ABBOZZ TA' LIGI DWAR KUMMISSJONI GĦALL-AMMINISTAZZJONI TAL-GUSTIZZJA 94
COMMISSION FOR THE ADMINISTRATION OF JUSTICE BILL 94
AĠĠORNAMENT 117
MISTOQSIJIET IMWIEĠBA BIL-MIKTUB 122
MINUTI
Il-Minuti tas-Seduta Nru. 264 li saret fis-16 ta' Mejju, 1994, ġew konfermati.
MISTOQSIJIET - TWEĠIBIET ORALI
POWER STATION - DELIMARA
17860. L-ONOR. SALVU SANT staqsa lill-Ministru għall-Ambjent: Billi issa s-second phase tal-Power Station ta' Delimara se jsir bis-sistema ta' combined cycle, jista' l-Ministru jgħid il-prezz per unit kemm se jkun komparat ma' dak preżenti?
ONOR. FRANCIS ZAMMIT DIMECH (Ministru għall-Ambjent): L-ispiża ta' 1 unit bis-sistema tas-C.C.G.T. tkun 12% ogħla minn dik tal-lum.
MR SPEAKER (Onor. Lawrence Gonzi): Il-Kap ta' l-Oppożizzjoni, mistoqsija supplimentari.
ONOR. ALFRED SANT: Jista' l-Ministru jgħidilna kemm ilha teżisti t-teknoloġija tal-combined cycle?
ONOR. FRANCIS ZAMMIT DIMECH: Jien informat li għalkemm din it-teknoloġija ilha s-snin teżisti, huwa biss riċentement li wieħed jista' jgħid li tista' tkun cost effective għal pajjiżna u mir-riċerka rriżulta li wieħed jista' jikkonsidraha għall-użu f'Malta.
MR SPEAKER: Il-Kap ta' l-Oppożizzjoni.
ONOR. ALFRED SANT: Jista' l-Ministru jikkonferma li s-sistema ta' combined cycle bħala teknoloġija kienet diġa' operational u li kienu diġa' jeżistu eżempji bħalha fl-Istati Uniti u fl-Ewropea, fl-1987/88 meta beda l-proġett ta' Delimara?
ONOR. FRANCIS ZAMMIT DIMECH: Mr Speaker, naħseb li diġa' tajt it-tweġiba għal din il-mistoqsija. Il-kwestjoni hija mhux meta t-teknoloġija tkun available jew meta xi pajjiżi jkunu qed jużawha, imma meta jasal il-mument li wieħed jikkonsidra, fost konsiderazzjonijiet oħra, li hija ekonomikament ta' vantaġġ għal pajjiżna. Kieku kelli nagħmel paragun ma' dak li ġara fi żmien l-Amministrazzjoni preċedenti ... Per eżempju, meta kien hemm il-kriżi taż-żejt, l-Amministrazzjoni preċedenti kienet għażlet sistema ta' power station li taħdem bil-faħam minflok biż-żejt, minkejja li l-effett tagħha fuq l-ambjent huwa ferm agħar. Imma kienet għażlet dik is-sistema minħabba konsiderazzjonijiet ekonomiċi. Illum il-ġurnata s-sistema msemmija fid-domanda li rrispondejt se tkun sistema iktar għolja minn dik preżenti. Pero' fi stadju ta' żvilupp nistgħu ngħidu li flimkien mas-sistema eżistenti forsi nikkonsidraw li nużaw ukoll is-sistema l-ġdida u 'l quddiem nistgħu nikkonsidraw li għall-ewwel fażi naqilbu fuq is-sistema ta' low sulphuric oil, anke minħabba konsiderazzjonijiet ta' ambjent. Imma rridu naraw il-konsiderazzjonijiet kollha, it-teknoloġija available, fejn tkun waslet ir-riċerka; il-cost effectiveness ta' dik is-sistema biex tixtriha fl-istadju li tkun available madwar id-dinja u l-effett ekonomiku fuq il-pajjiż. Dawn kollha huma konsiderazzjonijiet li kienu kkonsidrati meta ttieħdu d-deċiżjonijiet fuq Phase 1 u issa qed jiġu meqjusa għal Phase 2 u għal Phase 3.
ONOR. ALFRED SANT: Jista' l-Ministru jinformana x'kienu l-fatturi deċiżivi li fl-1988/89 wasslu biex ma tintgħażilx din it-teknoloġija?
