MOZZJONIJIET ABBOZZ TA’ LIĠI DWAR IL-PENSJONIJIET TAL-ĠUDIKATURA
MR SPEAKER: Nitlob lill-Ministru Jason Azzopardi sabiex iressaq il-Mozzjoni kif tidher fuq l-aġenda.
ONOR. JASON AZZOPARDI: Sur President, f’isem l-Ministru tal-Ġustizzja, Konsultazzjoni Pubblika u l-Familja nipproponi l-Ewwel Qari tal-Abbozz ta’ Liġi msejjaħ Att dwar il-Pensjonijiet tal-Ġudikatura.
MR SPEAKER: Min jissekonda?
ONOR. DAVID AGIUS: Nissekonda.
MR SPEAKER: Il-mistoqsija hija li l-Abbozz ta’ Liġi msejjaħ “Att dwar il-Pensjonijiet tal-Ġudikatura” jinqara l-Ewwel Darba. Dawk favur? (Onor. Membri: Aye) Dawk kontra? Agreed.
Il-mozzjoni għaddiet nem. com u l-Abbozz ta’ Liġi ġie moqri l-Ewwel Darba.
ABBOZZ TA’ LIĠI DWAR IL-PROFESSJONI NUTARILI U ARKIVJI NUTARILI
MR SPEAKER: Nistieden lill-Ministru Jason Azzopardi sabiex iressaq il-Mozzjoni kif tidher fuq l-aġenda.
ONOR. JASON AZZOPARDI: Sur President, nipproponi l-Ewwel Qari tal-Abbozz ta’ Liġi dwar il-Professjoni Nutarili u Arkivji Nutarili.
MR SPEAKER: Min jissekonda?
ONOR. DAVID AGIUS: Nissekonda.
MR SPEAKER: Il-mistoqsija hi li l-Abbozz ta’ Liġi msejjaħ “Att tal-2012 li jemenda l-Att dwar il-Professjoni Nutarili u Arkivji Nutarili, Kap 55” jinqara l-Ewwel Darba. Dawk favur? (Onor. Membri: Aye) Dawk kontra? Agreed.
Il-mozzjoni għaddiet nem.com u l-Abbozz ta’ Liġi ġie moqri l-Ewwel Darba.
ORDNIJIET TAL-ĠURNATA RIŻOLUZZJONI GĦAR-RATIFIKA TAT-TRATTAT DWAR STABBILTÀ, KORDINAZZJONI U GOVERNANZA MAGĦMUL FI BRUSSELL FIT-2 TA’ MARZU 2012
Tkompli mit-3 ta’ Ottubru 2012.
MR SPEAKER: Rimarki? L-Onor. Beppe Fenech Adami.
ONOR. BEPPE FENECH ADAMI: Grazzi, Sur President. Illejla qegħdin inkomplu nittrattaw dak li aħna nsejħulu l-fiscal compact, jiġifieri t-Trattat ta’ Stabbiltà dwar l-Unjoni Ewropea. Dan it-Trattat huwa intiż sabiex isaħħaħ il-qagħda finanzjarja u ekonomika Ewropea, li jsaħħaħ allura lill-Unjoni Ewropea, iż-Żona Ewro u fuq kollox isaħħaħ u joħloq ix-xogħol f’din iż-żona. Dan it-Trattat ta’ Stabbiltà qiegħed iseħħ f’kuntest. Ilkoll nafu li l-aħħar erba’ snin u nofs, id-dinja, u b’mod partikolari l-Unjoni Ewropea, kienet ikkaratterizzata minn tnaqqis fir-ritmu ekonomiku. Qegħdin nitkellmu f’kuntest fejn mis-sena 2008 ‘l hawn id-dinja esperjenzat l-akbar kriżi finanzjarja u ekonomika fl-istorja riċenti. Qegħdin nitkellmu f’kuntest fejn l-Ewropa, li sa ftit tas-snin ilu kienet waħda mill-akbar, jekk mhux l-akbar, forzi ekonomiċi fid-dinja, għaddiet minn mumenti fejn minflok kienet qiegħda tesperjenza tkabbir ekonomiku li kellha fis-snin preċedenti, kienet għaddejja għal perjodu wara ieħor minn sitwazzjoni ta’ tnaqqis fit-tkabbir ekonomiku f’din iż-żona.
Dan it-tnaqqis ekonomiku kompla għal ċiklu wara ċiklu, u anke meta momentarjament dan iċ-ċiklu kien qed jinkiser u kien qed jiġi rreġistrat tkabbir ekonomiku, xorta waħda fuq bażi Ewropea ma kenux qed jiżdiedu l-postijiet tax-xogħol bil-konsegwenza li sas-sena 2011, u allura sa ftit tax-xhur ilu, ir-rata tal-qgħad fl-Unjoni Ewropea kienet żdiedet b’mod drammatiku, minn 16-il miljun għal 24 miljun ruħ. Din hija problema li ħolqot ċirku vizzjuż. Konna qegħdin nassistu għal sitwazzjoni fejn konna qegħdin naraw istituzzjonijiet bankarji, li sa dak iż-żmien konna naħsbu li kienu b’saħħithom, jikkrollaw, u konna qegħdin nassistu għal sitwazzjoni fejn kellna banek li ħadd qatt ma kien joħlom li kienu se jfallu, imma li fil-fatt fallew.
Konna u għadna qed nassistu għal dak li kien ilu ma jseħħ, jiġifieri li jkollna pajjiżi li jispiċċaw għarkubbtejhom, falluti, lanqas kapaċi jħallsu s-self li jkunu għamlu mingħand terzi. Tul dawn l-aħħar snin rajna l-kroll ta’ pajjiżi bħall-Greċja fejn illum qegħdin jitkellmu fuq rata ta’ qgħad fost iż-żgħażagħ ta’ iktar minn 50% u fejn qegħdin iżidu r-rata tat-taxxa fuq id-dħul. Qegħdin nitkellmu fuq pajjiżi bħall-Portugall li rajnieh jiġi għarkubbtejh, u pajjiżi bħall-Irlanda li sa ftit tas-snin ilu konna nirriferu għaliha bħala t-tigra fl-Unjoni Ewropea. Qegħdin nitkellmu fuq pajjiżi bħal Ċipru, li bejn wieħed u ieħor huwa tad-daqs ta’ pajjiżna u bejn wieħed u ieħor għandu l-bażi ekonomika simili għal tagħna, però huwa pajjiż li, kuntrarju ta’ Malta, illum qiegħed għarkubbtejh għax qed jiffaċċja problemi finanzjarji kbar u spiċċa jittallab għall-għajnuna mingħand l-Unjoni Ewropea.
