Malta dibattiti tal-kamra tad-deputati (Rapport Uffiċjali u Rivedut)


MR SPEAKER: Grazzi. Hawn domandi? L-Onor. Anġlu Farrugia. ONOR. ANĠLU FARRUGIA



Yüklə 0,5 Mb.
səhifə3/9
tarix18.01.2019
ölçüsü0,5 Mb.
#100440
1   2   3   4   5   6   7   8   9

MR SPEAKER: Grazzi. Hawn domandi? L-Onor. Anġlu Farrugia.
ONOR. ANĠLU FARRUGIA: Mr Speaker, nieħu l-okkażjoni sabiex f’dan il-Parlament nifraħ għas-suċċess tas-Summit tal-5+5 li sar f’pajjiżna. Kif qal il-Prim Ministru, f’dan id-djalogu jidher li ġew diskussi diversi temi. Li xtaqt nistaqsi lill-Prim Ministru wara din l-istqarrija huwa jekk, tenut kont il-problemi li għandna madwarna fil-viċin, partikolarment l-interess komuni fil-Mediterran, li huwa l-iskop preċiżament tas-Summit ...... Bi pjaċir ngħid li għal dan is-summit attendew kapijiet li ħadu t-tmexxija tal-pajjiżi tagħhom wara l-Arab spring revolutions. Fil-fatt kien hawn il-President Tuneżin u dak Libjan. Xtaqt nistaqsi lill-Prim Ministru jekk wara li saret dikjarazzjoni fuq il-problema tas-Sirja u l-kundanna tal-vjolenza u l-ksur ta’ drittijiet minn dawk li huma responsabbli, ġietx diskussa s-sitwazzjoni li kienet qed teskala waqt is-Summit bejn is-Sirja u t-Turkija u anke dwar il-kwestjoni li hemm bejn l-Iran u l-Iżrael. Jekk ġiet diskussa, x’kienu l-parametri tad-djalogu li kien hemm? Id-djalogu kien bejn għaxra imma nqasam bejn tnejn, fis-sens li kien hemm id-djalogu bejn l-għaxra fuq diversi temi però, kif qal il-Prim Ministru, kien hemm djalogu ieħor li nqasam bejn il-ħamsa tal-Unjoni Ewropea.
It-tieni osservazzjoni hija, meta t-tieni fażi tas-Summit bejn il-ħamsa tal-Ewropa, jiġifieri Spanja, Malta, il-Portugall, l-Italja u …..
MR SPEAKER: Il-Prim Ministru.
ONOR. LAWRENCE GONZI: Sur President, mhux biex ninterrompi lill-Onor. Farrugia, però xtaqt niċċara punt għall-korrettezza. Il-laqgħa tal-ħames pajjiżi membri tal-Euro Group saret fil-marġini tal-5+5. Jien deherli li fl-istqarrija tiegħi kelli nsemmiha għax ovvjament ħareġ communiqué u ridt nagħti rendikont lill-Kamra, imma l-laqgħa tal-ħames pajjiżi tal-Euro Group ma kenitx tifforma parti mill-programm uffiċjali tal-5+5 imma kienet inizjattiva separata li xorta waħda deherli li kelli nirrapporta dwarha lill-Kamra.
MR SPEAKER: Grazzi. L-Onor. Anġlu Farrugia.
ONOR. ANĠLU FARRUGIA: Sur President, nirringrazzja lill-Prim Ministru għal din l-osservazzjoni għax ma kenitx ċara fl-istqarrija. L-inizjattiva li hu ppresieda, fejn skont ma ntqal ġiet diskussa t-tema li ma jistax ikollok miżuri ta’ awsterità fl-Ewropa mingħajr ma tieħu ħsieb it-tkabbir ekonomiku u li huwa kruċjali li jkun hemm ġenerazzjoni ta’ kunfidenza fit-tkabbir ekonomiku, kien hemm xi qbil dwar x’inhuma dawn il-pjanijiet konkreti biex titkabbar il-fiduċja fl-ekonomija Ewropea?
L-aħħar osservazzjoni tiegħi li xtaqt kjarifika dwarha min-naħa tal-Prim Ministru hija dwar li Malta, kif intqal fl-istqarrija, mhijiex favur l-unjoni fiskali. Ovvjament hemm tħassib partikolari dwar il-proposti li l-Unjoni Ewropea trid iddaħħal dawk li huma proposti ta’ tassazzjoni bħall-financial transaction tax. Xtaqt nistaqsi: Wara din l-inizjattiva tal-Prim Ministru fejn tkellem dwar il-pożizzjoni ta’ Malta fil-qafas finanzjarju multi-annwali mal-erba’ pajjiżi l-oħra, jiġifieri l-Portugall, Spanja, l-Italja u Franza, kien hemm xi eżitu li wieħed jista’ jirrapporta lil dan il-Parlament fl-interess ta’ pajjiżna? Grazzi, Sur President.
MR SPEAKER: Grazzi. Iktar mistoqsijiet? L-Onor. George Vella.
ONOR. GEORGE VELLA: Sur President, se nagħmel bħal sieħbi l-Onor. Anġlu Farrugia u se nifraħ lill-gvern għall-konferenza li organizza. M’iniex se nagħmel bħalma kien għamel l-ex Prim Ministru Fenech Adami meta konna organizzajna t-Tieni Konferenza Ewro-Mediterranja fejn meta bdejna nippruvaw nagħtu rendikont, kif għamel il-Prim Ministru ftit tal-ħin ilu, beda jgħajjat li ma jinteressahomx u ma jimpurtahomx! Imma dik hija l-politika tal-passat. Jiena lill-Prim Ministru u lill-Ministri sħabu kollha ngħidilhom prosit għax kienet okkażjoni fejn ħadna pjaċir naraw lil pajjiżna jiġi promoss b’dak il-mod u, kif qal il-Prim Ministru fl-aħħar tad-dikjarazzjoni tiegħu, jidher li kien hemm organizzazzjoni li mxiet tajjeb ħafna. Ta’ dan, kif qal il-Prim Ministru, ngħidu prosit lil kull min kien involut, mill-kbir saż-żgħir.
Niġi issa għal dak li hemm fil-kontenut kemm tad-dikjarazzjoni tal-Prim Ministru kif ukoll fil-Malta Declaration. Jiena ħadt l-impressjoni – u hekk kien qed jingħad minn qabel – li l-5+5 se tkun viċin tal-Union for the Mediterranean. Nafu kemm il-Union for the Mediterranean għaddiet u għadha għaddejja minn diffikultajiet, fosthom finanzjarji. L-ewwel mistoqsija tiegħi lill-Prim Ministru hija kif se jitwasslu dawn il-messaġġi u dawn l-inizjattivi kollha lill-Union for the Mediterranean u jekk għandux moħħu mistrieħ li hemm stabbiltà biżżejjed f’din l-Unjoni – ma rridx niddenegraha imma kulħadd jaf minn xiex għaddiet – u jekk hemmx il-finanzjament biex dawn il-proġetti jiġu esegwiti.
Id-Dikjarazzjoni qalet li hawnhekk qegħdin nitkellmu fuq regular meetings u fil-fatt hemm imsemmi comité de suivi, jiġifieri se jkun hemm kumitat li se jara li jkun hemm follow-up u anke rikorrenza tal-laqgħat. Nistaqsi lill-Prim Ministru x’inhu previst li tkun l-inċidenza, jekk hux kull sentejn, kull ħames snin, jew aktar, u x’kellhom f’rashom meta tkellmu fuq din l-idea ta’ kumitat ta’ kordinazzjoni ħalli jara li jkun hemm follow-ups regolari għal din il-konferenza. Kulħadd jaf li din il-konferenza ilha ma tiltaqa’ disa’ snin minħabba raġunijiet varji, imma issa li jidher li deħlin fil-baħar kalm, wieħed jifhem li jkun hemm aktar regolarità.
Mistoqsija oħra li nixtieq nagħmel lill-Prim Ministru hija jekk kemm-il darba ġiex diskuss, għax mhux rifless fid-Dikjarazzjoni finali, it-twaqqif ta’ parliamentary component ta’ organizzazzjoni bħal din. Veru li din hija informali u mhijiex strutturata bħalma huma affarijiet oħra, imma kull inizjattiva li tibda f’dak il-livell ta’ heads of state – u hemm ukoll ministerial meetings u nafu li matul is-snin kien hemm laqgħat ta’ esperti f’materji differenti fi ħdan il-5+5 – jiġifieri xtaqt inkun naf jekk kemm-il darba sarx xi diskors fuq it-twaqqif tal-parliamentary component, li diġà kien sar diskors simili dwaru right from the very beginning, u anke jekk kienx hemm xi diskussjoni dwar x’possibilitajiet hemm. Issemmiet ħafna il-Parliamentary Assembly for the Mediterranean (PAM) – bħalma nafu pajjiżna ħadem ħafna għaliha, ippromwoviha u ġibna anke s-segretarjat tagħha f’pajjiżna – li anke kienet osservatur f’din il-laqgħa tal-5+5.
Hawnhekk xtaqt nistaqsi jekk kienx hemm xi indikazzjoni jew xi ideat li ġew maqsuma dwar jekk għandhiex tkun il-PAM li għalija hija iktar idonea f’dan il-każ, jew inkella jekk aħniex se norbtu, kif jidher li hija marbuta, il-5+5 mal-Unjoni għall-Mediterran u nitqannew – u se ngħid għalfejn qed nuża l-kelma “nitqannew” – bil-Parliamentary Assembly tal-Union for the Mediterranean (UfM) li qabel kienet il-Euro-Mediterranean Parliamentary Assembly u li anke Malta kellha rwol importantissimu meta ġiet imwaqqfa. Użajt il-kelma “nitqannew” għax kulħadd jaf kemm din il-Parliamentary Assembly tal-UfM qed tistona mal-UfM stess. Il-UfM hija project- oriented u aktar moħħha biex tagħmel proġetti ħalli tara li jiġu mwettqin u jkun hemm xi ħaġa li n-nies japprezzaw, filwaqt li l-Parliamentary Assembly qed tirrappreżenta lill-Unjoni Ewropea kollha u allura mhijiex tirrappreżenta s-sabiħ tal-5+5 li huma dawk il-pajjiżi tan-naħa t’isfel tal-Ewropa tal-Punent tal-Mediterran u tal-Afrika ta’ Fuq. Għalhekk xtaqt inkun naf jekk kienx hemm diskors f’dan is-sens.
