Dibattiti tal-kamra tad-deputati

Sizin üçün oyun:

Google Play'də əldə edin


Yüklə 0.56 Mb.
səhifə7/8
tarix28.07.2018
ölçüsü0.56 Mb.
1   2   3   4   5   6   7   8

MISTOQSIJIET GĦAL TWEĠIBIET ORALI MWIEĠBA BIL-MIKTUB




APPLIKAZZJONI GĦAR-RESIDENZA SAN VINĊENZ DE PAUL
36997. L-ONOR. SILVIO PARNIS staqsa lill-Ministru tas-Saħħa, l-Anzjani u l-Kura fil-Komunità: Jista’ l-Ministru jara l-każ ta’ anzjana, li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament, li ilha li applikat biex tidħol fir-Residenza San Vinċenz de Paul imma għadha mingħajr risposta?
ONOR. JOSEPH CASSAR: Infurmat li l-anzjana li qiegħed jirreferi għaliha l-Onor. Interpellant bħalissa tinsab fl-Isptar Karen Grech u ilha hemm mit-18 ta’ Settembru, 2012.
Din l-anzjana ġiet approvata għar-Residenza San Vinċenz de Paul u tinsab fil-lista ta’ stennija ta’ din ir-residenza.
KERA TA’ RABA’
36998. L-ONOR. SILVIO PARNIS staqsa lill-Ministru għall-Kompetizzjoni Ġusta, Negozji Żgħar u Konsumatur: Jista’ l-Ministru jara l-każ tas-sid tar-raba’, li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament, li ilu jistenna biex iħallas il-kera xi disa’ snin imma għadhom qatt ma qalulu biex iħallasha?
ONOR. JASON AZZOPARDI: Ninsab infurmat li l-individwu li d-dettalji tiegħu ngħataw separatament kien applika taħt l-Iskema tal-Art Agrikola tal-Gvern li għalqet fis-sena 2001 u għandu żewġ applikazzjonijiet. Peress li meta għalqet l-iskema daħħlu ’l fuq minn 9,000 applikazzjoni ġie deċiż li dawn l-applikazzjonijiet jinħadmu lokal lokal. Fil-fatt ix-xogħol fuq il-lokal fejn hemm ir-raba’ maħdum mill-persuna li dettalji tagħha ntbagħtu separatament għadu ma nbediex. Meta jinbeda x-xogħol fuq rikonnoxximenti ta’ raba’ f’dan il-lokal partikolari, din il-persuna tiġi infurmata biex tersaq għall-kuntratt ta’ kirja u tħallas il-kera dovuta inkluż l-arretrati.

SPTAR ST PHILIP’S - MAN POWER
37150. L-ONOR. LEO BRINCAT staqsa lill-Ministru tas-Saħħa, l-Anzjani u l-Kura fil-Komunità: Jista’ l-Ministru jgħid kemm hu mistenni li jeħtieġ man power biex l-Isptar St Philip’s jitmexxa kif inhuwa maħsuba? Se jkun hemm bżonn xi reklutaġġ addizzjonali?
ONOR. JOSEPH CASSAR: Infurmat li l-man power għall-Isptar St Philip’s huwa l-istess bħal dak tal-Isptar Karen Grech peress li l-istess pazjenti fis-swali, kif ukoll l-impjegati, se jiġu trasferiti għall-Isptar St Philip’s fl-eventwalità li l-Gvern jasal għal ftehim fuq dan l-isptar.

FOUNDATION FOR MEDICAL SERVICES - PROĠETT TAL-ISPTAR ST PHILIP’S
37151. L-ONOR. LEO BRINCAT staqsa lill-Ministru tas-Saħħa, l-Anzjani u l-Kura fil-Komunità: B’referenza għax-xogħol li mistenni jkollha l-Foundational for Medical Services in konnessjoni ma’ dan il-proġett tal-Isptar St Philip’s jista’ l-Ministru jassigura lill-Kamra li dan mhu bl-ebda mod se jaffettwa x-xogħlijiet fuq iċ-Ċentru tal-Onkoloġija u taċ-ċentri varji tas-saħħa f’tali mod li dawn jistgħu jaqgħu lura fl-iskedar tagħhom speċjalment billi huwa mifhum li l-Foundational for Medical Services kważi diġà qabżet il-limiti tar-riżorsi finanzjajri u umani tagħha?
ONOR. JOSEPH CASSAR: Infurmat li m’hemm l-ebda indikazzjoni li x-xogħlijiet fuq iċ-Ċentru tal-Onkoloġija u fuq proġetti oħra li qiegħda taħdem fuqhom il-Fondazzjoni għas-Servizzi Mediċi se jaqa’ lura minħabba l-Isptar St Philip’s.

