Malta debates tal-kamra tad-deputati



Yüklə 0,52 Mb.
səhifə5/7
tarix08.01.2019
ölçüsü0,52 Mb.
#92554
1   2   3   4   5   6   7

AĠĠORNAMENT



ONOR. GEORGE VELLA: Madam Speaker, nipproponi l-aġġornament tal-Kamra għal-lejla l-Ġimgħa, 25 ta' Lulju, fis-6.00 p.m. b'din l-aġenda:
Mozzjonijiet
L-Ewwel Qari ta' l-Abbozz ta' Liġi dwar Servizzi tat-Turiżmu għal Malta.
Ordnijiet tal-Ġurnata
Abbozz ta' Liġi li jemenda l-Att dwar il-Protezzjoni tal-Proprjeta' Industrijali - it-Tielet Qari;
Abbozz ta' Liġi li jemenda l-Att dwar l-Ippjanar ta' l-Iżvilupp - it-Tieni Qari (Kont.);
Abbozz ta' Liġi li jħassar l-Att dwar Nomini mill-Oppożizzjoni - it-Tieni Qari (Kont.);
Abbozz ta' Liġi li jemenda l-Att dwar is-Sigurta' Soċjali - it-Tieni Qari (Kont.);
Abbozz ta' Liġi li jemenda l-Att dwar l-Amministrazzjoni tat-Taxxa - it-Tieni Qari;
Abbozz ta' Liġi li jemenda l-Att dwar Taxxa tar-Reġistrazzjoni ta' Vetturi bil-Mutur (Emenda Nru 2) - it-Tieni Qari;
Abbozz ta' Liġi li jemenda l-Att dwar il-Pools tal-Gvern Malti fuq il-Logħob - it-Tieni Qari;
Abbozz ta' Liġi li jemenda l-Ordinanza dwar il-Lottu Pubbliku - it-Tieni Qari; u
Abbozz ta' Liġi li jemenda l-Att dwar Dazju tas-Sisa (Emenda Nru 2) - it-Tieni Qari.
---------------------------------
Abbozz ta' Liġi dwar il-Condominia - Kumitat Permanenti;
Abbozz ta' Liġi dwar Garanziji ta’ Self lil Impriżi Żgħar - Kumitat Permanenti; u
Abbozz ta' Liġi biex jagħmel Provvedimenti Speċjali dwar Proċeduri quddiem Qrati - Kumitat Permanenti.
MADAM SPEAKER: Grazzi. Rimarki, jekk jogħġobkom? L-Onor. Michael Farrugia.
ONOR. MICHAEL FARRUGIA: Madam Speaker, xi ftit seduti ilu, l-Onor. Helen D'Amato ħadet parti mill-aġġornament biex titkellem fuq wieħed mill-prodotti li jiġu offruti mill-isptar. Fil-fatt dak inhar l-Onor. Membru tgħidx kemm damet tgħid li dan il-prodott huwa inferjuri għal dak li kien jiġi mqassam qabel u bilkemm ma tatx l-impressjoni li min ibati mis-coeliac disease qiegħed jiġi ffaċċat b'sitwazzjoni gravi.
