Dibattiti tal-kamra tad-deputati

Sizin üçün oyun:

Google Play'də əldə edin


Yüklə 0.56 Mb.
səhifə4/8
tarix28.07.2018
ölçüsü0.56 Mb.
1   2   3   4   5   6   7   8

THE DEPUTY SPEAKER: Aktar rimarki? (Onor. Membri: No) Issa ngħaddu għall-paragrafu ta’ wara. L-Onor. Tonio Fenech.

ONOR. TONIO FENECH: Din irrid inpoġġiha f’kontest li dan huwa l-preambolu. Il-preambolu huma l-prinċipji fuqiex ġie mfassal dan it-trattat, mhumiex il-klawsoli legali li trid timplimenta. Fil-fatt, il-kliem użat huwa: “Jinnota”, “Infakkru” eċċ. Aktar milli qed jgħid x’se jsir, qed jgħid x’qed ifakkar li hija r-realtà. Issa f’din il-klawsola qed jitfakkar li l-Artiklu 260 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea – jiġifieri mhux dan it-trattat - diġà jagħti s-setgħa lill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea biex timponi l-ħlas ta’ somma f’daqqa jew f’pagamenti bħala penali fuq stat membru tal-Unjoni Ewropea. Mela dak li ġie nnotat fil-paragrafu preċedenti mhuwiex xi ħaġa ġdida fit-trattati tagħna, huwa dak li t-Trattat tal-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea diġà jippermetti, ċioè li jekk stat membru jonqos milli jikkonforma mal-oġġettiv li jersaq lejn id-deficit tiegħu taħt it-3% u issa anke bilanċ fiskali, allura jkun hemm il-Kummissjoni li tista’ taġixxi u tressaq anke lil dak il-pajjiż quddiem il-Qorti li mbagħad ikun jista’ japplika penali jew ħlas li tiddeċiedi l-Qorti.

THE DEPUTY SPEAKER: L-Onor. Alfred Sant.

ONOR. ALFRED SANT: Jien naħseb li aħjar naqraw iż-żewġ klawsoli flimkien. L-ewwel jien staqsejt mistoqsija dwar il-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea u naħseb li din il-klawsola li għandna quddiemna - u issa naqrahom it-tnejn apposta - li tibda bil-kelma “Infakkru” tgħidilna għaliex. (Interruzzjonijiet) Ħalli nibda b’dak li għadna kemm qrajna u għaddejna.

THE DEPUTY SPEAKER: Onor. Sant, qed tirriferi għal din il-klawsola u ta’ qabilha jew għal ta’ warajha?

ONOR. ALFRED SANT: Se naqrahom it-tnejn f’daqqa.

THE DEPUTY SPEAKER: Il-klawsola ta’ qabel u din?

ONOR. ALFRED SANT: Iva, il-klawsola li għaddejna qabel fejn jien staqsejt għaliex għandna Qorti taħt Ġurisdizzjoni Ewropea. Il-klawsola ta’ qabel kienet tgħid hekk:
“JINNUTAW li l-konformità mal-obbligu tal-Partijiet Kontraenti li r-“regola ta’ baġit bilanċjat” tiġi trasposta fis-sistemi legali nazzjonali tagħhom, permezz ta’ dispożizzjonijiet vinkolanti, permanenti u preferibbilment kostituzzjonali, għandha tkun soġġetta għall-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, f’konformità mal-Artikolu 273 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea;”.

Hemmhekk x’qed ngħidu? Hemmhekk għidna li l-ewwel, se tkun regola kostituzzjonali li timponi l-balanced budget fuq il-Gvern tal-ġurnata, ikun min ikun, u li dan l-obbligu se jkun soġġett għall-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea. Jien staqsejt: Għaliex mhux il-qrati nazzjonali, pereżempju? Toħroġ imbagħad minn dan il-paragrafu l-ieħor li jgħid:

“IFAKKRU li l-Artikolu 260 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea jagħti s-setgħa lill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea biex timponi l-ħlas ta’ somma f’daqqa jew pagament ta’ penali fuq Stat Membru tal-Unjoni Ewropea li jkun naqas milli jikkonforma ma’ xi waħda mis-sentenzi tagħha u

JFAKKRU li l-Kummissjoni Ewropea stabbilixxiet kriterji għad-determinazzjoni tas-somma f’daqqa jew pagament ta’ penali li jiġu imposti fil-qafas ta’ dak l-Artikolu;”.