MINISTERU TAL-AFFARIJIET BARRANIN - DIPLOMATS
37191. L-ONOR. LEO BRINCAT staqsa lill-Viċi Prim Ministru u Ministru tal-Affarijiet Barranin: Jista’ l-Viċi Prim Ministru u Ministru tal-Affarijiet Barranin jgħid fil-Ministeru tal-Affarijiet Barranin kemm-il diplomat daħal dawn l-aħħar erba’ snin din l-aħħar sena u dawn l-aħħar sitt xhur? Kemm-il diplomat daħal wara sena li għamel l-eżami? Fuq liema kriterji jintgħażlu id-diplomats Maltin, biex imorru jservu fl-ambaxxati?

ONOR. TONIO BORG: Ninforma lill-Onor. Interpellant li f’dawn l-aħħar ebr’a snin ġew ingaġġati b’kollox 37 second secretaries. Minn dawn is-37 daħlu 19 f’din l-aħħar sena u minn dawn id-19 daħlu għaxra f’dawn l-aħħar sitt xhur.
Ġeneralment meta jkun hemm vakanzi fl-ambaxxati ta’ Malta l-Ministeru tal-Affarijiet Barranin joħroġ ċirkulari interna li tinġieb għall-attenzjoni tal-uffiċjali tal-Ministeru u l-Korp Diplomatiku Malti kollu. Dawk interessati jintalbu jissottomettu expression of interest li fiha jindikaw il-preferenzi tagħhom kif ukoll ir-raġunijiet għalfejn jaħsbu li għandhom jiġu kkunsidrati għall-dawn il-vakanzi. Wara ssir evalwazzjoni interna ta’ dawn l-expressions of interest inkluż tal-esperjenza, id-disponibbiltà kif ukoll tal-kwalitajiet professjonali pertinenti li jkunu meħtieġa għall-vakanzi nfushom. Wara li jittieħdu d-deċiżjonijiet dawn jiġu ppubblikati f’posting order.
Ta’ min jinnota li f’dawn l-aħħar snin sar sforz kbir min-naħa tal-Ministeru tiegħi sabiex jiġu promossi u jintbagħtu jservu barra minn Malta kemm jista’ jkun dawk hekk imsejħa career officers tal-korp diplomatiku Malti fil-livelli kollha inkluż dak ta’ ambaxxaturi.

GżIRA - dar residenzjali tal-anzjani - GĦELUQ
37192. L-ONOR. LEO BRINCAT staqsa lill-Ministru tas-Saħħa, l-Anzjani u l-Kura fil-Komunità: Jista’ l-Ministru jgħid x’użu se jsir mid-dar tal-anzjani tal-Gżira la titbattal kompletament? X’inhi r-raġuni li meta ttieħdet id-deċiżjoni li jingħalaq dan iċ-ċentru l-familjari konċernati, allegatament, ma ġewx konsultati tant li kien hemm ilmenti ta’ rabja kbira mill-familjari li għandhom xi ġenitur hemmhekk peress li dan iċ-ċentru qed jitbattal u l-qraba qegħdin jinferxu f’bosta postijiet mingħajr konsultazzjoni ta’ xejn?
ONOR. JOSEPH CASSAR: Infurmat li s’issa ma ġiex identifikat kif se tintuża d-Dar tal-Anzjani tal-Gżira ladarba titbattal.
Meta ttieħdet id-deċiżjoni li tingħalaq id-Dar tal-Gżira l-kap ta’ din id-dar beda proċess ta’ diskussjoni kemm mar-residenti kif ukoll mal-qraba tagħhom biex b’hekk jindikaw il-preferenza tagħhom għal djar oħra fejn tista’ tiġi offruta kura fit-tul.

