Malta debates tal-kamra tad-deputati

Sizin üçün oyun:

Google Play'də əldə edin


Yüklə 0.52 Mb.
səhifə1/7
tarix08.01.2019
ölçüsü0.52 Mb.
  1   2   3   4   5   6   7

MALTA

DEBATES TAL-KAMRA TAD-DEPUTATI
(Rapport Ufficjali u Rivedut)


IT-TMIEN PARLAMENT

Seduta Nru. 107


Il-Ġimgħa, 25 ta' Lulju, 1997

Stampat fl-Uffiċċju ta' l-Iskrivan

Kamra tad-Deputati

MALTA

Prezz Lm1


IT-TMIEN PARLAMENT


Seduta Nru. 107


Il-Ġimgħa, 25 ta' Lulju, 1997

Il-Kamra tad-Deputati ltaqghet fil-Kamra tal-Parlament,

il-Palazz, il-Belt Valletta, fis-9.00 a.m.

Talba

SEDUTA NRU. 107
Il-Ġimgħa, 25 ta' Lulju, 1997

WERREJ

MINUTI 38

MISTOQSIJIET -TWEĠIBIET ORALI 38

TQEGĦID TA' KARTI FUQ IL-MEJDA 46

ORDNIJIET TAL-ĠURNATA 47

ABBOZZ TA' LIĠI LI JĦASSAR L-ATT DWAR NOMINI MILL-OPPOŻIZZJONI 47

OPPOSITION NOMINEES (REPEAL) BILL 47

AĠĠORNAMENT 73

MISTOQSIJIET GĦAL TWEĠIBIET ORALI MWIEĠBA BIL-MIKTUB 78



MISTOQSIJIET GĦAL TWEĠIBIET BIL-MIKTUB 98



MINUTI



MADAM SPEAKER (Onor. Myriam Spiteri Debono) Il-Minuti jistgħu jiġu kkonfermati? Il-Ministru Mizzi.
ONOR. JOE MIZZI (Ministru mingħajr Portafoll, fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru): Madam Speaker, niġbidlek l-attenzjoni li l-Onor. Karl Chircop kien preżenti.
MADAM SPEAKER: L-Onor. Ċensu Galea.
ONOR. ĊENSU GALEA: Madam Speaker, jidhirli li anke l-Onor. Joe Borg kien preżenti.
MADAM SPEAKER: Nitlob lill-Iskrivan jieħu nota biex l-ismijiet ta' l-Onor. Karl Chircop u l-Onor. Joe Borg jinqatgħu mil-lista ta' l-assenti. Il-Minuti issa jistgħu jiġu kkonfermati? (Onor. Membri: Iva)
Il-Minuti tas-Seduta 106 li saret fit-23 ta' Lulu, 1997 ġew ikkonfermati.

MISTOQSIJIET -TWEĠIBIET ORALI



EDUKAZZJONI - KORS TAL-PGCE

6345. L-ONOR. JOE CASSAR staqsa lill-Ministru ta' l-Edukazzjoni u Kultura Nazzjonali: Jista' l-Ministru jgħid għaliex il-kors tal-PGCE ta' filgħaxija twaqqaf u qed isir filgħodu biss, b'inkonvenjent għal dawk li diġa' qed jaħdmu?
ONOR. EVARIST BARTOLO (Ministru ta' l-Edukazzjoni u Kultrua Nazzjonali): Kien sar qbil bejn il-Fakulta' tal-Edukazzjoni ta' l-Universita' u d-Diviżjoni tal-Edukazzjoni xi snin ilu biex il-kors ta' pedagoġija li kien isir għal għalliema gradwati ma jibqax isir. Ma neskludix il-possibbilta' li dan il-kors filgħaxija jerġa' jsir jew mill-Fakulta' tal-Edukazzjoni jew mid-Diviżjoni tal-Edukazzjoni.

