Dibattiti tal-kamra tad-deputati



Yüklə 363,65 Kb.
səhifə3/6
tarix30.04.2018
ölçüsü363,65 Kb.
#49479
1   2   3   4   5   6

THE CHAIRMAN: Il-Ministru.
ONOR. JOE FENECH: Naħseb li skond kif qed niddiskutu din il-materja jidher li ma naqblux. Ma naqblux fuq il-kwestjoni li aħna qegħdin ngħidu li dan huwa l-iktar mod viċin għall-awtodixxiplina. Hija sitwazzjoni fejn qed nagħtu fiduċja lil kumitat, li fil-maġġoranza tiegħu huwa kompost minn persuni nominati mill-kamra ta' l-avukati, li dawn jagħmlu kodiċi ta' nies. Aħna qed ngħidu li jekk dan il-kodiċi ma jkunx ta' nies dan ikun kontroproduċenti għall-Kamra ta' l-Avukati u għall-klassi ta' l-avukati, għax il-Kamra għad għandha kontroll li temenda l-liġi. Il-ħabib tiegħi mhux qed jaqbel ma' din it-teżi u qed jgħid, għaliex għandna nħallu din is-sitwazzjoni fejn ikollna nibdlu l-liġi jekk dawn ma jagħmlux kodiċi li huwa konformi jew li l-Kamra ma taqbilx miegħu? Aħna qed ngħidu li għandna nagħtuhom iċ-ċans li dan jagħmluh huma, għax aħna għandna fiduċja li dawn għandhom interess ġenwin li jissalvagwardaw il-klassi ta' l-avukati. Jekk il-Kamra jidhrilha sussegwentement li dawn qed jabbużaw mis-sitwazzjoni għax m'humiex qed ikopru dak kollu li għandhom ikopru a tenur tal-liġi jew li għandhom jesiġu mid-definizzjoni li hemm fil-liġi biex ikunu koprew il-kodiċi ta' l-etika fl-estremi kollha tiegħu, aħna qed ngħidulhom biex nagħtuhom iċ-ċans - kif xtaqu del resto - jekk dawn ma jaslux din il-Kamra dejjem għandha r-rimedji tagħha. Il-ħabib tiegħi ma jaqbilx li għandna nagħmlu hekk, imma għandna nkunu aħna stess li naraw li l-kodiċi ta' etika jiġi approvat minn qabel mill-Kamra. U la m'aħniex naqblu fuq din il-kwestjoni, ikun inutli li nkomplu niddibattu din il-materja.
THE CHAIRMAN: L-Onor. Karmenu Mifsud Bonnici.
ONOR. KARMENU MIFSUD BONNICI: Il-Ministru jmissu osserva li f'dak li għidt hemm is-suġġeriment li kieku nħallu f'idejn il-kumitati biex jifforma l-kodiċijiet - fil-każ ta' l-avukati nħallu f'idejn il-Kumitat ta' l-Avukati u fil-każ tal-prokuraturi legali nħallu f'idejn il-Kumitat tal-Prokuraturi Legali - xorta waħda għandu jkun hemm provvediment fil-liġi li dawn il-kodiċijiet magħmula mill-kumitati jiġu kontenuti u magħrufa permezz ta' regolamenti maħruġa mill-Ministru ħalli din il-Kamra jkollha l-opportunita' li jekk wara li jkunu tqiegħdu fuq il-Mejda tal-Kamra u l-Kamra ma tkun qalet xejn, ikunu validi minn mindu jkunu saru r-regolamenti u jibqgħu jseħħu u jekk il-Kamra jidhrilha li ma jkunux sodisfaċenti tannullahom jew temendahom. Jidhirli li l-ideal kien ikun kieku għamilna l-kodiċijiet aħna għaliex kieku sal-lum dawn il-kodiċijiet saru u tqiegħdu quddiem din il-Kamra biex tapprovahom, la qed nagħmlu dan il-makkinarju biex japplika liġi u rridu nkunu nafu x'inhu l-kontenut ta' din il-liġi. Qed nagħmlu makkinarju biex japplika liġi, pero' ma nafux x'inhu l-kontenut tal-liġi. Jien qed ngħid li jekk almenu nqasna li nagħmluh fil-liġi, m'għandniex nonqsu li nagħmluh fir-regolamenti ħalli almenu l-Kamra jkollha l-possibilita' li tikkontrolla dawn il-kodiċijiet. Lanqas dan is-suġġeriment m'huwa aċċettabbli għall-Gvern? Aħna qed nissuġġerixxu li dak li jagħmel il-Kumitat b'xi mod għandu jiġi a konjizzjoni ta' din il-Kamra għaliex inkella l-Kamra qatt m'hu se tiġi a konjizzjoni tiegħu, ħlief fir-rapport li forsi l-Kummissjoni tippreżenta lill-Ministru fl-aħħar tas-sena għaliex proprjament il-Ministru m'għandux il-fakulta' li jkun jaf x'ikun fihom dawn il-kodiċijiet. Il-pubbliku kif se jkun jaf b'dawn il-kodiċijiet? M'hawnx provdut il-makkinarju biex dawn il-kodiċijiet jinġabu a konjizzjoni tal-pubbliku. Għalhekk qed ninsistu li din il-liġi tipprovdi għal dan kollu u mhux inħalluha għall-intenzjoni tajba tan-nies li se jagħmlu dawn il-kodiċijiet. Jidhirli li din hija ħaġa sempliċi li nagħmluha f'kull liġi fejn nagħtu setgħa lill-Ministru li jagħmel ir-regolamenti ben sapendo li dawn ir-regolamenti xi darba jistgħu jiġi kontrollati mill-Kamra. Imbagħad jekk il-Kamra ma tindenjax ruħha tikkontrollahom, jibqgħu validi kif saru. Imma m'aħna nagħmlu xejn minn dan f'din il-liġi u m'għandniex il-possibilita' li nkunu nafu x'inhu l-kontenut ta' dan il-kodiċ. Allura kif il-Ministru jiġi jgħid li jekk din il-Kamra ma tkunx sodisfatta bih, tista' temenda l-liġi?
ONOR. JOE FENECH: Mela dan xi sigriet! X'jiġifieri ma tkunx taf? Anke jekk ma jkunx imqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra, jista' jkun hemm avukat li jkollu l-kodiċi available għalih u jagħtihulek biex tpoġġih fuq il-Mejda tal-Kamra.
ONOR. KARMENU MIFSUD BONNICI: Mela l-Ministru qed jippretendi li jien qed nagħmilha ta' avukat? Jien m'inix qed nagħmilha ta' avukat.
ONOR. JOE FENECH: Int qed tgħid li l-Membri tal-Kamra u l-pubbliku ma jkunux jafu bil-kontenut tal-kodiċijiet, pero' dan m'hawn xejn sigriet fihom għaliex l-għada jista' jiġi pubblikat fil-gazzetti.
ONOR. KARMENU MIFSUD BONNICI: Mela hawn xi obbligu li l-kodiċi jrid jiġi pubblikat?
ONOR. JOE FENECH: Jista' jippubblikah kull avukat.
ONOR. KARMENU MIFSUD BONNICI: Ma tirrealizzax li l-ebda avukat m'għandu interess jippubblika l-kodiċi!

ONOR. JOE FENECH: Aħna qed nitkellmu biex ma nispustawx il-pożizzjoni. Int qed tgħid li l-Kamra mhux se jkollha mod ta' kontroll u jien qed ngħidlek li dan se jkun available għal kulħadd. Jekk xi Membru tal-Kamra jidhirlu li dan il-kodiċi ma jikkonformax jew mhuwiex tajjeb, għandu l-mezzi kollha, inkluż il-Gvern li għandu interess, li jemenda l-liġi biex dik ma tibqax hekk u ilna ngħidu l-istess ħaġa għal siegħa sħiħa.
ONOR. KARMENU MIFSUD BONNICI: Milli jidher li hawn konfużjoni dwar l-intendiment ta' liema Kamra. Int qed tirreferi għal din il-Kamra jew għall-Kamra ta' l-Avukati? Jien qed nirreferi għal din il-Kamra.
ONOR. JOE FENECH: Jien qed nirreferi għal din il-Kamra wkoll.
ONOR. KARMENU MIFSUD BONNICI: Imma l-Kamra kif se jkollha l-mezz li tkun taf x'fih il-kodiċi jekk ma jitpoġġix fuq il-Mejda tal-Kamra jew ma jiġix pubblikat fil-gazzetti? M'hawnx provdut għal dan u jien ma nistax nifhem kif l-affarijiet tal-Ministru tal-Ġustizzja jimxu b'mod differenti mill-ministeri l-oħra kollha. Għamilna diversi liġijiet fejn lil kull ministru tajnih l-enabling power biex jagħmel ir-regolamenti.
ONOR. JOE FENECH: Se nibqgħu nirrepetu l-istess ħaġa għall-eternita'. Aħna qed ngħidu li ridna nagħtu kemm hu possibbli awto-ġestjoni lill-Kamra ta' l-Avukati għaliex il-membri nominati minnha huma f'maġġoranza fuq il-Kumitat. Jekk għall-kuntrarju, flok tħalli lilhom jagħmluha, tagħmilhilhom int, ma tkunx qed tħalli ebda awto-ġestjoni. Dan huwa l-iktar mod viċin ta' awto-ġestjoni u awto-dixxiplina u se nkomplu nirrepetu l-istess ħaġa.
ONOR. KARMENU MIFSUD BONNICI: Mhux veru li se nħallu f'idejn il-Kamra ta' l-Avukati biex tagħmel l-awto-ġestjoni.
ONOR. JOE FENECH: Jien m'għidtlekx f'idejn il-Kamra, imma għidtlek l-iktar viċin. Qed tibdel dak li qed ngħid jien.
ONOR. KARMENU MIFSUD BONNICI: Jien qed ngħid li dan mhux desiderabbli, imma anke jekk isir, wara li jagħmluh, il-Kamra trid tikkontrollahom u rridu nsibu mezz kif il-Kamra jkollha mezz ta' kontroll effettiv. Dan jista' jsir biss permezz ta' regolamenti la l-kodiċijiet ma sarux qabel. Jien qed nirrimarka li kull liġi tagħti setgħa lill-ministru li jagħmel regolamenti dettaljati u meta dawn ir-regolamenti jitqiegħdu fuq il-Mejda tal-Kamra jkun preżunt il-mezz ta' kontroll ta' din il-Kamra. Pero' din il-liġi ma tipprovdix għal dan il-makkinarju u għalhekk il-Kamra tad-Deputati m'għandhiex kontroll fuq dak li se jagħmel ħaddieħor, ikun tajjeb kemm ikun tajjeb dak li tagħmel il-Kamra ta' l-Avukati u l-Kamra tal-Prokuraturi Legali. Jien qed ngħidlek biex tipprovdi l-makkinarju kif il-Kamra tad-Deputati jkollha ċans tiġi a konjizzjoni tal-kodiċijiet wara li jsiru minn ħaddieħor u mhux tkun taf x'sar b'mod aċċidentali. Għamilna dan l-isforz kollu biex nipprovdu dan il-makkinarju, imbagħad ma tipprovdix għall-iktar ħaġa essenzjali li hija l-qofol tal-liġi?
