Dibattiti tal-kamra tad-deputati



Yüklə 0,56 Mb.
səhifə6/8
tarix28.07.2018
ölçüsü0,56 Mb.
#60964
1   2   3   4   5   6   7   8

AĠĠORNAMENT



ONOR.TONIO FENECH: Sur President, nipproponi l-Aġġornament tal-Kamra għal nhar it-Tnejn, 5 ta’ Novembru, 2012 fis-6.00 pm b’din l-aġenda:
Riżoluzzjoni għar-Ratifika tat-Trattat dwar Stabbiltà, Koordinazzjoni u Governanza magħmul fi Brussell fit-2 ta’ Marzu 2012 – Kontinwazzjoni;
Abbozz ta’ Liġi dwar il-Protezzjoni ta’ Embrijuni - Tieni Qari;
Abbozz ta’ Liġi dwar is-Saħħa Mentali - Tieni Qari;
Abbozz ta’ Liġi dwar Sħubija Ċivili u d-Drittijiet u l-Obbligi ta’ Koabitanti – Tieni Qari;
Abbozz ta’ Liġi li jemenda l-Kostituzzjoni ta’ Malta – Tieni Qari;
Abbozz ta’ Liġi li jemenda l-Att dwar il-Probation - Tieni Qari;
Abbozz ta’ Liġi dwar il-Pensjonijiet tal-Ġudikatura – Tieni Qari;
Abbozz ta’ Liġi li jemenda l-Att dwar il-Patrimonju Kulturali - Tieni Qari;
Abbozz ta’ Liġi biex jemenda l-Att dwar il-Protezzjoni u l-Privatezza tad-Data - Tieni Qari;
Mozzjoni mressqa mill-Onor Franco Debono dwar il-qasam tal-Ġustizzja - Kontinwazzjoni;
Abbozz ta’ Liġi li jemenda l-Att dwar il-Periti - Tieni Qari;
Abbozz ta’ Liġi dwar il-Protezzjoni ta’ Min jiżvela Informazzjoni li tkun Protetta - Tieni Qari;
Abbozz ta’ Liġi li jemenda l-Att dwar il-Bank Ċentrali ta’ Malta - Tieni Qari;
Abbozz ta’ Liġi li jemenda Diversi Liġijiet li jirrigwardaw Materji Kriminali - Tieni Qari;
Abbozz ta’ Liġi li jemenda Diversi Liġijiet dwar is-Servizzi Finanzjarji - Tieni Qari;
Abbozz ta’ Liġi dwar il-Professjoni tal-Counselling - Tieni Qari;
Abbozz ta’ Liġi li jirregola l-Professjoni Legali (Avukati) – Tieni Qari;

Jew aġenda oħra li tista’ tiġi komunikata aktar tard.