Mr Speaker, qegħdin nitkellmu fuq perjodu fejn anke l-pajjiżi l-kbar tal-Unjoni Ewropea, kemm mill-aspett ġeografiku kif ukoll mill-aspett ta’ popolazzjoni, illum qegħdin narawhom ibatu u jħossu l-konsegwenza ta’ din il-kriżi ekonomika. Qegħdin nitkellmu fuq pajjiżi bħal Franza li, anke llum, tinsab għaddejja minn perjodu ta’ slowdown u fejn minkejja li l-Partit Soċjalista kien għamel ħafna wegħdiet qabel l-elezzjoni ġenerali ta’ ftit xhur ilu, illum qegħdin naraw lill-istess partit, li llum qiegħed fil-gvern, kważi jirtira l-ħafna wegħdi li għamel. Il-Partit Soċjalistà Franċiż qabel l-elezzjoni ġenerali kien wiegħed tnaqqis fit-taxxa u llum qed jikkunsidra li jerġa’ jżid it-taxxa. Il-Gvern Soċjalistà Franċiż li tela’ bl-għajta li se joħloq ix-xogħol għandu r-rata tal-qgħad tispara ‘l fuq!
Qegħdin nitkellmu wkoll fuq pajjiżi bħall-Ġermanja li hija l-ġgant tal-Unjoni Ewropea u li wkoll tinsab għaddejja minn perjodu ta’ slowdown ta’ tnaqqis fil-prodott ekonomiku tagħha. U f’dan kollu hemm Malta li lkoll kemm aħna nafu li għandha l-ekonomija tagħha tiddependi primarjament mill-Unjoni Ewropea u prinċiparjament minn pajjiżi bħalma huma Franza, l-Italja, l-Ingilterra u l-Ġermanja. Qegħdin nitkellmu fuq pajjiżi li għadna niddependu ħafna fuqhom u allura b’mod naturali, meta dawn il-pajjiżi jkunu għaddejjin minn slowdown u minn tnaqqqis, bilfors li r-raġuni tgħidlek li Malta suppost bdiet issofri u tħoss l-effetti ta’ din is-slowdown f’dawn il-pajjiżi.
Mr Speaker, irridu nkunu boloh jekk naħsbu li dak li seħħ f’dawn il-pajjiżi m’effettwax u mhux qed jaffettwa lil Malta anke llum. Però, quddiem dan kollu, il-Gvern ma baqax ċass. Iffaċċjat bir-realtà ta’ kriżi ekonomika internazzjonali li bdiet fis-sena 2008, kważi fl-istess żmien tal-bidu ta’ din il-leġislatura, il-Gvern indirizza bl-iktar mod attiv dak li kien qed iseħħ madwarna. Qed ngħid hekk għax konvint li kieku fis-snin li għaddew ħadna t-triq faċli, it-triq popolista u ma ħadniex id-deċiżjonijiet li kellna nieħdu, kieku llum, mal-lista ta’ pajjiżi falluti bħall-Greċja, Ċipru u tant pajjiżi oħra, qegħdin inżidu lil pajjiżna. Fil-verità dan ma seħħx għax il-Gvern ħa d-deċiżjonijiet importanti li jassiguraw li l-ekonomija ta’ dan il-pajjiż tkompli tikber u tiddiversifika.
Ma rridux ninsew li fil-bidu ta’ din il-leġislatura kellna tarzna li kienet qed tiswa lill-poplu Malti l-miljuni kull sena. Dawk il-flus illum m’għadhomx jintnefqu fuq dik it-tarzna u qegħdin nitkellmu fuq investiment f’setturi oħra bħalma huma s-settur tal-avjazzjoni, tal-farmaċewtika, tas-servizzi finanzjarji u diversi oħra li lkoll kemm aħna rridu nirrikonoxxu li fil-bidu tal-leġislatura, sa tliet snin ilu, jew ma kenux jeżistu jew kienu għadhom qed jinbtu f’dan il-pajjiż. Dan ma seħħx b’kumbinazzjoni imma seħħ għax kellna l-kuraġġ li nieħdu d-deċiżjonijiet diffiċli. F’din il-leġislatura ħadna wkoll id-deċiżjoni li nindirizzaw il-kwestjoni tal-pensjonijiet. Jien nistieden lill-Membri taż-żewġ naħat tal-Kamra sabiex jaraw jekk dawn il-pajjiżi waslux fiex waslu għax ma kenux kapaċi jindirizzaw il-kriżi li kellhom fil-qasam tal-pensjonijiet f’pajjiżhom. Aħna kellna l-kuraġġ li naqbdu l-barri minn qrunu u għamilna riforma fil-qasam tal-pensjonijiet biex nassiguraw li l-anzjani tal-lum u ta’ għada jkollhom moħħhom mistrieħ minn sistema ta’ pensjonijiet li taħseb għalihom.
Kif kont qed ngħid, il-kuntrasti bejn dak li qed iseħħ fil-pajjiżi ta’ madwarna u dak li qed iseħħ f’pajjiżna huma bl-iktar mod evidenti. Naħseb li meta nħarsu lejn dak li seħħ fl-Ewropa u dak li qed iseħħ f’pajjiżna naraw li l-issue prinċipali tibqa’ dik dwar l-isfida li lkoll għandna biex noħolqu x-xogħol. Pajjiżi oħra fl-Unjoni Ewropea ilhom mis-sena 2008 jippruvaw jaraw kif jistgħu joħolqu x-xogħol għall-ħaddiema tagħhom imma dawn il-pajjiżi, sal-lum, għadhom iffaċċjati b’rata ta’ qgħad għolja fejn intilfu eluf ta’ postijiet tax-xogħol mingħajr ma kienu kapaċi joħolqu postijiet tax-xogħol sabiex jissostitwixxuhom. Dan jikkuntrasta bil-kbir ma’ dak li għamel il-Gvern immexxi mill-Partit Nazzjonalista f’dawn l-aħħar erba’ snin u nofs mill-bidu ta’ din il-leġislatura. Aħna niftaħru li f’dawn l-aħħar erba’ snin ħloqna 20,000 post tax-xogħol ġdid.