X’inhuwa l-mekkaniżmu kollu hawnhekk? Li l-ewwel ikollok regola kostituzzjonali li timponi fuq gvern, anke b’maġġoranza, li jmexxi l-finanzi tiegħu b’ċertu mod determinat minn dan it-trattat. It-tieni jgħid li jista’ jiġi mtella’ dwarha quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea dwar dik ir-regola. U għaliex din il-ħaġa? Għaliex meta xi ħaġa tista’ tittella’ quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, allura hemmhekk il-Qorti għandha s-setgħa li tiddetermina u twaħħal il-multi fuq dak il-pajjiż membru! Dik hija r-rabta! Mhijiex rabta biss kostituzzjonali, hija rabta wkoll li b’mod tassattiv qed timplika li mbagħad naslu ħalli dak il-pajjiż iħallas penali. Din hija regola kompletament ġdida f’dan il-kontest! Issa l-balanced budget li qed nitkellmu dwaru u li għandna definizzjoni tiegħu f’dan it-trattat huwa differenti mill-balanced budget kif fhimnieh s’issa taħt is-Six-Pack. Dak huwa argument ieħor. Imma din hija l-loġika ta’ dan kollu.

Allura, ejjew inkunu ċari, li bħala Parlament hawnhekk, dan it-Trattat se jobbliga lill- Gvern b’maġġoranza f’dan il-Parlament li jekk ma jsegwix din il-ħaġa, jaqa’ taħt il-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea waqt li qed jeżerċita d-dritt sorvan tiegħu li jiddeċiedi l-budget tiegħu, imbagħad ikun soġġett għall-penali li tiddeterminahom il-Kummissjoni Ewropea li tistabbilixxi anke l-kriterji li nimmaġina li jistgħu jinbidlu jiġifieri it is a walking target. Naħseb li anke hawnhekk forsi l-Ministru jista’ jilluminana ftit dwar x’inhuma dawn il-multi u fuq liema skala jitpoġġew dawn il-multi ħalli nkunu nafu eżattament x’qed niffirmaw u ma’ xiex qed naqblu f’dan it-trattat.


