THE CHAIRMAN: Grazzi ħafna. Aktar rimarki? L-Onor. Dom Mintoff.
ONOR. DOM MINTOFF:Mr Speaker, jien se nieħu ftit taż-żmien illejla għax tajjeb li niċċaraw il-pożizzjoni taż-żewġ naħat u naraw ukoll liema triq nistgħu nieħdu għall-vantaġġ ta' kulħadd. Għandna nibdew mhux minn kemm hemm flus jew jekk hux se jkollna ċans ngħixu 'l quddiem jew le. L-ewwel interess għandu jkun li nkomplu ngħixu fis-sliem. Dan l-interess jiġi qabel il-flus kollha. Meta aħna ġġelidna biex neħilsu mill-forzi armati u minn kulħadd, dak hu li ġibna. Ma qgħadniex nagħmlu kontijiet. Il-kontijiet għamilniehom meta ġejna biex ningħaqdu magħhom u meta ma qabilx għidna li mhux se naslu. Ħalli nibdew minn dan l-ewwel interess.
Meta tgħid "Ewropa", tkun qed tirriferi għall-Ewropa ta' fuq. Il-pajjiżi fl-Ewropa t'isfel qegħdin fil-Mediterran u meta nitkellmu dwar il-Mediterran, dawn jiġu magħna. Dan rajnieh fis-CSCE u qed narawh illum ukoll. Jekk nieħdu lil Prodi, insibu li dan diġa' qed jitkellem b'mod differenti minn kif kien jitkellem żmien ilu. Aħna rridu naraw x'jaqbel għall-interessi tagħna. Irridu naraw il-passat u naraw illum. Kien hemm żmenijiet meta l-Mediterran kien imfarrak, il-pajjiżi Għarab kienu kollha jagħtu ma' xulxin u l-Mediterran kien b'żewġ potenzi kbar jiddominawh u ma stajtx tiċċaqlaq għax kulħadd kien jibża' minnhom. Fil-fatt min kien mar naħa u min mar oħra, imma aħna ma morna ma' l-ebda naħa u ma ġralna xejn. Tinduna kemm dan hu veru jekk tara kif kienu ttrattawna r-Russi, u għamlulna hekk għax dak iż-żmien ma kienx fl-interess tagħhom li l-Mediterran ikun ħieles. Kienu ħasbu li biż-żmien il-Mediterran kien se jkun tagħhom, kif kienu u għadhom jaħsbu anke l-Amerikani. Dan huwa ħażin, u hemm sezzjoni kbira ta' nies fl-Amerka li ma taqbilx ma' dawn l-affarijiet. Aħna bilfors irridu nagħmlu ħbieb ma' dawk li ma jaqblux ma' politika li trid tiddomina u allura hemmhekk għandna ħbieb ukoll. Inkunu ħmir jekk ma nurux il-pożizzjoni tagħna. L-Amerikani ma tantx iħobbu jiġġieldu u mhumiex feroċi bħalma kienu Hitler u Mussolini meta riedu jiddominaw id-dinja. U dan jidher minn dak li ġara fil-Vietnam u fl-Iraq. Fl-Iraq kaxkru magħhom lid-dinja kollha biex marru hemmhekk. Jiġifieri hemm differenza mill-imperjaliżmu ta' l-imgħoddi. Dan huwa imperjaliżmu ġdid li aktar jafda fuq l-affarijiet ta' kummerċ u l-affarijiet ekonomiċi milli jafda fuq l-aggressjoni, li jmur joqtol lin-nies. Dawn mhumiex bħal Hitler li kien jibgħat lit-tfal ta' sittax-il sena biex imutu fuq il-front. Illum għandna annimal ieħor differenti, u allaħares kien bħall-ieħor. Jiġifieri minn dan il-lat hemm kambjament immens.
Kambjament ieħor huwa l-fatt li l-pajjiżi Għarab qatt ma kienu magħqudin daqskemm huma magħqudin issa. Għad mhumiex magħqudin biżżejjed, imma għallinqas mexjin. Jiġifieri llum il-Mediterran miexi fid-direzzjoni li nixtiequh aħna. Imbagħad min-naħa l-oħra għandek żviluppi ġodda fuq in-naħa l-oħra tal-Mediterran fejn hemm pajjiżi li bil-mod il-mod qed jiġu ddominati mill-qawmien Islamiku. Dan il-qawmien ma jistax ikompli għaddej qisu m'għaddewx 300 sena minn żmien it-Torok. Nafu li għada pitgħada dawn mhux se jibqgħu moħħhom magħluq daqskemm huwa llum u se jibdew jirraġunaw, bħalma diġa' qed jirraġunaw f'Iżrael. U tajjeb li nkunu nafuhom dawn l-affarijiet. F'Iżrael hemm forza sħiħa li qed tieqaf lil Netanhayu u l-Gvern Amerikan qed juża din il-forza biex jagħmel pressjoni. Dawn huma kollha żviluppi ġodda li jqawwulna qalbna politikament. Ekonomikament, sfortunatament, għad m'hemmx dak l-iżvilupp li wieħed jixtieq. Is-south qatt ma kien żviluppat u industrijalizzat daqshekk, u din il-ħaġa lilna tagħtina vantaġġ ekonomiku. Għax kieku dawn kienu żviluppati, fuqxiex se tagħmel sħab magħhom? Id-diżgrazzja li għandna ma' l-Italja x'inhi? It-Taljani tgħidx kemm jixtiequ li Sqallija tinqata' minn ma' l-Italja u ma jeħdux pjaċir li qegħdin fl-Unjoni Ewropea. Meta jkellmuni, l-Isqallin jgħiduli li n-nies ta' l-Italja ta' fuq jgħajruhom li qed jiġu jiżviluppaw Sqallija huma bil-flus li jġemmgħu l-Isqallin. L-Isqallin ma jiżviluppawx pajjiżhom għax għadhom imwerwrin bil-Mafja. Dan hu li rridu naraw aħna.