Ikun tajjeb jekk nibda d-diskors tiegħi billi ngħid li hemm żewġ metodi differenti li bihom jiġu prodotti affarijiet ta' l-ikel gluten free. L-ewwel metodu huwa dak li naturalment jiġu wżati ingredjenti gluten free bħal, ngħidu aħna, s-soya u r-ross; u t-tieni metodu huwa li jintużaw ingredjenti li ma jkunux gluten free imma qabel dawn jiġu pproċessati biex jitneħħa l-gluten minnhom. Issa hawn ta' min isemmi l-fatt li t-tieni metodu huwa l-iktar wieħed li jikkrea diffikultajiet għax biex prodott ikun jista' jissejjaħ gluten free jrid ikollu ammont żgħir ħafna ta' gluten. Pero' għalkemm sa ftit ilu kien maħsub li dan l-ammont kien tant żgħir li ma kienx jeffettwa s-saħħa ta' min ibati mis-coeliac disease - fil-fatt ta' min jgħid li dan l-ammont ta' gluten huwa definit internazzjonalment mill-kummissjoni fi ħdan l-FAO, liema kummissjoni tirregola l-prodotti ta' l-ikel, u qatt ma jista' jinqabeż - riċerki riċenti ħafna wrew li anke dan l-ammont ċkejken jista' jagħmel ħsara lil xi pazjenti sensittivi ħafna għall-gluten. Fil-fatt illum xi speċjalisti madwar id-dinja, partikolarment fl-Amerka u fil-pajjiżi Skandinavi, qed jagħtu parir lill-pazjenti tagħhom li jbatu mis-coeliac disease li mhux biżżejjed li l-ikel li jieklu jkun gluten free għax dan irid ikun wheat free totalment peress li l-ammont ta' gluten li jibqa' f'oġġetti hekk imsejħa gluten free huwa kemmxejn għoli għall-pazjenti li jbatu mis-coeliac disease. Fil-fatt qed issir pressjoni internazzjonalment mill-għaqdiet tac-coeliacs u mill-ispeċjalisti biex l-ammont definit jitnaqqas ħafna iktar. F'dan il-kontest il-produtturi ta' l-ikel gluten free qed jagħmlu ħilithom biex kulma jipproduċu jkun totalment wheat free.
Hawn ta' min jgħid li d-dqiq li qed jiġi mqassam mill-isptar huwa frott ta' l-aħħar riċerka Ingliża li saret f'dan il-qasam u fil-fatt minn rapporti li għandi quddiemi jirriżulta li l-prodott li qed jinġieb hawn Malta għandu share ta' 88% tas-suq Ingliż. Filwaqt li huwa ovvju li wieħed idum xi ftit sakemm jidra kif għandu juża dan id-dqiq, biż-żmien żgur li jindara. Fil-fatt saru diversi testijiet, saħansitra minn kċejjen Maltin, fuq dan il-prodott u meta ġiet Malta rappreżentanta mis-coeliac society ta' l-Ingilterra, din qalet li din il-kwalita' ta' dqiq kienet tajba u kellha diversi kummenti pożittivi. Naturalment meta jidħol prodott gluten free ġdid idum ftit biex jindara, imma jekk l-Onor. Membru ta' l-Oppożizzjoni għandha l-interess tal-pazjenti li jbatu mis-coeliac disease daqshekk għal qalbha, kont nistenna li se tagħmel il-verifiki tagħha aħjar f'dan ir-rigward. Żgur li qabel tkellmet messha kkonsultat ma' l-assoċjazzjoni tas-coeliacs u ma' l-ispjeċjalisti lokali, minflok ma qagħdet biss fuq il-kliem ta' żewġ individwi, għax b'hekk kienet tiġi informata ferm iktar aħjar u dawn kienu jgħidulha kif jaħsbuha s-coeliac societies li jinsabu barra minn Malta u x'inhu jiġri fid-dinja moderna tal-mediċina f'dan il-qasam. Issa ħalli nagħmel punt ieħor billi nirriferi għar-rimarki li għamel Membru min-naħa ta' l-Oppożizzjoni - xi tlieta jew erba' seduti ilu - dwar pazjenta li mietet ġurnata wara li daħlet id-Dipartiment ta' l-Emerġenza.
