Malta debates tal-kamra tad-deputati (Rapport Ufficjali u Rivedut)



Yüklə 372,25 Kb.
səhifə1/4
tarix28.08.2018
ölçüsü372,25 Kb.
#75205
  1   2   3   4
    Bu səhifədəki naviqasiya:
  • MINUTI

MALTA

DEBATES TAL-KAMRA TAD-DEPUTATI
(Rapport Ufficjali u Rivedut)


IT-TMIEN PARLAMENT

Seduta Nru. 156


Il-Ħamis, 27 ta' Novembru, 1997

Stampat fl-Uffiċċju ta' l-Iskrivan

Kamra tad-Deputati

MALTA

Prezz Lm1


IT-TMIEN PARLAMENT


Seduta Nru. 156


Il-Ħamis, 27 ta' Novembru, 1997

Il-Kamra tad-Deputati ltaqghet fil-Kamra tal-Parlament,

il-Palazz, il-Belt Valletta, fid-6.11 p.m.

Talba

SEDUTA NRU. 156
Il-Ħamis, 27 ta' Novembru, 1997

WERREJ

MINUTI 84

MISTOQSIJIET - TWEĠIBIET ORALI 84

TQEGĦID TA' KARTI 91

ORDNIJIET TAL-ĠURNATA 92

KUMITAT TA' PROVVISTA 92

ESTIMI ĠENERALI 1998 92

IT-TLETTAX-IL JUM STABBILIT 92

MINISTERU GĦALL-AFFARIJIET BARRANIN U TA' L-AMBJENT - KONTINWAZZJONI 92

AĠĠORNAMENT 119

MISTOQSIJIET GĦAL TWEĠIBIET ORALI MWIEĠBA BIL-MIKTUB 119



MISTOQSIJIET GĦAL TWEĠIBIET BIL-MIKTUB 125


MINUTI



Il-Minuti tas-Seduta Nru. 155 li saret fis-27 ta' Novembru, 1997 ġew konfermati.

MISTOQSIJIET - TWEĠIBIET ORALI



MDC - PROGRAMMI SOĊJO-INDUSTRIJALI

9744. L-ONOR. AUSTIN GATT staqsa lill-Ministru tal-Finanzi u Kummerċ: B'riferenza għall-paġna 96 tad-diskors tal-budget, jista' l-Ministru jgħid x'inhu l-"fond li jipprovdi għall-proċess ta' ristrutturazzjoni u modernizzar li pajjiżna jniedi permezz ta' programmi ġodda soċjo-industrijali" u b'mod speċifiku jgħid xi proġetti hemm il-ħsieb li jiġu ffinanzjati, jekk hemm?
ONOR. LEO BRINCAT (Ministru tal-Finanzi u Kummerċ): Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li l-fond li jipprovdi għall-proċess ta' ristrutturazzjoni u modernizzar jista' jieħu forma ta' allokazzjoni speċjali ta' ammont ta' flus biex ikunu ffinanzjati programmi, proġetti jew inizjattivi mmirati biex jgħinu l-iżvilupp soċjo-industrijali. Dawn il-proġetti jew programmi għad iridu jiġu identifikati b'konsultazzjoni mal-korpi kostitwiti.

MADAM SPEAKER (Onor. Myriam Spiteri Debono): L-Onor. Austin Gatt, mistoqsija supplimentari.
ONOR. AUSTIN GATT: Il-fond se jiġi amministrat mill-MDC jew se jiġi amministrat direttament mill-ministeru tal-finanzi?
MADAM SPEAKER: Il-Ministru Brincat.
ONOR. LEO BRINCAT: Fuq id-dettalji m'iniex f'pożizzjoni li nwieġbek bħalissa. Fuq il-programm tar-ristrutturazzjoni industrijali diġa' sar ħafna xogħol ta' tħejjija min-naħa ta' l-MDC nnifisha.
GĦOLI TAL-ĦAJJA - PENSJONANTI

9745. L-ONOR. AUSTIN GATT staqsa lill-Ministru tal-Finanzi u Kummerċ: B'riferenza għall-paġna 97 tad-diskors tal-budget, jista' l-MInistru jgħid jekk iż-żieda ta' Lm1.50 għall-għoli tal-ħajja hijiex se tingħata sħiħa lill-pensjonanti jew inkella humiex se jieħdu żewġ terzi tagħha?
ONOR. LEO BRINCAT: Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li ż-żieda għall-għoli tal-ħajja lill-pensjonanti se tibqa' tinħadem bl-istess kriterji li ġew addottati s'issa.