THE CHAIRMAN: Il-Kap ta' l-Oppożizzjoni.
ONOR. ALFRED SANT: Se nagħmel riassunt ta' x'intqal f'dawn l-aħħar ftit minuti u jidhirli li qed nisma' lill-Onor. Mifsud Bonnici jgħid kemm huwa desiderabbli li l-kodiċi ta' etika jiġi mħejji minn din il-Kamra. Imbagħad smajt lill-Ministru jgħid li ma jaħsibx li għandu tkun din il-Kamra li tagħmel dan il-kodiċi u stieden lill-Onor. Mifsud Bonnici biex jagħmel is-suġġerimenti tiegħu.
ONOR. JOE FENECH: Jien għidtlu biex jagħmel proposti dwar id-definizzjoni ta' "negliġenza".
ONOR. ALFRED SANT: Fuq il-point at issue li ċertament kienet kif se tiġi trattata il-kwestjoni ta' kodiċi ta' etika. L-Onor. Mifsud Bonnici aċċetta l-argument tal-Ministru li l-kodiċi ta' etika jrid iħallih fid-diskrezzjoni tal-Kamra ta' l-Avukati u allura l-Onor. Mifsud Bonnici ssuġġerielu li għallinqas għandu jdaħħal mekkaniżmu li bih dan il-Parlament jkollu konoxxenza tal-kodiċi ta' etika kif stabbilit a modo loro mill-Kamra ta' l-Avukati u taħt il-proċedura tal-legal notices li għandna fejn dan il-Parlament fi żmien tmienja u għoxrin ġurnata jkun jista' jannulla jew ma jħallix għaddejjin ir-regolamenti. Preċiżament dan kien is-suġġeriment li għamel l-Onor. Mifsud Bonnici. U anke hawnhekk qed nosserva li l-Ministru ma aċċettax u ma riedx li titkompla d-diskussjoni. For the record, nixtieq ninnota kif qed jimxi politikament dan il-front bench li għandna quddiemna fejn jagħmel ħafna sfidi għas-suġġerimenti u meta s-suġġerimenti joħorġu b'mod konkret u b'mod prattiku li bl-ebda mod ma jimminaw dak li jrid il-Gvern u quddiem suġġeriment prattiku bħal dan li huwa fuq il-mudell tal-liġijiet kollha li tressqu u għaddew minn dan il-Parlament, il-Ministru jinħeba wara l-argument li jekk isir kodiċi ta' etika, kull Ċikku l-poplu jista' jtellgħu quddiem il-Parlament u allura m'għandux għalfejn jirrispondi u sempliċement jgħid le. Dan huwa eżempju klassiku ta' kif in-naħa l-oħra tittratta lil din il-Kamra b'mod arroganti, b'nuqqas ta' kortesija u b'nuqqas ta' konsistenza u follow-up f'dak li tgħid.
THE CHAIRMAN: L-Onor. Joe Fenech.
ONOR. JOE FENECH: Jiddispjaċini ngħid li l-Kap ta' l-Oppożizzjoni ma kienx qed isegwi d-dibattitu hawn u ma fehem xejn.
THE CHAIRMAN: Point of order, il-Kap ta' l-Oppożizzjoni.
ONOR. ALFRED SANT: Il-Ministru qed jgħid li ma segwejtx id-dibattitu. Dan m'hu veru xejn għaliex kull darba li ma kontx preżenti hawnhekk, kont qed insegwi lill-Ministru xorta waħda.
ONOR. JOE FENECH: Jekk kien qed isegwi d-dibattitu, xorta waħda ma fehem xejn u jien ipprovajt nagħtih the benefit of the doubt. Hawnhekk qed ngħidu li jekk int trid tagħti l-awto-ġestjoni lil xi ħadd, fil-bidu ma tistax tikkontrollah int għaliex ma tkun awto-ġestjoni xejn. Dan huwa l-iktar mod viċin kif il-Kamra ta' l-Avukati jkollha l-awto-ġestjoni u l-awto-dixxiplina. Jekk se ngħidilha li l-kodiċi irid ikun approvat minn din il-Kamra, allura ma tkun awto-ġestjoni xejn. Jien qed nagħtiha r-responsabilita' biex tagħmel l-affarijet kif għandha tagħmilhom, pero' l-Parlament huwa suprem u jekk ma tagħmilhomx kif għandha tagħmilhom, il-Parlament jibdel il-liġi minn kif qed nagħmluha. Meta qed nagħtuha l-awto-ġestjoni inkunu qed nagħtuha l-fiduċja, pero' dik il-fiduċja trid ssarrafha fil-kodiċi ta' etika li trid tagħmel. Din il-materja ddiskutejniha għal tliet sigħat f'seduta sħiħa u ilna iktar minn siegħa niddiskutuha llum. Pero' m'aħniex naqblu fuq din il-kwestjoni għaliex jew se tagħtiha kemm jista' jkun awto-ġestjoni jew le. Jekk ma naqblux, m'hu se jiġri xejn u m'għandux ikun hemm diffikultajiet għaliex m'aħniex naqblu. Meta qed tissuġġerilu biex dan il-kodiċi ta' etika jkun soġġett għall-approvazzjoni b'regolamenti u jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra, tkun qed tgħid li mhux il-Kamra ta' l-Avukati tkun qed tiddeċiedi b'mod awto-dixxiplinat u awto-ġestit, imma l-kodiċi ta' etika jkun qed jiġi dixxiplinat minni. Issa dawn jafu li fil-background dan il-makkinarju jeżisti, pero' ma rridux iniżżluh f'din il-liġi.
THE CHAIRMAN: Il-Kap ta' l-Oppożizzjoni.

ONOR. ALFRED SANT: Ħalli nikkoreġi lill-Ministru. Jien fhimt kulma qal issa u kulma qal qabel u l-inkoerenza loġika ġejja min-naħa tiegħu u mhux minn din in-naħa. Il-fatt li qed ngħidu li l-Kamra ta' l-Avukati se tmexxi l-kodiċi ta' etika fuq bażi self-regulating u l-fatt li dan il-Parlament, f'isem il-poplu, għandu jkollu r-responsabilita' li jirrevedi u jipprevedi x'qed isir, huma affarijiet li jridu jiġu bilanċjati b'dak li qed jipproponi l-Ministru, mentri fil-fatt mhumiex. Din l-istess bħall-kwestjoni ta' x'inhu ta' Cesare u x'inhu ta' Alla - min-naħa trid tara x'inhu ta' Alla imma trid tara wkoll x'inhu ta' Cesare u vice versa. L-inkoerenza loġika hija li l-Ministru qed jgħid lill-Kamra ta' l-Avukati li eventwalment il-Parlament jista' jagħmel liġi oħra biex ibiddel kodiċi ta' etika li qed tagħmel imma fl-istess ħin ma jridx jagħti lil dan il-Parlament il-funzjoni u l-poter ċar li għandu jkollu biex dak il-mod li jista' jikkontrolla, f'isem il-poplu, x'joħroġ mill-kodiċi ta' etika jsir kif isir f'liġijiet oħra. Dan li qed jgħid li ma jridx li dan li għandu x'jaqsam ma' kodiċi ta' etika - il-proċeduri li huma miftuha għal dan il-Parlament - jkunu l-istess bħal fil-każ ta' liġijiet oħra. Hawnhekk hija assolutament il-koerenza loġika tiegħu. GĦandna Ministru tal-Ġustizzja li f'każ ta' liġi bħal din irid li jkun l-eċċezzjoni bil-mod kif jaħdem dan il-Parlament u wara li jkun staqsa s-suġġeriment ta' din in-naħa kif tista' ssir il-funzjoni regolatorja tal-Parlament li jara li l-kodiċi ta' etika qed jaħdem kif suppost u dan jingħatalu anke wara li jkun ħa into account il-punti li qajjem hu jgħid li ma jridx jikkonsidrah.
THE CHAIRMAN: L-Onor. Karmenu Mifsud Bonnici.
ONOR. KARMENU MIFSUD BONNICI: Issa qed joħroġ - nispera li minn dan id-dibattitu ħarġu biżżejjed ir-raġunijiet fondatissimi - għaliex l-Oppożizzjoni qatt ma aċċettat li din il-biċċa leġislazzjoni tiġi entrenched fil-Kostituzzjoni li ma tistax tinbidel, kif ried oriġinarjament il-Gvern. Kieku jbiddilha l-liġi kif qed jipproponi llum! Illum qed jipproponi li jekk il-kodiċijiet ma jkunux sodisfaċenti jbiddel il-liġi. Kieku għamilna dak li ssuġġerixxa u li nsista fuqu l-Gvern, jiġifieri li nagħmlu entrenchment mhux biss l-emenda għall-Kostituzzjoni imma anke dan l-Abbozz ....
ONOR. JOE FENECH: Konna nħallu l-liġi kif kienet li kellha l-poter; dik id-differenza. Issa emendata b'mod differenti. Kellha l-kontroll komplet ...
ONOR. KARMENU MIFSUD BONNICI: Il-kodiċi?
ONOR. JOE FENECH: Le għax kienet definita, kien hemm l-appell u l-Commission kellha l-kontroll.
ONOR. KARMENU MIFSUD BONNICI: Mela allura l-prinċipju ta' l-awtoġestjoni ma kienx f'moħħ il-Gvern la l-liġi li ppropona oriġinarjament kienet tipproponi anke l-kodiċijiet u d-definizzjoni ta' kondotta. Sewwa hekk, mela l-Gvern telaq mhux jirrakkomanda l-awtoġestjoni imma jimponi l-ideat tiegħu u jinfinzahom fil-Kostituzzjoni u issa qed ninsistu u nopponu għal dak li qed tgħid l-Oppożizzjoni billi nistrieħu fuq il-prinċipju ta' l-awtoġestjoni.
