Dibattiti tal-kamra tad-deputati



Yüklə 453,03 Kb.
səhifə4/7
tarix30.01.2018
ölçüsü453,03 Kb.
#41474
1   2   3   4   5   6   7

MR. SPEAKER: Grazzi. Aktar rimarki? L-Onor. Charles Mangion.
ONOR. CHARLES MANGION: Sur President, l-abbozz ta’ liġi li għandna quddiemna qiegħed jawtorizza lill-gvern sabiex jipparteċipa fit-twaqqif tal-European Financial Stability Facility li huwa fond li se jassigura aktar stabbilità fiż-żona ewro. U dan huwa komplimentari għad-deċiżjoni unanima li kien ħa dan il-parlament, b’ċerta responsabilità u kawtela meta konna approvajna s-self lill-Greċja. U dan għamilnieh minkejja l-fatt li t-tax payer dejjem jgħid li aħna aktar għandna bżonn lil min jgħin lilna milli aħna ngħinu lil ħaddieħor.  Il-fatt hu li l-istabbilità tal-munita ewro huwa element primarju kemm għall-ġid ta’ pajjiżna kif ukoll għall-ġid taż-żona ewro. U dak il-pass, minkejja li huwa wieħed diffiċli u jqanqal diversi mistoqsijiet leġittimi anke mit-tax payer dwar għalfejn għandna nġorru parti mill-piż ta’ ħaddieħor, xorta waħda għamilnieh, allavolja dan il-piż kien self inflicted mill-gvernijiet preċedenti Griegi li nefqu u għabbew lill-pajjiż bi djun u pprovaw u rnexxilhom jaħbu dawk id-djun.
Dakinhar f’dan il-parlament konna għidna li din hija r-realtà. Imma mbagħad trid tħares fil-kwadru aktar wiesgħa tal-bżonn li inti jkollok tirripristina l-istabbilità fiż-żona ewro. U wara l-esperjenza tal-Greċja kien hemm pajjiżi oħra li wkoll bdew jissottolinjaw id-dejn kbir li kellhom. Fost dawn il-pajjiżi nsibu lil Spanja, il-Portugall u l-Italja.  Dan kollu mpatta fuq il-munita ewro li bdiet titlef il-valur tagħha fis-suq. Issa filwaqt li dak in-nuqqas ta’ valur jista’ jkun li jagħti ċertu vantaġġ għal ċerti oqsma ta’ żvilupp ekonomiku, bħalma forsi hemm aktar kompetittività fil-qasam tal-industrija, fil-prezzijiet tas-servizzi u tat-turiżmu, min-naħa l-oħra jagħti lok sabiex ikollok aktar żieda fl-inflazzjoni. Dan fil-fatt naqqas xi ftit mill-valur - li issa qed jerġa’ jiġi ggwadanjat - tal-munita ewro u forsi qed tirrappreżenta l-valur reali tagħha kkomparat mal-Isterlina, il-Yen, id-Dollaru u l-Frank Svizzeru.
Fl-istess waqt juri li dik il-mossa vis-à-vis il-Greċja, li kienet ittieħdet bħala emergency measure, kellha effett pożittiv s’issa.  Ovvjament kollox jiddependi mill-miżuri li effettivament qed jieħu l-gvern Grieg, liema miżuri mhumiex jintlaqgħu tajjeb mill-poplu Grieg. Fil-fatt qed jinħoloq ħafna disgwid intern, bil-unions jiddefendu l-ħaddiema li qed jintlaqtu serjament bħalma qed jintlaqtu ħażin il-pensjonati u dawk is-setturi l-aktar dgħajfa fis-soċjetà. Din hija problema kbira interna għall-gvern Grieg preżenti, imma huwa importanti - kif diġà għedna, anke fis-seduta meta konna qegħdin napprovaw dik il-faċilità - li l-gvern Grieg jikkommetta ruħu sabiex jieħu dawk il-miżuri neċessarji u qabel ma jsir it-tieni tranche ta’ self lill-Greċja, il-gvern Malti, flimkien mal-Kummissjoni Ewropea, jassigura u jara li dawk il-miżuri ikunu verament qegħdin jittieħdu u jkunu qegħdin jagħtu riżultat. U l-gvern għandu l-obbligu li jagħmel dan għax ikkommetta ruħu anke f’dan il-parlament li jagħmel dan. Dan qed ngħidu għax huwa importanti immens li l-munita ewro tibqa’ b’saħħitha fl-ekonomija mondjali, u dan għall-ġid kemm ta’ pajjiżna kif ukoll għall-ġid taż-żona ewro u tal-Unjoni Ewropea.  
It-twaqqif ta’ dan il-fond li qed nilleġislaw dwaru llum jirrifletti r-realtà ta’ meta kien twaqqaf il-patt ta’ stabbilità, li kien jillimita l-ammont ta’ dejn u l-ogħla perċentwali ta’ defiċit li kull pajjiż jista’ jkollu biex ikun parti miż-żona ewro. Dawk il-kriterji tal-patt ta’ stabbilità huma ċertament huma tajbin, għalkemm kien hemm gvernijiet oħra, inkluż il-gvern Nazzjonalista, li kienu mxew bil-politika ta’ money no problem u allura anke d-dejn tagħna żdied. Imma dawk il-kriterji tal-patt tal-istabbilità huma kriterji validissimi u għandna nabbraċjawhom. Imma l-esperjenza li ġiet ipprovokata mill-kollass finanzjarju wriet li minkejja li l-mexxejja kienu ħasbu li dak il-patt ta’ stabbilità ħa jassigura li ma jkollniex dawn il-kriżijiet finanzjarji fost il-pajjiżi li jkunu parteċipanti, għax se jsegwu b’ċerta rettezza l-kriterji stabbiliti li huma wkoll ikunu ffirmaw għalihom, xorta rriżulta li dan ma seħħx.
U allura l-patt ta’ stabbilità anke jekk huwa sas-sena 2013 - jiena naħseb li din se tibqa’ xi ħaġa li tkun ongoing - xorta waħda kellu jiġi evalwat mill-ġdid, u allura għandna t-twaqqif ta’ stituzzjoni ġdida li hija kważi simili għall-IMF.  Fl-abbozz ta’ liġi qed ngħidu li se tkun kumpanija mwaqqfa fil-Lussemburgu u kull gvern se jkollu participating shares fiha. Se jkollna din l-ispecial purpose vehicle li hija l-għodda speċifika li se tkun hi li toħroġ il-bonds u tassigura l-finanzjament meħtieġ lil dawk il-pajjiżi li jkunu f’diffikultà. Nispera li ħadna lezzjoni mill-kollass finanzjarju u kif dan impatta fuq ħafna pajjiżi u kif in-nefqa eċċessiva ta’ ċerti gvernijiet li ma kkontrollawx in-nefqa rikorrenti tagħhom wasslithom għal diffikultajiet finanzjarji kbar, tant li tilfu il-kredibilità u r-ratings fis-swieq finanzjarji.
Issa hawnhekk irrid niftaħ parenteżi żgħira fuq ir-ratings. Għalkemm ħafna drabi niftaħru bl-aġenzija Moody’s u oħrajn li jagħtu r-ratings, ta, min ifakkar ukoll - u kollox għandu jittieħed with a pinch of salt u kollox jiġi evalwat - li l-Moody’s, sitt snin ilu, kienu kklassifikaw lill-Greċja bħala AAA, u dan it-rating żbaljat wassal biex din tkun tista’ tiddejjen aktar u b’aktar irresponsabilità. Jiġifieri filwaqt li r-ratings għad għandhom l-importanza tagħhom, jiena naħseb li fl-aħħar mill-aħħar il-gvern għandu r-responsabilità tal-kustodja tal-interess pubbliku u tat-taxpayers. Dik hi r-responsabilità li kull gvern u kull parlament irid iġorr. U aħna nissolevaw dawn il-punti għax inħossu r-responsabilità tal-interess pubbliku. Imma jibqa’ importanti ħafna li kull istituzzjoni tagħmel ix-xogħol tagħha b’diliġenza.
Sur President, dan qed ngħidu għax filwaqt li spjegajna dwar il-patt ta’ stabbilità, u l-Ministru ta spjega dwar is-sehem ta’ Malta fejn qal li l-massimu tal-garanzija tagħna se jkun ta’ 0.000009% u allura tista’ tidher bħala xi ħaġa verament minima, fir-realtà, f’termini nominali u reali ta’ flus din se tammonta għas-somma ta’ kważi €400 miljun. Ovvjament għal pajjiżna din mhijiex xi somma insinifkanti bħala garanzija. U jekk fl-aħħar mill-aħħar ikun hemm pajjiż li jkollu bżonn jieħu din l-għajnuna, il-parti tal-garanzija tal-gvern Malti trid tinħareġ u tkun qiegħda tagħmel tajjeb ħalli l-bonds li joħorġu fil-pubbliku biex il-fondi jinġabru mill-boroż internazzjonali jkollhom warajhom garanzija ta’ ħlas tal-kapital u anke tal-income u tar-revenue li dawk il-bonds jiġġeneraw għal min jixtrihom.
Naturalment aħna nittamaw li l-ebda pajjiż ma jkollu bżonn jirrikorri għal dan il-fond ta’ stabbilità, imma jekk jiġri dan irridu nżommu dan quddiem għajnejna għax din hija xi ħaġa li tpoġġi wkoll responsabbilità fuq spallejna. Hawnhekk wieħed irid jinnota li għalkemm il-patt ta’ stabbilità kien jidher li huwa wieħed rigoruż, fis-sens li l-pajjiżi kellhom kemm jistgħu jissellfu u kemm jista’ jkun id-defiċit tagħhom - u żgur li dawn kienu kriterji tajbin u li aħna naqblu magħhom - xorta waħda numru kbir ta’ pajjiżi li kienu l-fundaturi meta twaqqfet l-ewro, bħall-Italja, il-Greċja u Spanja, wara għaxar snin kellhom din il-problema. Fil-fatt ħareġ fil-pubbliku bl-aktar mod lampanti l-każ tal-Greċja, fejn iċ-ċifri li kienu jintbagħtu dwar il-qagħda finanzjarja tagħhom kienu ċifri li kien fihom doża qawwija ta’ creative accounting. Allura kif ħadd ma ġibed l-attenzjoni dwar dawk iċ-ċifri li dan il-pajjiż kien qiegħed jibgħat?  
Sur President, hawn min jgħid li d-data li kienet qed tintbagħat lill-Kummissjoni Ewropea u li jkun qed jevalwa l-Bank Ċentrali Ewropew ma kenitx assessed b’diliġenza adegwata. Din hija sitwazzjoni li trid tiġi konstatata u aċċettata. Dan mhux biex noqogħdu ngħidu mea culpa jew inkella biex indendlu l-ġonġol m’għonq xi ħadd, imma minħabba l-interess li għandna biex inżommu l-ewro bħala munita internazzjonali b’saħħitha u reliable. Issa llum qegħdin jidħlu pajjiżi individwalment li qegħdin iġorru din ir-responsabilità biex jagħmlu tajjeb, ħa ngħidu hekk, għall-irresponsabilità ta’ gvernijiet ta’ pajjiżi oħra. U filwaqt li l-abbozz dwar il-framework agreement li ġie maqbul u ffirmat minn kull pajjiż jistipula li trid tkun l-istituzzjoni flimkien mal-Kummissjoni Ewropea li japprovaw il-ħruġ tal-bonds u jagħmlu evalwazzjoni ta’ xi jkun qed jagħmel il-pajjiż sabiex jindirizza l-problema tiegħu stess meta jirrikorri għall-għajnuna minn dan il-fond, huwa neċessarju - u hawnhekk anke pajjiżna għandu interess għax issa ħa jikkommenti ruħu li jingarantixxi l-bonds li jinħarġu minn żmien għal żmien – li anke aħna bħala pajjiż nassiguraw li d-due diligence fuq il-pajjiż li jirrikorri għal dan il-fond tkun qiegħda f’postha.  

