madwar Lm4 miljun fis-sena.
Madam Speaker, nhar il-Ħadd aħna għidna wkoll li bi sħubija sħiħa, il-qasam tas-sajd kien se jingħata spinta 'l quddiem u fil-fatt l-Unjoni kienet se tagħtina wkoll fondi biex il-qasam ta' l-akwakultura jkun jista' jkompli jissaħħaħ u jikber. Ta' min jgħid ukoll li permezz ta' sħubija sħiħa, il-qasam tas-sajd kien se jkun jista' jesporta ħut kemm irid lejn l-Ewropa. Fil-fatt illum l-operaturi tal-qasam tas-sajd jinsabu fi żvantaġġ għax jafu li meta s-sajjieda jesportaw il-ħut, kemm dak maqbud mill-ibħra ta' madwarna, kif ukoll dawk prodotti mill-fish-farms, qed ikollhom iħallsu taxxa ta' 15%.