Ħaddieħor f’din il-Kamra ma jifhimx kif wasalna għal din iċ-ċifra, però n-numri jitkellmu waħedhom. Meta wieħed jikkunsidra l-ammont ta’ studenti li kull sena joħorġu ggradwati mill-Università u mill-MCAST u l-ammont ta’ żgħażagħ li jispiċċaw l-iskola obbligatorja u jidħlu fid-dinja tax-xogħol, jirrealizza li minkejja li kull sena qegħdin indaħħlu fid-dinja tax-xogħol iktar minn 4,000 ruħ, ir-rata tal-qgħad f’dan il-pajjiż tibqa’ waħda mill-inqas fl-Unjoni Ewropea. Huwa evidenti li ż-żgħażagħ li joħorġu ggradwati mill-Università u mill-MCAST u ż-żgħażagħ li joħorġu mill-iskejjel sekondarji, meta jfittxu x-xogħol qegħdin isibuh u allura m’għandniex sitwazzjoni li, kif diġà għedt, għandhom pajjiżi Ewropej oħra bħal Spanja, fejn wieħed minn kull tnejn taż-żgħażagħ huwa bla xogħol.
Mr Speaker, il-Gvern indirizza l-kriżi ekonomika billi ma baqax ċass quddiemha u ħa l-azzjoni li kien hemm bżonn jieħu. Ilkoll niftakru li meta faqqgħet il-kriżi internazzjonali kien hemm numru ta’ fabbriki ġewwa pajjiżna li kellhom ix-xogħol tagħhom li kien qed jiġi pperikolat. Kien hemm fabbriki li kienu diġà bdew jattwaw sistema fejn iħaddmu l-ħaddiema għal erbat ijiem minflok ħamest ijiem fil-ġimgħa. Kien hemm fabbriki li kienu qegħdin jgħidu li jekk mhux se tinbidel is-sitwazzjoni se jkollhom ikeċċu n-nies mill-post tax-xogħol. Kien żmien meta tan-naħa l-oħra kienu jogħxew jiffilmjaw lil dawn in-nies u jġibuhom fuq l-istazzjon tat-televiżjoni tagħhom jesprimu l-preokkupazzjoni tagħhom li se jitilfu x-xogħol. Illum, tliet snin wara, għax il-Gvern ma baqax ċass quddiem din is-sitwazzjoni, nistgħu niftaħru li bl-intervent dirett tal-Gvern irnexxielna nsalvaw iktar minn 500 impjieg ta’ nies li kienu qegħdin jaħdmu f’dawn il-fabbriki.
Irrid ngħid li ċ-challenge il-kbira tal-Ewropa, tad-dinja u anke ta’ pajjiżna kienet, għadha u tibqa’ il-ħolqien tax-xogħol. Aħna ta’ din in-naħa kommessi li kontinwament inkomplu noħolqu x-xogħol u xogħol aħjar. U għalhekk il-Gvern imbarka sabiex flimkien mal-imsieħba soċjali f’dan il-pajjiż, flimkien mal-unions u tant entitajiet oħra f’dan il-pajjiż, inkomplu nassiguraw li ntejbu l-kundizzjonijiet tax-xogħol tal-ħaddiema tagħna. Filwaqt li ħaddieħor qed jitkellem li mhux il-mument li nżidu l-pagi tal-ħaddiema, aħna qegħdin lejlet li niffirmaw collective agreement mal-ħaddiema tal-Gvern fejn fost affarijiet oħra nformat li se jkun hemm żidiet sostanzjali fil-pagi.
Dan il-Gvern, quddiem din il-kriżi ekonomika internazzjonali jibqa’ jemmen li l-qofol, il-qalb, il-pompa tal-ekonomija huma n-negozji ż-żgħar. Dan huwa gvern li matul din il-leġislatura, minkejja l-kriżi li wasslet għall-patt li qegħdin nitkellmu fuqu llum, investa fil-qasam tan-negozji ż-żgħar billi tahom inċentivi fiskali u assigura li dawn ikunu jistgħu jaħdmu mingħajr ħafna xkiel, red tape u burokrazija. Dan huwa gvern li fix-xhur u s-snin li għaddew investa wkoll sabiex jassigura li kemm jista’ jkun il-workforce tal-popolazzjoni femminili f’Malta tkompli tiżdied. M’għandix dubju li waħda miċ-challenges kbar li għandu dan il-pajjiż hi li fis-snin li ġejjin aktar u aktar nisa jidħlu jaħdmu fid-dinja tax-xogħol.
Aħna nistgħu niftaħru li bid-diversi inċentivi li ta l-Gvern fis-snin li għaddew, illum għandna numru ferm ikbar ta’ nisa li daħlu jaħdmu fid-dinja tax-xogħol. Qegħdin nitkellmu fuq gvern li huwa kommess li dawk il-persuni li minħabba ċirkostanzi partikolari sabu ruħhom jew mingħajr xogħol jew f’xogħol paga minima, jagħtihom l-għodda sabiex kemm jista’ jkun javvanzaw fil-karriera tagħhom. Fil-fatt fis-snin li għaddew l-ETC kienet impenjata sabiex kemm jista’ jkun toħloq opportunitajiet ta’ xogħol għal dawk li sfortunatament ikunu qegħdin jinsabu f’diffikultà.
Bla dubju, il-kriżi ekonomika u finanzjarja kellha effett fuq il-qasam turistiku ta’ kull pajjiż. Fl-erba’ snin li għaddew rajna tnaqqis fl-ammont ta’ turisti li żaru pajjiżi bħal Spanja u l-Greċja li kienu jżuruhom miljuni ta’ turisti kull sena. Meta nħarsu lejn iċ-ċifri ta’ turisti li sejrin Spanja, il-Greċja u pajjiżi oħra Ewropej nirrealizzaw x’suċċessi għamilna f’dan il-qasam bħala pajjiż. F’dawn l-erba’ snin ta’ kriżi ekonomika mondjali dan il-pajjiż, għal sena wara l-oħra, irnexxielu jikser ir-records kollha tat-turiżmu f’pajjiżna. Qed nara lill-Ministru Mario de Marco li fix-xhur u s-snin li għaddew kien impenjat mal-playmakers kollha fil-qasam tat-turiżmu sabiex minkejja kriżi internazzjonali bħalma kellha d-dinja f’dawn l-aħħar erba’ snin, pajjiżna jibqa’ jżid l-ammont ta’ turisti għal sena wara l-oħra.
M’hemmx dubju li l-kriżi ekonomika u finanzjarja effettwat l-istandard of living tal-ħaddiema Ewropej. Waħda mill-konsegwenzi naturali tal-kriżi ekonomika li qegħdin niddiskutu llum fl-Unjoni Ewropea kienet li ntlaqtu b’mod negattiv l-oqsma tal-edukazzjoni u tas-saħħa. Jien nistieden lil kulmin qed jismagħna llejla sabiex jara x’miżuri ħadu tant u tant pajjiżi Ewropej quddiem il-kriżi ekonomika u finanzjarja ta’ pajjiżhom fil-qasam tal-edukazzjoni. Qed nitkellmu fuq pajjiżi fejn rajna numru ta’ studenti jonqsu li jmorru l-Università għax il-miżati ta’ dawn l-istudenti għolew b’mod drastiku. Dan seħħ fil-pajjiżi kważi kollha tal-Unjoni Ewropea, fosthom fir-Renju Unit. X’kuntrast ma’ dak li għamilna f’pajjiżna! Minkejja l-kriżi ekonomika internazzjonali, minkejja l-kollass li assistejna għalih fl-Unjoni Ewropea u anke sa ċertu punt fuq livell mondjali, il-Partit Nazzjonalista fil-Gvern ....