MADAM SPEAKER: L-Onor. Francis Zammit Dimech, mistoqsija supplimentari.
ONOR. FRANCIS ZAMMIT DIMECH: Madam Speaker, naf li kien hemm diskussjonijiet għaddejjin bejn id-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni u l-Universita' fuq il-kors tal-PGCE biex jiġi evitat l-overlapping. Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx xi żviluppi f'dan ir-rigward?
MADAM SPEAKER: Il-Ministru Bartolo.
ONOR. EVARIST BARTOLO: Madam Speaker, milli nista' nifhem, il-ministru ta' l-edukazzjoni ta' qabli kien qatagħha li l-kors tal-PGCE torganizzah id-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni, iżda sfortunatament din id-deċiżjoni kienet ġabet reazzjoni min-naħa ta' l-Universita' li ma riditx tirrikonoxxi dak il-kors. Huwa fatt, kif qed jgħid l-Onor. Membru, li r-relazzjonijiet bejn il-Fakulta' ta' l-Edukazzjoni ta' l-Universita' u d-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni mhux dejjem kienu kif wieħed jixtieq u wieħed ikompli jaħdem biex kemm jista' jkun intejbu l-affarijiet. Naħseb li sar ħafna titjib imma dejjem hemm kif nistgħu ntejbu aktar ir-relazzjonijiet ta' bejniethom.
Il-problema li jsemmulna min-naħa tal-Fakulta' ta' l-Edukazzjoni - u naħseb kollox ma' kollox għandhom raġun - huwa li l-pressjoni ta' xogħol li għandhom filgħodu għal korsijiet regolari ma tippermettilhomx li jorganizzaw ukoll kors filgħaxija. Huma qed jgħidu li tant għandhom xogħol biex ilaħħqu mal-korsijiet regolari li mbagħad m'għandhomx ħin biex ilaħħqu ma' ta' filgħaxija. Jien naħseb li waħda mir-raġunijiet hija anke għax l-Universita' għadha mhijiex attrezzata biżżejjed biex toffri korsijiet ta' filgħaxija b'mod mhux tradizzjonali. Jiġifieri jekk wieħed se joqgħod jorganizza korsijiet filgħaxija bil-mod tradizzjonali ta' l-Universita', li tiftaħ ċerti lecture halls filgħaxija biex l-istudenti adulti jiltaqgħu hemm u l-korsijiet ta' filgħodu isiru kif isiru, hekk veru l-Universita' qatt m'hi se tasal biex bil-kompliment li għandha filgħodu tkun tista' torganizza wkoll korsijiet filgħaxija, li d-domanda għalihom aktar ma jgħaddi ż-żmien aktar qed tikber. Apparti mill-fatt li aħna għandna bżonn ta' gradwati għalliema - u t-talba minn dawn il-persuni biex ikollhom kors filgħaxija qed tikber - pero' l-Universita' mhijiex fi grad li tissodisfa din it-talba. Naħseb li biex nissodisfawha hemm bżonn li l-Universita' timbarka fuq programm ta' taħriġ professjonali għal-lecturers biex jitgħallmu jorganizzaw korsijiet differenti milli qed jorganizzaw.
Jien wisq nemmen li għandna bżonn tip ta' open structures u open learning institutions bħal open university - mhux fl-Ingilterra biss iżda f'ħafna pajjiżi oħra fid-dinja jużaw din is-sistema - permezz tad-distance learning u permezz tat-teknoloġija ġdida, l-użu tar-radju u l-użu tat-televiżjoni. Naħseb li hemm bżonn li jkun hemm staff development għax ħafna mil-lecturers tagħna ma ġewx ippreparati għal dawk it-tip ta' korsijiet. Naħseb li korsijet ta' filgħaxija għal adulti jitolbu li jkunu organizzati b'mod differenti minn dawk għal undergraduates. Ħafna drabi l-lecturers jaqbdu l-materjal li jkollhom matul il-ġurnata u kważi jagħtuh kelma b'kelma lill-adulti li jattendu filgħaxija. Is-sitwazzjoni edukattiva hija differenti u ma treġix hekk.
Iva, naħseb li għandna bżonn kbir li naraw kif naslu biex il-kors tal-PGCE isir filgħaxija.


BUĠIBBA - PROĠETT

6491. L-ONOR. FRANCIS ZAMMIT DIMECH staqsa lill-Ministru għax-Xogħlijiet Pubbliċi u Kostruzzjoni: Jista' l-Ministru jagħti breakdown iddettaljat ta' l-infiq kollu fuq il-proġett ta' Buġibba? Kemm ingħata overtime lill-ħaddiema tat-taqsima tax-xogħlijiet? Jista' jagħti wkoll lista dettaljata tad-direct orders kollha li ngħataw?
ONOR. CHARLES BUHAGIAR (Ministru għax-Xogħlijiet Pubbliċi u Kostruzzjoni): L-infiq fuq il-proġett ta' Buġibba:


materjal, period contracts, tenders u direct orders

Lm 525,000

roads department period contracts

1,330,000

overtime lill-ħaddiema fit-taqsima tax-xogħlijiet

165,000

Lista dettaljata tax-xogħlijiet li saru, jiġifieri tenders, direct orders u roads department period contracts, flimkien ma' lista ta' direct orders li nħarġu qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra




SKEJJEL - STUDENTI

6510. L-ONOR. JEAN PIERRE FARRUGIA staqsa lill-Ministru ta' l-Edukazzjoni u Kultura Nazzjonali: Fis-sena skolastika 1996/97, jista' l-Ministru jgħid kemm hemm studenti fuq il-15-il sena fis-Sixth Form tal-gvern, fis-Sixth Form tal-Knisja, fis-Sixth Form tal-privati, fl-iskejjel sekondarji tal-Knisja, fl-iskejjel Sekondarji tal-privati u oħrajn?

ONOR. EVARIST BARTOLO: Nirriferi l-Onor. Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari numru 7823 f'Seduta Nru. 105.