Ċertament li l-miżuri iebsa li jistgħu jiġu imposti fuq il-pajjiż li jkun se jirrikorri għal dawn il-miżuri ma tantx ikunu apprezzati politikament mill-mexxejja kurrenti tal-pajjiż, imma ma jistax ikun li pajjiż, bħal pajjiżna, li se jikkomettu li jagħti l-garanziji ma jkollux il-garanzija li tkun saret id-due diligence. Għax nerġa’ ngħid li dak li ġara fil-każ tal-Greċja meta wara ġie sollevat li ħafna mid-data u l-istatistika tal-qagħda finanzjarja li kienet tinbagħat kienet kollha fittizja u bbażata fuq creative accounting, ħareġ ukoll fil-beraħ li kumpanija barranija li tat il-pariri lill-gvern kif joħloq dawn it-tip ta’ kontijiet kienet irċeviet il-ħlas ta’ madwar €300 miljun għall-pariri tagħha. Ovvjament il-pariri li tat irnexxew u l-gvern Grieg baqa’ għaddej mingħajr ħadd ma jikkontrollah u mingħajr ħadd ma jiġbidlu l-attenzjoni biex imbagħad wasal fis-sitwazzjoni diżastruża li jinsab fiha llum. Għalhekk hija r-responsabilità ta’ pajjiżna, tal-Unjoni Ewropea u aktar u aktar taż-żona ewro li nassiguraw li dawn l-affarijiet ma jiġrux. U biex dan ma jseħħx, id-data li tintbagħat minn kull pajjiż trid tkun verament ivverifikata sew u rrid ngħid li m’għandniex noqogħdu fuq id-dikjarazzjonijiet li jibagħtu l-gvernijiet


Din mhijiex kwestjoni li tnaqqas il-kredibilità ta’ xi gvern partikolari, imma f’ċirkustanzi bħal dawn, fejn qed iġġiegħel pajjiż ieħor jitgħabba bil-piż għall-irresponsabilità jew għan-nuqqas ta’ ħsieb fit-tul jew inkella għall-esiġenzi politiċi ta’ pajjiż ieħor, ċertament li din tirrikjedi li jkun hemm din it-tip ta’ amministrazzjoni fl-istituzzjoni li ħa tieħu ħsieb l-implimentazzjoni u t-tħaddim ta’ dan il-fond b’tali mod u manjiera li tagħti l-assigurazzjoni li ma jkollniex kriżijiet oħra simili. Aħna kull darba nsemmu din il-kriżi finanzjarja li kkawżat dan l-ispill over effect u kriżi ekonomika fejn imbagħad kellek ukoll il-konsegwenza tal-bailouts. Imma dawn ma jaqgħux mis-sema iżda jkunu riżultat ta’ amministrazzjoni żbaljata jew nuqqas ta’ regulation proprja fejn, per eżempju, kellna operaturi f’ċerti setturi jispekulaw bl-addoċċ minħabba l-commissions kbar li jkunu involuti. Kellna każijiet ta’ individwi li jispekulaw fuq il-flus tal-banek u jivvintaw tip ta’ strumenti li kienu jħeġġu lin-nies u anke lill-gvernijiet sabiex jixtru ħalli huma jkollhom commissions kbar. Dan ma jfissirx li l-kumpens għal min ikollu ideat tajbin m’għandux jibqa’ jingħata, imma idea tajba tkun dik li tħalli riżultati pożittivi, konkreti u bbażati fuq is-sod mhux ibbażati fuq xi flus virtwali jew profitti virtwali.  

Allura ċertament id-diskussjoni li għaddejja bħalissa fl-Unjoni Ewropea, fl-Amerka u fid-dinja kollha, anke fil-lvant - forsi b’inqas intensità fiċ-Ċina u f’pajjiżi oħra tal-Far East għax ma kellhomx l-istess sitwazzjoni, għalkemm intlaqtu fi ftit ukoll - hija dwar x’tip ta’ regulation se jkun hemm biex tantiċipa li ma jkunx hemm dan l-abbuż fis-swieq finanzjarji. Kien qiegħed jiġi kkonsidrat, issa tidher li ġiet abbundata imma jista’ jkun temporanjament, il-fatt li jkun hemm levies fuq il-banek ħalli huma stess ikollhom fond ta’ stabbilità li jassigura li meta dawn ifallu ma jispiċċawx jirrikorru, bħalma ġara, fuq it-taxpayer u fuq il-gvernijiet.  Naħseb huwa wkoll element ta’ inġustizzja fih innifsu li fl-aħħar mill-aħħar, għall-iżbalji, għan-nuqqas jew inkella għall-ispekulazzjoni u l-interess egoist ta’ min ħa ċerti deċiżjonijiet, jispiċċa t-taxpayer li jkollu jħallas.  Kien pass diffiċli u kien pass li jrid isir biex is-sitwazzjoni ma tiggravax aktar, imma ċertament minnu nnifsu fih ċerta inġustizzja.


