Malta debates tal-kamra tad-deputati


TQEGĦID TA' KARTI FUQ IL-MEJDA



Yüklə 0,52 Mb.
səhifə2/7
tarix08.01.2019
ölçüsü0,52 Mb.
#92554
1   2   3   4   5   6   7

TQEGĦID TA' KARTI FUQ IL-MEJDA



ONOR. ALFRED SANT (Prim Ministru): Sinjura President, inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra:
White Paper dwar it-Tiswir ta' Għaqda ta' l-istaff tal-Forzi Armati ta' Malta; u
Tabella li turi l-infiq fuq hospitality li saru mid-dipartimenti li jaqgħu taħt id-dikasteru ta' l-Uffiċċju tal-Prim Ministru bejn l-1 ta' Novembru 1996 u t-30 ta' April 1997, bi tweġiba għall-mistoqsija parlamentari numru 7616.
MADAM SPEAKER: Grazzi. Il-Ministru Bartolo.
ONOR. EVARIST BARTOLO: Madam Speaker, inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra:
Informazzjoni dwar skejjel li se jintużaw bħala Junior Lyceums u skejjel sekondarji għas-sena skolastika 1997/98, bi tweġiba għall-mistoqsija parlamentari numru 7787.
MADAM SPEAKER: Grazzi. Il-Ministru Mizzi.
ONOR. JOE MIZZI: F'isem il-Ministru tal-Ħarsien Soċjali nqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra:
Tabella li turi l-għadd ta' persuni self-employed li temmew ix-xogħol tagħhom matul Mejju 1997, bi tweġiba għall-mistoqsija parlamentari numru 7784.
MADAM SPEAKER: Grazzi. Stqarrijiet ministerjali? Mozzjonijiet? Ordnijiet tal-Ġurnata.

