Malta debates tal-kamra tad-deputati (Rapport Ufficjali u Rivedut)



Yüklə 287,8 Kb.
səhifə1/6
tarix07.01.2019
ölçüsü287,8 Kb.
#91053
  1   2   3   4   5   6

MALTA

DEBATES TAL-KAMRA TAD-DEPUTATI
(Rapport Ufficjali u Rivedut)


ID-DISA' PARLAMENT

Seduta Nru. 222


It-Tlieta, 18 ta' Jannar, 2000

Stampat fl-Ufficcju ta' l-Iskrivan

Kamra tad-Deputati

MALTA

Prezz Lm1


ID-DISA' PARLAMENT


Seduta Nru. 222


It-Tlieta, 18 ta' Jannar, 2000

Il-Kamra tad-Deputati ltaqgħet fil-Kamra tal-Parlament,

il-Palazz, il-Belt Valletta, fid-6.08 p.m.

Talba

SEDUTA NRU. 222
It-Tlieta, 18 ta' Jannar, 2000

WERREJ

MINUTI 46

TQEGĦID TA' KARTI 51

ORDNIJIET TAL-ĠURNATA 52

ABBOZZ TA' LIĠI LI JEMENDA L-ATT DWAR IT-TARZNA TA' MALTA 52

THE MALTA DOCKYARD (AMENDMENT) BILL 52

ABBOZZ TA' LIĠI LI JEMENDA L-KOSTITUZZJONI TA' MALTA 52

CONSTITUTION OF MALTA (AMENDMENT) BILL 52

ABBOZZ TA' LIĠI LI JEMENDA L-ATT DWAR IĊ-ĊITTADINANZA MALTIJA 55

MALTESE CITIZENSHIP (AMENDMENT) BILL 55

AĠĠORNAMENT 75

MISTOQSIJET GĦAL TWEĠIBIET ORALI MWIEĠBA BIL-MIKTUB 80

--------------------------- 86





MINUTI



Il-Minuti tas-Seduta Nru. 221 li saret fit-18 ta' Jannar, 2000 ġew konfermati.
MISTOQSIJIET - TWEĠIBIET ORALI

UE - GDP

12258. L-ONOR. NOEL FARRUGIA staqsa lill-Ministru għall-Affarijiet Barranin: Jista' l-Ministru jgħid kemm kien il-kontribut tal-biedja għall-GDP ta' l-Unjoni Ewropea għas-snin 1997, 1998 u 1999?

ONOR. JOE BORG (Ministru għall-Affarijiet Barranin): Nixtieq ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba tiġi ppubblikata regolarment mill-Eurostat u tista' tinkiseb faċilment mill-internet.

MR SPEAKER (Onor. Anton Tabone): L-Onor. Farrugia, mistoqsija supplimentari.
ONOR. NOEL FARRUGIA: Il-Ministru huwa f'pożizzjoni li jikkonferma li l-GDP ta' l-Unjoni għas-settur tal-biedja huwa fil-livell ta' 1.7%?
MR SPEAKER: Il-Ministru.
ONOR. JOE BORG: L-ewwelnett offhand ma nistax nikkonferma jekk dak li qed jgħid l-Onor. Interpellant huwiex minnu jew le. Li naf hu li llum għandna ċentru ta' informazzjoni dwar statistika miżmuma mill-Eurostat u din l-informazzjoni aċċessibbli faċilment. Ma naħsibx li għandna niddedikaw il-ħin tal-parlament u tal-ministeru biex nipprovdu din it-tip ta' informazzjoni, li fl-aħħar mill-aħħar jista' jkun hemm mushrooming tagħha. Għax jekk il-kurżita' ġġiegħlek tistaqsi x'tip ta' annimal tkabbar l-Unjoni, per eżempju, u wara tistaqsi x'tip ta' tiġieġ tkabbar, nistgħu ngħidu li m'aħna se nispiċċaw qatt.
Għaldaqstant ir-risposta tiegħi hija illi din l-informazzjoni hija aċċessibbli b'mezzi normali u tista' tinġieb minn hemmhekk.