ONOR. FRANCIS ZAMMIT DIMECH: Mr Speaker, jiena tajt il-prinċipji ġenerali. Jekk il-Kap ta' l-Oppożizzjoni jixtieq dettalji iktar preċiżi fuq dan il-punt, allura nistiednu biex jagħmel domanda preċiżament fuq hekk. Il-prinċipji ġenerali huma dawn li qed ngħid, jiġifieri trid tikkonsidra l-livell ta' teknoloġija u riċerka li jkollok dwar is-sistema konsidrata u kif tolqot lil pajjiżna mil-lat ekonomiku.
ONOR. ALFRED SANT: Jista' l-Ministru jgħid x'inhuma l-fatturi li mill-1989 'l hawn biddlu d-deċiżjoni u l-kriterji tad-deċiżjoni?
ONOR. FRANCIS ZAMMIT DIMECH: L-ewwelnett jista' jkun hemm fatturi ta' cost effectiveness, fejn is-sistema tkun saret aktar vantaġġjuża għal pajjiżna, għaliex ikunu għaddew numru ta' snin minn meta tkun bdiet titħaddem l-istess teknoloġija madwar id-dinja; jista' jkun irħas biex tistalla u tuża dik is-sistema wara li jkunu għaddew dawn is-snin ... Dawn huma fatturi oħra li qed jiġu konsidrati, apparti li mil-lat ekonomiku wieħed jista' jgħid li jkun wasal il-mument li fit-tieni fażi ninkwetaw ftit inqas li r-running costs se jkun iżjed. Jekk tipparaguna din is-sistema ma' sistemi oħrajn, bħal dawk li huma bbażati fuq livelli baxxi ta' sulphuric contents fiż-żejt, issib li din hija sistema li llum ekonomikament tagħmel iktar sens. Pero' għalija huwa relevanti l-fatt - u forsi dan huwa l-aktar punt interessanti fil-mistoqsija ta' l-Onor. Salvu Sant - li s-sistema ta' combined cycle gas turbine għat-tieni fażi tal-power station iżżid il-unit cost bi 12% fuq dak li jiġi prodott bis-sistema preżenti.
ONOR. ALFRED SANT: Jista' l-Ministru jikkonferma jew jinnega li fl-1970 diġa' kien hemm power stations f'Massachusettes, l-Amerika, u fi Franza li kienu qed joperaw bil-combined cycle?
ONOR. FRANCIS ZAMMIT DIMECH: Mr Speaker, nista' nagħti tweġibiet dwar Malta mill-1987 'l hawn. Mhux normali li fit-tweġiba ssir mistoqsija lura, pero' la l-Kap ta' l-Oppożizzjoni għamel asserzzjoni bħal din, naħseb li l-poplu jkun korrett jekk jistaqsi għaliex l-Amministrazzjoni preċedenti sa l-1987 ma wżatx dik is-sistema għall-ġenerazzjoni ta' l-enerġija f'Malta.
ONOR. ALFRED SANT: Il-Ministru jikkonfermalna li l-Amministrazzjoni preċedenti qatt m'għamlet power stations f'Delimara?
ONOR. FRANCIS ZAMMIT DIMECH: Nista' nikkonferma li l-Amministrazzjoni preċedenti ppjanat power staion f'Delimara jew viċin ta' Delimara.
ONOR. ALFRED SANT: Jista' jikkonferma li qatt m'għamlet proġett ta' power station f'Delimara.
ONOR. FRANCIS ZAMMIT DIMECH: Naħseb li jekk naraw ftit ir-rapporti u l-ittri li kien hemm fuq dan is-suġġett meta ġejna għad-diskussjoni rigward il-power station, insibu diversi ittri ċari mill-Ministru ta' dak iż-żmien li jitkellmu dwar l-urġenza li ssir power station u fost il-possibilitajiet fejn din tista' ssir kienu indikaw ukoll Marsaxlokk jew l-area ta' Delimara.
ONOR. ALFRED SANT: Jiena se nagħmel statement, għax wara kollox minn stqarrija ta' avukat trid tipprova tislet konklużjoni. Qed jikkonfermalna li l-Aministrazzjoni Soċjalista jew Laburista qatt m'għamlet power station f'Delimara qabel l-1987. Jista' l-Ministru jikonfermalna li bis-sistema tal-combined cycle ma kienx ikun meħtieġ it-tul taċ-ċmieni li nbnew għall-power station ta' Delimara mill-1988 'l hawn?
