MADAM SPEAKER: Iktar rimarki, jekk jogħġobkom? L-Onor. John Dalli.
ONOR. JOHN DALLI: Madam Speaker, illum b'din l-extended session ġejna biex inqattgħu daqs ħames seduti biex niddiskutu dan l-abbozz ta' liġi, li huwa qasir fil-format tiegħu imma twil fil-portata tiegħu. L-ewwelnett ta' min jgħid li permezz ta' dan l-abbozz ta' liġi l-Gvern se jissellef Lm110 miljun. Fil-fatt se jissellef Lm30 miljun biex ikopri l-iżbilanċ li għad baqagħlu għall-1997 - naturalment l-iżbilanċ ta' l-1997 ma kienx ta' Lm30 miljun imma matul dik is-sena kien diġa' ssellef biex ikopri l-ispejjeż li kellu - u se jissellef Lm80 miljun bil-quddiem għal din is-sena.
Issa meta qed ngħidu li l-Gvern se jissellef Lm80 miljun għal din is-sena rridu nassumu li l-projections li għamel il-Gvern għas-sena 1998 huma realistiċi għax ma rridux li jkun hemm xi żball ieħor u l-Gvern isib li jkun issellef iktar milli għandu bżonn. Jien qed ngħid dan għax rajna diverġenzi sostanzjali fiċ-ċifri, liema ċifri rajnihom jiżgarraw b'ammont sostanzjali, u l-analisi ta' dan l-iżgarr għandha tkun waħda interessanti. Jien nispera li matul il-laqgħa tal-Kumitat dwar il-Kontijiet Pubbliċi li għandna llejla, li għaliha se jkun hemm preżenti l-Gvernatur tal-Bank Ċentrali - li ġie kkwotat fuq it-televiżjoni li sab dan l-iżball - u d-direttur ġenerali tad-dipartiment tal-finanzi, niddiskutu bir-reqqa l-movimenti li kien hemm f'dawn iċ-ċifri, u nispera wkoll li aħna l-membri ta' dan il-Kumitat ma nkunux involuti fis-seduta tal-Kamra, ħalli din il-laqgħa tkun tista' ssir. Pero' fuq dan ikolli ċ-ċans nitkellem minn hawn u ftit ieħor.
Madam Speaker, matul id-dibattitu ntqalu ħafna affarijiet fuq l-andament ekonomiku. Fir-realta' kif sejra l-ekonomija u dan il-Gvern li tela' fl-1996 x'sab? Huwa minnu dak li qal il-Ministru tal-Finanzi u Kummerċ, meta kien qed jiftaħ id-diskussjoni fuq dan l-abbozz ta' liġi, li fi żmien l-amministrazzjoni preċedenti pajjiżna kien miexi fuq ekonomija tat-tajjar? Huwa veru li kif ipprova jipperswadina l-Ministru mill-qabda statistika li beda jikkwota minnha, li pajjiżna dak iż-żmien kellu ekonomija fantażma? Madam Speaker, il-poplu Malti jafha r-risposta għal dawn il-mistoqsijiet u bla ebda dubju hawnhekk aħna m'aħniex qed inbellgħulu xi eżerċizzju ta' marketing. Il-poplu Malti jaf li l-pajjiż kien miexi 'l quddiem b'ritmu mgħaġġel u li l-Gvern kien qed jipproġetta li jkompli jsaħħaħ l-infrastruttura ta' pajjiżna biex jifforma l-bażi li fuqha s-settur privat jista' jaħdem. Il-poplu Malti jaf li l-ġid kien qed jitqassam bl-iktar mod ġust u li aħna konna qtajna ħafna u ħafna eluf milli jibqgħu lura, bir-riżultat li kulħadd beda miexi 'l quddiem. Aħna għamilna minn kollox biex mhux biss inkunu nistgħu ngħidu kemm ġew eluf jew saħansitra miljuni ta' turisti f'pajjiżna, biex mhux biss inkunu nistgħu ngħidu kemm esportajna miljuni minn pajjiżna, biex mhux biss inkunu nistgħu nsemmu l-kumpanniji li qed jingħataw servizz finanzjarju minn pajjiżna, biex mhux biss inkunu nistgħu nitkellmu fuq dan is-sħab ta' statistika, li daqqa tista' tinterpretaha mod u daqqa tista' tinterpretaha mod ieħor, imma biex il-ħaddiem Malti jkollu xogħol u dħul diċenti, biex il-pensjonant Malti jkollu pensjonijiet diċenti, biex it-tfal Maltin ikollhom edukazzjoni tajba u teknoloġikament avvanzata, ħalli dan il-pajjiż jimxi 'l quddiem bil-fatti fid-dinja moderna li diġa' konna dħalna fiha, u jkun preparat bis-serjeta' għall-isfidi, u preċiżament biex nippreparaw lil pajjiżna għad-dħul fl-Unjoni Ewropea. Madam Speaker, bil-ħafna paroli vojt ta' marketing li nisimgħu llum m'aħna se naslu mkien.
