Malta dibattiti tal-kamra tad-deputati (Rapport Uffiċjali u Rivedut)



Yüklə 0,5 Mb.
səhifə1/9
tarix18.01.2019
ölçüsü0,5 Mb.
#100440
  1   2   3   4   5   6   7   8   9

MALTA

DIBATTITI TAL-KAMRA TAD-DEPUTATI
(Rapport Uffiċjali u Rivedut)

IL-ĦDAX-IL PARLAMENT

Seduta Nru. 505
It-Tnejn, 8 ta’ Ottubru 2012
Stampat fl-Uffiċċju tal-Iskrivan

Kamra tad-Deputati

MALTA

Prezz €2.50


IL-ĦDAX-IL PARLAMENT


Seduta Nru. 505

It-Tnejn, 8 ta’ Ottubru 2012

Il-Kamra tad-Deputati ltaqgħet fil-Kamra tal-Parlament,

il-Palazz, il-Belt Valletta, fis-6.09 p.m.

Talba

Seduta Nru. 505

It-Tnejn, 8 ta’ Ottubru 2012


WERREJ

MINUTI 229

Ittra ta’ riżenja mill-Onor. Jesmond Mugliett minn membru tal-Kumitat tal-Kontijiet dwar l-Uffiċċju Nazzjonali tal-Verifika, datata 5 ta’ Ottubru 2012. 229

PETIZZJONIJIET 229

MISTOQSIJIET – TWEĠIBIET ORALI 230

TQEGĦID TA’ KARTI 234

KUMITATI PERMANENTI 236

STQARRIJA MILL-PRIM MINISTRU LAWRENCE GONZI DWAR IS-SUMMIT TAL-FORUM TAL-MEDITERRAN 236

TAL-PUNENT (DJALOGU 5+5) LI NŻAMM ĠEWWA MALTA IL-ĠIMGĦA U S-SIBT 5 U 6 TA’ OTTUBRU 2012. 236

MOZZJONIJIET 262

ABBOZZ TA’ LIĠI DWAR IL-PENSJONIJIET TAL-ĠUDIKATURA 262

ABBOZZ TA’ LIĠI DWAR IL-PROFESSJONI NUTARILI U ARKIVJI NUTARILI 262

ORDNIJIET TAL-ĠURNATA 263

RIŻOLUZZJONI GĦAR-RATIFIKA 263

TAT-TRATTAT DWAR STABBILTÀ, KORDINAZZJONI U GOVERNANZA MAGĦMUL FI BRUSSELL FIT-2 TA’ MARZU 2012 263

RULING 272

AĠĠORNAMENT 275



MISTOQSIJIET GĦAL TWEĠIBIET ORALI MWIEĠBA BIL-MIKTUB 276



MINUTI



Il-Minuti tas-Seduta Nru. 504 li saret fit-3 ta’ Ottubru, 2012 ġew konfermati.
MR SPEAKER (Onor. Michael Frendo): Inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra:

Ittra ta’ riżenja mill-Onor. Jesmond Mugliett minn membru tal-Kumitat tal-Kontijiet dwar l-Uffiċċju Nazzjonali tal-Verifika, datata 5 ta’ Ottubru 2012.