ONOR. FRANCIS ZAMMIT DIMECH: Nikkonferma li s-sistema tal-combined cycle gas turbine hija sistema li tirrikejdi ċmieni ta' inqas tul.
ONOR. ALFRED SANT: Allura l-Ministru qed jikkonfermalna illi kieku fl-1988/89 l-Amministrazzjoni preżenti għażlet li timplimenta din it-teknoloġija - li kienet diġa' ilha tiġi implimentata mill-1970 - ma kienx ikun hemm għalfejn it-tul ta' ċmieni li nbnew f'Delimara.
ONOR. FRANCIS ZAMMIT DIMECH: L-ewwelnett m'aċċettajtx l-asserzjoni tal-Kap ta' l-Oppożizzjoni rigward l-1970, anzi għamilt mistoqsija retorika fuq dak il-punt. Le, ma kienx neċessarjament ifisser bdil tas-sit, għax is-sit ta' Delimara ...
ONOR. ALFRED SANT: Jien staqsejt li kieku l-Amministrazzjoni preżenti għażlet it-teknoloġija tal-combined cycle kienx ikun hemm bżonn ta' ċmieni għolja bħal dawk li nbnew f'Delimara.
ONOR. FRANCIS ZAMMIT DIMECH: Dak li jgħodd għat-tieni fażi tal-proġett kien jgħodd ukoll għall-ewwel fażi. Imma l-argument huwa li l-konsiderazzjoni tas-sit ta' Delimara ma kenitx relatata biss mad-daqs taċ-ċmieni; kienet relatata wkoll ma' fatturi oħrajn, fosthom dawk ekonomiċi, mal-fatt li s-sit irid ikun f'post viċin il-baħar, ma' l-għoli mil-livell tal-baħar, mas-sħana li tiġi ġenerata, ma' fejn l-aktar li jipprevalu l-irwiefen f'Malta u l-konsiderazzjonijiet kollha li dak iż-żmien din il-Kamra altru li ddiskutiet fit-tul.
ONOR. ALFRED SANT: Jista' l-Ministru jikkonferma li bit-teknoloġija tal-combined cycle, il-kriterji li semma ma kenux l-istess bħal dawk li ġew ikkonsidrati għat-teknoloġija wżata f'Delimara?
ONOR. FRANCIS ZAMMIT DIMECH: Jekk il-Kap ta' l-Oppożizzjoni jrid jagħmel domanda daqstant teknika u preċiża, allura għandu jagħmel domanda ad hoc, imbagħad nagħtuh it-tweġibiet kollha li jkun hemm bżonn.
ONOR. ALFRED SANT: Minn din it-tweġiba nifherm li l-Ministru m'għandux l-informazzjoni għad-dispożizzjoni tiegħu bħalissa.
ONOR. FRANCIS ZAMMIT DIMECH: Se nindaga dwar konsiderazzjonijiet ekonomiċi, imma li nirrispondi dwar l-aspetti tekniċi f'mistoqsija supplimentari u mhux il-mistoqsija prinċipali, naħseb li ma nkunx ... Hemm nies li huma esperti f'dan il-qasam u għandna noqogħdu fuq il-pariri tagħhom.
ONOR. ALFRED SANT: Jikkonferma l-Ministru li bit-tul ta' ċmieni li jkun hemm bżonn għat-teknoloġija tal-combined cycle - apparti l-konsiderazzjonijiet kollha li semma hu - il-problema ta' l-ajruport ta' Ħal Luqa ma kenitx tinqala' dwar is-sit ta' Bengħajsa?
ONOR. FRANCIS ZAMMIT DIMECH: Minn dak li stajt nara s'issa, jidher li huwa perikoluż ħafna li tagħmel ċmieni ta' kwalunkwe daqs viċin ir-runway, anke minħabba l-periklu għal ajruplani li jkunu neżlin u telgħin. Jekk allaħares qatt, ikollok inċident f'dawk l-inħawi, il-periklu jkun ferm ikbar, irrispettivament mid-daqs taċ-ċmieni. Dan apparti fatturi oħra, ngħidu aħna l-effett fuq il-viżibilita' ta' l-ajruplani u elementi oħra li jistgħu jaffettwaw strumenti oħrajn li jintużaw fl-ajruport. F'dan il-Parlament ġieli kellna okkażjoni li nitkellmu fuq l-instrument landing systems, u jekk dawn ikunux affettwati minn bini ta' għoli normali, aħseb u ara jekk titkellem fuq bini ta' power station. Barra minn hekk jista' jkun hemm radiation effects u fatturi oħrajn.