ONOR. JOE FENECH: Skusani, qed niddiskutu ipotesi għax lanqas hawn m'huwa korrett l-Onor. Mifsud Bonnici. Jien qed ngħid li anke fl-oriġinal kienet "on the advice" tal kumitat. Id-differenza kienet li kien hemm appell minn kulħadd u una volta kien hemm appell minn kulħadd l-interpretazzjoni ta' x'inhi negliġenza ma kenitx tkun limitata biss għal kumitat imma kienet tkun ukoll għall-Kummissjoni li kulħadd jista' jappella lilha. Illum din inbidlet, jiġifieri kif kienet qabel kien hemm il-kontrolli kollha.
ONOR. KARMENU MIFSUD BONNICI: GĦaliex inbidlet din?
ONOR. JOE FENECH: Issa insa għaliex inbidlet.
ONOR. KARMENU MIFSUD BONNICI: X'jiġifieri, għandna l-Kummissjoni li tisma l-appelli ta' l-ilmenti ....
ONOR. JOE FENECH: Ir-raġuni hi sempliċi u diġa' għidtilek. Billi l-liġi m'hijiex entrenched qed nagħtuhom il-fiduċja sħiħa li aħna konvinti li huma jagħmlu kodiċi kif għandhom jagħmlu, jekk ma jagħmluhx nistgħu nibdlu il-liġi. Mhux l-argument kuntrarju.
ONOR. KARMENU MIFSUD BONNICI: Tibdel il-Liġi?! Aħna qed ngħidu li jekk il-kodiċijiet ma jissodisfawkx minflok li tibdel il-liġi tibdel lilhom filwaqt li l-Ministru qed jgħid li jekk il-kodiċijiet ma jissodisfawhx nibdlu l-liġi. Imma din x'loġika hi? Irridu nsibu mezz, ladarba l-kodiċijiet m'hux qed tagħmilhom din il-Kamra - m'hux qed tapprovahom anke kieku għamilhom ħaddieħor - li ladarba issa l-kodiċijiet se jsiru minn ħaddieħor ikollha l-opportunita' li tieħu konjizzjoni tagħhom; bil-liġi m'hawnx provdut biex dan isir. GĦalhekk qed ngħidu biex nipproponu li bil-liġi jkun hemm provdut li l-kodiċijiet li jagħmel ħaddieħor, il-Kamra jkollha ċ-ċans li tieħu konsiderazzjoni tagħhom.
THE CHAIRMAN: Il-Prim Ministru.
ONOR. EDDIE FENECH ADAMI: Mr Chairman, bir-rispett kollha rrid ngħid li dan il-punt li qed iqajjem l-Onor. Karmenu Mifsud Bonnici ma naqblux miegħu. Aħna qed ngħidu - konsistenti u loġiċi - l-awtodixxiplina ta' l-avukati. Dak li qed jgħid l-Onor. Membru jfisser li din il-Kamra dawn tqishom bħala regolamenti u tiddiskutihom u tapprovahom hi jew le. Aħna ma naqblux miegħu, ma ġara xejn hu jgħid hekk pero' inutli u m'aħniex se naċċettaw dan l-argument. Jista' jibqa' jgħid hekk - għandu dritt għall-opinjoni tiegħu - pero' din in-naħa, mhux b'kapriċċ imma b'konsiderazzjoni profonda u b'diskussjonijiet twal li saru ma nistgħux naċċettaw dan li qed jgħid. GĦalhekk ma naħsibx li għandna nibqgħu nitilfu l-ħin tal-Kamra.
THE CHAIRMAN: L-Onor. Karmenu Mifsud Bonnici.
ONOR. KARMENU MIFSUD BONNICI: Ma' dan li qal il-Prim Ministru dwar jekk il-Gvern ma japprovax il-kodiċijiet qed jingħad mill-Ministru li mhux in omaġġ għall-prinċipju ta' l-awtoġestjoni issa noqogħdu għalihom imma nbiddlu l-liġi. Hekk qed jgħid il-Ministru.
ONOR. EDDIE FENECH ADAMI: Il-Ministru mhux hekk qal imma qal dak li jien stess għidt qablu li jekk il-Kamra ta' l-Avukati jkunu irresponsabbli u ma jagħmlux kodiċi ta' etika kif mistenni u skond il-liġi, naturalment, aħna nkunu kostretti li nirrevedu l-liġi. Hekk qed ngħidu u dan huwa s-sens ta' dak li qal il-Ministru u li diġa' għidt jien qablu.
ONOR. KARMENU MIFSUD BONNICI: Jiddispjaċini ngħid illi jmerini fuq dak li qal il-Ministru ma noqgħodx għaliha. Hemm ir-recording u naraw x'qal il-Ministru. Il-Ministru għandu jkun raġel biżżejjed li jgħid li dak li qed ngħid li qal hu huwa minnu. Meta l-Ministru ġie ppressat li jekk il-kodiċijiet ma jkunux jissodisfaw jew lill-Gvern jew lil xi ħadd minn din il-Kamra allura l-Gvern jista' jbiddel il-Liġi - dan hu qalu u mhux din il-Kamra qalet hekk. Tant qal hekk li minn din in-naħa staqsejna għaliex għandna niġu f'din is-sitwazzjoni li meta l-kodiċijiet ma jissodisfawniex inbiddlu l-liġi u mhux il-kodiċijiet. GĦax il-Ministru nsista li jbiddel il-liġi
ONOR. EDDIE FENECH ADAMI: M'hemmx rimarki iżjed Mr Chairman.
ONOR. KARMENU MIFSUD BONNICI: Jista' jkun li l-Gvern m'għandux iżjed rimarki x'jagħmel imma l-Oppożizzjoni għandna rimarki x'tagħmel u se tkompli tagħmilhom u inutli li l-Gvern jieqaf u ma jkomplix jirrispondi. Is-sitwazzjoni hi li għamilna makkinarju, ma ħallejniex l-awtoġestjoni tal-Kamra ta' l-Avukati. Sal-lum il-Kamra ta' l-Avukati tagħmel kontroll fuq il-professjoni legali, mela qed teżerċita awtoġestjoni. GĦamilna liġi biex ma nħallux l-istat ta' l-affarijiet kif inhuma llum u m'hux se nintroduċu l-prinċipju ta' awtoġestjoni anzi se nbiddluh. GĦaliex? GĦax il-Gvern m'huwiex sodisfatt bl-affarijiet. Mela aħna se nbiddlu u ma nistgħux nerġgħu naqgħu fuq il-prinċipju ta' awtoġestjoni li aħna stess qed ngħidu li sal-lum ma ħadimx b'mod sodisfaċenti. Mela għamilna makkinarju li se jieħu f'idejh dak li llum huwa f'idejn il-Kamra ta' l-Avukati, kumitat magħmul bil-liġi statutorja. Din m'hi awtoġestjoni xejn, issa l-kumitat statutorju. Il-liġi li jrid japplika dan il-kumitat għadha ma saritx u se jagħmilha hu stess bħal meta ngħidu li l-qorti għandha d-dritt li tagħmel il-proċedura tagħha jew bħal meta ngħidu li l-awtorita' għandha d-dritt li tagħmel il-proċedura tagħha. Issa qed ngħidu li din il-liġi li se ssir li torbot mhux biss lill-avukati u l-prokuraturi legali imma se tkun relevanti għall-pubbliku li aħna nirrappreżentaw, m'hawnx mezz li din il-liġi tkun magħrufa mill-pubbliku li se tolqot. Fil-liġi m'hawnx mezz li din il-kodiċi tiġi pubblikata b'xi mod. Qed ngħidu li mhux biss trid tiġi pubblikata la se tolqot lill-pubbliku - barra l-professjoni legali - talli din il-Kamra li għamlet dan il-makkinarju - sejjaħlu awtoġestjoni kemm trid - trid tkun sodisfatta li din il-liġi li se tirregola lill-prokuraturi legali u lill-avukati, magħmula mill-avukati u mill-prokuraturi legali stess, tkun sodisfaċenti għaliha. Dan bħal meta nagħtu s-seta' lill-Ministru biex jagħmel ir-regolamenti. Tajnieh dik is-setgħa imma mbagħad billi hemm il-proċedura li r-regolamenti jistgħu jiġu konsidrati u diskussi minn din il-Kamra fil-fatt hemm il-kontroll impliċitu ta' din il-Kamra. Jien qed ngħid li dak li jsir f'kull liġi għandu jsir anke f'din il-liġi, jiġifieri li l-liġi li se ssir minn ħaddieħor, permezz ta' l-enabling power li qed nagħtu u li allura se tkun forma ta' subsidiary legislation - issa l-liġi prinċipali se tkun forma ta' subsidiary legislation, għax hija magħmula mill-Kumitat - għandha tiġi mgħarrfa lill-pubbliku - u fil-liġi m'hawnx mezz kif il-pubbliku se jiġi mgħarraf dwarha, għax m'hawnx l-obbligu tal-pubblikazzjoni, minkejja li din il-liġi se tolqot lill-pubbliku - u li l-Kamra għandu jkollha l-mezz biex, jekk trid, tikkontrolla din il-liġi.
THE CHAIRMAN: Il-Kap ta' l-Oppożizzjoni.
ONOR. ALFRED SANT: Mr Chairman, nixtieq nippunta għal ħaġa importanti ħafna li qal l-Onor. Karmenu Mifsud Bonnici li bilfors li tittieħed bis-serjeta' anke għalli ġej mill-Oppożizzjoni. L-Onor. Mifsud Bonnici ppunta għall-argument li qajjem il-Ministru dwar il-fatt li jekk ikun hemm bżonn din il-liġi - dejjem jekk fhimt tajjeb - jekk il-kodiċi ta' etika li m'huwiex se jkun pubblikat jinħass li hemm bżonn ta' xi bidla dik trid tiġi mossa ġdida min-naħa ta' din il-Kamra biex tibdel il-liġi. Imbagħad f'dan il-kontest niftakar l-isforzi tal-Gvern biex il-liġi prinċipali jagħmilha soġġetta għal bidla ta' żewġ terzi - entrenched. Jiġifieri qegħdin quddiem sitwazzjoni fejn il-Gvern telaq mill-argument li jrid jagħmel din il-liġi entrenched b'żewġ terzi, imbagħd f'dan isfond kien hemm parti sostanzjali - parti ta' ċerta importanza li għadna qed niddiskutu dwarha - minn din il-liġi li m'hemm l-ebda kontroll pubbliku jew accountable ta' dan il-Parlament fuqha, taħt il-paraventu ta' l-awtoġestjoni u li biex imbagħad tinbidel u tittejjeb tkun trid mill-ġdid bidla ta' żewġ terzi. Dan iqanqal tħassib kbir anke dwar il-mod kif jaġixxi dan il-Gvern, fil-mod kif jippreżenta l-proposti tiegħu u fil-mod ukoll kif jagħti kas ta' argumenti ġenwini u importantissimi li jitqanqlu aktar u aktar fil-kontest ta' Gvern li jgħid li jrid bidliet fil-Kostituzzjoni f'affarijiet li huma entrenched. Dan hu ta' tħassib kbir u se ninnotawh.
