MALTA
DIBATTITI TAL-KAMRA TAD-DEPUTATI
(Rapport Uffiċjali u Rivedut)
IL-ĦDAX-IL PARLAMENT
Seduta Nru. 516
L-Erbgħa, 31 ta’ Ottubru 2012
Stampat fl-Uffiċċju tal-Iskrivan
Kamra tad-Deputati
MALTA
Prezz €2.50
IL-ĦDAX-IL PARLAMENT
Seduta Nru. 516
L-Erbgħa, 31 ta’ Ottubru 2012
Il-Kamra tad-Deputati ltaqgħet fil-Kamra tal-Parlament,
il-Palazz, il-Belt Valletta, fis-6.04 p.m.
Talba
Seduta Nru. 516
L-Erbgħa, 31 ta’ Ottubru 2012
WERREJ
MINUTI 4
MISTOQSIJIET – TWEĠIBIET ORALI 4
TQEGĦID TA’ KARTI 9
ORDNIJIET TAL-ĠURNATA 10
ABBOZZ TA’ LIĠI LI JEMENDA 10
L-KODIĊI TA’ ORGANIZZAZZJONI U PROĊEDURA ĊIVILI 10
CODE OF ORGANIZATION AND CIVIL PROCEDURE (AMENDMENT) BILL 10
ABBOZZ TA’ LIĠI LI JEMENDA DIVERSI LIĠIJIET LI GĦANDHOM X’JAQSMU MAL-KLASSIFIKAZZJONI TAL-FILMS U L-PALK 10
VARIOUS LAWS (CLASSIFICATION OF FILMS AND OF DRAMATIC AND OTHER STAGE PRODUCTIONS) (AMENDMENT) BILL 10
ABBOZZ TA’ LIĠI LI JEMENDA L-ATT DWAR IL-PROFESSJONI NUTARILI U ARKIVJI NUTARILI 11
NOTARIAL PROFESSIONS AND NOTARIAL ARCHIVES (AMENDMENT) BILL 11
RIŻOLUZZJONI DWAR IR-RATIFIKA TAT-TRATTAT TA’ STABBILTÀ, KOORDINAZZJONI U GOVERNANZA MAGĦMUL FI BRUSSELL FIT-2 TA’ MARZU 2012 15
AĠĠORNAMENT 38
MISTOQSIJIET GĦAL TWEĠIBIET ORALI MWIEĠBA BIL-MIKTUB 41
MINUTI
Il-Minuti tas-Seduta Nru. 515 li saret fit-30 ta’ Ottubru, 2012 ġew konfermati.
MISTOQSIJIET – TWEĠIBIET ORALI
SAN ĠILJAN - TITOLU TA' PROPRJETÀ
37418. L-ONOR. JOE MIZZI (f’isem l-Onor. Luciano Busuttil) staqsa lill-Ministru għall-Kompetizzjoni Ġusta, Negozji Żgħar u l-Konsumatur: Jista' l-Ministru jgħid jekk il-fond li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament, il-Gvern ta' Malta għandux xi titolu, ikun li jkun fuq din il-proprjetà?
ONOR. JASON AZZOPARDI (Ministru għall-Kompetizzjoni Ġusta, Negozji Żgħar u l-Konsumatur): Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-fond li d-dettalji tiegħu ngħataw separatament huwa proprjetà tal-Gvern skont il-ftehim li sar bejn il-Gvern u s-Santa Sede.
MELLIEĦA - STAT TAL-FORTIZZA CAMPBELL
37445. L-ONOR. DAVID AGIUS (f’isem l-Onor. Ċensu Galea) staqsa lill-Ministru għall-Kompetizzjoni Ġusta, Negozji Żgħar u l-Konsumatur: Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar f'liema stat tinsab il-Fortizza Campbell, limiti tal-Mellieħa? Xi pjanti għandu d-Dipartiment konċernat ta' din il-fortizza?
ONOR. JASON AZZOPARDI: Kif għedt fir-risposta għall-mistoqsija parlamentari 37186, ma saret l-ebda evalwazzjoni tal-ħsarat li hemm f'din il-fortizza li ilha żmien twil abbandunata. Apparti ħsarat kawżati mill-elementi, il-Fortizza kemm-il darba ġiet vandalizzata peress li m'hemm l-ebda lqugħ li jipprojbixxi l-aċċess. Intant id-Dipartiment Proprjetà tal-Gvern għandu biss pjanta magħmula fuq survey sheet li turi ż-żona ta' din il-fortizza, liema pjanta qiegħda tiġi mpoġġija fuq il-Mejda tal-Kamra.