THE DEPUTY SPEAKER: Il-Ministru.
ONOR. TONIO FENECH: Le, mhijiex moving target. Meta nidħlu aktar tard fit-Trattat, jiġi stabbilit il-proċess kif il-Kummissjoni taġixxi jiġifieri l-proċess kif tmur quddiem il-Kunsill, tieħu d-deċiżjoni, imbagħad jekk il-pajjiż ma jagħmilx l-azzjoni korrettiva, tkun tista’ tmur quddiem il-Qorti u hemm parametri li l-Qorti taħdem fuqhom u li huma stabbiliti. Dawn mhux walking targets li se jinbidlu u napplikaw penali skont il-pajjiż. Il-Qorti tiddeċiedi dejjem skont il-gravità dwar x’livell ta’ penali, jiġifieri hemm parametri tal-penali li għandhom jiġu applikati. Dik hija proċedura li dħalna fiha.
THE DEPUTY SPEAKER: L-Onor. Sant.
ONOR. ALFRED SANT: Qed nitkellmu dwar penali li dwarhom il-Kummissjoni Ewropea stabbilixxiet kriterji għad-determinazzjoni tagħhom. Il-Kummissjoni tista’ terġa’ tbiddel dawk il-kriterji? Tista’ terġa’ żżidhom? Għandha l-fakultà li żżidhom u tibdilhom? Naħseb li għandha, għax il-Kummissjoni Ewropea tagħmilha din il-ħaġa u għalhekk qed ngħid “moving target”. Il-kriterji li hemm bħalissa jistgħu jerġgħu jinbidlu u taħt dan it-trattat, jekk jinbidlu, trid issegwihom.
THE DEPUTY SPEAKER: Il-Ministru.
ONOR. TONIO FENECH: Biex inkun onest ma nafx jekk huwiex qed jirriferi għal penali oħra però l-penali li naf jien ġew determinati fil-laqgħat li kellna bħala Kunsill tal-Ministri. Barra minn hekk il-proposta tal-Kummissjoni tkun trid tiġi aċċettata wkoll mill-Kunsill tal-Ministri jiġifieri f’dawn l-affarijiet il-Kummissjoni ma taġixxix waħedha. Din ma tistax tgħid: Issa ddeċidejt li se nirdoppja l-iskala tal-penali. Trid tiġi quddiem il-Kunsill tal-Ministri.
THE DEPUTY SPEAKER: L-Onor. Sant.
ONOR. ALFRED SANT: Minn fejn toħroġ din il-ħaġa?
THE DEPUTY SPEAKER: Il-Ministru.
ONOR. TONIO FENECH: Dawk li diġà ġew stabbiliti ġew stabbiliti mill-Kunsill u l-Kummissjoni ma tistax tibdilhom. L-istruttura ta’ penali qiegħda taħt l-iStability and Growth Pact. Il-bqija ma nafx għal-liema penali qed tirriferi. Però se nirriferi dan lill-esperti.
THE DEPUTY SPEAKER: L-Onor. Sant.
ONOR. ALFRED SANT: It-text jgħid ċar u tond:
“IFAKKRU li l-Kummissjoni Ewropea …”
Mela mhux il-Kunsill.
“…stabbilixxiet kriterji għad-determinazzjoni tas-somma f’daqqa jew pagament ta’ penali li jiġu imposti fil-qafas ta’ dak l-Artikolu.”.
Minn dan it-text toħroġ ċara li hija l-Kummissjoni Ewropea li tagħmel il-kriterji. Hawn ma jissemmiex il-Kunsill imma jissemma li l-Kummissjoni Ewropea stabbilixxiet kriterji għad-determinazzjoni tas-somma f’daqqa jew pagament ta’ penali li jiġu imposti fil-qafas ta’ dan l-artiklu. Jekk hi stabbilixxiethom tista’ tibdilhom hi wkoll. Il-Kunsill ma jissemma mkien
THE DEPUTY SPEAKER: Il-Ministru.
ONOR. TONIO FENECH: Qegħdin fi klawsola li kulma tagħmel hu li tfakkar stat ta’ fatt ta’ dak li hemm, penali li huma stabbiliti taħt l-artiklu 260 tat-trattat dwar l-istability and growth u kif jiġu applikati l-penali. Nerġa’ nenfasizza li dan it-trattat mhu qed jivvinta xejn ġdid. Kulma qed jagħmel huwa mekkaniżmu aktar effettiv ta’ viġilanza imma mhux qed jivvinta regoli ġodda jew struttura ta’ penali ġdida. Dawn huma l-penalitajiet li dejjem kienu jeżistu fit-trattat imma l-Kummissjoni, qabel ma taġixxi kontra pajjiż riedet li jkollha vot unanimu mill-Kunsill. Illum is-saħħa tal-Kunsill naqset, il-Kunsill jista’ biss jirriġetta, u biex jirriġetta l-proposti tal-Kummissjoni jrid il-maġġoranza kwalifikata. Jekk m’għandux il-maġġoranza kwalifikata ma jistax iwaqqaf lill-Kummissjoni. Li ġara huwa li ssaħħaħ imma mhux inbiddlu l-penalitajiet. Il-penalitajiet ma jinbidlux. Jista’ jkun hemm depożitu fl-ewwel proċess, imbagħad wara sitt xhur jiġu applikati penali, jiġifieri l-proċess kien diġà stabbilit taħt it-trattat u dan it-trattat ma biddel xejn. Fil-fatt ifakkar qiegħed, mhux jistabbilixxi penali ġodda.