Jien konvint li d-diskussjoni dwar x’tip ta’ regolamentazzjoni se jkun hemm mhux biss fuq il-banek imma anke fuq l-istituzzjonijiet finanzjarji meta minn żmien għal żmien ikunu qed jippreżentaw u jinnegozjaw strumenti ta’ regoli ġodda, se tibqa’ għaddejja. Huwa importanti li jkun hemm qafas globali li jikkontrolla - meta ngħid jikkontrolla ma rridx infisser li jirristrinġi jew li jwaqqaf in-negozju jew li jkun għodda li jitfa’ l-ekonomija jew l-iżvilupp fis-settur finanzjarju lura - u jkollu an overseeing effect ħalli ma jħallix lil min jispekola b’mod eċċessiv u b’riskji li ma jkunux maħsuba sew minn qabel. Jekk wieħed jieħu riskju imma kulħadd ikun mgħarraf b’dak ir-riskju, min se jidħol għal dak ir-riskju, dik hija responsabbiltà tiegħu. Dan huwa element ieħor li wieħed irid iżomm quddiem għajnejh, u tajjeb li d-diskussjoni ma tieqafx hawn imma jkun hemm diskussjoni fuq livell Ewropew u anke fuq livell lokali għax issa aħna wkoll nifformaw parti minnu. Għaldaqstant kull effett se jħalli effett ukoll fuq pajjiżna u allura l-gvern, f’kull diskussjoni li jkun hemm irid ikollu l-pożizzjoni tiegħu ċara u ffokata fuq fejn irid jasal. Ovvjament dan wara li jkun għamel l-istudji tiegħu.
Sur President, l-iskop primarju għat-twaqqif ta’ dan il-fond - li aħna naqblu miegħu u nista’ ngħid li qblilna li jkun vot favur minn din in-naħa - huwa biex inħarsu l-munita ewro. U llum l-investiment, ir-riservi u l-ekonomija ta’ pajjiżna huma marbuta ma’ din il-munita. Għalhekk żgur li huwa fl-interess tagħna li din il-munita tibqa’ b’saħħitha. Issa apparti l-miżuri u l-kawteli li qegħdin jittieħdu għandek element ieħor importanti, kif l-ekonomija Ewropea u l-ekonomija ta’ pajjiżna se tikber, tiżviluppa, toħloq il-ġid, l-opportunitajiet ta’ xogħol u l-valur miżjud. U meta ngħidu toħloq l-ġid, il-ġid irid ikun qed jinħass mill-ħaddiema.  Jekk il-ġid jispiċċa biex imur għand numru żgħir ta’ nies, fl-aħħar mill-aħħar dak ma jkunx tkabbir ekonomiku reali, imma jkun profitt għal settur żgħir u allura l-effett tiegħu, li jibqa’ nieżel aktar ‘l isfel ħalli jitgawda u jilħaq l-akbar numru ta’ persuni, ma jkunx qed jintlaħaq. U l-ġid veru jiġi kkreat meta l-qligħ li jsir mit-tkabbir ekonomiku jkun ifisser qligħ għall-ħaddiema u aktar ħolqien ta’ impjiegi.
Sur President, hawnhekk xtaqt ukoll nagħmel kumment fuq ir-realtà li seħħet matul dawn l-aħħar 10 snin. Wara li nqalgħet il-kriżi kien hemm problemi ekonomiċi, intilfu diversi mpjiegi, b’mod speċjali fis-settur finanzjarju li kien l-aktar settur li nlaqat għax kien hu li pprovoka din il-kriżi. Imma wara li l-affarijiet ikkalmaw xi ftit rajna li minkejja li l-Ewropa għamlet l-għanijiet tagħha permezz tal-famuża Lisbon Agenda, illum qegħdin ngħidu li dawn l-għanijiet ma ntlaħqux mill-maġġoranza tal-pajjiżi. Fil-fatt issa qed noħorġu bil-proposta tal-aġenda 2020 biex nuru fejn, ekonomikament u soċjalment trid tmur l-Ewropa biex ikun hemm dan it-titjib, f’termini sempliċi jkollok ekonomija li tikber b’valur miżjud, tikber fuq kapaċitajiet u ħiliet akbar u tkun ukoll kompetittiva fis-swieq internazzjonali.
Per eżempju, il-Ġermanja li kellha l-kriżi tagħha mill-2008 ‘il quddiem fit-tkabbir ekonomiku tagħha, minkejja li għandha unit labour cost li huwa fost l-aktar għoli, xorta waħda l-esportazzjoni tagħha fil-prodotti primarjament dejjem qiegħda tiżdied u qed tkun il-mutur tat-tkabbir ekonomiku. Il-kontribut għat-tkabbir ekonomiku u l-ħolqien tal-impjiegi tal-Ġermanja qed ikun aktar mill-element tal-konsum intern. U dan minħabba l-fatt li l-Ġermaniżi, minkejja li jkollhom il-qligħ u jkollhom tkabbir ekonomiku, xorta waħda huma nies li jfaddlu.
They are more of a saving nation. Issa kien hawn żmien fejn kellna mbuttatura sabiex inkabbru aktar il-konsum u kien isir ħafna self finanzjarju fuq il-credit cards u self faċli mhux biss fuq il-bżonnijiet - li tissellef biex tixtri r-residenza tiegħek, dak huwa self għaqli - imma self kważi 100% biex tagħmel xi kapriċċi bħal ngħidu aħna tixrti xi dgħajsa jew biex issiefer. Affarijiet bħal dawn filwaqt li fihom il-valur fis-sens li l-konsum huwa parti mit-tkabbir ekonomiku għax joħloq l-impjiegi, imma żgur li rridu nsibu bilanċ bejn l-element tal-konsum u l-element tas-saving ratio li kull individwu u kull familja jagħmlu. Il-kultura li wieħed ifaddal xi ħaġa għal meta jiġi bżonn illum qegħdin nifhmu aktar il-valur tagħha. L-antiki kienu jgħidu erfa’ u sorr għal meta tiġi bżonn. U fl-opinjoni tiegħi din il-kultura għandha tiġi mħeġġa aktar.
Ovvjament kwalunkwe pass se jkollu l-impatt tiegħu, u f’dan il-każ inaqqaslek xi ftit l-element tal-konsum. Din hija kwestjoni ta’ bilanċ. Imma fl-aħħar mill-aħħar kollox se jdur ma’ kemm se jibqa’ b’saħħtu l-purchasing power tal-individwu. Mela l-miżuri li jieħdu l-gvernijiet - insa is-swieq għax il-miżuri jieħu l-gvern jaffettwaw is-swieq - għandhom ukoll impatt fuq il-purchasing power tal-individwu. Waħda mill-affarijiet li ma tistax ma ssemmix hija l-effett li ħallew fuq pajjiżna l-miżuri ebsin li ħa l-gvern fl-2009 fuq it-tariffi tad-dawl u tal-ilma. Dawn kenux biss biex jirrispekkjaw il-fluctuation tal-prezzijiet, għax dik hija xi ħaġa li wieħed jirrikonoxxiha peress li s-swieq internazzjonali huma dawk li huma.
Imma wieħed irid ikun intelliġenti biżżejjed biex jara kif jaħdmu s-swieq internazzjonali ħalli jġib l-aħjar prezzijiet. Waqt id-diskussjoni li kellna l-bieraħ, jiena tlabt spjegazzjoni fuq x’kienet ir-raġuni taż-żieda fil-gass bejn Awwissu tas-sena li għaddiet u Awwissu ta’ din is-sena. Issa nixtieq infakkar li f’Awwissu li għadda, skont il-Ministru Austin Gatt, li kellu r-responsabbiltà tal-Enemalta - illum din ir-responsabbiltà waqgħet f’idejn il-Ministru Tonio Fenech - iċ-ċilindru tal-gass normali kien ġie jiswa kważi €11 minħabba li tneħħew is-sussidji kollha minn fuq dan il-prodott. Fl-ewwel sitt xhur dan is-sussidju kien ilaħħaq is-somma ta’ madwar €1.2 miljun u kienet din ir-raġuni għalfejn kellhom jogħlew iċ-ċilindri tal-gass.  
Mela minn Awwissu tas-sena li għaddiet sa din is-sena suppost li ż-żieda fil-prezzijiet kellha tkun marbuta mal-prezzijiet internazzjonali tax-xiri tal-gass. Fil-fatt hekk stqarret l-MRA fid-dikjarazzjoni tagħha. Imma mbagħad x’ħin tqabbel kemm żdied fl-istess perjodu l-prezz tal-gass fil-kumplament tal-Ewropa - issa jien naħseb li l-Ewropa kollha jixtruh kważi bl-istess prezz għax jixtruh kważi kollha mill-istess sors - insibu li l-aktar li żdied f’dawn il-pajjiżi, fosthom Ċiprju u l-Latvija, kien ta’ 15% filwaqt li f’pajjiżna żdied bi 30%. Mela hawnhekk għandek element ta’ responsabbiltà governattiva. L-istess ġara matul is-sena li għaddiet meta ġew iffissati t-tariffi tad-dawl u l-ilma fejn l-ineffiċjenzi, ir-rate on capital return, il-bżonnijiet tar-ristrutturar fl-Enemalta kollha u l-investiment kollu li jrid isir ġie maħdum b’tali mod u manjiera li kollox intefa’ fuq il-poplu.  Imma minflok indirizzajna n-nuqqasijiet ħalli l-Enemalta ssir aktar effiċjenti spiċċajna bis-saga tal-kuntratt tal-BWSC!
Sur President, dawn il-miżuri żgur li se jimpattaw fuq il-purchasing power tal-familji u se jimpattaw bis-serjetà, aktar u aktar meta tikkonsidra li l-wages tal-ħaddiema, l-aktar ta’ dawk li qegħdin fis-settur privat... Jien inħobb nagħmel distinzjoni bejn is-settur pubbliku u s-settur privat għar-raġuni li fis-settur pubbliku hemm il-collective agreement li jassigura li ż-żidiet u l-ħlasijiet li jkun hemm minn żmien għal żmien, il-gvern ikun marbut li jonorahom. Min-naħa l-oħra, fis-settur privat, fejn in-numru ta’ ħaddiema li huma f’xi union jew oħra huma ftit, id-dħul tagħhom jiddependi fuq l-attività u t-tkabbir ekonomiku. U hemmhekk rajna li ż-żieda f’termini reali, jiġifieri meta mbagħad tikkonsidra l-impatt tal-inflazzjoni, insibu li l-purchasing power tagħhom aktar naqas. Ovvjament dan se jaffettwa fuq iż-żewġ elementi li semmejt u ċioè il-bżonn li wieħed ifaddal u anke fuq li wieħed ittejjeb il-kwalità tal-ħajja tiegħu billi jikkonsma u jgawdi aktar.
Issa jien mhux qed insemmi l-impatt li se jkollna issa biż-żieda fit-tariffi tal-permessi tal-bini mill-awtoritajiet minħabba li bil-monopolju tagħhom iżidulek ir-rati tagħhom bl-addoċċ u mingħajr kontroll. Huwa fatt li l-administrative costs huma fost l-aktar għoljin f’pajjiżna. U l-assjem ta’ dan kollu qed jimpatta fuq il-purchasing power tal-familji konċernati. Imma apparti dan kollu rridu naraw kif l-ekonomija Ewropea u anke l-ekonomija ta’ pajjiżna tista’ tissaħħaħ għax jekk tissaħħaħ l-ekonomija, il-munita ewro tkun aktar solida.  L-enfasi li qed issir - bħalma kienet fil-Lisbon Agenda - kienet fuq it-tagħlim, fuq it-taħriġ u fuq li jkollok il-ħaddiema li jkollhom il-kunċett tal-lifelong learning, fuq l-innovazzjoni, fuq ir-riċerka u fuq l-ideat. U biex ikollok persuni innovattivi, li joħorġu bl-ideat u li jkunu kreattivi, il-bidu tagħhom irid jiġi mis-sistema edukattiva.  Naħseb li dwar dan ilkoll naqblu.
Għalhekk wieħed irid jara x’inhi s-sitwazzjoni fost iż-żgħażagħ ta’ pajjiżna llum. Fil-fatt jien għamilt mistoqsija parlamentari lill-Ministru tal-Edukazzjoni fuq kemm hemm studenti li jkomplu l-istudji tagħhom wara li jkunu spiċċaw mill-iskola sekondarja. Din l-informazzjoni tlabtha għall-perjodu bejn l-2004 u l-2009, li kienet parti minn dawn l-għaxar snin tal-Lisbon Agenda, biex wieħed jara fejn jinstab pajjiżna. Ir-risposta li ngħatajt kienet tgħid li m’għandniex statistika tajba dwar in-numru ta’ studenti li qed ikomplu bl-istudji tagħhom fil-post-secondary. Issa jista’ jkun li dawn ikomplu l-istudji tagħhom fl-MCAST, f’xi technical institute ieħor jew fl-università imma jistgħu jkomplu wkoll l-istudji tagħhom f’setturi oħra vokazzjonali, professjonali jew tekniku.
Mela aħna rridu nippjanaw it-triq tagħna u rridu nressqu l-pjanijiet edukattivi għall-futur imma mbagħad m’għandniex din l-istatistika f’idejna! U din fl-opinjoni tiegħi hija xi ħaġa tal-mistħija. Il-Ministru qaltilna li se jkun hemm studju li se jiġi kondott aktar tard matul din is-sena. Mela allura dan ifisser li fis-snin preċedenti ma kien isir l-ebda studju fuq il-qagħda reali tal-edukazzjoni tagħna?!  Mela jekk wieħed iħares lejn din l-istatistika ta’ studenti bejn is-17 u d-19-il sena jsib li fis-sena 2004 il-participation rate of 17 year olds was 50% in post-secondary filwaqt li fis-sena 2009 din ir-rata niżlet għal 42%.
Min-naħa l-oħra il-participation rate fil-post-secondary vocational kienet 17% fl-2004 u baqgħet l-istess fl-2009. It-total participation fl-2004 kienet ta’ 66% filwaqt li niżlet għal 60% fl-2009. Dawn huma studenti ta’ 17-il sena u huma l-futur tal-pajjiż.  Kulħadd jaqbel li l-uniku riżorsa li għandu l-pajjiż huma l-ħaddiema.  Fil-każ ta’ dawk li għandhom 19-il sena kien hemm element ta’ titjib fuq dawk ta’ 17-il sena.  U dan qed ngħidu biex inkun ġust u nuri l-istampa kollha. Imma li hu inkwetanti hu li ta’ 17-il sena l-ischool leavers minn 34% fl-2004 telgħu għal 40% fl-2009. Hawnhekk qed insemmu school leavers ta’ 17-il sena li mbagħad huwa diffiċli għal dawn iż-żgħażagħ li jerġgħu jingranaw meta jkollhom 19-il sena jew aktar. Jiena ngħid li din l-istatistika hija sinifikanti jekk irridu nibbażaw l-ekonomija tagħna fuq it-taħriġ, fuq il-kapaċitajiet u fuq l-iskills tan-nies għax hemmhekk biss tista’ tagħmel il-valur miżjud.
Mela dawn iċ-ċifri huma allarmanti, fis-sens li wieħed jinkwieta kif jara x’inhi s-sitwazzjoni reali fis-settur edukattiv tagħna. Il-fatt hu li l-ekonomija tagħna, mingħajr il-kapaċitajiet tal-ħaddiema ma tistax tkun waħda kompetittiva. Mingħajr l-iskills taż-żgħażagħ tagħna, li jkunu mħarrġin u jkollhom direzzjoni vokazzjonali, professjonali jew taħriġ tekniku tajjeb, ma nistgħux nippjanaw u niżviluppaw aktar ‘il quddiem. U allura mhux biss nibqgħu fis-sitwazzjoni fejn il-pagi tagħna jibqgħu 40% ta’ dik tal-medja Ewropea għax ma jkollhomx il-potenzjal li jiżdiedu minħabba l-ħiliet tal-ħaddiema imma ssib diffikultà biex tattira investiment ġdid barrani.  
Punt ieħor importanti hu li biex aħna nsaħħu l-ekonomija tagħna rridu ntejbu l-amministrazzjoni pubblika u dan jista’ jsir billi nnaqqsu l-burokrazija. Issa din il-problema ilna nitkellmu fuqha għal dawn l-aħħar għaxar snin. Ir-realtà li qegħdin niffaċċjaw hi li l-burokrazija qiegħda dejjem tikber u l-ispiża tal-burokrazija dejjem qiegħda titqal. U dan qed imur kontra dak li suppost hi l-politika tal-pajjiżi Ewropej u anke l-politika tal-Gvern Malti fil-konfront tal-SMEs.  Per eżempju, dan l-aħħar fuq il-gazzetta Business Agenda kien hemm intervista mad-Direttriċi Joanna Drake li hi responsabbli mill-promozzjoni tal-kompetittività tal-SMEs. U filwaqt li kienet qed tgħid x’inhu l-ħsieb tal-Ewropa fuq l-SMEs, issottolinjat il-bżonn li l-gvernijiet iridu jiddisinjaw friendly rules għall-SMEs. U allura żgur li l-amministrazzjoni ma tistax tibqa’ xxekkel lill-SMEs b’ħafna burokrazija.
Issa dak li qegħdin nassistu f’dan il-pajjiż huwa proċess sistematiku fejn min irid jopera qed jiġi mxekkel. F’Malta għandna 95% tal-intrapriżi li huma SMEs. Jekk wieħed jitkellem mas-self-employed iż-żgħar jgħidulu kif illum il-burokrazija qiegħda tipprevali. Anke l-constituted bodies jitkellmu dwar dan, u jgħidu li ħafna drabi qed ikun hemm kontradizzjonijiet bejn awtorità u oħra. Fil-fatt ikollok awtorità li titlob xi ħaġa u l-oħra titlob xi ħaġa kompletament differenti mill-oħra, b’mod li jikkontradixxu lil xulxin. Din tħalli lill-operatur ekonomiku ma jafx x’se jaqbad jagħmel.  Imbagħad, barra minnhekk għandek l-ispejjeż li dejjem qegħdin jiżdiedu.
Sur President, fuq l-SMEs, Joanna Drake tgħid ukoll li għandu jkollhom aċċess faċli għall-finanzjament. Hawnhekk ma nistax ma nsemmix li fi żmenijiet diffiċli l-banek tagħna mhux dejjem qed ikunu proattivi lejn l-operaturi ekonomiċi. Anzi minflok jagħtu daqqa t’id ħalli min hu f’diffikultà tipprova taġevolah - issa mhux qed ngħid li jinħafrilhom id-dejn li jkollhom, għax dawk il-flus huma tad-depożitanti – iżidu l-bank charges tagħhom ħalli jagħmlu profitti akbar kull sitt xhur jew kull 12-il xahar. Anke sempliċement koppja li tissellef biex tixtri d-dar tagħha u titlob estensjoni għax il-kuntratt ma jkunx jista’ jsir fiż-żmien miftiehem minħabba xi problema legali jew forsi għax il-post ikun għadu mhux lest, qed jiġi impost fuqhom penali ta’ €250 jew €300.  Li għal ħidma amministrattiva tagħmel charge nominali, ngħidu aħna €50 wieħed jifhimha, imma li timponi penali ta' €300 għal xi ħaġa bħal din ma nistax nifimha. U dan meta taf li se jkollok klijent li fl-aħħar mill-aħħar se jagħtik ħafna lura bl-imgħaxijiet li se jkollu jħallas sakemm jaqta’ l-loan li jkollu.  
Sur President, għandna sitwazzjonijiet fejn xi kultant bank ikun qed jagħfas bl-ikrah lil xi businessman u dan, min-naħa tiegħu, jipprova jfittex soljev ma’ bank ieħor u jagħmel arranġament tar-rescheduling tad-debitu tiegħu. Dawn l-affarijiet dejjem isiru u huma parti mill-proċess ekonomiku. Mela bank qed jagħfas lil dan il-businessman u prattikament qed jgħidlu biex jitlaq mill-bank imma mbagħad għax il-businessman imur f’bank ieħor u jieħu x-xogħol tiegħu lejn il-bank il-ġdid, il-bank li kien miegħu qabel, biex jagħtih ir-rilaxx jew il-kanċellament tal-ipoteki tiegħu, ġieli jintalbu fees ta' €300, €400 u anke ta’ €500.  Ovvjament dawn huma ammonti eċċessivi għax min huwa batut u għandu nuqqas ta’ cash flow ma jistax ikun li jkompli jiġi magħfus b’penalitajiet oħra, apparti l-imgħaxijiet. Irridu nżommu quddiem għajnejna wkoll li llum il-banek huma liberi li jaqbżu l-capping ta’ 8% mgħax fuq id-dejn. Għaldaqstant jeħtieġ li jkun hemm xi forma ta’ diskussjoni. Jiena ngħid li anke r-regolatur għandu jkun konxju tar-realtà ekonomika fil-pajjiż u għandu jindirizza dawn l-affarijiet u mhux billi nitkellmu favur l-SMEs u l-affarijiet li jolqtu lill-SMEs biex imbagħad ħadd ma jindirizza dawn l-affarijiet b’mod konkret.                     