THE DEPUTY SPEAKER (Onor. Ċensu Galea): L-Onor. David Agius, mistoqsija supplimentari.
ONOR. DAVID AGIUS: Jekk din il-Fortizza kemm-il darba ġiet vandalizzata, hemm il-ħsieb li l-Gvern jieħu azzjonijiet biex għallinqas ma tibqax issir ħsara lil dan il-post?
THE DEPUTY SPEAKER: Il-Ministru Azzopardi.
ONOR. JASON AZZOPARDI: Ir-risposta hija iva però fl-istess waqt id-Dipartiment – u qed ngħid dan mill-memorja – qiegħed janalizza numru ta’ talbiet li saru minn tnejn jew tliet entitajiet għall-użu ta’ din il-forti.
KAŻ TA' PERSUNA LI KIENET TIEĦU R-RELIEF
36824. L-ONOR. JOE MIZZI (f’isem l-Onor. Silvio Parnis) staqsa lill-Ministru tal-Ġustizzja, Konsultazzjoni Pubblika u l-Familja: B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 36286, jista' l-Ministru jara għalfejn il-persuna konċernata għadha ma ġietx ikkuntattjata?
ONOR. CHRIS SAID (Ministru tal-Ġustizzja, Konsultazzjoni Pubblika u l-Familja): Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-persuna konċernata ġiet informata permezz ta’ ittra ta’ spjegazzjoni fil-bidu ta' Lulju, 2012. Peress li ma waslitx, se terga' tintbagħat kopja ta' din l-ittra.
WSC - KONTIJIET TAL-ILMA
36836. L-ONOR. JOE MIZZI (f’isem l-Onor. Silvio Parnis) staqsa lill-Ministru tal-Finanzi, l-Ekonomija u Investiment: Jista' l-Ministru jara li tiġi kkuntattjata l-persuna, li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament, li kemm-il darba ċemplet lill-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma peress li qed ikollha kontijiet għoljin wisq?
ONOR. TONIO FENECH (Ministru tal-Finanzi, l-Ekonomija u Investiment): Ninsab informat li l-informazzjoni ngħatat lill-ARMS Ltd li min-naħa tagħha se tikkomunika direttament mal-klijent.
PROBLEMA FIL-METER TAL-ILMA
36837. L-ONOR. JOE MIZZI (f’isem l-Onor. Silvio Parnis) staqsa lill-Ministru tal-Finanzi, l-Ekonomija u Investiment: Jista' l-Ministru jara l-każ tal-persuna, li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament, peress li għandha xi problemi fil-meter tal-ilma?
ONOR. TONIO FENECH: Ninsab informat illi l-informazzjoni ngħatat lill-ARMS Ltd li min-naħa tagħha se tikkomunika direttament mal-klijent.
ILMENT DWAR PARAPETT
36940. L-ONOR. JOE MIZZI (f’isem l-Onor. Silvio Parnis) staqsa lill-Ministru tal-Ġustizzja, Konsultazzjoni Pubblika u l-Familja: Jista' l-Ministru jara l-każ tal-anzjana, li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, peress li fil-blokk fejn toqgħod hemm flat tal-Awtorità tad-Djar u hemm xi ilment rigward il-parapett?
ONOR. CHRIS SAID: Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Awtorità tad-Djar ħadet nota ta’ din l-interpellanza u nkludiet din it-talba fil-programm ta’ manutenzjoni tagħha.
THE DEPUTY SPEAKER: L-Onor. David Agius, mistoqsija supplimentari.
ONOR. DAVID AGIUS: Sur President, naf li bħalissa għaddejja wkoll sistema min-naħa tad-Dipartiment jew l-Awtorità tad-Djar biex numru ta’ flats jinkrew mingħand il-privat u jittieħdu f’idejn il-Gvern biex ikunu jistgħu jitqassmu. Jista’ l-Ministru jagħtina ftit aktar informazzjoni dwar dan?
THE DEPUTY SPEAKER: Il-Ministru Said.
ONOR. CHRIS SAID: Nitlob lill-Onor. Agius biex jerġa’ jirrepeti l-aħħar parti tal-mistoqsija.