MR SPEAKER: L-Onor. Farrugia.
ONOR. NOEL FARRUGIA: Mr Speaker, jien m'iniex nistaqsi xi kwalita' ta' tiġieġ jitrabbew fl-Unjoni imma qed nitkellem dwar il-GDP! Jiġifieri l-Ministru ma jafx li l-livell tal-GDP ta' l-Unjoni għas-settur tal-biedja huwa ta' 1.7%, u li meta dan nipparagunawh ma' dak ta' pajjiżna, li huwa 3%, bilfors li naslu għall-konklużjoni li wieħed irid jara u jistudja bl-akbar reqqa kif se tiġi applikata l-politika komuni tal-biedja fuq gżiritna u l-impatt u l-iżvantaġġi li din se tħalli fuq dan is-settur?
MR SPEAKER: Il-Ministru.
ONOR. JOE BORG: Ma nistax nikkonferma l-figuri eżatti pero' nista' ngħid li fl-Unjoni għandek pajjiżi fejn il-GDP, fil-kuntest ta' l-agrikoltura, huwa ferm inqas minn dak ta' Malta, u mbagħad għandek pajjiżi oħrajn fejn il-GDP huwa ferm iżjed minn dak ta' Malta, bħall-Greċja u l-Portugal. Jiġifieri fl-Unjoni stess hemm mix ta' pajjiżi u anke ta' reġjuni fejn l-importanza ta' l-agrikoltura tvarja skond ir-reġjun konċernat.
L-Onor. Interpellant jista' joqgħod ċert li aħna nqabblu dawn l-affarijiet u fl-aħħar mill-aħħar infittxu l-interessi tagħna.

UE - BIEDJA/SAJJIEDA

12259. L-ONOR. NOEL FARRUGIA staqsa lill-Ministru għall-Affarijiet Barranin: Jista' l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' bdiewa u sajjieda fl-Unjoni Ewropea għas-snin 1997, 1998 u 1999?
ONOR. JOE BORG: Nixtieq ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba tiġi ppubblikata regolarment mill-Eurostat u tista' tinkiseb faċilment mill-internet.

