Malta dibattiti tal-kamra tad-deputati (Rapport Uffiċjali u Rivedut)



Yüklə 0,5 Mb.
səhifə2/9
tarix18.01.2019
ölçüsü0,5 Mb.
#100440
1   2   3   4   5   6   7   8   9

TQEGĦID TA’ KARTI



ONOR. LAWRENCE GONZI (Prim Ministru): Mr Speaker, inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra:
Avviż Legali Nru. 324 tal-2012 – Ordni tal-2012 li Jwaqqaf l-Aġenzija Nazzjonali għal Eżamijiet;
Kopja tas-sejħiet għall-inġaġġ ta’ kuntistabbli fil-Korp tal-Pulizija li kienu ppubblikati fil-Gazzetta tal-Gvern tas-7 ta’ Settembru 2007, tal-10 ta’ Marzu 2009, tat-18 ta’ Marzu 2010, tat-8 ta’ April 2011 u tat-8 ta’ Mejju 2012, bi tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 36672;
Kopja tal-kuntratti jew dokumentazzjoni xort’oħra, dwar is-servizzi legali ma’ diversi kunsilli lokali, bi tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 36736;
Kopja tal-kuntratti jew dokumentazzjoni xort’oħra, dwar is-servizzi ta’ perit ma’ diversi kunsilli lokali, bi tweġiba għall-mistoqsija parlamentari numru 36737;
Kopja tal-kuntratti jew dokumentazzjoni xort’oħra, dwar is-servizzi ta’ accountants ma’ diversi kunsilli lokali, bi tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 36738;
Tabella li turi l-għadd ta’ laqgħat ta’ konsultazzjoni u s-suġġett li dwaru saru mill-kunsilli lokali tas-seba’ distrett elettorali bejn April u Settembru 2012, bi tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 36739;
Tabella li turi l-għadd ta’ laqgħat ta’ konsultazzjoni u s-suġġett li dwaru saru mill-kunsilli lokali tal-11-il distrett elettorali bejn April u Settembru 2012, bi tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 36740;

Tabella li turi l-għadd ta’ laqgħat ta’ konsultazzjoni u s-suġġett li dwaru saru mill-kunsilli lokali tat-12-il distrett elettorali bejn April u Settembru 2012, bi tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 36741; u


Kopja ta’ ittra datata 26 ta’ Settembru 2012 li s-Segretarju Permanenti Prinċipali bagħat lis-Sur Richard Cachia Caruana dwar il-ħatra tiegħu bħala adviser tal-Prim Ministru b’effett mit-13 ta’ Lulju 2012, bi tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 36744.
MR SPEAKER: Grazzi. Il-Ministru tal-Edukazzjoni u x-Xogħol.
ONOR. DOLORES CRISTINA (Ministru tal-Edukazzjoni u x-Xogħol): Mr Speaker, inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra:
Avviż Legali Nru. 325 tal-2012 – Regolamenti tal-2012 li Jirrevokaw ir-Regolamenti dwar il-Kunsill Malti għall-Kwalifiki;
Tagħrif dwar l-istaff ratio f’kull Ċentru ta’ Riżorsa f’Għawdex u f’Malta, bi tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 36627;
Tabella li turi l-għadd ta’ studenti b’diżabilità li għandhom aktar minn 16-il sena li jinsabu f’Ċentri ta’ Riżorsa, bi tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 36655;
Tagħrif dwar klawsoli tar-regolamenti tal-Malta Government Scholarships Post-Graduate Scheme dwar applikanti li ma jistgħux jappellaw mill-marki li jingħataw, bi tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 36746; u
Tagħrif dwar riżenji ta’ għalliema mid-Direttorat għas-Servizzi Edukattivi bejn Ġunju u Settembru 2012, bi tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 36764.
MR SPEAKER: Grazzi. Il-Ministru għas-Saħħa, l-Anzjani u Kura fil-Komunità.
ONOR. JOSEPH CASSAR (Ministru għas-Saħħa, l-Anzjani u Kura fil-Komunità): Mr Speaker, inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra:
Avviż Legali Nru. 327 tal-2012 – Ordni tal-2012 li jemenda l-Ordni dwar il-Prezz li għandu jitħallas għall-Akkwist ta’ Oqbra u Siti għal Oqbra; u
Tagħrif dwar kiri ta’ apparat u strumenti tal-operazzjonijiet lill-isptarijiet privati bejn Jannar u Awwissu 2012, bi tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 36489.
MR SPEAKER: Grazzi. Il-Ministru tal-Ġustizzja, Konsultazzjoni Pubblika u l-Familja.
ONOR. CHRIS SAID: Mr Speaker, inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra:
Avviż Legali Nru. 326 tal-2012 – Regolamenti tal-2012 li jemendaw ir-Regolamenti dwar Rati għal Servizzi Residenzjali Finanzjati mill-Istat.
MR SPEAKER: Grazzi. Il-Viċi Prim Ministru u Ministru tal-Affarijiet Barranin.

KUMITATI PERMANENTI



ONOR. TONIO BORG (Viċi Prim Ministru u Ministru tal-Affarijiet Barranin): Mr Speaker, ninforma lill-Kamra li l-Kumitat tal-Kontijiet dwar l-Uffiċċju Nazzjonali tal-Verifika iltaqa’ nhar l-Erbgħa 3 ta’ Ottubru biex jiddiskuti r-riżoluzzjoni dwar it-trasferiment ta’ proprjetà b’riferenza għall-MCP Company Ltd, kif emendata verbalment. Ninforma lill-Kamra li din il-mozzjoni għaddiet b’mod unanimu mill-Kumitat u qed inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra:
Kopja ta’ Abbozz ta’ ftehim, kif emendat verbalment, dwar l-estensjoni tal-konċessjoni enfitewtika favur il-kumpanija MCP Company Limited, flimkien mal-pjanti relattivi.
MR SPEAKER: Grazzi. Stqarrijiet Ministerjali? Il-Prim Ministru.

STQARRIJA MILL-PRIM MINISTRU LAWRENCE GONZI DWAR IS-SUMMIT TAL-FORUM TAL-MEDITERRAN

TAL-PUNENT (DJALOGU 5+5) LI NŻAMM ĠEWWA MALTA IL-ĠIMGĦA U S-SIBT 5 U 6 TA’ OTTUBRU 2012.