ORDNIJIET TAL-ĠURNATA

ABBOZZ TA' LIĠI LI JĦASSAR L-ATT DWAR NOMINI MILL-OPPOŻIZZJONI

OPPOSITION NOMINEES (REPEAL) BILL



MADAM SPEAKER: L-Onor. Edwin Vassallo huwa in possession.
ONOR. EDWIN VASSALLO: Madam Speaker, konna qegħdin niddiskutu liġi li se tneħħi d-dritt li l-Oppożizzjoni jkollha rappreżentant tagħha fuq boards tad-diretturi ta' diversi awtoritajiet u s'issa konna tajna ħarsa lejn x'effett jista' jkollha din il-liġi fuq il-poplu tagħna għax, għalkemm din hija liġi li direttament tolqot lill-Oppożizzjoni, bilfors li se tħalli wkoll impatt negattiv fuq l-għajxien tal-poplu tagħna. Dan li qed ngħid nistgħu naslu għalih jekk nikkonsidraw il-motivazzjoni wara din il-liġi u billi nagħtu ħarsa lejn il-kumplament ta' l-aġenda ta' dan il-Gvern u l-ambjent politiku li qed joħloq fil-pajjiż. B'mod sempliċi, il-messaġġ li qed jasal għand il-poplu - nirrimarka li l-poplu huwa konxju ħafna ta' x'qed isir f'din il-Kamra - huwa li l-Gvern għandu x'jaħbi. Dan huwa messaġġ negattiv għall-aħħar li qed ikompli jgħarraq is-sitwazzjoni preżenti, anke f'dak li għandu x'jaqsam mas-suq.
Per eżempju, dan l-aħħar rajna kif Gvern Laburista qiegħed iressaq liġi biex jaħkem anke l-Awtorita' ta' l-Ippjanar taħt idejh. Il-poplu Malti qiegħed iħares lejn x'ġara f'Posta Limited, meta ġiet imwarrba l-opinjoni tal-bord u l-kumpannija spiċċat xolta wara stqarrija ministerjali, tkeċċew xi ħaddiema u l-kumplament spiċċaw casual workers. Il-poplu qed ikompli jifli x'ġara meta ġiet approvata l-liġi dwar id-dwana u s-sisa, wara li matul l-istadju ta' konsultazzjoni l-korpi kollha konċernati kienu qalu li din se tħalli effett negattiv. Il-poplu qed ikompli jara u jgħix l-attakki kontinwi kontra n-negozjanti u n-nies tal-ħwienet permezz tar-reklami. Il-poplu qed ikompli jgħix u jara gvern magħmul mill-Partit Laburista jattakka b'mod sfrenat lill-Awtorita' tax-Xandir għaliex ma qabilx ma' deċiżjoni tagħha. Il-poplu qed ikompli jara kif il-kunsilli lokali naqqsulhom il-finanzjament biex imbagħad ħolqu action committee biex jagħmel dak li kunsill lokali normalment huwa obbligat li jagħmel, sakemm ikollu l-flus!
Madam Speaker, dan qed ngħidu għaliex dawn l-azzjonijiet kollha, waħda wara l-oħra, li ħa s'issa dan il-Gvern, lill-poplu tagħna qegħdin jagħtuh messaġġ li f'dan il-pajjiż għandna gvern li jemmen f'politika ċċentralizzata, politika li se tkompli tnaqqas mill-fiduċja tal-poplu, se tkompli tnaqqas mir-ritmu tan-negozju, se tkompli tnaqqas mir-ritmu tax-xogħol, se tnaqqas is-serħan tal-moħħ u ma nkunx goff jekk ngħid ukoll li se żżid ċerta biża' u ansjeta'. Il-Gvern jemmen li din hija politika tajba u li jekk se jiggverna b'din il-politika se jkollu riżultati aħjar, pero' din hija politika li qed tħalli effetti negattivi fuq il-poplu tagħna u fuq il-mod kif qed jgħix il-poplu tagħna. Din il-liġi li għandna quddiemna llum qed tkompli żżid l-inċertezza li hawn fil-pajjiż għaliex fiha nnifisha hija liġi negattiva li qed tneħħi dritt ta' l-Oppożizzjoni, dritt li permezz tiegħu l-Oppożizzjoni kienet se tkun kapaċi twettaq dmirha aħjar. Allura l-messaġġ li qed jirċievi l-poplu tagħna huwa li l-Gvern ma jridx min jindaħallu. Għalhekk, Madam Speaker, qegħdin naraw kif dan il-Gvern qatt ma kien konsistenti, la fid-doveri tiegħu, meta kien fuq il-bankijiet ta' l-oppożizzjoni, la ma' l-argumenti tiegħu tal-lum u lanqas mal-wegħda ta' konsultazzjoni wiesgħa li għamel ma' l-elettorat. GĦall-kuntrarju ta' dak li jgħidu tan-naħa l-oħra, dan huwa gvern inkonsistenti.
Meta l-poplu jismagħna nitkellmu, lilna li nirrappreżentawh f'din il-Kamra, u nużaw kliem bħal "trasparenza", "djalogu" u "demokrazija", bir-raġun jippretendi minn għandna li nkunu konsistenti u li nagħtu xhieda ta' dan billi npoġġu fil-ħajja l-kliem li nkunu qegħdin nużaw, inkella l-poplu ġustament se jikkritikana. Meta fil-gvern kien hemm il-Partit Nazzjonalista, biex jagħti ħajja lill-kliem bħalma huma "trasparenza", "djalogu" u "demokrazija", ta l-opportunita' lill-Oppożizzjoni Laburista li tkun preżenti waqt it-teħid tad-deċiżjonijiet u mhux wara. Dak li jfisser li f'bord ta' korporazzjoni jew awtorita' ikollok membru ta' fiduċja