IL-PROMENADE BEJN IL-GŻIRA U TAS-SLIEMA - BLA DAWL
37193. L-ONOR. LEO BRINCAT staqsa lill-Ministru tal-Finanzi, l-Ekonomija u Investiment: B’referenza għall-problemi li hemm fil-promenade bejn il-Gżira u Sliema li qed ikun għal ġranet sħaħ bla dawl fuq in-naħa ta’ mal-baħar, jista’ l-Ministru jgħid jekk din hijiex problema purament tal-kunsilli lokali jew jekk hemmx xi xogħol jew għajnuna li hija mistennija wkoll mill-Korporazzjoni Enemalta sabiex tiġi rimedjata din il-problema li qed twassal għal ħafna lmenti mill-pubbliku?
ONOR. TONIO FENECH: Ninsab infurmat illi l-ħsara f’dawn il-lampi tul il-promenade bejn il-Gżira u Tas-Sliema kienet ħsara estensiva għax partijiet mil-lanterni kienu mkissrin u mmermra u kawża ta’ dan beda anke jsir ksur fil-globi. Għaldaqstant ix-xogħol ta’ tiswija kien jirrikjedi ħafna ħin u minħabba raġunijiet ta’ sigurtà kellha tinqata’ l-provvista tad-dawl għal dawn il-lampi. Ix-xogħol fuq it-tiswijiet issa tlesta u d-dwal ġew mixgħula. Independentament minn din il-ħsara, kien hemm ukoll aċċident fejn il-kuntrattur li qed jaħdem fuq ix-xogħol tal-promenade laqat kejbil li jissuplixxi parti minn dawn id-dwal. Għaldaqstant il-parti affetwata minn dan l-aċċident se tibqa’ mitfija sakemm isiru t-tiswijiet neċessarji.

TRANSPORT MALTA - KAPPARA JUNCTION - TRAFFIC IMPACT ASSESSMENT
37199. L-ONOR. LEO BRINCAT staqsa lill-Ministru għall-Infrastruttura, Trasport u Komunikazzjoni: Jista’ l-Ministru jwieġeb mistoqsijiet parlamentari 36952 u 36758 u jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-istudji kollha ambjentali u dawk ħolistiċi fuq traffic impact assessments li saru jew ġew ikkummissjonati minn Transport Malta qabel għamlet l-għażliet rakkmandati tagħha dwar l-iżviluppi proposti dwar Kappara Junction? Meta saru dawn l-istudji? Minn min saru u meta ġew ikkummissjonati? Id-deċiżjonijiet ta’ Transport Malta dwar din l-issue fuq liema livell ittieħdu u jekk qabel sar dan kienx hemm konsultazzjoni ma’ Ministeri u entitajiet governattivi oħra?
ONOR. AUSTIN GATT: Ninsab infurmat li l-istudji li saru rigward dan il-proġett huma aċċessibbli mill-website tal-MEPA u dawn jinkludu diversi studji ambjentali hekk kif speċifikati mill-MEPA stess u studji ta’ cost benefit analysis li jinkorporaw fihom traffic modelling tat-tip ta’ junctions proposti. Minbarra dawn l-istudji ġew ikkummissjonati wkoll health and safety plan, geotechnical investigation, acoustic studies li tpoġġew fuq il-Mejda tal-Kamra permezz ta’ CD waqt il-ħin tat-Tqegħid ta’ Karti. Ġie kkummissjonat ukoll studju dwar performance specifications ta’ strutturi iżda dan għadu mhux finalizzat. Lista tal-istudji li għadni kif irreferejt għalihom flimkien mad-dettalji dwar meta saru, minn min u meta ġew ikkummissjonati tpoġġiet fuq il-Mejda tal-Kamra waqt il-ħin tat-Tqegħid ta’ Karti.
Dwar kif ittieħdu d-deċiżjonijiet u l-konsultazzjoni li saret jien infurmat li kien hemm diversi diskussjonijiet dwar dan il-proġett fil-livelli tas-senior management ta’ Transport Malta tul l-andament tal-istudji u anke wara. Tul dawn id-diskussjonijiet saru konsultazzjonijiet ma’ diversi residenti tal-inħawi, rappreżentanti ta’ kunsilli lokali, il-MEPA, kumpaniji ta’ servizzi bħal GO, Melita, Enemalta, Water Services Corporation, Planning and Priorities Coordination Department, Superintendence of Cultural Heritage u l-MRRA. Minbarra hekk, saret ukoll konsultazzjoni pubblika li għaliha attendew diversi residenti tal-inħawi. F’din il-laqgħa kienu spjegati l-alternattivi li qed jiġu kkunsidrati mal-MEPA biex l-istess MEPA tieħu deċiżjoni dwar dan il-proġett. Kien ġie diskuss illi ż-żewġ alternattivi huma proġetti tajbin li jtaffu l-konġestjoni fl-inħawi u waħda minnhom kellha potenzjal li timpatta inqas fuq il-flow tat-traffiku waqt il-kostruzzjoni. Bħalissa qed isiru wkoll preparamenti għal studji oħrajn biex ikompli l-proċess ħalli tinstab soluzzjoni li ttaffi l-konġestjoni f’din il-junction bl-inqas impatt fuq l-ambjent tal-madwar u biex ikunu kkunsidrati s-sottomissjonijiet li Transport Malta rċeviet bħala parti mill-konsultazzjoni msemmija.
HAŻ-ŻEBBUĠ - SKOLA SEKONDARJA - SETTIJIET TAT-TELEVIŻJONI FIL-KLASSIJIET
37262. L-ONOR. JOE MIZZI staqsa lill-Ministru tal-Edukazzjoni u x-Xogħol: Tista’ l-Ministru tikkonferma jekk fl-iskola sekondarja ta’ Ħaż-Żebbuġ, li qed tilqa’ fiha studenti li kienu fl-iskola sekondarja tal-Marsa, hemmx settijiet tat-televiżjoni fil-klassijiet?