MADAM SPEAKER: L-Onor. Austin Gatt, mistoqsija supplimentari.
ONOR. AUSTIN GATT: Jista' l-Ministru jgħidilna kif jinkwadra din id-deċiżjoni mal-fatt illi qabel l-elezzjoni kienet issir ħafna propaganda min-naħa tal-Partit Laburista li ż-żieda lill-pensjonanti għandha tingħata sħiħa?
MADAM SPEAKER: Il-Ministru Brincat.
ONOR. LEO BRINCAT: Sal-lum iċ-ċirkostanzi ma kienux jippermettu tibdil f'din il-policy.
MADAM SPEAKER: L-Onor. Joe Cassar, mistoqsija supplimentari.
ONOR. JOE CASSAR: Jista' l-Ministru jgħidilna jekk eżaminax l-impatt soċjali tal-budget fuq il-pensjonanti fid-dawl tal-fatt li qed tingħata din iż-żieda biss?
MADAM SPEAKER: Il-Ministru.
ONOR. LEO BRINCAT: Din il-proċedura kienet tiġi adottata tul is-snin u fiċ-ċirkostanzi ma ħassejniex li kellu jkun hemm tibdil.
Apparti minn hekk, nixtieq nikkorreġi dak li għadu kemm qal l-Onor. Gatt. Din ma kenitx wegħda elettorali u fil-manifest qatt ma kien hemm riferenza f'dan ir-rigward.
MADAM SPEAKER: L-Onor. Gatt.
ONOR. AUSTIN GATT: Naħseb li l-Ministru jiftakar li kienu saru diversi diskorsi, inkluż mill-kap tal-Partit Laburista, illum il-Prim Ministru, fis-sens illi mhux ġust li l-pensjonanti jingħataw żewġ terzi taż-żieda u li dawn għandhom jingħataw iż-żieda sħiħa li tkun ġiet imħabbra. Ċertament din kienet l-impressjoni li kienet tingħata. Tant hu hekk - naħseb li l-Kamra kollha tiftakar dan - li kienu ħarġu diversi stqarrijiet ta' solidarjeta' ma' din il-pożizzjoni anke minn għaqdiet tal-pensjonanti.
MADAM SPEAKER: Il-Ministru.
ONOR. LEO BRINCAT: M'għandix x'inżid ma' dak li għidt aktar kmieni.
MADAM SPEAKER: L-Onor. Ċensu Galea, mistoqsija supplimentari.
ONOR. ĊENSU GALEA: Jista' l-Ministru jgħid jekk iqisx iż-żieda ta' Lm1 fil-ġimgħa għall-pensjonanti hijiex biżżejjed biex tkopri ż-żieda fl-ispejjeż ta' l-ilma u d-dawl?
MADAM SPEAKER: Il-Ministru Leo Brincat.
ONOR. LEO BRINCAT: L-istess bħall-cost of living increase li tingħata lill-ħaddiema, din iż-żieda tkopri perijodu li m'għandux x'jaqsam mal-perijodu li jkopri l-budget innifsu.
MADAM SPEAKER: L-Onor. Cassar.
ONOR. JOE CASSAR: Qabel il-budget dehret stqarrija fejn intqal li l-Ministru tal-Finanzi u Kummerċ kellu laqgħa ma' l-assoċjazzjoni tal-pensjonanti. F'din il-laqgħa kien issemma xi ħaġa dwar dawn l-affarijiet?
MADAM SPEAKER: Il-Ministru Leo Brincat.
ONOR. LEO BRINCAT: Ma jidhirlix li dħalna f'dak id-dettall. Ovvjament il-pensjonanti għamlu l-lobbying tagħhom, kif kellhom kull dritt li jagħmlu u kif jagħmel kull korp kostitwit.
MADAM SPEAKER: L-Onor. George Pullicino, mistoqsija supplimentari.
ONOR. GEORGE PULLICINO: Fid-dawl ta' l-istqarrija li għamlu l-Ministru tal-Finanzi u Kummerċ u l-Prim Ministru wara l-budget, li dan il-Gvern se jistudja s-sitwazzjoni tal-pensjonanti fid-dawl taż-żidiet esaġerati li kien hemm fuq l-ilma u d-dawl, jista' l-Ministru jgħid kemm se jdum dan l-istudju?