__________
Abbozz ta’ Liġi li jemenda l-Att dwar il-Professjoni Nutarili u Arkivji Nutarili – Kumitat Permanenti;
Abbozz ta’ Liġi li jemenda l-Ordinanza dwar l-Esplożivi – Kumitat Permanenti;
Abbozz ta’ Liġi dwar ir-Reġistru Ċentrali - Kumitat Permanenti;
Abbozz ta’ Liġi li jemenda l-Att dwar il-Kummissjoni Permanenti Kontra l-Korruzzjoni - Kumitat Permanenti;
Abbozz ta’ Liġi li jemenda l-Kodiċi Ċivili - Kumitat Permanenti; u
Abbozz ta' Liġi li jemenda l-Kodiċi Ċivili (Emenda Nru 3) - Kumitat Permanenti.
THE DEPUTY SPEAKER: Rimarki? L-Onor. Stephen Spiteri.
ONOR. STEPHEN SPITERI: Sur President, f’dan l-Aġġornament nixtieq nieħu spunti li nħoss li huma ta’ importanza biex nuri kemm kienet kbira l-ħidma tal-Gvern tul din il-leġiżlatura, li kif jaf kulħadd, waslet fil-fażi finali tagħha. Naħseb ikun ġust li wieħed iwassal il-messaġġ li tul dawn l-erba’ snin u nofs u fuqhom dan il-Gvern ħadem bis-sħiħ biex illum għandna r-riżultati li qed narawhom b’għajnejna f’dawk li huma proġetti kapitali, riformi, servizzi, kif ukoll affarijiet ta’ infrastruttura li pajjiżna fl-antik ma kienx joħlom li jkollu. Inħoss li dan il-Gvern wettaq ħidma siewja biex illum il-ġurnata pajjiżna qed igawdi pożizzjonijiet għoljin anke meta komparat ma’ pajjiżi oħra Ewropej.
Minkejja d-diffikultajiet ekonomiċi, finanzjarji u diffikultajiet oħrajn li ffaċċja, pajjiżna baqa’ miexi fid-direzzjoni t-tajba bir-riżultat li llum il-ġurnata l-poplu tagħna qed igawdi minn kwalità ta’ ħajja aħjar. Illum fit-toroq wieħed jista’ jara billboards taż-żewġ partiti. Dawn qegħdin hemmhekk biex naturalment iwasslu messaġġ u mhux biss biex ikunu biċċa concrete li fuqu jkun hemm xi ritratt partikolari. Wieħed mill-billboards li poġġa l-Partit Laburista jwassal il-messaġġ li Gonzi jpaċpaċ biss u allura naħseb li jkun xieraq li jien f’dan l-Aġġornament inpaċpaċ fuq dak li l-Gvern Nazzjonalista mmexxi mill-Prim Ministru Lawrence Gonzi wettaq verament. Fil-fatt hawn ħafna fuqiex tpaċpaċ.
Jekk iħares lejn il-proġetti kapitali li dan il-pajjiż irnexxielu jwettaq jew inkella l-proġetti li waslu anke fil-fażi finali tagħhom, wieħed jara kemm dawn il-proġetti qegħdin tassew imexxu l-ekonomija ta’ pajjiżna ‘l quddiem, qed joħolqu x-xogħol u qed ikunu ta’ ġid għall-familji Maltin u Għawdxin. Fil-belt kapitali tagħna biss, il-Belt Valletta, għandna għaddej il-proġett ta’ Bieb il-Belt, il-proġett tal-Parlament, il-proġett tat-Teatru, il-proġett li wettaqna ta’ Pjazza San Ġorġ u dak tat-terminal tal-cruiseliners. Rajna wkoll ir-restawr tal-Konkatidral ta’ San Ġwann, irranġajna diversi toroq fil-Belt u sar ukoll il-lift tal-Barrakka. Dawn kollha qed narawhom fil-belt kapitali biss. Xi jfissru dawn? Dawn mhumiex ħela ta’ flus jew tberbiq tal-finanzi imma jfissru xogħol għall-familji Maltin. Dawn ifissru spinta ‘l quddiem għall-ekonomija ta’ pajjiżna. Dawn ifissru l-pożizzjonijiet u r-riżultati li pajjiżna rnexxielu jġib tul dawn l-aħħar erba’ snin u nofs. Huwa għalhekk li aħna wieħed mill-pajjiżi bl-inqas rata ta’ qgħad komparati ma’ pajjiżi oħra ħafna akbar minna, b’ħafna riżorsi aktar minna, għaliex bil-għaqal aħna komplejna ninvestu fir-riżors uman Malti u fi proġetti kapitali li forsi ħaddieħor maqdarhom għax ma fehemx il-prinċipju għalfejn aħna qed nagħmluhom. Inkella għamel hekk biex ikun negattiv.
Ma rridux ninsew ukoll ir-restawr tas-swar tagħna. Fejn qatt konna noħolmu li f’pajjiżna se naraw dan ir-restawr isir? Dan huwa restawr li qed joħloq infrastruttura li tieħu pjaċir tħares lejha u qed joħloq infrastruttura storika u unika li t-turist jibqa’ mistagħġeb biha. Fl-istess ħin permezz tar-restawr qed niġġeneraw ukoll ix-xogħol. Mela dan ir-restawr tas-swar tagħna qed iservi mhux biss biex aħna napprezzaw is-sbuħija li għandna imma qed iservi wkoll biex ħafna familji jgawdu għax l-irġiel tagħhom qegħdin f’dan is-settur tax-xogħol.