Il-fatti juru li aħna konna qed immexxu l-ekonomija tagħna b'mod gradwali u konna qed ngħadduha minn tibdil kontinwu, biex naqilgħuha mill-istaġnar ekonomiku li sibna fl-1987. Dik kienet ħofra żgur! Fl-1987 aħna konna sibna pajjiż magħluq, mitluq u mifni. Dak iż-żmien madwarna kien hawn swar ta' protezzjoni ma' kullimkien, u wieħed ma setax jitmattar għax kien isib lil min iżommu. Ma setax jaħseb jew jieħu inizjattiva għax il-burokrazija kienet twaqqfu. Hekk kien il-pajjiż fl-1987. GĦal kull ħaġa u għal kull nifs li tieħu kellek bżonn liċenzja mingħand il-gvern, ibda minn gomma u spiċċa f'li trid. Biżżejjed ngħid li meta dipartiment tal-gvern ried idaħħal computer kellu jdaħħlu bil-moħbi. Dik kienet is-sitwazzjoni li sibna aħna dak iż-żmien. Jekk dipartiment tal-gvern kien japplika biex idaħħal computer, dan fl-applikazzjoni kien jurih bħala an accounting machine għax inkella ma kenux jagħtuh permess. Dan biex ma nsemmix ukoll li meta wieħed kien japplika biex jixtri ZX80 - dawn kienu l-ewwel computers li daħlu f'Malta - kien ikun irid jiffirma karta li m'hu se jkeċċi lil ħadd mill-impjegati tiegħu. Jien għadni niftakar li hekk kif irbaħna l-elezzjoni u kont għadni kemm dħalt fil-ministeru ta' l-industrija, għall-ewwel darba bgħatt għal xi uffiċjali tal-Malta Development Corporation u meta staqsejthom x'investiment kellna fil-pipeline, dawn irrispondewni: X'pipeline hu! Dik kienet ħofra! Dak iż-żmien aħna konna qtajna qalbna li jiġi l-investiment lejn Malta.. F'din is-sitwazzjoni kien jinsab pajjiżna dak iż-żmien, Madam Speaker.
Aħna konna pajjiż mitluq, pajjiż bla dawl, pajjiż bla ilma, pajjiż bis-sistema ta' telekomunikazzjoni antikwata ta' l-iStrowger, li kienet twaqqagħna għaż-żufjett ma' kull min kien jiġi f'pajjiżna, liema sistema kienet waħda mill-ikbar brakes li kellha l-ekonomija biex timxi 'l quddiem. Mur ġib li għadna b'dik it-tip ta' sistema llum, Madam Speaker!
Mur ġibna nipprovaw nagħmlu l-financial services centre b'dik it-tip ta' teknoloġija li writtna u li tant konna ġejna mgħajrin għaliex bdilniha! Mur ġibna llum nagħmlu floating ta' l-isħma tal-Maltacom fuq l-istock exchange b'dik it-teknoloġija! Dik ħofra! Pajjiżna kien pariah, kien mifni, kellna isem ħażin fil-qasam internazzjonali u meta kont tmur taffronta sidrek biex tħajjar l-investiment, kont tiġi ssuttat b'ħafna mistoqsijiet minħabba r-rekord ħażin li kellna fil-qasam internazzjonali. Hekk konna sa Mejju ta' l-1987.