MADAM SPEAKER: Il-Ministru.
ONOR. LEO BRINCAT: Ma nikkummentax f'dan l-istadju.
MADAM SPEAKER: L-Onor. Lawrence Gonzi, mistoqsija supplimentari.
ONOR. LAWRENCE GONZI: Fid-dawl tal-fatt illi fid-diskors tal-budget hemm miktub illi dan il-Gvern se jkompli bil-miżuri għar-rigward tal-pensjoni tas-servizzi Ingliżi, jista' l-Ministru jikkonferma li dawn huma l-istess miżuri li kienu ssemmew fl-ewwel budget ta' dan il-Gvern u li fil-fatt ġew in vigore bil-liġi li għaddiet minn dan il-Parlament f'Ottubru li għadda? Jekk le, jista' l-Ministru jgħid x'inhuma dawn il-miżuri ġodda?
MADAM SPEAKER: Il-Ministru.
ONOR. LEO BRINCAT: Safejn niftakar jien, hemm extension għal dik li tissejjaħ phase 1 tas-sistema tal-pensjoni tas-servizzi Ingliżi.
MADAM SPEAKER: L-Onor. Gonzi.
ONOR. LAWRENCE GONZI: Din hija l-istess miżura li għaddiet b'liġi minn dan il-Parlament f'Ottubru li għadda jew se jsiru miżuri oħrajn? U jekk se jsiru miżuri oħrajn din is-sena, x'inhuma dawn il-miżuri?
MADAM SPEAKER: Il-Ministru.
ONOR. LEO BRINCAT: Safejn naf jien il-miżura kienet tikkontempla li dawn l-affarijiet isiru gradatament, u din id-darba wkoll hekk qed isir.
MADAM SPEAKER: L-Onor. Galea.
ONOR. ĊENSU GALEA: Fid-dawl tar-risposta preċedenti - jew aħjar fid-dlam tar-risposta preċedenti - jista' l-Ministru jgħidilna jekk dan ifissirx illi l-pensjonanti għas-sena d-dieħla se jkunu f'qagħda agħar milli kienu din is-sena?
MADAM SPEAKER: Il-Ministru.
ONOR. LEO BRINCAT: Dik hija osservazzjoni gratuita min-naħa ta' l-Onor. Membru.
MADAM SPEAKER: L-Onor. Pullicino.
ONOR. GEORGE PULLICINO: Jista' l-Ministru jgħid meta l-Kabinett iddiskuta - nimmaġina li ddiskutieh dan is-suġġett - il-kwestjoni ta' l-impatt soċjali fuq l-anzjani? Jew niġu nagħmlu statements imbagħad lanqas inkunu nafu kemm se jdumu biex isiru dawn l-affarijiet!
MADAM SPEAKER: Il-Ministru.
ONOR. LEO BRINCAT: Ma nħossx li f'dan l-istadju għandi nagħti informazzjoni dwar dak li ddiskuta l-Kabinett.
MADAM SPEAKER: L-Onor. Gatt.
ONOR. AUSTIN GATT: Jaqbel il-Ministru li ż-żieda ta' Lm1 li se jibbenefikaw minnha l-pensjonanti se tkun definittivament assorbita miż-żidiet li hemm proġettati fit-tariffi tas-servizzi tad-dawl u l-ilma, u iktar u iktar il-ħlas ta' 50c għal kull riċetta tal-mediċina, jekk mhux għal kull mediċina? Dwar dan għadna ma nafux sew. Ma jaqbilx il-Ministru li l-Lm1 żieda definittivament se tħalli lill-pensjonanti f'pożizzjoni ħafna agħar milli kienu qabel.
MADAM SPEAKER: Il-Ministru.
ONOR. LEO BRINCAT: L-Onor. Membru qed jistaqsini biex nagħti l-opinjoni tiegħi u dan l-Istanding Orders ma jippermettuhx.
MADAM SPEAKER: L-Onor. Joe Farrugia, mistoqsija supplimentari.