Madam Speaker, it-tabib ta' din il-pazjenta qal li kieku sabilha xi ħaġa gravi kien isejjaħ l-ambulanza biex din il-mara tittieħed id-Dipartiment ta' l-Emerġenza u mhux joqgħod jagħmlilha referral letter għal dan id-dipartiment. Fil-fatt ta' min jgħid li l-għada l-pazjenta ma marritx id-Dipartiment ta' l-Emerġenza bl-ambulanza imma marret minn rajha u l-ġurnata ta' wara informat lit-tabib tagħha li meta marret id-Dipartiment ta' l-Emerġenza ma sabulha xejn gravi pero' wara tliet sigħat dan l-istess tabib ġie informat li din il-mara kienet mejta. Jien nistaqsi: Ġaladarba meta raha t-tabib dan ħass li ma għandha xejn gravi, u tliet sigħat biss qabel ma mietet kienet għand it-tabib tagħha u ma lmentatx li qed tħoss xi ħaġa, x'wassal biex ma saritx l-awtopsja ħalli tiġi vverifikata r-raġuni li għaliha mietet din il-pazjenta? GĦax wara kollox ħadd ma' jista' jgħid fiċ-ċert għal liema raġuni mietet din il-pazjenta sakemm ma ssirx l-awtopsja. Meta jien kont nipprattika bħala tabib f'ċerti każi fejn kien ikun hemm xi suspett dwar il-kawża tal-mewt - anke f'każi meta pazjenti mietu d-dar tagħhom stess - kienet tintalab li ssir awtopsja. Din hija prassi normali li tintuża mit-tobba li jaħdmu privatament, bħalma kont nagħmel jien meta kont niltaqa' ma' każijiet simili.
Madam Speaker, illum jekk wieħed ikollu bżonn jagħmel ċerti testijiet qed jinqeda f'iqsar żmien minn qabel. L-Onor. Membru qed jipprova jieħu l-prosit għal dan hu u jekk irid hekk mhijiex problema. Per eżempju, sa ftit taż-żmien ilu wieħed kien idum jistenna tliet ġimgħat biex imur f'xi poliklinika ħalli jitteħidlu d-demm - dan ma kienx qed isir taħt l-amministrazzjoni preżenti biss għax din hija xi ħaġa li kienet ilha għaddejja - pero' issa ħadna l-passi neċessarji biex illum ġejna f'sitwazzjoni fejn wieħed qed jinqeda f'inqas minn ġimgħa. Fil-fatt ta' min jgħid li dan l-aħħar kien hemm tweġiba parlamentari li kienet tgħid li llum meta wieħed ikollu bżonn isirulu t-testijiet tad-demm qed jinqeda fi żmien jumejn jew tlett ijiem. Wara kollox waħda mil-linji tal-politika tal-Gvern Laburista hija li jsaħħaħ is-settur tal-primary health care. Illum it-tobba privati qed jiġu megħjuna jintegraw ruħhom mas-sistema governattiva b'mod indirett billi minflok ma jibagħtu lill-pazjenti tagħhom l-isptar għal ċerti check ups jibagħtuhom fil-polikliniċi li għandna madwar Malta u GĦawdex. Fil-fatt anke għat-testijiet tad-demm qed tintuża din is-sistema u wara ġimgħa l-pazjenti u t-tobba tagħhom jingħataw ir-riżultati.
Madam Speaker, madanakollu aħna mhux se nieqfu hawnhekk imma se nkomplu naħdmu biex fost ħwejjeġ oħra naraw li nnaqqsu l-waiting list li hemm għal ċerti testijiet bl-għan li ċ-ċittadin jiġi moqdi aħjar. Ovvjament imbagħad wara li nilħqu dan it-target ikollna miri oħra x'nilħqu fosthom dak li, filwaqt li naraw li ndaħħlu apparat dejjem iżjed modern, inkomplu nnaqqsu ż-żmien li wieħed irid jistenna sabiex isirulu t-testijiet. Aħna rridu li kemm jista' jkun in-nies ma jkollhiex għalfejn toqgħod tidħol l-isptar biex tagħmel dawn it-testijiet imma tkun tista' tagħmel dan on an out-patient basis u b'hekk inkunu qed innaqqsu l-iffullar żejjed. Grazzi, Madam Speaker.
MADAM SPEAKER: Nirringrazzjak. Iktar rimarki? L-Onor. Adrian Vassallo.