THE CHAIRMAN: Il-Prim Ministru.
ONOR. EDDIE FENECH ADAMI: Din in-naħa qed ninnotaw u diġa' tajna spjegazzjonijiet. L-atteġjament ta' l-Oppożizzjoni fuq din il-liġi kontra l-entrenchment huwa magħruf u m'għandniex x'inżidu mad-dikjarazzjonijiet kollha li saru.
THE CHAIRMAN: L-Onor. Karmenu Mifsud Bonnici.
ONOR. KARMENU MIFSUD BONNICI: Mr Chairman, jiddispjaċini ngħid li allura l-Oppożizzjoni jkollha tagħmel emenda fis-sens li dawn il-kodiċijiet iridu jkunu pubblikati, permezz ta' regolamanti mill-Ministru tal-Ġustizzja, għax meta huma Avviż Legali jridu jitqiegħdu fuq il-Mejda tal-Kamra. Issa din m'hijiex is-sitwazzjoni ideali għax is-sitwazzjoni ideali kienet tkun kieku din il-Kamra, wara li għamlet il-makkinarju, almenu jkollha idea ta' x'inhi l-liġi li se tiġi applikata mill-makkinarju magħmul minn avukati biss. Nerġa' nfakkar li fuq dan il-makkinarju m'huwiex se jkun hemm rappreżentant la tal-Prim Ministru u lanqas tal-Kap ta' l-Oppożizzjoni, quindi m'huwiex se jkun hemm rappreżentant ta' din il-Kamra lanqas indirettament. Mela allura l-emenda trid issir fis-sens li dawn il-kodiċijiet għandhom jiġi promulgati permezz ta' regolamenti mill-Ministru tal-Ġustizzja.
THE CHAIRMAN: Onorevoli se tressaq xi emenda?
ONOR. KARMENU MIFSUD BONNICI: Sur President, nipproponi din l-emenda għal klawsola 2:
"Q" Fl-aħħar tat-tifsira tal-kliem "kodiċi ta' etika" żid il-kliem:-
"b'dan illi l-kodiċijiet imsemmija għandhom jiġu promulgati permezz ta' Avviż Legali mill-Ministru tal-Ġustizzja u mqegħda fuq il-Mejda tal-Kamra tar-Rappreżentanti.".
"Q" At the end of the definition of the phrase "code of ethics" add the words:
"provided that the said codes shall be promulgated by means of a Legal Notice by the Minister of Justice and laid on the Table of the House of Representatives.".
Irrid ngħid li din il-pożizzjoni li qed tieħu l-Oppożizzjoni għar-rigward ta' dawn il-kodiċijiet permezz ta' din l-emenda mhijiex is-sitwazzjoni ideali li tixtieq l-Oppożizzjoni. L-Oppożizzjoni kienet tixtieq li dawn il-kodiċijiet ikunu magħrufa mill-Kamra fl-istess nifs li l-Kamra qed toħloq dan il-makkinarju. Ladarba min se jfassal dawn il-kodiċijiet se jkun assolutament indipendenti minn din il-Kamra u mhux se jkun hemm rappreżentati la tal-Prim Ministru u lanqas tal-Kap ta' l-Oppożizzjoni fil-Kumitat li jifformola dawn il-kodiċijiet u ladarba minkejja dak li ntqal li jekk dawn il-kodiċijiet ma jkunux sodisfaċjenti għall-Kumissjoni ta' l-Amministrazzjoni tal-Ġustizzja li fuqha se jkun hemm rappreżentat tal-Prim Ministru u rappreżentant tal-Kap ta' l-Oppożoizzjoni, il-Kummissjoni ma tista' tagħmel xejn - tirrimarka kemm tirrimarka - dwar dawn il-kodiċjiet. Ladarba l-liġi ma tipprovdix għall-pubblikazzjoni ta' dawn il-kodiċijiet li jirrigwardaw mhux biss il-membri tal-professjoni legali imma anke lill-pubbliku u r-relazzjoni tal-membri tal-professjoni legali fil-pubbliku - allura l-pubbliku huwa interessat li jkun jaf x'fihom dawn il-kodiċijiet - allura l-Oppożizzjoni xtaqet li dawn il-kodiċijiet kienu magħrufa għal din il-Kamra - li kellha l-opportunita' li tapprovahom - anke jekk l-inizjattiva għall-formolazzjoni ta' dawn il-kodiċijiet ma tiġix minn din il-Kamra imma tiġi mill-membri tal-professjonijiet, jiġifieri l-avukati u l-prokuraturi legali direttament interessati. Almenu, permezz ta' din l-emenda, l-Oppożizzjoni trid tassigura li dawn il-kodiċijiet isiru magħrufa għall-pubbliku u din il-Kamra, jekk trid, tista' tikkontrolla l-kontenut tagħhom billi dawn jiġu promulgati permezz ta' avviż legali imqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra u allura tapplika l-provvediment tal-liġi li hemm rigward kull avviż legali kif jista' jiġi annullat, emendat jew approvat.
ONOR. EDDIE FENECH ADAMI: Mr Chairman, spjegajna r-raġunijiet għaliex ma naqblux ma' l-emenda.
THE CHAIRMAN: Il-Kap ta' l-Oppożizzjoni.
ONOR. ALFRED SANT: Sur President, skond kull kriterju tat-trasparenza demokratika u ta' accountability moderna, l-emenda li ressaq l-Onor. Mifsud Bonnici għandha titqies bħala waħda raġonevoli. L-emenda ħadet into account il-pożizzjoni tal-Gvern li ried iħalli dak li qed isejjaħ awtoġestjoni lill-avukati fil-formolazzjoni tal-kodiċi ta' etika u żewġitha wkoll ma' dak li wieħed kien jaħseb li kien imperattiv demokratiku ta' trasparenza u ta' accountability li suppost jemmen fiha kulħadd. Għal dan il-għan qegħda ddaħħal emenda li filwaqt li taċċetta kontra qalbha l-idea li l-kodiċi ta' etika jiġi formolat b'awtoġestjoni - jekk dik hija l-kelma - mill-Kamra ta' l-Avukati għallinqas tħalli ċ-ċans lill-poplu li jagħti l-kelma tiegħu fuq il-kodiċi ta' etika u wkoll - naħseb li din hija fundamentali - li tiżgura li l-Kodiċi ta' Etika jiġi ppubblikat mill-ġdid. L-Oppożizzjoni tinnota l-atitudini negattiva - negattiva b'mod retrogradu - tal-Gvern fuq din il-ħaġa għaliex l-emenda tagħha bl-ebda mod ma' tħassar jew tivvizzja l-intenzjoni tal-Gvern fuq dawn l-affarijiet u n-notamenti jibqgħu jinżammu għal diskussjonijiet oħrajn li għandhom x''jaqsmu mal-mod kif nirregolaw l-attivita' ċivili, politika u soċjali f'pajjiżna.
THE CHAIRMAN: Hemm aktar rimarki? (Onor. Membri: No)
Il-mistoqsija hija l-emenda kif imressqa u moqrija mill-Onor. Mifsud Bonnici. Dawk favur? (Onor. Membri: Aye) Dawk kontra? (Onor. Membri: No) Negatived.
L-emenda "Q" m'għaddietx.
THE CHAIRMAN: Il-mistoqsija hija l-emenda kif imressqa u moqrija mill-Ministru. Dawk favur? (Onor. Membri: Aye) Dawk kontra? (Onor. Membri: No) Carried.
L-emenda "A" għaddiet.
THE CHAIRMAN: Il-mistoqsija hija klawsola 2 kif emendata. Dawk favur? (Onor. Membri: Aye) Dawk kontra? (Onor. Membri: No) Carried.
Klawsola 2 kif emendata għaddiet u ġiet ordnata biex issir parti mill-Abbozz ta' Liġi.
Klawsola 1 - Titolu fil-qosor.
Clause 1 - Short title.
ONOR. JOE FENECH: Sur President, għandi emenda għal din il-klawsola li
tgħid hekk:
"R" Minflok il-kliem "1993" fit-test Malti tal-klawżola 1, għandhom jidħlu l-kliem "1994".
"R" For the words "1993" in the English text of clause 1, there shall be substitued the words "1994".
THE CHAIRMAN: Hemm rimarki? L-Onor. Mifsud Bonnici.
ONOR. KARMENU MIFSUD BONNICI: Din il-klawsola tgħid li: "Dan l-Att jista' jissejjaħ Att ta' l-1994 dwar Kummissjoni għall-Amministrazzjoni tal-Ġustizzja" u l-Oppożizzjoni se jkollha tagħmel emenda li tgħid li dan l-Abbozz għandu jissejjaħ l-Att ta' l-1994 dwar il-paraventu għall-Amministrazzjoni tal-Ġustizzja. U se ngħid għaliex.
L-amministrazzjoni tal-qrati - mhux tal-ġustizzja għaliex dik hija xi ħaġa differenti għaliex il-ġustizzja jamministrawha l-ġudikanti u mhux ħaddieħor - hija f'idejn il-Ministru u dan il-Gvern sejjer, jekk mhux fl-interezza tagħha imma f'ħafna mill-aspetti importanti tagħha, jirrinunzja għall-obbligi li għandu u jippretendi li d-difetti u n-nuqqasijiet li hemm fl-amministrazzjoni tal-qrati jieħu ħsiebhom ħaddieħor. Mhux qed ngħid għall-Kumitat ta' l-Avukati u l-Prokuraturi Legali għaliex l-għanijiet prinċipali ta' dawk il-kumitati huma li jikkontrollaw u jiddixxiplinaw il-membri tal-professjonijet legali, ir-relazzjonijiet bejniethom, mal-ġudikanti u mal-pubbliku imma għal dik li hija tmexxija u effiċjenza tal-qrati, ħwejjeġ li għandu jieħu ħsiebhom il-Ministru tal-Ġustizzja, dan il-Gvern minflok qiegħed iħalli r-responsabilita' prinċipali tagħhom f'idejn il-Ministru tal-Ġustizzja, qed jgħaddihom f'idejn il-Kummissjoni li se tiġi mwaqqfa. Aħna ma naqblux li l-obbligi li għandu, il-Ministru jeħles minnhom u jgħaddihom fuq ħaddieħor. Li jkun hemm korp li jagħti pariri lill-Minsitru kif għandu jaqdi l-obbligi tiegħu aħjar jew li jagħmel suġġerimenti kif l-affarijiet jistgħu jitjiebu, kulħadd jaqbel miegħu imma li obbligi li huma tal-Minsitru, għal xi raġuni jew oħra, jew għaliex il-Ministru mhux kapaċi jew għaliex il-Ministru kkrea relazzjonijiet mad-diversi livelli fil-qrati tant ħżiena li ma jistax issa jibqa' hu personalment jinteressa ruħu minn dawn il-livelli fosthom il-maġistrati - parti importanti mill-ġudikatura - u jgħaddihom f'idejn ħaddieħor, mhuwiex aċċettabbli għall-Oppożizjoni. Għaliex allura, issa l-Ministru jista' jitlaq ix-xogħol tal-qrati u jħallih f'idejn il-Kummissjoni għall-Amministrazzjoni tal-Ġustuizzja. Mela issa qed nikkreaw korp li warajh jista' jinħeba l-Ministru.
