TQEGĦID TA’ KARTI
ONOR. AUSTIN GATT (Ministru għall-Infrastruttura, Trasport u Komunikazzjoni): Sur President, inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra:
Informazzjoni dwar diversi studji tekniċi u ambjentali li saru fir-rigward tal-proposti għal proġett magħruf bħala Kappara Junction, bi tweġiba għall-mistoqsija parlamentari numru 37199;
f’isem il-Prim Ministru nqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra:
Tagħrif dwar xogħlijiet li saru permezz ta’ kwotazzjoni mill-kunsilli lokali tas-7 distrett elettorali bejn April u Settembru 2012, bi tweġiba għall-mistoqsija parlamentari numru 37521;
Tagħrif dwar xogħlijiet li saru permezz ta’ kwotazzjoni mill-kunsilli lokali tal-11-il distrett elettorali bejn April u Settembru 2012, bi tweġiba għall-mistoqsija parlamentari numru 37522; u
Tagħrif dwar xogħlijiet li saru permezz ta’ kwotazzjoni mill-kunsilli lokali tat-12-il distrett elettorali bejn April u Settembru 2012, bi tweġiba għall-mistoqsija parlamentari numru 37523.
THE DEPUTY SPEAKER: Grazzi. Il-Ministru Fenech.
ONOR. TONIO FENECH: Sur President, inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra:
Statistika min-National Accounts maħruġa mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika dwar l-investiment tal-Gvern u tal-privat għas-snin bejn l-2008 u l-2012, bi tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 37327;
Tabella li turi d-dħul mill-capital gains tax fuq trasferiment ta’ proprjetà bejn Jannar 2011 u Settembru 2012, bi tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 37390;
f’isem il-Ministru għal Għawdex inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra:
Tagħrif dwar xogħlijiet ta’ aċċessibilità għal persuni b’diżabilità li saru fid-dekasteru li għalih hi responsabbli l-Ministru għal Għawdex bejn Mejju u Ottubru 2012, bi tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 37352; u
f’isem il-Ministru għat-Turiżmu, l-Ambjent u l-Kultura nqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra:
Tagħrif dwar xogħlijiet ta’ aċċessibilità għal persuni b’diżabilità li saru fid-dekasteru li għalih hu responsabbli l-Ministru għat-Turiżmu, l-Ambjent u l-Kultura bejn Mejju u Ottubru 2012, bi tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 37350;
Tagħrif dwar direct orders li ngħataw mid-dekasteru li għalih hu responsabbli l-Ministru għat-Turiżmu, l-Ambjent u l-Kultura bejn Jannar u Ottubru 2012, bi tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 37398; u
Tabella li turi l-għadd ta’ permessi għal xogħol ta’ riabilitazzjoni ta’ widien f’Malta u f’Għawdex maħruġa mill-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar bejn l-2008 u l-2012, bi tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 37399.
THE DEPUTY SPEAKER: Grazzi. Ngħaddu issa għal Stqarrijiet Ministerjali? Mozzjonijiet? Ordnijiet tal-Ġurnata.
ORDNIJIET TAL-ĠURNATA
ABBOZZ TA’ LIĠI LI JEMENDA L-KODIĊI TA’ ORGANIZZAZZJONI U PROĊEDURA ĊIVILI
CODE OF ORGANIZATION AND CIVIL PROCEDURE (AMENDMENT) BILL
ONOR. CHRIS SAID: Sur President, nipproponi t-Tielet Qari tal-Abbozz ta' Liġi li jemenda l-Kodiċi ta’ Organizzazzjoni u Proċedura Ċivili.
THE DEPUTY SPEAKER: Min jissekonda?
ONOR. FREDERICK AZZOPARDI: Nissekonda.
THE DEPUTY SPEAKER: Il-mistoqsija hi l-Abbozz ta’ Liġi msejjaħ “Att biex jemenda l-Kodiċi ta’ Organizzazzjoni u Proċedura Ċivili, Kap. 12” ikun moqri t-Tielet Darba. Dawk favur? (Onor. Membri: Aye) Dawk kontra? Agreed.