THE DEPUTY SPEAKER: L-Onor. David Agius.
ONOR. DAVID AGIUS: Jista’ l-Ministru jagħtina ftit informazzjoni dwar kif sejra l-iskema li l-Gvern nieda biex flats min-naħa tal-privat jgħaddu għand l-Awtorità tad-Djar, imbagħad mingħand l-Awtorità jgħaddu għand dawk li jkunu għamlu talba quddiem l-Awtorità tad-Djar?
THE DEPUTY SPEAKER: Il-Ministru.
ONOR. CHRIS SAID: Dik li qed jirriferi għaliha l-Onor. Interpellant hija waħda mill-iskemi li l-Awtorità tad-Djar ħarġet f’dawn l-aħħar xhur u fl-opinjoni tiegħi hija waħda mill-aktar skemi importanti. Din hija l-iskema msejħa “ l-Iskema Kiri” li permezz tagħha l-Awtorità tad-Djar minflok kompliet tibni hi għal dak li jissejjaħ social housing u allura tieħu aktar art, toħroġ fis-suq u tipprova tikri mingħand is-sidien privati. Din hija kirja ta’ għaxar snin b’ċerti kondizzjonijiet biex imbagħad meta l-Awtorità tikri mingħand dawn is-sidien privati tkun tista’ tgħaddihom lill-klijenti tagħha, lil dawk li għandha fuq il-lista li qed jitolbu l-għajnuna. Kien hemm sejħa li ħarġet darbtejn fil-Gazzetta tal-Gvern biex sidien privati li lesti jikru l-appartamenti tagħhom lill-Awtorità tad-Djar bil-kondizzjonijiet li ġew speċifikati, jersqu ‘l quddiem u joffru dawn l-appartamenti.
Irrid ngħid li ż-żewġ sejħiet kienu suċċess u kellna ‘l fuq minn 600 appartament li ġew offruti. Meta ħarġet l-ewwel skema kien hemm indikat li dawn l-appartamenti bilfors iridu jkunu finished minn kollox u bdew l-ispezzjonijiet min-naħa tal-uffiċjali tal-Awtorità biex jiġi assigurat li dawn l-appartamenti kienu up to standard skont l-ispeċifikazzjonijiet. Sussegwentement minbarra li jiġi regolat jekk humiex up to standard, ried jiġi determinat ukoll jekk il-kera li kienet qed tintalab kenitx waħda ġusta u allura kellek okkażjonijiet fejn is-sid intalab li jirrevedi l-kera. Din tiddependi, pereżempju, fuq il-lokazzjoni, f’liema sular ikun qiegħed l-appartament, kemm ikun kbir, jekk ikunx one, two jew three bedroom apartment u dettalji oħra. Il-kera fl-ebda każ ma setgħet taqbeż aktar minn €400 fix-xahar.
Wara li sar dan l-eżerċizzju li għadu għaddej kemm fuq l-ewwel parti kif ukoll fuq it-tieni parti, bdew jiġu ffirmati l-agreements mas-sidien u hemm numru ta’ agreements li diġà ġew iffirmati. Jekk m’iniex sejjer żball hemm madwar 150 agreement li ġew iffirmati mas-sidien. Malli jiġu ffirmati l-agreements dawn l-appartamenti jkunu għad-dispożizzjoni tal-Awtorità tad-Djar biex din tkun tista’ tużahom għall-aktar każijiet urġenti li għandha u fil-fatt dan il-proċess jinsab għaddej ukoll.
Rigward it-tieni sejħa li saret, l-appartamenti li ġew sottomessi mhux bilfors riedu jkunu finished u seta’ kien hemm ċertu xogħol li għadu nieqes. Ir-raġuni hi li kien hemm sidien li qalulna li kienu interessati imma ma kenux lesti li jagħmlu spejjeż biex jagħmlu x-xogħol jekk ma jkunux jafu li l-Awtorità se tieħu l-post. F’dak il-każ kien hemm indikazzjoni mill-Awtorità li se jittieħdu u ngħataw żmien sakemm ilestu x-xogħlijiet. Fil-verità kien hemm numru minnhom li diġà lestew ix-xogħlijiet ukoll u qegħdin jersqu għall-ftehim, għall-kuntratt ta’ kirja ta’ għaxar snin. Jidhrilna li din l-iskema għandha numru ta’ vantaġġi. L-ewwel ħaġa qed nutilizzaw parti mill-istock li mhuwiex utilizzat ta’ appartamenti li għandna madwar il-pajjiż. It-tieni, l-Awtorità m’għandhiex għalfejn tibni numru ta’ blokki oħra ta’ appartamenti ma’ dawk li diġà għandha u allura jiġi evitat iż-żmien, it-tendering, il-binja, però aktar minn hekk l-artijiet li fuqhom iridu jinbnew dawn l-appartamenti speċjalment meta nafu li l-art hija riżorsa skarsa ħafna f’pajjiżna.