THE DEPUTY SPEAKER: L-Onor. Sant.
ONOR. ALFRED SANT: Se nerġa’ nagħmel il-punt u daqshekk. Jekk ma rridux nifhmu ma rridux nifhmu. Iva, qed ikun hawn bidla fil-mod kif isiru l-affarijiet. L-ewwel, ir-regola tal-balanced budget ta’ dan it-trattat hija differenti mir-regola li teżisti llum. It-tieni, qed ngħidu wkoll li se tidħol regola kostituzzjonali jew kważi kostituzzjonali biex tassigura li anke jekk ikun hemm gvern b’maġġornaza kbira f’dan il-Parlament, jekk jinħass li qed jikser dik ir-regola, jista’ jittella’ mhux quddiem il-Qorti nazzjonali imma quddiem il-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja.
Għaliex qed issir din? Din qed issir biex imbagħad dak il-pajjiż jew dak il-Gvern ikun soġġett minnufih ħalli jaqa’ taħt ir-regoli li bihom ikollu jħallas il-multi. Liema multi? Il-multi kif s’issa stabbiliti mill-Kummissjoni Ewropea skont kriterji determinati, liema kriterji m’hemm xejn li ma tistax tibdilhom il-Kummissjoni Ewropea għax hi stabbilixxiethom u hi tista’ tibdilhom. Jekk ma nagħrfux li hemm bidla u bidla sostanzjali minn dak li hemm bħalissa frankament inkunu qed nagħlqu għajnejna għar-realtajiet.
THE DEPUTY SPEAKER: Grazzi. Aktar rimarki? (Onor. Membri: No) Ngħaddu għall-paragrafu l-ieħor li jibda “IFAKKRU fil-ħtieġa li tiġi faċilitata l-adozzjoni” u jibqa’ sejjer sa “jekk meħtieġ, imġiegħel inaqqas defiċit li jista’ jiġi identifikat”. Point of Order, l-Onor. Sant.
ONOR. ALFRED SANT: Sur President, ilbieraħ konna qed nieħdu l-proċedura, li naħseb li kienet korretta, fejn il-Ministru jaqra t-text kollu għax inkella ħadd ma jifhem xejn. Jekk ma jimpurtax jaqra t-text kollu ħalli nkunu nafu x’qed ngħidu.
THE DEPUTY SPEAKER: Jien m’għandix oġġezzjoni.
ONOR. TONIO FENECH: Dan il-paragrafu jaqra hekk:
“IFAKKRU fil-ħtieġa li tiġi ffaċilitata l-adozzjoni ta' miżuri taħt il-proċedura ta' defiċit eċċessiv tal-Unjoni Ewropea fir-rigward tal-Istati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro li l-proporzjon ippjanat jew attwali tad-defiċit tal-gvern ġenerali tagħhom meta mqabbel mal-prodott domestiku gross ikun jaqbeż it-3%, filwaqt li jissaħħaħ b’mod qawwi l-objettiv ta' dik il-proċedura, jiġifieri biex Stat Membru jiġi mħeġġeġ u, jekk meħtieġ, imġiegħel inaqqas defiċit li jista' jiġi identifikat;”.
Hawnhekk qed tissottolinja dak li kont qed ngħid preċedentement. M’aħna qed nivvintaw xejn ġdid fuq livell ta’ prinċipju imma l-iskop ta’ dan it-trattat huwa biex isaħħaħ il-proċedura u allura jkun hemm mekkaniżmu ħafna aktar b’saħħtu ta’ kif iħeġġeġ, l-ewwel b’warnings lil pajjiż biex jindirizza s-sitwazzjoni li jista’ jkun qed jidħol fiha ta’ defiċit ogħla u ta’ dejn u jekk dak il-pajjiż ma jimxix fuq dawk il-warnings, ikun hemm il-mod kif dak il-pajjiż jiġi mġiegħel li jikkoreġi t-triq li jkun qabad.
THE DEPUTY SPEAKER: L-Onor. Sant.