MR SPEAKER: L-Onor. Farrugia, mistoqsija supplimentari.
ONOR. NOEL FARRUGIA: Jirriżultalu l-Ministru li matul l-1987 u l-1998 in-numru ta' bdiewa fl-Unjoni li tilfu l-impjieg tagħhom kien ta' 240,000?
MR SPEAKER: Il-Ministru.
ONOR. JOE BORG: Le, dan ma jirriżultalix speċifikament pero' wieħed jista' jgħid li l-produzzjoni tal-biedja fil-pajjiżi ta' l-Unjoni kibret konsiderevolment minħabba l-fatt li l-bdiewa li baqgħu jaħdmu l-art saru ferm iżjed effiċjenti, u nies oħrajn li kienu jaħdmu fil-biedja sabu opportunitajiet f'oqsma oħra ta' l-industrija li l-Unjoni ppromoviet bis-saħħa tal-fatt li dawn il-pajjiżi saru membri tagħha.
MR SPEAKER: L-Onor. Farrugia.
ONOR. NOEL FARRUGIA: Jiġifieri minn dak li qed jgħid il-Ministru, m'huwiex veru li d-dħul mill-biedja fl-Unjoni matul l-1997 u l-1998 naqas mal-kalkoli tad-dħul ta' l-1996?
MR SPEAKER: Il-Ministru.
ONOR. JOE BORG: Jiena ma nistax nikkonferma għax m'għandix l-informazzjoni hawnhekk pero' nerġa' nirrepeti li kien hemm moviment f'dak li għandu x'jaqsam mal-biedja, fis-sens li numru ta' bdiewa saru ferm iżjed effiċjenti u allura żdiedet il-produzzjoni. Hemm numru ta' bdiewa oħrajn li sabu opportunitajiet fl-oqsma tal-manifattura jew tas-servizzi u allura kellek moviment anke minħabba l-fatt li meta pajjiż jissieħeb fl-Unjoni, l-orizzonti tiegħu jinfetħu enormament, ikun hemm opportunitajiet oħra ta' investiment u allura jkollok anke ċaqliq laterali ta' dawn it-tip ta' ħaddiema.
MR SPEAKER: L-Onor. Carmelo Abela, mistoqsija supplimentari.
ONOR. CARMELO ABELA: Nistaqsi jekk hemmx xi entita' fi ħdan il-ministeru li qed issegwi jew forsi tesiġi mingħand ministeri jew dipartimenti oħrajn li jsiru rapporti ta' kif is-CAP tista' taffettwa l-biedja f'Malta? Qed ikun hemm dawn it-tip ta' rapporti sabiex naraw kif sħubija sħiħa fl-Unjoni tista' taffettwa jew tolqot lil dan is-settur partikolari?
MR SPEAKER: Il-Ministru.
ONOR. JOE BORG: Fil-fatt bħalissa għaddejjin mill-proċess li niffinalizzaw 'l hekk imsejjaħ national plan for the adoption of the acquis, u bis-saħħa ta' dan qed isiru anke analisi speċifiċi u dalwaqt se jiġu ppubblikati avviżi fil-gazzetti sabiex insibu konsulenti ħalli jkunu jistgħu jsiru anke studji fuq oqsma partikolari. Dan ma jfissirx li s'issa ma sar xejn, anzi sar ħafna, u wieħed jista' jgħid li għaddej proċess kontinwu biex wieħed janalizza l-effett tas-sħubija ta' l-Unjoni fuq setturi partikolari, pero' ovvjament iżjed ma nidħlu fil-profond iżjed nispeċjalizzaw. Naħseb li fil-ġimgħat li ġejjin se jkun hemm anke sejħa għal proposti biex isir farming-out ta' consultancies għal studji speċifiċi biex b'hekk dan id-dokument li qiegħed jitħejja jagħti l-pożizzjoni eżatta, anke fid-dettall minimu tiegħu.
MR SPEAKER: L-Onor. Abela.
ONOR. CARMELO ABELA: Ma jaħsibx il-Ministru li dawk ir-rapporti li diġa' saru għandhom jiġu ppubblikati - anke jekk forsi għadda xi ftit żmien minn fuqhom - għall-informazzjoni ta' kulħadd?
MR SPEAKER: Il-Ministru.
ONOR. JOE BORG: Jekk għandhomx jiġu ppubblikati jew le jiddependi ħafna mill-fażi li jkun wasal fih l-eżerċizzju b'mod ġenerali. Fuq aspetti partikolari jista' jkun illi eventwalment, jekk ma jiġux pubblikati, jingħataw lis-setturi konċernati biex jagħtu l-veduti tagħhom. Fil-fatt, fir-rigward ta' dan li għadni kif semmejt, dawn l-istudji li se jiġu kkummissjonati se jsiru anke in konnessjoni ma' korpi kostitwiti u ma' interest groups speċifiċi u meta jitlesta l-istudju se jingħataw lilhom biex ikunu jistgħu jagħtu l-veduta tagħhom. Jiġifieri m'hemm l-ebda dubju jew suspett li dawn se jinżammu kompletament sigrieti, anzi beħsiebna nagħtuhom anke lis-setturi konċernati biex huma jagħtu l-veduti tagħhom dwarhom qabel ma l-istudju jiġi ffinalizzat biex tkun tista' tittieħed azzjoni fuqhom. Pero' ma narax in-neċessita' li jiġu ppubblikati għal kulħadd imma l-importanti hu li s-settur konċernat ikollu l-aċċess u anke jingħata dan it-tip ta' studju.
MR SPEAKER: L-Onor. Abela.
ONOR. CARMELO ABELA: Mr Speaker, forsi ma kontx ċar fil-mistoqsija tiegħi. Jien kont qed nirriferi għat-tweġiba ta' qabel, fejn inti għedt li ma jfissirx li ma sar xejn, u għedt ukoll li se joħorġu applications għall-farming-out ta' dawn ir-rapporti. F'dawk l-oqsma fejn sar xi ħaġa diġa', jistgħu dawn ir-rapporti li diġa' saru jiġu ppubblikati u anke jitpoġġew fuq il-Mejda tal-Kamra?
MR SPEAKER: Il-ministru.
ONOR. JOE BORG: L-ewwelnett l-analisi u l-istudju li jsir mhux neċessarjament ikun formali imma jista' jkollok eżerċizzju ongoing. Per eżempju, minn mindu bdejna naħdmu fuq il-preparamenti għall-iscreening qed ikun hemm eżerċizzju kontinwu mid-dipartimenti konċernati fuq aspetti partikolari. Kellna wkoll każi fejn ġie kkummissjonat studju dwar il-proprjeta' intelletwali u għandna l-ħsieb li meta jgħaddu l-liġijiet konċernati mill-parlament, l-assessment dwar it-tibdil li hemm bżonn isir joħroġ minn din l-analisi li saret. Ċerti studji fihom infushom iwasslu għal dawn l-istudji li qed insemmi. Jiġifieri ma nara l-ebda diffikulta' li meta jkollna l-pożizzjoni aħħarija fuq settur partikolari, dan jingħata lis-setturi konċernati biex dawn jagħtu l-assessment tagħhom u eventwalment ikun hemm il-possibbilta' li anke jiġu ppubblikati.