BUĠIBBA - PROĠETT

6592. L-ONOR. CENSU GALEA (f'isem l-Onor. Ninu Zammit) staqsa lill-Ministru għax-Xogħlijiet Pubbliċi u Kostruzzjoni: Rigward ix-xogħol li sar u li qed isir fil-pjazza ewlenija ta' Buġibba, jista' l-Ministru jgħid jekk dan ix-xogħol huwiex qiegħed isir mill-kuntrattur u, jekk fl-affermattiv, meta nħarġet u meta ġiet awarded it-tender; kemm kien stmat ix-xogħol; x'kienu d-diversi xogħlijiet inklużi fit-tender; jekk il-kuntrattur kellux jipprovdi hu l-materjal kollu tax-xogħol; u jekk waqt l-eżekuzzjoni tax-xogħol ġewx mibdula wħud mill-kondizzjonijiet bħal, per eżempju, x'tip ta' finishes kellhom jiġu mwettqa, eċċ?
ONOR. CHARLES BUHAGIAR: Ix-xogħol ta' pavimentazzjoni fil-pjazza ewlenija ta' Buġibba sar minn kuntrattur privat wara li kienet ħarġet tender għal pubblikazzjoni fil-25 ta' Marzu - kienet għalqet fit-8 t'April, 1997 - u x-xogħol ingħata lill-kuntrattur bl-orħos offerta fit-28 t'April, 1997. Ix-xogħol ta' pavimentazzjoni kien stmat li ser jiswa Lm50,000.
Dan ix-xogħol kien jinvolvi t-tqegħid ta' madwar 5,000 metri kwadri ta' paving blocks, skond id-disinji li nħarġu mat-tenders. Il-kuntrattur kellu jipprovdi l-materjal kollu. Waqt ix-xogħol intuża xi materjal minn tal-gvern u għaldaqstant din għandha tirrifletti ruħha fil-kont finali.
Waqt l-eżekuzzjoni tax-xogħol ġie deċiż illi tintuża tip ta' paving block waħda kullimkien, jiġifieri dik li hija 100mm b'200mm bi ħxuna ta' 100mm. Għalhekk minflok it-tip ta' madum rettangolari u "Goccia", intuża madum rettangolari kullimkien.
MADAM SPEAKER: L-Onor. Censu Galea, mistoqsija supplimentari.
ONOR. CENSU GALEA: Madam Speaker - iktar minn ħaġa oħra biex nipprova niċċara x'intqal - il-Ministru qiegħed jgħid fil-fatt li l-ħxuna tal-madum ċkienet jew fhimt ħażin jien?
MADAM SPEAKER: Il-Ministru Buhagiar.
ONOR. CHARLES BUHAGIAR: Li ġara kien, Madam Speaker, peress li kien hemm parti mill-pjazza li kien se jgħaddi t-traffiku minn fuqha, hemmhekk il-madum intuża tat-200 mm minflok ta' 100 mm, għall-fatt li jrid jieħu piż akbar.
BUĠIBBA - PROĠETT
6593. L-ONOR. CENSU GALEA (f'isem l-Onor. Ninu Zammit) staqsa lill-Ministru għax-Xogħlijiet Pubbliċi u Kostruzzjoni: Rigward ix-xogħol kollu li qed isir fl-upgrading ta' Buġibba u l-Qawra, jista' l-Ministru jgħid sal-lum kemm-il direct order ħarġet; il-valur ta' kull direct order; il-lista ta' xogħlijiet indikati f'kull direct order; lil min ġew awarded dawn id-direct orders; il-valur totali jew stima tad-direct orders; u kemm fil-fatt kien hemm variation fuq kull direct order sal-lum?
ONOR. CHARLES BUHAGIAR: Waqt li nirriferi l-Onor. Interpellant għar-risposta li għadni kemm tajt għall-mistoqsija parlamentari numru 6592, nista' nikkonferma li nħarġu 17-il direct order.
MADAM SPEAKER: L-Onor. Censu Galea, mistoqisija supplimentari.
ONOR. CENSU GALEA: Madam Speaker, jista' l-Ministru jgħidilna jekk f'xi waħda minn dawk id-direct orders fil-fatt kienx hemm maħsub ukoll xi xogħol biex tiġi rranġata parti mis-sistema tad-drenaġġ li seta' kellha bżonn tiswija?
MADAM SPEAKER: Il-Ministru Buhagiar.