Dawk in-nuqqasijiet kollha li l-poplu llum - u anke fl-imgħoddi biex inkun onest - qed jara fil-Qrati u li kien jagħti t-tort politiku tagħhom lill-Gvern tal-ġurnata, issa l-Ministru jista' jgħid li hemm Kummissjoni għall-Amministrazzjoni tal-Ġustizzja u li hu mhuwiex responsabbli għal dawn in-nuqqasijiet u għall-mod kif qed jaħdmu l-qrati. Il-Ministru tal-Ġustizzja se jagħmel bħal Pilatu; se jaħsel idejh. Dan il-Ministru se jaħsel idejh mit-tmexxija tal-qrati, ma jinteressax ruħu fil-liġijiet li jiġu f'dan il-Parlament ħlief eċċezzjonalment f'dak li jirrigwardaw lilu biss għaliex brilla per la sua assenza fid-diskussjoni dwar il-liġijiet, anke meta l-preżenza tiegħu hija aktar indikata minn dik ta' ministri oħra minħabba n-natura tal-liġijiet li qed jiġu diskussi ... Per eżempju, kellna l-liġi dwar il-familja li bħala liġi li tagħmel parti essenzjali mill-Kodiċi Ċivili kienet tirrikjedi li tiġi mressqa mill-Ministru tal-Ġustizzja, pilotata minnu u jieħu sehem attiv fiha, pero' il-Ministru ma għamel xejn minn dan. Mela fil-leġiżlazzjoni jaħrab, jekk mhux ix-xogħol kollu parti kbira mix-xogħol, mill-qrati se jeħles parti kbira mix-xogħol jew se jkollu l-possibilita' li t-tort tal-mismanagment tal-qrati jagħtih lill-Kummissjoni tal-Ġustizzja u l-poplu jrid ikompli jħallas l-onorarju tal-Ministru tal-Ġustizzja u l-ispejjeż addizzjonali li issa se jkunu mposti fuq l-erarju pubbliku permezz tat-twaqqif tal-Kummissjoni ta' l-Amministrazzjoni tal-Ġustizzja!
Aħna jidhrilna li dan li qed isir mill-Gvern huwa paraventu li warajh il-Gvern u preċiżament il-Minsitru tal-Ġustizzja se jinħeba. Aħna ma nkunux sodisfatti meta l-Ministru tal-Ġustizzja jqum igħid li hu jindaħal mill-inqas f'dak li jagħmlu l-ġudikanti biex ma jiġix akkużat li b'xi mod jintrometti ruħu fil-ġustizzja li jamministraw il-ġudikanti. Hemm distinzjoni kbira u netta bejn l-Amministrazzjoni tal-Ġustizzja u t-tmexxija fl-amministrazzjoni tal-qrati. Il-Ministru għandu d-dmir u d-dritt jindaħal fuq il-mod kif il-ġudikant iġib ruħu u x'kontribut jagħti fuq ix-xogħol li jagħmel fil-qrati imma ma jistax jindaħal kif jaqta' l-kawżi jew fuq is-sentenzi li jingħataw. Il-Gvern jagħmel ħażin jekk jirrinunzja għal dan id-dritt. Fl-aħħar mill-aħħar il-Gvern irid jirrispondi politikament għall-mod kif jitmexxew il-qrati u mhux se jkun eżonerat mill-ħtieġa u l-obbligu li jirrispondi politikament jekk il-Kummissjoni ta' l-Amministrazzjoni tal-Ġustizzja ma tagħtix ir-riżultati mixtieqa u ttejjeb il-mod kif qed jimxu l-qrati f'din il-gżira. Għalhekk il-Gvern m'għandux jirrinunzja għall-obbligu tiegħu li mingħajr ma jinġerixxi ruħu fl-amministrazzjoni tal-ġustizzja, jikkontrolla u jimmaniġġja tajjeb il-qrati tagħna. Jien naf li dan huwa xogħol diffiċli li ebda Gvern għadu ma solvih sodisfaċentement. Aħna m'aħniex persważi li billi l-Gvern qed jipproponi l-Att dwar l-Amministrazzjoni tal-Ġustizzja qed jagħmel dak li hu l-aktar meħtieġ u dak li hu l-aħjar fiċ-ċirkostanzi. Għalhekk l-Oppożizzjoni ma setgħetx taċċetta li dak li ppropona l-Gvern jiġi entrenched fil-Kostituzzjoni għax l-Oppożizzjoni temmen li mhuwiex l-aħjar soluzzjoni li l-Gvern qiegħed jipproponi għas-sitwazzjoni. Imma barra dan in-nuqqas tal-Gvern li qiegħed jipprova jeżonera ruħu minn obbligi li għandu dwar it-tmexxija tal-qrati - mhux l-amministrazzjoni tal-ġustizzja - din il-liġi qed isservi ta' paraventu wkoll għaliex filwaqt li l-Gvern qed igħid li hemm il-ħtieġa li jkun hemm aktar dixxiplina u ordni fil-ġudikatura u fil-professjoni legali - jiġifieri fl-avukati u fil-prokuraturi legali - wara l-prinċipju ta' l-awto-ġestjoni qiegħed igħid li l-kodiċijiet li għandhom jitfasslu, li għandhom jiggwidaw lill-ġudikanti fix-xogħol tagħhom u lill-membri tal-professjoni legali - jiġifieri l-avukati u l-prokuraturi legali - fir-relazzjonijiet tagħhom mal-ġudikanti u mal-pubbliku, dawn ir-regoli mhux se jagħmilhom hu imma se jagħmilhom ħaddieħor. Fil-każ tal-ġudikanti se tagħmilhom il-Kummissjoni li se jkollha ...
THE CHAIRMAN: Il-Prim Ministru.
ONOR. EDDIE FENECH ADAMI: Mr Chairman, tista' tikkontrolla ftit id-dibattitu għax l-Onor. Mifsud Bonnici se jerġa' jirrepeti l-argumenti kollha li għamel fis-Second Reading. Barra minn hekk qed jaħseb li qed jitkellem ma' l-imbeċilli - jiġifieri miegħi għax dan hekk qed jittrattana - la qed igħidilna dawn il-ħmerijiet.
ONOR. JOE FENECH: Dan huwa kollu out of order. L-Onor. Karmenu Mifsud Bonnici qed jitkellem fuq il-funzjonijiet tal-Kummissjoni li ġew trattati u deċiżi diġa' fl-emenda li għamilna għall-Kostituzzjoni. (Interruzzjonijiet)
ONOR. KARMENU MIFSUD BONNICI: Jien qed niġġustifika l-emenda li qed inressaq u għandi dritt nagħmel dan. Jiddispjaċini ngħid li m'inix se niġi mwaqqaf min-naħa l-oħra ħlief jekk in-naħa l-oħra tadotta dak li jipprovdu r-regolamenti bil-konsegwenzi li din in-naħa tinvoka l-istess regolamenti li jinvoka l-Gvern. Il-bqija dak li qed nagħmel huwa in order. Jekk qed ngħid il-ħmerijiet naħseb li l-Prim Ministru huwa mdorri għalihom għax hu jgħid ħafna imma naturalment ma jeħux gost jisma' lil ħaddieħor igħidhom imma jieħu gost biss jisma' lilu nnifsu jgħidhom. Għalhekk issa għandu jieħu paċenzja u jisma' lil ħaddieħor igħidhom. Jien qed insostni għaliex dan l-Att għandu jissejjaħ paraventu għall-amministrazzjoni tal-ġustizzja u mhux ...
THE CHAIRMAN: Għandi nifhem li l-emenda se tagħmilha.
ONOR. KARMENU MIFSUD BONNICI: Iva, se nagħmilha.
THE CHAIRMAN: Il-Prim Ministru.
ONOR. EDDIE FENECH ADAMI: Jien għidt li dak li qed igħid l-Onor. Mifsud Bonnici huwa out of order u fl-opinjoni tiegħi, dan jittratta lil din il-Kamra b'mod li qisu qed jitkellem mat-tfal u jgħid il-ħmerijiet. Dak li qal l-Onor. Karmenu Mifsud Bonnici juri l-mentalita' retrograda u n-nuqqas ta' sens ta' demokrazija li għandu. Minflok ma dan applika d-demokrazija kif suppost titħaddem skond il-Kostituzzjoni ta' pajjiżna, bl-ideat li esprimielna llum mhux demokrazija qed jiddeskrivi imma awtokrazija. Il-konċetti li qed isemmi hu, li l-ministru huwa l-omnipotenti u li l-ministru jrid jagħmel kollox hu mhumiex konċetti demokratiċi imma huma konċetti ta' awtokrazija li jikkontradixxu d-demokrazija fil-prattika, ħaġa li dan il-pajjiż kellu esperjenza tagħha meta hu kien Prim Ministru. U ma kenitx ħaġa sorprendenti li meta l-partit tiegħu fl-1975 għamel l-Interpretation Act u qal li kull diskrezzjoni f'kull liġi, anke jekk mogħtija speċifikatament lill-kap ta' dipartiment jew lil xi persuna oħra li kienet eżerċitabbli mill-ministru, hija proprju l-konċett ta' awtokrazija li għadu jiddomina l-politika ta' l-Onor. Karmenu Mifsud Bonnici. Qed ngħid ta' l-Onor. Karmenu Mifsud Bonnici għax nispera li llum li m'għadux kap tal-partit, dak li qed igħid hu ma jirriflettix il-pożizzjoni tal-partit tiegħu. Allaħares immorru b'dan il-konċett li għax il-ministru huwa ministru responsabbli allura dan irid jindaħal f'kollox. Minħabba l-mod awtokratu kif interpreta l-funzjonijiet ta' Prim Ministru u ta' Ministru ta' l-Edukazzjoni, dan tilef l-elezzjoni. Dażgur li hemm iċ-ċensura politika; jekk tmur quddiem il-poplu dan igħidlek li peress li ma kontx Prim Ministru u Ministru tajjeb, lill-partit tiegħek intellfu l-elezzjoni. U hekk ġralu l-Onor. Karmenu Mifsud Bonnici. Tant hu hekk li mbagħad hu stess irriżenja minn kap tal-partit tiegħu. (Interruzzjonijiet) Dażgur li hemm ir-responsabbilta' politika.