UE - SETTUR AGRO-INDUSTRIJALI

12260. L-ONOR. NOEL FARRUGIA staqsa lill-Ministru għall-Affarijiet Barranin: Jista' l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' ħaddiema fis-settur agro-industrijali ta' l-Unjoni Ewropea għall-perijodu ta' snin 1997, 1998 u 1999?
ONOR. JOE BORG: Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba tiġi ppubblikata regolarment mill-Eurostat u tista' tinkiseb faċilment mill-internet.

MR SPEAKER: L-Onor. Farrugia, mistoqsija supplimentari.
ONOR. NOEL FARRUGIA: Jikkonferma l-Ministru li matul is-snin imsemmija - jiġifieri l-1997, l-1998 u l-1999 - 'il fuq minn 1,500 ħaddiem fis-settur agro-industrijali ta' pajjiżi li qegħdin fl-Unjoni tilfu l-impjieg tagħhom?
MR SPEAKER: Il-Ministru.
ONOR. JOE BORG: M'għandix il-figuri u allura ma nistax nikkonferma dan li qed jgħid l-Onor. Interpellant pero' nerġa' nirrepeti li meta jkollok Unjoni li qiegħda tiżviluppa kontinwament, u l-istandard ta' l-għejxien tagħha jkun qed jogħla kontinwament, ikollok dawn il-movimenti laterali fejn ħaddiema jmorrulek minn settur partikolari - f'dan il-każ jistgħu jkunu ċerti setturi ta' l-agro-industrija, fejn l-Unjoni forsi ma baqgħetx kompetittiva - għal setturi oħrajn - jistgħu jkunu fl-agro-industrija stess jew tal-manifattura jew tas-servizzi - fejn l-Unjoni żiedet il-kompetittivita' tagħha.
F'Malta stess ġieli kellna żmien fejn is-settur tat-tessuti kien jimpjega kwantita' enormi ta' nies u llum qed jimpjega ferm inqas minħabba l-fatt li mxejna 'il quddiem u dak it-tip ta' xogħol ma bqajniex kompetittiv fih, pero' l-ħaddiema tagħna sabu xogħol ieħor li huwa forsi anke iżjed remunerattiv għalihom.
MR SPEAKER: L-Onor. Farrugia.
ONOR. NOEL FARRUGIA: Jikkonferma l-Ministru li bħalissa l-Unjoni qed tinsisti ma' l-awtoritajiet ta' l-agrikoltura tal-Portugal sabiex il-produzzjoni u l-ipproċessar tat-tadam jonqos b'20%? Jekk dan huwa l-każ, jista' l-Ministru allura jgħid fejn se jkunu l-opportunitajiet li l-Unjoni se tipprovdi għal ċirkostanzi ta' din ix-xorta?
MR SPEAKER: Il-Ministru.