MR SPEAKER: Onor. Fenech Adami, jekk jogħġbok ippermettili. L-Onor. Joe Mizzi.
ONOR. JOE MIZZI: Mr Speaker, minħabba li l-minoranza li hija bbakkjata bil-maġġoranza qed tiġi mċaħħda id-dritt li tiddiskuti mozzjoni, jien qed nipproponi li l-Kamra taġġorna għal għada sabiex tiddiskuti l-Mozzjoni Nru. 327 u wara li tiġi eżawrita d-diskussjoni, din tersaq għall-vot. Qed nagħmel din it-talba għar-raġuni li l-Kumitat tax-Xogħol tal-Kamra qabel li l-Mozzjoni Nru. 327 kif ġiet ippreżentata tiġi dikussa mill-aktar fis possibbli, din il-ġimgħa stess. U qed ngħid li l-Kumitat qabel għax qablu ma’ din il-proposta l-Membri tal-Oppożizzjoni, Membru indipendenti u Membru ieħor min-naħa tal-Gvern. Għalhekk din it-talba hija bbakkjata mill-maġġoranza tal-ogħla istituzzjoni tal-pajjiż.
MR SPEAKER: Onor. Mizzi, dan hu l-point of order tiegħek?
ONOR. JOE MIZZI: Le, għad baqagħli Mr Speaker. Jien għamilt din it-talba għar-raġuni li l-maġġoranza qed tibbakkja l-minoranza biex din id-diskussjoni ssir għada. Barra minn hekk, hemm ukoll il-proċedura ta’ din il-Kamra li tagħti lok lill-Oppożizzjoni tressaq mozzjoni ta’ aġġornament biex tiddiskuti dak li għadni kemm tlabt jien. Fil-fatt din tgħid li bil-Kostituzzjoni hija l-Kamra tad-Deputati li tiddeċiedi kif għandha tmexxi l-proċedura tagħha. Artikolu 67, subartiklu 1 tal-Kostituzzjoni jipprovdi li l-Kamra tad-Deputati tista’ tirregola l-proċeduri tagħha stess, però tibqa’ suġġetta fl-ewwel lok għal dak li tgħid il-Kostituzzjoni.
Mr Speaker, infakkrek li l-Kamra għażlet li tirregola l-proċeduri tagħha permezz ta’ ordni permanenti tal-Kamra tad-Deputati.
MR SPEAKER: Onor. Mizzi, ma rridx ninterrompik, imma l-punt ta’ ordni tiegħek mhux fuq xi ħaġa li qal l-Onor. Beppe Fenech Adami.
ONOR. JOE MIZZI: Iva, għax hu kien qed jitkellem fuq id-demokrazija u biex insewwu l-affarijiet ......
MR SPEAKER: Onor. Mizzi, il-punt ta’ ordni tiegħek huwa b’riferenza għal din il-mozzjoni.
ONOR. JOE MIZZI: Imma, Mr Speaker, tlabt ukoll l-aġġornament tal-Kamra, u tlabtu qabel il-ħin kif jgħid ir-ruling li kien ingħata. Però il-point of order qajjimtu fuq li kien qed jgħid l-Onor. Fenech Adami, għax hu qed jgħid li kollox huwa sew, mentri jien qed ngħid li hawn il-maġġoranza u qed tiġi mċaħħda. (Onor. Membri: Hear, hear) Issa skada l-ħin u għalhekk qed nagħmel din it-talba għall-aġġornament. (Interuzzjonijiet) Ordni Permanenti Nru. 197 jgħid li fejn l-Ordnijiet Permanenti ma jipprovdux għal dak il-każ partikolari, wieħed għandu jirrikorri għar-regoli tal-House of Commons. U għalhekk ħafna drabi l-iSpeaker jagħmel riferenza għall-Erskine May u l-proċedura tal-Parlament Ingliż.
Però din ir-riferenza mhijiex waħda awtomatika, iżda għandha ssir biss fejn ma jipprovdux xort’oħra l-Ordnijiet Permanenti jew fejn ma tipprovdix xort’oħra l-Kamra tad-Deputati stess minkejja l-Ordnijiet Permanenti. Dan għaliex id-dritt tal-Kamra li tirregola l-proċeduri tagħha stess jipprevali dejjem. Tant hu hekk li l-Ordnijiet Permanenti stess jipprovdu li jistgħu jiġu sospiżi u allura ma jibqgħux japplikaw fit-termini ta’ din is-sospensjoni. U biex insaħħaħ dan l-argument se nikkwota parti minn ruling li ngħata f’Seduta Nru. 78 li saret fit-2 ta’ Frar, 2009 fejn jingħad hekk:
““Iżda, kull Ordni Permanenti tal-Kamra jista’ jiġi sospiż fuq mozzjoni magħmula wara avviż, din il-mozzjoni tkun ġiet approvata b’maġġoranza ta’ dawk li jkunu preżenti u jivvutaw”.
Għaldaqstant is-Sedja jidhrilha li l-mozzjoni ma tmurx kontra l-Ordnijiet Permanenti jew il-Kostituzzjoni.”.
Dan ir-ruling kien ingħata meta kienet tressqet il-Mozzjoni ta’ Proċedura Nru. 78. Din il-mozzjoni, li saret biex tirregola diversi proċeduri dwar ix-xogħol tal-Kamra, ġiet approvata mill-Kamra fit-2 ta’ Marzu, 2009. Fil-fatt, fost affarijiet oħra, din il-mozzjoni kienet tgħid hekk:
“Minkejja kull provvediment ieħor taħt l-Ordnijiet Permanenti tal-Kamra tad-Deputati u/jew xi Riżoluzzjoni oħra tagħha, matul din il-Leġislatura u sax-xoljiment tagħha:”.