ONOR. ADRIAN VASSALLO: Madam Speaker, f'dawn l-aħħar xhur jien, bħal sħabi taż-żewġ naħat tal-Kamra, għamilt diversi mistoqsijiet parlamentari kemm lil diversi ministri kif ukoll lill-Prim Ministru dwar il-mod kif aħna l-Maltin u l-Għawdxin għixna f'dawn l-aħħar għaxar snin. Fil-fatt il-mistoqsijiet tiegħi kienu jirrigwardaw id-droga, il-kriminalita', il-familja u l-affarijiet li jolqtu l-istil ta' ħajja li qed ngħixu aħna u wliedna. Hawn irrid ngħid bla ebda tlaqliq li ħafna mir-risposti li ngħatajt ixxukkjawni, kif naħseb li għandhom jixxukkjaw lil ħafna ċittadini. GĦalhekk illum ikun tajjeb jekk wieħed jieqaf jirrifletti u jistaqsi fejn sejra u fejn se tasal il-familja Maltija. Fl-aħħar għaxar snin ta' tmexxija Nazzjonalista demokristjana il-kriminalita', in-nuqqas ta' morali, l-abbuż tad-droga u l-vjolenza domestika żdiedu b'rata allarmanti u naħseb li kull min jixtieq il-ġid tal-familja verament inħasad bl-istatistika li xxandret f'din il-Kamra.
Madam Speaker, nibda billi nsemmi l-fatt li filwaqt li qabel l-1987 kienu jsiru protesti u dimostrazzjonijiet ta' kuljum immexxija minn qassisin u sorijiet kontra t-topless u n-nudiżmu f'xatt il-baħar, malli fl-1987 tela' l-Gvern Nazzjonalista dawn waqfu ħesrem u waqa' s-skiet minkejja li l-affarijiet baqgħu l-istess. Fil-fatt biżżejjed insemmi li f'għaxar snin sħaħ qatt ma ttellgħet persuna waħda l-qorti akkużata li kienet qed tgħum topless u tressqu biss tlieta akkużati li niżlu jgħumu mingħajr ħwejjeġ u dan meta llum kulħadd jaf li ftit huma dawk il-postijiet li wieħed jista' jmur jgħum fihom mingħajr ma jara dawn l-affarijiet. Per eżempju, il-Ġnejna ta' kuljum ikun hemm persuni li jkunu qed jgħumu mingħajr ħwejjeġ - dawn jista' jarahom kulħadd - imma madanakollu l-Pulizija rnexxielha tressaq il-qorti tliet persuni biss akkużati li wettqu dan l-abbuż.
Madam Speaker, ta' min isemmi wkoll li matul l-aħħar għaxar snin il-Pulizija ma rnexxielha taqbad lil ħadd ibigħ xorb alkoħoliku lil tfal taħt is-16-il sena ġewwa Paceville u dan meta jien u għaddej minn hemm bil-lejl kemm-il darba nara tfal taħt l-eta' jiġru barra għaddejjin bil-fliexken tax-xorb, speċjalment tal-birra. Fil-fatt mill-bidu ta' din is-sena nqabdu biss tlett itfal taħt is-16-il sena ġewwa d-diskoteki. Hawn jien nixtieq nistaqsi lill-ġenituri li għandhom tfal taħt is-16-il sena jekk dawn jitħallewx jidħlu fid-diskoteki. Minħabba dawn ir-raġunijiet ħafna persuni qed iħossu li l-Pulizija m'hijiex qed twettaq xogħolha sewwa. Dawk li għadhom taħt l-eta' u jiffrekwentaw id-diskoteki jistgħu jkunu t-tfal ta' xi wħud mill-pulizija stess. Ma rridux ninsew il-fatt li d-diskoteki jagħmlu ħsara kbira lil dawn it-tfal, kemm minħabba l-bejgħ ta' xorb alkoħoliku kif ukoll minħabba li l-mużika tant tkun qawwija li lanqas tkun tista' titkellem b'mod ċivili. Dan biex ma ngħidux ukoll li l-volum qawwi ta' mużika li jkun hemm fid-diskoteki jikkaġuna ħsara lis-smigħ. Fil-fatt illum ħafna żgħażagħ diġa' qed ibatu biex jisimgħu. Ta' min jgħid ukoll li ħafna drabi ż-żgħażagħ li jiffrekwentaw id-diskoteki jiltaqgħu ma' diversi persuni li jkunu taħt l-effett tad-droga jew ma' persuni oħra ħafna ikbar minnhom li jkunu moħħhom biex jaraw kif se jisolħuhom u jabbużaw mill-eta' tenera u immatura tagħhom.
