Dibattiti tal-kamra tad-deputati



Yüklə 453,03 Kb.
səhifə3/7
tarix30.01.2018
ölçüsü453,03 Kb.
#41474
1   2   3   4   5   6   7

TQEGĦID TA’ KARTI



MR SPEAKER: L-Onor. Chris Said.
ONOR. CHRIS SAID (Segretarju Parlamentari): Sur President, f’isem il-Prim Ministru nqiegħed qiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra:-
Avviż Legali Nru. 346 tal-2010 – Regularisation of non-CE Marked Lifts Regulations, 2010;
Avviż Legali Nru. 347 tal-2010 – Construction Products (Amendment) Regulations, 2010;
Avviż Legali Nru. 348 tal-2010 – Regolamenti ta’ l-2010 li jemendaw ir-Regolamenti dwar il-Limitazzjoni ta’ Emissjonijiet ta’ Komposti Organiċi Volatili (Żebgħa, Verniċi u Prodotti ta’ Rifinitura tal-Vetturi);
Avviż Legali Nru. 349 tal-2010 – Regolamenti ta’ l-2010 dwar il-Limitazzjoni ta’ Emissjonijiet ta’ Komposti Organiċi li Jiżvinta;
f’isem il-Ministru għall-Infrastruttura, Trasport u Komunikazzjoni nqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra:-
Tagħrif dwar ingaġġ ta’ impjegati mal-Malta Information Technology Agency (MITA) fl-2009 u 2010 permezz ta’ sejħiet minn barra u minn ġewwa kif ukoll b’mod dirett, bi tweġiba għall-mistoqsijiet parlamentari 19101;
f’isem il-Ministru għar-Riżorsi u Affarijiet Rurali nqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra:-
Dokument intitolat LPG/Propane Price Review – Summary of the Review Precess and Main Conclusions – maħruġ mill-Awtorità ta’ Malta għar-Riżorsi f’Ġunju 2010, bi tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 19155;
f’isem il-Ministru tal-Edukazzjoni, Xogħol u l-Familja nqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra:-
Tabella li turi l-korsijiet ġodda li se jiġu introdotti fl-MCAST fis-sena akkademika 2010/2011, bi tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 19255;
f’isem il-Ministru tal-Ġustizzja u l-Intern inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra:-
Avviż Legali Nru. 345 tal-2010 – Avviż ta’ bidu fis-seħħ tad-dispożizzjonijiet ta’ ċerti artikoli tal-Att tal-2010 li jemenda Diversi Liġijiet li jirrigwardaw Materji Kriminali;
f’isem il-Ministru tas-Saħħa, l-Anzjani u Kura fil-Komunità inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra:-
Tagħrif dwar pilloli out of stock bejn Jannar u Marzu 2010 fl-Isptar Mater Dei, bi tweġiba għall-mistoqsijiet parlamentari 17996; u
Tagħrif dwar konsulenti u kumpaniji ta’ konsulenza li taw is-servizzi tagħhom lid-dekasteru li għalih hu responsabbli l-Ministru tas-Saħħa, l-Anzjani u Kura fil-Komunità matul l-2009, bi tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 18971.
MR SPEAKER: Grazzi. Stqarrijiet Ministerjali? Mozzjonijiet? Ordnijiet tal-Ġurnata.

ORDNIJIET TAL-ĠURNATA

ABBOZZ TA’ LIĠI DWAR PARTEĊIPAZZJONI U GARANZIJI TAĦT IL-FAĊILITÀ

GĦALL-ISTABBILTÀ FINANZJARJA EWROPEA

PARTICIPATION AND GUARANTEES UNDER THE EUROPEAN FINANCIAL STABILITY FACILITY BILL



MR SPEAKER: Il-Ministru Tonio Fenech.
ONOR. TONIO FENECH (Ministru tal-Finanzi, l-Ekonomija u Investiment): Sur President, għandi messaġġ tal-President.
MR SPEAKER: Se naqra dan il-messaġġ:

George Abela

President
Il-President wara li kien informat dwar is-suġġett tal-Abbozz ta’ Liġi “biex jawtorizza u jirregola l-parteċipazzjoni fi ħdan il-Faċilità għall-Istabbiltà Finanzjarja Ewropea u biex joħroġ garanziji għall-ħlas ta’ strumenti finanzjarji jew ftehim maħruġ minn jew li daħlet fih il-Faċilità għall-Istabbiltà Finanzjarja Ewropea”, jirrakommandah għall-konsiderazzjoni tal-Kamra tad-Deputati.
9 ta' Lulju 2010
Nerġa’ nsejjaħ lill-Ministru Tonio Fenech.
ONOR. TONIO FENECH: Sur President, nipproponi t-Tieni Qari tal-Abbozz ta’ Liġi msejjaħ “Att biex jawtorizza u jirregola l-parteċipazzjoni fi ħdan il-Faċilità għall-Istabbiltà Finanzjarja Ewropea u biex joħroġ garanziji għall-ħlas ta’ strumenti finanzjarji jew ftehim maħruġ minn jew li daħlet fih il-Faċilità għall-Istabbiltà Finanzjarja Ewropea”.
MR SPEAKER: Min jissekonda?


    ONOR DAVID AGIUS: Nissekonda.


MR SPEAKER: Rimarki? Il-Ministru Tonio Fenech.