Issemmiet ukoll id-defence initiative – naf li Malta kienet għamlet żmien tmexxi l-kumitat ta’ difiża fi ħdan il-5+5 – u jien nixtieq nistaqsi xi rwol qegħdin jieħdu l-Forzi Armati tagħna f’dan ir-rigward. Nistaqsi wkoll jekk il-Prim Ministru jaħsibx li dan għandu jkun taħt l-iskrutinju tal-Parlament. Qed ngħid dan għaliex għadna kemm ġejna mibgħutin minn dan il-Parlament għal konferenza ġewwa Paphos – miegħi kien hemm sieħbi l-Onor. Francis Zammit Dimech – fejn kien hemm ukoll Catherine Asthon u Bernardino Leon. Din il-konferenza kienet tittratta dwar l-inter-parliamentary scrutiny on common foreign policy u fuq common defence and security policy. Imma jekk aħna se nibqgħu mmorru għal dawn il-konferenzi, nisimgħu u naraw lill-Unjoni Ewropea timbotta biex ikun hemm skrutinju parlamentari fuq kwestjoni ta’ difiża u sigurtà, imbagħad niġu hawnhekk u ngħidu li l-Forzi Armati tagħna qegħdin jieħdu parti fid-defence initiative fi ħdan il-5+5 fil-Mediterran, jien naħseb li nħossni ġust li nistaqsi x’inhuwa jiġri!
Tistgħu tgħidulna x’parti qegħdin nieħdu u x’commitments qegħdin nagħmlu, jew jekk hux qed issir xi ħaġa? Jekk qed issir, għaliex dan il-Parlament jew il-Kumitat tal-Affarijiet Barranin kull darba jiġi injorat u jiġi mabquż? Imqar almenu jiġi l-Ministru u jgħid li qegħdin nieħdu parti f’din id-defence initiative, għandna dan it-tip ta’ eżerċizzju, għandna dan it-tip ta’ commitment, se nibagħtu daqshekk, se nagħmlu hekk u se nagħmlu hekk! Jien naħseb li huwa d-dover tiegħi li nkompli ntambar dwar dan ladarba aħna qegħdin f’dik l-istruttura u l-iskrutinju parlamentari huwa daqshekk ‘il fuq fuq l-aġenda tal-Unjoni Ewropea f’dawk li huma poteri ta’ parlament.
Kwestjoni oħra li nixtieq nistaqsi lill-Prim Ministru dwarha hija dwar l-estensjoni tal-5+5. Meta tagħmel id-domanda għaliex il-5+5 ma jestendix u jdaħħal lill-Greċja miegħu u lill-Eġittu u jsir 6+6, ir-risposta dejjem tkun biex ma niġbdux l-inkwiet tal-Lvant Nofsani fi ħdan il-5+5 u allura mbagħad naqilbu l-bilanċ kollu. Jien, s’hemmhekk forsi nasal biex naċċetta. Però jista’ l-Prim Ministru jgħidli għalfejn, filwaqt li fid-dikjarazzjonijiet finali – fl-opinjoni tiegħi għamlu sew, jiġifieri m’iniex qed nikkritika – għamlu riferenza qawwija rigward il-problemi li hemm fil-Lvant Nofsani u anke kkundannaw b’mod l-iktar ġust u bi qbil perfett ma’ din in-naħa, l-atroċitajiet li qegħdin isiru ġewwa s-Sirja, imbagħad ma jissemma xejn rigward il-problemi li hemm iktar qrib? Pereżempju, il-qasma ta’ Ċipru ma ssemmietx. Lanqas issemmiet il-problema tal-Western Sahara li qiegħda proprju bejn il-Mauritania u l-Marokk u li ilha sejra kważi iktar mill-kwestjoni ta’ Ċipru u hemm eluf ta’ persuni, biex ma ngħidx miljuni, li qegħdin fid-deżert refuġjati u ħadd ma jaf se jsir minnhom!
Sur President, f’paġna sitta tad-dikjarazzjoni ssemma l-food security observatory u jien nixtieq li l-Prim Ministru jispjegalna ftit aħjar x’qed jifhmu b’din l-idea li kienet anke ħarġet minn konferenza qabel. Kien għamel xi osservazzjonijiet dwarhom sieħbi l-Onor. Noel Farrugia u kien għamel ukoll xi mistoqsijiet parlamentari fil-passat rigward l-ammonti li ssemmew li hemm bżonn isiru u kemm se jkun hemm proviżjon ta’ ikel għal dawn il-pajjiżi. Nixtieq li l-Prim Ministru jgħidilna ftit x’hemm f’din l-idea ta’ food security observatory għax konvint li sieħbi interessat ħafna fiha.
F’paġna disgħa tad-dikjarazzjoni hemm imsemmija ħafna l-illegal immigration. Ħafna minn dak li qal il-Prim Ministru fid-dikjarazzjoni li għamel f’dan il-Parlament, speċjalment fil-kwestjoni ta’ kif wieħed għandu jħares lejn il-problemi li għandhom il-pajjiżi li għadhom kif ħarġu mill-Arab Spring – qed nirreferi għal dak li hemm f’paġna erbgħa u jkompli f’paġna ħamsa dwar l-Afrika ta’ Fuq – bl-ebda mod ma huwa rifless fid-dikjarazzjoni finali tal-Konferenza. Jien kont nippreferi li nara, pereżempju, jekk qed tissemma l-kwestjoni tal-illegal immigration, li ssemmiet ħafna, imqar almenu ndaħħlu l-idea li xi ħadd jifhem il-piż li qed iġġorr Malta fil-kwestjoni, ħalli almenu jkunu jafu li aħna qegħdin inbatu. Fl-2005, fil-konferenza li kien hemm qabel, din issemmiet u issemmiet b’aktar enfasi, però din id-darba m’hemm assolutament xejn fuq din il-kwestjoni.
Punt ieħor li xtaqt nistaqsi lill-Prim Ministru dwaru huwa għalfejn id-dikjarazzjoni finali hija daqshekk fqira dwar il-bżonn….. Din titkellem dwar l-ekonomija, ir-regional security and stability, political dialogue u ssemmi l-Palestina, is-Sirja, is-Sahel, il-Mali - jiġifieri morna ħafna ‘l isfel mill-Marokk u mill-Alġerija, però mkien m’hemm riferenza, u nixtieq nistaqsi x’hemm behind it – dwar it-tisħiħ kostituzzjonali li hemm bżonn isir f’dawn il-pajjiżi li kienu qegħdin hemmhekk, jiġfieri fuq il-Libja, l-Alġerija, il-Marokk u l-Mauritania. Ġol-Marokk hemm tisħiħ għaddej kontinwament u mexjin lejn demokrazija monarkika. Fit-Tuneżija hemm il-problemi tat-tfassil tal-kostituzzjoni u hemm minn qed jibża’ li l-influwenza tas-Salafisti qed tikber wisq u jista’ jkun hemm anke nuqqas ta’ drittijiet, speċjalment tan-nisa, u fil-Libja huma stess jiddikjaraw li għad hemm l-inċertezza.
Meta wieħed jaqra l-Final Declaration jieħu l-impressjoni li f’dawn il-pajjiżi, wara r-rivoluzzjoni qisu kollox qiegħed f’postu, kollox qiegħed kwiet u kif għandu jkun. Ma nafx jekk forsi kienx minħabba xi reżistenza min-naħa tal-pajjiżi tan-naħa t’isfel stess li ma ridux li forsi jissemmew b’dan il-mod, imma naħseb li d-dikjarazzjoni finali qed tonqos meta mhijiex qed issemmi dawn l-affarijiet. Nerġa’ ngħid li dak li hemm f’paġna erbgħa tad-dikjarazzjoni tal-Prim Ministru fejn qed titkellem bl-iktar mod korrett u ċar dwar il-concerns tal-Afrika ta’ Fuq mhuwiex rifless fid-dikjarazzjoni finali.
Nistaqsi wkoll lill-Prim Ministru jekk jaħsibx li bil-programm vast li hemm fil-Malta Declaration – għalkemm jien minn qalbi nawgura li jseħħ – aħniex qegħdin nigdmu wisq iktar milli nistgħu nibilgħu. Dan huwa bħal meta konna għamilna l-Lisbon Strategy. Nagħmlu ħafna affarijiet u mbagħad, sfortunatament, ma naslux.
Fid-dikjarazzjoni tiegħu l-Prim Ministru semma l-laqgħa li kellu rigward l-aspett ekonomiku u din għamel riferenza għaliha wkol sieħbi l-Onor. Anġlu Farrugia u qalilna li hu qalilhom li Malta għandha tħassib partikolari dwar il-proposta ta’ tassazzjoni, bħall-financial transaction tax. Jien hawnhekk nistaqsi lill-Prim Ministru: Għandna tħassib partikolari jew aħna kontra, għaliex diġà kellna pariri legali? Għax anke fil-Kumitat tal-Affarijiet Barranin qabbadna espert dwar din il-materja li qalilna li din assolutament mhijiex fl-interess ta’ pajjiżna. Jien ma nafx jekk qalilhomx li għandna biss tħassib partikolari jew li aħna assolutament kontra. Aħna għadna kemm għamilna dikjarazzjoni simili fil-Kungress tal-Partiti Soċjalisti fejn tkellmu li jridu jdaħħlu l-financial transaction tax u aħna għedna li din mhijiex fl-interess ta’ pajjiżna u ma naqblux magħha. Dan aħna għamilnieh in writing biex kulħadd ikun jaf where we stand!
L-aħħar ħaġa li ridt nistaqsi hija dwar dak li hemm f’paġna 14 tad-dikjarazzjoni tal-Prim Ministru fejn tissemma laqgħa ministerjali li se ssir fil-Kajr fl-13 ta’ Novembru bejn il-Ministri tal-Affarijiet Barranin tal-Unjoni Ewropea u dawk tal-Lega Għarbija. X’se jkun il-rwol tal-uffiċċju li għandna ġewwa pajjiżna tal-Unjoni Ewropea u tal-Lega Għarbija, li ftaħna b’ħafna pompa - kien hawn Amr Moussa u Ferrero-Waldner u kulħadd - u li minn dak iż-żmien ‘l hawn ma smajna prattikament xejn aktar dwaru? Nirringrazzjak.
MR SPEAKER: Grazzi. Aktar mistoqsijiet? L-Onor. Alfred Sant.
ONOR. ALFRED SANT: Nirringrazzjak. Sur President, xtaqt nagħmel ftit mistoqsijiet. L-ewwel nett, riferibbli għall-istqarrija tas-summit fejn fost affarijiet oħra tfaħħar ”the role of the Secretariat of the UFM which can claim concrete projects”. Jista’ l-Prim Ministru jgħidilna effettivament x’sar mir-rapreżentanza diplomatika ta’ Malta f’dak il-kuntest? Kien hemm xi diplomatiku Malti assenjat mal-UfM u minn dak iż-żmien ‘l hawn ma smajniex iktar fuq x’ġara minn dak ir-rappreżentanza? Ma jaħsibx li hemm ċerta ironija fil-fatt, is-sens li s-summit jagħmilha ċara li mhux qiegħed hemm biex imexxi proġetti konkreti, imbagħad min-naħa l-oħra jiddelega jew jitkellem dwar proġetti konkreti li jistgħu jsiru minn istanzi oħra?