Irrid ngħid ukoll li dan kollu qed nagħmluh ukoll grazzi għall-miljuni ta’ euros li Malta rnexxielha ġġib mill-Unjoni Ewropea. Minbarra dawn il-proġetti, qed naraw ukoll ristrutturar ta’ divesi toroq arterjali importanti f’Malta u Għawdex. Pereżempju għandna l-proġett tal-aquarium nazzjonali fil-Qawra li jinsab għaddej b’ritmu mgħaġġel. Dan qed joħloq investiment fis-settur turistiku fejn aħna nistgħu nattiraw aktar turisti kif ukoll qed noħolqu x-xogħol. Ħloqna wkoll il-Bio Park, ċentru tax-xjenza u riċerka u qed nagħmlu campus ġdid fl-MCAST. Ħloqna wkoll fakultà ġdida tal-IT fl-Università. Irranġajna wkoll it-terminal tal-passiġġieri fiċ-Ċirkewwa. Dawn taħsbu li huma kollha tpaċpiċ? Naħseb li veru huwa tpaċpiċ għax għajjejt insemmi l-affarijiet li hawn f’din il-lista kollha però ma naħsibx li dawn saru b’kumbinazzjoni. Ma naħsibx li dawn saru għax dan il-Gvern ipaċpaċ biss. Dawn l-affarijiet saru biex inkunu nistgħu ngawduhom. Ikun tajjeb li ngħid ukoll li dawn il-proġetti qed iwasslu biex pajjiżna jkun fuq quddiem fost il-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea.
Minbarra dawn l-affarijiet ta’ infrastruttura, wieħed jista’ jsemmi wkoll id-diversi riformi li aħna wettaqna fosthom fl-edukazzjoni. Dan il-Gvern irnexxielu joħloq riforma sħiħa fis-sistema edukattiva kemm tul dawn l-erba’ snin u nofs ta’ din il-leġiżlatura kif ukoll tul gvernijiet preċedenti Nazzjonalisti. Illum għandna r-riżultati li qed narawhom b’għajnejna. Illum għandna ‘l fuq minn 84% tal-istudenti ta’ età ta’ bejn wieħed u ieħor 17-il sena li qed ikomplu jistudjaw. Meta tmur lura għall-1999 issib li kulma kellek kienu bejn wieħed u ieħor 37% tal-istudenti li kienu jkomplu jistudjaw. Din hija qabża enormi. Allura taħsbu li din il-qabża saret b’kumbinazzjoni? Le, din il-qabża saret għaliex dan il-Gvern kompla jfassal fuq gvernijiet oħra Nazzjonalisti biex aħna ninċentivaw lill-istudenti tagħna, biex aħna ninċentivaw liż-żgħażagħ tagħna biex ikomplu fl-istudji tagħhom ħalli ‘l quddiem ikollhom xogħol ta’ kwalità aħjar. U kif inċentivajniehom. Inċentivajniehom billi ftaħnielhom il-bibien tal-Università beraħ, billi erġajna ftaħna l-MCAST, billi erġajna rristrutturajna l-ITS u ftaħna istituzzjonijiet oħra biex l-istudent tagħna jkollu l-għażla fejn ikompli jistudja, fejn ikompli bit-taħriġ tiegħu u jkun jista’ jikseb dak li jixtieq. Illum il-ġurnata għandna aktar minn sebgħa minn kull għaxar studenti li għalqu t-18-il sena li qed ikomplu jistudjaw jew inkella kisbu l-kwalifika li għalihom kienu qed jistudjaw. Illum għandna tmienja minn kull għaxar studenti li jagħlqu 16-il sena li qed ikomplu jistudjaw u huwa għalhekk li pajjiżna huwa r-raba’ pajjiż fl-Unjoni Ewropea bl-inqas rata ta’ qgħad fost il-gradwati. Għandna wkoll sitwazzjoni fejn ‘il fuq minn 96% tal-gradwati li jiggradwaw mill-Università, mill-MCAST, mill-ITS u minn istituzzjonijiet oħra qed jaħdmu, u mqabbla ma’ dik ta’ pajjiżi Ewropej oħra, din iċ-ċifra turi li pajjiżna qiegħed minn ta’ quddiem nett u jiġi biss wara l-Olanda u l-Awstrija. Mela aħna qegħdin fit-tielet post bħala l-aktar pajjiż li l-gradwati tagħna jirnexxielhom isibu post fl-ewwel tliet snin wara li jiggradwaw.
Irrid ngħid ukoll li f’dawn l-aħħar erba’ snin mill-MCAST, mill-ITS u mill-Università iggradwaw ‘il fuq minn 20,000 student u dan għaliex irnexxielna niftħu l-bibien mhux beraħ, imma ftaħna anke t-twieqi tal-Università tagħna biex kull student u studenta jirnexxielhom imorru jistudjaw dak il-kors li jridu. Illum fl-Università ta’ Malta għandna ‘l fuq minn 780 kors full time differenti. Fi żmien l-aħħar Gvern Laburista, kellna Università li kienet toffri biss 60 kors u kienet Università li biex tidħol trid il-parrinu, li biex tidħol trid l-20 punt, li biex tidħol issib in-numerus clausus bil-konsegwenza li aktar għandek ċans tibqa’ barra milli tidħol ġewwa.