ONOR. TONIO FENECH: Sur President, id-dibattitu tal-lum jorbot daqsxejn ma’ dibattitu li diġà kellna preċedentement f’din il-Kamra meta ressaqna abbozz ta’ liġi li fih tlabna lil din il-Kamra l-permess li l-Istat Malti, flimkien ma’ 14-il pajjiż ieħor fiż-żona ewro, nagħtu self lill-Istat tal-Greċja. Kif nafu dan il-pajjiż daħal fi kriżi finanzjarja kbira, tant li wasslitu sabiex ma jkunx jista’ jissellef aktar minn fuq is-swieq internazzjonali. U għalhekk kien hemm il-ħtieġa - anke biex nipproteġu l-munita ewro u l-ekonomija Ewropea – li nagħmlu dan il-pass importanti u nsellfu lill-Istat tal-Greċja. Kif nafu dan il-pajjiż qiegħed f’sitwazzjoni diffiċli ħafna u wasal biex kellu jieħu miżuri ta’ awsterità sinifikanti, inkluż miżuri ta’ tnaqqis ta’ benefiċċji, fosthom fil-pensjonijiet u fis-salarji. Għamel ukoll riformi u numru ta’ inizjattivi oħra bħal żidiet fit-taxxi biex jindirizzaw mhux biss l-iżbilanċ kbir li kellhom imma anke d-dejn li akkumula f’dan il-pajjiż. Tant hu hekk li s-swieq ipperċepew li dan il-pajjiż ma jistax jasal li jħallas id-dejn li kellu.
Il-pajjiżi membri fiż-żona ewro, minħabba li kien hemm numru ta’ pajjiżi oħra li kienu viċin li jiġrilhom dak li ġara lill-Greċja, ħassew il-ħtieġa li jiġi stabbilit mekkaniżmu li jassigura li jekk tinqala’ sitwazzjoni simili, l-Unjoni Ewropea, b’mod partikolari l-pajjiżi fiż-żona ewro, ikollhom il-faċilità li biha jkunu jistgħu jirrispondu ħafna aktar malajr għax l-esperjenza wriet li parti mill-problema fil-Greċja kien li filwaqt li kien evidenti li l-Greċja kellha bżonn l-għajnuna tal-istati membri sħabha, dawn ma setgħux jgħinuha għax ma kellhomx qafas legali li jiskatta l-mekkaniżmu li jista’ jirrispondi kmieni biżżejjed sabiex jikkalma s-swieq. U allura forsi dan wassal għal diffikultajiet akbar għal dan il-pajjiż, b’impatt fuq il-munita ewro nnifisiha u fuq l-ekonomika Ewropea in ġenerali.
Sur President, dawn l-aħħar sentejn, mingħajr dubju ta’ xejn, fuq livell ekonomiku dinji kienu sentejn li żgur qatt ma rajna bħalhom. Fil-fatt lanqas id-dipressjoni li kienet għaddiet minnha d-dinja fil-bidu tas-seklu l-ieħor ma tista’ titqabbel ma’ din il-kriżi li bdiet minn kriżi finanzjarja f’bank u li wasslet għal kriżi finanzjarja dinjija. Din imbagħad wasslet sabiex il-gvernijiet kellhom jintervjenu b’mod dirett fl-istituzzjonijiet finanzjarji għax bil-kriżi ekonomika waqgħet id-domanda dinjija. Rajna diffikultajiet kbar b’mod partikolari fis-setturi tal-manifattura u rajna l-qgħad jiżdied fid-dinja kollha.  Ma ninsewx li fl-Ewropa biss il-qgħad minn 16-il miljun tela’ għal 23 miljun, u żgur li din hija sitwazzjoni allarmanti. Din ma illimitatx ruħha għall-kriżi finanzjarja u ekonomika imma wasslet ukoll għall-kriżi ta’ stat. Kien hemm stati oħra fejn kellu jintervjeni l-gvern stess.  Qabel il-Greċja kien hemm pajjiżi oħra fl-Ewropa li ma kenux fiż-żona ewro li kellhom bżonn tal-intervent internazzjonali mill-fond monitarju internazzjonali u minn pajjiżi oħra. Imma dan il-pajjiż, li huwa fiż-żona ewro wasal f’sitwazzjoni kemmxejn inkwetanti minħabba l-akkumulu ta’ dejn li kellu.
Irrid ngħid li ħafna drabi nifhem is-sensazzjoni pubblika. Fil-fatt fl-Ewropa kollha kien hemm dibattitu jaħraq mhux biss dwar il-Greċja imma anke fuq il-proposta Ewropea li jitwaqqaf dan il-European financial stability facility, dwar kemm għandhom pajjiżi oħra jintervjenu f’sitwazzjonijiet simili meta ma kenux huma li jaħtu għal din is-sitwazzjoni. Ngħiduha kif infi, li kieku pajjiż bħall-Greċja u pajjiżi oħra żammew mar-regoli ta’ stabbilità li ġew iddisinjati mit-Trattat ta’ Maastricht, u sussegwentement mir-reviżjonijiet li saru fil-patt ta’ stabbilità, kieku llum m’aħniex qegħdin nitkellmu fuq il-ħtieġa ta’ faċilità biex tintervjeni f’każijiet simili.
Fil-fatt meta ġiet iddisinjata l-munita ewro u magħha ġie ddisinjat l-istability and growth pact li huwa l-bażi li jagħti s-saħħa lil din il-munita, ħadd ma kien ipperċepixxa sitwazzjoni fejn dawn ir-regoli ma jiġux osservati b’tali mod u manjiera li jwasslu għal din id-diffikultà. U allura l-Unjoni Ewropea u l-pajjiżi li qegħdin fiż-żona ewro kellhom mhux biss jikkunsidraw dak li ġara, imma kellhom jirrispondu wkoll għal din is-sitwazzjoni biex ikomplu jżommu l-istabbilità ta’ din il-munita.