Kien pajjiż mifni bil-qgħad, fejn il-ħaddiem Malti ma kienx jista' jsib xogħol. Kien pajjiż li fih il-ħaddiem kien jiġi mjassar biex jieħu l-paga u kien jiġi mjassar fid-Dejma - u din hija l-vilta' - fejn il-gvern bħala policy kien iħaddem nies mingħajr id-dritt li jidħlu f'union. Dak l-employer li suppost għandu jservi ta' mudell fejn jidħol it-trattament tal-ħaddiem, kien iħaddem nies fid-Dejma mingħajr ma jagħtihom id-dritt li jissieħbu f'union. U dan għalfejn? Halli jħallashom inqas u sabiex jassigura ruħu li għandu strike-breakers fid-dipartimenti kollha tiegħu, biex jekk xi darba l-ħaddiema regolari jazzardaw jistrajkjawlu jkollu lil tad-Dejma - dawn kienu jaqgħu taħt dixxiplina militari wkoll - lesti biex jeħdulhom posthom.
Dak iż-żmien pajjiżna kien mifni bil-friża, mhux biss fl-investiment imma f'kollox, fosthom fin-negozju, fil-pagi u fil-pensjonijiet. Dik ħofra! Dak iż-żmien pajjiżna kien mifni bl-umiljazzjoni għax biex jixtri l-ħteġijiet tiegħu, il-poplu Malti kien ikollu jaqbad il-vapur u litteralment jagħmel raid fi Sqallija. F'din is-sitwazzjoni kien pajjiżna fl-1987! Dak iż-żmien kellna pajjiż mifni b'eluf ta' ħaddiema mpjegati bl-addoċċ qabel l-elezzjoni, li swew lil pajjiżna miljuni ta' liri fis-sena. Dik kienet ħofra, Madam Speaker! U jien inħobb infakkar dawn l-affarijiet ħalli ż-żewġ naħat tal-Kamra jifhmu f'liema sitwazzjoni kien jinsab pajjiżna fl-1987.
Madam Speaker, minkejja li meta tela' fil-gvern sab dan id-diżastru kollu, il-Partit Nazzjonalista ma qagħadx jintilef jibki, jixher u jqatta' xagħru fuq dawn il-ħofor u fuq x'sibna f'Sant'Anġlu, f'Kalaxlokk, f'Lapsi Quarry u ma nafx fejn aktar. Kemm kien ikollna għalfejn nibku u ntambru fuq il-ħofor kieku qgħadna nintilfu fuq dawn l-affarijiet! Imma aħna ma kellniex inferiority complex għax konna nemmnu fil-ħila tagħna u ma kellniex għalfejn noqogħdu niġġieldu r-record li kellu l-Gvern Laburista. GĦax il-Gvern Laburista x'record kellu fl-1987? Kellu record ta' diżastru. GĦalhekk aħna ma kellniex għalfejn noqogħdu naħlu ż-żmien infasslu eżerċizzju ta' marketing biex nipprovaw niskreditaw lill-Partit Laburista - u fil-fatt il-poplu kien diġa' skredita lil dan il-partit - u minflok bdejna mill-ewwel ġurnata li tlajna' fil-gvern naħdmu fuq linja pożittiva biex noħolqu l-ġid. U għaliex konna kapaċi nagħmlu dan? Għax konna ppreparati u kellna programm sħiħ ta' dak li għandna nagħmlu, jiġifieri konna ħsibna minn qabel kif dan il-pajjiż għandu jiġi ggvernat. Madam Speaker, jien qed ngħid dan il-kliem biex il-poplu - inklużi xi ġurnalisti li jħobbu jiktbu ħafna - jibda jifhem id-differenza li hemm bejn partit u partit, u għaliex kif tela' l-Partit Nazzjonalista fil-gvern dan il-pajjiż beda jingrana 'l quddiem b'mixja ma taqta' qatt imma kif tela' l-Partit Laburista waqa' kollox għal patattu. Il-verita' hi li l-Gvern Nazzjonalista kien preparat, kien jaf x'għandu jagħmel u beda jaħdem mill-ewwel ġurnata fuq programm preċiż biex joħloq il-ġid u jimmotiva l-industrija.