Il-mozzjoni għaddiet nem.con. u l-Abbozz ta' Liġi ġie moqri t-Tielet Darba u għadda.
ABBOZZ TA’ LIĠI LI JEMENDA DIVERSI LIĠIJIET LI GĦANDHOM X’JAQSMU MAL-KLASSIFIKAZZJONI TAL-FILMS U L-PALK
VARIOUS LAWS (CLASSIFICATION OF FILMS AND OF DRAMATIC AND OTHER STAGE PRODUCTIONS) (AMENDMENT) BILL
THE DEPUTY SPEAKER: Il-Ministru Chris Said.
ONOR. CHRIS SAID: Sur President, f’isem il-Ministru għat-Turiżmu, l-Ambjent u l-Kultura nipproponi t-Tielet Qari tal-Abbozz ta' Liġi li jemenda diversi liġijiet li għandhom x’jaqsmu mal-klassifikazzjoni tal-films u l-palk.
THE DEPUTY SPEAKER: Min jissekonda?
ONOR. DAVID AGIUS: Nissekonda.
THE DEPUTY SPEAKER: Il-mistoqsija hi li l-Abbozz ta’ Liġi msejjaħ “Att biex jemenda diversi liġijiet li għandhom x’jaqsmu mal-klassifikazzjoni tal-films u l-palk” ikun moqri t-Tielet Darba. Dawk favur? (Onor. Membri: Aye) Dawk kontra? Agreed.
Il-mozzjoni għaddiet nem.con. u l-Abbozz ta' Liġi ġie moqri t-Tielet Darba u għadda.
ABBOZZ TA’ LIĠI LI JEMENDA L-ATT DWAR IL-PROFESSJONI NUTARILI U ARKIVJI NUTARILI
NOTARIAL PROFESSIONS AND NOTARIAL ARCHIVES (AMENDMENT) BILL
THE DEPUTY SPEAKER: Il-Ministru Jason Azzopardi.
ONOR. JASON AZZOPARDI: Sur President, nipproponi t-Tieni Qari tal-Abbozz ta' Liġi li jemenda l-Att dwar il-Professjoni Nutarili u l-Arkivji Nutarili.
THE DEPUTY SPEAKER: Min jissekonda?
ONOR. FREDERICK AZZOPARDI: Nissekonda.
THE DEPUTY SPEAKER: Rimarki? Il-Ministru Jason Azzopardi.
ONOR. JASON AZZOPARDI: Sur President, ma nafx jekk dan hux se jkun l-iqsar dibattitu jew għallinqas l-iqsar opening statement dwar abbozz ta’ liġi li qatt kien hawn hawn ġew però żgur li se jkun fost l-iqsar għaliex kulma se nieħu huma ftit minuti biex nispjega fil-qosor ħafna għax litteralment m’hemmx il-ħtieġa li ntawwal.
L-iskop ta’ dan l-Abbozz ta’ Liġi huwa sempliċi ħafna. Dan l-Abbozz ta’ Liġi qiegħed jemenda l-liġi li tirregola l-professjoni nutarili f’żewġ aspetti biss. L-ewwel nett qed isir biex isiru kjarifiki u korrezzjonijiet fil-liġi li tirregola lin-nutara li dan il-Parlament approva s-sena li għaddiet. Biex dak li jkun jifhimni mill-ewwel, nista’ nagħti eżempju fejn il-kelma “partijiet” fi klawsola partikolari qed tiġi sostitwita bil-kelma “komparenti”. Hemm dawn it-tip ta’ emendi.