ONOR. DOLORES CRISTINA: Fl-iskola sekondarja ta’ Ħaż-Żebbuġ hemm erba’ klassijiet li għandhom LCD monitor 42 inch istallat fihom. Fil-games room hemm stallati tliet LCD 42 inch monitors oħra. Ta’ min jinnota li fi skejjel sekondarji oħra m’hemmx televiżjoni f’kull klassi. Bl-introduzzjoni tal-interactive whiteboard f’kull klassi m’għadx baqa’ bżonn ta’ television f’kull klassi.

HAŻ-ŻEBBUĠ - SKOLA SEKONDARJA - LABORATORJI TAL-FIŻIKA U TOILETS
37263. L-ONOR. JOE MIZZI staqsa lill-Ministru tal-Edukazzjoni u x-Xogħol: Tista’ l-Ministru tikkonferma li fl-iskola sekondarja ta’ Ħaż-Żebbuġ li qed tilqa’ fiha studenti li kienu fl-iskola sekondarja tal-Marsa l-laboratorji tal-Fiżika u t-toilets huma dojoq ħafna?
ONOR. DOLORES CRISTINA: Il-laboratorju tal-Fiżika hu ta’ daqs kbir, wiesa’ u għoli. Reċentement sar tisbiħ fit-toilets. Wieħed jifhem u jixtieq li jkollu toilets aktar spazjużi però madankollu l-popolazzjoni preżenti tal-iskola tippermetti li dawn il-kmamar jintużaw b’mod komdu. Din l-iskola ilha tintuża bħala skola sekondarja u t-toilets dejjem kienu l-istess daqs. Fl-iskejjel, bħal fid-djar, wieħed isib daqsijiet varji ta’ toilets.

MARSA - SKOLA SEKONDARJA - STUDENTI LI NTBAGĦTU FL-ISKOLA SEKONDARJA TA’ ĦAŻ-ŻEBBUĠ
37264. L-ONOR. JOE MIZZI staqsa lill-Ministru tal-Edukazzjoni u x-Xogħol: Tista’ l-Ministru tgħid x’inhuma l-pjanijiet tal-Ministeru dwar l-iskola sekondarja tal-Marsa la l-istudenti li kienu fiha ntbagħtu fl-iskola sekondarja ta’ Ħaż-Żebbuġ? Tista’ tgħid għaliex l-istudenti li kienu f’din l-iskola ntbagħtu fl-iskola sekondarja ta’ Ħaż-Żebbuġ?
ONOR. DOLORES CRISTINA: L-istudenti għandhom ambjent aħjar Ħaż-Żebbuġ biex ikomplu jirċievu edukazzjoni ta’ kwalità. Bħalissa l-Ministeru qed jistudja diversi proposti dwar l-użu tal-iskola tal-Marsa.