ONOR. LAWRENCE GONZI (Prim Ministru): Mr Speaker, kif dejjem għamilt wara li jkollna summit jew xi okkażjoni internazzjonali, se nagħmel rapport lill-Kamra rigward is-summit li kellna tal-5+5 nhar il-Ġimgħa u s-Sibt li għaddew.
Mr Speaker, kif taf il-Kamra, nhar il-Ġimgħa u s-Sibt li għaddew pajjiżna organizza u ospita l-laqgħa tal-Kapijiet ta’ Stat u Gvern tal-pajjiżi imsieħba fil-Forum tal-Mediterran tal-Punent, magħruf ukoll bħala d-Djalogu 5+5. Jidhirli li huwa xieraq li llum, bħala l-ewwel okkażjoni wara dan is-summit, nirraporta lill-Kamra dwar dan l-avveniment importanti.
Il-Forum tal-Mediterran tal-Punent, magħruf aktar bħala d-Djalogu 5+5, tnieda uffiċjalment ġewwa Ruma fl-1990. Dan il-forum subreġjonali informali jiġbor fih il-pajjiżi li ġeografikament jinsabu jmissu max-xtajta Ewro-Mediterranja tal-Punent u li huma l-Alġerija, Franza, l-Italja, il-Libja, il-Mawritanja, il-Marokk, il-Portugall, Spanja u t-Tuneżija. Malta saret membru fl-1991.
Dan huwa djalogu informali u mingħajr strutturi permanenti. Wieħed jista’ jgħid li kien l-uniku wieħed li baqa’ jiltaqa’ b’ritmu regolari. Il-vantaġġ ta’dan id-Djalogu huwa preċiżament in-natura informali tiegħu li permezz tagħha l-membri jiddiskutu b’mod apert u frank fuq problemi u interessi komuni fil-Mediterran. B’hekk id-Djalogu 5+5 ħafna drabi serva bħala inkubatur ta’ ideat li mbagħad ingħataw forma konkreta minn entitajiet Ewro-Mediterranji aktar strutturati bħal, pereżempju, l-Unjoni għall-Mediterran.
Il-ħsieb tad-Djalogu 5+5 huwa inizjattiva ta' sigurtà trans-Mediterranja li tiżgura koperazzjoni aktar mill-qrib bejn il-ħames Stati Membri tal-Unjoni Ewropea u l-ħames pajjiżi tal-Maghreb Għarbi permezz ta' djalogu politiku u koperazzjoni ekonomika. Jeżisti għarfien qawwi tal-interdipendenza f’dan ir-reġjun u għalhekk it-tisħiħ tal-ġestjoni aktar effiċjenti tar-riżorsi hija meqjusa bħala mezz ewlieni biex isaħħaħ l-iżvilupp reġjonali.
Wara li l-Forum kien reġa' tnieda b'determinazzjoni akbar fil-Portugall fl-2001, id-Djalogu 5+5 (tal-Ministri tal-Affarijiet Barranin), dan beda jiltaqa' b'mod regolari u jaħdem fuq attivitajiet immirati lejn koperazzjoni aktar konkreta u tanġibbli fost il-pajjiżi msieħba, li fosthom l-aktar importanti huma l-inizjattivi relatati mal-Migrazzjoni, id-Difiża u t-Trasport.
Pajjiżna ilu żmien twil jieħu sehem attiv fid-Djalogu 5+5. Fil-fatt, il-Presidenza ta' Malta ta’ dan il-Forum fl-2005 fittxet li tagħmel id-Djalogu strateġikament rilevanti u kkonċentrat fuq kwestjonijiet ta' ħsieb komuni u interess reċiproku billi kisbet kunsens, pereżempju, dwar kif għandhom jiġu ttrattati kwestjonijiet ta' migrazzjoni li jħabbtu lill-Mediterran, u pproponiet li tlaqqa', bl-appoġġ tal-Libja, konferenza tal-ogħla livell dwar il-kriżi tal-migrazzjoni illegali. Kienet saret laqgħa ta' tħejjija f'Pariġi qabel il-Konferenza ta' Tripli, waqt li nħarġet ittra konġunta mill-5+5 lill-Unjoni Ewropea li kienet tħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tittratta l-kwestjoni tal-migrazzjoni irregolari malajr kemm jista' jkun. Fl-istess żmien, f'Malta kien sar seminar, li kellu attendenza tajba ħafna, dwar proposta ta' pjan ta' azzjoni sabiex titħares il-ħajja fil-baħar u fid-deżert. Dan kien b'riżultat tad-diskussjonijiet esplorattivi fl-Unjoni Ewropea u fil-Libja li kienu saru wara l-adozzjoni fit-3 ta' Ġunju 2005 tal-Konklużjonijiet tal-Kunsill mill-Ministri tal-Ġustizzja u tal-Affarijiet Barranin li taw l-approvazzjoni biex jinbeda djalogu bejn l-UE u l-Libja rigward kwestjonijiet relatati mal-migrazzjoni irregolari.
Fattur ieħor ta' kontribut li jsejjes il-mertu ta' Malta fit-tisħiħ tad-Djalogu 5+5 jirriferi għall-proposta li Malta ppreżentat flimkien mat-Tuneżija f’dokument informali dwar il-patrimonju kulturali bħala fattur ta' żvilupp fil-Mediterran. Dan id-dokument saħaq dwar il-potenzjal ta' dan il-patrimonju għall-promozzjoni ta' żvilupp ekonomiku u titjib tal-ħajja soċjali fil-pajjiżi tar-reġjun permezz tat-twaqqif ta' programmi u mekkaniżmi bil-għan li tinġieb 'il quddiem il-kontribuzzjoni mit-turiżmu li dan il-patrimonju jista' jipprovdi. Imnedija waqt il-laqgħa tal-Ministri tal-Affarijiet Barranin 5+5 li kienet saret f'Malta f'Ġunju 2005, il-proposta semmiet it-twaqqif ta' direzzjonijiet kulturali fl-Istati Membri 5+5 kollha u wasslet għad-deċiżjoni Ministerjali li titlaqqa' l-laqgħa Ministerjali 5+5 dwar it-Turiżmu, li kienet saret wara, f'Mejju 2006. Sfortunatament, ma seħħ xejn aktar wara l-ewwel laqgħa Ministerjali dwar it-Turiżmu.
L-ewwel u l-uniku 5+5 Summit għall-Kapijiet ta' Stat u Gvern qabel dak tal-ġimgħa l-oħra kien sar f'Tuneż f'Diċembru 2003. Is-Summit tal-2003 kien tenna r-rieda li jissaħħu aktar il-miżuri li jsawru l-fiduċja fl-oqsma kollha, kif ukoll id-djalogu bejn il-pajjiżi tagħhom, biex jaslu biex jaraw kwestjonijiet attwali b'mod komuni, u jaqblu dwar l-importanza li jkun hemm tisħiħ u koperazzjoni fi kwestjonijiet bejn il-fruntieri, is-sigurtà u l-istabbiltà, integrazzjoni reġjonali u koperazzjoni ekonomika, il-qasam soċjali, djalogu bejn kulturi u ċivilizzazzjonijiet u djalogu politiku. Dawn il-kwestjonijiet għadhom topiċi u rilevanti llum daqs kemm kienu qabel. Fil-fatt il-Gvern Malti qies li:


  • Id-Djalogu 5+5 huwa l-uniku grupp reġjonali li jġib flimkien il-membri tal-Unjoni Għarbija tal-Maghreb mal-eqreb ġirien tagħha fix-xtajta tat-Tramuntana tal-Mediterran tal-Punent fi sfond informali;




  • Dan id-Djalogu jipprovdi valur miżjud lil gruppi reġjonali oħra, b'mod partikolari permezz tan-natura informali tiegħu li tippermetti diskussjoni aktar ħielsa dwar temi ta' interess u ħsieb komuni għall-għaxar pajiiżi msieħba; u



  • Wara li kien tlaqqa' l-ewwel Summit fin-Nofsinhar fl-2003, kien imiss lit-Tramuntana li tilqa' għandha t-tieni Summit skont il-prinċipju ta' rotazzjoni li issa huwa aċċettat minn kulħadd biex jerġa' jissaħħaħ id-Djalogu bi spinta politika ġdida.

Matul it-tħejjija, il-Gvern Malti ppropona li:




  • jiġu affermati mill-ġdid l-iskop u r-rilevanza tal-Forum fi djalogu reġjonali usa' bl-użu tiegħu bħala inkubatur ta' ideat ġodda li jsostnu l-integrazzjoni reġjonali;




  • issir analiżi ġenerali ta’ oqsma ġodda ta' koperazzjoni bħall-edukazzjoni, l-ambjent, l-enerġija u kwestjonijiet oħra fil-qasam ekonomiku, kif ukoll tad-djalogu politiku tradizzjonali, is-sigurtà u l-immigrazzjoni; u



  • tiġi żviluppata sinerġija mal-Unjoni għall-Mediterran u mal-Politika Ewropea tal-Viċinat (European Neighbourhood Policy), li huma aktar ibbażati fuq proġetti. B’hekk tiġi evitata d-duplikazzjoni ta' xogħol u jsir użu aħjar mill-fondi disponibbli f’dawn l-istrumenti.

Mr Speaker, nixtieq ninforma lill-Kamra dwar l-orjentazzjoni ġenerali li biha il-Gvern Malti ħadem f’dan is-Summit.