ONOR. ALFRED SANT: Tista’, jekk jogħġbok, tispjega għaliex qed ikun hemm riferenza għall-proporzjon ippjanat jew attwali tad-deficit tal-Gvern? X’qed nifhmu biha?
THE DEPUTY SPEAKER: Il-Ministru.
ONOR. TONIO FENECH: Il-proporzjon huwa fil-kontest li d-deficit jiġi as a proportion to GDP. Rigward l-ippjanat jew l-attwali rrid ngħid li l-attwali huwa the actual deficit li jkollok f’dik is-sena partikolari u l-ippjanat huwa l-kontest ta’ budget u tal-medium-term objectives li qed jaraw li inti tkun qed timmira għalihom. Infakkar li l-Kummissjoni dejjem toħroġ forecasts ibbażati fuq dik li jsejħulha n-known policy-change scenario, jiġifieri tassumi li t-trends se jibqgħu kif inhuma u jekk inti, mingħajr miżuri ġodda, intix sostenibbli jew le. Jekk taħseb li m’intix allura tħeġġek biex tagħmel miżuri biex tieħu ħsieb, imma fl-evalwazzjoni bħalma hu budget, ta’ fejn se jmur il-pajjiż, jittieħed l-istat attwali u l-istat ippjanat,.
THE DEPUTY SPEAKER: L-Onor. Sant.
ONOR. ALFRED SANT: Ovvjament dan huwa soġġett għall-kontroll, jekk qed nifhem tajjeb, tal-Kummissjoni. Jekk, pereżempju, Gvern jagħmel pjan li qed jurih taħt it-3% allura hemmhekk l-ippjanar mhux problema għax qed jippjana taħt it-3%, imma jekk il-Kummissjoni ma taqbilx, hemmhekk jiskatta l-mekkaniżmu. Qed nifhem tajjeb?
THE DEPUTY SPEAKER: Il-Ministru.
ONOR. TONIO FENECH: Iva, jekk id-deficit ta’ pajjiż jaqbeż it-3%, immedjatament jidħol f’excessive deficit procedure.
Jekk ma jkunx qabżu imma l-indikazzjoni tkun li se jaqbżu, il-proċedura ma ddaħħlekx immedjatament fl-excessive deficit procedure. Ovvjament jekk tiddikjara li budget se jkun 4.5%, allura hemmhekk il-Kummissjoni taġixxi. Jekk jgħid taħt it-3%, il-Kummissjoni tagħmel analiżi tiegħu meta toħroġ il-forecast, toħroġ l-ispring and autumn forecasts, u hemmhekk hi tieħu in konsiderazzjoni budgets jew il-proposti ta’ budgets li jkunu tressqulha f’dak il-kontest biex tara s-sostenibilità u hemm toħroġ il-ġudizzju tagħha. Jekk fil-forecast li toħroġ hi – mhux il-forecasts li qed tgħid int - int mhux se tkun sostenibbli u s-sena d-dieħla se taqbeż it-3%, allura tibda bil-warning u tħeġġek biex tagħmel il-miżuri addizzjonali li jkun hemm bżonn.
Jekk il-pajjiż jibqa’ jirrifjuta, wieħed irid jara, għax din hija xi ħaġa li rridu naraw kif se taġixxi l-Kummissjoni dwarha. (Interruzzjonijiet) Nimmaġina li toħroġ evaluation fejn tgħid 3.2% għall-argument. Din se timponi miżuri korrettorji immedjatament? Se tagħti spazju li tkun bdiet is-sena u tara jekk dawk il-miri li qed jgħid il-Gvern jintlaħqux? Nassumi li se tieħu inkonsiderazzjoni x’ikun ġara storikament. Dan il- pajjiż li dejjem qalilna li se jkun taħt it-3% u dejjem spiċċa 6%, se temmnu jekk din is-sena jerġa’ jgħid 3%? Nassumi li l-Kummissjoni se tieħu ftit il-history ta’ dak il-pajjiż kif ikun mexa f’dan il-kontest. Hija xi ħaġa li rridu naraw mill-esperjenza dwar kif se taħdem. Ġeneralment huwa l-autumn forecast li jitkellem dwar il-cut-offs tal-budgets tad-diversi pajjiżi taħt il-proċedura l-ġdida. Jekk hi fil-forecasts tagħha, mhux tiegħek, se tara li f’dak li inti ppreżentajt m’intix sostenibbli, allura hi se titlob miżuri korrettivi u ġeneralment hi dejjem tagħtik spazju biex tagħmilhom u tara li inti qed tilħaq dawk il-miri meta tagħmilhom.
THE DEPUTY SPEAKER: L-Onor. Sant.
