Dibattiti tal-kamra tad-deputati


RIŻOLUZZJONI DWAR IR-RATIFIKA TAT-TRATTAT TA’ STABBILTÀ, KOORDINAZZJONI U GOVERNANZA MAGĦMUL FI BRUSSELL FIT-2 TA’ MARZU 2012



Yüklə 0,56 Mb.
səhifə3/8
tarix28.07.2018
ölçüsü0,56 Mb.
#60964
1   2   3   4   5   6   7   8

RIŻOLUZZJONI DWAR IR-RATIFIKA TAT-TRATTAT TA’ STABBILTÀ, KOORDINAZZJONI U GOVERNANZA MAGĦMUL FI BRUSSELL FIT-2 TA’ MARZU 2012



(Tkompli mit-30 ta’ Ottubru, 2012)
THE DEPUTY SPEAKER: Infakkar lill-Kamra li bħalissa qegħdin fl-istadju li qegħdin niddiskutu l-klawsoli tat-trattat. Konna wasalna f’paġna 4 u l-aħħar paragrafu li ddiskutejna kien dak il-paragrafu li jibda hekk: “Jinnotaw li l-mekkaniżmu ta’ korrezzjoni” u jibqa’ sejjer u jagħlaq fuq id-dinamika tad-dejn tal-Gvern. Jien informat li konna spiċċajna b’dan il-paragrafu. L-Onor. Sant.
ONOR. ALFRED SANT: Sur President, ma konniex spiċċajna fuq dan il-paragrafu.
THE DEPUTY SPEAKER: Mhux problema, mela nkomplu fuqu.
Rimarki? L-Onor. Sant.
ONR. ALFRED SANT: Sur President, il-punt li xtaqt nagħmel ilbieraħ imma kien sar il-ħin kien b’risposta għal dak li qal il-Ministru. Tkellem ukoll l-Onor. Karmenu Vella imma jien xtaqt nagħmel xi punti wkoll għax il-Ministru għamel ċerti osservazzjonijiet dwar il-performance ekonomika tal-pajjiż. Naħseb li tajjeb li ċerti affarijiet jiġu ċċarati dwar l-isfond ta’ dan it-trattat għax huwa importanti. Dan it-trattat, wara kollox, se japplika għall-performance tal-ekonomija Maltija.
Sur President, ċerti stqarrijiet li l-Ministru għamel ilbieraħ ħallewni ftit imnixxef. Waħda mill-problemi li żgur irridu niffaċċjaw hija li rridu nkunu ċari dwar kif se jiġi ffaċċjat id-dejn akkumulat. Il-Ministru beda jsemmi figura ta’ 70% bħala dejn pubbliku, imma bir-rispett kollu, ftit jiem ilu ddiskutejna paragrafu f’dan it-trattat stess li taħt dan it-trattat qegħdin nikkonsidraw dak li għandu x’jaqsam ma’ obbligi tal-Gvern b’dan il-mod:
“IFAKKRU li l-Partijiet Kontraenti, bħala Stati Membri tal-Unjoni Ewropea, għandhom joqogħdu lura minn kwalunkwe miżura li tista' tipperikola l-kisba tal-objettivi tal-Unjoni fil-qafas tal-unjoni ekonomika, partikolarment il-prattika li jiġi akkumulat id-dejn barra mill-kontijiet tal-Gvern ġenerali.”.
Jekk qed naċċettaw din il-formula fit-trattat, irridu nkunu attenti għax mhux billi ngħidu 70% bħala dejn. Skont din il-formula rridu nħarsu lejn id-dejn nazzjonali b’mod iktar wiesa’ u allura, f’dan il-każ, iva, qegħdin fuq il-limitu ta’ 90% bħala dejn li jirrigwarda dan it-trattat. Nirriferi lill-Ministru għar-rapport tal-IMF ta’ Marzu ta’ din is-sena fuq il-qagħda Maltija fejn bl-aktar mod ċar fuq il-bażi tad-data li kellhom sal-2011, qegħdin iniżżluha 70% f’dak li għandu x’jaqsam mad-dejn kif jidher fl-accounts tal-Gvern u permezz ta’ garanziji u ta’ obbligi oħra, itellgħu l-espożizzjoni ta’ Malta għal 17%, għal 18% u għal 19% aktar. 70% u 18% jiġu 88%. Dawn għaddiet sena fuqhom, qegħdin fl-ilma ta’ 90% bħala obbligi u dejn li jiġu taħt il-formula ta’ dan it-trattat u inutli li ma nkunux aktar konkreti. Irridu nkunu nafu x’inhuma l-exposures li qed nidħlu bihom f’dan it-trattat.