Għall-Gvern Malti, il-Baħar Mediterran mhuwiex fruntiera li tifridna, iżda pont li jgħaqqadna. Jgħaqqdna bħala pajjiżi, fl-istorja, fil-kultura, fil-kummerċ. Jgħaqqadna wkoll bħala popli. F’dan l-ispirtu ta’ għaqda u fraternità rridu nħarsu ‘l quddiem waqt li nfasslu l-ġejjieni ta’ dan ir-reġjun.
Il-ġrajjiet li seħħew fl-Afrika ta’ Fuq u f’partijiet oħra tad-dinja Għarbija huma uniċi u ta’ proporzjonijiet storiċi. Assistejna u għadna qegħdin nassistu għal tibdiliet kbar fi ħdan il-pajjiżi ta’ dan ir-reġjun. Dak li ġara fl-aħħar xhur ser ikollu konsegwenzi kbar u dejjiema mhux biss għall-popli u l-pajjiżi nfushom tar-reġjun, iżda anke għall-bqija tad-dinja, partikolarment l-Ewropa. Huma l-valuri komuni ta’ ġustizzja, ta’ libertà, ta’ rispett lejn id-drittijiet tal-bniedem, ta’ impenn u ħidma għal kwalità ta’ ħajja aħjar, li ispiraw u mexxew il-popli tan-naħa t’isfel tal-Mediterran biex is-sena l-oħra jqumu biex ineħħu dak li kien qed iżommhom lura. Il-poplu tar-reġjun esprima x-xewqa għal futur aħjar, għad-demokrazija, għar-rispett tad-drittijiet fundamentali tal-bniedem, u għal ħajja aħjar u aktar dinjituża, għalihom, għal uliedhom u għall-ġenerazzjonijiet futuri.
F’dan il-kuntest irridu nevalwaw il-ġejjieni tagħna f’din ir-realtà Mediterranea ġdida. Ix-xewqa tagħna bħala sħab Ewropej hija li nibnu r-relazzjonijiet futuri tagħna skont il-potenzjal tal-pajjiżi u tal-popli kollha tar-reġjun Nord Afrikan. It-tama tagħna hija li naraw it-tmiem tal-vjolenza darba għal dejjem. Waqt li lkoll inkomplu l-isforzi tagħna fir-reġjun, irridu nevitaw li nieħdu pożizzjoni komuni għal pajjiżi kollha f’daqqa. Huwa veru li r-rivoluzzjonijiet fir-reġjun kellhom bosta kawżi komuni: reġimi awtoritarji, in-nuqqas ta’ opportunitajiet ta’ xogħol, il-ksur tad-drittijiet umani u s-soppressjoni tal-libertajiet fundamentali. Madankollu, kull wieħed minn dawn il-pajjiżi huwa pajjiż differenti u huwa essenzjali li niżviluppaw djalogu partikolari biex nassiguraw appoġġ adegwat għat-transizzjoni mibni fuq ftehim reċiproku.
Ilkoll nafu li l-proċess tad-demokratizzazzjoni u t-tranżizzjoni ser ikun wieħed twil. F’dan il-kuntest m’għandna qatt ninsew l-interessi fit-tul ta’ pajjiżna. Jenħtieġ li nkunu realistiċi. Għandna mewġiet dejjem jikbru ta’ immigranti illegali lejn l-Ewropa. Hemm il-possibilità ta’ inkwiet ċivili u instabilità u hemm il-prezzijiet jogħlew taż-żejt u issa taċ-ċereali u l-ikel. Iżda dan ir-realiżmu m’għandux itellifna mill-għan aħħari tagħna, dak ta’ Afrika ta’ Fuq demokratika, stabbli u li tgħix fil-prosperità u l-paċi.
Hekk kif qed tibda tmexxija ġdida f’dawn il-pajjiżi, il-Gvern Malti jemmen li l-Ewropa m’għandhiex tibża’ minn suċċessi ispirati mill-Islam. Bi storja u destin komuni fil-baħar Mediterran, ilkoll kemm aħna, Ewropej u Għarab, jenħtieġ li jindirizzaw flimkien il-bosta sfidi tar-reġjun. Nemmnu fil-bżonn ta’ djalogu politiku li għandu bżonn ikun mibni fuq ir-rispett reċiproku u r-rispett tal-valuri universali. L-għan huwa wieħed ċar: li nġibu 'l quddiem demokrazija soda u sostenibbli u flimkien magħha l-prosperità ekonomika. Ma nistgħu qatt nifirdu l-iżvilupp soċjali mill-iżvilupp demokratiku u ekonomiku. Nafu tajjeb li d-demokrazija ma tfisser xejn mingħajr l-impjiegi, mingħajr il-prosperità ekonomika u mingħajr provvista ta’ ikel u sigurtà.
Għalhekk huwa essenzjali li nilqgħu għall-isfidi ekonomiċi biex it-transizzjoni tirnexxi. Nagħrfu li l-mexxejja f’dan ir-reġjun jenħtieġ li jipprovdu tkabbir ekonomiku u impjiegi biex jirrispondu għall-frustrazzjonijiet ekonomiċi taż-żgħażagħ li kienu huma l-forza ewlenija tar-rivoluzzjonijiet. Sfortunatament, il-kuntest ekonomiku internazzjonali u Ewropew flimkien mal-inċertezzi bħala riżultat tat-transizzjonijiet qegħdin joffru sfidi sostanzjali lill-kummerċ, lill-investiment u lit-turiżmu f’dawn il-pajjiżi.
Minħabba f’hekk, jenħtieġ li nżidu l-attività tagħna biex nibnu mill-ġdid il-qafas ta’ koperazzjoni reġjonali. Kemm jekk politiċi, soċjali, ekonomiċi jew ta’ sigurtà, ħafna sfidi jistgħu jiġu ffaċċjati biss permezz ta’ koperazzjoni reġjonali akbar kemm bejn il-popli kif ukoll il-gvernijiet kollha tar-reġjun. It-trasformazzjoni ta’ pajjiż ma tenħtieġx biss ir-rieda politika u x-xogħol iebes ta’ gvern leġittimu. Tenħtieġ bidla fis-soċjetà kollha kemm hi bil-popolazzjoni li tifhem u tħaddan it-tibdiliet meħtieġa. Għalhekk nitkellmu fuq ir-rwol ewlieni li għandhom l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili f’dan il-proċess, u fl-isforzi tagħna ta’ koperazzjoni, jenħtieġ li nkunu inklussivi – inklussivi mal-politiċi, mas-settur ekonomiku u mal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili. Hawnhekk ma nistgħux ninsew l-aġenziji l-oħra bħall-Lega Għarbija, l-Unjoni tal-Mediterran u l-Assemblea Parlamentari tal-Mediterran.
Il-Gvern Malti jemmen li l-potenzjal uman u ekonomiku vast tar-reġjun tagħna għadu ma ġiex sfruttat kif jixraq. Għalhekk id-Djalogu tal-5+5 għandu jaħdem ukoll dwar ċentri edukattivi reġjonali aktar b’saħħithom, dwar l-enerġija alternattiva, it-trasport, is-sigurtà fl-ikel, it-tkattir tal-kummerċ u ħafna aktar inizjattivi li jistgħu joħolqu tkabbir u, ferm aktar importanti, l-impjiegi li r-reġjun għandu bżonn.
Kull pjan, kull ħidma għandhom ikunu ċċentrati fuq id-dinjità tal-bniedem. Id-djinjità invjolabbli u unika ta’ kull bniedem tispira l-politika ekonomika għal opportunijiet aħjar ta’ xogħol, il-parteċipazzjoni tas-soċjetà ċivili, il-ħarsien tad-drittijiet tal-bniedem. Il-bniedem, kull bniedem, huwa ċ-ċentru tal-politika, tal-proġetti u tal-viżjoni tagħna.
Mr Speaker, dan is-Summit isaħħaħ ir-rwol ta’ pajjiżna bħala ċentru ta’ djalogu u koperazzjoni reġjonali. Ir-rappreżentanza għolja ta’ kapijiet ta’ Stat u Gvern kienet turija ċara ta’ kemm il-Mediterran huwa prijorità għall-komunita’ internazzjonali u prova ta’ fiduċja u stima li tgawdi Malta mal-ġirien tagħha. Fil-fatt, huwa ta’ unur għal pajjiżna li dawn il-mexxejja li se nsemmi pparteċipaw:
Il-President Franciż Francois Hollande