ta' l-oppożizzjoni. Ir-raġuni kienet biex il-kritika ta' l-oppożizzjoni tkun kritika ġusta, msejsa u mibnija fuq informazzjoni miġbura first-hand. Pero' l-Partit Laburista - dak inhar fl-oppożizzjoni - m'aċċettax u għażel li l-kritika tiegħu tibqa' tkun infondata u 'l bogħod mill-fatti, għax kieku aċċettaw kienu jkunu responsabbli ta' dawk il-fatti li kienu jkunu qegħdin jixhdu għalihom waqt it-teħid tad-deċiżjonijiet. Din hija inkonsistenza mad-doveri tal-Partit Laburista meta kien fl-oppożizzjoni. B'rappreżentanza ta' l-oppożizzjoni f'dawn il-korporazzjonijiet u l-awtoritajiet, il-gvern ma setax jagħmel dak li jrid mingħajr ma jkun jaf il-Kap ta' l-Oppożizzjoni.
Fiha nnifisha, l-preżenza ta' persuna li għandha fiduċja fiha n-naħa l-oħra tal-Kamra, barra dik tan-naħa tal-gvern, żgur li kienet tgħin biex il-ħaddiema u l-konsumaturi ta' dawn l-awtoritajiet u korporazzjonijiet iħossuhom protetti. Kienu jkunu konxji li fil-bord ikun hemm persuna li ġejja b'mentalita' u b'opinjoni politika differenti pero' li kien bżonnjuż li tkun hemm għaliex kienet tkun qed tara li jkun qed jiġi rrispettat id-dritt tat-trasparenza f'dak il-bord. Illum il-ġurnata għandna sitwazzjoni fejn ħaddiema qegħdin jistaqsu: Jekk il-Gvern se jneħħi anke r-rappreżentant ta' l-Oppożizzjoni mill-bord tal-korporazzjoni jew ta' l-awtorita' tagħna fejn naħdmu, dan issa fejn se jwassalna? X'jonqos iżjed li jsir? Jien jiddispjaċini li xi drabi f'din il-Kamra nħossuna tant maqtugħin jew 'il bogħod, minħabba fil-pożizzjoni li għandna, li ma nkunux qegħdin nagħtu kas u ma nkunux konxji ta' x'ikun qed jgħid l-inqas wieħed f'dawn il-korporazzjonijiet u f'dawn l-awtoritajiet u x'effett ikunu qegħdin iħallu fuq il-poplu d-deċiżjonijiet tagħna, fuq il-poplu li għajnejh ikunu fuqna sempliċement biex jara kif qegħdin naqdu r-responsabbiltajiet tagħna.
Dik il-preżenza kienet tfisser li fil-bord kien se jkun hemm ċerta regola, li l-bord ma kienx jista' jiżvija jew joħroġ mill-binarji u, anke jekk jiżvija jew joħroġ mill-binarji, kien ikun hemm min iħares fuq dak il-bord u min ikun preżenti waqt it-teħid ta' dawk id-deċiżjonijiet. Illum permezz ta' dan l-abbozz ta' liġi l-poplu qed jinduna li dan kollu se jispiċċa. Dan il-Gvern qed jaħrab mir-responsabbilta' li jaħdem bi trasparenza, kif kien wiegħed hu stess matul il-kampanja elettorali tiegħu. Dan huwa argument ta' inkonsistenza ma' l-argumenti li kien ressaq meta kien qed jitlob mandat mingħand il-poplu. Il-poplu qed jinduna li l-Gvern ma jridx li jkollu r-rappreżentant ta' l-Oppożizzjoni għax qed jibża' li jkollu lill-Oppożizzjoni fuq il-mejda fejn hu qed jieħu d-deċiżjonijiet tiegħu. Madam Speaker, għaliex illum, wara li wegħedna li nkunu trasparenti, moderni u li se nagħmlu konsultazzjoni wiesgħa, f'daqqa waħda qegħdin naslu għal liġi ta' din il-kwalita', liġi li min jaħseb dwarha jara li dan huwa mod kif qegħdin niddebolixxu u nherru l-mod kif jista' jkollna fiduċja f'xulxin?
Meta wieħed jara l-argumenti ta' l-Onor. George Vella - dak inhar fl-oppożizzjoni; kien qed jopponi għall-abbozz ta' liġi li kellu jagħti dritt lill-oppożizzjoni li jkollha r-rappreżentant tagħha fil-korpi - isib li l-Onor. Membru kien irrimarka li f'liġi bħal din ma jara xejn ħlief eżerċizzju ieħor ta' propaganda. Hekk kienu argumentaw u dan kien wieħed mill-argumenti ewlenin li kien hemm min-naħa ta' l-Oppożizzjoni Laburista, meta kienu qegħdin jopponu għal-liġi li proprju kien qed iressaq Gvern Nazzjonalista. L-Onor. George Vella kien qal: Ma nara xejn fiha din il-liġi ħlief eżerċizzju ieħor ta' propaganda. Minkejja li dejjem kienu jikkritikaw lill-Gvern Nazzjonalista bin-nuqqas ta' trasparenza, meta l-istess Gvern offrilhom soluzzjoni dawn m'aċċettawhiex. Kien hawn min iddeskriva dan l-abbozz ta' liġi li kien ressaq dak inhar il-Partit Nazzjonalista bħala salvauomo għas-sitwazzjoni li kien hawn fil-pajjiż. Anke jekk stess kien salvauomo pero' kienet offerta u pass konkret biex f'pajjiżna verament ikun hawn fiduċja fi żmien meta kien hawn kritika mitfugħha bl-addoċċ. Nixtieq inkompli nikkwota minn dak li kien qal l-Onor. George Vella.
L-Onor. Membru kien qal hekk:

"Din il-liġi għandha teħodna għal dibattitu li jinżel fil-fond, li janalizza x'inhu r-rwol u x-xogħol ta' l-oppożizzjoni f'demokrazija parlamenatari.".


Allura, ngħid jien, illum il-ġurnata f'dan id-dibattitu hekk qegħdin nagħmlu? Forsi qegħdin nerġgħu nistiednu lilna nfusna biex niddiskutu x'inhu r-rwol u x'inhu x-xogħol ta' l-oppożizzjoni f'demokrazija parlamentari? Mela fi żmien il-Partit Nazzjonalista fil-gvern konna ngħidu li l-oppożizzjoni għandha taqdi r-rwol b'ċertu mod li tixhed għat-trasparenza u tkun tagħmel parti minn dik it-trasparenza politika, biex verament ikollna demokrazija sħiħa, u llum il-ġurnata għandna Gvern li qed jgħidilna: Le, intom m'għandkomx tkunu preżenti waqt it-teħid tad-deċiżjonijiet permezz ta' membru tal-fiduċja tagħkom fil-bord u l-uniku dritt li għandkom bħala oppożizzjoni huwa li jekk tridu l-informazzjoni tridu taslu għaliha sempliċement permezz ta' mistoqsijiet parlamentari, mistoqsijiet parlamentari li t-tweġiba tagħhom tingħata biss wara li l-froġa tkun saret jew, biex inkun iktar pożittiv, wara li l-proġett ikun sar u wara li d-deċiżjoni tkun seħħet. Din hija inkonsistenza, kemm ma' l-argumenti kif ukoll mad-doveri ta' l-oppożizzjoni, għaliex l-oppożizzjoni għandu jkollha dritt li tkun preżenti waqt it-teħid tad-deċiżjonijiet.
Allura jekk kellna Parlament, jew jekk kellna gvern, li ta dritt lill-oppożizzjoni, llum m'għandux ikun hawn gvern li jieħu lura dak id-dritt ta' l-oppożizzjoni. Hekk ħasbu meta dak inhar kienu fl-oppożizzjoni, hekk qalu u hekk għamlu. Meta kien hawn gvern, immexxi mill-Onor. Eddie Fenech Adami, li kien se jagħtihom id-dritt li jkunu preżenti f'boards u f'korporazzjonijiet, fejn jittieħdu deċiżjonijiet rigward affarijiet l-iżjed essenzjali f'ħajjitna u fil-ħajja tal-poplu tagħna, dawn kulma waslu biex jgħidu kien: Le, aħna ma rridux u rridu nibqgħu biss fuq id-dritt li għandna, jiġifieri li nagħmlu mistoqsijiet parlamentari. Imbagħad fil-fatt komplew l-oppożizzjoni tagħhom bi tfigħ ta' ħmieġ, bħalma jiftakar kulħadd. Illum il-Partit Laburista qiegħed fil-gvern u l-Partit Nazzjonalista qiegħed fl-oppożizzjoni u qed naraw kif dak li kien poter ma kienx sempliċement propaganda iżda kien mogħti bi dritt. Dak li l-Onor. George Vella ddiskrevih bħala propaganda llum għandna prova ta' kemm il-Partit Nazzjonalista dak inhar ma kienx qed iqisu sempliċement bħala att ta' propaganda iżda bħala dritt lill-oppożizzjoni, dritt li llum qed jitolbu hu.
Kieku kien veru, kif ħaseb l-Onor. George Vella, li dak kien sempliċement eżerċizzju ta' propaganda u li kien se jiffavorixxi lin-naħa tal-gvern, kieku kienet tkun bela' l-Oppożizzjoni Laburista li titlob lill-Gvern Nazzjonalista iħalli eżerċizzju ta' propaganda li jkun jaħdem favur il-gvern tal-ġurnata. Mhux veru li dik il-liġi kienet eżerċizzju ta' propaganda, kif kien irrimarka l-Onor. George Vella, imma dak kien dritt importanti li permezz tiegħu l-oppożizzjoni kellha taqdi d-doveri tagħha b'mod aħjar, u llum, għax m'huwiex eżerċizzju ta' propaganda, dan id-dritt qed titolbu l-Oppożizzjoni biex ikun dritt li permezz tiegħu hija taqdi bl-aħjar mod id-doveri tagħha lejn dan il-poplu, billi tkun preżenti waqt it-teħid tad-deċiżjonijiet. L-Oppożizzjoni m'hijiex fil-Parlament biex tkun qiegħda hemm f'isem xi grupp żgħir imma qiegħda hemm biex tieħu ħsieb l-interessi tal-poplu Malti u Għawdxi kollu - m'iniex sejjer ninsa nsemmi lil Għawdex għax hawn l-Onor. Anton Refalo u żgur li jiġbidli l-attenzjoni! - u biex tindokra d-demokrazija fil-pajjiż. Meta konna wasalna biex tajna dritt lill-oppożizzjoni, ma jagħmilx sens loġiku li dan id-dritt nirtirawh.
Jekk inkomplu nħarsu lejn l-argumenti li qamu fis-Seduta Nru. 499 li kienet saret fis-16 ta' Jannar, 1996 insibu li l-Onor. George Vella - kien wieħed minn żewġ deputati li kienu qegħdin jopponu f'isem l-Oppożizzjoni Laburista - fost l-oħrajn kien qal u se nikkwota:
"Fl-opinjoni tiegħi hawnhekk indirettament, biex ma ngħidx direttament, inkunu qegħdin ngħinu l-korruzzjoni u ngħinu l-moffa tikber fid-dlam. Aktar ma l-affarijiet ikunu moħbijin aktar tikber il-moffa, imbagħad meta tibda ħierġa r-riħa ta' l-umdita' u ta' l-intejjen forsi nindunaw imma mbagħad ikun tard wisq. Jiena nemmen li, filwaqt li din il-proposta tista' tidher li hija tajba, kif għidt, hemm raġuni serja ħafna għaliex ma naċċettawx din il-proposta. Din hija proprju li ma rridux nidħlu f'din il-logħba politika partiġjana tan-naħa l-oħra.".
Dawn kienu l-kummenti, fost l-oħrajn, ta' l-Oppożizzjoni Laburista ta' dak iż-żmien li llum qiegħda fuq in-naħa tal-gvern. Kienu qegħdin jaraw dan l-eżerċizzju bħala xi ħaġa li tagħmel parti minn "logħba politika partiġjana".
Madam Speaker, huwa importanti li ma nibqgħux naraw id-doveri tagħna fit-tisħiħ tad-demokrazija f'pajjiżna, li jwassal għal tisħiħ tas-suq, tisħiħ fl-impjiegi u tisħiħ fil-livell ta' għajxien aħjar tal-poplu tagħna bħala "logħba politika partiġjana". Dawk huma kummenti li ma naqblux magħhom u jekk huma ħasbu li dan kien l-eżerċizzju li llum qegħdin inneħħu, aħna ma ngħidux l-istess bħalhom. Dawn kienu nies li ma jemmnux li jistgħu jaqdu dmirhom b'dan il-mod u kellhom id-dubji tagħhom, pero' aħna m'għandniex dawn id-dubji għax aħna jidhrilna li dak li huwa dritt ta' l-oppożizzjoni u għandu jibqa' hemm biex naqdu l-funzjoni tagħna bl-aħjar mod possibbli. Għalhekk ikolli nasal biex ngħid li dan l-abbozz ta' liġi li qed jitressaq f'dan il-Parlament huwa riżultat ta' abbuż politiku u motivazzjoni li warajha hemm diżonesta' politika. Jien kieku ma nixtieqx li naslu għal din il-konklużjoni għaliex din hija konklużjoni negattiva li jekk il-poplu tagħna jasal għaliha l-inċertezza li hawn fil-pajjiż inkunu qegħdin inġibuha b'deċiżjonijiet li qegħdin nieħdu aħna u dawn m'għandniex x'irriduhom.
B'mod ġenerali, l-idea li kienu ħarġu biha tal-Labour Party u li donnhom għadhom isostnu, hi li jridu li fil-boards ikollhom il-ħaddiema u r-rappreżentanti tal-kunsilli lokali, pero' hawnhekk qegħdin inħalltu.
MADAM SPEAKER: Onorevoli, ippermettili ninterrompik għaliex skadilek il-ħin u għandek bżonn extension. Min jipproponi?
ONOR. ALFRED SANT: Nipproponi li l-Onor. Vassallo jkompli jinstema'.