It-tielet punt li jissemma minn Joanna Drake bħala t-triq ‘il quddiem huwa dak tat-turning environmental challenges into opportunities. Hekk qegħdin nagħmlu f’pajjiżna?!  Ħalli ngħidlek kif naħdmu f’pajjiżna. Ħarġet skema biex nippromwovu u nħeġġu lin-nies biex imorru aktar għall-pannelli fotovoltajiċi, liema skema bdiet f’Jannar, imbagħad f’Mejju, għax xi kien hemm allegazzjoni ta’ tbagħbis, din l-iskema twaqqfet. Mela filli ħafna xogħol biex l-iskema titwettaq u ħafna commitments minn min daħal fis-suq, bin-negozjant jibda bil-ħidma tiegħu, imbagħad f’daqqa waħda l-iskema ġiet imwaqqfa indefinittivament. Kemm se ndumu nitkellmu fuq kif l-isfidi ambjentali nistgħu nibdluhom f’opportunitajiet ta’ xogħol u ta’ tkabbir ekonomiku?! Se nibqgħu sejrin hekk?! Kif nieħdu inizjattiva biex isir xi ħaġa nwaqqfuha minħabba akkużi ta’ korruzzjoni u akkużi oħra bħal dawn?!  Issa dan mhux tort ta’ ħadd ħlief ta’ min ikun qed jimplimenta l-affarijiet. Nifhem li jekk tagħraf li hemm xi skema b’element ta’ korruzzjoni trid twaqqafha, imma fl-aħħar mill-aħħar l-affarijiet



trid tħaffifhom u tara li min naqas jittieħdu l-passi meħtieġa kontrih u jieħu dak li ħaqqu. Fl-istess waqt, dawk l-isfidi li għandna nipprovaw nisfruttawhom ħalli ndawruhom f’opportunitajiet. Naturalment irid ikollna pjan kif dawn indawruhom f’opportunitajiet u mhux nitkellmu biss fuqhom mingħajr qatt ma nimplimentaw tali pjan. 
Sur President, irrid ngħid xi ħaġa wkoll fuq promoting innovation. Issa tħabbret l-iskema li se jkun hemm it-tagħlim vokazzjonali fil-klassijiet, imma s-sabiħa hi li dan kien se jkun bi ħlas. Fil-fatt anke l-għalliema kienu kontra tagħha. Ejjew naraw li ma norbtux ħlasijiet mal-pilastru ewlieni li fuqu rridu nibbażaw l-iżvilupp tal-pajjiż u taż-żgħażagħ tagħna għax diġà hemm piżijiet li qed jiġu mposti fuq il-familji biex jibagħtu lit-tfal tagħhom fl-iskejjel. Issa jidher li dawn il-ħlasijiet se jiġu mneħħija imma għadna ma nafux x’se jiġri eżatt.  L-innovazzjoni hija marbuta wkoll mat-tip ta’ tagħlim li ż-żgħażagħ tagħna jieħdu fis-sistema edukattiva. M’iniex qed nikkritikaha imma qed ngħid li għandha titjieb u tissaħħaħ. Ejjew niffokaw bis-serjetà ħalli s-sistema edukattiva nissodawha għall-isfidi li għandna quddiemna ħalli jkollna soċjetà aħjar, soċjetà ta’ valuri imma jkollna wkoll il-ħaddiema meħtieġa li jkunu muniti b’dawk il-ħiliet li l-ekonomija tagħna jkollha bżonn.
Sur President, jiena nagħlaq id-diskors tiegħi billi ngħid li filwaqt li aħna naqblu mat-twaqqif ta’ dan il-fond biex tiġi mħarsa l-munita ewro u fil-fatt se nivvotaw favur dan il-fond imwaqqaf miż-żona ewro, ikolli ngħid li din mhijiex deċiżjoni leġġera. Fil-fatt hija deċiżjoni li torbot magħha ċerti responsabbiltajiet kbar fuq il-gvern li se jipprovdi l-garanziji, u dan irid jassigura li min ikun qed jagħmel użu minn din il-faċilità - kif tkellimna qabel fuq il-loans li ngħataw lill-Greċja b’mod ta’ emerġenza - il-passi li għandhom jittieħdu mill-pajjiżi konċernati għandhom jittieħdu bis-serjetà u jkun hemm evalwazzjoni kontinwa tar-riżultat li jkunu qegħdin jagħtu. Nirringrazzjak.
MR SPEAKER: Grazzi. Aktar rimarki? L-Onor. Alfred Sant.
ONOR. ALFRED SANT: Sur President, quddiemna għandna abbozz ta’ liġi li jitkellem dwar il-parteċipazzjoni ta’ Malta f’fond kbir li qed jitwaqqaf fuq livell ta’ Unjoni Ewropea li se jservi biex, skont il-bżonn, ikun jista’ jagħti appoġġ finanzjarju lill-pajjiżi li jaqgħu lura fil-ħlasijiet tagħhom jew li jkollhom problemi finanzjarji gravi eċċ. Naħseb li mhemmx alternattiva għal dan il-parlament ħlief li jaqbel ma’ dan l-abbozz ta’ liġi, imma jkollok tgħid dan b’ċertu sens ta’ ironija u b’ċertu sens ta’ realiżmu. Qegħdin niġu mitluba nieħdu sehem f’eżerċizzju biex jiggarantixxu l-istabbilità tal-ewro għax f’din l-aħħar sena u nofs kienet mxaqqa bil-kbir bil-kriżi finanzjarja li laqtet liż-żona ewro. Malta ilha membru taż-żona ewro sentejn u nofs u l-ironija hi fil-kliem stess tal-Prim Ministru fil-budget tas-sena 2006. Fil-fatt dan kien qal hekk:  
“Is-sħubija ta’ Malta fiż-żona ewro, li tiġi t-tieni l-akbar b’saħħitha fid-dinja, tagħti stabbilità kbira lill-ekonomija tagħna kif l-ewro tat stabbilità lill-Ewropa kollha.”.
L-ironija hi li ġara u qed jiġri proprju bil-maqlub ta’ dak li kien ġie prospettat għax l-istabbilità tagħna mhux qed qiegħda tiġi garantita mill-ewro imma qed jiġri bil-maqlub! F’dan il-parlament qed niġu mitluba - u m’għandniex alternattiva - nieħdu sehem f’eżerċizzju maħsub biex jassigura kemm jista’ jkun l-istabbilità tal-ewro. Tajjeb li nifhmu l-enormità ta’ dak li qegħdin nagħmlu hawnhekk. L-ewwel, minn dan il-parlament għadda l-pakkett ta’ self lill-Greċja b’somma ta’ €30 miljun. Issa llum qegħdin nintalbu naċċettaw li Malta - skont id-daqs tagħha fiż-żona ewro – toħroġ garanzija jew li nkunu lesti li noħorġu garanzija għal self ta’ €400 miljun fuq tliet snin. Mela jekk il-Mvern Malti jsellef lill-Greċja hu se jkollu jissellef dawk il-flus u jekk il-Gvern Malti se jagħti garanziji f’dan il-fond, se jkollu joħroġ self fuq dan il-fond u se jkollu jissellef ukoll. B’kollox se jkollu l-ekwivalenti ta’ self ta’ €430 miljun, li biex nagħtu sens tad-daqs tal-iskala tas-somma, din se tiġi aktar minn 10% tad-dejn nazzjonali li għandna bħalissa. Iċ-ċifri li qegħdin nitkellmu dwarhom jiġu aktar minn 10% tad-dejn nazzjonali ta’ Malta, u dan se jsir b’daqqa ta’ pinna!
Sur President, naħseb li jkun tajjeb li nżommu quddiem għajnejna li din hija xi ħaġa enormi, xi ħaġa ta’ responsabilità kbira ħafna u qed nagħmluha, kif diġà għedt aktar qabel, biex nagħtu appoġġ lill-ewro u niggarantixxu l-istabbilità tal-ewro.  Ikolli nirrimarka li kemm domna bil-Lira Maltija, safejn naf jien, qatt ma kellna nagħmlu eżerċizzju bħal dan u ta’ din l-iskala. Għalhekk importanti li nżommu quddiem għajnejna din l-ironija u ċioè li kienet l-ewro li daħħlitna f’dan l-eżerċizzju. Naħseb li ninsabu f’sitwazzjoni perikoluża ħafna ekonomika u finanzjarja, kemm bħala pajjiż u kemm bħala Ewropa, li fuqha Malta ma tistax tinfluwixxi. Ejjew inkunu realistiċi mija fil-mijia.
Il-problemi li għandha l-ewro u ż-żona tal-ewro kienu jaffettwawna b’mod differenti li kieku aħna konna barra miż-żona ewro imma fl-istess ħin ma nistgħux ninfluwixxu fuqhom u allura naħseb li jinteressana li għall-inqas f’dak li qegħdin nagħmlu nkunu aktar attenti għal dak li għaddej u nkunu b’sens realistiku qegħdin inħarsu u niflu l-iżviluppi u nipprovaw nipprevedu fejn jistgħu jispiċċaw l-affarijiet ħalli nilqgħu għalihom. Ma nistgħux nibqgħu ninħbew wara dommi imma rridu nitkellmu mill-verità. Ma rridux nagħmlu bħalma għamel l-Onor. Jason Azzopardi l-bieraħ meta qajjimtlu xi mistoqsijiet dwar x’inhu l-kontribut li qed tagħti jew li qed tieħu Malta mis-suq wieħed Ewropew u jiġi jindirizzana qisu kien il-kappillan ta’ setta żgħira li qed jagħtina d-dommi tal-imgħoddi u jirrepetihom qisu qed jitkellem mat-tfal iż-żgħar!
Ma nistgħux niffaċċjaw l-affarijiet b’dan il-mod. Il-verità hi l-verità tal-fatti, u allura naħseb li huwa importanti li llum, u għal li ġej, ikollna quddiemna min-naħa Maltija, għax nerġa’ ngħid li aħna ma nistgħux ninfluwixxu dak li għaddej, il-perspettiva tagħna fuq dak li jinsab għaddej u rridu nkunu lesti li nipprevedu x’inhuma l-affarijiet u nieħdu l-passi meħtieġa u mhux sempliċiment immorru Brussell ngħidu signor si għax ikun qed jgħidilna hekk mill-Ecofin u nibqgħu għaddejjin u naċċettaw biss mingħajr ma nipprevedu fejn nistgħu naslu aħna min-naħa tagħna fiċ-ċokon tagħna.
Sur President, x’inhi r-realtà? Ir-realtà hi li l-proġett tal-ewro mill-bidu nett tiegħu kien l-ewwel u qabel kollox proġett politiku, proġett maħsub ħalli bir-rabta finanzjarja jgħaqqad aktar mill-viċin il-pajjiżi Ewropej membri taż-żona ewro u l-membri tal-Unjoni Ewropea. Ħaġa bħal din suppost li kellha torbot politikament ma’ proġett federali, jiġifieri għaqda politika fuq livell federali, imma huwa fatt li numru sostanzjali ta’ membri fiż-żona ewro kif ukoll membri tal-Unjoni Ewropea għadhom ma jaqblux mal-idea ta’ Ewropa federali u għadhom m’avvanzawx lejn għaqda politika ta’ din ix-xorta. Mela min-naħa kellna bħala proġett politiku, id-daħla ta’ munita waħda ħalli tgħaqqadhom aktar flimkien, u min-naħa l-oħra, fil-kontest ta’ proġett politiku, kellek numru ta’ pajjiżi sostanzjali li ma jixtiequx li jibqgħu mexjin sa għaqda federali. Mela għandek munita waħda f’sitwazzjoni politika li mhijiex magħquda għall-inqas sa livell federali. U allura minn hawnhekk li toħroġ