ONOR. JOE BORG: Nixtieq ngħid li fil-Portugal il-livell tal-qgħad huwa baxx ħafna. Matul dawn l-aħħar sentejn il-livell tal-qgħad fl-Unjoni naqas minn medja ta' 11% għal madwar 8% u l-pronostiku huwa li għas-sentejn li ġejjin se jkompli nieżel addirittura għal madwar 5%. Jiġifieri jekk hemm moviment laterali mis-settur agro-industrijali jew settur agrikolu għal setturi oħrajn, dment li l-ħaddiema kapaċi jsibu x-xogħol li possibbilment ikun aktar remunerattiv ma naħsibx li jgergru.

RABAT - TRIQ NIGRET - ILMA

12279. L-ONOR. NOEL FARRUGIA staqsa lill-Ministru għat-Trasport u Komunikazzjoni: Peress li f'Nigret Road, quddiem il-knisja l-ġdida tar-Rabat, qed jinġema' ħafna ilma tax-xita li qed ikun ta' inkonvenjent għaċ-ċittadini li jattendu f'din il-knisja, jista' l-Ministru jawtorizza li din il-parti tingħata t-tarmac mill-aktar fis ladarba ftit metri 'l bogħod qed isir xogħol ieħor ta' tarmac?
ONOR. ĊENSU GALEA (Ministru għat-Trasport u Komunikazzjoni): Tajt struzzjonijiet lid-dipartiment tat-toroq biex jistħarreġ il-problema u jiġi stabilit x`inhu l-aħjar li jsir.


UE - VAT - PRODOTTI TA' L-IKEL

12280. L-ONOR. NOEL FARRUGIA staqsa lill-Ministru tal-Finanzi: Jista' l-Ministru jinformana kemm se tkun it-taxxa tal-VAT li jrid iħallas il-poplu Malti u Għawdxi fuq prodotti ta' l-ikel wara li Malta ssir membru fl-Unjoni? Kemm fil-fatt hija t-taxxa fuq il-prodotti ta' l-ikel fil-pajjiżi differenti membri ta' l-Unjoni fil-mument?
ONOR. JOHN DALLI (Ministru tal-Finanzi): Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li r-rata tal-VAT fuq prodotti ta` l-ikel mibjugħa f`Malta wara li Malta ssir membru ta` l-Unjoni Ewropea tiddependi minn deċiżjonijiet li jrid jieħu l-Gvern Malti.
It-taxxa fil-pajjiżi Ewropej hija informazzjoni fid-dominju pubbliku u tista` tinkiseb mill-Onor. Membru.