Il-Ministru semma l-impjiegi, is-soltu mantra tal-20,000. Bir-rispett kollu, jekk inħarsu lejn id-dinamika tal-ekonomija Maltija f’dawn l-aħħar snin insibu li l-ewwel kellna kienet l-industrija tal-kostruzzjoni staġnata, it-tieni l-industrija tal-manifattura li kienet qed tonqos b’mod assolut u b’mod relattiv, it-tielet l-export of goods kienet staġnata u mbagħad it-turiżmu kien tiela’ u nieżel imma in real terms baqa’ fejn kien. L-inputs li kellna, u li veru daħlu bil-kbir, kienu tas-servizzi finanzjarji u tal-gaming. Dawn jiġu mħallta flimkien, servizzi finanzjarji u gaming. Bir-rispett kollu, jekk tanalizza ftit id-data ssib li waqt li nitkellmu dwar kemm huma kbar is-servizzi finanzjarji, l-aktar li kiber huwa l-internet gaming. Kieku ma kenux il-gaming u s-servizzi finanzjarji, kwalunkwe record li jista’ jsemmi l-Ministru ma jirriżultax. Għalhekk aktar u aktar il-problema ta’ dan it-trattat li deħlin fih. Il-corset li qed jissettja dan it-trattat, bl-affarijiet li ġejjin miegħu bħal unjoni bankarja - jien ngħid unjoni fiskali wkoll u affarijiet oħra - jgħid x’jgħid il-Gvern, il-konċett stess ta’ financial services li bih żammejna fil-wiċċ f’dawn l-aħħar snin qiegħed under attack. Naħseb li l-kompjaċenza hija l-aħħar ħaġa li għandna mmexxu ‘l quddiem f’din il-ħaġa, inkluż il-konċett ta’ 20,000 impjieg maħluq. Bir-rispett kollu. Mela qatt Gvern f’dan il-pajjiż, kien min kien, ftaħar bil-gross growth tal-impjiegi? Mhux dejjem in-net growth ikkalkula? Din l-istess bħal meta l-Ministru ħawwad in-nominal rate of growth tal-ekonomija mar-real growth tal-ekonomija. Grazzi! Tista’ tivvinta li nħolqu 30,000, għax fejn konna bqajna. Dażgur, anke fl-employment, bqajna fejn konna għar-raġunijiet li semma lbieraħ l-Onor. Vella; xogħol prekarju, xogħol part-time, xogħol li hu mħallas bil-ftit. Li qed jiġri huwa li dawk li qegħdin jaħdmu - u good luck to them, jalla jġibu aktar – fil-gaming u fil-financial services għandhom qligħ tajjeb ħafna – u that is how it should be - imma l-bqija, f’dak li għandu x’jaqsam mal-manifattura, servizzi domestiċi u servizzi f’lukandi, in real terms id-dħul tagħhom nieżel u allura anke hemm tara l-problemi soċjali.
Sur President, tista’ tgħidli li qed noħroġ barra mis-suġġett imma m’iniex għax ilbieraħ il-Ministru ftaħar fuq dawn l-affarijiet. Jien ma kontx se ndaħħalhom dawn il-konsiderazzjonijiet u kont se nibqa’ teknikament fuq il-parametri ta’ dan it-trattat li għandna quddiemna imma at the back of my mind u nittama wkoll in the back of the mind ta’ kull wieħed minna, rridu naraw kif dan se jaffettwa l-ekonomija u t-tmexxija ekonomika tagħna. Huwa perikoluż għall-aħħar li nidħlu f’ħaġa bħal din billi nitilqu bil-kompjaċenza li m’hemmx problemi, li qed noħolqu 20,000 impjieg, li l-ekonomija qed tikber aktar mill-ekonomiji ta’ pajjiżi oħra mingħajr ma naraw l-effetti, ir-riżultati, il-konsegwenzi u l-motivazzjonijiet reali ta’ kif qed isiru l-affarijiet. Għalhekk lill-Ministru staqsejtu dwar jekk sarux il-kalkoli f’dan kollu. Il-projections qed nagħmluhom? Naħseb ikollna ċans aktar ‘il quddiem, iktar ma nidħlu klawsola klawsola f’dan it-trattat, li nistaqsu din il-ħaġa. Naħseb li għandu jkollu xi ħadd hemmhekk li jipprova jaħseb through l-miżuri li qed nitkellmu dwarhom b’mod konkret u mhux fl-ajru, għax inkella se nkunu qegħdin, nerġa’ ngħid, deħlin f’xi ħaġa li tassattivament se ddaħħalna f’area fejn inkunu qed nipperikolaw dak li qed niftaħru bih. Jingħad dwar kemm żammejna fil-wiċċ, kemm kibret l-ekonomija tagħna u kemm żammejna għaddejjin fil-financial services u fil-gaming, imma dawn, mhux permezz ta’ dan it-trattat waħdu imma bħala proċess, qegħdin nipperikolawhom. Din il-ħaġa rridu niddiskutuha b’realiżmu biex nifhmu eżattament x’inhu jsir permezz ta’ dan it-trattat.