PETIZZJONIJIET



MR SPEAKER: L-Onor. Jeffrey Pullicino Orlando.
ONOR. JEFFREY PULLICINO ORLANDO: Mr Speaker, nippreżenta għall-attenzjoni ta’ din il-Kamra petizzjoni ffirmata minn 2,400 kostitwent tiegħi mis-Seba’ Distrett, liema kostitwenti li xtaqu juru d-diżapprovazzjoni tagħhom għall-pjanijiet li kien hemm għall-privatizzazzjoni tal-parkeġġi li hemm fl-areas tal-Għalqa ta’ Kola u ta’ ħdejn il-bandli tar-Rabat.
Għalhekk qed inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra:
Petizzjoni ffirmata minn numru ta’ residenti fir-Rabat, Malta, b’riferenza għall-privatizzazzjoni tal-parkeġġ f’Misraħ Anton Agius, magħrufa bħala l-Għalqa ta’ Kola u l-parkeġġ biswit il-Bieb Prinċipali tal-Imdina.
Din kienet inizjattiva ta’ numru ta’ residenti, partikolarment mir-Rabat, immexxija mis-Sur Karistu Abela u li sabet l-appoġġ unanimu – u hawnhekk nerġa’ ntenni l-kelma “unanimu” – tal-kunsilliera kollha, kemm Laburisti kif ukoll Nazzjonalisti, tal-Kunsill Lokali tar-Rabat, tal-Kunsill Lokali ta’ Ħad-Dingli u tal-Kunsill Lokali tal-Imtarfa. Fil-fatt magħna fil-Kamra llum hawn is-Sindku tar-Rabat, is-Sur Sandro Craus, is-Sindku ta’ Ħad-Dingli, Dr. Ian Borg u rappreżentant tal-Kunsill Lokali tal-Imtarfa, is-Sur Antoine Vella. Fil-petizzjoni wieħed jista’ jara wkoll li hemm numru ta’ kandidati, kemm tal-Partit Nazzjonalista kif ukoll tal-Partit Laburista, li ffirmaw sabiex juru d-diżapprovazzjoni tagħhom għall-pjanijiet li kien hemm ta’ Transport Malta biex jiġu privatizzati dawn iż-żewġ spazji.
Mr Speaker, ma neskludix li nippreżenta petizzjoni oħra f’dan ir-rigward fil-jiem li ġejjin.
MR SPEAKER: Grazzi. Ngħaddu issa għall-mistoqsijiet.

MISTOQSIJIET – TWEĠIBIET ORALI



MINISTERU GĦAT-TURIŻMU, L-AMBJENT U L-KULTURA – KAWŻI DWAR AWTORITAJIET
34905. L-ONOR. NOEL FARRUGIA staqsa lill-Ministru għat-Turiżmu, l-Ambjent u l-Kultura: Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 34475 u jgħid kemm kellu kawżi fil-konfront ta' awtoritajiet u/jew entitajiet li jaqgħu taħt il-Ministeru tiegħu matul dawn l-aħħar ħames snin, sena b'sena?
ONOR. MARIO DE MARCO (Ministru għat-Turiżmu, l-Ambjent u l-Kultura): Qed inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra tabella li turi kemm kellhom kawżi ġodda matul dawn l-aħħar ħames snin, sena b'sena, hekk kif mitlub mill-Onor. Interpellant, l-Awtorità ta’ Malta għall-Ambjent u l-Ippjanar kif ukoll l-Awtorità tat-Turiżmu ta’ Malta. Tweġiba għal din il-mistoqsija kienet ingħatat ftit tax-xhur ilu f’Seduta nru. 481.
MR SPEAKER: Grazzi. L-Onor. Noel Farrugia, mistoqsija supplimentari.
ONOR. NOEL FARRUGIA: B’riferenza għall-infurzar, biex partikolarment dawk li jkunu liċenzjati li joperaw xi forma ta’ negozju jkunu konformi mal-permessi meħtieġa, jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm enforcement officers? Qed nistaqsi dan għax naħseb li aktar ma jkun hemm infurzar, ovvjament aktar tinżamm il-bonordni għall-ġid komuni kemm tal-istess Awtorità kif ukoll tal-imprendituri u aktar is-sitwazzjonijiet li jwasslu biex jiġu limitati l-proċeduri ġudizzjarji fil-Qorti.
MR SPEAKER: Il-Ministru Mario de Marco.
ONOR. MARIO DE MARCO: Sur President, nitlob lill-Onor. Interpellant jirrepeti l-ewwel parti tal-mistoqsija għax ma fhimtx il-ġist tagħha.
MR SPEAKER: L-Onor. Noel Farrugia.