Punt importanti ieħor hu li dawn l-appartamenti mhumiex qegħdin kollha fi blokka waħda jew f’numru ta’ blokok imma huma mifruxin madwar il-lokalitajiet kollha f’Malta u f’Għawdex u allura anke dawn il-persuni li għandhom bżonn is-social housing li ħafna drabi jkunu familji b’persuni vulnerabbli jew familji li għandhom ċerti problemi soċjali, mhumiex qed jitpoġġew kollha fl-istess blokk imma qed jiġu mifruxa u allura jkun hemm aktar ċans ta’ integrazzjoni mal-komunità li jkunu fiha. Aħna naraw li hemm numru ta’ vantaġġi permezz ta’ din l-iskema li qed taħdem tajjeb ħafna u qed tgħin ukoll minn kull lat lil dawn il-familji li qegħdin jieħdu dawn l-appartamenti.
THE DEPUTY SPEAKER: L-Onor. David Agius.
ONOR. DAVID AGIUS: Jien nixtieq nagħmel żewġ mistoqsijiet partikolari. Dawk l-appartamenti li għadhom mhumiex lesti u li l-Gvern qed jgħid li huma tajbin, min se jagħmel il-finishing tagħhom, is-sid jew il-Gvern?
It-tieni mistoqsija hija din. Il-manutenzjoni tal-komun se tkun responsabbiltà tas-sid jew tal-Awtorità tad-Djar?
THE DEPUTY SPEAKER: Il-Ministru.
ONOR. CHRIS SAID: Rigward l-ewwel mistoqsija rrid ngħid li dawk l-appartamenti li jiddaħħlu bit-tieni sejħa u li allura setgħu ma kenux finished, ried ilestihom is-sid a spejjeż tiegħu, jiġifieri l-Awtorità teħodhom lesti minn kollox. Id-differenza mill-ewwel sejħa kienet biss li filwaqt li fl-ewwel sejħa riedu jkunu finished fid-data tal-applikazzjoni, issa ma kellhomx għalfejn ikunu finished fid-data tal-applikazzjoni, imma jekk l-Awtorità tgħid li dak l-appartament bil-kirja li kienet qed tintalab huwa tajjeb għall-klijenti tagħha, allura f’dak il-każ jingħata ż-żmien, xahrejn, tliet xhur, erba’ xhur, skont ix-xogħol li jkun hemm bżonn isir, biex is-sid ilestih u mbagħad meta jgħaddi dak il-perijodu terġa’ ssir l-ispezzjoni biex jiġi aċċertat li l-appartament ikun finished minn kollox u hemmhekk isir il-kuntratt. Però l-Awtorità tagħti indikazzjoni minn qabel lis-sid li jekk ilestih fi żmien speċifiku, allura tkun se tidħol għal dak il-kuntratt. Mela allura s-sid ikollu moħħu mistrieħ li jekk se jagħmel l-ispiża tal-finishing imbagħad hu jaf li se jkollu kuntratt ta’ għaxar snin u jagħti dak l-appartament lis-sidien.