ONOR. FRANCIS ZAMMIT DIMECH: Nissekonda.
MADAM SPEAKER: Hawn talba biex l-Onor. Vassallo jkompli jinstema'. Dawk favur? (Onor. Membri: Iva) Dawk kontra?
Il-mozzjoni għaddiet nem. con.
ONOR. EDWIN VASSALLO: Madam Speaker, nirringrazzja lill-proponent, lis-sekondant u lill-Kamra kollha talli qed tagħtini din l-opportunita'. B'mod ġenerali ma nistgħux inħalltu d-dritt tat-trasparenza politika u x'jeħtieġ biex nixhdu għal din it-trasparenza politika mad-dritt li nistgħu nagħtu lill-ħaddiema jew lill-kunsilli lokali biex ikunu fuq dawn il-boards. Din m'hijiex l-istess ħaġa. M'għandhom x'jaqsmu assolutament xejn. Il-ħaddiema għandhom l-interessi tagħhom biex jaraw kif inhi sejra l-korporazzjoni jew l-awtorita' li qegħdin jaħdmu fiha. Il-kunsilli lokali, bħala konsumaturi tal-Water Services Corporation u tal-Korporazzjoni Telemalta - għalkemm ma nafx safejn jistgħu jkunu daqstant konsumaturi tat-Telemalta - għandhom l-interessi tagħhom u jistgħu jieħdu ħsieb biss safejn jaslu l-interessi tagħhom bħala rappreżentanti tal-politika lokali. Aħna ma nistgħux ngħidu li qegħdin niggarantixxu trasparenza billi sempliċement ngħidu li se npoġġu lill-ħaddiema jew inkella r-rappreżentanti tal-kunsilli lokali fuq il-bordijiet. Jiddispjaċini, Madam Speaker,