It-tieni emenda għal dan l-Abbozz ta’ Liġi li forsi hija ftit aktar importanti hija li qegħdin intawlu ż-żmien tranżitorju meta jibdew iseħħu r-rekwiżiti l-ġodda. Fi kliem safi u sempliċi ħafna, matul is-sena li għaddiet approvajna minn dan il-Parlament, bi qbil, abbozz ta’ liġi dettaljat ħafna fejn bgħatna messaġġ li rridu niżguraw aktar serjetà, aktar trasparenza u aktar kontabilità fil-professjoni nutarili kemm biex jiġi miġġieled l-abbuż biex inħarsu lil dawk in-nies li jagħmlu użu mis-servizzi tan-nutara kif ukoll biex niżguraw u nibżgħu għad-dinjità tal-professjoni nutarili li hija professjoni li fil-pajjiż tagħna tmur lura għal żmien in-Normanni, jiġifieri kważi 700 sena.
Qabel il-liġi kienet tgħid li student fil-kors tal-liġi kien jiggradwa bħala nutar wara r-raba’ sena tal-kors tal-liġi u terminu ta’ prattika ta’ sena, li aħna konna għamilnieha sentejn, ma’ nutar prattikanti. Il-liġi li għaddejna matul is-sena li għaddiet neħħiet il-ħtieġa li wieħed jieqaf sar-raba’ sena u allura llum il-liġi tgħid li trid tispiċċa s-sitt snin tal-kors tal-liġi kollu mbagħad sta għalik jekk tridx taħdem ta’ nutar jew le. Fil-prattika niddubita jekk hawnx ħamsa minn 300 nutar li hawn Malta li ma komplewx il-kors tal-liġi kollu, u allura l-liġi li nbidlet is-sena li għaddiet irrikonoxxiet din ir-realtà. Illum m’għadekx tieqaf wara r-raba’ sena u tiggradwa b’diploma of notary public iżda trid tispiċċa l-kors tal-liġi li hu ta’ sitt snin. Wara li saret din il-liġi mill-Parlament saru rappreżentazzjonijiet u smajna u tajna widen lill-istudenti, lill-Fakultà tal-Liġi u lill-Kunsill Studenti Universitarji. Xi studenti oħrajn individwalment avviċinawna u qalulna li bdew il-kors tal-liġi bl-intiża li jieqfu mar-raba’ sena u issa ma jistgħux u jridu bilfors jibqgħu sejrin sas-sitt sena għax it-transitory provision tiskatta sal-2015 u dawn għadhom fl-ewwel sena. Kien hemm waħdiet minn dawn, niddubita kienx hemm aktar minn nofs tużżana, però l-prinċipju huwa importanti. Meta wieħed jilleġiżla jew jgħaddi ġudizzju fuq prinċipju, huwa immaterjali jekk ikunx hemm persuna waħda affettwata jew ikunx hemm għaxar miljuni. Aħna rajna li l-prinċipju huwa ġust, ingħata widen lill-Kunsill Studenti Universitarji u l-Fakultà tal-Liġi u ġejna hawnhekk fil-Parlament inressqu emenda biex it-transitory provision li kienet titkellem fuq is-sena 2015, tiġi taqra 2018.
Permezz ta’ dan l-Abbozz ta’ Liġi qegħdin nipproponu li ż-żewġ rekwiżiti l-ġodda, jiġifieri li tispiċċa l-kors tal-liġi kollu u li s-sena prattika tkun sentejn, ikunu meħtieġa għall-ewwel darba għall-eżami tal-warrant li jsir fl-2018. B’hekk ir-rekwiżiti li għandna llum ta’ diploma ta’ nutar, ta’ sena prattika, se jibqgħu jgħoddu għall-kandidati li se jagħmlu l-eżami tal-warrant sas-sena 2017. Dak hu fi ftit kliem dak kollu li hemm f’dan l-Abbozz ta’ Liġi.
Iż-żewġ għanijiet prinċipali ta’ dan l-Abbozz ta’ Liġi huma li jittawwal iż-żmien tranżitorju u li jsiru kjarifiki u korrezzjonijiet fil-liġi notarili. Nirringrazzjak.
THE DEPUTY SPEAKER: Grazzi. Aktar rimarki? L-Onor. Charles Mangion.