ONOR. ALFRED SANT: Il-problema tiegħi tibqa’ hemm. Proporzjon ippjanat. Kwalunkwe gvern se jipprova jressaq pjan għall-budget fejn se jipprova jibqa’ taħt it-3%. Dak hu proporzjon ippjanat. Kif qiegħda miktuba hekk tfisser. Min se jippjana? Il-Kummissjoni se tippjana għall-Gvern ukoll? Le. Huwa l-Gvern li joħroġ il-pjan tiegħu u ovvjament se jippjana biex jidher taħt it-3% anke jekk ikun qed ibażwar il-figuri. Dak il-proporzjon huwa ppjanat? Hekk qed tgħid il-klawsola. Jew il-proporzjon ikun ippjanat mill-Kummissjoni fuq il-bażi tal-pjan tal-Gvern? Din ma tagħmilx sens. Qed tifhem x’qed nipprova ngħid?
THE DEPUTY SPEAKER: Il-Ministru.
ONRO. TONIO FENECH: Il-Gvern se jippreżenta budget. Illum, taħt il-mekkaniżmu l-ġdid – u diġà kelli okkażjoni nispjegah – mhux sempliċement niġi hawn f’Novembru nippreżenta l-budget wara laqgħat fl-MCESD, mal-Ministri u ma’ kull min talab li ssir konsultazzjoni miegħu. Illum, parti minn dak il-proċess li diġà beda u qegħdin avvanzati fih hu li nibagħtu l-proġettazzjoni tal-Estimi tagħna bl-ispjegazzjoni ta’ kif wasalna għad-dħul tagħna u kif wasalna għall-ħruġ tagħna lill-Kummissjoni biex tagħmel analiżi. Dan isir qabel, għax inkella ma tkunx tista’ tieħu pożizzjoni fuq il-forecasts għax hi se toħroġ il-forecast. Jekk hi mhux se tara li l-budget huwa kredibbli, tibda tistaqsi, tibda tibgħatlek biex tibgħat il-key assumptions fuq kif qed tasal fuq ir-revenue u tibda teħodlok it-trends tal-passat. Mela din tagħmel l-evalwazzjoni teknika min-nies tekniċi biex tara jekk il-figuri li qed tippreżentalha humiex kredibbli, humiex fattwali jew intix qed tipprova tagħmel cover-up biex tiġi taħt it-3%. Ovvjament, il-history tiegħek ġeneralment jinċidi ħafna fuq kemm it hassles you jew le għax, nerġa’ ngħid, jekk inti persistentement dejjem taqbeż it-3% allura tibda tgħidlek li mhux se temmnek meta tgħidilha li din id-darba mhux se taqbiżhom. Jiġifieri hawnhekk sta għall-Gvern. Jekk dan irid il-fiduċja tal-Kummissjoni jrid dejjem iżomm ma’ dawn il-miri. Naħseb li din hija xi ħaġa li pprovajna nagħmlu matul dawn l-erba’ snin fejn konsistentement komplejna nnaqqsu d-deficit tagħna. Illum hemm proċedura stabbilita u allura meta titkellem fuq il-proġettazzjoni, il-Kummissjoni se toqgħod fuq il-proġettazzjoni tagħha u mhux fuq il-proġettazzjoni tal-Gvern. Il-proġettazzjoni tagħha hija bbażata fuq x’ippreżenta l-Gvern u fid-diskussjoni li tkun għamlet, fiċ-challenge li tkun għamlet x’conclusion ġiet. Issa jekk f’dawk id-diskussjonijiet tkun ħadt miżuri mitigating u l-budget ikun qed jirrifletti dak li jkun ġie diskuss mal-Kummissjoni, allura l-Kummissjoni se toħroġ u tgħid li hija sodisfatta, jekk le, se toħroġ bil-forecast tagħha li ma jkunx mal-Gvern imma jkun differenti.
THE DEPUTY SPEAKER: L-Onor. Sant.
ONOR. ALFRED SANT: Ħalli nara jekk hux qed nifhem x’qed tgħid meta hawnhekk qegħdin nitkellmu dwar proporzjon ippjanat. Dan huwa l-proporzjon ippjanat jew maqbul mill-Kummissjoni, mhux dak li joħroġ u jinsisti fuqu l-Gvern.
THE DEPUTY SPEAKER: Il-Ministru.
ONOR. TONIO FENECH: Naħseb li se jkollok terġa’ tagħmilli l-kumment.
THE DEPUTY SPEAKER: L-Onor. Sant.
ONOR. ALFRED SANT: Qed nipprova nara jekk fhimtx dak li għedt int. Fit-trattat qed nitkellmu dwar proporzjon ippjanat. Hawn qed nifhmu mhux neċessarjament il-proporzjon ippjanat mill-Gvern tal-ġurnata imma l-proporzjon ippjanat mill-Gvern tal-ġurnata bi qbil mal-Kummissjoni jew korrett mill-Kummissjoni. Hemmhekk proporzjon ippjanat is an instrument f’idejn il-Kummissjoni. Issa jew il-Kummissjoni taqbel mal-Gvern, jew tbiddillu l-pjan jew tinsisti li jekk ma jbiddilx il-pjan, il-pjan tagħha jgħodd. Qed niftiehmu jew le? Dak li qed tifhem biha din.