THE DEPUTY SPEAKER: Il-Ministru.
ONOR. TONIO FENECH: Sur President, mhux se ntawwal għax naħseb li m’aħna se nispiċċaw qatt u fir-realtà qed induru u nirrepetu l-istess punti. Ħalli nerġa’ nikkonstata l-fatti. Il-fatti juru li d-dejn ta’ pajjiżna huwa ta’ 70%. Din mhijiex xi ħaġa li qed jivvinta l-Gvern imma kif imkejjel mill-Eurostat bil-proċeduri Ewropej, u fih jidħol mhux biss id-dejn dirett tal-Gvern imma dak tal-entitjaiet li huma dipendenti fuq il-Gvern. Jekk hemm entità li, skont ir-regoli tal-Eurostat, mhijiex dipendenti fuq il-Gvern, dak huwa dejn tagħha li mhuwiex impliċitu li hu fuq il-Gvern. Ħafna mill-garanziji li għandu l-Gvern huma garanziji li huma fuq id-dejn li diġà huwa accounted for fis-70% jiġifieri ma tridx terġa’ tgħoddu fuqu, minkejja li hemm garanzija. Jekk għall-argument issellift ammont ta’ flus minn bank għall-entità li diġà d-dejn tagħha huwa accounted for fil-Gvern, ma tgħoddx il-garanzija fuq l-istess dejn għax il-garanzija hija biex tagħti ċertezza lill-bank li dak id-dejn li hemm se jitħallas mill-Gvern jekk jiġri xi ħaġa minn dik l-entità u allura jibqa’ l-istess dejn, ma terġax tgħoddu.
Irrid ngħid li d-dejn mhuwiex kollu hekk. Hemm garanziji, bħall-garanzija li qed nagħtu fuq l–EFSF, li hija barra minn dak u allura trid teħodha in konsiderazzjoni imma ma naħsibx li huwa l-każ li niġu hawnhekk u nallarmaw lin-nies li pajjiżna għandu dejn ta’ 90%. Jekk inhu hekk, naħseb li l-Partit Laburista għandu jiddikjaraha fil-programm elettorali u jgħidilna x’se jkun il-programm biex inaqqas id-dejn li hu qed jara li hu ta’ 90% għax huwa perikoluż ħafna jekk veru jkun hekk. Jekk il-Partit Laburista veru jemminha nispera li nsibu miżuri ta’ korrezzjoni għal dan id-dejn ta’ 90% u mhux sempliċement issir l-akkuża. Mhux nibqgħu sejrin b’kampanja elettorali nisimgħu l-wegħdiet kollha, kif diġà qed nisimgħu, imbagħad meta jitilgħu hemmhekk jerġa’ jkollna l-istess kantaliena tal-1996 li sibna ħofra u ma konniex nafu biha. Jekk issa qed jgħidulna li d-dejn huwa 90%, allura dak kollu li wiegħdu ma jistgħux jagħmluh u minflok jagħmlu programm ta’ awsterità. Nassigura lil kulħadd li b’dik it-tip ta’ politika l-Partit Laburista se jġib lill-pajjiż għarkobbtejh u f’sitwazzjoni li jkollu jitlob bailout bħalma għamlu pajjiżi oħrajn. Dan ma nawgurahx għal pajjiżna u huwa ħażin li jkollna min għal skopijiet politiċi biss jesaġera dak li huwa l-veru stat ta’ fatt li wara kollox huwa ċertifikat mill-Eurostat u mhux xi ħaġa li jgħidha l-Gvern.
Dwar is-sitwazzjoni ekonomika, ma naqbilx kompletament mal-analiżi li qed jagħmel l-Onor. Sant. L-ekonomija tagħna ma kibritx biss minħabba s-settur finanzjarju u s-settur tal-online gaming. Il-gross value added żdied fis-settur tat-turiżmu. Ma rridux ninsew li kellna erba’ snin record fis-settur tat-turiżmu, żdidna fil-manifattura fejn rajna espansjoni ta’ fabbriki, ħloqna 20,000 post tax-xogħol imma anke jekk tieħu biss il-gainfully occupied, it is at record levels. Kellna tnaqqis mis-settur pubbliku u żieda fis-setturi produttivi ta’ pajjiżna.