ONOR. CHARLES MANGION: Sur President, il-Ministru żamm kelmtu, għax naħseb li dan hu l-iqsar intervent fuq liġi li niftakar li għamel il-Parlament imma huwa Abbozz ta’ Liġi li jikkoreġi xi żbalji żgħar f’liġi li għaddejna u ddiskutejna fit-tul is-sena li għaddiet u li fuqha kien hemm qbil. Kienet liġi komprensiva ħafna li tolqot il-professjoni notarili, professjoni li dwarha dejjem insostni li, minkejja s-slips li jista’ jkun hemm fil-professjoni notarili, fir-realtà, fl-istorja tagħha – għallinqas safejn niftakar jien li ilni għal dawn l-aħħar 30 sena nipprattikaha - l-parti l-kbira ta’ min jeżerċita din il-professjoni kienu professjonisti li pprattikawha b’mod serju.
Il-liġi se tgħin biex ikun hemm aktar professjonalità u dik naħseb li hija xi ħaġa li wieħed ma jistax jimmilita jew jgħid kontra tagħha. Din hija xi ħaġa li lkoll irriduha għax din il-professjoni hija essenzjali anke fil-qasam ekonomiku minħabba li timpatta ħafna fuq l-eżerċizzju kummerċjali lokali speċjalment fejn jidħol it-trasferiment ta’ proprjetà. Din il-professjoni tidħol ukoll f’tipi oħra ta’ negozju li jsir kuljum fil-ħajja ekonomika tal-pajjiż. Huwa importanti ħafna li min jakkwista proprjetà jkollu moħħu mistrieħ li dak li jkun akkwista jkun korrett fil-kuntratti u ma jqanqal l-ebda dubju. Naħseb li t-tibdiliet kollha li kien hemm fil-liġi, anke dawk żgħar, kienu kollha ntiżi biex jintlaħaq dan il-għan.
Sur President, il-liġi li għandna llum tippreċiża ċerti termini u tagħti saħħa lill-Ministru li dawk il-proviżjonijiet tranżitorji jkun jista’ jirregolahom biex l-implimentazzjoni tal-liġi tidħol in vigore bl-aħjar mod possibbli. Ikun tajjeb li ngħid li fuq din il-materja l-kulleġġ notarili huwa kontinwament konsultat. Fil-fatt jikkonsultaw miegħi wkoll bil-għan li jkollna l-aħjar riżultat.
Sur President, din il-ġimgħa, apparti din il-liġi li naqblu magħha, ħareġ ukoll Avviż Legali Nru. 355 li jitkellem dwar regolamenti li jolqtu l-professjoni notarili u allura huwa importanti li kull nutar jarahom u jistudjahom sew. Pereżempju Regolament Nru. 6 jitkellem dwar ir-responsabilità notarili f’dak li huwa l-eżami tat-titolu, jiġifieri l-akkwist ta’ proprjetà u l-provenjenza tagħha. Dan huwa importanti għax ħafna nies jaħsbu li nutar għandu jiċċekkja jekk ikunx hemm permess tal-MEPA jew jekk il-proprjetà tkunx mibnija skont kif approvat mill-MEPA. Din hija xi ħaġa li ma taqax fid-dekasteru tagħna. In-nutar lanqas ma jidħol fin-negozjati li jkunu qed isiru bejn il-partijiet. Aħna la nindaħlu rigward tal-prezz miftiehem, la dwar il-kondizzjonijiet u t-termini kif jitħallas dak il-prezz u lanqas f’negozjati oħra li jkun hemm. Dak huwa l-essenzjal tal-partijiet. Ir-responsabilità tagħna tidħol fir-redazzjoni ta’ dak li jkun ġie miftiehem b’mod preċiż u dan jiġi mfiehem lill-partijiet.