MR SPEAKER: L-Onor. Farrugia, mistoqsija supplimentari.
ONOR. NOEL FARRUGIA: Jiġifieri permezz ta' l-eżerċizzju tal-harmonisation li qed tagħmel l-Unjoni biex issib rata aċċettabbli għall-pajjiżi kollha, il-Ministru qed jgħid li once li nidħlu membri fl-Unjoni, il-Gvern Malti jrid jiddeċiedi jekk napplikawx din il-VAT fuq il-prodotti kollha ta' l-ikel?
MR SPEAKER: Il-Ministru.
ONOR. JOHN DALLI: Id-deċiżjoni tat-taxxa hija dejjem deċiżjoni tal-Gvern Malti u l-mistoqsija ta' l-Onor. Membru dwar harmonisation hija ipotetika għall-aħħar għax din għadha ma saritx fil-fatt.
MR SPEAKER: L-Onor. Carmelo Abela, mistoqsija supplimentari.
ONOR. CARMELO ABELA: Mr Speaker, fejn jidħlu deċiżjonijiet tal-Gvern Malti, fil-preżent sar xi studju dwar l-eventwali dħul tal-VAT, anke fuq prodotti ta' l-ikel, jew hemm il-ħsieb li jsir dan l-istudju mill-Gvern Malti?
MR SPEAKER: Il-Ministru.
ONOR. JOHN DALLI: Il-Gvern Malti jagħmel ħafna studju fuq options u possibbiltajiet differenti li jistgħu jkunu miftuħin, naturalment wieħed jagħmel analisi tat-tip ta' tassazzjoni li għandu jkollna f'pajjiżna li tkun l-aħjar fl-element ekonomiku u finanzjarju u mbagħad fl-effett fiskali tagħha. Jien ngħid li minn żmien għal żmien isiru studji fuq options differenti ta' tassazzjoni u din hija waħda minnhom.


EU - TAXXA FUQ PRODOTTI TA' L-IKEL

12281. L-ONOR. NOEL FARRUGIA staqsa lill-ministru għas-servizzi ekonomiċi: Jista' l-Ministru jinformana, wara li Malta ssir membru ta' l-Unjoni Ewropea, kemm se tkun it-taxxa l-ġdida, it-TARIC, li jrid jibda jħallas il-poplu Malti u Għawdxi fuq prodotti ta' l-ikel u materja prima ta' l-ikel importata mill-pajjiżi barra mill-Unjoni Ewropea? Kemm fil-fatt hija din it-taxxa li fil-mument qed timponi l-Unjoni fuq il-poplu tal-pajjiżi membri tagħha fuq prodotti ta' l-ikel importati mill-Brażil, miċ-Ċina u minn New Zealand?
ONOR. JOSEF BONNICI (Ministru għas-Servizzi Ekonomiċi): It-TARIC, l-integrated tariff of the European communities, tistabilixxi d-dazju li jrid jitħallas fuq diversi prodotti importati fl-Unjoni Ewropea mill-kumplament tad-dinja. Dan id-dazju jissejjaħ ukoll common external tariff u jigi applikat fil-kaz ta` prodotti importati minn pajjizi li la huma membri u lanqas ma jgawdu minn xi ftehim ta` assocjazzjoni ma` l-Unjoni. Fil-mument li Malta ssir membru ta` l-Unjoni, dawn it-tariffi komuni jieħdu post dawk applikati fil-prezent. F`dan il-process għandhom jispiccaw ukoll il-kumplament tal-levies industrijali.
B`rizultat ta` dan kollu, id-dazju kumplessiv fuq uħud mill-prodotti importati minn pajjizi mhux membri ta` l-Unjoni Ewropea mistenni li jonqos, filwaqt li fuq oħrajn jista` jizdied.