Sur President, forsi l-Prim Ministru jista’ jieħu ftit mumenti biex jgħidilna eżattament – forsi stajt nistaqsi lill-Onor. George Vella fuq din il-ħaġa – x’sar eżatt mill-Proċess ta’ Baċellona. Spiċċa dan kompletament? Hawnhekk imkien mhu qed jissemma. L-Unjoni Ewropea kienet rappreżentata minn Barroso f’dan is-Summit u l-aktar post fejn l-Unjoni Ewropea kienet prominenti f’koperazzjoni mal-Mediterran u man-naħa ta’ fuq tal-Mediterran kien fil-Proċess ta’ Barċellona. Jista’ l-Prim Ministru jagħtina ftit rendikont ta’ fejn wasalna f’dan il-qasam? Imbagħad, fl-istess nifs, dejjem qed nitkellem fuq il-UfM, hemm xi proġetti konkreti għaddejjin fuq bażi statali? Jien naqra dwar proġetti reġjonali u fuq proġetti bilaterali, imma fuq proġetti konkreti fir-rigward tal-UfM, statali mhux parlamentari, li għadu kemm irrefera għalihom sieħbi l-Onor. George Vella, ma nisimgħu xejn.


Mistoqsija oħra li ridt nagħmel, dejjem dwar l-istqarrija tas-Summit, hija dwar fejn din qed titkellem fuq is-Sirja u tgħid hekk:
Underlines that those whose presence would undermine the transition should be excluded;”.
Għal min qed nirreferu? Hemm qbil? Jew din hija sempliċement formola biex kulħadd jibqa’ jemmen, naħa jew oħra, li qed joħolqu l-problemi? Nafu bir-Russja u biċ-Ċina, li hemm min jgħid li qed joħolqu problemi dwar it-transizzjoni. Nafu li hemm ċerti pajjiżi Għarab li għandhom ċerti veduti, nafu li hemm pajjiżi Ewropej li għandhom veduti oħra, imma fil-kuntest ta’ din l-istqarrija tas-Summit, għal min qegħdin nirreferu meta ngħidu “underlines that those whose presence would undermine the transition should be excluded”? Qed nifhmu r-regime attwali ta’ Assad? Qed nifhmu ċerti gruppi tar-ribelli jew rivoluzzjonarji? Jew din hija sempliċement formola biex ngħattu li m’hemmx qbil f’dak li qed jintqal?
Issa nixtieq nirreferi għall-press communiqué tal-pajjiżi membri tal-Euro Zone, jiġifieri l-President ta’ Franza, il-Prim Ministru tal-Italja, tal-Portugall, ta’ Malta u ta’ Spanja fejn qegħdin jagħmlu appell għal swift implementation of the European Council joint decision. Hemmhekk hija riferenza ċara. Qed ikun hemm pressjoni kbira speċjalment mill-Prim Ministru ta’ Spanja, Rajoy, għall-fatt li l-idea tiegħu li kien hemm deċiżjoni biex Spanja tingħata bailout fuq il-banek biss mingħajr il-kondizzjonalità tal-bailout li huma referibbli għall-fondi, tiġi implimentata. Il-Gvern Taljan tah il-backing fuq din il-ħaġa. Aħna qegħdin nagħtuh il-backing ukoll fuq din il-ħaġa?
Jiġifieri qegħdin naqblu ma’ Spanja li kellu bżonn ikun hemm implimentazzjoni iktar immedjata ta’ deċiżjoni kif qed jinterpreta l-Gvern Spanjol li l-Kunsill Ewropew ta’ Lulju li għadda kien qed ifisser li l-banek Spanjoli kellhom jingħataw bailout bla kondizzjonalità malajr malajr? Għax jien din hekk qed nifhimha! Il-President Franċiż qed jilgħabha b’mod ambigwu – għandu raġun u għandu r-raġunijiet tiegħu – imma aħna x’qed ngħidu fuqha? Qed naqblu mal-pożizzjoni tal-Gvern Spanjol u, in a way, mal-Gvern Taljan li l-implimentazzjoni ta’ Lulju tal-Kunsill Ewropew kellha tfisser “bailout mhux kundizzjonali” bħall-bailouts il-kbar vis-à-vis il-banek Spanjoli? Ħalli nkunu ċari fuq xiex qegħdin nitkellmu!
Issa se nagħmel xi mistoqsijiet dwar l-istqarrija tal-Prim Ministru. Jekk qed nifhem tajjeb, il-Prim Ministru qed jgħid li l-Gvern Malti huwa favur għaqda bankarja. Saru xi studji fuq din il-ħaġa f’termini ta’ kif se jiġu effettwati s-servizzi bankarji? Il-ġimgħa li għaddiet, il-Ministru tal-Finanzi qalilna li mhux qed ikun hemm qbil mal-proposta tal-Kummissjoni li s-superviżjoni bankarja fi ħdan Ewropew għandha tittratta l-banek kollha imma għandha tittratta l-banek li għandhom importanza sistemika. Anke jekk tkun hekk, sar xi studju min-naħa tagħna fuq kif l-għaqda bankarja – sakemm tasal għal superviżjoni, għax imbagħad hemm affarijiet oħra li se jidħlu f’din il-ħaġa – se teffettwa s-settur tas-servizzi finanzjarji?
Jien staqsejt, ovvjament b’mod informali, u ħadd għadu ma jaf. Allura kif qegħdin ngħidu li aħna favur għaqda bankarja jekk għadu ma sarx – jekk sar forsi għandi żball jien – studju tal-impatt fuq is-servizzi finanzjarji? Din m’għandhiex x’taqsam mal-financial transaction tax. Dik hija xi ħaġa differenti. Jien qed nitkellem fuq il-ħolqien ta’ qafas Pan-Ewropew ta’ superviżjoni u ta’ kontroll fuq il-banek – dik tfisser għaqda bankarja – u qed nistaqsi jekk sarx studju biex jippermettilna nagħtu l-go- ahead b’dan il-mod li l-għaqda bankarja mhijiex problema għalina. Ngħaddi għat-tieni mistoqsija.
Jekk fhimt tajjeb, għall-għaqda bankarja ninsabu on the wagon, imma f’dak li għandu x’jaqsam mal-għaqda fiskali għandna riżervi. Jien nifhem id-distinzjoni, imma min-naħa l-oħra nixtieq li l-Prim Ministru jgħidilna jekk il-Gvern irreaġixxiex għat-talba ta’ Van Rompuy, il-President tal-Għaqda Ewropea, li madwar xahar u nofs ilu bagħat karta lill-gvernijiet kollha fejn talabhom jirreaġixxu u jagħtuh ideat għall-proposti li għandhom x’jaqsmu mal-federalizzazzjoni u l-miżuri tal-federalizzazzjoni fl-Unjoni Ewropea, inkluża l-għaqda fiskali. Jien ma nafx fejn wasalna fuq din it-talba, imma suppost li din waslet ukoll quddiem dan il-Parlament. Jekk waslet għand il-Gvern Malti, kien hemm reazzjoni min-naħa tiegħu fuq din il-ħaġa fil-kuntest tal-fatt li għandna ċerti riżervi, jew għandna riżervi fuq it-twettiq tal-għaqda fiskali?
Nixtieq ukoll li l-Prim Ministru jelenkalna ftit x’inhuma ċ-chapters f’kuntest ta’ twettiq tal-għaqda fiskali li għandna, jew li jista’ jkollna, riżervi fuqhom. Pereżempju, li jkun hemm ministru tal-finanzi ċentrali Ewropew u li dan ikollu ċertu tip ta’ kontroll fuq il-budget making tal-ministri tal-finanzi nazzjonali? Jekk dan huwa l-każ, ma jidhirlux li diġà hemm ċertu ammont ta’ kontroll min-naħa tal-Kummissjoni kemm bil-Patt Fiskali li qed ngħaddu minn dan il-Parlament kif ukoll bid-deċiżjonijiet li għaddew is-sena li għaddiet u ta’ qabel fil-kontrolli li qed isiru fuq il-mod kif isir il-budget, inkluż il-budget tal-Gvern Malti li għandu jitressaq minn hawn u ftit ieħor u li naħseb diġà qed jitressaq quddiem il-Kummissjoni biex tkun tista’ tagħmel id-deċiżjonijiet tagħha?
Allura f’dan il-każ, kwestjoni ta’ ministru tal-finanzi ċentrali, għandna riżervi fuqha jew le jekk diġà, ipso facto, qed isir ċertu tip ta’ kontroll ċentrali fuq il-budgeting fi ħdan il-kuntest Ewropew taż-Żona Ewro? Anke f’dak li qed jintqal dwar il-ħolqien ta’ European Treasury, li diġà qed imexxuha l-Ġermaniżi bħala idea, ovvjament tiċċentralizza ċertu ammont ta’ kontroll finanzjarju. X’inhuma l-kapitli ta’ riżervi tagħna f’dak li għandu x’jaqsam mal-għaqda fiskali b’mod ġenerali u kunċettwali, f’dan l-istadju, ovvjament, mhux fid-dettall?
Fl-aħħar nett, xtaqt nistaqsi dwar il-pożizzjoni tal-Gvern Malti fuq il-qafas finanzjarju multi-annwali mis-snin 2014 għas-snin 2020. Smajna ħafna biċċiet, tentufiet ‘l hemm u tenufiet ‘l hawn, imma s’issa dan il-Parlament ma ngħata l-ebda rendikont kumplessiv ta’ x’inhi l-pożizzjoni min-naħa tal-Kummissjoni, tal-Istati membri u kumplessivament ukoll x’inhi l-pożizzjoni tal-Gvern Malti fuq id-dossier kollu. Nafu li hemm problema għax it-target li aħna nkunu taħt ċertu persentaġġ ta’ GDP vis-à-vis il-medja tal-GDP tal-membri tal-Unjoni Ewropea jista’ jolqotna, imma ċertament mhux dik biss hija l-problema. Nimmaġina li hemm numru ta’ issues li qegħdin għad-diskussjoni, imbagħad ikun hemm is-soltu trade-off. Jista’, jekk jogħġbu, il-Prim Ministru jagħtina, mhux illum imma forsi jaqbel li jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra, position paper dwar x’inhi l-pożizzjoni ta’ Malta fir-rigward tas-sitwazzjoni kif inhi bħalissa b’mod kumplessiv f’dak li għandu x’jaqsam mal-qafas finanzjarju multi-annwali? Din issemmiet kemm-il darba fl-istqarrija tiegħu, però dan il-Parlament jinsab kważi sajjem għal kollox minn x’inhu l-background ta’ din il-ħaġa. Grazzi, Sur President.
MR SPEAKER: Grazzi. Iktar domandi? L-Onor. Charlò Bonnici.
ONOR. CHARLÒ BONNICI: Sur President, xtaqt nagħmel żewġ domandi lill-Prim Ministru dwar il-laqgħa li kellu mal-President tal-Kungress Libjan, Mohammed Magariaf. L-ewwel domanda hija hekk il-Prim Ministru huwiex qiegħed f’pożizzjoni li jagħti iktar dettalji dwar il-ftehim, għall-inqas fil-prinċipju, dwar it-twaqqif ta’ MCAST fil-Libja, jekk ġewx identifikati xi oqsma li fihom l-istituzzjoni Maltija tista’ tgħin f’dan it-twaqqif u anke x’sehem se jkollha l-MCAST f’din l-inizjattiva.
It-tieni mistoqsija hija dwar l-immigrazzjoni irregolari. Hija ħaġa tajba li ġie innotat li l-Libja donnha qed tifhem l-aspett umanitarju, imma xtaqt nistaqsi jekk ġiex identifikat xi pjan ta’ kif konkretament il-Libja se taħdem f’dan il-qasam sabiex tipprevjeni din il-problema. Grazzi, Sur President.
MR SPEAKER: Grazzi. Aktar domandi? L-Onor. Karl Gouder.
ONOR. KARL GOUDER: Sur President, l-ewwel nett ningħaqad ma’ sħabi biex nirringrazzja lil kull min kien involut f’dan is-Summit. Il-Prim Ministru, fid-diskors tiegħu, semma l-importanza li dan is-Summit qed isir fi żmien meta r-reġjun għaddej minn mument pożittiv ħafna fit-tisħiħ tad-demokrazija. Aħna wkoll, f’dawn l-aħħar xhur, tkellimna fuq ir-rwol li għandha Malta sabiex nibqgħu nsaħħu d-demokrazija. Naħseb eżempju konkret li qed isir huwa dak li semma sieħbi l-Onor. Bonnici, ir-rwol ta’ Malta sabiex ngħinu ħalli jkun hemm MCAST fil-Libja. Ma nafx jekk, bħala Gvern, għandniex pjanijiet oħra konkreti sabiex pajjiżna jgħin ħalli din id-demokrazija tibqa’ tissaħħaħ fir-reġjun. Grazzi, Sur President.