SAN PAWL IL-BAĦAR U MELLIEĦA - TITJIR TA’ AJRUPLANI
37266. L-ONOR. JOE MIZZI staqsa lill-Ministru għall-Infrastruttura, Trasport u Komunikazzjoni: Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-Ħadd, 14 t’Ottubru, għal ħabta tat-7.45 a.m., kienx hemm tliet ajruplani jittajru fl-għoli u li ħallew trail ta’ exhaust qawwi warajhom b’linja twila li baqgħet għal ħin twil fl-arja u dehru fl-inħawi ta’ San Pawl il-Baħar u Mellieħa kif ukoll li kien hemm episodju ieħor fl-10.00 a.m. u fil-11.30 a.m.? Jista’ jagħti idenfikazzjoni ta’ dawn l-ajruplani u ta’ liema għamla huma li qed jittajru fl-ispazju tal-arja ta’ Malta u jekk dan it-trail ta’ exhaust huwiex ta’ detriment għat-tniġġis tal-arja u jekk hux qed isir xi monitoraġġ tagħhom mill-avjazzjoni ċivili?
ONOR. AUSTIN GATT: Ninsab infurmat li l-ajruplani li qed jirreferi għalihom l-Onor. Interpellant kienu ajruplani tal-passiġġieri li jgħaddu mill-ispazju tal-ajru ta’ Malta u l-linja li jħallu warajhom hija riżultat tad-differenza fit-temperatura meta l-gassijiet mill-magni tal-ajruplani joħorġu fl-atmosfera kiesħa u jifforma linja li jidher qisu sħab. Dan huwa magħmul minn ilma u mhuwiex ta’ detriment għat-tniggis tal-arja.

SAN PAWL IL-BAĦAR U MELLIEĦA - TITJIR TA’ AJRUPLANI
37267. L-ONOR. JOE MIZZI staqsa lill-Ministru għat-Turiżmu, l-Ambjent u l-Kultura: Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-Ħadd, 14 ta’ Ottubru, għal ħabta tat-7.45 a.m. kien hemm tliet ajruplani jittajru fl-għoli waqt li jħallu trail ta’ exhaust qawwija warajhom b’linja twila li jibqa’ għal ħin twil fl-arja li dehru fl-inħawi ta’ San Pawl il-Baħar u Mellieħa kif ukoll kien hemm episodju ieħor fl-10.00 a.m. u fil-11.30 a.m.? Jista’ jagħti identifikazzjoni ta’ dawn l-ajruplani u ta’ liema għamla huma li qed jittajru fl-ispazju tal-arja ta’ Malta u jekk dan it-trail tal-exhaust huwiex ta’ detriment għat-tniġġis tal-arja u jekk hux qed isir xi monitoraġġ tagħhom mill-avjazzjoni ċivili?
ONOR. MARIO DE MARCO: Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi l-ewwel parti tal-mistoqsija lill-Ministru konċernat. Rigward l-emissjonijiet mill-ajruplani meta jkunu fil-għoli ħafna għandhom effett minimu fuq il-kwalità tal-arja li tiġi mkejla fl-aktar parti baxxa tal-atmosfera.

Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika - NATIONAL ACCOUNTS
37327. L-ONOR. EVARIST BARTOLO staqsa lill-Ministru tal-Finanzi, l-Ekonomija u Investiment: Jista’ l-Ministru jara li l-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika jagħti dettalji (breakdown) tal-investiment fin-National Accounts għas-snin 2008-2012 fejn jiddistingwi kemm minnu hu investiment tal-Gvern u mill-Gvern, u kemm minnu hu investiment mill-privat u tal-privat?
ONOR. TONIO FENECH: L-informazzjoni mitluba tpoġġiet fuq il-Mejda tal-Kamra waqt il-ħin tat-Tqegħid ta’ Karti.