Il-Prim Ministru Taljan Mario Monti

Il-Prim Ministru Portugiż Pedro Passos Coelho

Il-Prim Ministru Spanjol Mariano Rahoy

Il-Prim Ministru Alġerin Abdelmalek Sellal

Il-President tal-Kungress Libjan Mohammed Magariaf

Il-President tal-Mawritanja Mohamed Ould Abdel Aziz

Il-Kap tal-Gvern tal-Marokk Abdelilah Benkirane



Il-President Tuneżin Moncef Marzouki
Minnbarra dawn attendew ukoll bħala osservaturi il-President tal-Kummissjoni Ewropea Josè Manuel Barroso, is-Segretarju Ġenerali tal-Unjoni għall-Mediterran Fathallah Sijilmassi, is-Segretarju Ġenerali għall-Unjoni tal-Maghreb Afrikan Habib ben Yahia kif ukoll il-Kummissarju Ewropew responsabbli mit-tkabbir u l-politika tal-Viċinat Stefan Fule, rappreżentanti tal-Lega Għarbija u tal-Assemblea Parlamentari tal-Mediterran.
Nista’ ngħid li matul dan is-Summit kellna dikussjoni miftuħa li saħħet il-fiduċja, ir-rieda u d-determinazzjoni bejn in-naħat kollha. Dan joħroġ ukoll mill-Malta Declaration u li qed inqiegħed kopja tagħha fuq il-Mejda tal-Kamra. Din id-Dikjarazzjoni tittratta seba’ punti ewlenin: il-prinċipji tad-Djalogu 5+5; id-djalogu politiku; is-sigurtà u l-istabbiltà reġjonali; materji ekonomiċi u soċjali; iż-żgħażagħ u l-edukazzjoni; l-immigrazzjoni u materji globali.
Wara li ġie affermat li d-Djalogu 5+5 huwa il-qalba tal-koperazzjoni Ewro-Mediterranea u mudell għas-sħubija bejn in-Nord u s-Sud, id-Dikjarazzjoni tikkonferma d-determinazzjoni tal-pajjiżi msieħba li jikkonservaw u jsaħħu d-djalogu strutturat u l-koperazzjoni. Fl-istess waqt, dan id-Djalogu irid isaħħaħ is-sinerġiji tiegħu mal-organizzazzjonijiet l-oħra reġjonali fil-promozzjoni tal-paċi, stabbiltà, sigurtà u prosperità fir-reġjun, waqt li jiġu esplorati oqsma oħra ta’ djalogu bħalma huma x-xogħol, l-investiment, il-kummerċ u l-agrikoltura. F’dan kollu għandha tiġi msieħba s-soċjetà ċivili.
Id-Dikjarazzjoni ferħet bil-proeess ta’ demokratizazzjoni waqt li wiegħdet l-appoġġ biex jiġu mtaffija l-impatti ekonomiċi u soċjali tal-bidliet istituzzjonali meħtieġa. Sehem aktar attiv fis-sigurtà reġjonali kien indikat, partikolarment meta ffaċċjati bi kriżi reġjonali. Hawnhekk reġa’ ġie enfassizzat il-bżonn ta’ paċi ġusta u dejjiema fil-Lvant Nofsani mibnija fuq is-soluzzjoni ta’ żewġ stati (Iżrael u l-Palestina) indipendenti u demokratiċi li jgħixu maġemb xulxin fil-paċi u s-sigurtà.
Il-qagħda ferm preokkupanti ġewwa s-Sirja ġiet diskussa fil-fond. Il-vjolenza fis-Sirja ġiet ikkundannata bl-aktar mod ċar u hawnhekk nixtieq nikkwota mid-Dikjarazzjoni fejn stqarrejna
strong condemnation of the continuous acts of murder, violence and heinous crimes committed by the Syrian government forces and its militias.”
Ikkundanjna wkoll – u se nerġa’ nikkwota –
all violence whichever side it comes from”.
Wara dan, saret sejħa għat-twaqqif ta’ gvern tranżitorju, mibni fuq il-kunsens u li jeskludi lil kull min jimmina t-transizzjoni, biex imexxi s-Sirja lejn tmexxija demokratika u pluralistika.
Id-Dikjarazzjoni identifkat l-objettivi tal-kooperazzjoni ekonomika u soċjali tal-pajjiżi msieħba fid-Djalogu 5+5. Dawn huma: stabilità soċjali u ekonomika, żvilupp, prosperità, ħolqien tax-xogħol, ħarsien tal-ambjent, integrazzjoni reġjonali u tnaqqis tal-ispariġġi soċjali. F’dan ir-rigward, l-impriżi żgħar u medji (SMEs) għandhom rwol kruċjali bħala vejikoli ewlenin għall-ħolqien tax-xogħol u t-tkabbir ekonomiku. Barra minn dan, ir-rwol strateġiku tat-turiżmu fir-reġjun ġie enfasizzat flimkien mal-ħtieġa ta’