MR SPEAKER: Grazzi. Aktar domandi? L-Onor. David Agius.

ONOR. DAVID AGIUS: Sur President, jien ukoll ningħaqad mal-kollegi tal-Oppożizzjoni u tal-Gvern sabiex ngħid prosit lil kull min kien involut f’dan is-Summit. Naħseb li jekk hemm xi ħaġa li għandi noħroġ minn dan is-summit u anke minn dak li segwejt, huwa r-rispett – forsi l-Prim Ministru jista’ jitkellem iktar dwar dan – li pajjiżna jgawdi ma’ dawn il-pajjiżi li huma viċin tagħna u għaldaqstant irridu naħdmu viċin magħhom. Xtaqt li l-Prim Ministru jitkellem ftit dwar il-laqgħa li mexxa mal-mexxejja tal-ħames pajjiżi tal-Ewropa. Xi tfisser għal pajjiż żgħir bħal tagħna li Malta tmexxi laqgħa fil-preżenza tal-President Franċiż, tal-Prim Ministru Taljan, tal-Prim Ministru Portugiż u tal-Prim Ministru Spanjol?
Naf ukoll li l-Viċi Prim Ministru u Ministru tal-Affarijiet Barranin kien involut f’numru ta’ laqgħat li saru mal-ministri tal-affarijiet barranin ta’ dawn il-pajjiżi. Fost l-oħrajn ġiet diskussa l-possibbiltà ta’ trattat għall-ħelsien mit-taxxa doppja mal-Ministru tal-Affarijiet Barranin Alġerin Mourad Medelci. Naf ukoll li kien hemm laqgħat oħra min-naħa tal-Ministru tal-Affarijiet Barranin u forsi jista’ jagħtina iktar informazzjoni dwar dan.
Innutajt ukoll id-diskors li għamel, li wkoll ġie kkwotat mill-Prim Ministru, il-President tal-Kummissjoni Ewropea Barroso fejn faħħar is-sitwazzjoni ekonomika ta’ Malta u qal li Malta għamlet sagrifiċċji biex saru diversi riformi fil-qasam ekonomiku bħala preparazzjoni għad-dħul fl-Ewro u dan għen lil pajjiżna sabiex jiffaċċja dan iż-żmien ta’ kriżi b’finanzi sodi. Xi jfisser dan meta kkomparat ma’ pajjiżi oħra fl-Unjoni Ewropea? Naħseb li f’sitwazzjoni fejn pajjiżi tal-Unjoni Ewropea jinsabu f’ċerti diffikultajiet – dan il-Parlament proprju f’dawn il-ġranet qed jiddiskuti t-Trattat – ikun importanti li nifhmu x’qed jagħmel pajjiżna f’dawn iċ-ċirkostanzi.
L-aħħar domanda li xtaqt nagħmel hija: Wara din l-esperjenza li kellna, fejn irridu mmorru fil-ġimgħat u x-xhur li ġejjin? Grazzi, Sur President.