MINISTERU TAS-SAĦĦA, L-ANZJANI U L-KURA FIL-KOMUNITÀ - AĊĊESSIBBILTÀ FL-UFFIĊINI GĦAL PERSUNI B’DIŻABILITÀ
37347. L-ONOR. JUSTYNE CARUANA staqsiet lill-Ministru tas-Saħħa, l-Anzjani u l-Kura fil-Komunità: Jista’ l-Ministru jgħid x’xogħlijiet saru f’dawn l-aħħar sitt xhur f’kull uffiċċju tal-Ministeru u d-dipartimenti u entitajiet kollha li jaqgħu taħtu biex ikunu aċċessibbli għall-persuni b’diżabilità kemm fiżika kif ukoll għal dawk li għandhom nuqqas ta’ smigħ u nuqqas ta’ dawl?
ONOR. JOSEPH CASSAR: Infurmat li f’dawn l-aħħar sitt xhur saru xogħlijiet relatati ma’ aċċess aħjar għall-persuni b’diżabilità f’dawn id-dipartimenti:
L-Isptar ta’ Rijabilitazzjoni Karin Grech - fetaħ is-sala RW1 bi kmamar u faċilitajiet li huma faċilment aċċessibbli għal persuni b’diżabilita fiżika.
Dipartiment għall-Anzjani u l-Kura fil-Komunità - f’dawn l-aħħar sitt xhur saret rampa fin-night shelter ġewwa r-Residenza ta’ San Vinċenz de Paul biex ikun aċċessibbli għal persuni b’diżabilità.

MINISTERU TAL-INTERN - AĊĊESSIBBILTÀ FL-UFFIĊINI GĦAL PERSUNI B’DIŻABILITÀ
37348. L-ONOR. JUSTYNE CARUANA staqsiet lill-Ministru tal-Intern: Jista’ l-Prim Ministru jgħid x’xogħlijiet saru f’dawn l-aħħar sitt xhur f’kull uffiċċju tal-Ministeru u d-dipartimenti u entitajiet kollha li jaqgħu taħtu biex ikunu aċċessibbli għall-persuni b’diżabilità kemm fiżika kif ukoll għal dawk li għandhom nuqqas ta’ smigħ u nuqqas ta’ dawl?
ONOR. LAWRENCE GONZI: Ninsab infurmat illi f’dawn l-aħħar sitt xhur kien hemm xi xogħlijiet li saru biex jiġu indirizzati l-problemi ta’ aċċessibbiltà fid-dipartimenti u uffiċini, fosthom fir-reġistru tal-artijiet, fejn saru poġġamani ġodda bil-ħsieb li jgħinu partikolarment nies anzjani kif ukoll ċertu kategoriji ta’ persuni b’diżabilità fiżika. F’każijiet oħra fejn persuni b’diżabilità ma jkunux jistgħu jitilgħu t-taraġ isiru arranġamenti prattiċi biex xorta jingħata s-servizz. L-Uffiċċju tal-Passaporti qiegħed f’taħdidiet mal-Kummmissjoni Nazzjonali għal Persuna b’Diżabilità (KNPD) u mal-entitajiet l-oħra li jużaw l-istess bini, li jinkludu r-Reġistru Pubbliku u l-Uffiċċju għall-Immaniġġjar tal-Identità, sabiex jinsabu mezzi ħalli tingħeleb il-problema tal-aċċessibbiltà b’mod effettiv. Fil-fatt diġà tqabbad perit u ġew imfassla xi pjanti f’dan is-sens. Sakemm din il-kwestjoni tiġi solvuta b’mod definit, l-Uffiċċju tal-Passaporti qed jagħmel dak kollu li jista’ sabiex persuni li jużaw siġġu bir-roti jew li ma jistgħux jitilgħu taraġ jinqdew xorta waħda. Fil-fatt dan l-aħħar ġie stallat apparat f’uffiċċju fil-pjan ta’ isfel sabiex persuna b’diżabilità ma jkollhiex għalfejn titla’ l-Evans Building fis-sular ta’ fuq biex tagħmel il-passaport. Wieħed jista’ wkoll jordna ċertifikati mir-Reġistru Pubbliku permezz tas-sit www.ċertifikati.gov.mt
Infurmat ukoll illi l-Kwartieri Ġenerali tal-Pulizija, kif ukoll diversi għasses tal-Pulizija, huma aċċessibbli għall-persuni b’diżabilità u li fil-preżent għaddejjin taħdidiet bejn il-Pulizija u l-Kummissjoni Nazzjoni Persuni b’Diżabilità bl-iskop li jitjiebu dawn il-faċilitajiet.
Id-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili wettaq xogħol biex tinbena rampa fit-Taqsima Marittima li tinsab il-Marsa u din saret skont linji gwida li ħarġu mill-Kummissjoni Nazzjonali Persuni b’Diżabilità.