Jien mhux qed ngħid li għandna ninsew li hemm l-Ewropa. Dażgur li ma ninsewx. Imma rridu naraw l-affarijiet kif inhuma. Jekk inkunu membri, il-flus li jagħtuna jkunu marbutin b'ħafna kondizzjonijiet, bħalma rajna fil-każ tad-drenaġġ. L-għajnuna ngħatat imma bil-kondizzjoni li ssir taxxa fuq id-drenaġġ. Ħadd m'għamlilna kondizzjonijiet minn dawn fl-imgħoddi u ħadd ma jista' jagħmilhomlok jekk ikun f'sensieh, għax iktar jagħmillek deni milli jagħmillek ġid. Imma ejjew ngħidu li hemm vantaġġi ekonomiċi jekk nidħlu membri fl-Unjoni Ewropea. Jekk l-affarijiet ikunu qed isiru bis-serjeta', dawn fl-aħħar ma jagħmlux il-kontijiet? Dawn se jistaqsu x'se trodd lura Malta għal dawn il-flus. U x'se trodd lura Malta? Xejn! Għaliex? Dawn ma jistgħux jaħsbu li Malta se jużawha għall-gwerra. Mela x'setgħu ħasbu? Setgħu ħasbu li jekk ma nissieħbux, se nassoċjaw ruħna ma' Gaddafi jew mal-fundamentalisti biex nattakkawhom, jew inkella ħasbu li jużaw lilna biex jattakkaw lilhom? Irridu naraw huma x'jaqblilhom. Tajjeb li narawh dan il-konċett, għax inkella ma naslu mkien. U mbagħad lanqas lilhom ma nikkonvinċu. Aħna rridu ngħidulhom li rridu nkunu nafu l-kondizzjonijiet. Biex tagħmel il-kondizzjonijiet, lill-ieħor trid tgħidlu: Jien se nagħtik "hekk", inti x'se tagħtini? Inkella x'kondizzjonijiet se tagħmel? Se tgħidilhom li aħna għandna kultura Ewropea? Jgħidulek li anke l-Amerikani għandhom il-kultura Ewropea. Jekk tieħu r-Russi, per eżempju, tara li meta dawn ifformaw ir-Russja kellhom kultura Franċiża u bilkemm kienu jafu jitkellmu sewwa bir-Russu. Kienu qishom in-nies tagħna, jafu jiktbu bit-Taljan, imbagħad ħadd ma jaf jikteb tajjeb bil-Malti.