ONOR. JOE FARRUGIA: Jista' l-Ministru jgħidilna jekk l-aħħar żieda li ngħatat hijiex fuq l-istatistika tas-sena li għaddiet?
MADAM SPEAKER: Il-Ministru.
ONOR. LEO BRINCAT: Jekk l-Onor. Membru qed jirriferi għaż-żieda tal-cost of living, nista' ngħidlu li ż-żieda ngħatat skond il-prassi adottata f'dawn l-aħħar snin.
MADAM SPEAKER: L-Onor. Pullicino.
ONOR. GEORGE PULLICINO: Peress illi l-Ministru qal illi f'dan l-istadju ma jistax jikkummenta dwar kemm se jdum l-istudju, jista' jgħidilna meta jaħseb li se jkun f'pożizzjoni li jagħti din l-informazzjoni?
MADAM SPEAKER: Il-Ministru.
ONOR. LEO BRINCAT: Fil-mument opportun.
MADAM SPEAKER: L-Onor. Gonzi.
ONOR. LAWRENCE GONZI: Madam Speaker, b'riferenza għall-mistoqsija li għamilt qabel, peress li l-Ministru wieġeb li dik kienet fażi u issa mid-dehra ġejja xi fażi oħra - nimmaġina li kif tħabbar fid-diskors tal-budget - jista' l-Ministru jgħid lil din il-Kamra eżattament x'inhi din il-fażi ta' implimentazzjoni maħsuba għal din is-sena b'riżultat tad-diskors tal-budget?
MADAM SPEAKER: Il-Ministru.
ONOR. LEO BRINCAT: M'għandix x'inżid ma' dak li għidt aktar kmieni.
MADAM SPEAKER: L-Onor. Galea.
ONOR. ĊENSU GALEA: Madam Speaker, diversi drabi fil-passat kien hemm riferenza għall-bżonn ta' tibdil fir-retail price index. Jista' l-Ministru jgħidilna x'tibdil sar matul is-sena li għaddiet u x'tibdil qed jitfassal għas-sena li ġejja?
MADAM SPEAKER: Il-Ministru.
ONOR. LEO BRINCAT: Kif ħabbarna fil-budget - u kien hemm aċċenn għal dan anke fil-budget tas-sena l-oħra - l-intenzjoni tagħna hija li fil-ġejjieni qarib inwaqqfu l-istitut nazzjonali ta' l-istatistika. Dan se jitmexxa b'mod awtonomu u jkun responsabbli lejn il-Parlament. Il-ħsieb huwa li jkun hemm input mis-social partners anke fil-mod kif jitmexxa r-retail price index. Kif għidt dalgħodu meta kont qed nitkellem fuq il-budget, bħala l-ewwel pass, il-ġimgħa d-dieħla beħsiebna nwaqqfu statistics board li se jkollu l-għan li jissorvelja t-transizzjoni bejn is-sistema preżenti u s-sistema li qed nimmiraw għaliha. F'dan il-bord se jkun hemm anke rappreżentanti tas-social partners, u l-element tar-retail price index huwa wieħed mill-punti li se jingħata attenzjoni.
MADAM SPEAKER: L-Onor. Galea.
ONOR. ĊENSU GALEA: Minbarra d-diversi għaqdiet u korpi kostitwiti li jistgħu jkunu preżenti f'dan il-bord, jista' l-Ministru jgħidilna jekk hawnx professjonisti biżżejjed biex jagħtu s-sehem tagħhom f'dan it-tip ta' xogħol?
MADAM SPEAKER: Il-Ministru.
ONOR. LEO BRINCAT: Għalkemm se nagħti d-dettalji dwar dan il-ġimgħa d-dieħla, jidhirli li l-mod kif se jkun kostitwit dan il-bord se jkun jissodisfa l-interest groups soċjali.
MADAM SPEAKER: L-Onor. Cassar.
ONOR. JOE CASSAR: Se nerġa' nistaqsi dwar il-pensjonanti. Dak li qed jgħid il-Ministru jfisser li l-qagħda se tibqa' kif inhi?
MADAM SPEAKER: Il-Ministru.