Issa ara ma taħsbux li aħna ma ltqajniex ma' problemi! Aħna bdejna nħabbtu wiċċna mal-problemi mal-ewwel. Per eżempju, jien niftakar li lanqas kienu laħqu għaddew xahrejn minn mindu tlajna fil-gvern li Thomson, li kien amalgama ma' l-SGS, ma kienx se jitlaq minn Malta minħabba li beda jinsisti li jżomm il-fabbrika fil-francophone countries, peress li hemmhekk huwa kellu iktar kontroll, imma bl-għaqal tagħna mhux biss irnexxielna nipperswaduhom jibqgħu imma pperswadejnihom ikabbru wkoll. Permezz tal-Freeport, permezz tas-setturi tal-kummerċ u tat-turiżmu, kif ukoll permezz tal-ħidma tal-ministri kollha tal-Gvern Nazzjonalista, bil-mod il-mod pajjiżna beda jirnexxielu jimxi 'l quddiem. Pero' aħna qatt ma qgħadna nħambqu fuq dak li sibna, lanqas fuq it-8,000 ruħ li sibna mpjegati bl-addoċċ, u qatt ma qgħadna nieqfu biex naraw x'se nagħmlu u x'mhux se nagħmlu. Fhimna mill-ewwel li s-soluzzjoni għal pajjiżna m'hijiex li toqgħod teqred imma li taħdem ħalli toħloq il-ġid. GĦalhekk aħna middejna għonqna għax-xogħol biex nibdew noħolqu l-ġid u fi ftit żmien irnexxielna nibdew noħolqu l-ġid u nsolvu l-problemi.
Meta konna fil-gvern, uħud mill-Maltin u mill-GĦawdxin kienu jgħajruna li m'għaġġilniex biżżejjed u li messna keċċejna qabda ħaddiema minn mal-gvern biex b'hekk we reduce goverment. Kemm kienu jikkritikawna fuq hekk. Aħna mhux biss konna nafu x'qed nagħmlu ekonomikament imma bħala partit kellna wkoll kuxjenza soċjali u riedna li r-riforma fl-ekonomija ssir b'mod li l-poplu Malti ma jbatix u jkun protett mill-inkubi tas-sensji, mill-inkubi tal-qgħad u mill-inkubi tal-friża li kien darriena bihom il-Partit Laburista. Aħna bnejna ekonomija li kienet qed turi bil-provi li miexja 'l quddiem u l-poplu Malti fehem x'konna qed nagħmlu u ħadem fuq li ħadem biex ikompli jtejjeb il-pożizzjoni tiegħu. Il-poplu Malti fehem ukoll li l-mutur tal-pjan tal-Gvern Nazzjonalista kien hu, u aħna min-naħa tagħna tajnieh l-għodda kollha u tajnieh il-fiduċja fih innifsu biex dan il-mutur ikun jista' jaħdem tajjeb. Jien inħares lejn dak iż-żmien b'sodisfazzjon u persważ li huma ħafna l-Maltin u l-Għawdxin li ilhom għal dawn l-aħħar sena u nofs iħarsu bi stennija ġdida li jerġa' jiġi dak iż-żmien għax dak kien żmien fejn l-ideat setgħu jitwettqu, fejn wieħed seta' jaħseb u jippjana għal quddiem u fejn wieħed seta' jkun jaf li hu u l-familja tiegħu qegħdin fiż-żgur.