Aħna Gvern li ħloqna riforma straordinarja fl-edukazzjoni, riforma li qed twassal biex il-pajjiż ikun suċċess, biex il-pajjiż tagħna verament għaraf iċ-ċavetta tas-suċċess li hija l-edukazzjoni. Din fejn wasslitna? Din wasslet biex f’dawn l-aħħar erba’ snin pajjiżna joħloq ‘il fuq minn 20,000 post tax-xogħol ġdid. Illum f’pajjiżna nistgħu niftaħru u ngħidu li aħna qegħdin fir-raba’ post tal-inqas pajjiżi li għandhom qgħad. Dan għax aħna bħala Gvern komplejna nsaħħu l-inċentivi għall-istudenti u komplejna nsaħħu anke l-istipendji. Matul din is-sena qegħdin nonfqu ‘l fuq minn €23 miljun fi stipendji. Dawn mhux talli qed narawhom ħela, talli qed narawhom ta’ inċentiv u ta’ kuraġġ kemm għall-istudenti kif ukoll għall-familji tagħhom. Huwa grazzi wkoll għal dawn l-istipendji li qed naslu għar-riżultati li ksibna u li jien tkellimt fuqhom ftit tal-minuti ilu. Hawnhekk ikun tajjeb li wieħed jgħid li l-aħħar darba li kien hemm Gvern Laburista, jiġifieri bejn l-1996 u l-1998, dawn l-istipendji nqalbu fi djun għall-istudenti tagħna. Kien jiġri li student fl-Università, fl-ITS jew fl-MCAST, minbarra li kien ikollu jħabbel rasu biex jidħol f’dejn biex ikollu daru jew forsi l-karozza, kien ikollu jħabbel rasu wkoll fuq id-dejn tal-kors li jkun għażel. Naħseb li dik l-inizjattiva ma tantx niżlet ħelwa mal-istudenti ta’ dak iż-żmien. Aħna min-naħa tagħna komplejna saħħaħna u nvestejna f’dawn l-istipendji u filwaqt li bejn l-2007 u l-2008 kellna 15,000 student li kienu qed jieħdu l-istipendji b’investiment ta’ bejn wieħed u ieħor €19 miljun, bejn is-sena skolastika 2011 u 2012 dan in-numru tela’ għal aktar minn 18,600 student b’investiment ta’ ‘l fuq minn €23 miljun, żieda ta’ €4 miljun f’erba’ snin.
Qed naraw ukoll kemm verament dan il-Gvern jemmen f’edukazzjoni ħolistika u edukazzjoni inklużiva. Hawnhekk dan il-Gvern verament ħaqqu prosit għax irnexxielu joħloq edukazzjoni li qed igawdi minnha kulħadd; hu min hu, ġej minn fejn ġej u mhuwiex importanti jekk għandu xi forma ta’ problema, xi forma ta’ diżabilità jew inkella jekk għandux bżonn għajnuna speċjali. Dan il-Gvern qed jagħti ċans lil kull student u studenta, hi min hi, hi ta’ liema kulur hi u ġejja minn fejn ġejja. Qed naraw ukoll żieda fis-sess femminili meta niġu għad-dħul anke f’istituzzjonijiet bħall-Università. L-aħħar intake tal-Università tagħna li saret f’Ottubru kien fiha aktar tfajliet minn ġuvintur u dan għaliex qed ninċentivaw aktar lin-nisa biex jidħlu fid-dinja tal-istudju, fl-edukazzjoni u eventwalment fid-dinja tax-xogħol. Dan kien suċċess ieħor ta’ dan il-Gvern li ġie kkritikat kemm-il darba għaliex f’pajjiżna ma tantx ninċentivaw lin-nisa biex jidħlu fid-dinja tax-xogħol. Aħna inċentivajna anke lin-nisa miżżewġin, dawk li huma kbar fl-età u li qed irabbu lil uliedhom biex ikomplu l-istudji tagħhom. Aħna ħloqna ċ-childcare centres li minbarra li jservu biex ikollna aktar nisa joħorġu jaħdmu, qed iservu wkoll biex it-tfal iż-żgħar jieħdu edukazzjoni tal-aqwa kwalità mill-bidu nett għax is-servizz huwa tal-aqwa kwalità. Aħna bħala Gvern qgħadna b’seba’ għajnejn biex anke f’dawn iċ-ċentri jkollna l-aqwa standards kemm ta’ dawk li jieħdu ħsieb lil dawn it-tfal kif ukoll tal-infrastruttura ta’ dawn iċ-ċentri. Aħna mhux talli inċentivajna l-edukazzjoni, mhux talli inċentivajna d-dinja tax-xogħol, imma anke inċentivajna t-taħriġ, u t-taħriġ inċentivajnih bir-riżultati.
Irrid ngħid ukoll li matul dawn l-aħħar erba’ snin l-MCAST offriet taħriġ lil ammont fenomenali ta’ studenti. Barra minn hekk ‘il fuq minn 45,000 persuna