ONOR. CHARLES BUHAGIAR: Madam Speaker, aktar kmieni poġġejt fuq il-Mejda tal-Kamra lista tad-direct orders li fiha d-dettallji kollha. Milli qed nara, ma jidhirlix li hemm xogħol tad-drenaġġ inkluż.
MADAM SPEAKER: L-Onor. Galea.
ONOR. CENSU GALEA: Jekk ma ħarġitx direct order, jista' l-Ministru jgħidilna jekk sarux tiswijiet qabel sar ix-xogħol neċessarju f'dawn l-inħawi? X'qed jagħmel fil-preżent il-ministeru biex l-okkażjonijiet ta' fawran tad-drenaġġ li kellna dan l-aħħar ħmistax-il ġurnata ma jirripetux ruħhom? (Interruzzjonijiet) Kien hemm mill-anqas erba' okkażjonijiet.
MADAM SPEAKER: Il-Ministru.
ONOR. CHARLES BUHAGIAR: Iva, Madam Speaker, hawnhekk għandi d-dettalji tax-xogħlijiet li nħarġu kollha b'tender mid-dipartiment tad-drenaġġ. Inħarġet tender W17/97 għal Triq San Luqa li kienet smata Lm4,760. Inħarġet tender oħra W20/97 li kienet smata Lm12,120 għal xogħlijiet fil-Qawra u tender oħra W21/97 smata Lm16,400 għal xogħol ieħor fil-Qawra. Dawn kollha ngħataw lill-kuntratturi differenti, cioe' ntrebħu minn kuntratturi differenti f'new tenders.
Fir-rigward tal-punt li għamel l-Onor. Interpellant dwar fawran tad-drenaġġ li seħħ xi ġranet ilu, hemmhekk irrid ngħid li dan ġie nvestigat min-nies tad-dipartiment u, kif jaf tajjeb l-Onor. Interpellant, peress li fl-inħawi tal-Qawra u Buġibba jiżdiedu ħafna r-residenti matul is-sajf, fis-sens li jkun hemm popolazzjoni kbira kemm ta' turisti lokali u anke barranin, il-volum jiżdied u apparti li jiżdied il-volum hemm ħafna catering establishments. Meta far id-drenaġġ quddiem is-Suncrest Hotel u ġie mnaddaf il-blockage, instab li kien hemm volum massiv ta' xaħam li mblokka d-drenaġġ. Dan huwa abbuż kbir li qiegħed isir minn xi catering establishments li fil-kċejjen tagħhom suppost li għandhom il-grease traps biex ix-xaħam ma jibqax dieħel fid-drenaġġ. Dan mhux qed isir. Id-drenaġġ tagħhom jkun fih ix-xaħmijiet u ż-żjut u meta jgħaddi mis-sistema x-xaħam ma' l-ilma ovvjament jagħqad għax iħoss il-kesħa u jimblokka d-drenaġġ. Dan ġara kemm fin-naħa tas-Suncrest, fejn kien hemm il-fawran, kif ukoll taħt l-għelieqi li hemm fil-junction, fejn ukoll kien hemm xi fawran tad-drenaġġ. Irrid ngħid, Madam Speaker, li f'dawn iż-żewġ każi d-drenaġġ darba far fit-triq u darba far fl-għelieqi, jiġifieri ma kienx hemm fawran fil-baħar.

Aħna konxji mill-problemi li hemm hemmhkek minħabba abbużi li qed isiru u qed nagħmlu ħilitna biex min jabbuża naqbduh, imma aktar minnhekk qed nagħmlu ħilitna wkoll biex il-manutenzjoni ssir regolari. Fil-fatt f'dik l-area qed ikun hemm grupp ta' nies mid-dipartiment tad-drenaġġ li jduru kontinwament, just in case jinqalgħu l-ħsarat. Irrid ngħid ukoll li anke l-pumping stations huma manned. Jiġifieri qed nagħmlu ħilitna kollha biex dan ma jiġrix. Pero' again jien regolarment nappella lil kull min qiegħed fl-industrija tal-catering biex ma jabbużax mis-sistema.