Irrid ngħid li din mhijiex biss diskussjoni li bħalissa qiegħda temerġi fuq livell Ewropew imma anke bit-twaqqif tat-taskforce mill-Kunsill tal-Ministri ppreseduta mill-President tal-Kummissjoni Ewropea u li fiha hemm il-ministri kollha tal-finanzi tal-Unjoni Ewropea, li qiegħda tħares lejn it-tisħiħ ta’ dan il-patt mill-aspetti dixxiplinarji tiegħu u allura, kif nassiguraw li ma terġax tiġri s-sitwazzjoni li seħħet fil-Greċja. Fil-fatt, il-Greċja, sena wara l-oħra ħadet il-vantaġġ għax kienet fiż-żona ewro biex tgawdi minn rati ta’ interessi baxxi u minflok ma indirizzat id-dejn li kelllha, li issa kulħadd qed jammetti li jrid jingħata ħafna iktar importanza, u din se tbiddel kemm xejn il-mod ta’ kif inħarsu lejn id-dejn tal-pajjiżi differenti, baqgħet tissellef b’mod irħis mingħajr ma indirizzat l-issues strutturali fl-ekonomija tagħha ħalli tagħmilha aktar kompetittiva u tnaqqas l-iżbilanċ kif ukoll id-dejn tagħha. 
Bħalissa fl-Unjoni Ewropea għaddejja diskussjoni estensiva dwar il-ħtieġa li l-pajjiżi jagħtu aktar responsabilità lejn il-konsolidament fiskali u lejn it-tnaqqis tad-dejn f’kull pajjiż ħalli b’hekk nerġgħu nagħtu s-saħħa lill-munita ewro, u aktar importanti minn hekk, nassiguraw l-istabbilità ekonomika Ewropea. Issa hawnhekk wieħed għandu jistaqsi: Imma aħna x’għandna x’naqsmu f’dan kollu? Il-fatt hu li din l-istabbilità hija meħtieġa sabiex aħna jkollna stabbilità u prosperità fl-ekonomija Maltija wkoll. Din hija xi ħaġa importanti għal pajjiż b’ekonomija miftuħa bħal tagħna, li huwa dipendenti ħafna fuq l-investiment barrani li jidħol fil-pajjiż u allura jkollna ekonomija li tista’ tibqa’ miexja ‘l quddiem u mhux ekonomija mdawra b’inċertezzi minħabba d-diffikultajiet li daħlu fihom numru ta’ pajjiżi oħra.
Sur President, inħasset il-ħtieġa li jsir dan il-mekkaniżmu sabiex jipprevjeni milli jinqalgħu sitwazzjonijiet bħal dawn, imma nerġa’ ngħid li l-Unjoni Ewropea mhijiex tħares biss lejn mekkaniżmu temporanju, għal meta tinqala’ xi kriżi. Fid-diskussjonijiet qed jingħad x’għandu jkun il-mekkaniżmu aktar permanenti. Qed ninnotaw ukoll diversi pajjiżi, mhux biss li qegħdin fiż-żona ewro imma anke dawk li qegħdin fl-Ewropa, li bħalissa qed jagħmlu programmi sinifikati ta’ awsterità li fl-aħħar mill-aħħar iridu jwasslu biex inaqqsu d-djun ta’ pajjiż. L-aħħar programm ta’ awsterità ġie mħabbar proprju mill-ministru ġdid tal-finanzi, iċ-Chancellor Ingliż Osborn, ftit ġimgħat ilu bil-budget ta’ emerġenza li ħabbar biex jindirizza d-dejn sostanzjali li kiber fl-Ingilterra. Dan id-dejn jista’ jqiegħed lill-Ingilterra wkoll f’diffikultajiet għax mhijiex l-ewro li qed idaħħal lill-pajjiżi f’diffikultà. Id-diffikultajiet li daħlu fihom il-pajjiżi kien minħabba li ħallew id-dejn tagħhom jikber u jisplodi irrispettivament minn jekk għandhomx jew le l-munita ewro.
Filwaqt li pajjiż li mhuwiex fiż-żona tal-ewro jbati l-konsegwenzi waħdu, għalkemm xorta waħda jħalli impatt fuq l-ekonomija in ġenerali tal-pajjiżi li jiddependu mill-ekonomija tiegħu, fiż-żona tal-ewro, impatt ta’ pajjiż wieħed se jimpatta fuq dawk kollha li għandhom l-istess munita. U kien għalhekk li nħasset il-ħtieġa li nirrispondu għal dan. Is-sitwazzjoni fiż-żona ewro u fl-Unjoni Ewropea fl-2007, kif kienet rapportata mill-Istati Membri fl-ewwel notifika tal-2010, uriet li kien hemm numru ta’ diffikultajiet li ċerti pajjiżi kienu qed jidħlu fihom b’mod ġenerali. Minħabba l-interventi li kellhom jieħdu numru ta’ pajjiżi fil-banek u fl-ekonomija tagħhom, żdiedet il-medja tad-defiċit u tad-dejn kemm fiż-żona ewro kif ukoll fiż-żona Ewropea. Fil-fatt għaddejna minn perjodu fejn l-ekonomiji Ewropej ċkienu minħabba l-kriżi li għaddiet minnha l-Ewropa u d-dinja kollha. Fiż-żona ewro l-medja tad-defiċit kienet żdiedet minn 2% fl-2008 għal 6.3% fl-2009, filwaqt li l-medja tal-Ewropa kollha d-deficits żdiedu minn 2.3% għal 6.8%. Hawnhekk tajjeb li nissolleva l-punt li kienu biss Malta u l-Estonja li fl-2009, mhux biss ma żiedux id-defiċit tagħhom imma saħansitra naqqsuh. Fil-każ ta’ Malta d-defiċit niżel minn 4.5% fl-2008 għal 3.9% fl-2009.