Issa, Mr Chairman, jien qed nitkellem fuq il-punt li inti ħallejtu jitkellem fuqu li l-ministru huwa politikament responsabbli. Dażgur li politikament responsabbli. Il-verita' hija li issa, bl-aktar mod straordinarju u inaċċettabbli li jitkellem fuq il-klawsola 1 - li huwa l-isem tal-liġi - qed igħidilna li n-naħa ta' l-Oppożizzjoni hija kontra, bl-aktar mod assolut, dan il-konċett ta' Kummissjoni għall-Amministrazzjoni tal-Ġustizzja. Dak li qalulna li ma reduhx entrenched kien kollu paraventu. Il-verita' ta' l-Onor. Karmenu Mifsud Bonnici - u reġa' rrepetiha hawnhekk illejla - hija li huwa ma jaqbilx li jkun hemm Kummissjoni għall-Amministrazzjoni tal-Ġustizzja għax dak huwa dover u dmir tal-Ministru.
Issa se nerġa' nsemmi - u hu kapaċi jirrispondi għalih innifsu - l-ħmerijiet li l-Ministru tal-Ġustizzja jrid ikun hawn biex igħaddi l-liġijiet. Qabel din kienet is-sistema tagħhom. Jien niftakar li qabel il-Ministru tal-Ġustizzja kien jippilota l-liġijiet kollha hu. Aħna mhux hekk nimxu. Aħna kien hawn liġi li sejjaħnilha l-Liġi tal-Familja - li hija xi ftit misnomer - u hemm ministru responsabbli għal dik il-liġi li kellu jippilotaha hu. Jien naf x'għamel il-Ministru tal-Ġustizzja għax kien fil-kumitat li pprepara dik il-liġi u li fuqu kien hemm jien ukoll. Aħna għamilna siegħat twal ħafna niddiskutu dik il-liġi imma meta ġiet fil-Parlament ... Aħna m'aħniex one man show fejn il-Ministru tal-Ġustizzja jippilota l-liġijiet kollha hu, kif kien jiġri ħafna drabi qabel, taħt Amministrazzjoni oħra. Jekk Ministru li jippreżenta liġi jkollu bżonn lil xi ħadd biex jiġi u jagħtih palata -fis-sens li jgħinu fl-argumenti - dan jiġi imma nippretendu li ministru responsabbli li jagħmel liġi attinenti għall-ministeru tiegħu, dan għandu jippilotaha hu.
Din hija sistema differenti mis-sistema kif kienet meta kien Prim Ministru l-Onor. Karmenu Mifsud Bonnic. Dan jirrifletti l-mentalita', l-interpretazzjoni u t-tħaddim tad-demokrazija. U aħna lesti kif meta niġu quddiem il-poplu u nagħtu rendikont politiku mmorru. Dan kollu huwa out of order għax hawn qed niddiskutu t-title tal-liġi. Bir-rispett kollu allaħares nibdew intellfu l-ħin tal-Kamra biex nagħmlu dibattitu biex inbiddlu isem ta' liġi li nafu x'jisimha. Aħna nafu li tan-naħa l-oħra ma jaqblux mal-Kummissjoni għall-amministrazzjoni tal-ġustizzja imma l-liġi dik hija. U jekk l-Onor. Mifsud Bonnici se jgħid li din hija paraventu għall-Amministrazzjoni tal-Ġustizzja, jien nittama li s-Sinjorija Tiegħek ma taċċettax l-emenda għax nerġa' ngħid li mhijiex emenda li tista' ssir b'mod demokratiku f'dan il-Parlament.
THE CHAIRMAN: Il-Kap ta' l-Oppożizzjoni.
ONOR. ALFRED SANT: L-ewwel smajt lin-naħa l-oħra tgħid li l-Onor. Mifsud Bonnici huwa out of order imbagħad għamlet paniġierku li d-diskors kollu kemm hu kien out of order. Jien smajt lin-naħa l-oħra titkellem fuq min hu retrogradu u anti-demokratiku u smajtha tuża kliem bħal dardir u ħmerijiet. Din hija s-soltu arroganza li għax huma jħossu li ddejqu jew ma jridux ikomplu, ħaddieħor idardarhom u jimlihom bil-ħmerijiet. Smajt lin-naħa l-oħra titkellem fuq kemm kienet retrograda u anti-demokratika l-Amministrazzjoni l-oħra.
Jien naħseb li l-istess aġġettivi jistgħu jintużaw għad-demokrazija taħt l-Onor. Eddie Fenech Adami għax jekk hemm xi ħaġa ċertament hija ttimbrata fuq dan il-Gvern hija l-mod kif ħoloq paraventi ma' kullimkien biex inaqqas l-accountability. S'issa qatt ma kien hawn Gvern li ħeba l-affarijiet u li ħoloq sħaba madwar l-affarijiet daqs dan il-Gvern. Biżżejjed wieħed jaqra r-rendikonti li jingħataw ta' x'jagħmlu l-ministeri u l-ministri, biżżejjed wieħed jaqra kif joħorġu l-estimates finanzjarji u biżżejjed wieħed jara l-affarijiet li jippubblikaw u li ma jippubblikawx dwar l-affarijiet fejn assolutament ma jippubblikaw xejn. (Interruzzjonijiet) Dażgur imma dan huwa followed mill-out of order tan-naħa l-oħra. L-accountability ta' din l-amministrazzjoni demokratika u moderna ma teżistix. Għaddejjin jaħbu kontinwament, paraventu wara l-ieħor. L-accountability ma tesżistix u allura l-Onor. Mifsud Bonnici għandu raġun jgħid li l-Kummissjoni bħal din li ġejja - ilna niddiskutu fuqha ħafna - qed isservi mill-ġdid bħala paraventu, jiġifieri biex taħbi l-operat tal-Gvern. Ministeru wara l-ieħor u l-operat moħbi. Allura meta nisma l-kliem "retrogradu" u "anti-demokratiku" minn ilsien l-Onor. Eddie Fenech Adami, ngħid tajjeb qed jagħmel għax ikun jidher li qed iħares fil-mera meta jitkellem.
THE CHAIRMAN: Hemm point of order imqajjem mill-Prim Ministru. Qabel nissospendi l-Kumitat biex nikkonsulta ruħi fuq x'interpretazzjoni li rridu nagħtu, nixtieq nistaqsi lill-Onor. Mifsud Bonnici jekk lestiex l-emenda li kien se jressaq.
ONOR. KARMENU MIFSUD BONNICI: Ġejt invitat biex nagħmel l-emenda u kif bdejt niktibha qam il-Prim Ministru jgħid il-ħmerijiet tiegħu u jien b'omaġġ lejn il-Prim Ministru - noqgħod attent għal dak li jgħid il-Prim Ministru, għax nitgħallem ħafna minnu - waqaft milli nikteb. Issa ħalli nirrispondi għal dak li qal il-Prim Ministru.
Il-Prim Ministru għamel sensiela ta' insulti personali kif inhuwa mdorri jagħmel jagħmel - il-ħdura ta' qalbu hija magħrufa! Issa se nirrispondi għal dak li qal, imma mhux bl-insulti. Fuq il-kwestjoni tad-demokrazija rrid ngħid li l-akbar ċertifikat ta' kemm jien ma fixkiltx id-demokrazija fil-pajjiż jista' jagħtih il-Partit Nazzjonalista u l-mod kif tmexxiet l-elezzjoni ta' l-1987 illi tat il-possibilita' lill-Partit Nazzjonalista illi jieħu over it-tmexxija tal-pajjiż, minkejja ... (Interruzzjonijiet) It-tmexxija ta' l-elezzjoni li għaliha kont responsabbli hija tmexxija ta' l-elezzjoni ta' l-1987 - nassumi r-responsabilita' kollha tagħha - li tagħha għandi l-ikbar ċertifikat mill-Partit Nazzjonalista stess li wara l-elezzjoni ddikjara li l-elezzjoni tmexxiet kif kellha titmexxa, minkejja ... (Interruzzjonijiet) Kif qed jgħid l-Onor. Bonello Du Puis għamilt l-obbligu tiegħi u m'għandix għalfejn niġi insulentat mill-Prim Ministru għax qdejt l-obbligu tiegħi. (Interruzzjonijiet)
(Kliem imħassar b'ordni tal-President tal-Kumitati)
THE CHAIRMAN: Se nissospendi l-Kamra għal 15-il minuta sabiex nagħti ruling li qajjem il-Prim Ministru.
Fit-8.20 p.m. il-Kamra ġiet sospiża u rriżumiet fil-8.33 p.m.
THE CHAIRMAN: Nitlob lill-Membri jsibu posthom, jekk jogħġobhom. Sinjuri Membri, dak kollu li ntqal qabel ma ġie sospiż il-Kumitat, dawk l-interventi u l-indirizzi huma kollha out of order u kwalunkwe referenza personali hija maqtugħa wkoll mid-debate.
Issa nitlob lill-Onor. Karmenu Mifsud Bonnici jagħtini l-emenda li għamel biex nagħti r-ruling fuqha. Din hija emenda fi stadju ta' Kumitat għal klawsola 1 - mhux każ li għandna talba għal new clause - u ġejt mitlub biex nagħti ruling min-naħa tal-Prim Ministru.
Se nikkwota kelma b'kelma l-Erskine May, 21st Edition Parliamentary Practice, Page 492, paragrafu (5) fejn jgħid hekk:
"An amendment which is equivalent to a negative of the bill, or which would reverse the principle of the bill as agreed to on the Second Reading is not admissible.".
Peress illi l-emenda proposta qed tbiddel u taqleb l-Abbozz kif ġie mgħoddi fit-Tieni Qari, l-emenda m'hijex ammissibbli.
Hekk aktar rimarki? L-Onor. Karmenu Mifsud Bonnici.
ONOR. KARMENU MIFSUD BONNICI: Forsi nista' nressaq emenda oħra fis-sens li minflok naqta' l-kelma "kummissjoni" inżid magħha l-kelma "paraventu", jiġifieri tiġi "kummissjoni paraventu". Bl-Ingliż minflok naqta' l-kelma "commission" inżid kelma oħra magħha u tiġi tinqara "camouflage commission" - qed nikkwalifikaha biex ma tmurx kontra r-ruling li tagħti s-Sedja. Mr Chairman, issa tista' tagħti r-ruling jekk hijiex out of order jew jekk tmurx kontra s-Second Reading.