MADAM SPEAKER: L-Onor. Michael Refalo, mistoqsija supplimentari.
ONOR. MICHAEL REFALO: Madam Speaker, ma nafx jekk il-Ministru jafx li l-introduzzjoni tal-grease traps saret fuq insistenza tal-ministeru tat-turiżmu xi sitt snin jew seba' ilu. Nista' nikkonferma li l-ħruġ tal-liċenzja tal-pulizija huwa marbut, fost oħrajn, b'din il-kondizzjoni. Kien hemm żmien meta d-Dipartiment tas-Saħħa kien jagħmel inspections biex jara jeżistux jew le dawn il-grease traps u fil-fatt kien hemm każi fejn instab li ma kenux jeżistu u allura kienu ttieħdu xi passi.
Naqbel ħafna ma' dak li għadu kemm vara l-Ministru. Dik il-problema mhux Buġibba u San Pawl biss teżisti imma tista' tgħid, kullimkien fejn hemm massa ta' outlets u retail shops tat-turiżmu u fejn iservu l-ikel. Huwa importanti li jiġi milqugħ dan il-periklu ta' sadd ta' drenaġġ u għalhekk għandu jsir eżerċizzju qawwi biex wieħed jiċċekkja jekk hemmx grease traps f'kull ħanut jew catering outlet. Wara kollox dawn huma marbutin fil-permess tagħhom li jkollhom grease traps.
MADAM SPEAKER: Il-Ministru.
ONOR. CHARLES BUHAIGAR: Iva, naqbel mas-suġġerimenti ta' l-Onor. kollega u napprezza li kienet miżura tajba li ttieħdet sitta jew seba' snin ilu u għandha tkun inforzata. Pero' rrid inżid ngħid li apparti l-abbużi li jsiru minn restaurants u lukandi, hemm xi sidien ta' kiosks li jsajru fihom u li m'humiex covered bl-ebda permess - allura m'humiex marbutin li jkollhom grease traps - u dak li jkollhom għar-rimi jaqbdu u jwaddbuh fid-drenaġġ, pero' qed nieħdu azzjoni sabiex dan l-abbuż jieqaf ukoll.
MADAM SPEAKER: L-Onor. Galea.
ONOR. CENSU GALEA: Madam Speaker, speċifikament fl-inħawi ta' Kennedy Grove kien qed isir xogħol - jew inkella kellu jsir xogħol - li safejn naf jien ma tkompliex biex ikun hemm easement tas-sistema tad-drenaġġ. F'risposta għall-mistoqsija parlamentari li tani xi 15-il ġurnata ilu, il-Ministru qal li kienu qegħdin fil-proċess ta' aġġudikazzjoni tat-tender. Jista' l-Ministru jgħid għaliex ma tkompliex ix-xogħol f'dawk l-inħawi - nafu li fis-sajf ikun hemm popolazzjoni ferm ikbar hemmhekk - u meta se jkun lest dan ix-xogħol.
MADAM SPEAKER: Il-Ministru.
ONOR. CHARLES BUHAGIAR: Madam Speaker, dik inhar li rrispondejt għall-mistoqsija ta' l-Onor. kollega ddikjarajt li kienet inqalgħet problema meta konna qegħdin nevalwaw il-kuntratti tad-drenaġġ ta' diversi lokalitajiet. Fil-fatt żewġ periti spiċċaw barra mid-dipartiment minħabba l-affarijiet li ġraw. Pero' jidher li issa l-affarijiet iċċaraw ħafna u bosta mit-tenders li kellna mwaħħlin bdew ħerġin. Fil-fatt nista' ngħid li l-area li qed jirriferi għaliha l-Onor. Interpellant se nagħtuha importanza ħafna.

PA - HEALTH INSURANCE

6721. L-ONOR. JOE CASSAR staqsa lill-Vici Prim Ministru, Ministru għall-Affarijiet Barranin u ta' l-Ambjent: B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari numru 5758, jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid safejn u kif l-accident insurance tkopri lill-ħaddiema ta' l-Awtorita' ta' l-Ippjanar?
ONOR. GEORGE VELLA (Viċi Prim Ministru, Ministru għall-Affarijiet Barranin u ta' l-Ambjent): Madam Speaker, qabel nagħti r-risposta rrid nagħmel rimarka. L-ewwelnett din il-mistoqsija kienet diġa' ġiet imwieġba qabel u t-tieni nett irrid nippreċiża li kien hemm żball għaliex fil-fatt iċ-ċifra ta' Lm5,000 riedet tiġi Lm5,000,000. Ir-risposta għall-mistoqsija parlamentari trid tiġi hekk:
"L-Awtorita' ta' l-Ippjanar, minn meta ġiet imwaqqfa, kienet koperta b'employer's cover ta' l-impjegat għall-ammont ta' Lm5,000,000 għal kull okkorrenza. Barra minn hekk l-awtorita' wkoll ħadet polza tas-sigurta' - group personal accident policy - li tagħti benefiċċju immedjat ekwivalenti għal sentejn salarju għal mewt b'inċident jew diżabilita' permanenti.".

Dan b'kuntrast mar-risposta li tajt fis-Seduta Nru. 87 fejn iċ-ċifra li kont ikkwotajt - milli kelli miktub hawnhekk - kienet ta' Lm5,000 imbagħad ġibduli l-attenzjoni li kellha tiġi korretta għal Lm5,000,000.