ONOR. ALFRED SANT: Minn dak li qal il-Ministru, għandi nraġun nifhem li teknikament dan il-Gvern jemmen li, kienet x'kienet l-għażla ta' teknoloġija għall- power station, is-sit ta' Bengħajsa ma kienx tajjeb għal dan il-proġett?
ONOR. FRANCIS ZAMMIT DIMECH: Naħseb li l-Kap ta' l-Oppożizzjoni jkun korrett li jifhem li meta ttieħdet din id-deċiżjoni, ittieħdet bl-iktar mod oġġettiv, wara studju tal-konsiderazzjonijiet li kienu relevanti dak iż-żmien, inklużi l-konsiderazzjonijiet ta' sigurezza għall-pajjiż, mhux inqas għall-ajruport tagħna, ta' konsiderazzjonijiet ekonomiċi u konsiderazzjonijiet ambjentali, għax ħadd ma jieħu gost ikollu power station viċin tiegħu. Għaldaqstant trid issib il-post l-iktar adattat għaliha, u meta ttieħdu dawk il-konsiderazzjonijiet kollha, dik kienet l-aħjar għażla u l-aktar waħda oġġettiva li setgħet issir għal Malta.
ONOR. ALFRED SANT: Sur President, se ninsisti fuq dan il-punt rigward iċ-ċmieni. Il-Ministru qed jinsisti li, kien x'kien it-tul taċ-ċmieni rikjest, Bengħajsa kienet out of the question għax qiegħda fil-line of sight ta' l-ajruplani.
ONOR. FRANCIS ZAMMIT DIMECH: Jiena għidt li qatt ma jkun għaqli li tagħmel power station f'Bengħajsa minħabba l-estensjoni tal-line of sight tar-runway u minħabba konsiderazzjonijiet ta' sigurta'.
ONOR. ALFRED SANT: Il-Ministru qed jasserixxi li, kienu x'kienu l-economics li wasslu għall-għażla tat-teknoloġija tal-combined cycle jew tas-sistema preżenti, s-sit ta' Bengħajsa xorta ma kienx ikun adattat għal power station. Dak li qed jgħid.
ONOR. EDDIE FENECH ADAMI (Prim Ministru): Nirreferi lill-Kap ta' l-Oppożizzjoni għad-dibattitu li sar f'dan il-Parlament - meta l-Oppożizzjoni kienet telqet 'il barra mill-Kamra - fejn kont spjegajt dawn l-argumenti kollha b'dokumenti li tpoġġew fuq il-Mejda tal-Kamra. Il-pariri tekniċi kienu li fejn qed isemmi l-Onor. Sant ma kienx adattat biex tinbena l-power station. L-argumenti kollha qegħdin hemm u ebda ammont ta' domandi m'hu se jbiddel iċ-ċirkostanzi ta' dak inhar.
ONOR. ALFRED SANT: La l-Prim Ministru għamel stqarrija, jiena nista' nressaq stqarrija wkoll.
MR SPEAKER: Dik kienet tweġiba u mhux stqarrija. Hawnhekk għadna fil-ħin tal-mistoqsijiet.
ONOR. ALFRED SANT: Ma kenitx tweġiba. Ir-raġunijiet tekniċi li nġabu dak iż-żmien kienu kollha relatati ma' l-għoli taċ-ċmieni, u issa l-Onor. Francis Zammit Dimech għadu kemm qal li, ikun xi jkun l-għoli taċ-ċmieni, Bengħajsa kienet out of the question. Jekk dan huwa veru, allura l-argumenti kollha li ġab il-Prim Ministru meta għamel dak id-dibattitu kienu kollha irrelevanti, għax Bengħajsa kienet out of the question minħabba li kienet fil-viċinanza ta' l-ajruport, skond dak li għadu kemm qal l-Onor. Francis Zammit Dimech.
MR SPEAKER: Onorevoli, nitolbok iżżomm il-kummenti tiegħek f'forma ta' mistoqsija.
ONOR. EDDIE FENECH ADAMI: Il-Kap ta' l-Oppożizzjoni għadu kemm għamel statement żbaljat, għax dak li qal m'hux veru. Jien nistiednu biex jikkonsulta r-records tad-dibattitu li sar fil-Parlament dak iż-żmien u d-dokumenti li tpoġġew fuq il-Mejda tal-Kamra.