L-Onor. Alfred Sant irid jagħlaq għajnejh għal dan kollu. Kollox sew, m’għandix problema, imma jien inħeġġeġ li niddiskutu aktar il-klawsoli milli sempliċement nintilfu kull darba f’dawn it-tip ta’ dibattiti li mhux se jwasslu biex nifhmu l-klawsola.
THE DEPUTY SPEAKER: L-Onor. Alfred Sant.
ONOR. ALFRED SANT: Sur President, infakkar lill-Ministru li dħalna f’dan id-dibattitu għax bdieh ilbieraħ hu meta konna qed nitkellmu fuq din il-klawsola u f’daqqa waħda telaq. (Interruzzjonijiet) Dan apparti mill-fatt li nistiednu li l-ispjega li għamel, jekk jogħġbu, jibgħatha ftit lill-istaff tal-Fond Monetarju Internazzjonali li mid-dehra tant huma ċwieċ, tant huma ħmir li l-punti li għamel hu ma fehmuhomx. Qed ngħid dan għax fir-rapport ta’ Marzu tagħhom, ta’ kull sena, fuq Malta għamlu dawn l-istess punti li għadni kemm semmejt jien u li hu qal li ma jiswew xejn. Safejn naf jien, il-Gvern ma pprotestax fuqha. Dak hu l-kumment li ridt nagħmel.
THE DEPUTY SPEAKER: Hawn aktar kummenti? (Onor. Membri: No) Ngħaddu għal paragrafu l-ieħor, il-paragrafu li jibda:
“JINNUTAW li l-konformità mal-obbligu tal-Partijiet Kontraenti li r-“regola ta' baġit bilanċjat” tiġi trasposta fis-sistemi legali nazzjonali tagħhom, permezz ta' dispożizzjonijiet vinkolanti, permanenti u preferibbilment kostituzzjonali, għandha tkun soġġetta għall-ġuriżdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, f’konformità mal-Artikolu 273 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea;”.
Il-Ministru.
ONOR. TONIO FENECH: Sur President, il-konċett hawnhekk huwa li fil-liġijiet ta’ pajjiżna trid tidħol struttura ta’ mod kif il-Parlament ikun aktar effettiv f’dak li huwa l-kontroll li jsir fuq id-deficit u d-dejn tal-pajjiż u li jkun hemm dispożizzjonijiet, preferibbilment anke kostituzzjonali, dwar il-konċett tal-balanced budget. Irrid ngħid li f’dan l-istadju qed isir eżerċizzju mill-Kummissjoni Ewropea li qed tanalizza l-kontest legali kostituzzjonali tal-pajjiżi differenti f’dawn l-oqsma biex toħroġ proposta biex kemm jista’ jkun ikollha l-istess ekwità ta’ piż ta’ struttura legali fil-pajjiżi kollha. Għaldaqstant f’dan l-istadju m’aħniex f’pożizzjoni li nressqu din l-istruttura legali lill-pajjiż. Din hija xi ħaġa li t-trattat qed jinnota li trid issir però għadna qed nistennew pożizzjoni mill-Kummissjoni ta’ dak li tara kif din l-istruttura għandha tkun.
THE DEPUTY SPEAKER: L-Onor. Alfred Sant.
ONOR. ALFRED SANT: Sur President, ejja nitkellmu l-ewwel fuq il-prinċipju. Il-priniċpju x’inhu? Dan it-trattat dwar balanced budgets irid idaħħal forma kostituzzjonali biex japplikawha fuq il-liġijiet futuri li għandhom x’jaqsmu mal-finanzi u mal-budget. Iva jew le? Ejja nkunu ċari li dan huwa l-prinċipju.
THE DEPUTY SPEAKER: Il-Ministru.
ONOR. TONIO FENECH: Nikkonferma li dak huwa l-prinċipju, jiġifieri f’pajjiżna jrid ikollna sistema li l-Parlament Malti jkollu kontroll aktar dirett fuq dak li jkun qed jagħmel il-Gvern anke matul is-sena biex jekk jara li l-pajjiż mhuwiex jilħaq il-miri li huma proġettati għalih, f’dak li huwa konverġenza, il-Parlament ikollu dritt li jirrikorri biex jara li jsiru miżuri korrettorji ħalli jintlaħaq dan il-għan biex inwasslu għal bilanċ fiskali. Il-konċett ta’ balanced budget ikun