ingħataw taħriġ mill-Korporazzjoni tax-Xogħol u Taħriġ, dik li nsejħulha l-ETC. L-ETC ħadet ħsieb anke persuni b’diżabilità, persuni li għandhom bżonn għajnuna aktar speċjali minn ħaddieħor, persuni li forsi jħossuhom żvantaġġjati meta jmorru biex ifittxu x-xogħol. L-ETC għamlet xogħol siewi ħafna fejn verament uriet kemm tħaddem l-element inklużiv. Fil-fatt f’dawn l-aħħar snin irnexxielha tgħin biex aktar minn 450 persuna b’diżabilità jinstabilhom impjieg u daħlu fid-dinja tax-xogħol. Hawnhekk naraw kif verament dan il-Gvern, mhux bil-paroli imma bir-riżultati u l-fatti qiegħed joffri sigurtà lill-poplu tagħna, anke fejn tidħol edukazzjoni, fejn jidħol taħriġ u fejn jidħol tagħlim.

Dan il-Gvern qed joffri wkoll diversi boroż ta’ studju, dawk li ngħidulhom scholarships, għaliex jemmen li għandek tinċentiva studenti biex ikomplu jżidu l-ħiliet u l-kapaċatijiet tagħhom. Barra milli jinċentivaw il-kapaċitajiet tagħhom dawn jinċentivaw anke l-ekonomija ta’ pajjiżna. Il-Gvern, tul dawn l-aħħar erba’ snin, offra ‘l fuq minn 2,000 scholarship li wasslu għal dottorat, għal masters, għal degrees u għal diplomas. Hawnhekk naraw verament is-suċċess tar-riforma fl-edukazzjoni u lil pajjiżna ġibnih minn ta’ quddiem f’diversi oqsma. U dawn iċ-ċertifikati mhux qed insemmuhom aħna biss imma qed isemmihom ukoll il-President tal-Kummissjoni Ewropea José Manuel Barroso li żar lil Malta għal-laqgħa tal-5+5. Barroso faħħar tassew lil pajjiżna dwar kif irnexxielu jmur kontra l-mewġ u kontra d-diffikultajiet biex illum għandna r-riżultati li għandna.

Sur President, jien hawnhekk nixtieq nassigura li dan il-Gvern se jibqa’ jżid l-investiment kemm fl-infrastruttura, kemm fl-edukazzjoni, kemm fis-saħħa, kemm fil-qafas soċjali kif ukoll f’dak kollu li jikkonċerna lill-poplu tagħna biex ikollna verament pajjiż li jibqa’ miexi fid-direzzjoni t-tajba, fid-direzzjoni li tant qed iġġibilna suċċessi. Nirringrazzjak.



THE DEPUTY SPEAKER: Grazzi. Il-Kamra hija aġġornata għal nhar it-Tnejn, 5 ta’ Novembru, 2012 fis-6.00 p.m bl-aġenda kif komunikata mill-Ministru.
Fid-9.30 p.m. il-Kamra aġġornat mingħajr ma saret il-mistoqsija.

Yüklə 0,56 Mb.

Dostları ilə paylaş:
1   2   3   4   5   6   7   8




Verilənlər bazası müəlliflik hüququ ilə müdafiə olunur ©muhaz.org 2024
rəhbərliyinə müraciət

gir | qeydiyyatdan keç
    Ana səhifə


yükləyin