Illum il-Gvern qed iħossu debboli u assedjat minn kullimkien, mhux biss bil-kritika ta' l-Oppożizzjoni, mhux biss bl-opinjoni pubblika li qed tikber kontrieh kuljum imma wkoll bid-dissens u bid-diżgwid fuq policies, fuq tattika u fuq personalitajiet li għandu fil-partit u fil-gvern. Illum dan il-Gvern lanqas biss għad baqagħlu fiduċja fih innifsu, aħseb u ara kemm jista' joħloq fiduċja fil-poplu! Ovvjament dak li m'għandux hu ma jistax jgħaddih lil ħaddieħor. U jekk huwa m'għandux fiduċja fih innifsu, kif jista' jipperswadi lill-poplu Malti biex ikollu fiduċja fih? Dan il-Gvern kellu bilfors jaqa' fin-nassa li jipprova jiskredita lil din in-naħa tal-Kamra u, kif seta' jara l-poplu Malti u Għawdxi kollu permezz tat-television u ta' mezzi oħra, għamel kampanja sħiħa biex jipprova jipperswadi lill-poplu li fi żmienna kulħadd kien qed jgħix ħolma, bħal xi storja tal-fatat. Dan bħal meta jidhirlek fatat, jgħidlek li għandek il-flus f'xi toqba fil-ħajt u mbagħad meta tmur tfittixhom minflok flus issib bebbux jew tajjar! Hekk kontu tipprovaw tipperswaduh lill-poplu intom u kontu tgħidulu: Hija illużjoni li fi żmien il-Gvern Nazzjonalista intom kontu tgħumu fil-ġid; hija illużjoni li fi żmien il-Gvern Nazzjonalista intom kellkom il-flus fil-but; hija illużjoni li fi żmien il-Gvern Nazzjonalista l-kwalita' tal-ħajja kienet tiela'. Madam Speaker, imma l-poplu Malti qed iqabbel dak li kellu ma' dak li għandu llum, u jaf li fil-fatt huwa dak li kien jgħidlu l-Partit Laburista li kien illużjoni. Kif tistgħu tgħidu li fi żmienna l-poplu Malti kien qed jgħix illużjoni meta huwa stess seta' jara b'għajnejh kif telgħu l-pagi tal-ħaddiem Malti mill-1987 sa l-1996? Kif tistgħu tgħidu li fi żmienna l-poplu Malti kien qed jgħix illużjoni meta huwa stess seta' jara b'għajnejh lill-employers jiġru wara l-ħaddiem Malti biex jaħdem? Imma llum kemm tbiddlu l-affarijiet! Illum il-ħaddiem jinsab fil-ħofra għax mhux biss qed jintilfu eluf ta' mpjiegi fulltime imma qed jintilfu wkoll għexieren ta' eluf ta' mpjiegi part-time. Din hi r-realta'. Dawn huma l-fatti.
Kif tistgħu tgħidu li fi żmienna l-poplu Malti kien qed jgħix illużjoni meta huwa stess seta' jara b'għajnejh kif kienu l-pensjonijiet fl-1987 u kif ħallejnihom aħna fl-1996? Biżżejjed ngħid li filwaqt li fl-1987 il-gvern nefaq Lm70 miljun f'pensjonijiet, fl-1996 aħna nfaqna Lm192 miljun. Dik ħofra! (Onor. Membri: Hear, hear) F'sena waħda l-gvern ħallas Lm122 miljun iktar mill-1987 f'pensjonijiet biss! Oqogħdu għajruna! Ftit ilu kont qed nitkellem ma' industrijalist u d-diskors waqa' fuq id-deficit tal-gvern. Ġibtlu bħala eżempju dan li għadni kif għidt fuq il-pensjonijiet u tlabtu jgħidli jekk hu, bħala industrijalist, iħossx li aħna għollejna l-pensjonijiet iżżejjed u jekk il-pensjonanti tagħna għandhomx pensjonijiet eċċessivi. Illum jien lill-Onor. Membri tan-naħa l-oħra ngħidilhom l-istess ħaġa. GĦidulna li llum il-pensjonanti għandhom pensjonijiet għoljin wisq! Għajruna għax aħna żiedna l-pensjonijiet għal Lm122 miljun fis-sena minn fuq dahar il-gvern! Għajruna b'dan il-fatt, ma jimpurtax! Pero' għidu wkoll li mill-friża li ħallejtuhom intom, meta kontu fil-gvern fl-1987, aħna lill-pensjonanti ġibniehom f'sitwazzjoni li jistgħu jgħixu ħajja diċenti, ħajja ta' nies.