Għalhekk, matul din il-leġislatura din il-mozzjoni tirregola l-proċeduri tal-Kamra sakemm ma jkunx hemm mozzjoni ta’ proċedura oħra jew ftehim mod ieħor. U hawnhekk qed nirreferi għal paragrafu “A”. Naturalment dan jgħodd għal dak li tipprovdi dwaru l-istess mozzjoni. U fejn Mozzjoni Nru. 78 ma tipprovdix, allura baqgħu japplikaw l-Ordnijiet Permanenti, u fin-nuqqas ta’ dawn wieħed jirrikorri għar-regoli tal-House of Commons kif jgħid Ordni Permanenti Nru. 197. Naturalment il-Kostituzzjoni tipprevali dejjem fuq kollox.
Mozzjoni Nru. 331 li ressaqt jien tipproponi l-aġġornament għal għada biex il-Kamra tiddiskuti Mozzjoni Nru. 327 u wara tgħaddi għall-vot. Din il-mozzjoni tressqet fit-termini u skont l-Ordnijiet Permanenti applikabbli u hija fit-termini ta’ dak li tgħid Mozzjoni Nru. 78 stess. Kif diġà għedt, fit-3 ta’ Frar, 2009 il-Gvern ressaq mozzjoni li tirregola diversi proċeduri dwar ix-xogħol tal-Kamra. Minn dakinhar kienet din il-mozzjoni li bdiet tirregola l-proċeduri li titkellem dwarhom, u fejn l-Ordnijiet Permanenti ma jaqblux magħha, jitqiesu bħala sospiżi. Dan japplika wkoll għal kwalunkwe riferenza fir-rigward tal-proċeduri tal-House of Commons.
L-istess mozzjoni tipprovdi wkoll li dan kollu jgħodd sakemm ma jingħatax avviż mod ieħor fil-mozzjoni tal-aġġornament u sakemm ma jkunx hemm mozzjoni proċedurali oħra. Fid-deċiżjoni tiegħu tas-16 ta’ Frar, 2011 l-Ispeaker attwali kompla żied ma’ dan u qal “jew sakemm ma jkunx hemm ftehim mod ieħor fil-Kumitat Permanenti dwar ix-Xogħol tal-Kamra”. Oltre minn dan, l-ewwel paragarafu tal-Mozzjoni ta’ Proċedura Nru. 78, il-mozzjoni ta’ proċedura li warrbet il-provvedimenti tal-Ordnijiet Permanenti tal-Kamra u ġiet approvata minn dan il-Parlament u llum tirregola x-xogħol ta’ dan il-Parlament, tgħid hekk:
“Sakemm ma jingħatax avviż mod ieħor fil-mozzjoni tal-aġġornament u sakemm ma jkunx hemm mozzjoni proċedurali oħra ...”.
Allura la mhuwiex speċifikat min għandu jressaq mozzjoni ta’ aġġornament, kull membru ta’ din il-Kamra jista’ jressaq mozzjoni għall-aġġornament tal-Kamra.
Mr Speaker, nirreferik għar-ruling mogħti f’Seduta Nru. 315 tas-16 ta’ Frar, 2011 li jikkonferma dan li għadni kemm għedt, u nispjega għaliex. Dakinhar, wara li s-Sedja qalet li ma tistax titlob għal aġġornament tal-Kamra wara li jkun skada l-ħin tax-xogħol, intqal ukoll li trid issir mozzjoni li jkollha avviz ta’ tlett ijiem, kif fil-fatt għamilna, u hawnhekk tindika biċ-ċar li l-mozzjoni li kont ressaqt jien stess, stajt inressaqha. Għaliex? Għax dan ir-ruling jgħid hekk:
“L-issue hawnhekk hija proċedurali u mhijiex kwestjoni jekk allura tistax tagħmel mozzjoni ta' aġġornament tal-Kamra jew le. Hija kwestjoni ta' meta tista' tagħmel tali mozzjoni.”.
U hawnhekk l-Ispeaker kien qed jagħmel riferenza għall-fatt li kien skada l-ħin u allura minħabba f’hekk jien ma stajtx inressaq il-mozzjoni. Imma ma stajtx nagħmilha għax kien skada l-ħin u mhux għax kien hemm xi oġġezzjoni għaliha. Allura kif tgħid l-istess mozzjoni ta’ proċedura u anke sostnuta b’dan ir-ruling, joħroġ ċar li kulħadd jista’ jressaq mozzjonijiet, inkluż mozzjoni ta’ aġġornament. Meta wieħed ikun irid iressaq mozzjoni ta’ aġġornament, irid jagħmel dan fil-ħin qabel jiskadi l-ħin tax-xogħol u din il-mozzjoni jien ressaqtha fil-ħin. Fil-mozzjoni jingħad ukoll li għall-fini tagħha, kull artiklu ieħor tal-Istanding Orders huwa mwarrab u m’hemm ebda regolamenti li jirfsu f’din il-mozzjoni li jistgħu jindaħlu. Għaldaqstant, anke mill-aspett tekniku mxejt skont din il-mozzjoni meta ressaqt il-mozzjoni ta’ aġġornament.
Barra minn hekk, l-iktar ħaġa importanti hija li s-Sedja qiegħda hemmhekk biex tipproteġi l-minoranza u s-Sedja taf li l-minoranza għandha l-backing tal-maġġoranza wkoll, xi ħaġa li f’dan il-Parlament qatt ma ġrat. Aħna, min-naħa tagħna lesti li, jekk iridu, nitkellmu u nagħmlu d-diskussjoni għada jew pitgħada biex nuru li aħna m’aħniex qegħdin nippruvaw inħassru x-xogħol tal-Gvern imma qegħdin nesiġu – għalissa sakemm ma jkunx hemm xi abbokkamenti – għal dak li qed nitlob jien, jiġifieri li naġġornaw għal għada. Però jien nerġa’ ngħid li aħna fl-ebda mument u bl-ebda mod ma ppruvajna nfixklu x-xogħol tal-Gvern. Ix-xogħol tal-Gvern inħalluh għaddej u aħna nagħmlu l-mozzjoni mingħajr ma nfixklu x-xogħol tal-Gvern.
Mr Speaker, issa sta għalik. Jien ġibtlek il-provi kollha għalfejn aħna ressaqna l-mozzjoni tal-aġġornament, ressaqnieha kif kellna nressquha, u nerġà ngħid li hemm l-aspett tekniku u hemm ukoll l-aspett tal-protezzjoni tal-minoranza. Grazzi, Mr Speaker.
MR SPEAKER: Grazzi. Il-Viċi Prim Ministru.