MR SPEAKER: L-Onor. Farrugia, mistoqsija supplimentari.
ONOR. NOEL FARRUGIA: Jiġifieri l-Ministru ma jistax jiggwidana dwar x'se jkunu t-tariffi ta' l-importaturi? Nafu li f'pajjiżna ħafna mill-preserves, per eżempju, jiġu mill-Brażil, miċ-Ċina u naturalment minn pajjiżi barra mill-Unjoni, u r-raġunijiet huma li minħabba li jeżisti dak li jgħidulu l-export refund, xorta l-prezzijiet ta' dawn il-pajjiżi huma kompetittivi. F'dan ir-rigward x'se tkun il-pożizzjoni kemm ta' l-importaturi kif ukoll ta' l-impatt li tħalli fuq il-ħaddiema u fuq il-bqija tas-soċjeta'?
MR SPEAKER: Il-Ministru.
ONOR. JOSEF BONNICI: Huwa diffiċli li wieħed jagħmel statement ġenerali bħal dan pero' li nistgħu ngħidu huwa li meta l-gvern preċedenti daħħal is-sistema tas-CET, għolla t-tariffi fuq ħafna prodotti li jiġu minn pajjiżi barra mill-Unjoni Ewropea. Fil-fatt kien hemm stqarrija speċifika li t-tariffi fuq prodotti li jiġu minn barra l-Unjoni Ewropea għolew ta' l-inqas b'xi 8%. S'issa għadna b'dik is-sistema u meta wieħed jadotta l-common external tariff, li ħafna minnha kienet diġa' applikabbli meta ġiet introdotta l-VAT fl-1995, ikun hemm prodotti illi l-prezz tagħhom se jinżel 'l isfel u jista' wkoll ikun hemm xi prodotti li l-prezz tagħhom jiġi affettwat 'il fuq. Pero' wieħed irid jifhem li l-average tal-common external tariff huwa ta' madwar 5% u naturalment wieħed irid jara sewwa sew pajjiżi bħall-Brażil, iċ-Ċina u New Zealand - semmihom l-Onor. Interpellant - ikollhomx xi arranġamenti speċifiċi fuq prodotti li jidħlu fl-Unjoni. Għax jista' jkun il-każ li f'ċerti sitwazzjonijiet ikun hemm dan it-tip ta' arranġament biex il-prodotti tagħhom ikunu jistgħu jidħlu b'xi tariffa ridotta jew mnaqqsa minn dik applikabbli b'mod ġenerali.
MR SPEAKER: L-Onor. Farrugia.
ONOR. NOEL FARRUGIA: Jiġifieri f'dan il-każ il-Ministru qed jagħti indikazzjoni li l-gvern diġa' qed jinnegozja dawn it-tip ta' kondizzjonijiet biex naturalment jipproteġi dan l-iżbilanċ li tista' ssofri l-ekonomija ta' pajjiżna?
MR SPEAKER: Il-Ministru.
ONOR. JOSEF BONNICI: L-ewwelnett il-gvern ma bediex jinnegozja. It-tieni, meta wieħed jitkellem fuq żbilanċi ma jridx jinsa jsemmi li hemm ħafna u ħafna vantaġġi li pajjiżna jista' jgawdi minnhom ukoll. Dan ma japplikax biss għall-qasam industrijali imma japplika wkoll għal setturi oħra ta' l-ekonomija. Allura wieħed irid jibbilanċja kollox, iħares lejn is-sitwazzjoni globali u jieħu ħsieb illi din toffri possibbiltajiet ta' aktar żvilupp ekonomiku minn dak li wieħed jista' jkollu taħt sistema ta' free trade area. Nafu x'inhuma l-kondizzjonijiet ta' free trade area. Kien speċifikat li dan irid ikopri s-setturi kollha, anke s-settur agrikolu, allavolja dan is-settur kien indikat mill-gvern preċedenti bħala wieħed li qed jiġi eskluż u l-Unjoni Ewropea kienet irrispondiet li s-settur agrikolu wkoll irid jiġi kopert bis-sistema ta' free trade area. Jiġifieri jekk wieħed iqabbel bejn free trade area u sħubija, wieħed ikun qiegħed jara bl-aktar mod ċar li ħafna mill-hekk imsejħa żvantaġġi li jista' jħares lejhom, huma wkoll preżenti fil-free trade area waqt li ħafna mill-iżvantaġġi ma tistax teħodhom ħlief bi sħubija sħiħa.
MR SPEAKER: Grazzi. Il-ħin tal-mistoqsijiet issa għadda. Tqegħid ta' Karti. Il-Ministru Tonio Borg.


Yüklə 287,8 Kb.

Dostları ilə paylaş:
  1   2   3   4   5   6




Verilənlər bazası müəlliflik hüququ ilə müdafiə olunur ©muhaz.org 2024
rəhbərliyinə müraciət

gir | qeydiyyatdan keç
    Ana səhifə


yükləyin