Madam Speaker, kif tistgħu tgħidu li fi żmienna l-poplu Malti kien qed jgħix illużjoni meta hu stess seta' jara b'għajnejh kif telgħu l-profitti ta' l-azjendi f'kull settur bejn l-1987 u l-1996, saħansitra fis-settur li kien jimmanifattura għal-lokal? Din kif tistgħu ssejħulha illużjoni? II-Ministru, biex jikkonferma t-teżi tiegħu, beda jikkwotalna xi ċifri pero' jiddispjaċini ngħidlu li huwa kkwota dawn iċ-ċifri ħażin ħafna. Issa jien lill-Ministru se nagħtih il-benefiċċju tad-dubju, fis-sens li nixtieq nemmen li ma kkwotax dawn iċ-ċifri biex iqarraq, pero' nixtieq inwissih biex meta jitimgħuh xi ċifri joqgħod attent li jidħol fihom, li jifhimhom u jara x'ifissru verament, għax jekk iċ-ċifri jiġu nterpretati ħażin jittieħdu qabda deċiżjonijiet bl-addoċċ. Per eżempju, il-Ministru fid-diskors tiegħu semma r-riżervi u spjegalna kif dawn waqgħu matul l-1995 u l-1996, pero' ma spjegalniex kif dawn telgħu m'ogħla s-smewwiet u b'mod straordinarju matul l-1994. U matul l-1994 ir-riżervi ma telgħux m'ogħla s-smewwiet u b'mod straordinarju għax sar xi miraklu mal-Gvern Nazzjonalista tafux imma għax, kif jaf kulħadd, dak iż-żmien is-sistema ta' tassazzjoni indiretta kienet qed tinbidel, id-dazji li fuq xi wħud mill-prodotti kienu straordinarjament għoljin kienu se jitneħħew, u l-grossisti u l-importaturi lokali ma xtaqux ikabbru l-ħażna qabel l-1995 - għax sfortunatament l-investiment ta' ħafna negozjanti Maltin huwa l-istock, u qed ngħid "sfortunatament" għax meta jsir hekk ikun hemm vested interest fl-inflazzjoni - u minħabba dan il-fatt fl-1994, meta tista' tgħid li l-importazzjoni kienet waqfet, ir-riżervi tal-pajjiż splodew 'il fuq. Imma mbagħad peress li dak li ma nxtarax fl-1994 inxtara fl-1995, jekk wieħed jikkompara r-riżervi li kellu l-pajjiż matul l-1995 u l-1996 ma' l-1994 isib li dawn naqsu. Allura l-Ministru kif jiġi hawn jgħidilna li matul l-1995 u l-1996 kellna diżastru fir-riżervi tal-pajjiż! Ejjew nifhmu ċ-ċifri qabel ma nparlaw u nifhmu x'ikun qed jiġri. Fir-realta' dan ir-riżultat kien kaġunat minn proċess ta' riaġġustament fl-ekonomija ta' pajjiżna, liema proċess kien wieħed naturali u bilfors kellu jsir fiċ-ċirkostanzi li kien għaddej minnhom pajjiżna. GĦalhekk hawn jien irrid nerġa' nappella lill-Ministru biex joqgħod attent qabel ma jikkwota xi ċifri għax min jaf jaqra ċ-ċifri verament isib li dawn jgħidu storja. GĦalhekk għandna noqogħdu attenti li nħallu ċ-ċifri jgħidu l-istorja tagħhom u mhux noqogħdu nagħmlu l-cut-offs u nagħmlu l-paraguni kif jaqblilna. Ara jien, iċ-ċifri nzertajt naf naqrahom!