ONOR TONIO BORG: Mr Speaker, jien nixtieq ruling dwar kemm hija in order il-mozzjoni 331 li tkellem dwarha l-Onor. Mizzi. L-ewwel nett naħseb li skont l-iStanding Orders ma kellux dritt li jqum waqt li nkunu qegħdin niddiskutu r-Ratifika tat-Trattat dwar Stabbiltà, Kordinazzjoni u Governanza meta kien qed jitkellem l-Onor. Beppe Fenech Adami u jqajjem point of order biex jgħid li jridu jiddiskutu din il-mozzjoni. Huwa veru li l-Kamra tista’ tirregola l-proċeduri tagħha, u fil-fatt hekk għamlet meta għamlet l-Ordnijiet Permanenti. Huwa veru wkoll li t-tradizzjonijiet u l-proċeduri tal-House of Commons napplikawhom biss f’każ li m’għandniex provvediment fl-iStanding Orders tagħna. Issa aħna għandna standing orders u għandna l-mozzjonijiet tal-proċeduri li għaddew.
Li għandna quddiemna llum hija mozzjoni ta’ proċedura, u se ngħid xi ħaġa wkoll dwar il-kontenut ta’ kif inhi drafted il-mozzjoni ta’ proċedura. L-Onor. Mizzi qal li għadda iż-żmien ta’ tlett ijiem minn meta ġiet ippreżentata u bilfors trid tiġi diskussa. Li tiġi diskussa iva, imma li bilfors minn fejn toħroġ? Din hija bħal kwalunkwe mozzjoni oħra, u l-mozzjonijiet jitqiegħdu fuq l-aġenda skont il-prioritajiet li jkun hemm li jiġu deċiżi jew mill-Kap tal-Kamra jew mill-House Business Committee. Din hija l-proċedura u dejjem hekk kienet, u li kieku ma jkunx hekk, li kieku kull Gvern, ikun min ikun, jew minħabba safar jew minħabba impenji oħra, f’daqqa waħda jsib ruħu quddiem mozzjoni ta’ proċedura li tgħaddi jew ma tgħaddix skont kemm hemm safar jew kemm għandu impenji l-Gvern u ma jkunx jista’ jorganizza x-xogħol tal-Kamra anke skont il-prijoritajiet tiegħu.
Il-Gvern qal li l-mozzjonijiet kollha li hemm se jiġu diskussi, imma naturalment se jiġu diskussi skont il-prioritajiet tal-programm leġislattiv. Jien m’iniex se noqgħod inkun legalistiku għax naf li hemm ukoll responsabbiltà politika, u l-Gvern jaf x’inhi dik ir-responsabbiltà politika. Diġà qal il-Prim Ministru, u għedtha wkoll jien fil-House Business Committee, li l-mozzjonijiet kollha, anke dawk riċenti, se jiġu diskussi. Ma tistax inti tressaq mozzjoni ta’ proċedura u tinsisti bilfors li tiġi diskussa issa. Il-mozzjoni tal-aġġornament hija mozzjoni in its own right. Anzi hemm żewġ mozzjonijiet, imma aħna qed nitkellmu fuq waħda, jiġifieri dik biex il-mozzjoni li kien ressaq fit-28 ta’ Settembru l-Onor. Joseph Sammut tiġi diskussa għada.
L-iStanding Orders tagħna huma mibnija b’mod li l-inizjattiva ta’ kif jiġi deċiż ix-xogħol tal-Kamra huwa f’idejn il-Gvern. U forsi hawnhekk ikun hawn min jistaqsini: Allura b’daqshekk private members’ motions ma jistgħux jiġu diskussi? Iva, jistgħu jiġu diskussi, però huwa l-Gvern li jiddeċiedi l-prioritajiet ta’ kif jiġu diskussi. Dan biex ma ngħidx li jiena ġieli ressaqt, fi żmenijiet oħra, private members’ motions li ma ġew diskussi qatt, imma mbagħad il-Gvern irid jerfa’ r-responsabbiltà politika tiegħu. Jien se nħalli ċertu argument għall-aħħar għax ma rridx ninstema’ legalistiku u se npoġġi l-ewwel l-argument prinċipali. Mozzjoni għall-aġġornamenti tal-Kamra jista’ jressaqha biss ministru, u anke fl-Erskine May hemm li mozzjoni tal-aġġornament jista’ jressaqha ministru biss. Fil-fatt meta ma nkunx hawnhekk jiena l-mozzjoni tal-Aġġornament iressaqha ministru ieħor.
Mela dak li hemm fil-Mozzjoni Nru. 78 fejn qed jingħad “sakemm ma jingħatax avviż mod ieħor fil-mozzjoni ta’ aġġornament”, jirreferi għal mozzjoni ta’ aġġornament li jressaq il-Gvern u sakemm ma jkunx hemm mozzjoni proċedurali oħra li iva, tista’ titressaq mill-Oppożizzjoni, mela le! Ġieli tressqu mozzjonijiet proċedurali, però jidhirli li ntlaħaq ftehim u allura qatt ma ddiskutejna r-ruling li qed nitlob jiena mis-Sedja, Mr Speaker, dwar kemm aħna qegħdin in order; peress li ntlaħaq ftehim, ma kellniex ruling fuq dan mis-Sedja. Imma l-mozzjoni proċedurali trid issegwi r-regoli kollha li aħna għandna fl-iStanding Orders. U allura se nqajjem dan il-punt li se nsemmi. Meta wieħed jgħid l-“għada”, xi jfisser? Mela aħna f’mozzjoni ta’ aġġornament nagħmlu “għada”?! Ngħidu d-data meta hi. Jiena nista’ ninterpretaha li “għada” jfisser il-5 ta’ Ottubru għax din ġiet ippreżentata fl-4 ta’ Ottubru, u meta qed tgħid għal “għada” u ppreżentajtha fl-4 ta’ Ottubru, qed tirreferi għall-5 ta’ Ottubru li diġà għadda. Jiġifieri minn dak il-lat ukoll hija out of order.
Mr Speaker, jiġifieri l-argumenti tiegħi huma kemm kellu dritt li jqum l-Onor. Mizzi waqt li qed niddiskutu l-Fiscal Compact Treaty jgħid li jrid iressaq din il-mozzjoni, kemm għandna niddiskutuha llum meta mhijiex qiegħda fuq l-aġenda, dwar il-kelma “għada” li skada diġà, u li kien diġà skada l-ħin fid-9:00 p.m. meta kien qed jitkellem l-Onor. Mizzi u allura jien suppost ressaqt il-mozzjoni tal-Aġġornament tal-Kamra.
MR SPEAKER: Grazzi. Naturalment m’aħniex se nidħlu f’diskussjonijiet twal għax tajjeb li nitkellmu fuq il-punti biss ta’ din it-talba li għandna quddiemna. L-Onor. Franco Debono talabni l-kelma u jien se ngħaddilu l-kelma u nitolbu jkun fil-qosor.