THE DEPUTY SPEAKER: Il-Ministru.
ONOR. TONIO FENECH: Mhux eżatt hekk. (Interruzzjonijiet) Agħtini ċans! L-iskop x’inhu? Biex stat membru l-ewwel jiġi mħeġġeġ. L-istat membru jista’ jibqa’ miexi. Fid-diskussjonijiet il-Kummissjoni tista’ tibqa’ tgħid li dak li qed nippreżentalha mhux se jilħaq il-mira li qed inpoġġi, għall-argument ta’ 2.5% imma se jiġi 3.5%, imma jien nista’ nibqa’ ninsisti u ngħid li jien konvint li se jkun ta’ 2.5% u nista’ nippreżentah f’dan il-Parlament. Ftit wara probabbilment se toħroġ xi ittra mill-Kummissjoni fejn hi tgħid li fil-każ ta’ Malta, hi għadha mhijiex konvinta u toħroġ warning taħt din u tkun trid tifhem x’miżuri korrettorji jista’ jkun hemm biex nassiguraw li se tasal għal 2.5% u ma tkunx 3.5%. Hemmhekk jinfetaħ bħal excessive deficit procedure, djalogu mal-Kummissjoni, fejn timmoniterjak aktar mill-viċin, biex tara li effettivament qed tilħaq dik il-mira. Jekk tara li qed tiddevja u m’intix qed tieħu miżuri, allura tibda l-proċess korrettorju billi, mhux biss tħeġġek issa, imma ġġiegħlek. Tagħmel hekk billi tressqek quddiem il-Kunsill u tgħid li ma taqbilx miegħek, li inti qed tvarja, u allura timponi jew theddek li jew se tieħdok għal proċedura ta’ multi għand il-Qorti jew inkella int tiġi bi proposta ta’ korrezzjoni li tikkonvinċi lill-Kummissjoni li tirtira mill-pożizzjoni tagħha.
Iva, qed nagħtuha din is-saħħa. Qabel kien jieħu ħafna aktar fit-tul biex il-Kummissjoni tkun tista’ taġixxi għax qabel riedet il-Kunsill b’vot mhux maġġoritarju imma unanimu u dawn it-tip ta’ affarijiet u allura issa hemm aktar saħħa li qed tingħata lill-Kummissjoni. Il-Gvern ma jistax jinjora aktar lill-Kummissjoni jew jgħidilha li se jibqa’ jagħmel li jrid.
Fuq il-kwestjoni tad-deficit u dejn irrid ngħid li dan se jgħaddi mill-għarbiel tal-Kummissjoni. Din mhux se tgħidlek li ma tistax tmur il-Parlament jekk ma tiffirmahulekx hi. Mhux dik hi l-proċedura imma hi se tagħmel l-opinjoni tagħha u se taġixxi fuq l-opinjoni tagħha jiġifieri jew se jkollna a working relationship li ngħidu li qed naqblu fejn qed narawna sejrin, imma ġieli kien hemm pajjiżi li jibqgħu jippersistu u jgħidu li huma konvinti fuq din, imbagħad jekk dak il-pajjiż ma jilħaqx il-miri, irid ibati l-konsegwenzi tagħhom għax imbagħad il-Kummissjoni timponi.
THE DEPUTY SPEAKER: L-Onor. Sant.
ONOR. ALFRED SANT: Dan il-proċess fhimtu imma mhux fuq hekk qed nistaqsi. Jien qed nistaqsi dwar it-tifsira ta’ dan il-paragrafu. Dan il-paragrafu qed jitkellem fuq proporzjon ippjanat. Nifhem dak li għedt, dak il-proċess tkellimna dwaru diġà, imma t-text li għandna quddiemna qed jagħmel riferenza għal proporzjon ippjanat jew attwali. Dwar l-attwali tinftiehem, jiġifieri m’hemmx problema. Dwar il-proporzjon ippjanat bħala trigger diplomatiku kif joħroġ minn dan it-text, il-mistoqsija tiegħi hija:
X’inhu ppjanat? Pereżempju l-Kummissjoni tgħidlek mhux veru li se tilħaq it-2.5%, se tilħaq 3.5% u inti tgħidilha li dak hu l-pjan tiegħek u se tibqa’ miexi bih. Taħt din id-diċitura m’għandha ċans tagħmel xejn il-Kummissjoni, trid tistenna l-attwali l-ewwel. Qed tifhem x’qed nipprova ngħid?