ONOR. ALFRED SANT: Ħalli nibqgħu fuq dak li ntqal illejla. L-Onor. Francis Zammit Dimech qed jikkonferma li bl-għoli taċ-ċmieni kif kien propost, Bengħajsa kienet out of the question. Jista' l-Onor. Francis Zammit Dimech jikkonferma dan?
ONOR. FRANCIS ZAMMIT DIMECH: Mr Speaker, jien tkellimt b'mod ċar u għidt li meta dak iż-żmien ikkonsidrajna ċ-ċirkostanzi kollha relevanti, l-aħjar deċiżjoni għall-pajjiż irriżulta li kienet li s-site tal-power station ikun Delimara. Ma nistgħux noqogħdu nagħmlu proċess ta' mistoqsijiet li m'humiex relatati mar-realta', imma huma bbażati fuq ipotesi differenti. Minn dak li naf u minn dak li rriżulta mid-diskussjoni li saret dak inhar, ma kien ikun qatt għaqli li tagħmel power station in line of sight tar-runway ta' l-ajruport - u dan li erġajt għidt illejla - għal diversi raġunijiet ovvji li qed nindikalek u li kienu spjegati ferm aħjar dak inhar.
ONOR. ALFRED SANT: Nerġa' nieħu dak li qal il-Ministru Francis Zammit Dimech bħala konferma - jekk jaċċetta li hija konferma - li kienet x'kienet it-teknoloġija magħżula għall-power station, is-sit ta' Bengħajsa, għax huwa in line of sight ma'
l-ajruport ma kellhiex tiġi konsidrata. Qed jikkonferma dan?
ONOR. FRANCIS ZAMMIT DIMECH: Mr Speaker, naħseb li kont ċar biżżejjed. Dak iż-żmien kienu ġew konsidrati ċ-ċirkostanzi kollha u fid-dawl ta' dan ittieħdet l-aħjar deċiżjoni għall-pajjiż. Ma nistgħux noqogħdu ngħidu li kieku ġara "hekk" u kieku ġara "hekk", iċ-ċirkostanzi kienu jkunu
MR SPEAKER: Il-Kap ta' l-Oppożizzjoni.
ONOR. ALFRED SANT: Jien ma qed indaħħal ebda ċirkostanzi, imma qed nistaqsih mistoqsija preċiża ħafna. Il-mistoqsija hija jekk jistax jikkonferma li, kienet x'kienet it-teknoloġija magħżula - combined cycle jew xi ħaġa oħra - is-sit ta' Bengħajsa ma kienx tajjeb g]all-power station. Hu kkonfermali li kien ħażin in all circumstances, irrelevanti liema kienet l-għażla ta' teknoloġija. Jikkonfermali dan jew le?
ONOR. EDDIE FENECH ADAMI: Mr Speaker, ir-risposta isibha fid-dibattitu li kien sar f'dan il-Parlament dwar il-bini tal-power station. Il-Ministru mhux obbligat li jirrispondi domandi bħal dawn, meta dak inhar ma kienx il-Ministru responsabbli. Jiena naċċerta lill-Kap ta' l-Oppożizzjoni li jekk jikkonsulta ruħu mad-dibattitu u d-dokumenti li kienu ġew ippreżentati dak inhar, għandu jsib ir-risposti. (Interruzzjonijiet)
MR SPEAKER: Tiddibattux bejnietkom.
ONOR. ALFRED SANT: Il-Prim Ministu qed jgħid xi ħaġa u qed jimmiżlijdja lill-Kamra. Ir-raġunijiet għar-riżoluzzjoni li kien ressaq hu stess quddiem din il-Kamra kienu marbuta ma' l-għoli taċ-ċmieni. Issa jinnega dan, jekk hu kapaċi.
ONOR. EDDIE FENECH ADAMI: Jien ninnega dak li qed jgħid l-Onor. Sant. Din hija invenzjoni.
MR SPEAKER: L-Onor. Muscat.
ONOR. PHILIP MUSCAT: Mr Speaker, peress li jien kont involut ħafna f'din il-kwestjoni, nista' ngħid li dak li qed jgħid il-Kap ta' l-Oppożizzjoni huwa l-argument prinċipali.
MR SPEAKER: Onorevoli, jekk jogħġobkom, tagħmlux statements. Dan huwa l-ħin tal-mistoqsijiet.