MR SPEAKER: Grazzi. Hawn iktar domandi? (Onor. Membri: No) Insejjaħ lill-Viċi Prim Ministru u lill-Prim Ministru sabiex jagħtu r-risposti.
ONOR. TONIO BORG: Sur President, bil-permess tal-Kamra nixtieq inwieġeb il-punti li jirrigwardjaw purament il-foreign policy, imbagħad ikompli l-Prim Ministru.
L-ewwel nett irrid nirringrazzja lill-Membri taż-żewġ naħat tal-Kamra li ferħu għall-organizzazzjoni. Jien naħseb li f’pajjiżna, jekk ikollna sfida, nafu nilqgħuha u bħal m’għamilna fil-passat, din id-darba wkoll organizzajna laqgħa tajba. Li ġġib il-kapijiet ta’ 10 pajjiżi f’ġurnata waħda taħt saqaf wieħed kienet xi ħaġa kważi impossibbli, imma rnexxielna nagħmluha.
Issemmiet il-kwestjoni tal-UfM kemm mill-Onor. George Vella kif ukoll mill-Onor. Alfred Sant u naħseb li għandhom raġun li qajmu din il-kwestjoni. Jiena kelli laqgħa mas-Segretarju Ġenerali tal-UfM qabel ma beda s-summit innifsu u ddiskutejnieha fit-tul. Aħna qegħdin f’din il-kontradizzjoni li meta kellna l-Proċess ta’ Barċellona baqa’ għaddej minkejja d-diffikultajiet kollha li kien hemm fil-Lvant Nofsani, inkluż l-Ewwel Intifada u t-Tieni Intifada, u issa li għandna unjoni għamilna żmien twil staġnati kompletament u issa beda miexi xi ħaġa żgħira. Parti mill-problema kienet li kellna tliet segretarji ġenerali f’erba’ snin, jiġifieri kull sena jinbidel is-segretarju ġenerali. Jidher li dan is-segretarju ġenerali ġdid huwa determinat li jvaraha, saru xi laqgħat ministerjali f’dawk li ngħidulhom f’setturi partikolari, li waħda minnhom saret f’Malta fit-12 ta’ Mejju, però ironikament, is-saħħa stess tal-idea tal-Unjoni Ewropea żviluppat fid-dgħufija tagħha. U se nispjega xi rrid ngħid b’dan.
Qabel, dan kien sempliċi proċess, però minkejja li kien sempliċi proċess bil-problemi kollha tal-Lvant Nofsani, xorta baqa’ għaddej u issa li għandna Unjoni, ifisser li għandna żewġ ko-presidenti. Jiena kont attendejt għal-launching tal-UfM u kienu attendew għaliha ħafna nies, inkluż Assad, u l-tama kienet li kienet se ssir xi ħaġa. Fil-fatt twaqqaf segretarjat, u aħna onorati li għandna rappreżentanza fih. Minn 43 pajjiż, fis-segretarjat hemm biss rappreżentanza minn Malta, il-Greċja, l-Italja, il-Palestina, l-Iżrael u t-Turkija. U huwa tajjeb li jkollna lil xi ħadd hemmhekk ħalli xejn xejn inkunu nafu x’qed jiġri mill-qalba u xi proġetti hemm għaddejjin. Li jinkwetani fuq il-UfM huwa li f’erba’ snin qatt ma kien hemm laqgħa tal-ministri tal-affarijiet barranin. L-aħħar waħda kienet saret f’Marsilja f’Novembru tal-2008. Il-problema kulħadd jaf x’inhi, jiġifieri dik li l-pajjiżi Għarab mhumiex lesti li jiġu jekk ikun hemm Iżrael, u b’mod partikolari jekk ikun hemm il-Ministru Lieberman. Din hija r-raġuni kważi uffiċjali għaliex il-pajjiżi Għarab ma jattendux.
Allura x’se nagħmlu? Se nibqgħu hekk? Le! F’din il-laqgħa s-Segretarju Ġenerali ħareġ b’ċerti ideat tajbin. L-ewwel nett, naħseb li kulħadd kien xi ftit naïve li jaħseb li għax se nvaraw il-proġetti nistgħu ninjoraw il-kwestjonijiet politiċi. I-verità hi li d-djalogu politiku jrid ikompli. Nafu li dan l-inkwiet beda eżatt kif ġiet launched – din ġiet launched f’Lulju tal-2008 – meta xahar wara li kellna l-laqgħa tal-ministri fejn ftehemna fejn se jsir is-segretarjat u min se jkun fis-segretarjat, kien hemm l-invażjoni tal-Iżrael fl-Istrixxa ta’ Gaza. Jien mort fl-Istrixxa ta’ Gaza, kif mar l-Onor. Vella, u rajt diżastru tal-ewwel ordni; 40% unemployment, 40,000 żagħżugħ u żagħżugħa u tfal li ma jistgħux imorru l-iskola u s-sajjieda ma jistgħux jistadu aktar minn żewġ mili ‘l barra mix-xatt. Ara kif jista’ jkun li l-ekonomija fl-Istrixxa ta’ Gaza tieħu r-ruħ!
Dan apparti r-restrizzjonijiet kollha li hemm li minħabba fihom, minkejja li hemm il-flus, ma jistgħux isiru proġetti fl-Istrixxa ta’ Gaza. Veru li hemm it-tunnels, imma l-Hamas jiċċarġjaw lil min juża t-tunnels. Dan qed ngħidu għax naħseb li ma tistax b’sempliċi varar ta’ proġetti tinjora dak li qed jiġri f’ċerti pajjiżi fil-UfM. Però aħna xorta għandna interess kbir li din l-Unjoni terġa’ tieħu r-ruħ, u naħseb li tista’ terġa’ tieħu r-ruħ billi ssir laqgħa li fiha jiġi launched proġett, jista’ jkun fil-qasam kulturali u edukattiv, ħalli nkunu inqas kontroversjali, imma jrid ikun hemm viżibilità li we are back in business. Dan hu li ddiskutejt mas-Segretarju Ġenerali, u nittama li dan jiġri kemm jista’ jkun malajr. L-impressjoni li ħadt minn dan is-Segretarju Ġenerali ġdid hija li veru jrid jagħmel xi ħaġa, basta jkollu l-appoġġ tal-Istati membri.
Fuq il-komponent parlamentari – naf li din tqajmet kemm mill-Onor. Vella kif ukoll minn deputati oħrajn f’din il-Kamra – hemm riferenza, għalkemm żgħira, fil-paragrafu ta’ qabel tal-aħħar fejn qed jingħad hekk:
Invite Parliamentarians and local authorities from all our countries, as well as the Parliamentary Assembly of the Mediterranean (PAM) to develop a fruitful dialogue and bring their precious contribution to the achievement of the objectives and priorities set out in this declaration, as well as to the well-being of the people of our region;”.
Naħseb li għandna nisfruttaw dan il-paragrafu billi iva, ninsistu li tibda ssir xi ħaġa, jew fi ħdan il-PAM jew inkella barra l-PAM biex inlaqqgħu l-Membri Parlamentari. Jien nippreferiha fi ħdan il-PAM għax hemm ċerta għejja tal-Istati membri li jivvintaw jew joħolqu strutturi ġodda. Meta jien sirt ministru kelli noqgħod nlaqqa’ n-nies tiegħi biex jispjegawli l-fora differenti li jeżistu fil-Mediterran għax għandek il-5+5, l-EMPA, il-PAM u l-acronyms kollha, u allura naħseb tajjeb li nużaw dak il-paragrafu biex ninsistu għal din l-idea li semma l-Onor. Vella.
L-Onor. Vella qal li m’hemmx biżżejjed, jew kważi m’hemm xejn, dwar l-iżviluppi li kien hemm minn disa’ snin ‘il hawn fil-qasam kostituzzjonali jew ta’ demokrazija f’dawn il-pajjiżi. Jekk wieħed iħares lejn it-tielet paġna tad-dikjarazzjoni jara li hemm żewġ paragrafi li disa’ snin ilu żgur li kien ikun impossibbli jidħlu fid-Declaration. L-ewwel paragrafu jgħid:
Welcomes the process of democratic reform …”,

- fejn qatt smajna lill-pajjiżi Għarab tal-5+5 jagħmlu appell għal proċess demokratiku u għar-riforma demokratika! -


“… that has been initiated in the region aiming at reinforcing the shared values amongst the Member States …”.

Imbagħad fil-paragrafu ta’ wara hemm:


Welcomes the steps towards the democratisation process undertaken by Tunisia and Libya …”.
Jiġifieri ssemmew żewġ pajjiżi li għaddew minn rivoluzzjoni, però hemm pajjiżi oħrajn li m’għaddewx minn rivoluzzjoni imma xorta mexjin lejn monarkija kostituzzjonali kif qal l-Onor. Vella. Dan ma jfissirx li m’hemmx diffikultajiet, imma dawn huma teething troubles ta’ pajjiżi li għal żmien twil kien ikollhom elezzjonijiet sempliċement biex dejjem ikun hemm l-istess riżultat. U dak li qed jiġri fil-Libja bħalissa jien ma neħdux bħala setback imma nieħdu bħala parti minn proċess demokratiku ħaj li jivvutaw. Li jitla’ prim ministru b’żewġ voti fuq l-ieħor huma affarijiet li jiġru f’kull demokrazija. Ma nistennewx li d-demokrazija tkun fix-xbieha tagħna bilfors. Ma jimpurtax jekk id-demokrazija tkunx Islamika jew ta’ xi aġġettiv ieħor, u sakemm tkun demokrazija għandna nissapportjawha kif għamlet il-5+5 fid-dikjarazzjoni tagħha.
Fuq is-6+6 irrid ngħid li fil-passat kien hemm l-intenzjoni li l-5+5 iżid żewġ membri, il-Greċja u l-Eġittu, u tibda tissejjaħ is-6+6 – il-Libja kienet l-aktar li tipproponi dan – imma ma kienx hemm consensus dwar dan. Malta ma kenitx kontra li jsir hekk, u jien dejjem għedt dan pubblikament. Anke inti, Mr Speaker, meta kont responsabbli mill-affarijiet barranin kont tgħid li m’għandniex oġġezzjoni għal dan, però hemm oġġezzjonijiet, u l-oġġezzjonijiet huma bbażati, waħda għax iridu jħalluha ġeografikament omoġenja, l-oħra hija r-raġuni li semma l-Onor. Vella, u l-aktar li huma kontra huma xi pajjiżi Għarab, mhux il-pajjiżi Ewropej. Jien m’iniex qed nara li hemm ċans in the foreseeable future li jkun hemm l-espansjoni tal-5+5 għal 6+6.
Punt ieħor li ssemma kien ta’ Ċipru. Veru li m’hemmx riferenza għal Ċipru fid-Declaration u ma jfissirx li għax Ċipru mhux membru tal-5+5 m’għandhiex issir riferenza fid-dikjarazzjoni. Naħseb li Malta hija waħda mill-ftit pajjiżi fl-Ewropa li tissapportja lil Ċipru f’kull okkażjoni. Ġieli l-Ministru Ċiprijotta kienet litteralment waħedha u kont jien, pereżempju fil-laqgħa tal-Commonwealth f’Perth, li ddifendejt il-pożizzjoni ta’ Ċipru fis-sens li għandna din is-sitwazzjoni biżżarra ta’ pajjiż li qed japplika biex jidħol fl-Unjoni Ewropea li fl-istess waqt qed jokkupa terz ta’ Stat membru tal-Unjoni Ewropea.
Sur President, jien skantajt kif irnexxielna nagħmlu dokument ta’ 14-il paġna li sab il-qbil tal-10 pajjiżi kollha għax ovvjament kieku kien hemm wieħed li ma qabilx ma’ xi ħaġa, allura kien ikollha tinqala’ dik il-parti. Nimmaġina li s-suġġetti li ġew diskussi kienu dawk li l-iktar li kien hemm qbil dwarhom. L-iktar biċċa li ħabbtitna kienet dik dwar is-Sirja. Jiena kont involut when we came to cross the t’s and dot the i’s f’working lunch li kellna fil-Ministeru tagħna, u l-iktar li domna kien fuq il-wording li se nagħmlu fil-każ tas-Sirja. Il-wording li semma l-Onor. Sant kien qed jirreferi għal dawk il-persuni li kkommettew atti ta’ vjolenza tant li ma jistax ikun li jiffurmaw parti minn gvern ta’ transizzjoni. Ilbieraħ jew dalgħodu qrajt li nhar il-Ħadd qatlu 200 ruħ, jiġifieri m’aħniex qed nitkellmu fuq wieħed jew tnejn. Dalwaqt se naslu għall-ammont ta’ persuni li mietu fil-kunflitt ġol-Libja!
L-Onor. Vella, ġustament staqsa dwar il-laqgħa tal-13 ta’ Novembru. Jien qed inxerred il-kelma li din hija Malta 2 għax l-ewwel laqgħa kienet saret meta inti, Mr Speaker, kont ministru tal-affarijiet barranin. Naf kemm kont tħabatt biex għamiltha u x’oppożizzjoni kien hemm biex issir, sakemm fl-aħħar il-Presidenza Portugiża qalet se tagħmel il-laqgħa f’Malta u min irid jiġi jiġi u min ma jridx jiġi ma jiġix, u fil-fatt kien hemm min ma ġiex jew bagħat xi rappreżentanza mhux għolja. Kull darba li nippromwovu djalogu bejn l-Ewropa u l-pajjiżi Għarab ikun hemm min qed jaħseb li b’daqshekk qed nagħmlu xi ħaġa kontra Iżrael. L-ewwel nett, mhijiex il-verità. Aħna dejjem insistejna u ddifendejna d-dritt ta’ Iżrael mhux biss li jeżisti – li tgħid lil xi ħadd li għandu dritt jeżisti tkun qed tinsulentah – imma li jeżisti fi fruntieri li jkunu sikuri.
Però fl-istess ħin għandna interess bħala Unjoni Ewropea li jkollna relazzjoni tajba u djalogu mad-dinja Għarbija, u mhux djalogu meta jkun hemm rivoluzzjoni jew meta jkun hemm xi kriżi imma djalogu permanenti. Jien se mmur għal-laqgħa li se ssir fit-13 ta’ Novembru proprju biex fost l-oħrajn nipproponi li d-djalogu jkun fuq bażi permanenti. Aħna nagħmlu summits tal-Unjoni Ewropea mal-Amerika Latina u mal-Lvant Imbiegħed, imbagħad m’għandniex nagħmlu wieħed, kultant żmien ministerjali u kultant żmien anke ma’ kapijiet ta’ gvern, mad-dinja Għarbija? Fis-6 ta’ Settembru fil-Kajr jien tkellimt dwar dan ma’ El-Arabi, u naf li l-grupp tal-pajjiżi Għarab li jissapportjaw din l-idea qed jiżdied u se nressaq din il-proposta bil-ħsieb li dan il-liaison office li għandna hawnhekk jiżviluppa f’segretarjat permanenti għal dan id-djalogu. Daqshekk għandi xi ngħid, Mr Speaker.
MR SPEAKER: Grazzi. Il-Prim Ministru.
ONOR. LAWRENCE GONZI: Sur President, se nipprova nwieġeb għal xi punti oħra li ssemmew minn kull min ħa sehem. L-ewwel nett, ridt nirringrazzja lill-Onor. Anġlu Farrugia u lill-Onor. George Vella għat-tifħir tagħhom għas-Summit u issa hawn il-Kap tal-Oppożizzjoni u ridt nirringrazzjah ukoll għall-kummenti li għamel fil-pubbliku ta’ apprezzament tas-suċċess ta’ dan is-Summit. Hija xi ħaġa pożittiva li f’pajjiżna jkollna consensus f’dan il-qasam u nirrikonoxxu li inizjattivi bħal dawn jagħmlu ġieħ lill-pajjiż, jagħtuna l-fama u r-reputazzjoni tajba u allura jagħtuna kredibbiltà bħala pajjiż, li hija ħaġa sabiħa.
L-Onor. Farrugia fl-ewwel mistoqsijiet tiegħu għamel riferenza għall-Malta Declaration u semma l-parti fejn saret riferenza għas-Sirja. Ma rridux ninsew, kif għedt fl-istqarrija tiegħi, li l-Malta Declaration kienet riżultat ta’ xogħol ta’ ġimgħat qabel u allura l-formolazzjoni tal-kliem, tas-sentenzi u tal-espressjonijiet, kultant ta’ full stop u ta’ comma, jkunu ġew miftiehma f’ċirkostanzi u f’xenarju partikolari. Qed ngħid dan għax l-inċidenti bejn is-Sirja u t-Turkija li nqalgħu f’ġurnata riċentissima qabel is-Summit ma kenux parti mill-formolazzjoni tad-drafts li kien hemm. Però fil-laqgħat li kienu qed isiru waqt li kien għaddej is-Summit mal-ministri tal-affarijiet barranin intlaħaq il-qbil finali fuq il-wording tal-frażi jew tas-sentenza li tagħmel riferenza għall-kwestjoni tas-Sirja u t-Turkija.
Dwar jekk kienx hemm punti oħrajn ta’ diskussjoni, l-Onor. Farrugia semma l-parti tal-laqgħa li saret fil-marġini tal-5+5. Kif għedt diġà u nerġa’ nirrepeti, il-5+5 kellha l-aġenda tagħha, imbagħad fuq suġġeriment ta’ Spanja li kienet ħarġet fl-aħbarijiet internazzjonali, saret laqgħa speċifikament fuq il-qagħda taż-Zona Ewro. L-idea qabdet u effettivament jien ġejt mitlub sabiex nippresjedi – f’mument minnhom Malta insistiet li tkun preżenti wkoll – dik il-laqgħa. Allura importanti li għall-korrettezza tal-proċedura ngħid li l-aġenda tal-5+5 kienet mod filwaqt li l-aġenda tal-ħames pajjiżi membri taż-Zona Ewro kienet xi ħaġa separata.
L-Onor. Farrugia staqsa jekk kienx hemm qbil dwar xi pjani konkreti għat-tkabbir ekonomiku. Fil-communiqué u fid-diskussjonijiet li kellna, u dan għamilt riferenza għalih fl-istqarrija, qabad sew l-argument li għalkemm irid ikollok il-miżuri ta’ awsterità, però parallellament irid jkollok ukoll diskors dwar it-tkabbir. Ir-risposta għad-domanda tal-Onor. Farrugia dwar jekk kienx hemm pjani konkreti hija le. F’din il-laqgħa ma tkellimniex fuq affarijiet konkreti imma kienet okkażjoni ta’ diskussjoni dwar il-qagħda li qiegħda tiżviluppa bi preparazzjoni għal-laqgħa importanti li għaddejja illum u għada, ġewwa Brussell li għaliha qed jattendi l-Ministru tal-Finanzi l-Onor. Tonio Fenech.
Illum ġie fis-seħħ il-European Stability Mechanism (ESM) u jien irrid infakkar lil din il-Kamra l-importanza enormi ta’ dan il-mekkaniżmu ta’ stabbiltà. L-ESM huwa l-ekwivalenti tal-International Monetary Fund (IMF), però Ewropew. Filwaqt li l-IMF huwa fond internazzjonali, l-ESM huwa fond Ewropew, u l-Ewropa ressqet din il-proposta biex tikkalma s-swieq u qed tgħid li issa fl-Unjoni Ewropea, f’każ li pajjiż ikollu l-bżonn, għandu sors ta’ finanzjament li mhuwiex l-IMF imma huwa l-ESM li se jieħu post dak li konna ddiskutejna f’din il-Kamra f’ħafna tul, il-European Financial Stability Facility (EFSF). Dan kien mekkaniżmu temporarju, u issa l-Unjoni Ewropea għandha mekkaniżmu permanenti. Ta’ min wieħed jgħid li kien hawn xettiċiżmu kbir dwar dan u kien hemm min iddubita kemm l-Ewropa se tasal għall-ESM. Effettivament waslet u llum saret l-ewwel laqgħa tal-Bord tal-Gvernaturi ta’ dan il-fond Ewropew u r-rappreżentant ta’ Malta, il-Ministru tal-Finanzi, l-Onor. Tonio Fenech, attenda għal din il-laqgħa bħala n-nominat tal-Gvern Malti f’dan il-Bord. Dan huwa pass importanti li nittamaw dejjem jibqa’ jikkalma lis-swieq internazzjonali.
F’din id-diskussjoni kellna l-opportunità li dawn il-punti kollha nerġgħu nsemmuhom, nagħmlu analisi tas-sitwazzjoni, u saret ukoll riferenza għal-laqgħa tal-Eurogroup li saret illum u tal-Ecofin li se ssir għada filgħodu. Tkellimna wkoll fuq l-importanza u tat-twaqqif tal-ESM. F’din il-laqgħa missejna wkoll l-aġenda kruċjali taż-żewġ summits straordinarjament importanti li se jkollna l-ġimgħa d-dieħla ġewwa Brussell, imbagħad f’Novembru wkoll ġewwa Brussell. Waħda se tittratta l-kwestjoni tal-multi- annual financial framework, jiġifieri l-budget tal-Unjoni Ewropea għas-snin 2014-2020, u l-oħra dwar l-implimentazzjoni ta’ miżuri li jġibu iktar stabbiltà fil-qagħda ekonomika Ewropea.
L-Onor. Farrugia għamel riferenza għal dak li għedt jien fl-istqarrija, xi ħaġa li għamel anke l-Onor. Sant, dwar il-pożizzjoni ta’ Malta. Kif għedt fl-istqarrija, il-pożizzjoni ta’ Malta kienet kategorika. Fil-laqgħat bilaterali li kelli ma’ Hollande, Barroso, Monti u Coelho għamiltha ċara li l-pożizzjoni tiegħi hija li Malta mhijiex favur unjoni fiskali. Se jkolli nissimplifika, u forsi hija anke over-simplication, u ngħid li s’issa qegħdin nifhmu li unjoni fiskali tfisser li Malta titlef minn idejha s-sovranità tad-deċiżjonijiet fiskali ta’ tassazzjoni, ta’ miżuri li huma kruċjali għall-kompetittività ta’ pajjiżna, xi ħaġa li aħna jidhrilna li m’għandhiex tkun. Id-dettalji ovvjament wieħed irid jiddiskutihom, imma din hija l-pożizzjoni tagħna, ħalli nkunu ċari.
Aħna qegħdin ngħidu wkoll li jekk jiġu suġġetti, temi, proposti jew inizjattivi oħrajn, aħna niddiskutuhom with an open mind, però dejjem bil-kundizzjoni li jekk l-interpretazzjoni ta’ dawn il-proposti tfisser unjoni fiskali allura aħna se nkunu kontra tagħhom. Jekk mill-banda l-oħra wieħed jarahom indipendentement mill-kunċett ta’ unjoni fiskali u naraw jekk dan jagħmilx sens fil-qafas u r-realtà ta’ bħalissa, mingħajr rabta ma’ unjoni fiskali, aħna lesti li niddiskutuhom u fejn jaqbel, inqabblu. Fejn jagħmel sens, allura, nikkoperaw, nipparteċipaw u niddiskutu kull inizjattiva. Huwa importanti li l-Kamra żżomm quddiem għajnejha dan l-argument fil-kuntest tal-unjoni bankarja u ‘l hekk imsejħa inizjattiva.
L-unjoni bankarja fadlilha biex jaslu għaliha, però fil-konklużjonijiet ta’ Ġunju li għadda kien hemm mitkub li l-istruttura ta’ superviżjoni tal-banek trid tidħol fis-seħħ sal-aħħar tas-sena. Aħna naqblu li għandu jkun hemm struttura ta’ superviżjoni tal-banek. Jekk din kienet waħda mill-kawżi ewlenin li ġabet id-diżastru li kellna niffaċċjaw fl-Ewropa, mhux bilfors li naqblu magħha! Il-pożizzjoni tagħna hija kategorika. Hemm imbagħad kwestjonijiet ta’ dettalji oħra li huma importanti u li s’issa għadna qegħdin nistennew kjarifika dwarhom u naraw il-pożizzjoni xi tfisser fil-prattika. Hemm aspetti partikolari li f’okkażjonijiet oħra nistgħu nidħlu iżjed fid-dettall fuqhom.
Għad-domanda tal-Onor. Vella dwar il-financial transaction tax – indirettament qed inwieġeb xi punti li għamel l-Onor. Sant – irrid ngħid li l-pożizzjoni tagħna hija u tibqa’ konsistenti. Il-proposta oriġinali li tiġi mposta financial transaction tax, jiġifieri taxxa fuq kull transazzjoni finanzjarja li tista’ issir, aħna ma naqblux magħha. Issa ġara li huma indunaw li din il-proposta mhijiex se tiċċaqlaq u riċentement iddeċidew li jimxu bil-proċess tal-enhanced co-operation. Jekk hemm pajjiżi li jridu jimxu bl-enhanced co-operation, aħna ma aħniex se jwaqqfuhom. Li rrid nispjega huwa li ħarġet teorija separata li qiegħda tgħid biex ninsew il-financial transaction tax u nagħmlu stamp duty, li hija xi ħaġa radikalment differenti minn dak li konna qegħdin nitkellmu fuqu. Stamp duty anke aħna għandna.
Allura aħna qegħdin ngħidu li aħna kontra l-financial transaction tax kif kienet konċettwalment ippreżentata. Jekk iridu jagħmluha, jagħmulha, u jidħlu fl-enhanced co-operation. Jekk hawn xi ħaddieħor li qed jissuġġerixxi affarijiet ta’ stamp duty jgħidulna x’inhi, imbagħad naraw u fil-każ niddiskutuha. Naħseb li ż-żewġ naħat tal-Kamra għandna interess komuni, fis-sens li s-servizzi finanzjarji għalina huma importanti u l-kompettitività ta’ pajjiżna hija importanti. Qed nipprova nispjega dan kollu biex il-Kamra jkollha l-istampa preċiż quddiemha, almenu ta’ the latest, għax kull darba jkun hemm żviluppi ġodda. The latest issa hija li hemm inizjattiva għall-enhanced co-operation fl-istess ħin li hemm proposta separata ddur fost diversi pajjiżi li wieħed jimxi fid-direzzjoni ta’ stamp duty.
Naħseb li ħafna mill-punti l-oħra li għamel l-Onor. George Vella indirizzahom il-Viċi Prim Ministru, però xtaqt nagħmel xi ftit kummenti. L-ewwel nett, irridu nżommu f’moħħna d-differenza li teżisti bejn il-5+5 u l-UfM. Il-5+5, mit-twelid tagħha sal-lum, u reġa’ ġie kkonfermat, għandha l-vantaġġ enormi li hija struttura informali, u allura l-informalità tagħha tagħtiha flessibbiltà kbira. L-istituzzjonijiet l-oħrajn, fosthom l-Unjoni għall-Mediterran hija istituzzjonalizzata, u allura għandek straitjackets li fil-verità jispjegaw għaliex inħolqu ċerti diffikultajiet.