Parti importanti minn din l-iskema hi r-relazzjoni bejn is-sid tal-appartament u l-Awtorità tad-Djar bħala inkwilin, jiġifieri s-sid m’għandux x’jaqsam hu mal-klijent tal-Awtorità tad-Djar, jiġifieri ma’ min l-Awtorità tgħaddi dak l-appartament taħt l-iskema ta’ social housing. Il-kirja titħallas direttament mill-Awtorità lis-sid, imbagħad l-Awtorità tgħaddi l-post b’kirja sussidjata lill-klijenti tagħha u tiġbor mingħand il-klijenti tagħha l-kirja li tkun sussidjata, l-ammont ta’ kera skont il-means testing, skont id-dħul, skond il-membri fil-familja li jkunu ngħataw dak l-appartament. Hawnhekk tidħol il-kwestjoni tal-manutenzjoni. Il-manutenzjoni straordinarja hija responsabbiltà tas-sid u l-manutenzjoni ordinarja hija responsabbiltà tal-Awtorità. L-Awtorità hija responsabbli li fi tmiem il-kirja tgħaddi l-appartament fl-istess stat tajjeb li jkun inkera lilha safe wear and tear. Issa ovvjament affarijiet bħal kanen tal-ilma eċċ., meta jgħaddi ż-żmien minn fuqhom jibdew jispiċċaw però f’affarijiet oħra l-Awtorità trid taċċerta li l-post jingħata lura lis-sid fi stat tajjeb. Fil-kirja li qed tagħti lill-klijenti tagħha l-Awtorità qed iddaħħal kondizzjonijiet li dawn il-klijenti tagħha jridu jieħdu ħsieb il-manutenzjoni ordinarja, iridu jieħdu ħsieb l-indafa, iridu jieħdu ħsieb li ma jagħmlux alterazzjonijiet strutturali u kondizzjonijiet oħra biex wieħed jassigura li dawn l-appartamenti jinżammu fl-aħjar stat possibbli.
Irrid ngħid li aħna stess ma stennejniex li din tkun daqshekk suċċess u l-iskop tagħha hu proprju biex insolvu numru mill-każijiet urġenti li hemm fuq il-lista tal-Awtorità tad-Djar.
THE DEPUTY SPEAKER: L-Onor. David Agius, mistoqsija supplimentari.
ONOR. DAVID AGIUS: Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm allokati fondi għal din l-iskema?
THE DEPUTY SPEAKER: Il-Ministru.
ONOR. CHRIS SAID: Jien irrispondejt mistoqsija parlamentari fuq kemm se tiswa din l-iskema fuq bażi ta’ għaxar snin. Jekk m’inix sejjer żball – u qed nitkellem bl-amment – se tiġi tiswa bejn wieħed u ieħor madwar €18 miljun fuq għaxar snin però wieħed irid jiftakar li parti mhux kbira minn dawk il-flus jidħlu lura għand l-Awtorità mingħand il-klijenti tagħha fil-kirja li huma jkunu qegħdin iħallsu. Irridu niftakru wkoll li l-Awtorità mhux se tkun qed tagħmel l-ispiża biex tixtri art jew tħallas għal art li tgħaddi għandha b’esproprjazzjoni jew b’xi mod ieħor biex tkun tista’ tibni fuqha aktar blokki ta’ appartamenti u mhux se tkun qed tagħmel ukoll l-ispiża biex tibni dawn il-blokki ta’ appartamenti u anke bħala s-sid oriġinali tagħmel il-manutenzjoni straordinarja. Kellna każijiet fejn l-Awtorità hija s-sid ta’ blokk ta’ appartamenti li jintuża għal social housing, ikun hemm ċerti problemi strutturali u jintnefqu ammonti ta’ flus biex dawk il-problemi jiġu rranġati minn żmien għal żmien. Issa f’dawn it-tip ta’ appartamenti dawk il-problemi strutturali huwa responsabbli għalihom is-sid oriġinali, is-sid privat u allura dik l-ispiża m’għadhiex f’idejn l-Awtorità.
THE DEPUTY SPEAKER: L-Onor. Joe Mizzi, mistoqsija supplimentari.
ONOR. JOE MIZZI: Jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx xi taqsima li tara li jissewwew il-ħsarat li jkun hemm fid-djar tal-Gvern? Jista’ jispjega kif wieħed jista’ jagħmel ilment dwar il-ħsarat li jkollu u kif jintgħażlu biex imorru jsewwulhom? B’liema kriterji tintgħażel il-prijorità?
THE DEPUTY SPEAKER: Il-Ministru Chris Said.