Rigward id-dejn fl-Ewropa kollha, il-medja tad-dejn tal-gvernijiet żdiedet minn 69.4% fl-aħħar tal-2008 għal 78.7% fl-aħħar tal-2009, filwaqt li fiż-żona ewro d-dejn żdied minn 61% għal 74% ta’ dak li tipproduċi l-ekonomija taż-żona ewro. Kif nistgħu naraw din hija qabża sostanzjali fl-impatt fuq il-pajjiżi, u din tagħtina tagħlima. Waqt il-krizi kien hemm diversi nies li kienu qed jgħidu li l-gvernijiet ma kenux qegħdin jagħmlu biżżejjed. Anke f’pajjiżna kellna lil min qal li l-gvern irid jippompja aktar fl-ekonomija. U hawn m’iniex qed nitkellem fuq element politku. Kien hemm anke kummentaturi oħrajn li qalu li l-gvern imissu jippompja aktar fl-ekonomija, li rridu nqajmu d-domanda u li rridu nħallu aktar flus f’idejn in-nies.
Kien hemm pajjiżi li għażlu dik it-triq u llum qed narawhom f’diffikultajiet kbar għax fl-aħħar mill-aħħar il-gvern huwa l-pajjiż u l-ebda gvern mhu xi bir bla qiegħ.  Irridu napprezzaw li fl-aħħar mill-aħħar is-sostenibilità finanzjarja ta’ pajjiż hija responsabiltà ta’ pajjiż sħiħ u mhux ta’ gvern. Hemm pajjiżi li din mhux biss jirrikonoxxuha imma jilleġislaw għaliha. Per eżempju, il-Ġermanja għandhom strument leġislattiv kostituzzjonali li ma jippermettix gvern li jaqbeż ċertu limitu ta’ dejn. B’hekk allura jobbliga lil dak il-gvern sabiex jieħu miżuri irrespettivament minn jekk jixtieqx jagħmilhom jew le għax ir-realtà turi li jekk ma jkunx hemm dixxiplina finanzjarja tispiċċa bi problemi ekonomiċi kbar. U dan jgħodd kemm jekk huwa pajjiż fiż-żona ewro u kemm jekk mhuwiex. Għaldaqstant din it-tagħlima evidenzjat ruħha ħafna iktar f’dawk il-pajjiżi li sfortunatament baqgħu, minkejja li daħlu fiż-żona ewro u gawdew mill-benefiċċju tal-munita, ma indirizzawx l-issues ekonomiċi fundamentali f’pajjiżhom biex tassew inaqqsu d-dejn tagħhom billi jagħmlu r-riformi strutturali li kienu meħtieġa.  
Sur President, rajna diffikultajiet f’numru ta’ pajjiżi u l-ewwel pajjiż li sab ruħu f’din is-sitwazzjoni prekarja kien il-Greċja. Tant hu hekk li l-gvernijiet fiż-żona ewro sussegwentement kellhom jagħmlu laqgħat urġenti bħala ministri tal-finanzi u anke bħala kapijiet tal-Istati Membri biex flimkien - aħna nklużi magħhom - naraw kif bil-fond monitarju internazzjonali jikkalmaw is-sitwazzjoni tal-Greċja. Jekk dan ma jseħħx ir-riskji kienu li jkun hemm ripple effect ħafna ikbar għax kienu jidħlu into question pajjiżi oħra. Is-swieq kienu jipperċepixxu li jekk il-Greċja falliet għax ma kenitx kapaċi tilqa’ għall-kriżi finanzjarja li daħlet fiha, pajjiżi oħra li għandhom struttura ta’ dejn u deficit bħal dik tal-Greċja kien se jiġrilhom l-istess, u nidħlu fi kriżi li fl-opinjoni tiegħi kienet tkun ħafna akbar. Aħna tgħallimna li m’għandniex inħallu dawn il-problemi jseħħu.
Jiena niftakar fid-diskussjonijiet kemm xejn filosofiċi li kien ikollna fil-laqgħat tal-Kunsill tal-Ministri tal-Finanzi fl-Ecofin qabel ma bdiet il-kriżi. Hemmhekk kien hemm diġà diskussjoni għaddejja fuq kif għandna nsostnu l-istabbilità fil-banek, kif ikollna superviżjoni aħjar tal-banek u l-miżuri li jridu jittieħdu. Fid-dibattitu li kien isir kien jingħad li fuq livell ta’ prinċipju l-gvernijiet qatt m’għandhom jintervjenu fil-banek minħabba dik li jgħidulha the moral hazard. Jiġifieri r-riskju morali li jekk il-banek inserrħulhom moħħhom li jekk jiġri xi ħaġa se jidħlu l-gvernijiet għalihom, għax allura dawn kienu jabbużaw aktar. Teoretikament konna nargumentaw - u kulħadd kien jaqbel - fuq dan il-prinċipju importanti li fl-aħħar mill-aħħar il-konsegwenzi jridu jbatuhom ix-shareholders ta’ dak il-bank partikolari.