approach komuni fis-settur. Iż-żgħażagħ huma l-atturi ewlenin fil-bini ta’ futur aħjar. Il-miżuri ewlenin indikati huma l-edukazzjoni u t-taħriġ u l-mobilità tal-istudenti fil-kuntest ta’ programm ta’ riċerka komuni.
Kif mistenni l-immigrazzjoni giet trattata wkoll. Kien hemm rikonoxximent li dan il-fenomenu għandu jiġi indirizzat fil-kuntest tal-iżvilupp. B’hekk inkunu qed immorru fl-għeruq tiegħu u dak li kultant jinvolvi sfruttament u theddid għad-dinjità tal-bniedem imma jista’ jkun ukoll mezz ta’ ħajja aħjar. Huwa għalhekk li kull diskors u kull azzjoni f’dan il-qasam delikat, filwaqt li nikkolaboraw kontra l-immigrazzjoni irregolari u niġġieldu t-traffikar tan-nies, għandha tkun iċċentrata fuq id-dinjità tal-bniedem. Fuq livell globali, id-Djalogu 5+5 adotta id-direzzjonijiet ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti dwar l-iżvilupp sostenibbli, il-bidla fil-klima, l-ilma, l-ikel u l-ambjent.
Mr Speaker, fil-marġini ta’ dan is-Summit ġejt mitlub nippresjedi laqgħa tal-ħames Kapijiet tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea li għaliha kien preżenti wkoll il-President tal-Kummissjoni Ewropea Josè Manuel Barroso. Il-punti prinċipali li ġew diskussi kienu s-sitwazzjoni ekonomika, partikolarment dik fiz-zona Ewro u l-Kunsill Ewropew li ser isir il-ġimgħa d-dieħla u li ser ikollu l-Unjoni Ekonomika u Monetarja bħala tema prinċipali. Il-ħames pajjiżi li aħna lkoll membri tal-Grupp Ewro, u għalhekk kien xieraq li nieħdu din l-opportunità bħala parti mill-koperazzjoni li teżisti bejnietna.
Qbilna li jkun importanti li l-Kunsill Ewropew li jmiss, jigifieri dak tat-18 u 19 ta’ Ottubru, jikkonferma l-qbil li sar f’Ġunju biex nagħtu sinjal ċar li l-gvernijiet qed jagħmlu ħilithom kollha biex jiġu implementati l-miżuri neċessarji. Il-Kunsill Ewropew irid mhux biss itenni dan il-qbil iżda wkoll jirreġistra progress fuq il-miżuri li fuqhom kien hemm qbil f’Ġunju. Fost dawn il-miżuri hemm il-proposta riċenti tas-Single Supervisory Mechanism (magħruf ukoll bħala l-SSM), li hu wieħed mill-pilastri tal-Unjoni Bankarja.
Malta tenniet il-pożizzjoni li kienet ħadet fil-Kunsill Ewropew ta’ Ġunju li għadda, li dan il-mekkaniżmu huwa parti mportanti mill-arkitettura futura tal-Unjoni Bankarja u li jekk jista’ jkun, jiġi stabbilit fix-xhur li ġejjin. F’dan l-isfond Malta qalet ukoll li minbarra l-importanza taż-żmien u d-deadline, il-kredibilità tal-miżura tiddependi wkoll mill-kwalità tal-leġislazzjoni. F’dan il-kuntest Malta saħqet ukoll fuq l-importanza li jiġu implimentati mingħajr dewmien miżuri oħra li fuqhom diġà kien hemm qbil u deċiżjonijiet fil-Kunsill (bħalma huwa t-two pack) qabel ma jsiru miżuri addizzjonali. B’hekk il-messaġġ ikun ċar li l-Ewropa qed twettaq dak li twiegħed.
L-isfidi li għandna quddiemna mhumiex żgħar u nafu li l-pajjiżi ta’ madwarna qed jagħmlu bosta sforzi. Bħalissa hemm it-Troika tal-Greċja u r-rapport hu mistenni fil-ġimgħat li ġejjin. Qbilna li hu importanti li nappoġġjaw l-isforzi li qed isiru. Qbilna wkoll li huwa importanti li l-kundizzjonijiet tal-għajnuna jridu jkunu ċari biex wieħed ikun jista’ jevalwa sew is-sitwazzjoni qabel tittieħed deċiżjoni. Żgur li qed isir kull sforz minn diversi pajjiżi biex jippruvaw iwettqu riformi strutturali minn rajhom u dan għandu wkoll jigi rikonoxxut.
Qbilna wkoll li l-attenzjoni għandha tibqa’ fuq it-tkabbir ekonomiku għax jekk ma niġġenerawx it-tkabbir, ir-riformi ma jistgħux iħallu r-riżultati li hemm bżonn. Bħala parti mill-moniteraġġ li qed isir fuq il-qbil ta’ Ġunju f’dan ir-rigward, il-Kummissjoni Ewropea ser toħroġ rapport qasir tal-miżuri li l-istituzzjonijiet qed iwettqu f’dak li għandu x’jaqsam mat-tkabbir. Huwa importanti li d-deċiżjonijiet li ħadna issa jiġu mwettqa u li s-swieq, l-industrija u ċ-ċittadini Ewropej jibdew iħossu l-effett tanġibbli ta’ dawn id-deċiżjonijiet . Il-ħames Kapijiet qbilna li x-xhur li ġejjin huma kruċjali biex niġġeneraw ambjent ta’ kunfidenza u fiduċja fl-ekonomija Ewropea, dan ukoll fl-isfond tad-diskussjonijiet li ser ikollna ix-xahar id-dieħel fuq il-perspettivi finanzjarji 2014-2020. Fl-aħħar tal-laqgħa nħarġet ukoll communiqué li tiġbor fil-qasir il-punti ewlenin tal-laqgħa. Inqiegħed kopja ta’ din il-communiqué fuq il-Mejda tal-Kamra.
Fid-dawl ta’ dan nixtieq ninforma lill-Kamra bil-laqgħa tal-Euro Group li għaddejja bħalissa u li għaliha qed jattendi il-Ministru tal-Finanzi Tonio Fenech. Il-qagħda fil- Greċja hija kkumplikata bil-fatt li waqgħet lura fit-twettiq ta' ċerti riformi li kienet intrabtet li twettaq meta ngħatalha t-tieni programm ta' għajnuna, b’riżultat ukoll tad-dewmien fil-formazzjoni ta' gvern ġdid. Qiegħed jirriżulta wkoll li l-Greċja mhix tilħaq il-miri finanzjarji kollha stipulati fil-programm minħabba l-kriżi ekonomika li għaddejja minnha. Minħabba dawn iċ-ċirkostanzi, it-Troika għadha mhix f'pożizzjoni li tiffinalizza l-aħħar rapport ta' evalwazzjoni tal-programm Grieg. Il-Euro Group qed jiddiskuti ir-riperkussjonijiet ta’ dan kollu kif ukoll it-triq 'il quddiem. Dan waqt li qed niltaqgħu l-lejla. Matul din l-istess laqgħa għandhom jiġu diskussi wkoll il-programmi ta' għajnuna lill-Portugall u lill-Irlanda kif ukoll għandha ssir diskussjoni dwar il-qagħda ekonomika kemm fi Spanja kif ukoll f’Ċipru.
Il-Mekkaniżmu ta’ Stabbiltà Ewropew (ESM) daħal fis-seħħ u dan il-mekkaniżmu ta' stabbiltà ġie varat uffiċjalment. Fil-fatt, kmieni wara nofsinhar saret l-ewwel laqgħa tal-Bord tal-Gvernaturi tal-ESM. Il-Ministru tal-Finanzi Tonio Fenech huwa r-rappreżentant tal-Gvern Malti fuq il-Bord tal-Gvernaturi u ninforma lill-Kamra li llum ipparteċipa f'din l-ewwel laqgħa tal-Bord.
Matul is-Summit kelli għadd ta’ laqgħat bilaterali. L-ewwel laqgħa li kelli kienet mal-President tal-Mawretanja Abdel Aziz. Huwa kellu kliem ta’ tifħir għall-mod ta’ kif Malta irnexxielha tlaqqa’ l-għaxar kapijiet ta Stat u Gvern għal Summit memorabbli. Il-President tkellem b’mod pożittiv ħafna dwar ir-rwol ta’ Malta fir-reġjun bħala ċentru ta’ djalogu bejn il-popli Mediterranji u aktar preċiżament bejn l-Ewropa u d-dinja Għarbija. Il-President Aziz u jien qbilna li hemm lok għal tkabbir fir-relazzjonijet bilaterali tagħna u esprimejna r-rieda li naħdmu b’mod tanġibbli għal dan il-għan.
F’laqgħa mal-Prim Ministru Spanjol Mariano Rajoy tkellimna dwar il-qagħda ekonomika fi Spanja, kif ukoll it-tisħiħ ta' investiment u turiżmu bejn Malta u Spanja. Il-Prim Ministru Rajoy ikkumplimenta lil pajjiżna dwar l-istat tal-ekonomija Maltija u tkellem dwar il-programm ta' riforma li għaddej bhalissa f'pajjiżu. Qbilna fuq l-importanza li jiġu implimentati r-riformi neċessarji fl-isfond tal-objettiv tat-tkabbir ekonomiku biex ir-riformi jkunu wkoll sostenibbli. Qbilna wkoll li huwa meħtieġ li l-Kunsill Ewropew li jmiss jagħti sinjali konkreti tal-progress li qed isir fl-implementazzjoni tal-miżuri maqbula fil-Kunsill ta’ Ġunju li għadda. Il-Prim Ministru Spanjol esprima l-importanza li miżuri li qed jiġu diskussi bħalissa fl-isfond tal-Unjoni Bankarja, partikolarment dawk relatati mas-superviżjoni u sorveljanza unika, jiġu implementati mill-aktar fis possibli.
Mal-President Franċiż Francois Hollande tkellimna dwar it-tisħiħ ta' relazzjonijiet bilaterali kif ukoll dwar temi Ewropej. Il-President Franċiż saħaq dwar il-bżonn ta' deċiżjonijiet importanti fil-laqgħa tal-Kunsill Ewropew aktar tard dan ix-xahar. Huwa qal ukoll li jidher li hemm qbil ġenerali fuq il-proposti ta' Unjoni Bankarja u għalhekk ikun importanti jekk wieħed ikun jista' jilħaq qbil dwar dan fil-Kunsill Ewropew. Franza tqis qbil dwar l-Unjoni Bankarja bħala kruċjali biex jintlaħaq qbil dwar il-budget tal-Unjoni Ewropea. Min-naħa tiegħi sostnejt li Malta tqis li għandhom jiġu mplementati l-mizuri maqbula, anke minħabba li din hi kwestjoni ta’ kredibbiltà u hemm bżonn li ngħaddu sinjali cari u tanġibbli ta’ progress fix-xogħol tagħna lis-swieq.
Jien spjegajt kif, għalkemm Malta temmen li jista' jintlaħaq qbil dwar l-Unjoni Bankarja, Malta mhijiex favur unjoni fiskali. Malta għandha tħassib partikolari dwar il-proposti ta' tassazzjoni bħall-Financial Transaction Tax. Tkellimt ukoll dwar il-pożizzjoni ta' Malta fuq il-Qafas Finanzjarju Multi-annwali, partikolarment fuq il-politika ta' Koeżjoni li hija l-iżjed politika importanti għal Malta f'dan il-Qafas.
Il-laqgħa bilaterali ta’ wara kienet mal-Prim Ministru Taljan Mario Monti fejn tkellimna