Sur President, dawn ir-regolamenti qed jikkonstataw prattika reali li dejjem kienet, li kull min imur għand nutar biex jagħmel kuntratt - għalkemm ma kienx speċifikat fil-liġi - kien jassumi li t-titolu jkun korrett u kien jassumi wkoll li n-nutar irid jidħol għal dik ir-responsabilità. Hawn għandna kjarifikat dan u għandna kjarifikat li n-nutar irid jgħid minn qabel lill-parti li ma jridx jidħol għal dik ir-responsabilità, ħalli jekk trid, il-parti li tkun se tixtri tkun tista’ tmur tfittex parir ulterjuri. Jien naqbel ma’ din il-ħaġa. Fuq dan kien hemm anke deċiżjonijiet tal-Qrati li kienu jgħidu li jekk tagħti l-go-ahead lil dak li jkun fuq it-titolu, allura tkun assumejt dik ir-responsabilità imma issa qiegħda kjarifikata fil-liġi u hekk għandu jkun. Il-fatt li dan qed jiġi kjarifikat darba għal dejjem naħseb huwa pass fid-direzzjoni t-tajba.
Regolament Nru. 6 jistipula x’inhu mistenni li jsir min-nutar. Huwa tajjeb li nispeċifikaw ħalli dan l-element ta’ responsabilità jkun kemm jista’ jkun definit. Dan ir-regolament igħid hekk:
“Id-dokumenti li għandhom jinġabru għall-eżami tat-titolu huma dawn li ġejjin:
(a) ir-riċerki uffiċjali skont ir-regolamenti 7 u 8;
(b) ir-riċerka testamentarja uffiċjali skont ir-regolament 11;
(ċ) kopja ta’ atti inter vivos u testmenti, estratti minnhom u dikjarazzjonijiet, u dan skont ir-regolament 16; u
(d) kull dokument ieħor u pjanta li skont dawn ir-regolamenti jifformaw parti mir-riċerki.
Huwa importanti li qed ikollna kjarifika tal-affarijiet fis-sens li għar-riċerki li għandhom x’jaqsmu ma’ preskrizzjoni akkwiżittiva għandek kuntratti għal għaxar snin u għal dik li hija estintiva tibqa’ dik li hemm fil-Kodiċi Ċivili, jiġifieri ta’ 30 jew 40 sena. Mela hawn għandna l-prinċipju tal-għaxar snin preskrizzjoni akkwiżittiva u 30 sena jew 40 sena għal dik estintiva li qed jiġi ċċarat. Dawk qed jibqgħu rispettati u konstatati u dan huwa importanti, għax din hija xi ħaġa li ilna nibbażaw ruħna fuqha għal żmien twil u qed ngħid dan għax ġieli jkun hemm interpretazzjonijiet f’każistika li forsi tat l-impressjoni li ż-żmien ta’ riċerka jrid ikun aktar minn dak li huwa stabbilit.
Nixtieq nagħmel riferenza żgħira għar-Regolament Nru. 7 (4) fejn jgħid li n-nutar:
“shall not be responsible beyond what transpires from the Public Registry official search”.
Mela hawnhekk qed jingħad li n-nutar mhuwiex responsabbli aktar minn dak li jkun hemm fl-Insinwa. Dak huwa l-prinċipju li huwa konstatat u dejjem rispettat u naqbel miegħu. Il-kwestjoni tinqala’ għax fir-riċerki jrid ikun hemm l-atti kollha wkoll. Din kien hemm kawżi fuqha. Jekk f’nota ta’ Insinwa servitù qatt ma ġiet reġistrata u f’kuntratt dak is-servitù jkun sar imma jkunu għaddew għaxar snin, 30 sena u 50 sena u ma jkunx ġie reġistrat, f’każ bħal dak x’japplika? Japplika dak li hemm fir-riċerka jew inkella dak li kien hemm fil-kuntratt imma ma ġiex reġistrat fin-nota tal-Insinwa? S’issa d-duttrina dejjem kienet li japplika dak li hemm fir-Reġistru Publiku. Il-punt li qed nagħmlu, biex inkunu ċari, hu li minkejja l-lista ta’ riċerki li jridu jsiru, in-nutar jibqa’ responsabbli biss għal dak li jkun hemm reġistrat fir-Reġistru Pubbliku. Jekk minn xi dokument ieħor jirriżulta xi dubju ieħor, nutar għandu l-obbligu li jissolleva dan id-dubju lill-parti imma huwa tajjeb li llum sar ħafna investiment biex ir-riċerki jkunu uffiċjali u jingħataw b’mod uffiċjali. Jidher li hemm qbil li hekk hija l-interpretazzjoni u dan qed ngħidu ħalli jkun recorded hawnhekk f’dan id-dibattitu.