Din it-teorija żammet sakemm waqa’ l-bank tal-Lehman Brothers u d-dinja kollha rrealizzat - mhux biss l-Istati Uniti li kienet ħadet dik id-deċiżjoni li ma tintervjenix fil-każ tal-waqa’ tal-Lehman Brothers - li llum, tant l-ekonomija finanzjarja u l-ekonomija tal-istati huma marbutin flimkien li meta tħalli istituzzjoni finanzjarja bħal dik, il-konsegwenzi se jkunu ħafna ikbar. B’hekk għaddejna minn kriżi ta’ sentejn u għadna ma ħriġniex minnha, tant li issa l-kriżi għaddiet mill-Greċja u pajjiżi oħra. Allura issa qed nargumentaw li ma nistgħux ma nintervjenux biex ngħinu pajjiż bħall-Greċja, kif għamilna f’dan il-Parlament, għax il-konsegwenzi jispiċċaw ikunu ħafna ikbar. Jekk ma nagħmlux dan, mhux 23 miljun fl-Ewropa u l-miljuni l-oħra fid-dinja jkollna qiegħda, imma jkollna konsegwenzi ħafna ikbar.
Għaldaqstant bilfors kellna nintervjenu anke jekk nagħti raġun lil min jgħid li aħna m’għandniex tort ta’ dak li ġara u li aħna pajjiż li ħadem, li għamilna s-sagrifiċċji u kellna nerfgħu aktar fuq spallejna biex innaqqsu d-defiċit ta’ dan il-pajjiż u b’hekk id-dejn tagħna ma jkunx fil-livelli ta’ 130% u 140% li għandhom pajjiżi oħra, imma jkun f’livell aktar kontrollabbli għalkemm huwa ogħla mill-kriterji ta’ Maastricht, li huma ta’ 69%. Imma li kieku ma intervjenejniex fil-każ tal-Greċja, il-konsegwenzi llum kienu jkunu kemm xejn differenti minn dak li għaddiet minnu d-dinja.  U għalkemm indirizzajna l-Greċja, kif nafu ntefgħet ukoll l-attenzjoni fuq pajjiżi oħra, fosthom il-Portugall, Spanja u l-Irlanda. Beda jingħad li hemm dawn il-pajjiżi f’diffikultà, u allura min se jagħti s-serħan il-moħħ li dak li s-swieq sellfu lil dawn il-pajjiżi, dawn fl-aħħar mill-aħħar se jkunu jifilħu jħallsuh lura?
Meta tibda ssir dik it-tip ta’ mistoqsija l-konsegwenzi jkunu tnejn. Jibdew jonqsu l-operaturi finanzjarji li jridu jsellfu lil dawk il-pajjiżi bil-konsegwenza li r-rati ta’ interessi ta’ dawk il-pajjiżi jibdew jogħlew biex ikunu jistgħu jissellfu u allura s-sitwazzjoni prekarja li jkunu diġà fiha, ta’ defiċit u dejn, aktar tiżdied peress li jibdew jissellfu b’rati ħafna iktar għoljin. Dan imbagħad ikun ifisser li jżidu n-nefqa rikorrenti tagħhom u jżidu d-defiċit u b’hekk jaċċelleraw it-tkabbir tad-dejn. Issa x’kienet ir-risposta Ewropea? Ir-risposta mhijiex dik li nħallsu d-dejn ta’ dawn il-pajjiżi u lanqas mhi li niggarantixxu d-dejn għal dawn il-pajjiżi.  Filwaqt li hemm element ta’ garanzija li qed tingħata permezz ta’ dan l-istrument taż-żona ewro li aħna qegħdin nipproponu lil din il-Kamra, però biex dan l-istrument jitħaddem, kif kien ukoll l-obbligu tal-Greċja meta aċċettajna li nsellfuha, hemm il-prinċipju importanti li dak il-pajjiż has to get its house in order. Jiġifieri kellhom jittieħdu dawk il-miżuri f’daqqa li pajjiżi tant kienu ilhom jipposponu biex b’mod radikali jkunu jistgħu jnaqqsu d-defiċit u d-dejn tagħhom biex jidħlu kemm jista’ jkun malajr fiż-żona ta’ stabbilità u allura ma jkollniex għalfejn nibqgħu niggarantixxu d-dejn ta’ dawk il-pajjiżi.
Fil-fatt tajjeb nenfasizza li l-mekkaniżmu li qed jiġi propost lil din il-Kamra mhuwiex mekkaniżmu permanenti, imma huwa għal tliet snin. Mela l-garanziji li qed jingħataw huma għal tliet snin biex b’hekk nagħtu lura din l-istabbilità. Dan għaliex kif spjegajt aktar kmieni, fid-diskussjonijiet li qed isiru mit-task force issa qed inħarsu aktar ‘il bogħod biex naraw kif se nerġgħu nagħtu s-saħħa lill-munita ewro. Dan għaliex kien hemm min beda jispekola li l-ewro se jispiċċa, imma dan mhux talli ma spiċċax talli l-bieraħ stess irratifikajna s-sħubija tal-Estonja fiż-żona ewro. U allura mhux biss il-proġett ewro ma spiċċax imma se jibqa’ jkollu l-momentum biex l-ewro tkompli tikber fl-importanza tagħha fl-ekonomija Ewropea billi aktar pajjiżi jdaħħlu din il-munita.
Imma filwaqt li kulħadd jaqbel li l-prinċipji li fuqhom hi mibnija l-munita ewro, jiġifieri l-kriterji ta’ Maastricht, il-kriterji ta’ stabbilità huma kriterji tajbin, dawn ma jistgħux jibqgħu biss kriterji fuq il-karta u kull darba li niġu biex nieħdu miżuri kontra xi pajjiż dejjem insibu xi skuża biex ma napplikawx il-multi kkontemplati fit-trattat. Dawn iridu jkunu aktar inforzati ħafna aktar kmieni biex b’hekk iġiegħlu lill-pajjiżi jieħdu l-miżuri ta’ prevenzjoni li ħafna drabi jkunu ħafna iżgħar milli meta niġu biex imbagħad nindirzzaw problema li tkun tant kibret, bħal fil-każ tal-Greċja. Għax imbagħad li jiġri hu li jkollhom jittieħdu miżuri ħafna aktar drastiċi biex jindirizzaw konkretament il-kriżi li jkunu daħlu fiha.  