THE CHAIRMAN: L-emenda li qed tipproponi m'hi xejn ħlief ripetizzjoni ta' l-ewwel emenda u allura terġa' taqa' taħt dak li jgħid l-Erskine May fir-regoli ta' proċedura li qed tbiddel il-prinċipju tal-Bill kif ġie mgħoddi fis-Second Reading u allura ma nistax naċċettaha.
ONOR. KARMENU MIFSUD BONNICI: Jien m'inix se nagħmel kif għamel il-bieraħ il-Prim Minstru meta ngħatat ruling u qal li se joqgħod għar-ruling allavolja ma jaqbilx miegħu. Dan id-diskors m'inix se ngħidu. (Interruzzjonijiet) Jien se noqgħod għar-ruling.
THE CHAIRMAN: Jekk jogħġobkom, m'hemmx cross debates.

ONOR. KARMENU MIFSUD BONNICI: Jien kont qed ngħid li l-Kumitat m'għandux japprova din il-klawsola, jiġifieri t-titolu tal-liġi u ngħid għaliex.
THE CHAIRMAN: Nitlob l-attenzjoni ta' l-Onor. Membru biex ma jirrepetix l-emendi li ġew diskussi.
ONOR. KARMENU MIFSUD BONNICI: L-ewwelnett irrid ngħid għaliex il-Ministru rrinunzja għall-obbligu u għaddihom fuq ħaddieħor - dan diġa' għidtu - u wkoll nixtieq nagħti eżempju fuq il-kwestjoni tat-tqassim tax-xogħol bejn il-maġistrati.
ONOR. JOE FENECH: It-tqassim tax-xogħol tal-maġistrati huwa kontemplat fl-emenda għall-Kostituzzjoni fil-funzjonijiet li għandha l-Kummissjoni. Jiġifieri hawn qed jitratta u jitkellem fuq affarijiet li lanqas huma kontemplati f'din il-liġi.
ONOR. KARMENU MIFSUD BONNICI: Aħna qed nitkellmu fuq l-Abbozz dwar l-Amministrazzjoni tal-Ġustizzja li għandna quddiemna.
THE CHAIRMAN: Onorevoli, nixtieq niġbidlek l-attenzjoni li hawn qegħdin fi stadju ta' Kumitat u m'aħniex qegħdin fis-Second Reading fejn nistgħu nesprimu ruħna iktar fuq il-prinċipju.
ONOR. KARMENU MIFSUD BONNICI: Mr Chairman, jien qed ngħid għaliex dan it-titlu li fiha l-liġi huwa misnomer, jiġifieri mhux postu. Jien ma nistax nemendah pero' xorta huwa misnomer u allura għandi d-dritt nagħmel il-kummenti tiegħi fuq dan ir-rigward. Jien qed ngħid li permezz ta' din il-liġi, il-Gvern qiegħed jinħeba wara ħaddieħor għax-shortcomings li hemm fil-qorti. Fil-każ tat-tmexxija tal-qrati, minflok se jagħmel xogħlu kollu hu, il-Ministru se jgħaddi parti minnu lil ħaddieħor u anke f'każ ta' dixxiplina u kontroll li għandu jkun hemm f'idejn il-professjoni legali, parti minnu se tiġi mgħoddi lil ħaddieħor. Allura issa l-Gvern qed jippretendi li se jkun hemm dan l-organu u b'hekk ma jkunx iktar responsabbli għan-nuqqasijiet li jkun hemm fil-qrati. Jien jidhirli li qed jagħmel ħażin il-Gvern. L-obbligu tiegħu huwa li jkompli jagħmel l-isforzi li għamel s'issa biex jirranġa l-qrati. Il-Gvern jagħmel ħażin li jgħaddi dan l-obbligu lil ħaddieħor. Minn issa se ngħidulu li unitili jaħseb li billi jgħaddi dan l-obbligu lil ħaddieħor se jeżonera ruħu mir-responsabilita' politika tan-nuqqas ta' fiduċja li l-poplu għandu, li kellu u li jista' jkompli jkollu fil-qrati tagħna. Mela la l-Gvern se jibqa' mgħobbi b'din ir-responsabilita' politika, allura bilfors irid jerfa' iktar mir-responsbilitajiet tiegħu u mhux jeħles minnhom.

Issa nixtieq nirrispondi għar-rimarki li saru mill-Gvern - mhux qed ngħid għall-insulti u nispera li tħasru mir-records kif ordnat is-Sedja - imma għal kritika li saret għall-istand li ħadt jien dwar x'inhu jagħmel il-Gvern, cioe' li qed jabdika għad-dmirijiet tiegħu fil-qrati. Intqal li dan huwa sintomatiku mal-mentalita' tiegħi, illum u fl-imgħoddi ta' kif għandhom isiru l-affarijiet. Jiddispjaċini ngħid li jekk dan li qed jagħmel il-Gvern illum huwa xi ħaġa ġdida, allura dak li għamel Gvern Nazzjonalista sal-lum huwa l-istess li kien isir qabel għax ma kienx hemm Kummissjoni għall-Amministrazzjoni tal-Ġustizzja. Ix-xogħol li jien qed nikkritika li l-Gvern se jeħles minnu u li se jagħtih lill-Kummissjoni, jew sar mill-Gvern jew inkella ma sarx mill-Gvern. Jekk sar mill-Gvern allura għamel l-istess xogħol li jiena ġejt akkużat li għamilt ħażin, għax intromettejt u imponejt ruħi ż-żejjed fejn ma kellix nintrometti ruħi u nimponi ruħi u jekk ma sarx mill-Gvern, allura għalhekk is-sitwazzjoni fil-qrati hija kif inhija llum. Imma jiena ċert illi Gvern Nazzjonalista f'dawn l-aħħar sebgħa snin għamel l-istess bħalma kienu jagħmlu l-gvernijiet kollha ta' qabel. Jekk dak li għamilt jien meta kont responsabbli jien kien rifless ta' xi mentalita' awtokrata, jiddispjaċini ngħid li l-Gvern Nazzjonalista f'dawn l-aħħar sebgħa snin wera' l-istess mentalita' awtokrata għax mexa bl-istess sistema. Jiena ċert li l-Ministru tal-Ġustizzja pprova jirranġa s-sitwazzjoni fil-qrati u pprova jikkoreġi dak li ħass li kien miexi ħażin. Allura skond il-Prim Ministru dak mexa b'mod awtokrata. Dak huwa x-xogħol li skond il-Kostituzzjoni kellu jagħmel il-Ministru tal-Ġustizzja u sakemm jinbidlu l-affarijiet dawk huma l-obbligi kostituzzjonali li l-Ministru tal-Ġustizzja jrid jaqdi. Issa illum jiġi l-Kap tal-Gvern li mexxa l-Gvern bl-istess sistema, qed jiddefinixxi din is-sistema bħala awtokrata u mhux qed jirrealizza li meta akkuża lili b'sistema awtokrata kien qiegħed jitfa l-ġebla fuq saqajh għax semma l-amministrazzjoni matul dawn l-aħħar sebgħa snin. Ma nistax nifhem kif il-Prim Ministru, minkejja s-saħna li jieħu, ma jirrealizzax li meta jagħmel dawn ir-rimarki jkun fil-fatt qed jitfa' l-ġebla fuq saqajh. Hemm xi dubju li sal-lum il-qrati tmexxew mingħajr Kummissjoni tal-Ġustizzja? Mhux il-Ministru mexxihom? Allura l-Ministru kien awtokrata għax mexxa l-qrati u qeda d-dmirijiet li għalihom ħa l-ġurament tal-kariga? Anzi ma rridx infakkar lill-Prim Ministru li l-Ministru tal-Ġustizzja preżenti għandu l-privileġġ u l-unur li meta ġie maħtur Ministru tal-Ġustizzja għamel id-dikjarazzjoni ta' l-intenzjoni retta u soda tiegħu li fi żmien xahar jirranġa l-qrati. Ma qalx li mhux se jagħmel kummissjoni ħalli ma jkunx awtokrata u jirranġa l-affarijiet. Anzi qal li hu kien se jirranġa l-qrati. U l-Prim Ministru minflok ma qallu li hu awtokrata, feraħlu u ċapċaplu - ħalliha mbagħad li ma rnexxielux jaħmel dan imma mhux għax ma xtaqx jew għax ma pprovax imma minħabba d-diffikultajiet kollha li jeżistu fil-qrati. Imma li llum iqum il-Prim Ministru u jgħid li min ipprova jirranġa, jammeljora u jtejjeb il-qrati kien awtokrata hija xi ħaġa li ma titwemminx, minn bniedem illi mexxa amministrazzjoni b'manjiera li ndaħlet fil-mod kif jitmexxew il-qrati - kif kellha d-dmir li tagħmel - matul dawn l-aħħar sebgħa snin. Issa l-Gvern Nazzjonalista ddeċieda li din hija sistema awtokrata u se jadotta sistema iktar demokratika ħalli l-affarijiet li suppost jagħmel hu ma jagħmilhomx hu imma jwikkihom lill-ħaddieħor u b'hekk jaħseb li jkun ħeles mill-obbligu politiku tiegħu għax jagħti sodisfazzjon lill-poplu bil-mod kif qed jitmexxew l-affarijiet. Dan daqskemm il-Ministru li hu responsabbli għall-Ilma jista' jispjega lill-poplu illi mindu twaqqfet il-Korporazzjoni għas-Servizzi ta' l-Ilma, il-qagħda ta' l-ilma m'għadhiex iktar responsabilita' tiegħu jew tal-Gvern imma tal-Korporazzjoni. (Interruzzjonijet) Jien qed nirrispondi dak li l-Prim Ministru ħass li hu relevanti li jgħid fir-rigward tiegħi. (Interruzzjonijiet)
ONOR. MEMBRU: Dak kollu hu out of order.
THE CHAIRMAN: Onorevoli, għandu dritt jitkellem.