u allura, iva, il-konċett ta’ balanced budget għandu saħħa li hija kostituzzjonali li jpoġġi obbligu akbar fuq il-Gvern li jrid jirrispetta. Fuq liema livell il-kontest kostituzzjonali jidħol fih, wieħed għad irid jara l-proposta tal-Kummissjoni, imbagħad qabel ma nkunu nistgħu naraw x’lest jaċċetta l-pajjiż ikun irid ikollna diskussjoni mal-Oppożizzjoni. Però l-ħsieb huwa li jkun hemm dan il-qafas legali f’pajjiżna li għandu backing kostituzzjonali fuq il-ħtieġa li jkun hemm bilanċ fiskali.


THE DEPUTY SPEAKER: L-Onor. Sant.
ONOR. ALFRED SANT: Il-Ministru qed jgħid li l-Parlament ikollu s-saħħa fuq din il-ħaġa. Minn fejn toħroġ din tal-Parlament? Imkien ma jissemma l-Parlament f’din il-ħaġa.
THE DEPUTY SPEAKER: Il-Ministru.
ONOR. TONIO FENECH: Qed jitlob li jkun hemm trasposta sistema legali nazzjonali liema sistema legali nazzjonali bilfors trid tgħaddi minn dan il-Parlament bħala struttura ta’ kif taħdem. Jekk jara kif jaħdmu pajjiżi oħrajn fuq il-kontroll tad-deficit u d-dejn, wieħed isib li aħna għandna sistema aktar relaxed bħala pajjiż fejn l-infiq ogħla li għamel il-Gvern jiġi approvat mill-Parlament mhux b’dibattitu imma billi jitressqu supplementary estimates. Dan żgur mhuwiex l-aħjar metodu ta’ kif parlament jagħmel kontroll fuq il-Gvern biex iżomm man-nefqa tiegħu. Irid ikollok struttura biex twassal għal dan u mhux sempliċement ikollok klawsola li tgħid ma tistax taqbeż in-nefqa. Idealment ikollok ukoll a budgetary framework mechanism li jaħdem tramite l-Parlament u jkun hemm review regolari biex wieħed jara li d-diversi ministeri qed iżommu mal-budgets tagħhom biex tintlaħaq il-mira sena wara sena. Għax din mhijiex xi ħaġa tat-tul. Ir-riżultat jasal jekk kull sena tilħaq il-mira tiegħek. Din hija xi ħaġa li poġġejna kontest tagħha fid-dokument ta’ qabel il-budget tal-Gvern dwar il-ħtieġa ta’ din l-istruttura.
THE DEPUTY SPEAKER: L-Onor. Sant.
ONOR. ALFRED SANT: Bir-rispett kollu, imkien ma joħroġ li l-Parlament se jkollu xi say fiha. L-unika ħaġa li toħroġ dwar min se jkollu say hija li tkun il-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja li tingħata say fuq din il-ħaġa. Il-Parlament imkien ma jissemma u ma toħroġx minn dan li għandna quddiemna, ma toħroġx lanqas mit-text aktar ‘il quddiem. Li qed jintqal hawnhekk huwa li se jkun hawn liġi kostituzzjonali li, jekk gvern jiksirha, anke jekk ikollu maġġornaza enormi f’dan il-Parlament, jista’ jittella’ quddiem il-Qorti mhux ta’ Malta imma quddiem il-Qorti Ewropea. Bir-rispett kollu, hekk qed ngħidu hawnhekk. M’aħniex qed ngħidu affarijiet differenti. Naħseb li ta’ min jikkonsidra ftit x’qed ngħidu. Hawnhekk nimxu - issa jekk hux tajjeb jew le, dik ħaġa oħra - fuq is-sistema kostituzzjonali Ingliża li min għandu maġġoranza tal-Parlament, anke ta’ wieħed, jgħaddi l-voti tiegħu. Issa qed naslu lejn sistema li jekk ikollu dik il-maġġoranza xorta ma jistax jiddeċiedi hu? Din il-ħaġa hekk se tispiċċa. Il-Ministru qed jgħid li jridu jistennew lill-Kummissjoni Ewropea. Jien nista’ ngħidlu li Franza m’aċċettawx li jdaħħlu din il-ħaġa fil-kostituzzjoni tagħhom u qed jgħidu li se jkollhom liġi partikolari. (Interruzzjonijiet) Le, se jkollhom liġi partikolari u speċjali li m’għandhiex x’taqsam mal-kostituzzjoni.