Allura huwa stabbilit, anke fid-diskussjonijiet li kellna u anke fid-Dikjarazzjoni, li huwa importanti li din l-informalità tal-5+5 tinżamm, u li l-5+5 ikun inkubatur ta’ ideat – u tintuża l-kelma “incubator” fl-istqarrija – u inizjattivi li jistgħu mbagħad ikollhom fuq ir-reġjun kollu kemm hu, anke lil hinn mill-10 pajjiżi li jiffurmaw parti mill-5+5. Dan rajnieh jiġri fil-ġranet li għaddew għax fis-Summit ta’ Malta ħarġu ideat. Waħda mill-ideat li ma tissemmiex fid-Declaration għax hija xi ħaġa li wieħed għad irid jaħdem id-dettajli tagħha, kienet inizjattiva tal-President Marzouki dwar li jkun hemm task force li tiddiskuti l-kwestjoni tal-immigrazzjoni irregolari, partikolarment b’enfażi fuq it-traġedja umana u l-mewt ta’ eluf ta’ immigranti fl-ibħra tal-Mediterran, u jien ngħid anke fid-deżert. Jiġifieri dik l-idea ħarġet minn din il-laqgħa. Naħseb li għandna nagħmlu ħilitna, u Malta tat l-appoġġ tagħha, biex din l-idea naraw nistgħux nevolvuha, niżviluppawha u nidħlu iktar fid-dettall fuqha fil-ġejjieni.