il-problema.


L-ekonomisti Amerikani u Ingliżi fl-imgħoddi kienu jgħidu li l-fasla tal-ewro ntesiet għax l-ewro għadda minn żmien twil ta’ bnazzi li mexa quddiemu u ta l-impressjoni li jista’ jimxi ‘l quddiem b’dik il-fasla. Imma l-problema tal-ewro kienet u għadha li awtorità politika ċentrali li tikkontrolla b’mod anke ekonomiku dak li jkun għaddej ma kellhiex. Għandna bank ċentrali li joħroġ il-munita imma mbagħad is-sieq ekonomiku, kif kien jgħid Jacques Delors fl-imgħoddi, il-kordinament ekonomiku mhux qiegħed hemmhekk. Timxi fi żmien il-bnazzi imma meta mbagħad ikun hemm il-maltemp tixxaqqaq.  U hekk ġara. Il-kriżi ekonomika u finanzjarja tal-2008 wasslet sabiex il-mod ta’ kif taħdem l-ewro jixxaqqaq għax m’għandhiex awtorità politika ċentrali li tista’ tikkmanda, tikkordina u tmexxi l-mod ekonomiku maż-żona kollha.
Għalhekk ninsabu f’tug of war, iġebbdu kontra xulxin, fejn minn naħa għandna l-politiċi Ewropej u l-burokratiċi Ewropej ta’ Brussell u ta’ Frankfurt, li qed jagħmlu minn kollox biex jiddefendu dan l-ewro li xxaqqaq għax m’għandux kontroll politiku fuq dak li għaddej, u minn naħa l-oħra għandek is-swieq finanzjarji tad-dinja, b’biljuni u triljuni ta’ flus li jaraw fejn ipoġġuhom bl-aħjar mod.  U għalkemm bdew joħolqu strutturi u jaraw kif se jillapazzaw - il-politiċi Ewropej u l-burokratiċi Ewropej - kontra l-mewġ enormi li joħroġ mis-swieq finanzjarji ta’ biljuni u triljuni, ma tantx waslu ‘l bogħod.
L-aktar li waslu s’issa kien permezz tal-ħolqien ta’ dan il-fond kbir, ta’ nofs biljun ewro min-naħa tal-Unjoni Ewropea biss, li kull membru taż-żona jrid joħroġ parti minnu, ħalli jekk ikun hemm każ ieħor bħal dak tal-Greċja - u diġà bdew jissemmew il-Portugall u Spanja, Franza għadha ma bdietx tissemma imma nissuspetta li se tissemma wkoll, apparti li hemm l-Italja wkoll - ikunu jistgħu jwaqqfu l-ispekulazzjoni u jagħtu l-għajnuna lil dawn il-pajjiżi meta jiġu ffaċċjati b’talbiet finanzjarji qawwija. L-idea kienet li tant ikun kbir dan il-fond li s-swieq finanzjarji l-kbar jimpressjonaw ruħhom u jgħidu li għall-inqas l-ewro għandu din il-massa ta’ flus li qegħdin jagħtuh il-backing jekk tinqala’ kriżi f’dak il-pajjiż jew f’xi pajjiż ieħor.
Dan kollu qed iwassal għal kontradizzjonijiet u problemi, li tajjeb li nitkellmu fuqhom, fit-tmexxija taż-żona tal-ewro. Per eżempju, waħda mill-affarijiet li ilha ħafna għaddejja u li ma tantx kienet tissemma hija li fiż-żona tal-ewro r-rata tat-tkabbir ekonomiku dejjem kienet baxxa u dejjem kienet staġnata. Għalhekk is-swieq ma jħarsux biss lejn min jikkontrolla u jmexxi imma jaraw ukoll jekk dak il-pajjiż jew dik iż-żona għandhiex il-ħila li tkabbar ekonomikament b’rata qawwija biżżejjed biex tkun tista’ tħallas għall-ispejjeż tal-imgħaxijiet tagħha. Storikament f’dawn l-aħħar snin, minkejja l-bnazzi li kienet għaddejja minnu, iż-żona tal-ewro ma kellhiex tkabbir qawwi. Anzi f’ħafna każi kienet staġnata, apparti l-kriżi ekonomika tal-2008. U din hija xi ħaġa li mbagħad tifhimha anke minn dak li jintqal dwar l-istrateġija ta’ Lisbona u kif ma lħaqniex it-targets tagħha, u li għalhekk kellna nagħmlu targets ġodda eċċ. Dak hu l-ewwel punt.
Il-punt l-ieħor hu li fi ħdan iż-żona tal-ewro, il-pajjiżi differenti m’għandhomx l-istess livell ta’ kompetittività imma qegħdin fl-istess żona monetarja però għandek lil min jista’ itellaq b’50 mil fis-siegħa u għandek lil min jirnexxilu jtellaq biss bi 30 mil fis-siegħa meta dawn qegħdin fuq l-istess bastiment. Sal-lum għad ma kienx hemm risposta għal kif din il-ħaġa tista’ tiġi aġġustata, aktar u aktar għax la inti qiegħed fl-istess żona monetarja ma tistax tiżvaluta jekk inti waqajt lura. Għandek limitazzjonijiet kbar fuq jekk tistax għall-inqas tipprova ssir aktar kompetittiv u ttellaq aktar billi toqgħod tirranġa r-rati tal-imgħax interni. Imma m’għandniex minn dawn l-affarijiet, u din hija kontradizzjoni oħra. Imbagħad hemm il-problema l-oħra l-kbira li r-regoli taż-żona tal-ewro tfasslu l-aktar, sa minn meta kien hemm Maastricht u l-kriterji ta’ kif se jitpoġġa l-patt ta’ stabbilità, fuq l-idea Ġermaniża li l-aqwa target huwa li tiġi kkontrollata l-inflazzjoni, mentri llum l-aqwa problemi huma l-problemi tal-investiment, il-problemi tal-impjiegi u l-problemi tat-tkabbir ekonomiku. Dan biex ma nsemmix f’ċerti każi l-problemi tad-deflazzjoni u tal-inflazzjoni.
Anke hawnhekk, ħafna mit-targets neħduhom bħala dommi fil-patt ta’ stabbilità li l-Ġermaniżi jarawhom mhux biss bħala dommi imma bħala l-għaxar kmandamenti li niżżel Mosè minn fuq il-muntanja. Effettivament xi jwassal biex b’mod sagru 70% tal-GDP għandu jkun il-limitu ta’ x’għandu jkun id-dejn nazzjonali ta’ pajjiż? Minn fejn ġiet din? Hemm xi teorija fundamentali li din għandha tkun bilfors hekk?  Jew inkella li 3% tal-GDP huwa l-massimu tad-defiċit li suppost jista’ jkollu pajjiż? Ovvja li pajjiż ma jistax jibqa’ jiddejjen bl-addoċċ u hija ovvja li ma jistax jibqa’ għaddej minn sena għal sena b’deficits kbar. Din hija ċara. Imma dawn iċ-ċifri li saru qishom il-kmandamenti, minn fejn ġejjin u minn fejn waqgħu? Kif se niġġustifikawhom? Meta mbagħad ġew biex jitwettqu dawn ir-regoli, u għandna kontradizzjoni oħra kbira fiż-żona tal-ewro, l-ebda pajjiż fiż-żona tal-ewro ma kien qed jirrispettahom u kulħadd qiegħed iħalli milli jilħaq it-targets ta’ 70% tal-GDP equals id-dejn nazzjonali u li d-defiċit ma jkunx aktar minn 3%. Kważi l-ebda pajjiż ma kien qed jirrispettahom. U kif tista’ tkun koerenti jekk għandek dawn l-affarijiet li qegħdin imorru kontra l-istess regoli tiegħek?
Il-problema l-oħra tinstab fl-istatistika finanzjarja u ekonomika mbażwra. Apparti mill-problema li għandna quddiemna ta’ dawn l-aħħar sentejn, rajna wkoll il-problema l-oħra fejn l-istatistika Ewropea ma tistax tafdaha. M’hemmx mod ieħor kif tgħidha din! L-istess nies li aċċettaw dik l-istatistika u mexxewha ‘l quddiem issa qed jerġgħu jgħidu li se jaħdmu b’mod differenti imma se jkunu huma li jmexxu din l-istatistika. Jien ma nistax nifhem kif tista’ tkun koerenti f’sitwazzjoni bħal din u kif tista’ tasal biex verament tikkonvinċi s-swieq finanzjarji li dak li qed tagħmel se jasal. Aktar u aktar imbagħad hemm il-problema l-oħra l-kbira, li semmieha l-Ministru u semmieha sieħbi l-Onor. Charles Mangion, fejn biex iż-żona tal-ewro tibqa’ kemm jista’ jkun fir-regoli tagħha, pajjiż wara l-ieħor qiegħed jiġi nforzat biex imexxi politika ta’ awsterità ħalli jnaqqsu l-ispiża tiegħhom. Bir-rispett kollu nafu x’qed jiġri. Din l-ispiża, aktar milli tnaqqis ta’ spiża kurrenti, qed tfisser tnaqqis ta’ spiża fl-investiment. Din qed twassal biex tiżdied l-arja ta’ deflazzjoni, ta’ nuqqas ta’ opportunità u ta’ investimenti li mhux qed jirromblaw fil-pajjiżi differenti. Per eżempju, il-Greċja qiegħda tagħmel sforzi kbar biex tipprova tirrombla ċertu investiment minn sorsi differenti imma ma nafx kemm se jirnexxilha.
Ovvjament sewwa qiegħda tagħmel, imma l-punt huwa li r-regoli tat-tmexxija tal-ewro issa qegħdin fi żmien kruċjali u diffiċli jinfurzaw lill-gvernijiet differenti biex inaqqsu l-ispiża tagħhom li qegħdin joħolqu demand anqas fil-pajjiż, u qegħdin jagħfsu ukoll fuq l-investimenti. Għaliex? Għax jekk is-settur privat jara li s-suq se jkun nieżel mhux se jinvesti imma jnaqqas l-investiment tiegħu. Jekk il-gvern irid jara kif se jillapazza - qed jagħmilha l-gvern Ingliż ukoll – jrid jibda jnaqqas l-investiment tiegħu. Mela se naqilgħuha miż-żewġ naħat. U naħseb li din it-tip ta’ kontradizzjoni mhux qed tiġi stmata tajjeb għax qed jiġu inforzati strateġiji, l-aktar min-naħa tal-Ġermanja - bir-rispett kollu l-Ġermanja kontra l-inflazzjoni, u l-aktar waħda li żammet il-kotba tagħha tajjeb - li se jkomplu jżidu n-nuqqas ta’ xogħol. Issa jekk jiġri hekk, is-swieq finanzjarji mhux se jikkalkulaw biss fuq jekk il-budget tal-gvern huwiex qed jinżamm ‘l isfel fid-deficits tiegħu, imma se jaraw ukoll jekk dawn l-ekonomiji humiex se jirrankaw biżżejjed biex ikunu jistgħu jħallsu d-debts tagħhom għall-ħruġ li qed ikollhom jagħmlu. U din hija kontradizzjoni oħra li bir-rispett kollu nixtieq li xi ħadd jipprova jindirizzaha. Aktar u aktar għax anke b’ċerti miżuri li qed jiddaħħlu ħalli tiġi salvata l-ewro, fosthom b’dan il-fond     li se nkunu qegħdin nipparteċipaw fih aħna, jikkontradixxu r-regoli ta’ kif iż-żona tal-ewro suppost titmexxa.
Il-Ministru semma klawsola fit-trattat – jekk niftakar tajjeb f’dik ta’ Maastricht jew ta’ Lisbona – li tiġġustifika dak li qed isir. Dan mhu veru xejn. Dik il-klawsola ġiet imġedda lil hinn ħafna mill-mod ta’ kif kienet miktuba u mifhuma oriġinarjament sabiex tkun tista’ ssir din il-ħaġa. Fil-fatt kien hemm kriżi u biex nilqgħu għal din il-kriżi, iż-żona tal-ewro qiegħda tkun inkoerenti għax qed iddaħħal mekkaniżmi li suppost mhumiex aċċettati fil-fasla oriġinali tagħha. Imma kif se jaffettwawna l-miżuri li qegħdin jiġu ssuġġeriti? Il-fond kbir li qegħdin nitkellmu dwaru llum jiġi akkumpanjat ma’ ħafna miżuri oħra li qegħdin jinħadmu - il-Ministru beda jsemmi wħud minnhom - biex dak li naqas s’issa fiż-żona tal-ewro, jiġifieri li jkun hemm kordinament qawwi ekonomiku, jibda dieħel f’kompromess ma’ dawk li ma jridux jibqgħu mexjin fuq bażi federali politikament fl-Ewropa. U jien naħseb li l-gvern għandu l-obbligu u d-dmir li fuq dawn l-affarijiet li qegħdin jiżviluppaw bħalissa jispjega lill-poplu eżattament fejn qegħdin jimxu l-affarijiet u jispjega wkoll kif se jaffettwawna u kif se nilqgħu għalihom, u mhux nisimgħu ftit f’dibattitu bħal dan fuq x’inhu għaddej.