THE DEPUTY SPEAKER: Il-Ministru.
ONOR. TONIO FENECH: Se tagħmel xi ħaġa, se timbarazza lill-Gvern. L-ewwel tibda bil-moral persuasion, toħroġ stqarrija, ittra ġeneralment mill-Kummissarju li l-Kummissjoni tippubblika fejn tgħid: Il-Gvern mexa b’dan il-budget, jien m’inix konvinta li dan il-budget se jilħaq il-mira ta’ 3% u qed nagħmel l-ewwel warning. Ovvjament, gvern ma jistax jinjora tali ħaġa. Jista’ jkun li l-Gvern jgħid li hu konvint li se jasal għal 3% u jibqa’ jippersisti f’dik it-triq però din diġà tpoġġi lill-Gvern f’ċertu public check u f’dan il-mument naħseb li l-ebda gvern ma jkun irid dik it-tip ta’ dikjarazzjoni fuqu minħabba r-realtajiet li qed ngħixu fihom. Jiġifieri kull gvern se jipprova jevita dik iċ-ċirkostanza billi jara li dak li qed jippreżenta se jkun kredibbli. Ultimately, biex tidħol fl-excessive deficit procedure, trid tkun ksirtha bl-attwali. Il-Kummissjoni tkun tista’ tibda taġixxi fil-konfront tiegħek jekk jimmaterjalizza li s-sena d-dieħla d-deficit tkun qbiżtu, imma sa dak il-mument se tkun bdietlek il-proċeduri ta’ moral, jiġifieri l-ewwel tibda bl-inkoraġġiment, tintuża l-kelma li l-pajjiż jiġi inkoraġġit, imbagħad jiġi mġiegħel. F’dak il-perjodu tibda tinkoraġġik bl-ittri li tibda toħroġ. Pereżempju tgħid li fl-opinjoni tagħha Malta mhux se tilħaq il-mira tagħha jekk ma tagħmilx miżuri addizzjonali u tħeġġeġ lill-Gvern biex jieħu dawk il-miżuri addizzjonali meħtieġa biex jasal għal dan. Jekk ma jasalx, imbagħad għandha dritt taġixxi, ladarba tinkiser ir-regola bl-attwali. Fil-każ ta’ pajjiż li diġà qiegħed fl-excessive deficit, il-fatt li l-forecast tagħha għadha kemm tgħid li se tibqa’ fuq it-3%, anke jekk il-budget tal-Gvern jgħid li se jkun inqas, ma taqagħlekx mill-excessive deficit. Hemmhekk għandha saħħa akbar għax diġà qiegħda fl-excessive deficit.

Dostları ilə paylaş:
1   2   3   4   5   6   7   8
Orklarla döyüş:

Google Play'də əldə edin


Verilənlər bazası müəlliflik hüququ ilə müdafiə olunur ©muhaz.org 2017
rəhbərliyinə müraciət

    Ana səhifə