ONOR. NOEL FARRUGIA: Mr Speaker, qed nistaqsi lill-Ministru jekk hemmx numru biżżejjed ta’ enforcement officers biex jieħdu ħsieb ir-rapporti li jaslulhom dwar ċerti rregolaritajiet bil-għan li l-imprenditur ma jkollux għalfejn joqgħod jieħu passi legali kontra l-awtoritajiet minħabba ksur ta’ liġijiet, partikolarment dawk dwar il-liċenzji li jinħarġu mill-istess awtoritajiet.
MR SPEAKER: Il-Ministru Mario de Marco.
ONOR. MARIO DE MARCO: Il-Malta Tourism Authority (MTA) għandha section tal-enforcement fi ħdanha u l-Malta Environment and Planning Authority (MEPA) għandha direttorat. Però r-realtà hi li l-biċċa l-kbira tal-kawżi li jkunu saru kontra dawn l-awtoritajiet mhux neċessarjament ikunu kawżi li jkollhom x’jaqsmu ma’ enforcement. Pereżempju, il-kawżi kontra l-MEPA jistgħu jkunu kawżi ta’ appell fuq punt ta’ liġi dwar deċiżjoni tal-istess Awtorità, jiġifieri mhux kwestjoni ta’ enforcement o meno. Għall-grazzja tal-argument jekk xi ħadd ikollu refusal u jappella minn dak ir-refusal, imbagħad imur quddiem il-Bord tal-Appell fejn ukoll jiġi rifjutat, imbagħad ikollu l-possibbiltà li jmur quddiem il-Qorti bbażat fuq punt ta’ liġi. Dik se tidher fl-istatistika bħala kawża kontra l-Awtorità, però mhijiex kwestjoni li għandha x’taqsam ma’ enforcement per se.
MR SPEAKER: L-Onor. Noel Farrugia, mistoqsija supplimentari.
ONOR. NOEL FARRUGIA: Mr Speaker, jien għalhekk kont speċifiku fid-domanda tiegħi u rriferejt għall-enforcement. Jien personalment ili mill-inqas disa’ xhur nirrapporta l-istess każ lill-awtoritajiet li ovvjament jaqgħu taħt id-dekasteru tal-Ministru dwar enforcement fuq persuna li mhijiex liċenzjata biex tbigħ alkoħol u biex twettaq xogħol ieħor marbut ma’ liġijiet sanitarji, jiġifieri li ma tistax topera b’menu, u għal xi raġuni jew oħra tħalliet fil-libertà kollha tagħmel dan minkejja r-rapporti li anke jsiru minn negozji fil-viċin ta’ din l-ażjenda partikolari. Jista’ l-Ministru jgħid jekk hux beħsiebu jsaħħaħ l-istruttura tiegħu dwar l-enforcement biex meta ċ-ċittadin japplika ma jsibx widnejn torox, imma tabilħaqq isib nies li jkunu responsabbli biex jinvestigaw dwar dak li jkun qed jiġi rrapportat u kkomunikat lilhom u jekk ikun hemm bżonn jittieħdu proċeduri mingħajr joqogħdu jħarsu lejn uċuh, u dan dejjem għall-benefiċċju tal-bonordni.
MR SPEAKER: Il-Ministru Mario de Marco.
ONOR. MARIO DE MARCO: Nixtieq nissolleva l-fatt li l-mistoqsija oriġinali ma titkellimx dwar enforcement imma dwar kemm kien hemm kawżi fil-konfront ta’ awtoritajiet jew entitajiet li jaqgħu taħt il-Ministeru li tiegħu jien responsabbli. Jekk l-Onor. Interpellant kellu xi każ speċifiku u jrid jgħaddili d-dettalji tiegħu separatament, kemm f’mistoqsija parlamentari jew anke separatament wara, ma nsibx diffikultà nispjegalu x’ġara u ma ġarax minn dak il-każ.

Nista’ nassigura lill-Onor. Interpellant li għal dak li għandu x’jaqsam mal-MEPA fejn qabel lanqas kien hemm direttorat tal-enforcement kien hemm unit fuq l-enforcement imma ridna nsaħħuh u ngħolluh fuq il-livell tad-direttorati l-oħrajn – illum il-ġurnata hemm direttorat. L-istess ħaġa jista’ jingħad għall-MTA fejn għandek unit li huwa speċifiku dwar l-enforcement li fost affarijiet oħra jmur idur numru ta’ lukandi u ristoranti biex jara jekk il-kundizzjonijiet tal-permessi tagħhom jew kriterji għall-klassifikazzjoni ta’ lukandi humiex qed jiġu osservati.