Per eżempju, ħalli nerġa’ mmur fuq il-punti tal-isforzi li qegħdin isiru ħalli jkun hemm aktar tmexxija ekonomika ċentralizzata u kordinata u dwar l-argument bejn il-government u l-governance, għalkemm ma rridx noqgħod nidħol fid-dettall għax nispiċċa nitkellem tekniku wisq. Imma bħalissa hemm ċerti miżuri li qegħdin jiġu diskussi li jiddaħħlu li għandhom minn gvern ekonomiku ċentrali u li jmur lil hinn minn kif ħafna pajjiżi, inkluż tagħna, jaħsbu li għandha titmexxa l-biċċa. Allura hemmhekk tidħol il-mistoqsija fuq is-sorvelja tal-budget. Il-proposta qed tkun li l-budgets ta’ gvernijiet nazzjonali jiġu sorveljati minn Brussell u mill-awtoritajiet tal-Unjoni Ewropea taż-żona ewro qabel jitfasslu. Jekk irridu nkunu koerenti hemm bżonn ta’ gvern ekonomiku ċentrali għaż-żona ewro imma minn naħa l-oħra, kif se jidħlu f’din l-istorja l-parlamenti nazzjonali?  Gvern se jkollu d-dictat b’ċertu mod inkella jiġi mmultat jew xi ħaġa oħra minn Brussell jekk meta qabel jibda jfassal il-budget tiegħu, se jibda jaħdem u jiddeċiedi ma’ Brussell kif se jkun il-budget tiegħu biex imbagħad il-parlamenti nazzjonali jispiċċaw sempliċement rubber stamp aktar milli diġà qegħdin ikunu f’affarijiet li għandhom x’jaqsmu mal-Ewropa? Hemm bżonn li din id-diskussjoni ssir u hemm bżonn li jkun il-gvern stess li jmexxiha għax il-gvern imdaħħal fiha u għandu jgħidilna wkoll x’inhuma r-red lines tiegħu. Il-gvern għandu red lines li ma jridx jaqbeż u li ma jridx iċedi meta jiġi biex jiddefendi s-sovranità tal-parlament Malti?
Dan qiegħed ngħidu għax imbagħad se jkun hemm is-semester Ewropew fejn jiltaqgħu l-gvernijiet mal-Kummissjoni ta’ Brussell u jagħmlu xahrejn jew tliet xhur jitkellmu fuq il-budgets tagħhom. Din se tibda għall-budget tas-sena 2012. Mela s-sena d-dieħla, jekk jimxi dan il-mekkaniżmu, il-Gvern Malti se jkun qiegħed jitkellem mal-Kummissjoni Ewropea dwar kif se jfassal u jippjanta l-budget tas-sena 2012. Issa dik is-sena ma tantx hija sena tajba għalina għax fis-sena 2012 se jseħħu żewġ affarijiet. Għandek il-fatt li l-gvern għandu self kbir li jrid jiġi re-financed u b’kollox għandu €500 miljun li jridu jiġu re-financed fis-sena 2012. Imbagħad se jkollu wkoll id-deficit normali li l-kummissjoni qed tistmalu li huwa madwar 3% f’dik is-sena u dan se jammonta għal madwar €180 miljun. Mela b’kollox se jiġu għal madwar €680 miljun li jridu jiġu re-financed. U allura se jkollu kważi 12% tal-gross domestic product ta’ Malta fis-sena 2012. Mela dik se tkun l-aħjar sena biex il-gvern jippreżenta ruħu quddiem Brussell? Jiena ngħid li mhux se tkun l-aħjar sena, apparti mbagħad li hemm konsiderazzjonijiet oħra. Per eżempju, it-targets tad-dejn nazzjonali f’pajjiżna kif se jintlaħqu? Se jintlaħqu billi jkun hemm aktar awsterità, billi jiżdiedu t-taxxi jew billi titnaqqas il-kompetittività kif għadu kif spjega l-Onor. Charles Mangion? Jekk jiżdiedu t-taxxi se titnaqqas il-kompetittività.
Hemm xi ħaġa oħra li l-gvern - dan skont il-Prim Ministru - intrabat magħha wara l-aħħar kunsill tal-Unjoni Ewropea, l-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika. Hemm impenn sħiħ li sar fil-Kunsill tal-Ewropa li l-mekkaniżmi tal-istatistika fil-pajjiżi differenti jsiru kompletament indipendenti. Din kienet miżura li meta tela’ l-abbozz ta’ liġi fuq l-NSO f’dan il-parlament aħna konna għedna li rridu nagħmluh bħall-uffiċċju tal-awditur u b’hekk ikun kompletament indipendenti u jirrapporta lill-parlament. Hemm bżonn li fuq din ukoll nisimgħu minn naħa tal-gvern jekk hux se jagħmilha, kif se jagħmilha u jekk huwiex minnu li se nkunu qegħdin mexjin sabiex l-affarijiet li qegħdin jgħidu li se jsiru mill-Ewropa u li jkun qabel magħhom il-gvern, fit-tajjeb tagħhom, nagħmluhom u nwettquhom b’ċerta trasparenza.
Ħaġa oħra li qed tissemma hija l-levies fuq il-banek. Qed jintqal li bħala parti mill-pakkett ta’ miżuri jsiru levies fuq il-banek minn naħa tal-Ewropa. Issa din hija xi ħaġa separata mill-argument l-ieħor dwar it-transaction tax tal-banek, jiġifieri t-transazzjonijiet li għamlu l-banek, aktar u aktar barra minn pajjiżhom, ikunu suġġetti għal taxxa żgħira. Barra minn dik il-miżura li għadha qed tiġi diskussa fuq livell ta’ G20 hemm il-proposta l-oħra li jidher li l-Gvern Malti aċċetta wkoll, fejn biex nissalvagwardjaw u nilqgħu għal dak li jista’ jerġa’ jiġri bħalma ġara fis-sena 2008, se jkun hemm levy fuq il-banek li tiġi amministrata fuq bażi Ewropea u li sservi bħala insurance għall-banek jekk dawn ikollhom xi kriżi kbira. Għalfejn aċċettajnieha din? Ir-Repubblika Ċeka ma aċċettathiex għax qalet li l-banek tagħha – kif jgħid il-gvern Malti fuq il-banek Maltin - kienu sodi, kienu covered b’mod tajjeb u kienu prudenti ħafna f’din l-aħħar kriżi. Allura tar-Repubblika Ċeka qalu għalfejn għandhom jiġu ntaxxati fuq xi ħaġa li huma kellhom id-dehen, l-għaqal u l-prudenza biex jibqgħu barra minnha. Se mai għandu jkun hemm kunċett ta’ insurance jew re-insurance, fejn il-banek kollha jkollhom xi forma ta’ insurance u re-insurance anke fuq livell Ewropew ħalli jekk tinqala’ xi kriżi jkunu inxurjati. Imma l-insurance mbagħad issir skont kemm ikollok exposure u tkun adattata għaċ-ċirkostanzi tiegħek. Issa aħna fejn qegħdin fuq din il-kwestjoni?  Mela min-naħa l-poplu Malti qed joħroġ garanziji li jammontaw għal 10% tad-dejn nazzjonali tal-pajjiż u mbagħad fuq affarijiet oħra mhux qegħdin insemmu xejn jew qegħdin nitfgħuhom taħt it-tapit. 
Għandek ukoll l-argument l-ieħor fuq l-istress test fuq il-banek. Dik kienet xi ħaġa li ġiet imbottata ‘l quddiem minn Spanja biex turi li għad għandha s-saħħa. U l-Ġermaniżi, li ma xtaquhiex, kellhom jagħmluha wkoll. Fuq din jiena ngħid good luck to Spain imma l-punt hu, fil-każ ta’ Malta kif se jsiru dawn l-istress tests? Għaliex ma ġietx ippubblikata din? Kellna liċ-chairman tal-Bank of Valletta, Chalmers, jgħid li għalina dawn l-istress tests mhumiex problema. Imma jista’ għall-inqas ikollna xi ħaġa trasparenti fuq kif qegħdin isiru dawn l-istress tests? Jiena naħseb li wasal iż-żmien li l-istress tests ma jsirux biss fuq il-banek imma jekk il-problema hija wkoll il-finanzi nazzjonali ta’ kull pajjiż, naqbdu u nagħmlu dawn l-istress tests fuq il-finanzi pubbliċi ta’ kull pajjiż tal-Unjoni Ewropea jew taż-żona ewro. M’għandux ikun li ċerti pajjiżi jagħmluhom u aħna ma nkunu nafu xejn.
Per eżempju, matul din il-ġimgħa fil-ġurnal “Der Spiegel” deher artikolu dwar x’qed tagħmel il-Ġermanja u kif din qiegħda tmexxi studji u preparamenti, mill-Kanċillier Merkel, ħalli fi ħdan iż-żona tal-ewro pajjiż ikun jista’ jiġi dikjarat fallut mingħajr ma tiġi destabilizzata ż-żona nnifisha. Hawn artikolu sħiħ u jidher li huwa informat tajjeb ħafna. Mela allura dawn l-affarijiet mhux ta’ min niddiskutuhom ukoll? Għax jekk kollox se jkun premess fuq il-punt li dan il-fond kbir li qed jitwaqqaf se jimxi ‘l quddiem u mhux se jkun hemm problema, meta mbagħad players importanti bħall-Ġermanja qegħdin jassumu bil-maqlub, ejjew ħalli nipprevedu għax għalkemm ma nistgħux ninfluwixxu fuq dak li jkun għaddej imma rridu nipprevedu x’jista’ jiġri u naraw ftit kif nistgħu fiċ-ċokon tagħna nimmanuvraw minn issa ħalli t-tajjeb li hemm neħduh u l-ħażin nevitawh kemm jista’ jkun. Ma nistgħux nimxu bil-mentalità ta’ take it as it comes. Fil-miżuri u l-proposti li qegħdin isiru hemm il-programm tas-sena 2020. Il-bieraħ il-Ministru Fenech kien ma’ dawk li approvaw il-broad policy guidelines li ħareġ l-kunsill fuq x’għandu jsir ekonomikament ħalli tissaħħaħ l-ekonomija. Meta taqrahom dawn tgħid li huma more of the same. X’hemm qawwi sostantiv f’dawn l-affarijiet? More of the same.
Għandek ħafna targets kwalitattivi għax lanqas huma kwantitattivi ħlief ta’ Maastricht b’70% u bi 3% mid-deficit li jkun tal-GDP, imma l-affarijiet l-oħra kollha jibqgħu fl-ajru. Per eżempju, jien ma nistax nifhem kif l-aktar target pubbliku li jmessu qiegħed jiġi enfasizzat bħalissa fl-Unjoni Ewropea qatt ma jissemma, u hawnhekk qed nirriferi għat-target tal-ispiża pubblika li tkun fuq l-investiment. Jiena ngħid li huwa inutli li noqogħdu nitkellmu fuq il-kompetittività u fuq ir-research and development meta mbagħad ma jkunx hemm targets preċiżi u ċari fejn minkejja li għandna d-deficit quddiemna kontra l-inflazzjoni eċċ., li l-gvernijiet ikollhom l-impenn li l-investiment pubbliku jsostnuh b’ċerta rata. Per eżempju, fuq il-każ Malti veru li għal xi żmien ilħaqna t-targets tad-deficit taż-żona ewro imma rridu naraw kif għamilnieha din il-ħaġa. Jekk inħarsu lejn il-persentaġġ mill-ispiża tal-gvern li marret fuq l-investiment matul is-snin naraw kif din niżlet ‘l isfel.  
Fis-sena 2004 10.5% tal-ispiża tal-gvern kienet fuq l-investiment. Fis-sena 2006 l-ispiża fuq l-investiment bħala proporzjon mal-ispiża pubblika niżlet għal 9%. Fis-sena 2007 il-proporzjon ta’ spiża pubblika mill-ispiża kollha niżlet għal 8.8%. Fis-sena 2008 l-investiment pubbliku bħala persentaġġ tal-ispiża tal-gvern kienet ta’ 5.2% filwaqt li fis-sena 2009 inżilna għal 5%. Dan fl-opinjoni tiegħi diġà qiegħed jagħmel overstatement tal-każ għax sa dak iż-żmien kienu għadhom jinkludu fl-investiment pubbliku dik l-allokazzjoni li kienet issir korrenti, ngħidilha jien, lit-turiżmu ħalli jkun jista’ jiġi promoss barra l-pajjiż. Tas-sena 2006 kienet tinkludi wkoll l-ispejjeż esaġerati li kienu qegħdin isiru fuq l-isptar Mater Dei.