ONOR. CHRIS SAID: Din hija waħda mill-akbar problemi li tiffaċċja l-Awtorità tad-Djar u se nagħti eżempju. Matul dawn l-aħħar snin saru numru ta’ lifts f’numru ta’ blokki tal-Awtorità tad-Djar. L-ispiża kapitali biex isir il-lift issir kollha mill-Awtorità tad-Djar imma ovvjament ir-running expenses u l-ħsarat li jkun hemm iridu jħallsuhom bejniethom l-inkwilini li jkun hemm f’dak il-blokk. Qed jiġrilna li ħafna drabi minħabba nuqqas ta’ ftehim bejn l-inkwilini, dawn il-lifts li ntnefqu eluf kbar ta’ euros fuqhom jispiċċaw ma jaħdmux u għal ftit mijiet ta’ euros ta’ tiswijiet jew manutenzjoni li jkun hemm bżonn fuqhom, dawn il-lifts jispiċċaw ma jintużawx. Però issa insa’ l-lifts. L-Onor. Mizzi staqsa jekk hemmx xi taqsima li tieħu ħsieb il-ħsarat. Iva, l-Awtorità għandha taqsima li meta jsiru ilmenti fuq ħsarat tmur tispezzjona u jsir rapport dwar dawn il-ħsarat u xi jkun hemm bżonn isir. Ix-xogħlijiet isiru permezz ta’ numru ta’ tenders. L-Awtorità għandha numru ta’ tenders li joħorġu minn żmien għal żmien dwar tiswijiet li jkun hemm bżonn isiru. Dawn huma tenders dwar plumbing, tikħil, u affarijiet bħal poġġamani, bibien, twieqi, eċċ. u f’dawk il-każijiet isiru skont il-prijorità. Jista’ jkollok każ fejn ikun hemm ċertu periklu imma dan jiddeċiduh il-periti u l-esperti tal-Awtorità li jmorru jagħmlu l-ispezzjonijiet. L-ilmenti jsiru permezz tal-customer care. L-Awtorità għandha sistema ta’ customer care bit-telephone, bl-uffiċċju u anke bl-email fejn wieħed jista’ jibgħat l-ilmenti tiegħu u fi ftit ġranet normalment issir l-ispezzjoni biex jiġi determinat x’tip ta’ xogħlijiet ikun hemm bżonn li jsiru. Mela kif diġà spjegajt, isir ir-rapport, u abbażi ta’ dak ir-rapport imbagħad ix-xogħol jgħaddi għand min ikun imissu bħala kuntratturi.
THE DEPUTY SPEAKER: L-Onor. Joe Mizzi, mistoqsija supplimentari.
ONOR. JOE MIZZI: F’ċerti każijiet ma nistax nifhem għaliex jidħol id-Dipartiment tal-Artijiet ukoll fin-nofs. Dawn iltqajt magħhom jien. Hemm djar li jgħidu li huma tad-Dipartiment tal-Artijiet li ma jaqax taħt l-Awtorità tad-Djar u jibagħtuhom biex jagħmlu l-ilmenti f’dak id-Dipartiment. Jista’ l-Ministru jispjega kif wieħed jieħu ħsieb dawn il-każijiet? Qed nistaqsi dan għax donnu kultant jibagħtuhom mingħand Kajfa għal għand Pilatu. Nista’ ngħid ukoll li kien hemm kwestjoni li dħalt fiha jien u donnu qed ikun hemm ċerti diffikultajiet.
THE DEPUTY SPEAKER: Il-Ministru Said.
ONOR. CHRIS SAID: L-Onor. Mizzi għandu raġun għax ġieli lin-nies jibagħtuhom mingħand Anna għal għand Erodi. L-espressjoni ta’ Malta hija “mingħand Kajfa għal għand Pilatu” u ta’ Għawdex hija “mingħand Anna għal għand Erodi”. Din hija xi ħaġa li qegħdin nindirizzaw. Illum għandek blokok ta’ appartamenti li huma proprjetà tad-Dipartiment tal-Artijiet li għadhom qatt ma ġew trasferiti għand l-Awtorità tad-Djar. Fil-fatt bħalissa għaddej eżerċizzju biex dawn jiġu trasferiti ftit ftit għand l-Awtorità tad-Djar u b’hekk ikunu kollha responsabbiltà tagħha. Fejn għandek blokok ta’ appartamenti li għadhom ma ġewx trasferiti għand l-Awtorità tad-Djar, is-sid huwa d-Dipartiment tal-Artijiet u huwa responsabbli mill-manutenzjoni. Din qed nindirizzawha billi dawn il-blokok qed jgħaddu għand l-Awtorità u b’hekk l-istess Awtorità tkun tista’ toħroġ skemi bħalma ħriġna biex aktar nies li jgħixu f’dawn l-appartamenti jsiru sidien ta’ djarhom. Fil-fatt fl-aħħar xhur, bil-kollaborazzjoni tal-kollega tiegħi l-Ministru Jason Azzopardi, ħriġna żewġ skemi partikolari. Waħda minnhom hija l-iskema li tista’ tissejjaħ tal-Possession and Use li tirrigwarda numru ta’ appartamenti li nbnew fuq l-artijiet li kienu ttieħdu wara l-gwerra. Hemmhekk kellna problema għax is-sidien oriġinali kienu għadhom ma tħallsux. Permezz ta’ skema li nieda l-Ministru Azzopardi dawn is-sidien tħallsu u allura d-Dipartiment tal-Artijiet seta’ jgħaddihom lill-Awtorità tad-Djar. Sussegwentement wara li tħallsu s-sidien l-Awtorità ħarġet skema biex min jgħix fihom ikun jista’ jixtrihom. L-iskema kienet li aktar ma tkun ilek tgħix fihom, aktar ikollok sussidju, u ħafna drabi dan kien ilaħħaq madwar 60% u aktar tal-prezz kummerċjali ta’ dak l-appartament. Dik kienet l-iskema fuq il-Possession and Use.