MR SPEAKER: L-Onor. Noel Farrugia.
ONOR. NOEL FARRUGIA: Il-mistoqsija tiegħi hija ċara u speċifika. Jekk ikun hemm l-enforcement naturalment ma jkunx hemm il-ħtieġa li l-imprendituri lokali jfittxu għad-danni. Pereżempju, jien se jkolli nidher xhud ma’ imprenditur għax ili nirrapporta każ għal dawn l-aħħar disa’ xhur mingħajr ħadd lanqas biss iggwidani dwar x’għandu jsir jew almenu x’għandhom ikunu l-proċeduri meħtieġa biex dan jiġi regolat. Jiġifieri jekk aħna se nħallu li l-enforcement unit tad-dipartiment jaqa’ lura, ovvjament il-ksur tal-liġi abbażi ta’ dak li jkun qed jabbuża se jkompli jikber bil-konsegwenza li dak li jkun ikollu jieħu passi ulterjuri u cioè jressaq lill-Awtorità quddiem il-Qorti.
MR SPEAKER: Il-Ministru de Marco.
ONOR. MARIO DE MARCO: Jiena ma tantx għandi xi nżid, però nissuġġerixxi li jekk l-Onor. Interpellant jixtieq jagħmel mistoqsija separata dwar kemm-il kawża hemm fil-konfront tal-awtoritajiet b’mod speċifiku dwar nuqqas jista’ jagħmilha, għax kif inhi, qiegħda wisq ġenerika. Dawn il-kawżi jinkludu essenzjalment kawżi proċedurali fejn l-uniku rimedju hu li inti tmur il-Qorti fil-konfront tal-Awtorità għax qed tappella mid-deċiżjoni tal-Awtorità fuq punt ta’ liġi.

KAMRA TAN-NAR LI NGĦATAT LILL-ISCOUTS TAL-IKLIN
36354. L-ONOR. NOEL FARRUGIA (f’isem l-Onor. Joe Debono Grech) staqsa lill-Ministru għall-Kompetizzjoni Ġusta, Negozji Żgħar u l-Konsumatur: Jista' l-Ministru jgħid kif u għaliex il-kamra tan-nar li kienet qabel magħrufa bl-isem ta' St. Helena fil-limiti tal-Iklin (biswit il-kamra tan-nar San Gabriel) u li kienet proprjetà tal-Kolleġġjata ta' Sant'Elena ta' Birkirkara ngħatat lill-Iklin Scout Group meta din qiegħda madwar 50 metru biss 'il bogħod mill-kamra tan-nar ta' San Gabriel ta' Ħal Balzan?
ONOR. JASON AZZOPARDI (Ministru għal-Kompetizzjoni Ġusta, Negozji Żgħar u l-Konsumatur): Ninsab infurmat li s-sit u strutturi li kienu magħrufa bħala Porzjon 1 “Tal-Qasbi” fil-limiti tal-Iklin u li jinkludu struttura li qabel kienet tintuża bħala kamra tan-nar ingħataw lill-Grupp tal-Iscouts tal-Iklin b’kirja għal 15-il sena b’effett mit-23 ta’ Lulju, 2012. Il-ftehim tal-kirja sar wara li fis-seduta tal-Parlament tad-9 ta’ Lulju, 2012 kienet approvata unanimament ir-riżoluzzjoni dwar trasferiment ta’ proprjetà lil 13-il klabb u assoċjazzjoni li wieħed minnhom kien il-Grupp tal-Iscouts tal-Iklin.

MINISTERU TAL-FINANZI, L-EKONOMIJA U INVESTIMENT – SERQIET IRRAPPORTATI
36099. L-ONOR. NOEL FARRUGIA staqsa lill-Ministru tal-Finanzi, l-Ekonomija u Investiment: Jista' l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' serqiet li ġew irrapportati lill-Pulizija li saru fil-Ministeru, dipartimenti, inkluż id-dekasteru u l-awtoritajiet l-oħra li jaqgħu taħtu fl-ewwel sitt xhur tas-sena?
ONOR. JASON AZZOPARDI (f’isem il-Ministru tal-Finanzi, l-Ekonomija u Investiment): Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