U allura l-problema hija li rridu nħarsu mhux biss lejn id-deficits ta’ pajjiż, lejn kemm qed inaqqas l-ispejjeż tiegħu u l-awsterità imma rridu nħarsu wkoll lejn kif qiegħed jonfoq f’dawk l-envelopes imnaqqsa l-flus tiegħu fuq l-investiment pubbliku. Allura naħseb li jkun tajjeb li nkunu ftit saqajna mal-art fuq din il-ħaġa u nifhmu li problema kruċjali f’dan kollu hija l-kompetittività. Jekk il-pajjiżi tal-ewro ma jġibux konverġenza f’dak li għandu x’jaqsam ma’ kompetittività, se jkollna problemi oħrajn għal li ġej. U jien nixtieq li fuq din il-ħaġa nisma’ eżattament kif jaħsibha l-gvern. Kif se jkun hemm xi forma ta’ ċaqliqa minn naħa tagħna biex nimmanuvraw f’dan it-tip ta’ xenarju perikoluż li qed jiżviluppa? Bħalissa għandna sforzi sħaħ għaddejjin minn naħa tal-burokratiċi u tal-politiċi Ewropej sabiex juru li l-affarijiet mexjin ‘il quddiem imma rridu noqogħdu attenti għax is-swieq finanzjarji ma jagħtux kas tal-kliem sbieħ li taqra f’ċerti ġurnali. Din mhijiex spekulazzjoni imma hija xi ħaġa normali jekk inti qed titkellem fuq finanzi. Min qed imexxi l-finanzi jipprova jara kif se jagħmel l-aħjar flus u l-aħjar opportunitajiet.
Per eżempju, il-bieraħ kellna lill-Onor. Jason Azzopardi - li ssoltu jkun ħafna iktar serju milli kien il-bieraħ – li ta spettaklu ta’ xi ħadd li ried jagħmel white wash mingħajr ma jiddiskuti l-affarijiet bis-serjetà. U l-gvern jidher li dik hi t-triq li qed jieħu u jiftaħar, kif smajna dalgħodu, bit-3.4 GDP increase għall-first quarter ta’ din is-sena. Huwa tajjeb li kellna dik it-3.4 increase imma ejjew naraw ftit x’hemm taħtha. L-ekonomija reali ta’ pajjiżna fil-qafas kompetittiv u fil-qafas tal-espansjoni sejra lura u l-bieraħ tajt statistika fuq din il-ħaġa li l-Onor. Azzopardi injoraha kompletament, imma dik affari tiegħu. Ir-realtà hi – xi ħaġa li l-Ministru Fenech l-ewwel ma’ aċċettax u issa nittama li ċċekkjaha - li skont l-IMF 9% tal-ekonomija tagħna tiddependi mir-remote gaming u 5% mill-financial services, imma kemm is-servizzi finanzjarji kif ukoll ir-remote gaming bħalissa ma jiffurmawx parti mis-suq wieħed Ewropew tas-servizzi. Fihom għad hemm niċeċ li jaħarbu barra mill-purview tar-regolamenti komuni Ewropej u taż-żona tal-ewro. U hemmhekk hemm wkoll punti oħra, fejn bħala parti mill-pakkett, biex jilqgħu għall-kriżi li għandhom, jekk taqra l-Monti Report u r-rapport li qed tħejji l-kummissjoni, servizzi finanzjarji qegħdin jiffokaw fuqhom ħalli jaraw kif jistgħu jarmonizzawhom aktar. Fuq ir-remote gaming diġà bdew deħlin ċerti judgements tal-Qorti tal-Ġustizzja Ewropea li qiegħda tittimbra li peress li l-gaming hija xi ħaġa soċjalment noċiva, allura jista’ ikun hemm swieq interni differenti minn suq Ewropew sħiħ.
Sur President, dawn huma affarijiet li jifformaw parti mill-pakkett li għandna quddiemna u li rridu niġu informati mill-gvern fuq kif qed jara l-affarijiet jiżviluppaw u x’se jkunu l-previżjonijiet li se nkunu qegħdin nagħmlu ħalli nilqgħu għal ċerti affarijiet. Jiena nifhem li l-gvern ma tantx jimportah mill-pariri tal-Oppożizzjoni u dejjem jiftaħar kif qatt ma ħa l-pariri tagħha. U issa għax ma ħax il-parir tagħna qed ikollu jressaq proprju dan l-abbozz ta’ liġi, li m’hemmx mod ieħor ħlief li tivvota favur dan l-abbozz li permezz tiegħu l-gvern se jkollu jagħmel self u garanziji għall-ewro li jlaħħqu l-10% tad-dejn nazzjonali ta’ pajjiżna. Jiena ngħid li hemm bżonn li jkun hemm ftit aktar ftuħ u ninsew id-dommi staġnati tal-imgħoddi fuq l-ewro u l-Ewropa għax issa qegħdin niffaċċjaw realtà u dik ir-realtà toħroġ minn fatti konkreti li jista’ jaqbel fuqhom kulħadd.  Imbagħad fuq bażi ta’ analiżi ta’ fatti konkreti li jaqbel magħhom kulħadd joħorġu l-istrateġiji differenti li wieħed jista’ ma jaqbilx magħhom. Imma l-poplu Malti jixraqlu ħafna aħjar milli jiġi ffaċċjat out of the blues b’abbozz ta’ liġi bħal dan mingħajr ma jingħata l-isfond fuq kif affarijiet gravi li għaddejjin fl-Ewropa se jaffettwaw il-munita tal-ewro, li fuq kollox hija l-munita tagħna.
Sur President, naħseb li dan huwa l-aktar punt li nixtieq nenfasizza fuqu. Hemm bżonn li fuq dak li għaddej f’oqsma bħal dawn ikollna l-gvern on board mal-poplu u mhux iħallu l-affarijiet għaddejjin biex imbagħad nippreżentawhom għax ikunu saru fi Brussell, qishom xi ħaġa li naqblu magħhom għax saru u naqblu magħhom għax naqblu magħhom. Aktar u aktar meta affarijiet importanti bħalma huwa n-nuqqas ta’ investiment f’pajjiżna u bħalma hija l-kompetittività ta’ pajjiżna mhux qegħdin jiġu ffaċċjati bis-serjetà. Naħseb dik hi ċ-ċavetta li fuqha rridu naħdmu; x’se jkun dak li nagħmlu f’Malta u dak li nibbekkjaw fiż-żona tal-ewro li se jkabbar l-investiment pubbliku u privat u li se jkabbar il-kompetittività pubblika u privata. Nirringrazzjak.
MR SPEAKER: Grazzi. Jekk m’hawnx aktar rimarki, nitlob lill-Ministru Tonio Fenech sabiex, jekk jogħġbu, jagħmel il-winding up.
ONOR. TONIO FENECH: Sur President, l-ewwelnett nixtieq nirringrazzja liż-żewġ kontributuri li taw il-ħsebijiet tagħhom għal dan id-dibattitu u hawnhekk qed nirriferi għall-Onor. Chares Mangion u l-Onor. Alfred Sant. Sfortunatament xtaqt li kelli ftit aktar ħin ħalli nagħti spjegazzjoni fuq xi punti li ġew sollevati imma importanti li l-parlament illum jirrisolvi f’kumitat ħalli ngħaddu dan l-abbozz ta’ liġi. Fuq kollox irrid nagħti spjegazzjoni fuq xi punti żgħar li qajjem l-Onor. Alfred Sant għax naħseb li jkun tajjeb li niċċarawhom.  Veru huwa ammont kbir dak li pajjiżna se joffri bħala garanzija imma dan qed isir għax il-konsegwenzi li ma nagħmlux hekk jistgħu jkunu ħafna ikbar fuq il-pajjiż minħabba l-impatt li jista’ jkun hemm jekk ma jkunx hemm dan it-tip ta’ mekkaniżmu fl-Unjoni Ewropea kollha.
Tajjeb li napprezzaw il-fatt li dawn l-istess garanziji li qed jagħtu l-pajjiżi l-oħra fiż-żona ewro qed jingħataw biex tingħata l-istabbilità meħtieġa. Jien mhux se nidħol daqshekk fuq il-kunċett li pprova jispjega l-Onor. Membru dwar il-proġett Ewropew u l-proġett federali. L-Unjoni Ewropea tibqa’ tinsisti – u l-Istati Membri kollha jaqblu dwar dan – li hi mhijiex stat wieħed federali imma hija unjoni ta’ pajjiżi, stati indipendenti, li jagħżlu li jaħdmu u jikkollaboraw aktar flimkien f’unjoni ekonomika, monetarja u unjoni f’numru ta’ prinċipji u oqsma oħra. Naqbel miegħu dwar is-sorveljanza tal-budgets u naħseb li l-Unjoni Ewropea tirrikonoxxi l-ħtieġa li l-istatistika tiġi sorveljata aħjar, speċjalment ta’ dawk il-pajjiżi li sfortunatament jidher b’mod ċar li f’dawn iċ-ċirkostanzi they let much to be desired. Imma min-naħa l-oħra, fuq id-dibattitu li qed isir bħalissa dwar kif se tikber is-sorveljanza Ewropea, l-Onor. Membru inċida fuq ċerti pożizzjonijiet li l-gvern ma ħax u li qisu l-gvern qed jaqbel fuq dak kollu li qed jingħad, u għalhekk irrid ngħid li l-gvern għandu l-pożizzjoni tiegħu fid-diskussjonijiet li qed isiru.
B’mod partikolari ssolleva l-fatt li filwaqt li jaqbel ma’ li jkun hemm element ta’ semester ta’ dibattiti fuq il-budgets, fl-aħħar mill-aħħar id-deċiżjoni tal-budget ta’ kull Stat Membru hija tal-parlament ta’ dak l-Istat.  Bħala gvern qegħdin nenfasizzaw li l-mekkaniżmu li jrid jiġi adottat irid jassigura equal treatment fost il-pajjiżi kollha. U mhux meta niġu fuq pajjiż żgħir il-mannara tinżel malajr imma meta niġu fuq pajjiż kbir noqogħdu nittutibaw. Ir-regoli jridu jkunu l-istess għal kulħadd. Imma naħseb li l-akbar diskussjoni li qed issir fi ħdan din it-task force hija fuq l-importanza li jidħlu l-kriterji tal-kompetittività meta nagħmlu l-evalwazzjoni tal-istability and growth pact għax hawnhekk naqbel ma’ dak li qal l-Onor. Sant dwar li l-issue hija l-kompetittività u mhux biss li nirriduċu d-deficits u d-djun imma li l-pajjiżi jespandu għax isiru aktar kompetittivi. Per eżempju, l-iżball tal-Greċja u ta’ pajjiżi oħra li żiedu d-dejn tagħhom kien ġej minħabba l-fatt li filwaqt li dawn żiedu d-dejn tagħhom, ma investewx dawk il-flus biex isiru aktar kompetittivi u allura ‘l quddiem jirkupraw dak id-dejn li jkunu għamlu imma mar fuq infiq rikurrenti li fl-aħħar mill-aħħar ma rrenda xejn fuq livell kompetittiv għal dak il-pajjiż.
Sur President, hawnhekk l-Onor. Sant ikkritika lill-gvern talli indirizza d-deficit tiegħu billi naqqas l-ispiża tal-gvern. Issa jista’ jikkritikani dwar dan l-Onor. Sant, imma l- filosofija tagħna hija li jekk inżidu t-taxxi nnaqqsu mill-kompetittività tal-pajjiż. Ma jfissirx li qatt ma jkun hemm ħtieġa li jiġu aġġustati xi taxxi, imma fl-aħħar mill-aħħar il-gvern jrid jara li n-nefqa tiegħu tkun waħda verament meħtieġa fil-pajjiż għax jekk tkun aktar milli hi meħtieġa, iż-żieda fit-taxxi tnaqqas mill-kompetittività. U allura bħala pajjiż il-pożizzjoni li ħadna kienet dik li naħdmu għall-kompetittività billi kemm jista’ jkun innaqqsu t-taxxi.
Naf li forsi ma kontx daqshekk eżawrenti fuq il-punti li ġew referuti hawnhekk imma nerġa’ ngħid li minħabba l-materja nazzjonali u minħabba li llum irridu nikkonkludu l-aspetti ta’ din is-seduta minħabba l-commitments li għandna bħala pajjiż, nittama li fil-ftit minuti li tajt bħala winding up messejt il-punti saljenti li wera bi preokkupazzjoni l-Onor. Alfred Sant. Nirringrazzjak.
MR SPEAKER: Grazzi. Il-mistoqsija hi li l-Abbozz ta’ Liġi msejjaħ “Att biex jawtorizza u jirregola l-parteċipazzjoni fi ħdan il-Faċilità għall-Istabbiltà Finanzjarja Ewropea u biex joħroġ garanziji għall-ħlas ta’ strumenti finanzjarji jew ftehim maħruġ minn jew li daħlet fih il-Faċilità għall-Istabbiltà Finanzjarja Ewropea" ikun moqri t-tieni darba. Dawk favur? (Onor Membri: Aye) Dawk kontra? Agreed.
Il-mozzjoni għaddiet nem.con. u l-Abbozz ta’ Liġi ġie moqri t-Tieni Darba.