THE DEPUTY SPEAKER: Ippermettili, Onor. Mangion. Il-Ministru jixtieq jagħmel rimarka. Il-Ministru.
ONOR. JASON AZZOPARDI: Bil-permess tal-Onor. Mangion imma naħseb li jgħin l-animu li bih qed jispjega u jitkellem il-ħabib tiegħi. Jien naqbel miegħu u dik hija l-interpretazzjoni korretta kif dejjem ingħatat u li se tibqa’ tiġi segwita. Jirbaħ dejjem dak li joħroġ mir-riċerki tar-Reġistru Pubbliku.
ONOR. CHARLES MANGION: B’Reġistru Pubbliku nifhmu wkoll il-Land Registry. Fil-fatt dik hija parti mir-Reġistru Pubbliku.
ONOR. JASON AZZOPARDI: Iva, is-sabiħ tagħha din il-ħaġa hi li hemm qbil, għax ma jistax ikun hemm kontestazzjoni fuq il-prinċipju. Qed naqblu aktar u aktar meta nafu li se jkun hemm is-central registry.
THE DEPUTY SPEAKER: Grazzi. Ikompli l-Onor. Mangion.
ONOR. CHARLES MANGION: Grazzi, Ministru. Jien m’għandix aktar x’inżid imma huwa importanti li dawn il-punti ġew kjarifikati u for the record qegħdin hawnhekk għall-interpretazzjoni futura f’każ li jinqala’ xi konflitt dwar dan. Nirringrazzjak.
THE DEPUTY SPEAKER: Grazzi. Aktar rimarki? (Onor. Membri: No) Nistieden lill-Ministru għall-Kompetizzjoni Ġusta, Negozji Żgħar u l-Konsumatur biex, jekk jogħġbu, jagħmel il-winding up.
ONOR. JASON AZZOPARDI: Sur President, ma tantx għandi xi ngħid fil-winding up għax ninnota b’sodisfazzjon li hemm qbil. Forsi nieħu l-okkażjoni li nerġa’ nagħmel ftit ta’ riferenza jew enfasi fuq messaġġ li qed jintbagħat minn din il-Kamra kemm lin-nutara kif ukoll lill-pubbliku inġenerali. Dan il-Parlament qed jilleġiżla, kif għamel is-sena li għaddiet, biex iħares id-dinjità tal-professjoni notarili. In-nutar huwa uffiċjal pubbliku. Lanqas avukat mhu uffiċjal pubbliku. Tant hu veru – u hawnhekk jikkoreġini l-Onor. Mangion li huwa nutar prattikanti – li lanqas tant tista’ titkellem fuq klijent ta’ nutar. Peress li nutar huwa uffiċjal pubbliku lanqas tant tista’ tgħid li għandu klijent iżda partijiet. Ara avukat iva. Dan ikollu klijent imma peress li nutar huwa uffiċjal pubbliku b’ċerti doveri li jiġbor l-erarju għall-Istat, id-dmir tiegħu mhuwiex tant lejn klijent. U meta tara l-każistika ssib li din mhux tant tirriferi lejn il-klijent iżda lejn xi ħaġa ogħla minn hekk li hi t-tfittxija għall-verità meta jkun qed jagħmel kuntratt.