ONOR. PHILIP MUSCAT: Nixtieq nistaqsi lill-Onor. Zammit Dimech kif jista' jallega li l-Amministrazzjoni Laburista riedet tagħmel power station f'Delimara, meta dan ċaħdu l-ex Chairman stess, is-Sur Ciantar. Hu stess irrakkommanda s-siti li għandhom jiġu konsidrati, fosthom San Luċjan u Delimara. Imma li tgħid li l-Amministrazzjoni Laburista riedet li l-power station tinbena f'Delimara hija gidba.
ONOR. FRANCIS ZAMMIT DIMECH: Jiena semmejt diversi ittri li kienu ġew diskussi f'dan il-Parlament dak iż-żmien u naħseb li l-Onor. Muscat jaf tajjeb dwarhom. Jekk ikun hemm bżonn nistgħu nirreferuh għalihom. (Interruzzjonijiet) Dawn diġa' qegħdin fuq il-Mejda tal-Kamra.
MR SPEAKER: L-aħħar mistoqsija, l-Onor. Salvu Sant.
ONOR. SALVU SANT: Jidher li għat-tieni fażi tal-power station ittieħdu l-pariri tal-konsulenti ta' Ewbank Preece u l-EDF ta' Franza. Naf li dak iż-żmien mhux il-Ministru Zammit Dimech kien responsabbli u skantajt kif ma qamx jirrispondi ħaddieħor illejla.
MR SPEAKER: Fil-qosor, Onorevoli, għax skada l-ħin.
ONOR. SALVU SANT: Min kien li ta l-pariri għall-ewwel fażi tal-power station?
ONOR. FRANCIS ZAMMIT DIMECH: Naħseb li din għandha tkun mistoqsija preċiża. Jidhirli li dak inhar li sar id-dibattitu hawnhekk kienu ġew ippreżentati r-rapporti kollha relevanti. Jiġifieri l-Onor. Salvu Sant diġa' għandu t-tweġiba għal din il-mistoqsija, imma jekk għandu xi punt partikolari li jixtieq jistaqsi dwaru, għandu jagħmel domanda preċiża bil-miktub.
MR SPEAKER: Point of order, l-Onor. Salvu Sant.
ONOR. SALVU SANT: Jien għadni kif ġibt kopja ta' mistoqsija parlamentari numru 17997 li fit-tielet paragrafu tgħid hekk:
"Ta' min ħadet il-parir Enemalta u x'rapporti kellha suġġeriti meta saret l-ewwel fażi ta' din il-power station sabiex saret kif saret?"
Dan ifisser li l-mistoqsija qiegħda miktuba u inti xorta ma rrispondejtnix. Allura issa kif qed tgħidli biex nagħmillek mistoqsija jekk lanqas biss irrispondejtni għal din id-domanda?
MR SPEAKER: Onor. Sant, din hi mistoqsija oħra.
ONOR. SALVU SANT: Le, Mr Speaker, din hi l-istess mistoqsija tal-lum, jiġifieri mistoqsija parlamentari 17997. Jien qed ngħid dan biex issa tiggwidani inti. Il-Ministru qed igħidli biex nagħmillu l-mistoqsija, jien għamilthielu u xorta ma rrispondinix.
MR SPEAKER: L-Onor. Francis Zammit Dimech.
ONOR. FRANCIS ZAMMIT DIMECH: Fir-risposta hawn miktub ukoll li għall-aħħar parti tal-mistoqsija, l-informazzjoni mitluba qed tinġabar. (Interruzzjonijiet) GĦall-parti l-oħra ma nsib ebda diffikulta' li nagħti t-tweġiba darb'oħra. (Interruzzjonijiet) Din timmerita mistoqsija parlamentari oħra separata.
MR SPEAKER: Onor. Sant, se toħloqli dibattitu. Issa qegħdin out of order. L-Onor. Salvu Sant.
ONOR. SALVU SANT: Jien qed ngħid hekk għax il-Kap ta' l-Oppożizzjoni għamel l-istess mistoqsija u ngħata tweġiba għal dan, u issa jien ikkonfermajt li din saret - lili qaluli li saret ukoll - u jien xorta għadni ma ngħatajtx ir-risposta.
MR SPEAKER: Din hi wkoll relatata ma' mistoqsijiet oħra li qed jidhru fuq l-agenda u f'dan il-każ qegħdin out of order. Il-ħin tal-mistoqsijiet issa għadda. Tqegħid ta' Karti. L-Onor. Prim Ministru.