Għaldaqstant ġie kkontemplat dan il-mekkaniżmu li se jkun ġestit mill-Kummissjoni Ewropea u li se jkun mibni fuq numru ta’ prinċipji. L-ewwel nett il-mekkaniżmu huwa bbażat fuq l-artiklu 122 tat-trattat li jipprevedi appoġġ finanzjarju għall-Istati Membri li jsibu ruħhom f’diffikultajiet ikkawżati minn ċirkostanzi eċċezzjonali lil hemm mill-kontroll tal-istess Stati Membri. U allura l-istability and growth pact kien diġà jikkontempla li jista’ jkun hemm il-ħtieġa li jingħata appoġġ finanzjarju intern bejn l-Istati Membri f’sitwazzjonijiet eċċezzjonali, li bla dubju ta’ xejn huma s-sitwazzjonijiet li għaddejna minnhom f’dawn is-sentejn.  Il-mekkaniżmu, bi ftehim li sar ukoll mal-IMF, jipperpeċixxi l-ħolqien ta’ stability fund li huwa ta’ madwar €750 biljun. €500 biljun se jkun il-fond li se jikkontribwixxu għalih l-Istati Membri fiż-żona ewro, bl-eċċezzjoni tal-Greċja li bħalissa qiegħda tieħu l-għajnuna, u l-kumplament, €250 biljun se joħroġhom l-IMF, li se joħroġ ewro għal kull żewġ ewro li se joħorġu l-Istati Membri għal dan il-fond.
Inizjalment il-mekkaniżmu ta’ stabbilizzazzjoni nħoloq b’fond ta’ €60 biljun li nkisbu mis-swieq kapitali min-naħa tal-Kummissjoni Ewropea li wżat il-balance of payments tagħha biex tkun tista’ tpoġġi għad-dispożizzjoni l-ewwel €60 biljun biex dan il-fond ikun immedjatament stabbilit. Bħala pajjiżi membri rridu nagħtu garanziji ta’ madwar €440 biljun - issa ngħid ukoll il-garanzija ta’ pajjiżna kemm se tkun – u kif għedt, €250 biljun ġejjin mill-Fond Monetarju Internazzjonali u b’hekk iwassal għall-ħolqien tal-European Financial Stability Facility. Irrid ngħid li l-uniku oġġettiv ta’ din il-faċilitá huwa li sservi ta’ għodda ta’ ġestjoni f’każ ta’ kriżi u li tipprovdi lill-Unjoni Ewropea b’mezz effettiv u aktar rapidu biex tindirizza kriżi ta’ likwiditá ta’ stat, u li allura, b’mod multilaterali, kif qed jiġi miftiehem bejn il-pajjiżi, titħares l-istabbilitá finanzjarja Ewropea.
Issa għalkemm l-intenzjoni hi li jkollna strument rapidu, dan mhuwiex strument awtomatiku. Jiġifieri għalkemm il-pajjiżi membri se joħorġu l-garanziji, dawn il-garanziji mhux se joħorġu immedjatament hekk kif dan il-pajjiż jirratifika din il-leġislazzjoni - għalkemm dak jippermetti li aħna nissieħbu fil-faċilità – imma se joħorġu fil-mument li gvern jagħmel talba u din it-talba tiġi aċċettata mill-istess pajjiżi. Bħalma sar fil-proċess tal-Greċja, issir evalwazzjoni minn kumitat tekniku fformat mill-Kummissjoni, mill-Bank Ċentrali Ewropew (ECB) u mill-Fond Monetarju Internazzjonali. Dawn jagħmlu assessement dwar il-vera ħtieġa ta’ dan il-fond, u mbagħad, jekk jinstab li huwa ġġustifikat li jingħata s-self minn dan il-fond, dak l-assessement jiġi ppreżentat quddiem il-Kunsill tal-Ministri għall-approvazzjoni biex imbagħad jingħata s-self lil tali pajjiż. Irrid ngħid li miegħu jrid jiġi ppreżentat ukoll il-programm ta’ awsterità li dak il-pajjiż irid jagħmel biex iġib is-sitwazzjoni tiegħu għan-normal.  
U bħal fil-każ tal-Greċja s-self isir biss bil-kondizzjoni li dak li ġie miftiehem fil-laqgħa tal-Kunsill tal-Ministri jiġi onorat u ratifikat minn dak il-pajjiż. Jekk ma jonorax, ma jirratifikax u ma jimplimentax dak li jkun ġie miftiehem, il-faċilità li tkun ingħatatlu - ħafna drabi s-self ma jsirx f’daqqa imma fuq perjodu ta’ żmien - terġa’ tinġibed u s-self li jkun għad irid isir ma jitkomplix jingħata u jintalab lura s-self li jkun diġà ngħata. U żgur li din hija sitwazzjoni li tali pajjiż ma jiflaħx jidħol fiha u allura tobbligah li jimplimenta u jieħu l-passi meħtieġa biex iġib is-sitwazzjoni tiegħu għan-normal anke jekk sfortunatament mhux f’sentiment ta’ apprezzament popolari. Jien napprezza