MINISTERU GĦAR-RIŻORSI U AFFARIJIET RURALI – SERQIET IRRAPPORTATI
36100. L-ONOR. NOEL FARRUGIA staqsa lill-Ministru għar-Riżorsi u Affarijiet Rurali: Jista' l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' serqiet li ġew irrapportati lill-Pulizija li saru fil-Ministeru, dipartimenti, inkluż id-dekasteru u awtoritajiet oħra li jaqgħu taħtu fl-ewwel sitt xhur tas-sena?
ONOR. GEORGE PULLICINO (Ministru għar-Riżorsi u Affarijiet Rurali): Ninforma lill-Onor. Interpellant li tweġiba tingħata f'seduta oħra.
MINISTERU TAS-SAĦĦA, L-ANZJANI U L-KURA FIL-KOMUNITÀ – SERQIET IRRAPPORTATI
36101. L-ONOR. NOEL FARRUGIA staqsa lill-Ministru tas-Saħħa, l-Anzjani u l-Kura fil-Komunità: Jista' l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' serqiet li ġew irrapportati lill-Pulizija li saru fil-Ministeru, dipartimenti, inkluż id-dekasteru u awtoritajiet oħra li jaqgħu taħtu fl-ewwel sitt xhur tas-sena?
ONOR. JOSEPH CASSAR (Ministru tas-Saħħa, l-Anzjani u l-Kura fil-Komunità): L-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar. Tweġiba tingħata f’xi seduta oħra.
MINISTERU TAL-INTERN – SERQIET IRRAPPORTATI
36102. L-ONOR. NOEL FARRUGIA staqsa lill-Ministru tal-Intern: Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' serqiet li ġew irrapportati lill-Pulizija li saru fil-Ministeru, dipartimenti, inkluż id-dekasteru u awtoritajiet oħra li jaqgħu taħtu fl-ewwel sitt xhur tas-sena?
ONOR. MARIO DE MARCO (f’isem il-Prim Ministru u Ministru tal-Intern): Ninsab infurmat li ma jirriżultax li kien hemm serqiet li ġew irrapportati lill-Pulizija matul il-perjodu msemmi mill-Onor. Interpellant.
MR SPEAKER: L-Onor. Noel Farrugia, mistoqsija supplimentari.
ONOR. NOEL FARRUGIA: Il-Prim Ministru qed jirriferi għad-dipartimenti kollha tal-intern jew għal dak kollu li jaqa’ taħt l-Uffiċċju tal-Prim Ministru?
MR SPEAKER: Onor. Farrugia, il-mistoqsija kienet indirizzata lill-Ministru tal-Intern.
Il-Ministru Mario de Marco.
ONOR. MARIO DE MARCO: Ladarba l-mistoqsija saret lill-Ministru tal-Intern qed nassumi li d-domanda kienet qed tirriferi għal dak il-ministeru.
MR SPEAKER: L-Onor. Noel Farrugia.