MADAM SPEAKER: L-Onor. Cassar, mistoqsija supplimentari.
ONOR. JOE CASSAR: Jien nixtieq inkun naf - għax din tinteressani lili - kemm tħallas il-kumpannija ta' l-assigurazzjoni lil dak il-ħaddiem li jweġġa' fuq il-post tax-xogħol, jekk hux paga ta' sentejn, jekk ikollux imur il-qorti dak li jkun, jew inkella jekk ikollhomx imorru l-qorti l-werrieta ta' dak l-istess ħaddiem f'każ li jitlef ħajtu?
MADAM SPEAKER: Il-Viċi Prim Ministru.
ONOR. GEORGE VELLA: Madam Speaker, mill-informazzjoni li għandi miktuba hawnhekk - m'għandix il-policy quddiemi - il-group personal accident policy, li taħtha jaqgħu l-ħaddiema tal-Planning Authority, tagħti benefiċċju immedjat f'każ ta' diżabilita' permanenti ekwivalenti għal sentejn salarju. Pero' ovvjament ikun irid jiġi ppruvat li hemm diżabilita' permanenti.
Biss jidher li hawn daqsxejn stramberija f'din ir-risposta - anke jien m'iniex qed narha ddoqq tajjeb - għar-raġuni li normalment id-diżabilita' permanenti trid tiġi stabilita wara sena. Il-bord tal-korriment tal-gvern jistabilixxi permanent disability wara li individwu jkun weġġa'. Jiġifieri dak il-ħaddiem li jkun weġġa' jiġi eżaminat mill-bord - dik il-proċedura għadha teżisti sal-lum - imbagħad tiġi stabilita d-degree tad-diżabilita', jekk tkunx 10%, 15%, 20% jew inkella permanent disability. Hawnhekk naħseb li meta qed jingħad "benefiċċju immedjat" ikun qed ifisser "dritt immedjat għall-benefiċċju", pero' xorta ma naħsibx li jkun immedjat għaliex id-diżabilita' tkun trid tiġi stabilita permanenti jew le wara perijodu ta' żmien.


BUĠIBBA - PROĠETT

6924. L-ONOR. CENSU GALEA (f'isem l-Onor. Austin Gatt) staqsa lill-Ministru għax-Xogħlijiet Pubbliċi u Kostruzzjoni: Jista' l-Ministru jgħid kemm inħarġu direct orders fil-proġett ta' Buġibba? Jista' jagħti lista għal xiex kienu? Jista' jagħti l-valur ta' kull wieħed minnhom u lil min ingħataw?
ONOR. CHARLES BUHAGIAR: Inħarġu 17-il direct order. Il-bqija tar-risposta għal din il-mistoqsija ngħatat mar-risposta għall-mistoqsija parlamentari numru 6491.
MADAM SPEAKER: Onor. Censu Galea, mistoqsija supplimentari.
ONOR. CENSU GALEA: Madam Speaker, jista' l-Ministru jgħidilna jekk fil-fatt l-arbli tad-dawl jagħmlux parti mill-lista tad-direct orders li semma? Jista' jgħidilna kif dan ix-xogħol, li huwa ta' ammont pjuttost qawwi, ngħata b'direct order u mhux b'tender?
MADAM SPEAKER: Il-Ministru Buhagiar.
ONOR. CHARLES BUHAGIAR: Madam Speaker, jekk l-Onor. Interpellant iħares lejn il-lista li tpoġġiet mad-domanda parlamentari numru 6491, isib li s-supply of decorative outdoor lamp-posts for the promenade - tiswa' Lm70,915 - ingħatat b'direct order. Pero' ħalli nispjega kif ġara dan il-każ. Fil-fatt għas-supply ta' dawn il-lamp-posts kienet inħarġet tender u nista' ngħid li kien hemm diversi offerti, mingħalija disa', pero' tlieta biss instabu li kienu jikkwalifikaw. Għalkemm l-ordni ingħatat b'direct order pero' ngħatat lill-irħas wieħed. Jiġifieri l-proċess tat-tendering xorta sar, fis-sens li għalkemm hawn miktub li ngħatat b'direct order, effettivament il-proċess tat-tendering kien sar kollu u xorta ntgħażlet l-irħas offerta.
MADAM SPEAKER: L-Onor. Francis Zammit Dimech, mistoqsija supplimentari.
ONOR. FRANCIS ZAMMIT DIMECH: Madam Speaker, il-Ministru qed jgħidilna li sar il-proċess tat-tendering u xorta ngħatat direct order u allura forsi jkun aħjar li jispjegalna daqsxejn iktar. Normalment ikun hemm raġuni li minn tendering procedure wieħed jaqbeż għal direct order, forsi peress li l-adjudication stage ikun qed jieħu fit-tul. Jista' jkun ukoll li l-ministru jħoss li m'għandux joqgħod jistenna li l-proċedura tgħaddi mid-Dipartiment tal-Kuntratti. (Interruzzjonijiet) Ma nafx, qed nistaqsi. Issa barra minn hekk qed jingħad li xorta ngħatat lill-irħas wieħed. Imma għaliex b'direct order u mhux b'adjudication tat-tendering procedure?
MADAM SPEAKER: Il-Ministru.
ONOR. CHARLES BUHAGIAR: Madam Speaker, ingħatat b'direct order u ngħatat lill-irħas tenderer għall-fatt li waqt l-adjudication process kienu saru xi allegazzjonijiet. Inzertaw li l-allegazzjonijiet saru fuq żewġ tenderers, li kellhom quotations li ma kenux l-irħas, u fuq parir tad-Dipartiment tal-Kuntratti dawn it-tnejn ġew skwalifikati u b'hekk kien fadal wieħed biss, li nzerta kien l-irħas wieħed. Għalhekk ngħatat b'direct order.