d-diffikultajiet li għaddej minnhom il-gvern Grieg u rajna l-protesti li qed isiru hemmhekk. Imma r-realtà hi li ma jistax jiġi mistenni mill-Istati Membri li huma jgħinu pajjiż partikolari biex imbagħad dak il-pajjiż partikolari jibqa’ ma jieħux il-passi biex jerġa’ jġib is-sitwazzjoni tiegħu għan-normal. Fil-fatt jekk ma jieħux il-passi meħtieġa nkunu qegħdin nirriskjaw il-flus li sellifna aħna stess flimkien mal-flus kollha li ġew mislufa lil dak il-pajjiż. Tajjeb napprezzaw li ma jkunux biss gvernijiet li jsellfu imma ħafna drabi jkunu wkoll istituzzjonijiet u investituri privati li jkunu xtraw bonds f’dak il-pajjiż partikolari. U allura nerġa’ nisħaq fuq il-ħtieġa ta’ dan il-mekkaniżmu.
L-istat membru benefiċċjarju huwa obbligat ukoll li jwettaq is-servicing ta’ dak is-self, jiġifieri li jrid jaqbel mal-ftehim tas-self dwar il-mod ta’ kif se jħallas lura. Nixtieq infakkar li dak li tajna lill-Greċja kien self u mhux għotja. Mhuwiex xi ħaġa bħal meta ngħidu alla m’għamlu, mhux se nerġgħu narawh. Le, is-self għandu marbut miegħu ftehim dwar kif għandu jħallas lura.  Kif għedt, l-Istati Membri se noħorġu dawn il-garanziji u ladarba noħorġu dawn il-garanziji, dawn ma jinċidux fuq id-dejn tal-pajjiż imma jinċidu biss fuq id-dejn meta l-fond innifsu jagħmel is-self u fuq dik il-parti ta’ biss dak is-self u mhux fuq il-bilanċ. Min-naħa l-oħra dan it-tip ta’ dejn mhux se jitqies mill-Kummissjoni bħala dejn li għamel il-pajjiż li jrid jindirizza biex jilħaq għal-livelli ta’ taħt is-60% għax ovvjament huwa dejn li qed isir biex jgħin lil ħaddieħor. Imma rrid ngħid ukoll li l-fond innifsu għandu capping, jiġifieri l-garanziji li qed jaċċettaw li jagħtu l-pajjiżi Stati Membri għandu massimu ta’ €440 biljun.
Ladarba ssir it-talba għall-għajnuna, il-European Fund Stability Facility (EFSF) joħorġ il-finanzjament billi joħroġ bonds Ewropej li għandhom il-garanziji tal-Istati Membri. Hawn irrid ngħid li biex nottjenu AAA credit rating li kien desiderabbli minn dawn il-bonds, billi mhux il-pajjiżi kollha li qed jipparteċipaw f’dan il-fond illum huma AAA, il-garanzija li qed tintalab li tingħata meta jsir l-ewwel tranche tal-issues - għax dan mhux se toħroġ għall-€440 biljun imma se toħroġ biss fuq l-ammont ta’ self li hemm bżonn li jingħata lil dak il-pajjiż - se tkun ta’ 120% ta’ dak is-self. Imma jrid jingħad li l-garanzija għandha dejjem massimu ta’ €440 biljun, u allura l-maximum exposure li għandhom il-pajjiżi li se jipparteċipaw f’dan il-fond huwa ta’ €440 biljun. Nerġa’ ngħid li l-bonds li se joħorġu b’medium-term maturities u jkunu eleġibbli bħala collateral għal refinancing operations ta’ dan il-fond. Il-fond innifsu qed jinħoloq fuq livell leġislattiv u fuq livell statutorju bħala a special purpose company irreġistrata ġewwa Lussembrugu, fejn is-shareholders se nkunu l-Istati Membri kollha li se nipparteċipaw f’dan il-fond.
Il-proporzjon tas-shareholding huwa l-istess proporzjon li ntuża għas-shareholding tal-Bank Ċentral Ewropew, fejn allura kull Stat Membru se jkun rappreżentat minn membri tal-Economic and Financial Committee (EFC) li huma l-kapijiet tal-ministeri tal-finanzi rispettivi. Fil-każ tagħna ir-rappreżentant se jkun is-Sur Alfred Camilleri li huwa Segretarju Permantenti fil-Ministeru tal-Finanzi. Dawn ir-rappreżentanti jridu jissorveljaw dan il-fond u jressqu, flimkien mal-Kumissjoni, il-proposti ta’ kif jintuża l-fond lill-Kunsill tal-Ministri. Id-deċiżjoni finali jekk naċċettawx li nsellfu lil pajjiż partikolari jew le, u taħt liema kondizzjonijiet mhux se tiġi deċiża mill-bord ta’ dan il-fond imma l-investment committee se jibqa’ l-Kunsill tal-Ministri li quddiemu jridu jitressqu tali proposti.  Tajjeb ngħid li hemm is-share capital huwa parti mill-€440 biljun. Illum l-entità għandha unissued imma authorised share capital ta’ €30 biljun li se jinqasmu fi 3 biljun share ta’ valur ta’ ċenteżmu ta’ ewro kull wieħed b’kondizzjonijiet għall-ħtiġijiet ta’ finanzjament tal-European Social Fund (ESF), fejn qed ngħidu li sas-6 ta’ Lulju kien deċiż li titnieda l-proċedura għaż-żieda tal-kapital ta’ €17.5 biljun ħalli jintlaħaq dan il-fond. Inizjalment kien inqas, kemm ingħata s-share capital biex il-Lussemburgu jibda din il-faċilità. L-entità diġà ġiet stabbilita u diġà ingaġġat ic-CEO sabiex tkun tista’ tibda l-operazzjoni tagħha.