L-Onor. Mangion għamel riferenza għal regolamenti li ħarġu permezz ta’ avviż legali. Għal min qed jismagħna, dan l-Abbozz ta’ Liġi mhux qed jitkellem fuq regolamenti imma huwa tajjeb li l-Onor. Mangion għamel riferenza għalihom. Dawn huma regolamenti li ġew pubblikati fil-gazzetta tal-Gvern il-ġimgħa li għaddiet in virtù tal-liġi li għaddejna s-sena li għaddiet u għall-ewwel darba mill-1927, meta saret il-liġi tan-nutara, stabbilixxejna regoli ċari iswed fuq l-abjad ta’ kif isiru riċerki, ta’ kif issir it-tfittxija tal-provenjenza, jiġifieri r-root of title. Ir-raġuni hija li matul is-snin kien hemm diversi sentenzi konfliġġenti fil-Qrati. Safejn twassal ir-responsabilità ta’ nutar meta jkun qed jagħmel kuntratt, meta jkun qed jagħmel riċerka, meta jkun qed jagħmel it-tfittxija tar-root of title, il-provenjenza? Kien hemm sentenzi, kif jaf l-Onor. Mangion, li qalu li r-responsabilità hija akkwiljana, jiġifieri r-responsabilità fejn hemm traskuraġni u allura sa ċertu livell hija r-responsabilità mhux kuntrattwali. Issa forsi min qed jismagħna jgħidlek: Jien x’naqa’ u nqum jekk hijiex responsabilità ta’ waħda jew tal-oħra! Iva, tagħmel differenza, għax minnha jiskatta l-ammont ta’ żmien li jgħidulu l-preskrizzjoni, sakemm int tista’ tagħmel kawża biex tfittex lin-nutar. Jekk għandek preskrizzjoni ta’ sentejn huwa mod u jekk għandek preskrizzjoni ta’ ħames snin huwa mod ieħor. Xi grad ta’ diliġenza għandu jkollu n-nutar? Diliġenza ta’ bonus pater familias jew le? U aktar jew inqas? Biex ma ntawwalx dawn kienu mistoqsijiet li dwarhom kien hemm diversi sentenzi fil-Qrati tagħna anke fl-aħħar għaxar snin. Fost oħrajn kien hemm sentenza tal-Maġistrat Ellul fil-Qorti ta’ Għawdex u sentenza tal-Imħallef Tonio Mallia fil-Prim Awla hawnhekk fejn fl-obiter, jiġifieri fir-raġunijiet li wasslu għas-sentenza aktar minn qualsiasi ħaġa oħra, irriferew għal-liġi Taljana li tgħid iswed fuq l-abjad x’inhi t-tip ta’ responsabilità ta’ provenjenza għandu nutar. Dan għaliex il-liġi tagħna kienet silenzjuża u assenti. Xi tfisser assenti? Kien hemm il-baħħ u meta jkun hemm il-baħħ x’jiġri? Ikun hemm lok ta’ abbuż jew ikun hemm lok ta’ xi ħadd li jweġġa’, xi ħadd li jingidem u kien hemm każijiet – dawn huma few and far in between - li għamlu ħsara kemm lin-nies u fuq kollox lill-professjoni tan-nutara. Hawn nerġa’ ntenni li l-maġġoranza assoluta tat-300 nutar li għandna fil-pajjiż huma nies tal-affari tagħhom, li jaqdu dmirhom b’mod kuxjenzjuż u b’mod serju, imma għandek il-ftit li tgħoddhom fuq is-swaba’ ta’ id waħda li jabbużaw mill-fiduċja tan-nies, weġġgħu lin-nies, uħud issemmew, uħud ma ssemmewx, u ma waslux sal-public domain. Huwa dan l-iskop li għaddejna l-liġi vuċi waħda minn dan il-Parlament. U r-regolamenti li qed jirriferi għalihom l-Onor. Mangion li huma dettaljatissimi hu biex għall-ewwel darba jkun hemm iswed fuq l-abjad safejn għandha tasal u kif tasal għaliha r-responsabilità tan-nutar.