ONOR. LEO BRINCAT: M'għandix x'inżid ma' dak li diġa' għidt.


TAXXI INTERNI - DENUNZJA TA' L-ASSI KAPITALI

9746. L-ONOR. AUSTIN GATT staqsa lill-Ministru tal-Finanzi u Kummerċ: B'riferenza għad-diskors tal-budget, jista' l-Ministru jgħid jekk id-denunzja ta' l-assi kapitali li se terġa' tiġi introdotta hijiex se tinkludi wkoll depożiti bankarji u assi oħra li llum m'hemmx il-ħtieġa li jiġu Ddikjarati għal skop ta' l-income tax meta huma soġġetti għall-withholding tax?

ONOR. LEO BRINCAT: Kif ikkonfermajt fl-istqarrija għall-istampa tas-7 ta' Novembru, 1997 dawk l-assi finanzjarji li fuqhom qed titħallas il-final withholding tax huma eżenti mill-obbligu li jiġu ddikjarati fid-denunzja ta' l-assi kapitali.

MADAM SPEAKER: L-Onor. John Dalli, mistoqsija supplimentari.
ONOR. JOHN DALLI: Jista' l-Ministru jgħid x'capital declaration form se tkun din illi jkun fiha parti biss mill-assi ta' l-individwi?
MADAM SPEAKER: Il-Ministru Brincat.
ONOR. LEO BRINCAT: Kif spjegajt dalgħodu meta kont qed inwieġeb lill-Onor. Austin Gatt, se nagħtu l-informazzjoni fil-ġejjieni qarib.
MADAM SPEAKER: L-Onor. Dalli.
ONOR. JOHN DALLI: Madam Speaker, din mhijiex kwestjoni ta' informazzjoni imma kwestjoni ta' loġika. Il-Ministru qed jgħid illi parti mill-assi li se jkollhom l-individwi se jiġu ddikjarati u parti oħra ta' l-assi m'għandhomx għalfejn jiġu ddikjarati. Dak huwa l-prinċipju. Fid-dawl ta' dan, x'użu se jkun hemm fid-dipartiment tat-taxxi interni għal din il-biċċa dikjarazzjoni?

MADAM SPEAKER: Il-Ministru.
ONOR. LEO BRINCAT: Aħna nħossu li din il-miżura xorta waħda se tgħin kemm fl-effiċjenza, kif ukoll biex jitħaffef il-mod kif tiġi amministrata u assessed it-taxxa.
MADAM SPEAKER: L-Onor. Dalli.
ONOR. JOHN DALLI: Jista' l-Ministru jgħidilna kif din se tgħin biex jitħaffef u jiġi aċċellerat ix-xogħol ta' l-amministrazzjoni tat-taxxa?