ONOR. FRANCO DEBONO: Jien nitlob lis-Sedja sabiex tieħu in konsiderazzjoni li waħda mill-mozzjonijiet li qed tiġi mitluba li tiġi diskussa għada hija proprju mozzjoni tiegħi li titlob għar-riżenja tal-Ministru Austin Gatt u hija marbuta wkoll mad-dikjarazzjoni tiegħi ......
MR SPEAKER: Onorevoli, biex nikkoreġik, ma kienx hawn din it-talba. It-talba tirreferi għal mozzjoni oħra.
ONOR. FRANCO DEBONO: Insomma, hija relatata magħha. Fuq dan il-punt, li jiena rbatt anke ma’ dikjarazzjoni li bil-Ministru Austin Gatt fil-Kabinett jiena nivvota kontra l-budget, naħseb li din il-proċedura – u qed niddikjaraha f’din il-Kamra għal darb’oħra, biex ma jkunx hemm ekwivoċi – u dak li kkwota l-Onor. Mizzi li l-Kostituzzjoni tipprevali ...... U tajjeb wieħed hawnhekk jifhem x’nifhmu bi proċedura. Għalija, li jien avukat, proċedura hija xi ħaġa mmedjata, mhijiex xi ħaġa fis-sustanza tagħha li tista’ tirrimanda biex imbagħad tagħti deċiżjoni fi stadju ulterjuri. U allura meta jiġi l-Ministru Tonio Borg jagħmel dawn is-sottomissjonijiet – ma nafx jekk smajtx sewwa – u jgħid li meta l-Onor. Joe Mizzi qam jitkellem kien skada l-ħin ..... F’din il-Kamra hawn ma nafx kemm-il arloġġ, u nista’ ngħid li din hija gidba. Meta qam jitkellem l-Onor. Mizzi ma kienx skada l-ħin. Dik gidba tal-Onor. Tonio Borg! Jekk ma fhimtux tajjeb, nistieden lis-Sedja forsi titolbu jiċċaraha. (Interruzzjonijiet) Jekk jista’ jiċċaraha napprezza. (Interruzzjonijiet)
MR SPEAKER: Il-Ministru Tonio Borg.
ONOR. MEMBRU: Point of order.
MR SPEAKER: M’hawnx points of order. Għadni kemm tajt il-kelma lill-Onor. Tonio Borg. (Interruzzjonijiet) Jekk jogħġbok żomm il-kalma u nżommu l-ordni fid-diskussjoni!
Il-Ministru Tonio Borg.
ONOR. TONIO BORG: Mr Speaker, tant mhux hekk li jien għedt li waqt li kien qed jitkellem l-Onor. Fenech Adami qam jitkellem l-Onor. Mizzi. U waqt li kien qed jitkellem l-Onor. Fenech Adami żgur ma kienx sar il-ħin tal-Interruzzjoni tax-Xogħol għax kieku waqqaftu inti, Mr Speaker!
MR SPEAKER: L-Onor. Franco Debono, ejja għall-punt fil-qosor.
ONOR. FRANCO DEBONO: Meta qed ngħidu li l-Kostituzzjoni tipprevali jfisser li tipprevali anke fuq l-iStanding Orders. Għalhekk għandna Kostituzzjoni! Mill-bqija m’hemmx skop biex ikun hemm Kostituzzjoni! U allura jiena nistieden lilek, Sur President, biex meta tiġi biex tagħti r-ruling fuq dan il-punt, tikkunsidra fost affarijiet oħra l-fattur li l-iStanding Orders li bihom qed jitħaddem dan il-Parlament ilhom ma jiġu emendati b’mod komprensiv għal aktar minn 25 sena. Allura meta din is-Sedja qed tiġi biex tinterpreta u qed tapplika standing order li ilu ma jiġi emendat b’mod komprensiv .......
Kien sar rapport minn Ugo Mifsud Bonnici xi 10 snin ilu li jgħid li dawn l-iStanding Orders huma outdated u allura meta s-Sedja qiegħda tiġi mitluba tinterpreta, dan huwa fattur li għandha tieħu in konsiderazzjoni. Imma l-punt prinċipali li jiena nindirizza lis-Sedja huwa li r-raġunament tal-Onor. Tonio Borg huwa wieħed perikoluż immens. Jien ktibt in-notamenti fuq karta li għandi. (Interruzzjonijiet) Mr Speaker, li se ngħid huwa rilevanti u nitlob li nitħalla nagħmel dan ir-raġunament. Jien ingħatatli karta li Richard Cachia Caruana għadu ambaxxatur b’disprezz lejn dak li ddeċieda dan il-Parlament. (Interruzzjonijiet) Jekk nitħalla nispjega, ngħid x’inhi r-rilevanza.
MR SPEAKER: M’aħniex se nagħmlu dibattitu. Ejja għall-punt.
ONOR. FRANCO DEBONO: Jekk nitħalla nispjega, nispjega!
MR SPEAKER: Tajtek il-kelma, imma m’iniex se nħallik tagħmel dibattitu. Ejja għall-punt.
ONOR. FRANCO DEBONO: Ġej għall-punt. Allura jekk il-Gvern, tul leġislatura sħiħa, ma jkunx irid li mozzjoni tiġi dibattuta, jien irrid nifhem f’din il-Kamra x’rimedju għandha dik il-persuna li ppreżentat il-mozzjoni, il-poplu hemm barra u dan il-Parlament biex dik il-mozzjoni tiġi għad-diskussjoni. Dan hu l-punt kollu! Bir-raġunament tal-Onor. Tonio Borg jista’ jkun hemm mozzjoni li qatt ma tittella’ għad-diskussjoni. U nżid biċċa ma’ dan ir-raġunament, jekk tippermettili, Mr Speaker. Bir-raġunament tal-Onor. Tonio Borg, jekk jiġġebbed ftit aktar, se ndaħħlu l-kultura tal-klijenteliżmu u l-pjaċiri anke biex tiġi diskussa mozzjoni, għax issa biex tiġi diskussa mozzjoni trid pjaċir mingħand il-Gvern. B’dan ir-raġunament perikoluż immens ta’ twerwir u ta’ disprezz lejn l-awtorità u s-supremazija ta’ din il-Kamra – u jiena kburi li ġġelidt għad-dinjità ta’ din il-Kamra, li tiġi ‘l fuq mill-Prim Ministru, ‘il fuq minn Richard Cachia Caruana u ‘l fuq minn kulħadd – jekk ikun hemm mozzjoni li l-Gvern qatt ma jrid iressaqha, jistgħu jgħaddu ħames snin tal-leġislatura jew ...... U anke hawn għandu żball l-Onor. Tonio Borg. Ebda Gvern m’għandu dritt sagrosant jagħmel ħames snin. Gvern jew Prim Ministru jibqa’ fil-poter dment li jibqa’ jgawdi maġġoranza f’din il-Kamra, li fuq din il-mozzjoni m’għandux. U lanqas fil-budget mhu se jkollu, u qed ngħidlu minn qabel għax ġej il-Milied!