MINISTERU TAL-ĠUSTIZZJA, KONSULTAZZJONI PUBBLIKA U L-FAMILJA - AĊĊESSIBBILTÀ FL-UFFIĊINI GĦAL PERSUNI B’DIŻABILITÀ
37349. L-ONOR. JUSTYNE CARUANA staqsiet lill-Ministru tal-Ġustizzja, Konsultazzjoni Pubblika u l-Familja: Jista’ l-Ministru jgħid x’xogħlijiet saru f’dawn l-aħħar sitt xhur f’kull uffiċċju tal-Ministeru u d-dipartimenti u entitajiet kollha li jaqgħu taħtu biex ikunu aċċessibbli għall-persuni b’diżabilità kemm fiżika kif ukoll għal dawk li għandhom nuqqas ta’ smigħ u nuqqas ta’ dawl?
ONOR. CHRIS SAID: Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba hija s-segwenti:
- Dipartiment Standards fil-Ħarsien Soċjali: f’dawn l-aħħar sitt xhur ma sarux xogħlijiet peress li d-dipartiment kien diġà attrezzat sabiex ikun milħuq minn persuni b’diżabilità kemm fiżika kif ukoll minn dawk li għandhom nuqqas ta’ smigħ u dawl;

- Sigurtà Soċjali: il-binjiet tal-aċċess ġewwa l-Qawra, il-Kottonera u l-Imsida saru xogħlijiet sabiex tkun aċċessibbli minn persuni b’diżabilità kif ukoll fil-kmamar tal-banju rispettivi. Saru xogħlijiet ukoll fl-uffiċċju distrettwali tal-Ħamrun u se joħroġ tender għal-lift. Viċin kull uffiċċju distrettwali hemm ukoll reserved parking għal persuni b’diżabilità;

- Kummissjoni Nazzjonali Persuni b’Diżabiltà: ma kienx hemm il-bżonn li jsir xogħol ta’ din in-natura ghaliex huma aċċessibbli. Barra minn hekk, ġiet stallata l-Maltese Speech Engine żviluppata mill-FITA fuq il-kompjuters ta’ staff li għandhom nuqqas ta’ dawl u li jużaw screenreader sabiex jużaw il-kompjuter;

- Qrati tal-Ġustizzja: fl-uffiċċju tal-membri tal-Ġudikatura u fir-raba’ sular tal-Qorti sar accessibility audit mill-KNPD;

- MEUSAC: f’dawn l-aħħar sitt xhur ma sarux xogħlijiet però l-uffiċċju hu aċċessibbli permezz ta’ rampa li saret fuq barra;

- Awtorità tad-Djar: l-awtorità diġà hi aċċessibbli;

- Dipartiment għar-Relazzjonijiet Industrijali: saret rampa biex il-bini ikun aktar aċċessibbli;

- Kummissjoni Nazzjonali għal Promozzjoni tal-Ugwaljanza: ma saru l-ebda xogħlijiet f’dawn l-aħħar sitt xhur però l-bini hu aċċessibbli;

- Kummissarju għall-Għaqdiet Volontarji: ma saru l-ebda xogħlijiet f’dawn l-aħħar sitt xhur però l-post hu aċċessibbli permezz ta’ rampa li tinsab fl-entratura tal-bini;

- Kummissarju għat-Tfal: ma saru l-ebda xogħlijiet f’dawn l-aħħar sitt xhur għaliex il-bini hu aċċessibbli u anke għandu kmamar tal-banju aċċessibbli;

- MCESD: ma saru l-ebda xogħlijiet f’dawn l-aħħar sitt xhur però l-bini hu aċċessibbli permezz ta’ rampa li tinsab fl-entratura tal-bini; u

- Fondazzjoni għas-Servizzi tal-Ħarsien Soċjali: saru rampi u kmamar tal-banju aċċessibbli minn persuni b’diżabilità fiżika ġewwa l-fondazzjoni, qed tiġi rranġata l-binja residenzjali ġewwa Birżebbuġa billi qed jitwessgħu l-bibien u ġew stallati kmamar tal-banju aċċessibbli, ġewwa l-Imtarfa Day Centre tranġaw il-kmamar tal-banju u tranġat rampa fl-entratura taċ-ċentru ta’ Fleur de Lys.