BUĠIBBA - PROĠETT

6926. L-ONOR. CENSU GALEA (f'isem l-Onor. Austin Gatt) staqsa lill-Ministru għax-Xogħlijiet Pubbliċi u Kostruzzjoni: Jista' l-Ministru jgħid kemm għandhom jitħallsu l-kuntratturi li ħadmu fuq il-proġett ta' Buġibba u kemm tħallsu s'issa?

ONOR. CHARLES BUHAGIAR: Kif ġie spjegat fir-risposta għall-mistoqsija parlamentari numru 6491, il-valur totali tan-nefqa li saret fuq il-proġett ta' Buġibba, fejn daħlu l-kuntratturi, laħaq madwar Lm1,855,000. Iċ-ċifra eżatta tkun tista' tingħata malli l-kejl kollu fuq il-proġett ikun lest. Il-kuntratturi tħallsu madwar Lm770,000 sa l-aħħar ta' Ġunju.


SISTEMA ĠDIDA TA' TASSAZZJONI - PUBBLIĊITA'

6946. L-ONOR. CENSU GALEA (f'isem l-Onor. Austin Gatt) staqsa lill-Prim Ministru: Jista' l-Prim Ministru jgħid min tefa' t-tender biex jieħu l-kuntratt għall-pubbliċita' konnessa ma' l-introduzzjoni tas-sistema ġdida ta' tassazzjoni minflok il-VAT u kemm kien kull tender? Jista' l-Prim Ministru jgħid ukoll minn min kien jikkonsisti l-bord ta' l-għażla?
ONOR. JOE MIZZI (f'isem il-Prim Ministru): Id-Dipartiment ta' l-Informazzjoni kien responsabbli għall-kampanja pubbliċitarja konnessa ma' l-introduzzjoni tas-sistema ġdida ta' tassazzjoni minflok il-VAT u fil-bidu ta' Mejju, 1997 ħareġ quotations għal dan il-għan, liema kampanja pubbliċitarja kienet tikkonsisti f'dan li ġej:
i) produzzjoni ta' għaxar videos ta' minuta l-wieħed għax-xandir fuq it-TV;

ii) produzzjoni ta' video ta' ħames minuti għax-xandir fuq it-TV;


iii) produzzjoni ta' għaxar reklami għar-radju ta' minuta l-wieħed;
iv) avviżi full page bil-kulur għall-pubblikazzjoni fil-ġurnali;
v) ktejjeb informattiv bil-kulur ta' 16-il pagna, daqs A5;

vi) leaflets bil-kulur, daqs A5;

vii) l-irrekordjar ta' 15-il programm outside broadcast; u
viii) l-istampar ta' 80,000 stedina fuq karta bil-letterhead tad-dipartiment.
Id-ditti li kienu mitluba jikkwotaw għamlu dawn l-offerti:
a) Visual Trends & Co Ltd, Birkirkara Lm75,030
b) Velprint Ltd, Guardamangia 72,950
c) Plus Advertising Co Ltd, Guardamangia 65,360
Il-bord ta' l-għażla għat-tieni fażi kien magħmul minn tliet uffiċjali tad-Dipartiment ta' l-Informazzjoni. Dawn kienu:
Is-Sur Saviour Azzopardi - senior principal

Is-Sur Anthony Preca - public relations officer



Is-Sur Joseph Casingena - information officer
Il-bord sab li l-aktar offerta vantaġġuża kienet dik ta' Plus Advertising Co Ltd u l-għażla tal-bord ġiet ikkonfermata mill-Kumitat Ġenerali tal-Kuntratti.
MADAM SPEAKER: L-Onor. Francis Zammit Dimech, mistoqsija supplimentari.
ONOR. FRANCIS ZAMMIT DIMECH: Madam Speaker, peress li mil-lista li għadu kemm qara l-Ministru huwa evidenti li l-iktar kumpanniji f'Malta li huma magħrufin fil-qasam tal-pubbliċita' ma kenux avviċinati, lanqas biex jagħmlu quotation, jista' l-ewwelnett jiġġustifika kif saret l-għażla ta' dawk it-tliet kumpanniji biex jagħtu quotations - bl-esklużjoni tal-kumpanniji magħrufin mill-poplu Malti kollu li huma esperti f'dan il-qasam - u kemm kien hemm ordnijiet addizzjonali li baqgħu jsiru mal-kumpannija magħżula wara l-ordni oriġinali?
MADAM SPEAKER: Il-Ministru Mizzi.
ONOR. JOE MIZZI: Madam Speaker, jidher li l-affarijiet saru kif suppost u allura m'hemmx lok li nirrispondi għad-domandi li saru.
MADAM SPEAKER: L-Onor. Zammit Dimech.
ONOR. FRANCIS ZAMMIT DIMECH: Bir-rispett kollu lejn il-Ministru, id-domanda tiegħi hija ċara ħafna. Saret għażla ta' tliet kumpanniji biex jagħtu quotations u ġew esklużi kumpanniji magħrufin ħafna fil-qasam tal-pubbliċita'. Jista' l-Ministru jagħti spjega għaliex sar dan? Jista' jgħid ukoll x'ordnijiet sussegwenti saru ma' l-istess kumpannija f'din il-kampanja ta' pubbliċita', apparti l-ordnijiet oriġinali li saru?
MADAM SPEAKER: Il-Ministru.
ONOR. JOE MIZZI: L-Onor. Membru staqsa min tefa' t-tender u f'minn min kien jikkonsisti l-bord. Din l-informazzjoni ngħatatlu. Issa jekk irid xi informazzjoni oħra, nitolbu jagħmel mistoqsija bil-miktub u meta tinġabar l-informazzjoni nkun nista nagħtih ir-risposta.