li hawnhekk qegħdin inħalltu u xorta waħda ma nistgħux ngħidu li jekk se npoġġu lill-ħaddiema jew lill-kunsilli lokali se jkollna l-istess eżerċizzju biex niggarantixxu t-trasparenza. Issa ħalli ngħaddi għall-kummenti li kien għamel l-Onor. Lino Spiteri, li wkoll kien ikkritika l-abbozz ta' liġi li kien qed iressaq il-Prim Ministru ta' dak iż-żmien, l-Onor. Eddie Fenech Adami.


L-Onor. Spiteri kien qal hekk:
Li jkun hemm membru nominat mill-Kap ta' l-Oppożizzjoni biex ngħidu kemm il-Gvern Nazzjonalista qed juri li mhuwiex jiddejjaq li jkun hemm min jeżamina dak li jkun qed jiġri f'parti mill-operat tas-settur pubbliku, le, dak m'huwiex biżżejjed.
Dan kien id-diskors ta' l-Onor. Lino Spiteri, ċioe' li dan "m'huwiex biżżejjed", pero' skond l-istess diskors ta' l-Onor. Membru jidher li kien pass 'il quddiem. Ma kienx "biżżejjed", pero' kien pass 'il quddiem. Almenu din hi l-interpretazzjoni li nista' nagħti għad-diskors ta' l-Onor. Spiteri. Hekk kienet irraġunat l-Oppożizzjoni Laburista nhar it-Tlieta 16 ta' Jannar, 1996. U dawn illum qed jgħidu: Le, dan huwa żżejjed. Dan id-dritt m'għandniex xi rriduh u lill-Oppożizzjoni se neħduhulhom. Issa dan jien qed ngħidu biex nuri kemm hemm inkonsistenza min-naħa tal-Partit Laburista, kemm meta kienu fl-oppożizzjoni u anke fil-preżent. L-Onor. Spiteri kien ukoll irrifera għall-partitokrazija, li l-partiti jħalltu u jaqsmu. Meta l-Onor. Lino Spiteri tkellem fuq din il-liġi li kienet qed titressaq kien qal: Mhux din hi l-partitokrazija? U kienet mistoqsija f'waqtha. Madam Speaker, dawn kienu xi punti li tqajmu min-naħa l-oħra daqs sena u nofs ilu meta kienu għadhom fl-oppożizzjoni, pero' issa ħadu xejra oħra ladarba dawn qegħdin fil-gvern.
Il-Prim Ministru, li ma jaqbilx ma' din il-liġi għaliex għandu fehma oħra dwar kif għandha tkun ipprattikata d-demokrazija u t-trasparenza f'demokrazija parlamentari - ċertament li għandu dritt għall-opinjoni tiegħu - waqt li kien qed jagħmel l-introduzzjoni tat-Tieni Qari ta' l-Abbozz ta' Liġi li jħassar l-Att dwar Nomini mill-Oppożizzjoni, wera li anke llum li m'għadhomx fl-oppożizzjoni għadhom m'humiex ċari dwar xi jridu minkejja li qegħdin iressqu dan l-abbozz ta' liġi. Anke l-Onor. Leo Brincat qalilna li b'rappreżentant wieħed fuq il-bord tad-diretturi m'għandek l-ebda poter. Staqsa: B'rappreżentant wieħed tista' tittieħed xi deċiżjoni? Din mhux daħka fil-wiċċ? Qalilna wkoll li b'rappreżentanza fuq bord tad-diretturi ma nkunux demokrazija moderna, mibnija fuq il-mudell Anglo-Sassonu. Mela minn naħa nisimgħuhom jgħidu li b'rappreżentant wieħed m'hemm l-ebda poter, imbagħad min-naħa l-oħra jgħidulna li b'rappreżentant wieħed se nħalltu u naqsmu, kif qal il-Prim Ministru. Issa, ngħid jien, jew b'rappreżentant wieħed m'għandniex poter, jew b'rappreżentant wieħed donnu hemm il-poter kollu biex nagħtu x'wieħed jifhem li aħna se nħalltu u naqsmu! Aħjar jgħidulna x'inhi l-verita' milli din l-inkonsistenza kollha.
Mod ieħor kif nistgħu naraw l-inkonsistenza u d-dubju li kellu l-Gvern meta ressaq din il-liġi huwa d-diskors tal-Prim Ministru li rriferejt għalih ftit ilu. Qalilna hekk:
"Min-naħa l-oħra, imma b'sens anke ta' realiżmu u b'sens prammatiku, naħseb li għandna nirrikonoxxu li hemm ċerti oqsma tat-tmexxija tal-pajjiż fejn ikun tajjeb li kemm jista' jkun jinżamm consensus. Ir-raġunijiet għandhom x'jaqsmu maċ-ċokon ta' pajjiżna u mal-ħtieġa li nevitaw ċertu ammont ta' diskontinwita' u ċertament anke mal-ħsieb li kemm jista' jkun inżommu fil-pajjiż sentiment illi wieħed jista' jippjana għall-quddiem. Per eżempju, qed naħseb speċifikatament fil-qasam ta' l-ambjent u fil-qasam ta' l-edukazzjoni fejn, l-idea li għandu jkun hemm xi forma ta' consensus wiesa' għal kif jiżviluppaw l-affarijiet, ma naħsibx li hija xi ħaġa li tikkontradixxi dak li għidt s'issa, għax f'dawn l-oqsma ta' ċerta importanza - eventwalment nittama meta jkunu żviluppaw il-ġenerazzjonijiet anke fil-qasam tal-politika barranija - huwa tajjeb li l-poplu jħoss li hemm consensus politiku u m'hemmx kompetizzjoni politika f'sens partiġjan bejn il-partiti.".