Il-punt huwa dan. Il-prattika ta’ dan il-pajjiż hija li gvern li jkollu maġġoranza u jtella’ l-voti finanzjarji, jekk dik il-maġġoranza jsostniha, jgħaddi. Ejja nkunu ċari x’qegħdin nagħmlu. Qed inkissru dik il-prattika? Se nkissru dik il-prattika billi ngħidu li se jkun hemm veto fuq x’jagħmel il-gvern b’maġġoranza jekk jidħol il-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja. Jew inkella jekk immorru aktar ‘il bogħod minn hekk, jekk issir xi bidla fil-Kostituzzjoni b’żewġ terzi, nistgħu nispiċċaw f’sitwazzjoni fejn minoranza jew partit minoritarju f’dan il-Parlament jirrikatta lill-gvern tal-ġurnata u jgħidlu li jekk ma jsejjaħx elezzjoni mhuwiex se jmexxi ‘l quddiem fuq din u fuq dik il-ħaġa. Qed indaħħlu forma ta’ check and balance li la huwa check u lanqas huwa balance, li assolutament ma jinftiehemx u jmur kontra l-prattika ta’ dan il-Parlament.
THE DEPUTY SPEAKER: Il-Ministru.
ONRO. TONIO FENECH: Iva, qed tiġi soġġetta għall-Qorti Ewropea. Dik hija deċiżjoni li ħadna fuq livell ta’ Kunsill tal-Ministri li mhux nagħmlu dikjarazzjoni pija fil-Kostituzzjoni jew f’liġi speċjali. Hawnhekk ma jgħidlekx li bilfors trid tkun kostituzzjonali imma jgħidlek li preferibbilment trid tkun kostituzzjonali, jiġifieri aħna wkoll nistgħu nagħżlu għal pajjiżna forma ta’ liġi aktar milli l-Kostituzzjoni. L-importanti hu li kif enfasizzajna dejjem, it-trattament ikun ugwali għal kulħadd jiġifieri ma nistgħux nippretendu li xi ħadd li ma jagħmilhiex fil-Kostituzzjoni, u dik hija a lighter version, imur for the heavier version. Aħna dejjem nenfasizzaw li fuq livell Ewropew ikun hemm trattament ugwali bejn il-pajjiżi. Wieħed jistenna l-Kummissjoni biex tiġi bil-proposta tagħha imma xejn ma jżomm lill-pajjiż li jibni l-istruttura madwar din il-klawsola biex ikun hemm iċ-checks and balances. Hawnhekk mhux qed neskludu l-possibilità li jkun hemm iċ-checks and balances imma x-xewqa hija li anke fil-Qrati jkun hemm iċ-checks and balances, u dan ma jfissirx li se niġu f’sitwazzjoni li maġġoranza jew minoranza żgħira tista’ twaqqaf il-proċess tal-budget. Il-budget jibqa’ jgħaddi mill-Gvern. Il-konsegwenzi fit-trattat huma li jekk il-Gvern ikun qed jikser din ir-regola konsistentement, u allura minflok ikun qed jersaq, ikun qed jiddevja, jista’ jkun hemm rikors ta’ deċiżjoni tal-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja.
Dik hija xi ħaġa li qed tiġi aċċettata f’dan it-trattat għax, nerġa’ nenfasizza, li l-iskop ta’ dan it-trattat kien li minn mekkaniżmi biss ta’ peer pressure li żżomm id-deficit, id-dejn u proċeduri legali li kienu jieħdu fit-tul, immorru biex din id-darba jkollna qafas li jkun ħafna aktar b’saħħtu u jkun hemm strumenti ta’ intervent jekk gvern elett demokratikament jibqa’ jippersisti li jgħid li se jibqa’ jgħolli d-dejn. Issa ħadna t-tagħlima li gvern ma jistax jitlaq għal rasu għax il-pajjiżi l-oħra qed jiġu msejħa to bail that government out u allura llum hemm a shared responsibility li aħna jrid jkollna qagħda finanzjarja Ewropea li hija b’saħħitha u sostenibbli.
THE DEPUTY SPEAKER: L-Onor. Sant.