BUĠIBBA - PROĠETT

6999. L-ONOR. EDWIN VASSALLO staqsa lill-Ministru għax-Xogħlijiet Pubbliċi u Kostruzzjoni: Jista' l-Ministru jgħid kemm hi d-differenza bejn il-budget tal-proġett ta' Buġibba u kemm attwalment intnefaq? Jista' l-Ministru jgħid ir-raġuni tad-differenza li tħallset, lil min tħallset u kif tħallset?
Jista' l-Ministru jgħid b'kemm jiswa t-tarmac li ngħata lill-proġett ta' Buġibba u min huma l-kuntratturi li ħadmu f'dan il-proġett?
ONOR. CHARLES BUHAGIAR: Id-differenza bejn l-istima oriġinali u kemm ġie committed fuq il-proġett hija ta' madwar Lm500,000. Id-differenza hija dovuta għal xogħlijiet li ma kenux ippjanati li jidħlu fil-proġett oriġinali, iżda rriżulta li ma setgħux jitħallew barra għaliex kienu se jkunu ta' detriment għall-proġett. Dawn ix-xogħlijiet kienu jinkludu l-upgrading ta' partijiet mill-promenade, toroq u bankini li ma kenux inklużi fil-programm oriġinali.
Kif ġie spjegat fir-risposta għall-mistoqsija parlamentari numru 6925, ċifra eżatta dwar kemm tħallsu l-kuntratturi tkun tista' tingħata malli l-kejl kollu fuq il-proġett ikun iffinalizzat.
Ingħataw 'l fuq minn 131,000 metru kwadru ta' tarmac fuq il-proġett kollu u huwa stmat li t-tarmac sewa madwar Lm1,200,000.
Lista tal-kuntratturi kollha li ħadmu f'dan il-proġett ingħatat fir-risposta għall-mistoqsija parlamentari numru 6491.


EDUKAZZJONI - KORS TAL-PGCE

7083. L-ONOR. JOE CASSAR staqsa lill-Ministru ta' l-Edukazzjoni u Kultura Nazzjonali: Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari numru 6345?
ONOR. EVARIST BARTOLO: Nirriferi l-Onor. Interpellant għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari numru 6345 mogħtija aktar kmieni f'din is-seduta.

GOZO CHANNEL - VETTURI

7274. L-ONOR. ANTON TABONE staqsa lill-Ministru għat-Trasport u Portijiet: B'riferenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari numru 6610, jista' l-Ministru jagħti breakdown tal-vetturi li qasmu bejn Malta u GĦawdex misjuqa min-nies b'residenza f'Għawdex, b'residenza f'Malta u minn barranin?
ONOR. JOE DEBONO GRECH (Ministru għat-Trasport u Portijiet): Jiena nformat li l-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant hija kif ġej:-


DATA

BARRANIN

RESIDENTI MALTIN

RESIDENTI GHAWDXIN

Nov 95

2648

5585

10129

Dec 95

1935

5766

9943

Jan 96

1873

5306

9975

Feb 96

1741

5214

7903

Mar 96

3267

6804

10189

Apr 96

4186

10087

9468

May 96

4501

8761

11437

Jun 96

4107

10350

11060




DATA

BARRANIN

RESIDENTI MALTIN

RESIDENTI GHAWDXIN

Nov 96

2936

73333

10899

Dec 96

1533

5023

9240

Jan 97

2052

5436

9750

Feb 97*




10311

9156

Mar 97*




11964

7063

Apr 97*




10909

7853

May 97*




12623

8705

Jun 97*




12946

8808

*mhux possibbli ssir distinzjoni bejn nies b'residenza f'Malta

u bejn barranin minn Frar ta' din is-sena 'l quddiem.


MADAM SPEAKER: Grazzi. Il-ħin tal-mistoqsijiet issa għadda. Ngħaddu għat-tqegħid ta' Karti. Il-Prim Ministru.



Dostları ilə paylaş:
  1   2   3   4   5   6   7
Orklarla döyüş:

Google Play'də əldə edin


Verilənlər bazası müəlliflik hüququ ilə müdafiə olunur ©muhaz.org 2017
rəhbərliyinə müraciət

    Ana səhifə