dwar ir-relazzjonijiet bejn il-pajjiżi tagħna u enfasizzajt l-importanza ta' progress fuq il-proġett tal-interkonnessjoni elettrika bejn Malta u l-Italja. Dan huwa kruċjali għal Malta sabiex ikollna provvista xierqa u kompettitiva ta' enerġija u fl-istess ħin inkunu nistgħu nilħqu l-miri ta' enerġija rinnovabbli li kkommettejna ruħna għalihom fuq livell

Ewropew. F’dan il-kuntest irriferejt ukoll għall-fatt li Malta kienet qed tistudja l-feasibility ta’ proġett ieħor ta’ din ix-xorta, jiġifieri il-pipeline u terminal tal-gass. Tkellimna wkoll dwar temi Ewropej, partikolarment il-qagħda ekonomija fiż-żona Ewro, kif ukoll dwar il-proposti li għandna fuq il-mejda tal-Kunsill Ewropew li jmiss tat-18 u 19 ta' Ottubru dwar Unjoni Bankarja u Fiskali. Hawnhekk jiena sħaqt fuq l-importanza ta' rispett tas-sovranità fejn jittieħdu d-deċiżjonijiet, kif ukoll it-tħassib li għandha Malta dwar l-unjoni fiskali. Tkellimna wkoll dwar il-Qafas Finanzjarju Multi-annwali għas-snin 2014-2020, fejn spjegajt is-sitwazzjoni partikolari ta' Malta dwar il-politika ta' koeżjoni, fejn Malta, bħala Stat li huwa ukoll gżira, isofri minn numru ta' żvantaġġi u għalhekk hemm bżonn soluzzjonijiet partikolari. Il-Prim Ministru Monti esprima solidarjetà mal-pożizzjoni ta' Malta u qbilna li nikkoperaw flimkien biex din il-politika tirrikonoxxi d-diffikultajiet u l-isfidi speċifiċi ta’ territorji diversi tal-Unjoni bħalma huma l-gżejjer.
L-aħħar laqgħa li kelli l-Ġimgħa 5 ta’ Ottubru kienet mal-Prim Ministru Portugiż Pedro

Passos Coelho. Il-Prim Ministru Portugiż spejga l-istat ta’ riformi li qed jiġu implementati f’pajjiżu fid-dawl tad-diskussjonijiet li qed isiru din il-ġimgħa fl-isfond tal-Kunsill ECOFIN. Waqt din il-laqgħa jiena ppreżentajt il-pożizzjoni ta' Malta dwar il-Qafas Finanzjarju Multi-annwali u enfasizzajt l-importanza tal-politika ta' koeżjoni, kemm għal Malta kif ukoll għall-Portugall u sħaqt fuq l-importanza li tingħata konsiderazzjoni partikolari lir-regjuni fi transizzjoni. Il-Prim Ministru Coelho tenna l-appoġġ tal-Gvern tiegħu ghal każ ta’ Malta. Il-Prim Ministru Portugiż u jien qbilna dwar it-twaqqif ta' Kamra ta' Kummerċ Konġunt. Tkellimna dwar koperazzjoni bilaterali fil-qasam tal-electric mobility. Dwar dan is-suġġett saret ukoll laqgħa bilaterali bejn il-Ministru George Pullicino u s-Segretarju tal-Istat Portugiż li kien qed jakkumpanja lill-Prim Ministru tiegħu.