ONOR. ALFRED SANT: Ejja nħarsu lil hinn mill-kontinġenzi tal-lum għax qed nibnu struttura sħiħa marbuta mal-kontinġenzi li qed niffaċċjaw illum. Ejja nħarsu lejn kontinġenza oħra, pereżempju, fejn ikollna partit fil-gvern b’60% tas-siġġijiet u partit fl-oppożizzjoni b’40% tas-siġġijiet u l-partit fl-Oppożizzjoni jiddeċiedi li l-budget li qed jippreżenta l-Gvern se jikkontestah at all costs. Dan jista’ jtellgħu quddiem il-Qorti Ewropea, joħloq il-bsaten fir-roti u jipprova jwaqqaf il-mixja tad-deċiżjonijiet demokratiċi tal-Gvern. Din tista’ ssir jew le? Jien ngħid li tista’. Qegħdin indaħħlu ingropp fil-mod ta’ kif jitmexxew il-finanzi tal-pajjiż li assolutament qiegħed hemm biex jirrispondi għall-kontinġenzi tal-lum u mhux qed iħares lejn kontinġenzi aktar wesgħin li jistgħu jiżviluppaw fiż-żmien li ġej.
Nerġa’ ngħid li din tmur kontra l-prattika kostituzzjonali tal-pajjiż fejn il-finanzi ta’ dan il-pajjiż tiddeterminahom il-maġġoranza sempliċi ta’ voti li jkun hawn f’dan il-Parlament. Naħseb li qabel nidħlu f’din it-tranja, tajjeb li jkun hemm xi forma ta’ riżervi, xi forma ta’ stqarrijiet li juru eżattament x’qed infissru b’din il-ħaġa. Mela hawn għandna sempliċement li preferibbilment din tidħol b’mod kostituzzjonali, imbagħad għandna regola ta’ balanced budget li issa nitkellmu aktar ‘il quddiem fuqha, li fl-opinjoni tiegħi hija fażulla wkoll u kollox se jkun soġġett għall-ġurisdizzjoni tal-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja. Lanqas tal-Qrati Maltin jekk jogħġbok, imma tal-Qrati Ewropej! Din il-ħaġa ma tagħmilx sens.
THE DEPUTY SPEAKER: Il-Ministru.
ONOR. TONIO FENECH: Irrid ngħid li l-intervent li għamel l-Onor. Alfred Sant huwa kemxejn deduttiv però mhuwiex il-bażi ta’ dak li hemm miktub. L-Onor. Sant għamel assunzjoni ta’ dak li jaħseb li jista’ jaqa’ taħt din il-klawsola. Mhuwiex il-każ għax din il-klawsola, l-ewwel nett, għadha lanqas qed tiġi implimentata fil-liġijiet ta’ pajjiżna qabel ma’ tiġi bil-miktub mill-Kummissjoni l-proposta kif dan isir u bħal kull proposta tal-Kummissjoni tkun trid tiġi diskussa fil-laqgħat tal-Kunsill tal-Ministri, ikun hemm qbil, imbagħad tibda tiġi l-implimentazzjoni tagħha. Dawn huma biss suppożizzjonijiet li f’dan il-mument mhux qed narahom li kienu l-intenzjoni ta’ dak li ġie diskuss, jiġifieri qatt ma kien diskuss f’kontest li inti jista’ jkollok xi grupp minoritarju żgħir, f’parlament partikolari u jwaqqaf il-proċess ta’ budget ta’ pajjiż. Żgur li dik mhijiex l-intenzjoni. Pjuttost ir-rikors tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea qed nitkellmu dwaru aktar fil-kontest tal-Kummissjoni, fi proċess li huwa iddelinjat anke ‘l quddiem fit-Trattat fejn wara proċess anke mal-Kunsill – u l-Kunsill għandu wkoll poteri li jimblokka - jibda jaġixxi fil-konfront ta’ pajjiż li mbagħad iwassal biex inti tmur il-Qorti Ewropea. F’dak il-kontest kienet din id-diskussjoni. Fuq hekk nistenna li se tkun il-proposta tal-Kummissjoni aktar milli jista’ jkun hemm membru wieħed f’parlament li jipprova jżomm proċess ta’ budget billi jagħmel xi rikors lill-Qorti Ewropea għax ikun irid interpretazzjoni minnha dwar jekk il-budget isegwix dan it-Trattat jew le. Aħna dejjem fhimna li dik tiġri biss wara l-proċess fejn il-Kummissjoni tressaq proposta lill-Kunsill tal-Ministri u dan jiddeċiedi jekk jaċċettax jew le. Imbagħad hemm il-format ta’ kif wieħed jivvota f’dan is-sens, aktar milli kif fehemha l-Onor. Alfred Sant.