L-Onor. George Vella għamel punt dwar il-Forzi Armati tagħna. Irrid infakkar li aħna għandna kumitat ta’ sigurtà f’pajjiżna, li nattendu għalih jien u l-Kap tal-Oppożizzjoni, fejn ikollna l-opportunità li niddiskutu ċerti affarijiet, però jekk wieħed irid jissuġġerixxi xi metodi oħrajn, jien lest li nisma’ u naraw kif nistgħu nistrutturaw din it-tip ta’ sitwazzjoni fejn il-Kamra ssir taf iżjed dwar ċerti issues, naturalment fil-limitu ta’ dak li huwa fl-interess tas-sigurtà ta’ pajjiżna.
Dwar is-sitwazzjoni interna tal-ħames pajjiżi tan-naħa Għarbija rrid ngħid li s-Summit ma ttrattax dawk is-suġġetti direttament, għalkemm f’interventi ta’ diversi Presidenti, waqt li kont qed nippresedji jien, speċjalment tan-naħa Għarbija u speċjalment ta’ dawk li għaddejjin minn transizzjoni, kien hemm l-ispjegazzjoni tad-diffikultajiet, tal-isfidi partikolari u tal-perikli ta’ reġjun milqut minn inħawi oħrajn, bħas-Sahel u l-Mali. Fid-diskussjonijiet madwar il-mejda, kulħadd ħassu komdu biżżejjed biex dan kollu jispjegah. L-Onor. Vella għandu esperjenza biżżejjed li jaf li d-dikjarazzjoni formali tkun miktuba b’ċertu mod, b’ċertu ħsieb u b’ċertu agreed language, filwaqt li l-vantaġġ tas-sistema li wżanja kienet li madwar il-mejda kien hemm diskussjoni affaxxinanti, meħlusa minn kull irbit ta’ diplomazija, fis-sens li kulħadd tkellem ċar.
Pereżempju, f’mument minnhom tmisset l-issue ta’ jekk il-pajjiżi tal-Maghreb għandhomx jingħaqdu iżjed u allura l-forza tal-unjoni tagħhom tagħtihom il-vantaġġ ekonomiku li dak iġib miegħu u allura tistimula l-attività ekonomika u l-ħolqien tax-xogħol. Jekk dak kien il-mudell tal-Unjoni Ewropea li ġab stabbiltà u tkabbir fuq medda ta’ kważi 60 sena f’pajjiżi li qabel kienu jiġġieldu ma’ xulxin kull ħin u kull mument, allura fil-Maghreb hemm il-possibbilità li wieħed jimxi f’din it-triq? Kien hemm din it-tip ta’ diskussjoni interessanti ħafna, għax f’xenarju ta’ bidliet kbar bħal ma rajna, inkluż id-demokratizazzjoni ta’ dawn il-pajjiżi, ix-xenarju ta’ Maghreb magħqud isir iktar realistiku. M’iniex qed ngħid li huwa faċli, imma jsir iktar realistiku.
Dwar punti oħra li għamel l-Onor. Sant jidhirli li wieġeb għall-biċċa kbira minnhom l-Onor. Borg. Dwar il-June Council u s-swift implementation diġà weġibt. Hemmhekk qegħdin nagħmlu riferenza partikolarment għas-single supervisory system. Dwar il-banking union nerġa’ ngħid li biex nieħdu pożizzjoni finali fuqha rridu nkunu nafu d-dettalji kollha – s’issa d-dettalji kollha mhumiex qegħdin hemmhekk – però li jkun hemm sistema unika ta’ superviżjoni aħna naqblu magħha.
F’mument minnhom l-Onor. Sant semma l-kwestjoni tas-sovranità u qisu staqsa għalfejn f’Malta u f’pajjiżi oħra, meta niġu biex infasslu budget, irridu niddiskutuh wkoll mal-Unjoni Ewropea bħal donnu li dan ifisser li tlifna parti mis-sovranità. Jien ma naqbilx, u fil-fatt diġà kelli l-okkażjoni drabi oħra biex nitkellem dwar dan il-punt. Il-fatt li l-estimi u ċ-ċifri tal-pajjiżi membri jridu jgħaddu minn passatur ta’ verifika li jiġi fuq livell Ewropew nemmen li huwa tajjeb, u naħseb li m’għandniex noqogħdu nargumentaw fuq l-utilità tiegħu. Dan huwa utli għax jagħti kredbibiltà lill-proċess importanti ta’ verifika li minnu għandu jgawdi l-pajjiż kollu għax jaraw li kien hemm livell ieħor ta’ verifika tax-xenarju ekonomiku u finanzjarju li l-gvern tal-ġurnata jkun qiegħed jippreżenta.
L-Onor. Sant talab aktar informazzjoni dwar il-multi-annual financial framework. Jien nista’ ngħid li informazzjoni dwar il-pożizzjoni ta’ Malta u l-pożizzjonijiet li qegħdin nieħdu, iktar minn dak li diġà inqtal pubblikament, m’għandix. Malta qiegħda tagħmel l-argument li jekk l-istatistika se tikkonferma li qbiżna t-threshold tal-Objective 1, ninsistu li bħal ma sar fil-pakkett preċedenti, jiġifieri fil-perjodu ta’ żmien 2004-2013, ikun hemm formula ta’ transizzjoni għal dawn il-pajjiżi. Però sadanittant, Malta qed tagħmel l-argumenti kollha li kienet għamlet sa minn żmien li ġie nnegozjat it-Trattat ta’ Lisbona, meta f’dak it-Trattat, fuq insistenza tagħna, daħal ir-rikonoxximent tar-realtà ta’ pajjiżi li huma gżira u allura għandhom sfidi partikolari ta’ kompettività. Aħna qed ngħidu li dak il-prinċipju rikonoxxut fit-Trattat ta’ Lisbona għandu jsib r-riflessjoni tiegħu fit-tfassil tal-multi-annual financial framework.
L-Onor. Charlò Bonnici semma r-riferenza li għamilt fl-istqarrija tiegħi dwar il-laqgħa bilaterali li kelli mal-President tal-Kungress Libjan, li matulha għamilna referenza għal żewġ proġetti importanti marbutin mal-edukazzjoni. Waħda minnhom hija li b’riżultat ta’ diversi laqgħat li ilhom għaddejjin il-ġimgħat, inkluż delegazzjonijiet tal-MCAST li marru l-Libja u marru Misrata u kellhom laqgħat hemmhekk ma’ awtoritajiet Libjani ġewwa Misrata, tfaċċat l-opportunità li wieħed jiddiskuti l-potenzjal li l-MCAST ta’ Malta tiftaħ campus ġewwa Misrata jew formula ta’ dan it-tip fejn l-esperjenza u l-expertise tal-Maltin jintużaw biex ġol-Libja jsir dan il-pass importanti. Naturalment, aħna min-naħa tagħna, qbilna li nagħmlu ħilitna biex ngħinu kemm nifilħu f’dawn l-affarijiet, li hija fil-linja politika u strateġika li aħna ddeċidejna li nagħmlu.
Viċiversa, issemmiet xi ħaġa li dwarha diġà hemm memorandum of understanding, iffirmat numru ta’ xhur ilu, dwar l-iskola li għandna f’Ta’ Giorni fejn il-Gvern Libjan irid li jinvesti l-flus biex din tiġi upgraded għal istitut ta’ livell Ewropew, li fih jingħataw korsijiet ta’ taħriġ għal persuni identifikati mill-Gvern Libjan, però b’kordinazzjoni mal-Gvern Malti biex aħna niċċertifikaw l-istandards Ewropej. Dawn kienu żewġ proġetti li għal darb’oħra għandhom l-appoġġ sħiħ tagħna għaliex huma fil-linja tad-direzzjoni ta’ kif nistgħu ngħinu pajjiż viċin tagħna, bħal ma huwa l-Libja, b’mod prattiku u b’mod li jibbenefikaw iż-żewġ pajjiżi.
L-Onor. Gouder imbagħad staqsa dwar ir-rwol ta’ pajjiżna biex il-proċess ta’ demokratizazzjoni jkompli jseħħ fir-reġjun. Malta offriet, fil-limitatazzjonijiet tar-riżorsi tagħna, l-expertise f’dak kollu li hemm bżonn fil-proċess ta’ demokratizazzjoni. Il-politika tagħna hija mibnija fuq prinċipju wieħed. Aħna ma nippretendux li niddettaw jew li nagħtu lezzjonijiet. Aħna, jekk niġu mitluba, nagħtu l-esperjenza tagħna, però nagħtuha b’mod li l-identità, il-kultura u s-sitwazzjoni partikolari tal-pajjiż individwali tiġi rispettata. Kien għalhekk li kemm fid-diskors tiegħi tal-ftuħ tas-Summit kif ukoll issa, f’din l-istqarrija, għamiltha ċara li m’hemmx atteġġjament, approach, jew strateġija ta’ one size fits all. Kull pajjiż għandu r-realtajiet differenti tiegħu u kull pajjiż allura jkollu l-bżonnijiet u l-prijoritajiet partikolari li jkunu jridu jiġu rispettati.
L-Onor. David Agius semma tliet punti, fosthom ir-rispett li pajjiżna jgawdi ma’ dawn il-pajjiżi. Huwa ċar, anke mill-kummenti pubbliċi li għamlu l-Kapijiet tal-gvernijiet tad-disa’ pajjiżi l-oħrajn dwar ir-rwol ta’ Malta. Naħseb li din kienet okkażjoni fejn il-vokazzjoni Maltija ħarġet fil-beraħ u ssarrfet fil-ġid. Dan ifisser b’mod ċar li din kellha wkoll l-impatt pożittiv li Malta kellha l-privileġġ li tippresjedi laqgħa ta’ dawn il-ħames pajjiżi u mbagħad separatament tal-grupp tal-Ewro li nzertaw qed jipparteċipaw fil-5+5. Dan fih innifsu kien pożittiv. L-aktar pożittiv kienu d-dikjarazzjonijiet li għamel Barroso dwar l-ekonomija Maltija, dwar il-mod ta’ kif imxejna s’issa, dwar il-progress li qed jiġi rreġistrat, u dwar il-fatt li Malta waslet s’hawn għax għamlet ir-riformi li kellha bżonn tagħmel u għamlithom fil-ħinijiet opportuni.
L-aħħar mistoqsija kienet fejn irridu mmorru minn hawn ‘il quddiem. Naħseb li minn hawn ‘il quddiem għandna nibnu fuq dan kollu, fuq il-fama tagħna u fuq ir-reputazzjoni tagħna ta’ pajjiż fejn anke jekk tiġi minn inħawi differenti, tista’ ssib art komuni, ta’ pajjiż li huwa kapaċi li jfittex dak li jgħaqqadna u mhux dak li jifridna, ta’ pajjiż li jaf jagħti l-ospitalità u li jilqa’ n-nies b’ospitalità u b’rispett, ta’ pajjiż li jaf jorganizza u jaf jieħu ħsieb il-loġistika, ta’ pajjiż li huwa safe, li jiġu l-kapijiet ta’ gvernijiet ta’ pajjiżi importanti u jħossuhom safe, iħossuhom komdi biżżejjed li jattendu għal attivitajiet mingħajr ħafna ċerimonji – għalkemm ikun hemm miżuri ta’ sigurtà – u li saħansitra jiltaqgħu mal-komunità.

Pereżempju, ħaġa li ma ssemmietx hija li l-President Hollande ltaqa’ ma’ 500 Franċiz f’laqgħa partikolari li saret f’pajjiżna. Il-Prim Ministru Marokkin ġie avviċinat minn grupp ta’ Marokkini u sar ukoll kuntatt magħhom. Jiġifieri kellna dawn it-tip ta’ sitwazzjonijiet li f’Malta possibbli li jsiru. Min jaf f’pajjiżi oħrajn id-diffikultajiet enormi li jsib biex sempliċement wieħed jersaq viċin persuna, aħseb u ara kemm wieħed jorganizza dawn it-tip ta’ laqgħat! Allura naħseb li din l-esperjenza għandna nikkunsidrawha bħala waħda pożittiva, li tgħin lil pajjiżna għall-futur fir-rwol tiegħu mhux biss bħala membru tal-Unjoni Ewropea, imma bħala attur awtentiku fl-istorja li tinkiteb fl-iżvilupp tar-reġjun tagħna tal-Mediterran. Nirringrazzjak, Mr Speaker.


MR SPEAKER: Grazzi. Ngħaddu issa għall-Mozzjonijiet.

Yüklə 0,5 Mb.

Dostları ilə paylaş:
1   2   3   4   5   6   7   8   9




Verilənlər bazası müəlliflik hüququ ilə müdafiə olunur ©muhaz.org 2024
rəhbərliyinə müraciət

gir | qeydiyyatdan keç
    Ana səhifə


yükləyin