Nhar is-Sibt 6 ta' Ottubru kelli laqgħa mal-President tal-Kummissjoni Ewropea Josè Manuel Barroso. Il-President Barroso faħħar is-Summit ta’Malta u qal li l-Malta Declaration għandha ssaħħaħ l-importanza tal-pajjiżi fil-Punent tal-Mediterran biex issaħħaħ il-qafas wiesa’ ta’ koperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-pajjiżi tal-Maghreb. Il-President Barroso irringrazzja lil Malta għall-kontribuzzjonijiet pożittivi u kostruttivi ta’ Malta fi ħdan l-Unjoni Ewropea. Huwa saħaq fuq l-importanza ta’ progress fuq l-Unjoni Monetarja. Huwa qal li hu kuntent bil-livell ta’ solidarjetà bejn il-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea fi żmien ta’ kriżi u għalhekk huwa ottimista fir-rigward tal-laqgħa tal-Kunsill Ewropew ta’ Ottubru.
Jien spjegajt il-pożizzjoni ta’ Malta dwar il-Qafas Finanzjarju Multi-annwali għas-snin 2014-2020. Hemm bżonn ta’ soluzzjoni partikolari għal Malta. Il-politika ta' koeżjoni tibqa’ importanti ħafna biex tkompli issaħħaħ il-kompetittività tal-pajjiż u għalhekk il-Kummissjoni Ewropea għandha tifhem il-pożizzjoni unika ta’ Malta bħala Stat li huwa ukoll gżira. Semmejt ukoll il-każ partikolari ta’ Għawdex fejn dwar dan jien ktibt lill-President tal-Kummissjoni Ewropea f’Lulju li għadda. Il-President tal-Kummissjoni Ewropea qal li huwa jirrikonoxxi s-sitwazzjoni partikolari ta’ Stat Gzira u qal li Malta qed tpoġġi l-argumenti tagħha b’mod ċar. It-tir tiegħu huwa li jkun hemm qbil dwar il-Qafas Finanzjarju Multi-annwali sal-aħħar tas-sena. Għalhekk, il-Kunsill Ewropew tat-23 ta’ Novembru li se jittratta din it-tema se jkun kruċjali.
Tkellimna dwar il-qagħda ekonomija fiż-Żona Ewro, fejn il-President Barroso faħħar is-sitwazzjoni ekonomika ta’ Malta. Malta għamlet ħafna sagrifiċċji biex saru diversi riformi fil-qasam ekonomiku bħala preparazzjoni għad-dhul fl-Ewro u dawn għenu biex Malta taffaċċja dan iż-żmien ta’ kriżi b’finanzi sodi.
Wara din il-laqgħa kelli wkoll is-sodisfazzjon li niltaqa’ mal-President tal-Kungress Libjan, Mohamed Al Megarief li kellu kliem ta’ tifħir lejn Malta u l-vokazzjoni Mediterranja tagħha. Waqt id-diskussjoni tagħna kelli l-opportunità nistaqsi lill-President biex jaqsam ftit ħsebijiet dwar il-futur politiku immedjat ta’ pajjiżu. Filwaqt li stqarr li l-proċess ta’ tranżizzjoni huwa wieħed li jippreżenta numru ta’diffikultajiet, qal li l-poplu Libjan qed iħares lejn il-ġejjieni b’sens ta’ ottimiżmu. It-tmexxija Libjana hija detereminata li tara l-pajjiż jagħti kontribut siewi u kostruttiv lill-komunità internazzjonali. Il-President Megarief tenna li l-Libja ser tibqa’ tħares lejn Malta mhux bħala pajjiż ġar iżda bħala ħabib. Huwa saħaq li l-kontrbut tal-Gvern Malti waqt il-rivoluzzjoni ser jibqa’ fil-memorja u l-qlub tal-poplu Libjan.
Iddiskutejna wkoll numru ta’ oqsma ta’ koperazzjoni bilaterali, inkluż l-investiment Malti ġewwa l-Libja, u l-għajnuna li qed tagħti Malta lil studenti Libjani fil-qasam tal-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali. Hawnhekk qbilna li naħdmu flimkien sabiex jinfetaħ campus tal-MCAST f’Misurata sabiex tingħata assistenza konkreta għat-tisħiħ tat-taħriġ ta’ żgħażagħ fid-dinja tax-xogħol. Flimkien ma’ dan, se naħdmu flimkien biex il-Kulleġġ Libjan ġewwa Ta’ Giorni jiżviluppa f’ċentru ta’ taħriġ ta’ livell Ewropew.
Kien ta’sodisfazzjon partikolari għalija ninnota l-importanza li qed tagħti t-tmexxija Libjana lill-problema tal-immigrazzjoni irregolari anki mill-angolu umanitarju. M’hemm ebda dubju li r-rwol li tista’ tagħti l-Libja biex tiġi megħluba din il-problema huwa wieħed prinċipali.
L-aħħar laqgħa bilaterali matul dan is-Summit kienet waħda kordjali ħafna mal-President tat-Tuneżija Marzouki. Il-President Marzouki kellu kliem ta’ tifħir għar-rwol storiku ta’ Malta li toħloq djalogu bejn l-Ewropa u l-ġirien Għarab tagħha. Waqt din il-laqgħa ġew diskussi oqsma ta’ koperazzjoni bilaterali li ħafna minnhom jiġu diskussi fil-kuntest tal-Kummissjoni Konġunta bejn iż-żewġ pajjiżi. L-aħħar laqgħa ta’ din il-Kummissjoni saret f’Tuneż f’Settembru li għadda. B’mod partikolari, il-gvern Tuneżin esprima x-xewqa tiegħu li tkompli tingħata għajnuna fis-settur tal-edukazzjoni liż-żgħażagħ Tuneżini kemm fis-settur tal-lingwa Ingliża kif ukoll fit-taħriġ vokazzjonali. Jiena assigurajt lill-President Marzouki li Malta ser tkompli tagħti l-appoġġ sħiħ tagħha lill-poplu Tuneżin billi tkompli tagħti l-għajnuna tagħha f’dawn l-oqsma kruċjali għat-tnedija ta’ pajjiz b’amministrazzjoni soda u trawwim ta’ żgħażagħ u ċittadini għad-dinja tax-xogħol. Esprimejt ukoll is-sostenn tiegħi għall-idea tal-President Tuneżin li semma waqt is-Summit biex tiġi mwaqqfa task force dwar l-immigrazzjoni li għandha ukoll tinvolvi l-Uffiċċju Ewropew dwar l-Ażil li jinsab propju hawn Malta.
Kelli wkoll laqgħa informali mal-Kap tal-Gvern tal-Marokk Abdelilah Benkirane fejn qsamna punti ta’ interess bejn Malta u l-Marokk u ddiskutejna punti kif nistgħu insaħħu l-għarfien reċiproku.
Il-Ministru tal-Affarijiet Barranin Tonio Borg kellu laqgħa mal-Ministru tal-Affarijiet Barranin Mohanned Medelci. F’din l-laqgħa ġew diskussi il-possibbiltà ta’ trattat għall-ħelsien mit-taxxa doppja, it-twaqqif ta’ Kunsill ta’ Negozju bejn Malta u l-Alġerija kif ukoll il-possibbiltà ta’ importazzjoni ta’ materja prima u anke gass mill-pajjiż.
Ġie diskuss ukoll il-progress fuq tliet abbozzi ta’ trattati relatati mal-ġusitizzja u intern u ċioè trattat ta’ estradizzjoni, ftehim dwar ġlieda kontra kriminalità organizzata u traffikar ta’ drogi, u ieħor dwar trasferiment ta’ priġunieri sentenzjati. Matul il-laqgħa, il-Ministri iddiskutew ukoll il-laqgħa ministerjali bejn l-Unjoni Ewropea u l-Lega Għarbija li ser issir fil-13 ta’ Novembru li ġej fil-Kajr wara l-laqgħa f’Malta fi Frar 2008.

Mr Speaker, is-Summit kien frott ta’ preparazzjoni intensiva li nbdiet xhur qabel. Apparti x-xogħol ta’ natura loġistika, kien hemm ukoll ix-xogħol fuq id-Dikjarazzjoni ta’ Malta li tkopri diversi oqsma. Ix-xogħol dwar dan id-dokument ilu li nbeda minn Frar 2012, jiġifieri mill-għada stess tal-Laqgħa Minsterjali tal-Ministri tal-Affarijiet Barranin li saret f’Ruma u li wittiet it-triq għas-Summit ta’ Malta. Il-qbil unanimu tad-Dikjarazzjoni kien għalhekk riżultat ta’ xhur ta’ negozjati bejn l-Istati membri immexxijja mill-Ministru tal-Affarijiet Barranin ta’ Malta, l-Onor. Tonio Borg. Aktar qrib tas-Summit inġiebu Malta il-focal points ta’ kull pajjiż biex, wara negozjati intensivi, ingħatat l-aħħar spinta sabiex jintlaħaq qbil fuq il-Malta Declaration.