ONOR. TONIO FENECH: Sur President, nitlob il-permess biex immorru fi stadju ta’ kumitat.
MR SPEAKER: Hawn permess? (Onor. Membri: Iva)
Il-permess ingħata.
L-ordni għal Kumitat ġie moqri.
FIL-KUMITAT
L-Onor Frederick Azzopardi, Viċi President tal-Kumitati, jippresjedi.
Klawsola 2 - Tifsir
Clause 2 - Interpretation.
ONOR TONIO FENECH: Din il-klawsola hija klawsola tad-definizzjonijiet ħalli b’hekk inkunu nistgħu niddefinixxu x’inhu l-faċilità għall-istabbilità finanzjarja Ewropea kif iddibattejna fit-Tieni Qari u l-qafas innifsu.
THE DEPUTY CHAIRMAN: Aktar rimarki? L-Onor. Charles Mangion.
ONOR. CHARLES MANGION: Dawn id-definizzjonijiet diġà ġew ikkjarifikati fl-istadju tat-tieni qari u għalhekk nistgħu mmexxu.
THE DEPUTY CHAIRMAN: Il-misotqsija hi Klawsola 2. Dawk favur? (Onor. Membri: Aye) Dawk kontra? Agreed.
Klawsola 2 għaddiet nem. con. u ġiet ordnata biex issir parti mill-Abbozz ta’ Liġi.
Klawsola 3 - Awtorità li tipparteċipa fil-Faċilità għall-Istabbiltà Finanzjarja Ewropea.
Clause 3 - Authority to participate in the European Financial Stability Facility.
THE DEPUTY CHAIRMAN: Rimarki? Il-Ministru Tonio Fenech.
ONOR. TONIO FENECH: Klawsola 3 titlob l-awtorità lil dan il-parlament biex il-gvern ikun jista’ jipparteċipa f’din il-faċilità.
THE DEPUTY CHAIRMAN: Aktar rimarki? L-Onor. Charles Mangion.
ONOR. CHARLES MANGION: Din hija klawsola dwar abbozz ta’ ftehim li ġie diskuss fit-tieni qari u bilfors li l-gvern irid jipparteċipa fl-iskema proposta.
THE DEPUTY CHAIRMAN: Jidher li m’hawnx aktar kummenti. Il-mistoqsija hi Klawsola 3. Dawk favur? (Onor. Membri: Aye) Dawk kontra? Agreed.
Klawsola 3 għaddiet nem. con. u ġiet ordnata biex issir parti mill-Abbozz ta’ Liġi.
Klawsola 4 - Ħlas u ħruġ ta’ garanziji.
Clause 4 - Payment and issuing of guarantees.
THE DEPUTY CHAIRMAN: Il-Ministru Tonio Fenech.
ONOR. TONIO FENECH: Sur President, din il-klawsola titlob permess lil din il-Kamra biex ikun jista’ isir il-ħruġ ta’ garanzija kif ukoll il-ħlas tal-kapital sa massimu ta’ €398,440,000.
THE DEPUTY CHAIRMAN: Aktar rimarki? L-Onor. Charles Mangion.
ONOR. CHARLES MANGION: Sur President, li nista’ inżid huwa dan. Qiegħed jiġi ċċarat - bħalma kien fil-każ tal-loan tal-Greċja - li kwalunkwe ammont aktar li jkun irid jiggarantixxi b’xi mod il-gvern, irid ikun hemm diskussjoni sħiħa fuqu f’dan il-parlament.  Hemm qbil li dan huwa l-maximum limit li qegħdin niftiehmu fuqu hawnhekk u biex ikun hemm xi ammont aktar, huma x’inhuma ċ-ċirkostanzi, dejjem irid ikun hawn diskussjoni fil-parlament.
THE DEPUTY CHAIRMAN: Il-Ministru Tonio Fenech.
ONOR. TONIO FENECH: Min-naħa tiegħi nikkonferma dak li qal l-Onor. Charles Mangion.
THE DEPUTY CHAIRMAN: Il-mistoqsija hi Klawsola 4. Dawk favur? (Onor. Membri: Aye) Dawk kontra? Agreed.
Klawsola 4 għaddiet nem. con. u ġiet ordnata biex issir parti mill-Abbozz ta’ Liġi.
Klawsola 1 u t-titolu għaddew nem. con. u ġew ordnati biex isiru parti mill-Abbozz ta’ Liġi.
ONOR. TONIO FENECH: Nipproponi li l-Iskrivan tal-Kamra tkun awtorizzata li tikkoreġi xi żbalji tal-ortografija u tagħmel ir-renumbering tal-klawsoli fejn ikun hemm bżonn.
THE DEPUTY CHAIRMAN: Il-Kumitat jaqbel? (Onor. Membri: Iva)
Il-Kumitat qabel li l-Iskrivan tal-Kamra tkun awtorizzata li tikkoreġi xi żbalji tal-ortografija u tagħmel ir-renumbering neċessarju.
Il-Kamra rriżumiet u l-Viċi President tal-Kumitat irrapporta l-Abbozz ta’ Liġi mgħoddi mingħajr emendi.
ONOR. TONIO FENECH: Sur President, nitlob il-permess tal-Kamra biex nipproponi t-Tielet Qari ta’ dan l-Abbozz ta' Liġi.
MR SPEAKER: Hawn permess? (Onor. Membri: Iva)
Il-permess ingħata.
MR SPEAKER: Il-Ministru Tonio Fenech.
ONOR. TONIO FENECH: Sur President, nipproponi t-Tielet Qari tal-Abbozz ta' Liġi dwar parteċipazzjoni u garanziji taħt il-faċilità għall-istabbilità finanzjarja Ewropea. 
MR SPEAKER: Min jissekonda?
ONOR. TONIO BORG: Nissekonda.
MR SPEAKER: Il-mistoqsija hi l-Abbozz ta’ Liġi msejjaħ "Att biex jawtorizza u jirregola l-parteċipazzjoni fi ħdan il-Faċilità għall-Istabbiltà Finanzjarja Ewropea u biex joħroġ garanziji għall-ħlas ta’ strumenti finanzjarji jew ftehim maħruġ minn jew li daħlet fih il-Faċilità għall-Istabbiltà Finanzjarja Ewropea" ikun moqri t-Tielet Darba. Dawk favur? (Onor. Membri: Aye) Dawk kontra? Agreed.
Il-mozzjoni għaddiet nem. con. u l-Abbozz ta’ Liġi ġie moqri t-Tielet Darba u għadda.

Yüklə 453,03 Kb.

Dostları ilə paylaş:
1   2   3   4   5   6   7




Verilənlər bazası müəlliflik hüququ ilə müdafiə olunur ©muhaz.org 2024
rəhbərliyinə müraciət

gir | qeydiyyatdan keç
    Ana səhifə


yükləyin