ONOR. KARMENU MIFSUD BONNICI: Min qalha r-rimarka li dak li qed nissuġġerixxi jien huwa sintomu awtokratu, mhux il-Prim Ministru? U jien qed nirrispondih għal dan l-argument. Dan bħal meta qal li jien ma mexxejtx b'mod demokratiku. Diġa' semmejt il-mod kif tmexxiet l-elezzjoni ta' l-1987. Din qalha l-Prim Ministru b'risposta għal dak li għidt jien jew bi kritika għal dak li għidt jien. Imma rrid infakkar lil din il-Kamra illi l-emenda kostituzzjonali li tat dritt lill-partit li jkollu l-maġġoranza assoluta tal-voti jkollu wkoll il-maġġoranza assoluta tas-siġġijiet, għandi l-unur ngħid illi saret fi żmieni, fi Frar ta' l-1987. Il-Prim Ministru li dak iż-żmien kien Kap ta' l-Oppożizzjoni, ma kienx jgħid illi kont anti-demokratiku li nsistejna għal dik l-emenda u li baqgħet sakemm għaddiet. Mela tajna t-tieni prova ta' kemm Gvern Laburista kien demokratiku u mhux anti-demokratiku. (Interruzzjonijiet) X'jiġifieri wara 15-il sena?
THE CHAIRMAN: Kompli Onorevoli, imbagħad indirizza wara jekk jogħġbok.
ONOR. KARMENU KARMENU MIFSUD BONNICI: Jekk Gvern wara 15-il sena għamel affarijiet anti-demokratiċi huwa ħażin imma kemm huwa iktar ħażin li Gvern jagħmel l-affarijiet anti-demokratiċi wara sebgħa snin, bħalma għamel Gvern Nazzjonalista? Anzi Gvern Nazzjonalista mhux wara sebgħa snin imma wara ftit ta' xhur għamel l-affarijiet anti-demokratiċi. Li qed ngħid hu li mhux biss il-Gvern Laburista mexa b'mod demokratiku u assigura li jkun hawn id-demokrazija f'pajjiżna imma meta l-Oppożizzjoni Nazzjonalista pprovat timmina l-ogħla istituzzjoni tal-pajjiż billi tibbojkottja l-Kamra tar-Rappreżentanti tal-poplu - kienet x'kienet il-ġustifikazzjoni li ġabu - il-Gvern Laburista għamel minn kollox - il-krettu tiegħu huwa ta' l-Onor. Dom Mintoff li dak iż-żmien kien Prim Ministru - biex jerġa' jirristabilixxi l-Kamra tar-Rappreżentanti u l-funzjoni kif topera normalment. (Interruzzjonijiet)
THE CHAIRMAN: Nitlob lill-Onor. Membri biex ma jtellfux lil seħibhom waqt li jkun qed jitkellem u juru ftit diċenza u bon ordni fil-Kamra.
ONOR. KARMENU MIFSUD BONNICI: Fl-istorja leġislattiva ta' pajjiżna tibqa' minquxa dik ir-riżoluzzjoni illi ressaq l-Onor. Mintoff li biha ressaqna li jiġu adottati co-optive bħala membri dawk ir-rappreżentati Nazzjonalisti li kienu eletti fl-elezzjoni ta' l-1981. Qatt fl-istorja ta' ebda pajjiż demokratiku ma kien hemm Gvern li biex jassigura li jkun hemm oppożizzjoni fil-Parlament ra li jiġu co-opted il-membri ta' l-Oppożizzjoni skond ir-riżultat ta' l-elezzjoni. Ara jekk il-Gvern Nazzjonalista għamilx xi ġest bħal dan!? (Interruzzjonijiet) Dażgur li ma kellux għalfejn jagħmlu għax qatt ma kien rinfaċċjat minn Oppożizzjoni rrisponsabbli u anti-demokratika kif kien rinfaċċjat il-Gvern Laburista! (Interruzzjonijiet)
THE CHAIRMAN: Sinjuri, se nerġgħu mmorru out or order u se jkolli nissospendi.
ONOR. KARMENU MIFSUD BONNICI: Għalhekk ma kienx neċessarju għall-Gvern Nazzjonalista. Din bħal meta l-Gvern Nazzjonalista joħroġ jiftaħar kemm hawn paċi fil-pajjiż! Imma ma jirrealizzax li l-kredtu ta' l-atmosfera li hawn fil-pajjiż hija unikament għas-sens ta' responsabilita' ta' l-Oppożizzjoni Laburista u ta' ħadd iktar? Aħna, bħala Oppożizzjoni, ma mxejniex bis-sens irresponsabbli li mxiet bih l-Oppożizzjoni Nazzjonalista. Mhux qed ngħid mill-1980 'il quddiem biss imma mill-1971 'il quddiem, u l-iktar mill-1976 'il quddiem. GĦalhekk jekk m'hawnx bombi fil-pajjiż huwa għax min m'għandux interess li jiddistabilizza l-Gvern tal-ġurnata - bħalma kien hemm min kellu dan l-interess taħt Gvern Laburista - mhux qed jagħmel bombi wara l-bibien tan-nies u mhux qed isib protezzjoni mill-qaddisin protetturi mill-Partit ta' l-Oppożizzjoni biex jagħmel dawn l-affarijiet. Aħna qatt ma nibagħtu messaġġi ta' theddid li jekk l-affarijiet ma jinbidlux kif irriduhom aħna, dawn l-affarijiet jiżdiedu. (Interruzzjonijiet) Dażgur li hija out of order! L-iktar l-aħħar rimarka hija out of order għalik! Tista' tgħid li mhux veru wkoll! Allura l-Gvern fil-persuna tal-Prim Ministru m'għandux raġun joġġezzjona b'din il-manjiera - mhux li ma jaqbilx għaliex tistenna li ma jaqbilx - għall-kritika ta' l-Oppożizzjoni fuq il-kwestjoni ta' kif għandhom jitmexxew il-qrati u mhux kif għandha tiġi amministrata l-ġustizzja.
Mr Chairman, nixtieq li anke hawn toqgħod attent għal dak li qed ngħid. Jien persważ li inti toqgħod attent u ma nistax nifhem għaliex l-iSpeaker u c-Chairman għandhom joqogħdu sagħtejn u nofs joqogħdu attenti għall-ħmerijiet kollha li jingħadu hawn ġew għaliex din hija strain kbira! Aħna qed nitkellmu fuq Kummissjoni għall-Amministrazzjoni tal-Ġustizzzja, u din żgur hija misnomer għaliex il-ġustizzja trid tiġi amministrata mill-ġudikant. Qegħdin nagħmlu Kummissjoni għall-Amministrazzjoni tal-Qrati u mhux tal-ġustizzja u jiena nappella lill-Gvern - biex ma nagħmilx emenda minn din il-naħa - li t-titolu ta' dan l-Abbozz, anke jekk jinsisti li għandu jkun "kummissjoni għall-amministrazzjoni" ta' xi ħaġa - mhux kif ġie ssuġġerit "parventu" minflok "kummissjoni" jew "kummissjoni paraventu" - almenu jkun "Kummissjoni għall-Amministrazzjoni tal-Qrati għaliex l-amministrazzjoni tal-ġustizzja tfisser ix-xogħol tal-ġudikant u aħna m'aħniex nidħlu fuq il-mod kif tiġi amministrata l-ġustizzja fil-pajjiż. U għalhekk nappella lill-Gvern, anke at this late stage, biex jikkonsidra li t-titolu ta' dan l-Abbozz jinbidel u minflok ikun "Kummissjoni għall-Amminstrazzjoni tal-Ġustizzja" jsir "Kummissjoni għall-Amministrazzjoni tal-Qrati" għaliex il-qrati huma xi ħaġa differenti mill-ġustizzja. Huwa veru li biex tiġi amministrata l-ġustizzja irid ikun hemm il-qrati, imma x-xogħol tal-qrati huwa xi ħaġa differenti mill-konċett tal-ġustizzja u għalhekk nappella lill-Ministru biex jikkonsidra serjament li t-titolu ta' dan l-Abbozz jinbidel. Jekk is-Sedja tħoss jew tifhem li dan ma jinnegax il-prinċipji li ġew diskussi fit-Tieni Qari, nagħmel - jekk il-Gvern mhux lest li jagħmel emenda hu - emenda f'dan is-sens imma nixtieq inkun naf, qabel ma noqgħod naħli ż-żmien nikteb l-emenda, jekk din l-emenda hijiex aċċettabbli.
THE CHAIRMAN: Min-naħa tas-Sedja emenda fuq dan il-kriterju hija aċċettabbli.
ONOR. KARMENU MIFSUD BONNICI: Imma għall-Gvern hija aċċettabbli?
THE CHAIRMAN: Onorevoli se tressaq emenda?
ONOR. KARMENU MIFSUD BONNICI: Mr Chairman, se nressaq din l-emenda:
"S" Ħassar il-kelma "Ġustizzja" u daħħal minflok il-kelma "Qrati".
"S" Substitute the word "Courts" for the word "Justice".
THE CHAIRMAN: Aktar rimarki? (Onor. Membri: No) Il-mistoqsija hi l-emenda kif imressqa u moqrija mill-Onor. Karmenu Mifsud Bonnici. Dawk favur? (Onor. Membri: Aye) Dawk kontra? (Onor. Membri: No) Negatived.
L-emenda "S" m'għaddietx.
THE CHAIRMAN: Il-mistoqsija hi l-emenda "R" kif imressqa u moqrija mill-Ministru. Dawk favur? (Onor. Membri: Aye) Dawk kontra? (Onor. Membri: No) Carried.
L-emenda "R" għaddiet.
THE CHAIRMAN: Il-mistoqsija hi klawsola 1 kif emendata. Dawk favur? (Onor. Membri: Aye) Dawk kontra? (Onor. Membri: No) Carried.

Klawsola 1, kif emendata, għaddiet u ġiet ordnata biex issir parti mill-Abbozz ta' Liġi.
It-Titolu għadda u ġie ordnat biex isir parti mill-Abbozz ta' Liġi.
ONOR. JOE FENECH: Nitlob lill-Kumitat biex jawtorizza lill-Clerk of the House li jagħmel ir-renumbering u xi korrezzjonijiet ta' l-ortografija li jkun hemm bżonn.
THE CHAIRMAN: Hawn il-permess? (Onor. Membri: Iva)
Il-Kumitat qabel li jawtorizza lill-Iskrivan tal-Kamra biex jikkorreġi xi żbalji ta' l-ortografija u jagħmel ir-renumbering li jkun hemm bżonn.
Il-Kamra rriżumiet u l-President tal-Kumitati rrapporta l-Abbozz ta' Liġi mgħoddi b'emendi.
MR SPEAKER: Sar il-ħin. Jekk jogħġbu, il-Viċi Prim Ministru jressaq l-Aġġornament tal-Kamra.

Yüklə 363,65 Kb.

Dostları ilə paylaş:
1   2   3   4   5   6




Verilənlər bazası müəlliflik hüququ ilə müdafiə olunur ©muhaz.org 2024
rəhbərliyinə müraciət

gir | qeydiyyatdan keç
    Ana səhifə


yükləyin