Din bħal meta llum, per eżempju, qed niftaħru bid-dħul li qed ikollna mill-oqsma tat-turiżmu u ta' l-esportazzjoni, allavolja llum l-esportazzjoni naqset xi ftit. Jekk kemm-il darba ma nifhmux l-effett ta' l-iżvalutar tal-lira Maltija kontra muniti barranin inkunu qed nimmiżinterpretaw l-istatistika. Aħna ma nistgħux nieħdu l-istatistika at face value. Fil-fatt jekk wieħed jaqra l-istatistika sew isib li għalkemm illum in-numru ta' turisti żdied, in real terms id-dħul mit-turiżmu baqa' l-istess. Anzi biex ngħid hekk illum fortunati għax l-isterlina ġiet issarraf ħafna iktar f'liri Maltin, imma ma rridux ninsew li għolew l-ispejjeż ta' l-importazzjoni u l-ispejjeż biex dawn it-turisti jiġu ssapportjati. U mela noqogħdu ngħidu li t-turist nefaq iktar! Ir-realta' hi dik li qed ngħid jien. Issa jien m'iniex qed ngħid dan għax ma nixtieqx li t-turiżmu jiżdied. J'Alla jiżdied u j'Alla dan il-pajjiż jimxi 'l quddiem u joħloq il-ġid. Fil-fatt aħna qed nagħmlu din il-kritika biex f'pajjiżna jerġa' jibda jinħoloq il-ġid għax ma nixtequx li meta minn hawn u ftit snin oħra nerġgħu nkunu fil-gvern nerġgħu nsibu d-diżastru li sibna fl-1987. Imma hemm bżonn li ngħidu l-affarijiet kif inhuma u mhux noqogħdu nagħmlu qabda kummenti bl-addoċċ. Madam Speaker, dan huwa gvern ta' l-addoċċ!
Illum għandna ekonomija staġnata u fil-fatt jien skantajt kif fil-bidu ta' din id-diskussjoni l-Ministru qalilna li l-ekonomija sejra tajjeb, għax jekk verament jaħseb hekk bilfors li qed jgħix bejnu u bejn ruħu. Ngħid għalija ma ngħaddix minn triq - u llum għall-grazzja t'Alla għandi ċans ngħaddi mit-toroq! - li ma jwaqqfunix in-nies u jgħiduli x'diżastru hawn f'kull settur, kemm fis-settur tar-restoranti, kemm fis-settur tal-manifatturi żgħar - għax is-settur tal-bini m'hemmx bżonn insemmuh - kemm fil-bejgħ taż-żraben, kemm fil-bejgħ tal-ħwejjeġ, kemm fil-bejgħ tal-purtieri, kemm fil-bejgħ tat-twapet. Il-bieraħ stess waqt laqgħa li kelli qaluli li l-bejgħ ta' l-aluminium u ta' l-għamara spiċċa. Kollox baħħ! Kollox wieqaf! Allura kif jiġi l-Ministru u jgħidilna li miexi kollox sew! Ma jistax ikun li nibqgħu f'sitwazzjoni fejn il-poplu jaf li miexi f'direzzjoni ħażina u l-Gvern, għar-raġunijiet tiegħu, jibqa' jgħidlu li miexi fid-direzzjoni t-tajba. Jien m'iniex niskanta li din is-sena ġejna ffaċċjati b'dawn il-problemi fil-budget. Lanqas ma jien qed niskanta li qegħdin nisimgħu lill-Gvernatur tal-Bank Ċentrali jgħidilna minn fuq it-television li kienu sejrin għall-printing u fil-ħin u l-mument skoprew żball ta' Lm20 miljun u kellhom iwaqqfu l-printing kollu. Issa nisperaw li llejla l-Gvernatur tal-Bank Ċentrali jgħidilna kif skoprieh dan l-iżball! (Interruzzjonijiet) Din ta' l-iżball mhux jien ivvintajtha imma qalha l-Gvernatur tal-Bank Ċentrali stess. Madam Speaker, meta wieħed jibda jara ċ-ċifri u jidħol fihom fid-dettall jistaqsi: Imma hawn x'inhu jiġri?