MR SPEAKER: Ikkonkludi, jekk jogħġbok.
ONOR. FRANCO DEBONO: Punt ieħor tal-aħħar, u nikkonkludi, Mr Speaker. Smajna wkoll dikjarazzjonijiet mill-Prim Ministru fuq li l-mument tal-verità jiġi. Imma mhux jitkellem fuq mument tal-verità mbagħad jimblukkah! Iġibu l-mument tal-verità ħalli naraw! Anke dan jista’ jkun ta’ disprezz lejn din il-Kamra, li titkellem fuq il-mument tal-verità mbagħad tagħmel ħiltek kollha sabiex tirrimanda voti! Dak mhux rispett lejn din il-Kamra, Mr Speaker! Dak huwa nuqqas ta’ rispett lejn din il-Kamra. Imma d-domanda prinċipali – nirrikapitola u nikkonkludi – hija li s-Sedja trid toqgħod ferm attenta li ma tagħtix xi ruling li permezz tiegħu jista’ jkun hemm mozzjoni quddiem din il-Kamra li jekk il-Gvern irid jimblukkaha għal snin sħaħ jagħtih il-fakultà li jagħmel dan.
MR SPEAKER: Nirringrazzjak. L-Onor. Anġlu Farrugia, fil-qosor jekk jogħġbok, ħalli nikkonkludu.
ONOR. ANĠLU FARRUGIA: L-ewwel nett dwar il-punt tal-ħin, f’ebda mument ma smajna lill-Ispeaker jgħid li sar il-ħin għall-Aġġornament u fil-fatt kien ferm qabel id-9:00 p.m. meta l-Onor. Joe Mizzi għamel l-intervent tiegħu. Dwar il-kriterji, dawn kollha qegħdin fir-ruling li kien ta l-iSpeaker Louis Galea għar-rigward tal-mozzjoni ta’ proċedura. It-testijiet kollha f’dak ir-ruling huma kollha catered for f’din il-proċedura.
Jien naħseb li l-Onor. Tonio Borg mhux qed jifhem, jew ma jridx jifhem, li wieħed mill-prinċipji bażiċi ta’ kull Parlament huwa l-maġġoranza. Id-demokrazija dejjem titkellem dwar x’tgħid il-maġġoranza. Diġà sar il-punt mill-kollegi sħabi f’dan il-Parlament li l-maġġoranza qiegħda titkellem, u allura naħseb li l-aktar ħaġa li seta’ jagħmel biex iħossu komdu l-Onor. Tonio Borg hija li jara jekk verament dak li qed jipproponi jgawdix il-maġġoranza tal-Membri għax effettivament għandna l-minoranza qiegħda titkellem u l-maġġornza qiegħda tgħid li għandha tiġi diskussa mill-aktar fis din il-mozzjoni. Dwar li għandha tiġi aġġornata d-diskussjoni tal-mozzjoni għal għada ukoll toħroġ mill-istess ruling tal-Onor. Louis Galea. Għalhekk nitlob lis-Sedja sabiex tagħti ruling immedjatament.
MR SPEAKER L-Onor. Joe Mizzi.
ONOR. JOE MIZZI: Jien tlabt l-Aġġornament tal-Kamra u allura huwa tajjeb li nispjega ftit. L-ewwel nett nerġa’ nirreferi għall-Kostituzzjoni fejn tgħid li l-Parlament għandu jirregola lilu nnifsu, jew permezz ta’ mozzjoni jew inkella permezz ta’ ftehim. Dan mhux qed ngħidu jien imma qalitu s-Sedja kemm-il darba, jiġifieri li meta ssir mozzjoni u l-maġġoranza tivvota fuqha, dak li tgħid il-mozzjoni jkunu r-regolamenti l-ġodda u allura la l-Mozzjoni ta’ Proċedura Nru. 78 qalet li għall-fini tagħha l-artikli l-oħra kollha huma esklużi, allura huma esklużi.
Jien diġà spjegajt għaliex din il-mozzjoni tat id-dritt lil kulħadd sabiex jitlob l-aġġornament tal-Kamra. Tajjeb infakkar li fir-realtà din il-mozzjoni kienet saret fl-2009 wara li l-Onor. Jeffrey Pullicino Orlando ma kienx qed jaqbel mal-Gvern fuq il-mozzjoni li kienet għamlet l-Oppożizzjoni dwar il-ħofra li kienet ser issir quddiem il-Kon-Katidral ta’ San Ġwann u l-Gvern kien għamel mozzjoni bl-iskuża li ried jaħdem u minħabba li jkun hemm il-Membri msefrin. Imma dik il-mozzjoni għamilha biex jikkontrolla lill-Oppożizzjoni fuq il-mozzjonijiet u jikkontrolla lill-Membri tan-naħa tal-Gvern stess u joħnoqhom u ma jħallihomx jagħmlu mozzjonijiet privati bħal dawn.
Imma fortunatament, u żgur ma saritx b’intenzjoni min-naħa tal-Gvern, fil-Mozzjoni ta’ Proċedura Nru. 78 saru żbalji u bil-loopholes li ħallew, dak li riedu huma ma rnexxilhomx. Din il-mozzjoni li ġiet approvata minn din il-Kamra tagħti lok biex kulħadd jaġġorna l-Kamra u allura dak li tlabna aħna llum jista’ jseħħ. Issa s-Sedja tara l-affarijiet u ssib li aħna għandna raġun. U apparti mill-aspett tekniku, hemm ukoll l-aspett l-ieħor, li diġà semmejt, jiġifieri li hawn dikjarazzjoni llum, u min hu responsabbli għandu jisma’ x’intqal illum, li min qiegħed Prim Ministru fuq in-naħa l-oħra m’għandux maġġoranza. Mr Speaker, wieħed irid jieħu konsiderazzjoni ta’ dan ukoll.
MR SPEAKER: Grazzi. Jekk m’hawnx aktar kummenti, is-Sedja se tissospendi biex tkun tista’ tagħti d-deċiżjoni tagħha. Il-Kamra hija sospiża.
Fid-9:28 p.m. il-Kamra ġiet sospiża u rriżumiet fil-11:58 p.m.
Dostları ilə paylaş: |