MINISTERU GĦAT-TURIŻMU, L-AMBJENT U L-KULTURA - AĊĊESSIBBILTÀ FL-UFFIĊINI GĦAL PERSUNI B’DIŻABILITÀ
37350. L-ONOR. JUSTYNE CARUANA staqsiet lill-Ministru għat-Turiżmu, l-Ambjent u l-Kultura: Jista’ l-Ministru jgħid x’xogħlijiet saru f’dawn l-aħħar sitt xhur f’kull uffiċċju tal-Ministeru u d-dipartimenti u entitajiet kollha li jaqgħu taħtu biex ikunu aċċessibbli għall-persuni b’diżabilità kemm fiżika kif ukoll għal dawk li għandhom nuqqas ta’ smigħ u nuqqas ta’ dawl?
ONOR. MARIO DE MARCO: L-informazzjoni mitluba tpoġġiet fuq il-Mejda tal-Kamra waqt il-ħin tat-Tqegħid ta’ Karti.

MINISTERU GĦALL-KOMPETIZZJONI ĠUSTA, NEGOZJI ŻGĦAR U KONSUMATUR - AĊĊESSIBBILTÀ FL-UFFIĊINI GĦAL PERSUNI B’DIŻABILITÀ

37351. L-ONOR. JUSTYNE CARUANA staqsiet lill-Ministru għall-Kompetizzjoni Ġusta, Negozji Żgħar u Konsumatur: Jista’ l-Ministru jgħid x’xogħlijiet saru f’dawn l-aħħar sitt xhur f’kull uffiċċju tal-Ministeru u d-dipartimenti u entitajiet kollha li jaqgħu taħtu biex ikunu aċċessibbli għall-persuni b’diżabilità kemm fiżika kif ukoll għal dawk li għandhom nuqqas ta’ smigħ u nuqqas ta’ dawl?
ONOR. JASON AZZOPARDI: Ninforma l-Onor. Interpellant li f’dawn l-aħħar sitt xhur l-Awtorità dwar il-Medicini fi ħdan il-Ministeru għall-Kompetizzjoni Ġusta, Negozji Żghar u Konsumatur saħħet is-sistema tas-sound li għandha fil-boardroom għall-beneficcju tal-impjegati li għandhom nuqqas ta’ smigħ.

MINISTERU GĦAL GĦAWDEX - AĊĊESSIBBILTÀ FL-UFFIĊINI GĦAL PERSUNI B’DIŻABILITÀ
37352. L-ONOR. JUSTYNE CARUANA staqsiet lill-Ministru għal Għawdex: Tista’ l-Ministru tgħid x’xogħlijiet saru f’dawn l-aħħar sitt xhur f’kull uffiċċju tal-Ministeru u d-dipartimenti u entitajiet kollha li jaqgħu taħtha biex ikunu aċċessbbli għall-persuni b’diżabilità kemm fiżika kif ukoll għal dawk li għandhom nuqqas ta’ smigħ u nuqqas ta’ dawl?
ONOR. GIOVANNA DEBONO: L-informazzjoni mitluba tpoġġiet fuq il-Mejda tal-Kamra waqt il-ħin tat-Tqegħid ta’ Karti.

MEPA - IPPROĊESSAR TA’ APPLIKAZZJONIJIET
37387. L-ONOR. CHARLES BUHAGIAR staqsa lill-Ministru għat-Turiżmu, l-Ambjent u l-Kultura: Jista’ l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 36786 u jgħid x’inhi r-raġuni għala l-ipproċessar tal-applikazzjonijiet skont l-iskema li għadha kif inħarġet mill-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar għal binjiet mhux konformi mal-liġijiet tas-sanità mhux qed isir mill-uffiċjali tas-sanità iżda minn persuni li ftit għandhom esperjenza fit-tħaddim tar-regolamenti sanitarji?

Dostları ilə paylaş:
1   2   3   4   5   6   7   8
Orklarla döyüş:

Google Play'də əldə edin


Verilənlər bazası müəlliflik hüququ ilə müdafiə olunur ©muhaz.org 2017
rəhbərliyinə müraciət

    Ana səhifə