ONOR. NOEL FARRUGIA: Meta saret il-mistoqsija kien hemm ministru tal-intern, illum m’hemmx u allura jaqa’ taħt ir-responsabbiltà tal-Prim Ministru.
MR SPEAKER: Il-Ministru de Marco.
ONOR. MARIO DE MARCO: Jekk l-Onor. Interpellant jagħtini ftit ċans nipprova nivverifika mad-dokumenti li għandi fil-file, però jekk saret b’mod speċifiku lill-Ministru tal-Intern ta’ dak iż-żmien allura aktar u aktar qed tirriferi għad-dipartimenti ta’ taħt dak il-Ministeru.
MINISTERU GĦAT-TURIŻMU, L-AMBJENT U L-KULTURA – SERQIET IRRAPPORTATI
36103. L-ONOR. NOEL FARRUGIA staqsa lill-Ministru għat-Turiżmu, l-Ambjent u l-Kultura: Jista' l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' serqiet li ġew irrapportati lill-Pulizija li saru fil-Ministeru, dipartimenti, inkluż id-dekasteru u awtoritajiet oħra li jaqgħu taħtu fl-ewwel sitt xhur tas-sena?
ONOR. MARIO DE MARCO: Ninforma lill-Onor. Interpellant li ma kienx hemm serq la fil-Ministeru tat-Turiżmu, l-Ambjent u Kultura u lanqas fl-entitajiet, organizzazzjonijiet u awtoritajiet. Għaldaqstant ma sar l-ebda rapport lill-Pulizija.
MINISTERU GĦALL-KOMPETIZZJONI ĠUSTA, NEGOZJI ŻGĦAR U L-KONSUMATUR – SERQIET IRRAPPORTATI
36104. L-ONOR. NOEL FARRUGIA staqsa lill-Ministru għall-Kompetizzjoni Ġusta, Negozji Żgħar u l-Konsumatur: Jista' l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' serqiet li ġew irrapportati lill-Pulizija li saru fil-Ministeru, dipartimenti, inkluż id-dekasteru u awtoritajiet oħra li jaqgħu taħtu fl-ewwel sitt xhur tas-sena?
ONOR. JASON AZZOPARDI: Ninsab infurmat li ma ġiet irrapportata l-ebda serqa lill-Pulizija fil-Ministeru, dipartimenti, dekasteri u awtoritajiet oħra li jaqgħu taħtu.
MR SPEAKER: L-Onor. Noel Farrugia, mistoqsija supplimentari.
ONOR. NOEL FARRUGIA: Jista’ il-Ministru jgħid jekk sarux xi serqiet li ġew irrapportati lid-dipartimenti u ma ġewx irrapportati lill-Pulizija?
MR SPEAKER: Il-Ministru Jason Azzopardi.
ONOR. JASON AZZOPARDI: Ninsab infurmat li r-risposta hija fin-negattiv, fis-sens li ma kienx hemm serqiet li ma kenux irrapportati.
KONT TAD-DAWL U L-ILMA - ILMENT
36341. L-ONOR. NOEL FARRUGIA (f’isem l-Onor. Silvio Parnis) staqsa lill-Ministru tal-Finanzi, l-Ekonomija u Investiment: Jista' l-Ministru jara l-każ ta’ guvni li dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament li ilu ħafna ma jirċievi l-kont tad-dawl u l-ilma?
ONOR. JASON AZZOPARDI (f’isem il-Ministru tal-Finanzi, l-Ekonomija u Investiment): Ninsab infurmat li l-informazzjoni ngħatat lill-ARMS Ltd. li min-naħa tagħha se tikkomunika direttament mal-klijient.
TALBA GĦAL STAIR LIFT
36342. L-ONOR. NOEL FARRUGIA (f’isem l-Onor. Silvio Parnis) staqsa lill-Ministru tal-Ġustizzja, Konsultazzjoni Pubblika u l-Familja: Jista’ l-Ministru jara fiex waslet applikazzjoni li tikkonċerna stallazzjoni ta’ stair lift għal mara li dettallji dwarha qed jingħataw separatament, liema mara għandha sieq waħda maqtugħa u li ilha li applikat għand l-Awtorità tad-Djar mit-12 ta’ Ġunju, 2012?

ONOR. CHRIS SAID (Ministru tal-Ġustizzja, Konsultazzjoni Pubblika u l-Familja): Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-applikazzjoni tal-persuna msemmija qed tigi pproċessata. L-Awtorità tad-Djar qed tigbor informazzjoni dwar l-assi u d-dħul tal-applikanta sabiex jigi stabbilit jekk tikkwalifikax taħt il-kundizzjonijiet tal-iskema u kemm huwa l-persentaġġ tal-għajnuna li tikkwalifika għalih. Barra minnhekk, fil-ġranet li ġejjin l-Awtorità tad-Djar se tibgħat Occupational Therapist sabiex isir rapport dwar il-bżonnijiet tal-persuna msemmija fir-residenza tagħha.
MR SPEAKER: L-Onor. Noel Farrugia, mistoqsija supplimentari.
ONOR. NOEL FARRUGIA: Ma nafx jekk hux possibbli li l-Ministru jinfurmana kemm huwa antiċipat li jdum biex jiġi rimedjat dan il-każ. Jiġifieri l-proċeduri li baqa’ kemm se jieħdu? Ġimgħat jew xhur?
MR SPEAKER: Il-Ministru Chris Said.
ONOR. CHRIS SAID: Bl-eżatt kemm se jdum m’għandix. Din il-mistoqsija saret f’Lulju u bejn l-aħħar ta’ Lulju u bidu t’Awwissu konna diġà bgħatna r-risposta l-Parlament. Jiġifieri l-probabbiltà hi li minn dakinhar ‘il hawn, dak li hawn fir-risposta diġà sar. Jekk trid niċċekkja u nkun nista’ nagħtik l-informazzjoni eżatt.
MR SPEAKER: Grazzi. Il-ħin tal-Mistoqsijiet issa għadda. Ngħaddu għal Tqegħid ta’ Karti. Il-Prim Ministru.


Yüklə 0,5 Mb.

Dostları ilə paylaş:
  1   2   3   4   5   6   7   8   9




Verilənlər bazası müəlliflik hüququ ilə müdafiə olunur ©muhaz.org 2024
rəhbərliyinə müraciət

gir | qeydiyyatdan keç
    Ana səhifə


yükləyin