Hawnhekk nixtieq nieħu l-okkażjoni sabiex pubblikament nirringrazzja lill-ħafna uffiċjali, minn diversi ministeri, dipartimenti u aġenziji li ħadmu bis-sħiħ biex dan is-Summit kien suċċess. Niżgura lill-Kamra li din ma kenitx xi ħaġa faċli, imma d-dedikazzjoni u l-impenn ta’ ħafna wassal għas-suċċess li qed jagħmel unur lil pajjiżna.
Il-preparamenti preliminari għal dan is-Summit ilhom li bdew. Infatti, fl-2011 kont diġà waqqaft kumitat organizzattiv immexxi mill-Uffiċċju tiegħi u jinkludi fost oħrajn rappreżentanti mill-Uffiċċju tal-President, mill-Pulizija, mill-Forzi Armati, mill-Ministeru tal-Affarijiet Barranin, mill-Ministeru tar-Riżorsi u Affarijiet Rurali, mid-Dipartiment tal-Informazzjoni, mid-Dipartiment tas-Saħħa u mid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili.
Minħabba t-taqlib kollu li kien hemm fil-pajjiżi tal-Maghreb ma setax ikun hemm konklużjoni fuq id-data għas-Summit u kellhom jgħaddu xhur sabiex ġiet iffissata data finali wara laqgħa tal-Ministri tal-Affarijiet Barranin tal-pajjiżi membri iktar kmieni din is-sena. Minn meta ġew ikkonfermati d-dati, il-Kumitat Organiżattiv ħadem fuq il-konklużjoni tal-programm kif ukoll bdew il-preparamenti loġistici neċessarji. Minkejja li l-perjodu kien relattivament qasir, għal darb’oħra, pajjiżna reġa’ ħareġ bl-unuri kollha.
Il-Kapijiet ta’ Stat u Gvern tal-pajjizi membri kollha kif ukoll il-mistednin speċjali kellhom kliem ta’ tifħir kemm fuq l-organiżazzjoni kif ukoll dwar pajjiżna. Għal darb’oħra erġajna ppruvajna li ċ-ċokon ta pajjiżna huwa irrilevanti. Minkejja li kellna 16-il delegazzjoni tal-ogħla livell fl-istess mument, għaddejna mill-prova bl-unuri kollha.
Għalhekk nixtieq nirringrazzja lil dawk kollha involuti u li b’xi mod jew ieħor taw il-kontribut tagħhom għas-suċċess li kellna. Grazzi lill-Kumitat Organizzattiv għax-xogħol li wettaq u lil dawk kollha li għal sigħat twal, ħafna drabi sa kmieni filgħodu, iddedikaw il-ħin tagħhom sabiex jassiguraw li jsiru l-preparamenti kollha. Grazzi lill-forzi tal-ordni f’pajjizna, lill-Pulizija u lill-Forzi Armati. Grazzi lid-Dipartiment tas-Saħħa, lit-tobba, lin-nurses, lill-paramediċi, lill-istaff tal-ambulanzi u staff ieħor. Grazzi lid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili li kienu dejjem ippreparati, lill-istaff tal-Uffiċċju tal-President għad-dispożizzjoni tagħhom tul il-perjodu ta’ preparamenti partikolarment sabiex dawwarna l-Palazz tal-Verdala f’ċentru li jilqa’ fih is-Summit. Grazzi lil dawk kollha li ħadu ħsieb id-dekorazzjonijiet tat-toroq tagħna u li ħadmu sabiex nassiguraw li ma jkunx hemm problemi fit-toroq tagħna tul il-ġranet tas-Summit.
Nixtieq ukoll nuri l-apprezzament tiegħi lill-Ministeru tal-Affarijiet Barranin partikolari, mhux biss lill-Ministru nnifsu li ħadem kemm felaħ, iżda anke lill-Ministeru tiegħu, lis-Segretarju Permanenti, lid-Direttriċi Ġenerali u lill-istaff kollu għall-ħidma mil-lat ta’ kontenut politiku sabiex ġiet ippreparata u konkluża d-Dikjarazzjoni tas-Summit. Grazzi wkoll lill-Ufficcju tal-Protokoll fi ħdan l-istess ministeru.
Irrid ukoll inwassal ir-ringrazzjament tiegħi lill-media lokali. Il-media lokali, fil-maġġoranza kbira tagħha, għamlet biċċa xogħol verament tajba. Prosit tal-ħidma tagħkom u grazzi mill-qalb. Kontu lkoll ambaxxaturi ta’ pajjizna u wassaltu messaġġ posittiv dwar pajjiżna. Irrid ngħid grazzi partikolari lill-ħaddiema tal-PBS li pprovdew diversi trasmissjonijiet diretti kemm lill-istazzjonijiet lokali kif ukoll lil dawk barranin. Ma’ dawn irrid nirringrazzja lill-ħaddiema kollha tad-Dipartiment tal-Informazzjoni għall-kordinazzjoni li għamlu kemm waqt il-preparamenti kif ukoll tul is-Summit kemm bil-ħidma tagħhom fil-Press Centre li twaqqaf apposta kif ukoll f’kull sit li kellu x’jaqsam ma’ dan is-Summit.
Nagħmel riferenza għall-media internazzjonali li kienet f’pajjiżna jew li ħadet feeds ta’ informazzjoni minn pajjiżna. Jiena nfurmat li matul il-ġimgħa li għaddiet kellna f’Malta aktar minn 230 ġurnalist, korrispondent, fotografu u vidjografu barrani li ġew apposta sabiex isegwu dan is-Summit. Kellna wkoll broadcasters internazzjonali: l-EBU li tkopri stazzjonijiet pubbliċi internazzjonali, l-H24 u l-Oberon TV li jkopru stazzjonijiet privati internazzjonali. Huwa kkalkulat li dawn it-tliet broadcasting houses koprew mill-inqas il-Kontinent Ewropew kif ukoll id-Dinja Għarbija.
Fl-aħħar nett, nixtieq nuri l-apprezzament tiegħi lejn l-Ambaxxati kollha tal-pajjiżi li ħadu sehem fis-Summit kif ukoll lejn ir-Rappreżentanza tal-Unjoni Ewropea f’Malta għall-koperazzjoni sħiħa tagħhom tul il-kors tal-preparamenti. Kien dan l-isforz kollettiv li wassalna sabiex ikollna s-suċċess kbir li kellna. Issa huwa l-waqt li nħarsu ‘l quddiem. Jien sodisfatt b’mod partikolari mhux biss għax is-Summit seħħ u kien suċċess, iżda aktar u aktar għax ninsab konvint li kien fundamentali biex iħejji x-xogħol tad-djalogu għax-xhur u s-snin li ġejjin. F’dan is-Summit ħarġet viżjoni ċara u komuni għal-dak li għandu jsarraf id-Djalogu 5+5. Inħarsu ‘l quddiem lejn laqgħat regolari tas-setturi differenti tad-Djalogu bħal ma huma dawk tal-Ministri tal-Affarijiet Barranin, l-Intern u d-Difiża. Ser tingħata ukoll spinta għal-laqgħat fl-oqsma tat-turiżmu u l-energija. Wieħed mir-riżultati konkreti tas-Summit ta’Malta ser ikun l-impatt pożittiv fuq l-istituzzjonijiet tar-reġjun biex ikomplu isaħħu il-koperazzjoni tagħhom b’mod iktar tanġibbli.
Bla dubju wieħed mill-karattertistiċi storiċi tas-Summit ta’ Malta huwa ż-żmien li tlaqqa’ fih. Dan kien l-ewwel Summit li fih inġabru mexxejja eletti tal-ġirien tagħna mill-Afrika ta’ Fuq u li fih stajna nsemmu b’mod apert il-kliem ‘demokrazija’, ‘transizzjoni’ u ‘libertà’.
Dan huwa Summit li ser jitniżżel fl-istorja tad-Djalogu bħala l-ewwel wieħed li l-ewwel

u qabel kollox ta priorità lill-aspirazzjonijet tal-popli. Id-diskussjonijiet messew diversi

temi ta’ interess komuni bħal ma huma is-sigurtà, it-tkabbir ekonomiku, l-iżvilupp, is-sorsi ta’enerġija u l-ambjent. Nista’ ngħid li l-konsensus madwar il-mejda kien li hemm ħtieġa li nindirizzaw iż-żgħażagħ tar-reġjun. Għalhekk issemmew f’ċertu dettall l-oqsma tal-edukazzjoni u t-taħriġ kif ukoll il-ħolqien tax-xogħol.
Is-Summit li għadu kemm seħħ f’Malta kompla jsaħħaħ ir-rwol ta’ pajjiżna bħala ċentru ta’ djalogu u koperazzjoni reġjonali. Is-Summit ser jibqa’ imfakkar bħala wieħed li fih bnejna fuq dak li jgħaqqadna u mhux li jifridna. Inħossni partikolarment kburi bil-fatt li ħarġet bis-sħiħ ir-rieda ta’ dawk kollha preżenti li nagħtu kontribut dejjiemi għall-ħolqien ta’ reġjun fejn id-demokrazija, il-prosperità u l-ġustizzja soċjali huma garanzija għal kull wieħed u waħda miċ-ċittadini tagħna.
Mr Speaker, fit-tmiem ta’ din l-istqarrija inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra:
Kopja tal-Malta Declaration maħruġa f’Malta fit-tmiem tas-Summit tal-Forum tal-Mediterran tal-Punent (Djalogu 5+5) li nżamm f’Malta fil-5 u s-6 ta’ Ottubru 2012; u

Kopja tal-Press Communiqué maħruġ fit-tmiem tas-Summit tal-Forum tal-Mediterran tal-Punent (Djalogu 5+5) li nżamm f’Malta fil-5 u s-6 ta’ Ottubru 2012.


Yüklə 0,5 Mb.

Dostları ilə paylaş:
1   2   3   4   5   6   7   8   9




Verilənlər bazası müəlliflik hüququ ilə müdafiə olunur ©muhaz.org 2024
rəhbərliyinə müraciət

gir | qeydiyyatdan keç
    Ana səhifə


yükləyin