MADAM SPEAKER: Il-Ministru.
ONOR. LEO BRINCAT: Meta jkollna t-tagħrif neċessarju nagħmluh pubbliku fl-ewwel mument opportun.
MADAM SPEAKER: L-Onor. Gatt, mistoqsija supplimentari.
ONOR. AUSTIN GATT: Kemm dalgħodu, kif ukoll illejla, fuq l-istess domanda dwar l-assi kapitali, il-Ministru jidher li qed ikun xi ftit evażiv. Kull darba li nistaqsuh x'se jkun fiha din id-dikjarazzjoni ma jkunx irid jikkommetti ruħu. Dalgħodu ġie ddikjarat ukoll li kien hemm rethinking fuq il-withholding tax. Jista' jkun illi l-ministeru - u anke l-Gvern stess - minkejja li ħabbar li se jdaħħal il-prinċipju tad-denunzja, fil-fatt ma ddiskutiex bis-serjeta' u fid-dettall fiex se tkun tikkonsisti din id-denunzja?
MADAM SPEAKER: Il-Ministru.
ONOR. LEO BRINCAT: Nikkorreġi l-impressjoni żbaljata li ta l-Onor. Membru meta qal illi kien hemm rethinking min-naħa tal-Gvern. Ma kien hemm l-ebda rethinking min-naħa tal-Gvern. Meta l-Gvern iddiskuta din il-materja fuq livell ta' Kabinett, fl-ebda stadju ma kellu ħsieb
li jinkludi dawk l-assi kapitali li huma soġġetti għall-final withholding tax. Kulma għamilna - u din għidtha dalgħodu b'mod ċar biżżejjed - kien illi wara l-istatement li ħarġet l-FOI - li dehrilna li kien statement allarmista bla bżonn - dehrilna li kellna nagħmlu aktar ċar dak li kien diġa' ċar biżżejjed.
MADAM SPEAKER: L-Onor. Dalli.
ONOR. JOHN DALLI: Ftit ilu l-Ministru għamel statement fejn qal li din id-dikjarazzjoni se tħaffef ix-xogħol tad-dipartiment tat-taxxi interni. Jista' l-Ministru jgħid kif se tħaffef ix-xogħol tad-dipartiment tat-taxxi interni? Issa mhux jgħidli li jagħtini l-informazzjoni fi stadju ieħor, għax jekk għamel dan l-istatement jaf kif se jitħaffef ix-xogħol!
MADAM SPEAKER: Il-Ministru.
ONOR. LEO BRINCAT: Ma naħsibx illi qegħdin hawnhekk biex noqogħdu nidħlu f'affarijiet purament amministrattivi.
MADAM SPEAKER: L-Onor. Carmelo Abela, mistoqsija supplimentari.
ONOR. CARMELO ABELA: Jista' l-Ministru jgħid jekk id-dipartiment tat-taxxi interni għandux indikazzjoni ta' kemm kontijiet bankarji huma soġġetti għall-withholding tax?
MADAM SPEAKER: Il-Ministru.
ONOR. LEO BRINCAT: Inwieġeb fl-affermattiv.
MADAM SPEAKER: L-Onor. Gatt.
ONOR. AUSTIN GATT: Il-Ministru għadu kemm qal illi qabel ma tressaq il-budget ġie diskuss u deċiż li l-withholding tax ma tidħolx fl-assi kapitali. Jiġifieri f'dan il-każ kien hemm deċiżjoni. Nifhem li kien hemm ukoll deċiżjonijiet dwar x'għandu jidħol fid-dikjarazzjoni. Jista' l-Ministru jgħid x'kienu dawn id-deċiżjonijiet u x'se jidħol fid-declaration of capital assets?
MADAM SPEAKER: Il-Ministru.
ONOR. LEO BRINCAT: F'dan il-mument m'għandix x'inżid.
MADAM SPEAKER: L-Onor. Dalli.
ONOR. JOHN DALLI: Ħafna mill-assi li se jkollu l-individwu mhumiex se jiġu rrapportati. Jekk b'xi mod se jkun hemm capital accretion fil-parti ddikjarata, x'se jiġri biex id-dipartiment ikun jaf x'qiegħed jagħmel? B'mod indirett se jsiru investigazzjonijiet u mistoqsijiet fuq il-kontijiet fil-banek?