THE DEPUTY SPEAKER: L-Onor. Alfred Sant.

ONOR. ALFRED SANT: It-triq għall-infern hija pavimentata b’intenzjonijiet tajba. Jien m’għandix dubju li ma kenitx u mhijiex l-intenzjoni ta’ min daħal f’din il-ħaġa li joħloq xi paraliżi fit-tmexxija ta’ kwalunkwe pajjiż. Dak li jkun qiegħed sempliċement jirrispondi għall-kontinġenzi li nafu bihom li għaddejjin bħalissa imma mhux qed iħares lejn l-implikazzjonijiet iktar wiesgħa skont iċ-ċirkostanzi differenti tal-pajjiżi differenti fil-konkret. Nerġa’ ngħid, Franza diġà ddeċidiet li se jkollha liġi speċjali u mhux qed tistenna, safejn naf jien, dak li tgħidilha l-Kummissjoni Ewropea fuq din il-ħaġa. Telqet u bdiet tagħmel dak li għandha tagħmel skont il-kriterji tagħha.

Imma lil hinn minn hemm, dan huwa maħsub f’kontest kostituzzjonali politiku ta’ pajjiżi Ewropej li jgħixu permezz ta’ koalizzjonijiet bħall-Ġermanja, l-Olanda u pajjiżi fejn it-tmexxija parlamentari tagħhom hija permezz ta’ koalizzjonijiet. Aħna hawnhekk għandna s-sistema Ingliża. Ilna ngħidu ħafna fuqha din. Għandna sistema avversarjali, partit u ieħor, u xi kultant ikollok tnejn minn partit jew ieħor li joħolqu l-kaos meta jfettlilhom. Fair enough. Il-punt huwa li hawn qegħdin indaħħlu jew nikkontemplaw mekkaniżmu u mhux veru, ma ssemmiex hawnhekk li trid tgħaddi permezz tal-Kummissjoni. Jekk inti qed tagħmilha soġġetta għal preferibbilment dispożizzjonijiet vinkolanti fil-Kostituzzjoni, li huma riferibbli imbagħad lill-Qorti tal-Ġustizzja Ewropea, ma nistax nifhem jien kif bħala prinċipju m’aħniex qed nifhmu li anke partit żgħir, partit kbir f’dan il-Parlament jew anke nies oħra, ma jistgħux jagħmlu kawża biex iwaqqfu deċiżjoni ta’ maġġoranza f’dan il-Parlament. Issa jien maġġoranza qed ngħid, mhux minoranza kważi maġġoranza kif għandna llum. Din tmur kontra l-mod kif aħna nħaddmu d-demokrazija tagħna. Jien ngħid li mhijiex kwestjoni ta’ intenzjonijiet tajba jew intenzjonijiet ħżiena. L-isfidi u d-diffikultajiet li għandna llum, fair enough, iridu jiġu b’xi mod jew ieħor iffaċċjati, imma ma nistgħux noħolqu regoli ġenerali abbażi tagħhom biss u ma naħsbux ftit x’se jiġri aktar ‘il quddiem jew x’jista’ jiġri aktar ‘il quddiem. Mela dejjem se tibqa’ l-problema tad-deficit u l-problema ta’ budgets żbilanċjati fl-Ewropa, fiż-Żona Ewro jew f’Malta jew f’pajjiżi oħrajn? U meta ma tkunx hekk imbagħad, x’se jiġri, x’jista’ jiġri?

Jien, kif diġà għidt, se nivvota għal dan it-Trattat bl-akbar riluttanza – ma nafx x’inhija l-kelma eżatta Maltija – u bl-aktar dwejjaq, għax naħseb li dan huwa trattat li mhux qed jirrispondi għall-bżonnijiet ta’ dan il-pajjiż u ta’ pajjiżi oħra fiż-Żona Ewro.


Yüklə 0,56 Mb.

Dostları ilə paylaş:
1   2   3   4   5   6   7   8




Verilənlər bazası müəlliflik hüququ ilə müdafiə olunur ©muhaz.org 2024
rəhbərliyinə müraciət

gir | qeydiyyatdan keç
    Ana səhifə


yükləyin