Pereżempju, għall-ewwel darba, dawn ir-regolamenti ta’ root of title jipprovdu għal contract of engagement. Nutar jidħol fi ftehim, iswed fuq l-abjad, mal-partijiet, mal-persuna li tkun qed tidher quddiemu u hemm spjegat safejn tasal ir-responsabilità, safejn se jmur lura fir-riċerki tiegħu. U jekk il-klijent ikun qed jeżentah, biex in-nutar ikun kopert, ikun hemm miktub li qed ikun eżentat milli jagħmel dawk ir-riċerki. Dan biex mhux imbagħad wara jibda jsir ħafna paroli u wieħed jgħid mod u ieħor jgħid mod ieħor.
Infakkru li l-liġi li għaddejna s-sena li għaddiet biex inħarsu lill-pubbliku, għaddejnieha bi qbil u tipprovdi għal deposit account, għal trust account, jiġifieri l-flus li persuna tħalli man-nutar ma jkunux parti mill-beni tan-nutar iżda jibqgħu separati u distinti, jibqgħu f’kont totalment separat. Din issa bilfors irid jagħmilha n-nutar. Jekk ma jippreżentax l-atti tiegħu kultant żmien quddiem il-qorti ta’ reviżjoni biex ikun hemm reviżjoni, jitteħidlu l-warrant ta’ nutar. Issa tajna s-snien lill-qorti ta’ reviżjoni u din issa għandha poteri ħafna aktar b’saħħithom milli kien hemm qabel. Issa hemm multi u pieni li jiskattaw biex ikun hemm aktar dixxiplina.
Sur President, jien se nagħlaq billi ngħid li permezz ta’ dan l-Abbozz ta’ Liġi, li huwa wieħed sempliċi ħafna u m’hemmx għalfejn wieħed joqgħod itawwal fuqu għalxejn, tajna widen lil dawk l-istudenti partikolarment tal-ewwel sena tal-kors tal-liġi. Dawn issa jistgħu jserrħu moħħhom li l-liġi li għaddejna s-sena li għaddiet ma tapplikax għalihom imma tibda tapplika mill-2018 u allura ma jkunux affettwati. It-tieni nett, kif għedt, se jkun hemm xi kjarifiki li narawhom fl-istadju ta’ Kumitat fejn nirranġaw u nikkoreġu xi terminoloġija ħalli nkunu perfezzjonisti, biex ikollna Abbozz ta’ Liġi li jkun jirrifletti dak li verament kellna f’rasna meta għamilnieh u approvajnieh is-sena li għaddiet. Nirringrazzjak.
THE DEPUTY SPEAKER: Grazzi. Il-mistoqsija hija li l-Abbozz ta’ Liġi msejjaħ “Att li jemenda l-Att dwar il-Professjoni Nutarili u l-Arkivji Nutarili” jkun moqri t-Tieni Darba. Dawk favur? (Onor. Membri: Aye) Dawk kontra? Agreed.
Il-mozzjoni għaddiet nem. con. u l-Abbozz ta’ Liġi ġie moqri t-Tieni Darba.
THE DEPUTY SPEAKER: Il-Ministru għal Kompetizzjoni Ġusta, Negozji Żgħar u Konsumatur.
ONOR. JASON AZZOPARDI: Sur President, nipproponi li dan l-Abbozz ta’ Liġi jiġi trattat mill-Kumitat Permanenti għall-Konsiderazzjoni ta’ Abbozzi ta’ Liġi.
THE DEPUTY SPEAKER: Min jissekonda?
ONOR. DAVID AGIUS: Nissekonda.
THE DEPUTY SPEAKER: Il-mistoqsija hija li l-Abbozz ta’ Liġi msejjaħ “Att li jemenda l-Att dwar il-Professjoni Nutarili u l-Arkivji Nutarili” jiġi trattat mill-Kumitat Permanenti għall-Konsiderazzjoni ta’ Abbozzi ta’ Liġi. Dawk favur? (Onor. Membri: Aye) Dawk kontra? Agreed.
Il-mozzjoni għaddiet nem. con.
Dostları ilə paylaş: |