MADAM SPEAKER: Il-Ministru.
ONOR. LEO BRINCAT: M'għandna l-ebda interess illi mmorru lura u nagħmlu t-tip ta' investigazzjonijiet li qed jalludi għalihom l-Onor. Interpellant.
MADAM SPEAKER: L-Onor. Dalli.
ONOR. JOHN DALLI: Hawnhekk qisna qed induru bħaċ-ċippitatu! Qegħdin ngħidu illi se nagħmlu dikjarazzjoni ta' parti mill-assets ta' l-individwu li prattikament se jkunu l-proprjeta', għax ma nistax nara li se jiġu ddikjarati affarijiet oħra. Hemm imbagħad l-assi fil-banek u forsi jkun hemm xi shareholdings u affarijiet oħra bħal dawn. Jekk ikun hemm xi ħadd illi jkun iddikjara li xtara post u allura, skond id-dikjarazzjoni, se jkun hemm capital accretion li ma tkunx riflessa fil-capital assets declaration, x'se jiġri? Il-Ministru għadu kif għamel statement ieħor fejn qal li m'hemm l-ebda interess illi jiġi investigat x'kontijiet ikun hemm fil-banek. Allura x'se jiġri? Ir-risposta se tkun: Kelli l-flus il-bank u xtrajt bihom. X'se jagħmel id-dipartiment? Jiena qed ngħid dan biex nuri l-inutilita' assoluta ta' din id-dikjarazzjoni. Din ħsara biss se tagħmel f'dan il-pajjiż għaliex id-dipartiment żgur li mhux se jkun f'pożizzjoni li jagħmel xi kontroll.
MADAM SPEAKER: Il-Ministru.
ONOR. LEO BRINCAT: Jien qiegħed hawn biex inwieġeb il-mistoqsijiet li jsiruli u mhux biex nirreaġixxi għal xi statement.
ONOR. JOHN DALLI: Jiena persważ li l-Ministru ma jafx x'inhu jiġri.
MADAM SPEAKER: Jekk jogħġbok, m'hemmx kummenti. L-Onor. Dalli.
ONOR. JOHN DALLI: Fl-1 ta' Jannar ta' l-1998 se tidħol il-final settlement system. B'din is-sistema ħafna nies se jkunu f'pożizzjoni li ma jimlewx karta tat-taxxa. Allura issa dawn se jkollhom jimlew il-formola tal-capital assets declaration?
MADAM SPEAKER: Il-Ministru.
ONOR. LEO BRINCAT: Tweġiba lill-pubbliku tingħata qabel ma din il-miżura tidħol fis-seħħ.
MADAM SPEAKER: L-Onor. Gatt.
ONOR. AUSTIN GATT: Huwa minnu li fid-declaration of capital assets il-poplu Malti se jiġi mitlub biex jinkludi l-flus, id-dar, ħaġar prezzjuż, deheb, fidda u mobbilja?
MADAM SPEAKER: Il-Ministru.
ONOR. LEO BRINCAT: F'dan l-istadju m'għandix x'inżid.
MADAM SPEAKER: L-Onor. Austin Gatt.
ONOR. AUSTIN GATT: Jista' l-Ministru jispjegalna għaliex hemm din ir-reluctance kbira min-naħa tal-Gvern biex jgħid x'se tkun tinkludi d-declaration of capital assets? Minn din in-naħa ma nistgħux nikkonċepixxu kif il-Gvern wasal għal deċiżjoni mingħajr ma jaf - b'mod ġenerali, mhux qed ngħid id-dettalji - liema huma l-kapi maġġuri tad-declaration. Din ir-reluctance min-naħa tal-Ministru minn xiex ġejja?
MADAM SPEAKER: Il-Ministru.
ONOR. LEO BRINCAT: F'dan l-istadju m'għandix aktar x'nikkummenta.
MADAM SPEAKER: L-Onor. Cassar.
ONOR. JOE CASSAR: Jekk qed nifhem sew lill-Ministru, din hija xi ħaġa amministrattiva, fis-sens illi bniedem jimla' karta li tkun saret għal xejn.
MADAM SPEAKER: Il-Ministru.
ONOR. LEO BRINCAT: Għandek dritt għall-opinjoni tiegħek.