- u nkompli nikkwota mid-diskors tal-Prim Ministru -

"Allura f'oqsma bħal dawn ma narax illi, anke b'mod prammatiku realista, għandna neskludu li jkun hemm rappreżentanza ta' l-oppożizzjoni, aktar u aktar jekk nkunu qegħdin inwettqu affarijiet li waqt li l-policy hija deċiża, l-implimentazzjoni tagħha trid tibqa' ssir kemm jista' jkun b'mod regolari u koerenti minn amministrazzjoni għal oħra.".
Hawnhekk qegħdin naraw kif fid-diskors tiegħu l-Prim Ministru qiegħed jirriferi għall-ħtieġa li f'ċerti każijiet l-oppożizzjoni u l-gvern jilħqu consensus. Il-Prim Ministru l-ewwel qal li m'hemmx bżonn ikollna consensus u m'hemmx bżonn li naħdmu flimkien li ma mmorrux nikkreaw partitrokazija, pero' issa qed jgħidilna kemm hu importanti li naħdmu flimkien! Mela hemm fejn nistgħu ma naħdmux flimkien u hemm fejn nistgħu naħdmu flimkien. Imma jew għandna prinċipju jew m'għandniex.
Il-Prim Ministru jkompli jgħidilna:
"F'dawn l-oqsma nemmen li l-argumenti li jkun hemm parteċipazzjoni - issa ta' liema forma tkun hija ħaġa differenti - min-naħa ta' l-oppożizzjoni f'sens ta' kontinwita' jagħmlu ċertu sens u diġa' hemm strutturi eżistenti fl-organizzazzjonijiet illi jeżistu f'pajjiżna li jersqu lejn din it-tip ta' parteċipazzjoni.".
Hawn nitlob li n-naħa tal-Gvern tieqaf u tikkonsidra jekk għandniex prinċipji fuqhiex nieħdu d-deċiżjonijiet u jekk m'għandniex aħjar ma ngħaġġlux ħalli naraw kif nistgħu naslu biex lill-poplu tagħna ngħidulu: Isma', aħna mhux inħalltu u naqsmu qegħdin imma rridu naħdmu flimkien biex f'dan il-pajijż id-demokrazija nixhdu għaliha fil-veru sens tal-kelma. Pero' dan xi prinċipju hu li qiegħda tersaq bih illum in-naħa tal-Gvern li tiġi hawn u tneħħilna dritt tagħna bħala Oppożizzjoni, għax jew għandna każ ta' partitokrazija jew m'għandniex!
Il-Prim Ministru jkompli jgħid hekk:

"Imma f'oqsma oħra, speċifikament f'oqsma ta' implimentazzjoni ta' politika, bħall-oqsma li jirrigwardaw l-aġenziji li għandna taħt din il-liġi li qed nabbrogaw illum, m'għandux ikun hemm din it-tip ta' parteċipazzjoni. Hemmhekk għandu jinżamm is-sens ta' qasma bejn ir-rwol tal-gvern u r-rwol ta' l-oppożizzjoni.".