Madam Speaker, ikun tajjeb jekk wieħed jgħid ukoll li s-sena l-oħra l-Pulizija rnexxielha taqbad biss tliet persuni jpejpu fuq il-karozzi tal-linja u 92 ġewwa d-diskoteki. Dan meta kull min jiffrekwenta d-diskoteki jaf li l-foga tas-sigaretti li jkun hemm tkun insapportabbli. Imbagħad xi ngħidu għall-abbuż tad-droga? Kulħadd jaf li l-użu ta' l-ecstasy qed jiżdied b'rata allarmanti. Fil-fatt erbat ijiem oħra se nressqu liġi dwar din it-tip ta' droga. Mhux bilfors li l-użu ta' l-ecstasy jiżdied meta qed nagħtu permessi għal all-night parties, li issa wħud minnhom qed jibdew bħala beach party f'nofsinhar u jkomplu għaddejjin biż-żfin sa ma jisbaħ? Kif jista' jkun li persuna jkollha dik l-enerġija kollha biex tagħmel dawn l-affarijiet mingħajr ma tieħu din it-tip ta' droga? Dawn il-parties huma maħsuba għal tapposta biex min imur fihom jew irid jieħu l-ecstasy bilfors jew inkella jrid jieħu energy drinks bi prezz għoli ħafna, biex żgur ikomplu jisolħu liż-żgħażagħ, imbagħad wara ħafna qbiż u xxadinjar imorru lejn id-dar isuqu ħafna drabi b'nuqqas ta' attenzjoni, għax wara 12-il-siegħa qbiż bilfors li jkunu għajjenin bil-konsegwenza li issa qed nisimgħu b'diżgrazzji tat-traffiku fis-siegħat bikrin ta' fil-għodu. Meta l-Kummissajru tal-Pulizija stqarr li ma jistax isib kontroll fuq dawn il-parties, speċjalment dawk li jsiru fil-beraħ, il-Partit Nazzjonalista tellgħu l-qorti u rebaħ il-kawża. Jidher li għall-Partit Nazzjonalista l-pika u l-vantaġġ politiku jiġu ħafna iktar qabel it-tħassib tal-ġenituri ta' dawn iż-żgħażagħ li jattendu dawn il-parties u l-ambjent morali li huwa mixtieq mill-istess żgħażagħ.
Tajjeb li wieħed jgħid li fil-ħabs, l-iktar post li suppost huwa ssorveljat u fejn hemm is-sigurta', fl-aħħar għaxar snin id-droga donnha kienet tiġi mixtrija bħal meta bniedem imur jixtri xi ħaġa minn ħanut. Fil-fatt fl-aħħar għaxar snin persuna mietet fil-ħabs u persuna oħra mietet meta kienet qed tiġi miżmuma fid-Depot tal-Pulizija. Mill-1994 'l hawn fil-ħabs kien hemm ukoll ħafna każijiet ta' overdose u kien hemm xejn inqas minn 227 priġunier li nstabu taħt l-effett tad-droga. Ħadd ma jaf kemm kien hemm każijiet bħal dawn qabel l-1994 peress li l-files li kienu jirrigwardaw dawn l-affarijiet inħarqu u ntilfu waqt l-irvellijiet li kienu saru fl-1993. U dan biex ma nsemmix ukoll li miċ-ċentri tas-saħħa tqassmu ftit inqas minn 150,000 siringa b'xejn mill-1994 'l hawn għall-użu tad-drogati. Dawn iċ-ċifri żgur li għandhom jagħtu lok għal tħassib. F'pajjiżna għandna problema kbira li jekk mhux se nieħdu ħsiebha se thedded il-ġejjieni tas-soċjeta' Maltija. Issa ħalli naraw x'qed jiġri fil-familja Maltija li hija magħquda u b'saħħitha u li sa ftit tas-snin ilu kienet l-għaxqa ta' kulħadd.