DAWL U ILMA - SUSSIDJU

9747. L-ONOR. AUSTIN GATT staqsa lill-Ministru tal-Finanzi u Kummerċ: B'riferenza għall-paġna 39 tad-diskors tal-budget, peress illi l-Ministru qal li "se jifli aktar mill-qrib" is-sussidji fuq l-ilma u d-dawl biex fejn mhux qed jaslu kif kien maħsub "jitnaqqsu u possibbilment jitneħħew", jista' l-Ministru jgħid meta hu mistenni li jibda u jintemm dan l-eżerċizzju u jekk hux mistenni li r-reviżjoni tas-sussidji ssir fl-ewwel disa' xhur ta' l-1998?
ONOR. LEO BRINCAT: Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li l-Gvern diġa' ta bidu għal dan l-eżerċizzju b'effett mill-ewwel qari tad-dawl u ta' l-ilma. Il-Gvern ikompli jistudja l-qagħda u jersaq għal passi oħra f'dan l-eżerċizzju skond kif jitolbu ċ-ċirkostanzi u fid-dawl tar-riżultati miksuba.

MADAM SPEAKER: L-Onor. Gatt, mistoqsija supplimentari.
ONOR. AUSTIN GATT: Fhimt sew li l-eżerċizzju huwa dirett biex jitnaqqas u possibbilment jitneħħa s-sussidju li diġa' hemm fuq l-ilma.
MADAM SPEAKER: Il-Ministru Brincat.
ONOR. LEO BRINCAT: Naħseb li tajjeb li wieħed jara l-parti relevanti tal-budget. F'paġna 39 il-budget jitkellem dwar il-Korporazzjoni għas-Servizzi ta' l-Ilma u l-qasam ta' l-enerġija u hawnhekk il-Gvern kien qed jgħid x'beħsiebu jagħmel. Dik ma kenitx il-parti tal-programmi u miżuri imma kienet għadha d-daħla. Meta l-Gvern tkellem dwar studju iktar fil-qrib tas-sussidji ma kienx qed jillimita ruħu għal dak li sar fir-rigward tal-Korporazzjoni għas-Servizzi ta' l-Ilma u tal-Korporazzjoni Enemalta imma kien qed jitkellem dwar il-konċett kollu in ġenerali ta' sussidji. Dan jinkludi sussidji li nixtiequ naraw li jonqsu, kif inhi diġa' l-politika dikjarata tal-Gvern fir-rigward tat-Tarzna, per eżempju, u intrapriżi oħrajn simili. Nista' ngħid illi m'għandna l-ebda intenzjoni li nirrazzjonalizzaw iktar sussidju fir-rigward ta' dawn iż-żewġ entitajiet li qed jissemmew.
MADAM SPEAKER: L-Onor. John Dalli.
ONOR. JOHN DALLI: Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-istudju li sar ta' l-impatt soċjali ta' dawn iż-żidiet fir-rati tad-dawl u ta' l-ilma?
MADAM SPEAKER: Il-Ministru.
ONOR. LEO BRINCAT: Diġa' weġibt l-interpellanza li għamel l-Onor. Austin Gatt.
MADAM SPEAKER: L-Onor. Gatt.
ONOR. AUSTIN GATT: Naqbel ma' dak li qal il-Ministru preċedentement, almenu skond kif imniżżel fil-budget, pero' issa qed jispjegah b'mod differenti. F'paġna 39 tad-diskors tal-budget jingħad illi l-għan ta' l-eżerċizzju - eżerċizzju li jinkludi lill-Korporazzjoni Enemalta u lill-Korporazzjoni għas-Servizzi ta' l-Ilma - huwa biex jitnaqqsu u possibbilment jitneħħew is-sussidji li m'humiex ġustifikati. Jien nifhem illi dan għadu l-iskop ta' l-eżerċizzju li qiegħed isir. Ma naħsibx li tbiddlu ċ-ċirkostanzi minn mindu ġie mħabbar il-budget sal-lum.
MADAM SPEAKER: Il-Ministru.
ONOR. LEO BRINCAT: Jiena spjegajtlek illi l-budget huwa maqsum, bħas-soltu, f'żewġ taqsimiet. F'parti minnhom għandek dak li l-Gvern beħsiebu jagħmel bħala strateġija ġenerali, imbagħad fil-parti l-oħra hemm il-miżuri nfushom. F'paġna 39 ma kien hemm l-ebda miżura ġdida li daħlet fil-budget. Hawnhekk tajjeb li wieħed jikkwota l-parti li tikkonċerna lill-Korporazzjoni Enemalta u lill-Korporazzjoni għas-Servizzi ta' l-Ilma u anke dak li konna qed ngħidu fuq livell iktar wiesa'. Ħalli nikkwota:
''Iżda ma tistax tevita l-inevitabbli. Qed tinħass dejjem aktar il-ħtieġa li jkunu riveduti t-tariffi tal-konsum u ta' servizzi anċillari mogħtija mill-korporazzjonijiet ta' l-ilma u dik ta' l-enerġija biex isiru u jibqgħu vijabbli. Inkella d-dipendenza sħiħa fuq il-gvern tibqa' ġġib magħha ineffiċjenza, letarġija, qligħ b'qerq, ħela u abbuż.''.
Imbagħad għaddejna biex nitkellmu fuq is-sussidju in ġenerali u fl-istess paġna nsibu miktub hekk:
''Il-Gvern se jifli aktar mill-qrib is-sussidji kollha li qed jagħti biex jara jekk l-għan ewlieni tagħhom għadux jeżisti.''
Jiġifieri hawnhekk mhux speċifikament fuq il-Korporazzjoni Enemalta u fuq il-Korporazzjoni għas-Servizzi ta' l-Ilma konna qed nitkellmu imma fuq is-sussidji kollha li jagħti l-gvern.
Naħseb li tajt eżempju tajjeb meta semmejt it-Tarzna għaliex fil-paragrafu ta' wara hemm riferenza għat-Tarzna u jingħad hekk:
''Il-Gvern waqqaf task force li pproponiet bdil fil-liġi ta' din il-korporazzjoni."
U mbagħad għidna x'inhi l-ħidma li qed issir min-naħa tat-Tarzna biex is-sussidju tal-gvern jitnaqqas progressivament'.
MADAM SPEAKER: Grazzi. Il-ħin tal-mistoqsijiet għadda. Tqegħid ta' Karti. Il-Ministru Noel Farrugia.


Yüklə 372,25 Kb.

Dostları ilə paylaş:
  1   2   3   4




Verilənlər bazası müəlliflik hüququ ilə müdafiə olunur ©muhaz.org 2024
rəhbərliyinə müraciət

gir | qeydiyyatdan keç
    Ana səhifə


yükləyin