Madam Speaker, meta wieħed jipprova jifhem x'inhi l-motivazzjoni tal-Gvern li qed jieħu dan il-pass bilfors li jiġi f'diffikulta' dwar x'inhi l-motivazzjoni vera. Huwa veru li dawn id-dibattiti jistgħu jkunu ta' dwejjaq kemm għalina li nkunu hawn ġew kif ukoll għal min ikun barra qed jismagħna, pero' kulħadd irid jifhem li ċerti deċiżjonijiet li nieħdu hawnhekk u li naħsbu li m'humiex ta' importanza fil-fatt ikunu ta' importanza kbira u ma naħsbux li għax se ngħadduhom daqshekk malajr il-poplu tagħna mhux se jagħti kashom. GĦalhekk nixtieq nipproponi lill-Gvern biex jaħsibha sewwa qabel ma jieħu dawn id-deċiżjonijiet u fuq kollox l-Oppożizzjoni għandha tifhem li d-dritt li se jitteħdilha jista' jdgħajjifha fl-operat tagħha.
Madam Speaker, qabel ma nagħlaq id-diskors tiegħi nixtieq nagħti eżempju ieħor ta' inkonsistenza billi nerġa' nieħu silta minn dak li kien qal l-Onor. George Vella meta kien qed jopponi, fi stadju tat-Tieni Qari, l-Att dwar Nomini mill-Oppożizzjoni, u kien qalilna hekk:
"Aħna għidna drabi oħra li rappreżentanti tal-kunsilli lokali għandhom ikunu, per eżempju, f'kumitati u f'bordijiet bħall-Awtorita' ta' l-Ippjanar. Għaliex le?".
Dan id-diskors qalu l-Onor. Goerge Vella fis-Seduta Nru. 499 li saret fis-16 ta' Jannar, 1996 u llum il-ġurnata l-Onor. Membru għandu l-grazzja li qiegħed fil-gvern imexxi dibattitu ieħor dwar l-Awtorita' ta' l-Ippanar u qiegħed iressqilna emendi bl-għan li jagħmel l-operat tagħha - skond il-Gvern - iktar effiċjenti u trasparenti. Minkejja li meta kienu fl-oppożizzjoni kienu qalulna li m'għandhomx għaliex isibu problemi kif il-kunsilli lokali, fost l-oħrajn, ikunu rappreżentati fuq il-bordijiet, fl-emendi li qed iressaq il-Gvern fil-każ ta' l-Awtorita' ta' l-Ippjanar imkien ma jissemmew il-kunsilli lokali. Tissemma' l-Kamra tal-Periti, jissemmew il-korpi kostitwiti, il-ħin kollu jissemma' l-ministru u jissemma' l-gvern pero' l-kunsilli lokali ma jissemmew imkien. Din hija prova oħra ta' l-inkonsistenza fl-argumenti li ġabu tan-naħa l-oħra. Dawn meta kienu fl-oppożizzjoni qalu li jridu rappreżentanza tal-kunsilli lokali fl-Awtorita' ta' l-Ippjanar u issa meta għandhom iċ-ċans jagħmlu din l-emenda lanqas biss semmewhom! Issa verament se nispiċċaw mingħajr l-ebda prinċipju li jiggwida d-diskussjoni, l-operat u l-ħidma tal-gvern. U hawn nistaqsi lill-Onor. George Vella jekk għadux jemmen li l-kunsilli lokali għandhom ikunu rappreżentati fl-Awtorita' ta' l-Ippjanar jew almenu jagħtina xiehda li dak li qal meta kien fl-oppożizzjoni għadu jiswa' sal-lum.
Madam Speaker, l-abbozz ta' liġi li għandna quddiemna qed ineħħi d-dritt li l-Kap ta' l-Oppożizzjoni jkollu rappreżentant tiegħu f'bordijiet u awtoritajiet ta' entitajiet li qegħdin jagħtu sehem kbir fl-iżvilupp tal-ħajja tagħna. Għal darb'oħra jien ma naqbel xejn mad-deċiżjoni li qed jieħu l-Gvern għax din jista' jkollha effetti negattivi fuq il-livell ta' l-għajxien tal-poplu tagħna. Jien nawgura li din il-liġi tkun ta' sodisfazzjon mhux biss għall-Gvern imma għall-poplu kollu, pero' b'tali mod li tkun emendata biex iż-żewġ naħat ta' din il-Kamra jagħtu sehemhom u juru li jemmnu verament fid-demokrazijia li biha jridu jaħdmu biex il-poplu tagħna jikseb titjib fil-kwalita' ta' l-għajxien tiegħu. Grazzi, Madam Speaker.
Yüklə 0,52 Mb.

Dostları ilə paylaş:
1   2   3   4   5   6   7




Verilənlər bazası müəlliflik hüququ ilə müdafiə olunur ©muhaz.org 2024
rəhbərliyinə müraciət

gir | qeydiyyatdan keç
    Ana səhifə


yükləyin