Irrid ngħid ukoll li għaddew 120 blokk ta’ appartamenti mingħand id-Dipartiment tal-Artijiet għal għand l-Awtorità tad-Djar. Fil-fatt jekk m’inix sejjer żball din is-sena għaddew madwar 1,000 appartament għand l-Awtorità. Kif dawn l-appartamenti għaddew għal għand l-Awtorità tad-Djar, minbarra li din assumiet ir-responsabbiltà ta’ manutenzjoni, eċċ., l-Awtorità setgħet ukoll toħroġ skema “Sir sid ta’ darek” għal min qed jgħix f’dawn l-appartamenti. Din l-iskema tixbaħ ħafna lil dik tal-Possession and Use fejn dak li jkun seta’ jixtri l-appartament bi prezz sussidjat. Il-prezz kien sussidjat bi 2% għal kull sena fuq ħames snin li tkun ilek tgħix f’dak l-appartament. Mela allura min kien ilu jgħix 30 sena – għax il-massimu huwa 30 sena – jieħu 60% sussidju fuq il-prezz kummerċjali. Apparti minn hekk, min iħallas is-somma kollha f’daqqa jieħu 5% oħra fuq il-prezz kummerċjali. Ingħatat ukoll l-opportunità biex dawn in-nies ma jmorrux jissellfu mill-banek biex jixtru din il-proprjetà, imma minflok, iħallsu ftit ftit fuq numru ta’ snin b’ammont kull xahar lill-Awtorità tad-Djar.
B’hekk għamilna skemi li fl-opinjoni tagħna qed nagħmluha faċli wkoll biex aktar nies isiru sidien ta’ djarhom. F’pajjiżna, jekk għandna xi ħaġa li nistgħu niftaħru biha, din hi r-rata għolja ta’ nies li huma sidien ta’ djarhom. Skont l-aħħar ċensiment - mhux dan li għadu ma ħariġx, għax ta’ dan għad għandna biss riżultat parzjali - ta’ seba’ snin ilu, aktar minn 75% tan-nies li jgħixu f’dawk id-djar huma sidien ta’ djarhom. Bħala pajjiż il-mira tagħna trid tkun li dik iċ-ċifra nkomplu nżiduha u dan isir billi nħajru lil min fil-passat ħa social housing jakkwista dik il-proprjetà għax maż-żmien kien bil-għaqal u ġemma’ jew inkella llum qiegħed f’pożizzjoni aħjar minħabba x-xogħol tiegħu jew minħabba x-xogħol tat-tfal tiegħu. Din tnaqqas ukoll mill-piż minn fuq l-Awtorità għax malli inti ssir is-sid tiġi responsabbli wkoll mill-manutenzjoni. B’dan il-mod ir-responsabbiltà ta’ manutenzjoni minn fuq l-Awtorità tonqos ukoll meta aktar nies isiru sidien ta’ djarhom.
THE DEPUTY SPEAKER: Grazzi. Il-ħin tal-mistoqsijiet għadda. Ngħaddu issa għal Tqegħid ta’ Karti u nsejjaħ lill-Ministru għall-Infrastruttura, Trasport u Komunikazzjoni.
Dostları ilə paylaş: |