F'għaxar snin kien hawn 156 tifla taħt is-16-il sena li kellhom jitilqu mill-iskola minħabba li ħarġu tqal. Issa min jaf kemm hawn tfal taħt is-16-il sena li kellhom esperjenza sesswali mingħajr ma ħarġu tqal! Illum insibu wkoll li hawn 446 unmarried mothers fuq ir-relief. Insibu wkoll li fl-1988 kien hawn 1,726 single parent families u 2,565 tfal f'dawn il-familji. Illum hawn 3,118 single parent families b'aktar minn 3,500 tifel u tifla. Minn dawn il-familji għaxar snin ilu kien hemm 810 separati u issa hemm id-doppju. L-ommijiet xebbiet li fl-1988 kienu 366 issa żdiedu għal 702, jiġifieri f'għaxar snin kważi rduppjaw. Irduppjaw ukoll is-single parents iddivorzjati u żdiedu b'sitt darbiet is-single parent families, fejn il-missier qed jieħu ħsieb it-tfal minflok l-omm. Rigward iż-żweġijiet insibu li dawn baqgħu l-istess fin-numru matul dawn l-aħħar għaxar snin pero' ż-żweġijiet reliġjużi naqsu u dawk ċivili ittripplaw u s-sena l-oħra dawn kienu jammontaw għal 350.
F'dik li hija vjolenza domestika nsibu li l-każi rrapportati laħħqu 800 fl-aħħar tliet snin u aktar minn 1,500 persuna ġew mgħejjuna mill-victim support unit tal-Pulizija minn Ġunju ta' l-1993.
Mill-1987 'l hawn saru madwar 30,000 test ta' l-AIDS u dan juri kemm iż-żgħażagħ qegħdin jagħtuha għas-sess bla kontroll. Issa dawn it-testijiet saru min-nies li xtaqu li jiġu ttestjati, jiġiferi mhux min-nies li marru jagħtu d-demm għax dawk isiru fuq kulħadd. Fl-1987 saru 2,300 test u din is-sena saru kważi 4,000, jiġiferi kważi d-doppju.
Rigward il-kriminalita' nsibu li fl-1987 kien hemm 225 persuna li daħlet il-ħabs u s-sena l-oħra daħlu 662. F'għaxar snin daħlet 5,300 persuna l-ħabs, imbagħad in-Nazzjonalisti kienu jassigurawna li konna se ngħixu f'darna bla biża'! Insibu 937 persuna taħt is-16 il-sena li ttellgħu l-qorti minħabba xi ksur ta' regolamenti jew minħabba reati. Insibu li minn knejjes - fejn kulħadd iridha tal-qaddis - u minn istituzzjonijiet reliġjużi saru 180 serqa f'għaxar snin. Hemm iktar statistika li turi kemm kien demokristjan il-Partit Nazzjonalista meta kien fil-gvern.
Fl-1996 tqassmu madwar 200 post ta' abitazzjoni mill-gvern u kumbinazzjoni dawn tqassmu kollha fix-xahar ta' l-elezzjoni, jiġifieri f'Ottubru li għadda. Naraw ukoll li fl-1991 il-gvern biegħ plot għal Lm142,000, fl-1993 biegħ plot ieħor għal Lm272,000 u fl-1995 - dan huwa record - biegħ plot għal Lm573,000, jiġifieri iktar minn Lm0.5 miljun! Din l-informazzjoni ħarġet minn informazzjoni li ta' l- Ministru għax-Xogħlijiet Pubbliċi u Kostruzzjoni għal mistoqsija parlamentari li għamiltlu. Ikun tajjeb li hawnhekk wieħed igħid li qabel ma telgħu n-Nazzjonalisti fil-gvern, l-amministrazzjoni Laburista kienet biegħet postijiet - veru li dawn kienu iżgħar mill-postijiet li tqassmu dan l-aħħar - bil-prezz ta' Lm300.