Meta jien qabbilt - għax jien inħobb nagħmel il-paraguni - il-budget u r-revised estimates ta' l-1997 ma' dawk ta' l-1996 sibt shifts kbar bejn id-dħul attwali ta' l-1996 u d-dħul attwali ta' l-1997, liema dħul imbagħad m'huwiex ripetut għall-1998. Jekk wieħed iħares lejn l-1997 isib li f'dik is-sena daħlet muntanja ta' flus għall-gvern, u dan sar minħabba li d-dħul mid-dwana żdied bi Lm12 miljun, id-dħul mit-taxxi interni żdied bi Lm17 miljun u d-dħul mis-sigurta' soċjali żdied b'Lm16 miljun. Jien nifhem li fid-dwana ġie kkaġunat dan it-tibdil għax, kif jaf kulħadd, il-liġijiet tal-pajjiż inbidlu u minkejja li l-GRTU ma tniffsitx u ħafna nies bilkemm qed jindunaw, id-dazju f'pajjiżna żdied b'medja ta' 8% fuq l-affarijiet importati minn barra l-Unjoni Ewropea. Fil-fatt dan kien l-ewwel attentat li għamilna biex nipprovaw nipperswadu lill-Ewropej li aħna għadna ħbieb għax dawk il-prodotti li qed jiġu importati minn barra l-Unjoni Ewropea qegħdin jeħlu dazju ogħla, imma xorta waħda they sent them packing.
Min-naħa l-oħra, wieħed kif jista' jispjega żieda ta' Lm17-il miljun fl-income tax? Jien naf nagħti spjegazzjoni kif b'mod ta' l-għeġubijiet, minkejja li matul l-1996 kien ipproġettat li ndaħħlu Lm105 miljun mill-income tax, hawnhekk jirriżulta li d-dħul kien jammonta għal Lm93 miljun. Milli jidher issa t-trapan beda jdur u jagħmel il-ħofra! Dawn l-affarijiet jissejħu cut-off dates. Issa llum qed jingħad li s-sena d-dieħla se jkun hemm żieda ta' Lm1 miljun fl-income tax. Hawnhekk huwa ċar li m'hawnx konsistenza u, kif għidt diġa', issa t-trapan qed jagħmel il-ħofor. Fil-qasam tas-sigurta' soċjali ġrat l-istess storja għax f'daqqa waħda kellna dħul aktar ta' Lm16 miljun waqt li din is-sena qed jiġi stmat li se jkun hemm tnaqqis ta' Lm5 miljun. Mela allura fl-1997 x'ġara? It-trapan beda jagħmel il-ħofor!
Hawn wieħed ma jistax ma jsemmix ukoll l-eżerċizzju tal-Malta Drydocks, liema eżerċizzju jammonta għal Lm24.6 miljun. X'ma jitlax deficit ta' Lm100 miljun jekk isiru dawn l-affarijiet! Fil-fatt dan l-eżerċizzju kellu jsir fl-1996 u ma sarx, u mbagħad minkejja li fil-budget qalulna li dan se jsir fl-1997, ir-revised estimates ma wrewx li dan se jsir fl-1997. Dawn xi praspar huma! Jien għalissa se nieqaf hawn fuq dan is-suġġett pero' nispera li llejla waqt il-Kumitat dwar il-Kontijiet Pubbliċi ningħataw risposta fuq dawn l-affarijiet.
Madam Speaker, issa hawn irrid insemmi wkoll l-iżball kbir tal-capital asset declaration - dan l-iżball fenomenali sar minħabba l-ebusija tar-ras u minħabba policy li saret bl-addoċċ - liema żball tellef il-fiduċja ta' ħafna nies li huma nvoluti fil-qasam ta' l-investiment. Min jaf kemm għidnielu u ftaħnielu għajnejh lill-Gvern li qed jagħmel żball u kemm tajtu eżempji jien biex nurih li din ma tistax taħdem fil-prattika! Imma meta għidnielu hekk, il-Prim Ministru qagħad jidħak bina biex imbagħad kellu jibla' kollox għax fil-fatt din is-sistema veru ma ħadmitx. Fil-fatt illum ninsabu f'sitwazzjoni fejn minkejja li ninsabu f'Mejju ta' l-1998, pajjiżna għadu qed jiddiskuti l-budget ta' l-1997. Dan hu l-mod maniġerjali u modern ta' kif għandna mmexxu pajjiż! Illum suppost il-Ministru qed jagħmel id-drafting tal-budget ta' l-1998 u suppost li aħna m'għadniex imwaħħlin biil-budget li għadda.
Dostları ilə paylaş: |