Issa se ndur malajr malajr fuq x’inhi l-kontribuzzjoni Maltija u kif Malta se tkun qiegħda tipparteċipa f’dan il-fond. Malta se tkun shareholder f’din l-entità li m’għandhiex remit u li topera under profit. Mela din trid tiġġestixxi mill-fond l-ispejjeż li għandha imma ma tistax tagħmel profitt fiha nnifisha.  Is-shareholding ta’ Malta se jkun ta’ inqas minn 0.1% tal-kapital kollu tal-entità, jiġifieri €28 miljun. Wara d-deċiżjoni li ttieħdet - fejn allura żdiedet il-proċedura tal-kapital - fis-6 ta’ Lulju tal-2010, ix-share capital ta’ Malta se jkun ta’ €16,670. Iż-żieda tal-kapital se ssir permezz ta’ klawsola tal-authorised share capital li jippermetti li l-bord tad-diretturi jżid is-share capital tal-kumpanija sa massimu ta’ €30 miljun. Mela l-authorised share capital huwa ta’ €30 miljun imma dak li se jkun issued huwa inqas. Fil-fatt se jkun ta’ €16,670 u allura s-share ta’ Malta mhux se jkun ta’ €28 miljun li se noħorġu għall-kapital inizjalment imma se jkun madwar ta’ €16,670.
Ħalli niċċara ftit. Bħala share capital Malta se toħroġ €16,670 filwaqt li x-share capital tal-kumpanija huwa ta’ €30 miljun u mhux kif għedt l-ewwel ta’ €28 miljun. Dak kien żball u allura x-share capital huwa ta’ €30 miljun. Jekk nieħdu l-authorised share capital kollu jammonta għal €28,000 imma dan mhux se jkun issued kollu u allura l-parti ta’ Malta se tkun ta’ €16,670. Imbagħad kull Stat Membru fiż-żona ewro, ħlief dawk li huma suġġetti għall-programm ta’ għajnuna, se joħorġu garanziji irrevokabbli u bla kondizzjoni biex b’hekk jiggarantixxu l-ħlas tal-ammont fil-ħin u anke tal-imgħaxxijiet li kull bond li se toħroġ l-ESF tkun trid tonora. Nerġa’ ngħid li l-garanzija totali tal-fond ma tistax taqbeż l-€440 biljun. Fil-każ speċifiku ta’ Malta, il-kontribuzzjoni ta’ Malta f’garanzija ma tistax taqbeż it-€398,440,000.
Nagħlaq l-ispjega tiegħi billi għal darb’oħra nenfasizza l-importanza tal-parteċipazzjoni ta’ pajjiżna f’dan il-fond. Nerġa’ ngħid li jien nifhem ir-reazzjoni naturali ta’ dawk li qed jgħidu għalfejn Malta għandha tipparteċipa meta aħna konna attenti biex inħarsu s-sostenibilità finanzjarja tal-pajjiż. Imma minkejja li dan huwa minnu, ir-realtà hi li jeħtieġ li kull pajjiż membru jiggarantixxi l-istabbilità tal-ewro f’dawn iċ-ċirkostanzi għax jekk ma nagħmlux hekk, il-kriżi tista’ tikber b’tali mod u manjiera li taffetwa wkoll l-istabbilità li qed ingawdu bħala pajjiż. Sur President, huwa pożittiv li pajjiżna diġà ħareġ mir-riċessjoni. Fil-fatt anke fl-ewwel kwart ta’ din is-sena rajna tkabbir ekonomiku ta’ 3.4%, rajna wkoll irkupru fis-setturi ekonomiċi kollha ta’ pajjiżna. Jeħtieġ li nżommu dik l-istabbilità u mhux nerġgħu noħolqu l-inċertezza li teżisti f’diversi pajjiżi madwarna. Għalhekk importanti li l-ewro tibqa’ stabbli fl-Unjoni Ewropea u li allura nassiguraw li l-għanijiet li għalihom kienet twaqqfet l-ewro jintlaħħqu u dan il-proġett nibqgħu nsostnuh fl-interess tal-investiment tal-postijiet tax-xogħol u l-prosperità taż-żona Ewropea kollha.
Għalhekk inħeġġeġ lil dan il-parlament sabiex japprova din ir-ratifika għax huwa wkoll fl-interess nazzjonali li nagħmlu dan. Hawnhekk qiegħed jiġi stabbilit mekkaniżmu – nerġa’ ngħid temporanju - fejn kull min jidħol f’diffikultà nkunu nistgħu ngħinuh jindirizza dawk id-diffikultajiet li jkollu. U allura dawk id-diffikultajiet li jkollu tali pajjiż ma jħallux impatt fuq il-pajjiżi ta’ madwaru, fosthom fuq pajjiżna, u jġibna f’pożizzjoni fejn nirriskjaw ukoll il-postijiet tax-xogħol tagħna. Nirringrazzjak.
Yüklə 453,03 Kb.

Dostları ilə paylaş:
1   2   3   4   5   6   7




Verilənlər bazası müəlliflik hüququ ilə müdafiə olunur ©muhaz.org 2024
rəhbərliyinə müraciət

gir | qeydiyyatdan keç
    Ana səhifə


yükləyin