Din l-istatistika li semmejt - u hemm ħafna iktar xi ngħid imma m'għandix ħin biżżejjed - imissa tkexkex u twerwer liċ-ċittadini serji li għandhom għaliex jitħassbu meta jaraw kemm l-affarijiet marru għall-agħar f'dawn l-aħħar għaxar snin. Il-problema għandha aspett soċjali, ekonomiku u morali u fil-fehma tiegħi l-Knisja trid terfa' parti mir-responsabbilita' biex pajjiżna jirpilja. Wieħed jistenna li jisma' leħen l-awtoritajiet konċernati iktar spiss u jekk hemm bżonn anke kuljum. Hawnhekk nixtieq nappella lill-Gvern, lill-partit fl-Oppożizzjoni, lill-Knisja, lill-Pulizija, liż-żgħażagħ u lill-familji Maltin biex jiftħu għajnejhom u jħarsu lejn ir-realta' li ħadd ma jista' jmeriha - il-figuri miktubin iswed fuq l-abjad. Il-verita' hija li nafu minn fejn tlaqna għaxar snin ilu, nafu fejn qegħdin u nafu d-direzzjoni li ħafna żgħażagħ Maltin mexjin fiha. Jien ma rridx ngħid li l-ġenerazzjoni żagħżugħa hija kollha maħruqa, għax hawn ħafna żgħażagħ tajbin u bil-għaqal li jistħoqqilhom li jiġu apprezzati, pero' madankollu għandna problema serja u naħseb li wasal iż-żmien biex nagħmlu sforz ilkoll flimkien ħalli meta xi għaxar snin oħra xi deputat ieħor jagħmel l-istess mistoqsijiet, it-tweġibiet ikunu ta' pjaċir u ta' sodisfazzjon u mhux ta' niket. Wisq nibża' li pajjiżna jista' jitlef ġenerazzjoni ta' tfal u żgħażagħ jekk ma jitteħdux passi malajr.
Jien nappella biex ilkoll flimkien naħdmu ħalli bl-għajnuna ta' Alla pajjiżna jerġa' jkun post dehen u ta' eżempju ta' kif is-soċjeta' għandha tgħix fil-paċi u fl-ordni. Inħoss li din il-kwestjoni hija kwestjoni nazzjonali li rridu nagħtuha attenzjoni serja u malajr. Jien nippretendi li l-partit fl-Oppożizzjoni għandu jingħaqad mal-Gvern biex is-soċjeta' Maltija tissaħħaħ u titjieb u nwaqqfu din il-mewġa kera ta' nuqqas ta' moralita', ta' serq, ta' kriminalita' u ta' drogi li bħalissa għaddejjin biha. Grazzi, Madam Speaker.
MADAM SPEAKER: Grazzi. Sar il-ħin.

Il-Kamra hija aġġornata għal-lum il-Ġimgħa, 25 ta' Lulju, fis-6.00 p.m. bl-aġenda kif komunikata mill-Viċi Prim Ministru.


Fin-12.30 p.m. il-Kamra aġġornat mingħajr ma saret il-mistoqsija.


Yüklə 0,52 Mb.

Dostları ilə paylaş:
1   2   3   4   5   6   7




Verilənlər bazası müəlliflik hüququ ilə müdafiə olunur ©muhaz.org 2024
rəhbərliyinə müraciət

gir | qeydiyyatdan keç
    Ana səhifə


yükləyin