Jien tajt l-isfond kollu tas-sitwazzjoni li kien hawn fil-Mediterran. Ma setax kien sfond iktar diffiċli milli kellna aħna, u ma stajniex ikollna pożizzjoni ekonomika dgħajfa daqskemm kellna dak iż-żmien, meta kollox kien jiddependi mill-Gvern Ingliż. Jien ma nafx kif kellna l-kuraġġ li niffaċċjaw dak kollu u naslu. Tan-naħa l-oħra dak iż-żmien kienu żammew kontra tagħna, għax min kien jirraġuna kif qed tirraġuna int issa, kien jibża'. Imma aħna għamilna l-kuraġġ u ħriġna minnha. L-ebda ekonomista ma kien qalilna biex nagħmlu hekk. U min jaf kemm-il darba Tommy Balogh lili qalli biex neħodha bil-mod. Madankollu morna aħjar. Aħna għidna lill-Ewropa li ma jistax ikollna din l-għaġġla kollha biex tingħaqad l-Ewropa ta' fuq u mbagħad ma jimpurtaniex min-naħa t'isfel. Aħna għamilna din il-ġlieda, u ma bżajniex nagħmluha. Naċċertakom ukoll li meta bdejnieha kulħadd kien kontra tagħna. Ma kellniex pajjiż wieħed favur tagħna. Imma mbagħad f'Helsinki stess inqalbet il-folja. U tiskanta min qaleb l-ewwel. Ma kenux it-Taljani, imma kienu l-Franċiżi. Mela inti tilgħab il-parti tiegħek, tagħmel ħiltek u mbagħad meta jiġu l-opportunitajiet taħtaf 'il hawn u 'l hemm u kullimkien. Aħna mxejna bil-policy tan-newtralita'. Miġnun min jaħseb - u hekk kienu jgħajruna - li Gaddafi kien iddominana. Fiex iddominana? Għidu fiex u ngħidilkom għandkomx raġun. Aħna ggwadanjajna minnu u hu ggwadanja wkoll. Ma ħax flus mingħandna imma ħa l-fatt li lil Malta ħadd ma seta' jużaha kontra tiegħu, kif użaw lill-Italja. Dan għalih kien vantaġġ kbir. Mhux hekk biss. L-ewwel ftehim li kellna mal-Gvern Ingliż kien jgħid ċar u tond li bl-ebda mod u għall-ebda raġuni - anke jekk jattakkaw l-Għarab u ma jattakkawx huma - ma jistgħu jużaw lil Malta kontra l-pajjiżi Għarab. Dakinhar ingħatat l-impressjoni li aħna favur l-Għarab imma aħna aġixxejna favur tagħna nnifisna. Għaliex? Għax imbagħad irnexxielna nġibu l-għajnuna mingħand it-tnejn. U ta' fuq ma kenux jgħinuna iktar għax kienu jafu li kienu qed jgħinuna l-oħrajn. Jien niftakar lil wieħed mill-ħbieb kbar nett tiegħi fil-Banco d'Italia li kien igħidli: Kemm se ġġemma', Dom! Għax ma tonfoqhomx issa? U mn'Alla ma nfaqnihomx, għax kieku ma kienx ikollhom x'jonfqu u jberbqu tan-naħa l-oħra! (Onor. Membri: Hear, hear) Mur ara fiex wasalna llum kieku! Daqskemm iddum iġġemma' tista' tberbaq malajr.
Jien mhux qed ngħid dan biex niskorjaw xi punt. Dan issa għadda, u forsi aħna konna reqdin u jmissna żammejniekom. Jien ma kontx nemmen li għandna nkunu f'pożizzjoni tant rieqda dakinhar. Imma issa dan ħallih, għax inkella ma naslu mkien. Il-fatt hu li aħna għadna fl-istess pożizzjoni li sigurta' ta' Malta m'hemmx, ħlief minn dawn it-tnejn u xi ftit il-United Nations. Aħna nafu li l-Italja qiegħda fin-NATO u mhux waħedha. Meta ftehemna magħha m'għidnilhiex biex titlaq min-NATO biex tagħmlilna garanzija. Ilum nafu li hemm pajjiż żgħir Għarbi, li għadu jibda, li kien kapaċi jieqaf lill-Amerikani u kien kapaċi jżomm poplu jsofri għax ħaseb li għandu raġun. Intkom tafu li aħna ma qgħadniex nagħmlu ftehim ma' Gaddafi biss, imma l-għajnuna ġibnieha mingħand l-Iraq, mingħand il-Kuwajt u mingħand kull min kien jemmen li jrid il-paċi. Fl-imgħoddi, il-politika tagħna ta' paċi u ta' newtralita' swiet biex mhux biss ngħaqqdu, kif inhu l-ideal tagħna ... Aħna nazzjon li ma jridx jagħmel imperu. Kieku ridna forsi konna naslu wkoll, għax m'hawnx roqgħa fil-Mediterran li qatt ma kellha imperu. Ċipru waħdu wkoll kellu imperu bħalma kellha Venezja u bħalma kellna Ġenova. M'hemmx roqgħa li ma kellhiex imperu, aħna biss ma kellniex. Aħna biss konna s-sefturi f'dawk iż-żmenijiet. U konna sefturi ta' min jippretendi li hu nisrani. (Interruzzjonijiet) Jidher li qed neħodlu ħafna żmien lil seħibna. Imma x'qed nipprova ngħid? (Interruzzjonijiet) Jiddispjaċini, imma issa jew se nirranġaw din l-istorja jew m'aħniex. X'qed nipprova ngħid?
Jien naqbel miegħek li għandna nagħmlu l-kondizzjonijiet. M'għandniex ngħidu li għandna l-intenzjoni li nidħlu qabel ma nkunu nafu l-kondizzjonijiet. U hawn ma naqblux aħna, mill-bqija naqblu. Aħna naqblu li għandu jkun hemm il-bieb miftuħ u nkomplu niddiskutu magħhom dwar il-pożizzjoni strateġika tajba li għandna. U għandna ngħajruhom jekk ma jifhmuniex. Aħna rridu mmorru b'wiċċna minn quddiem u mhux nibżgħu ngħidu l-affarijiet u nitkellmu qisna minn taħt l-ilsien! M'għandna nibżgħu minn ħadd! Aħna naraw 'il bogħod aktar minn ħaddieħor u allura għandna vantaġġ fuqhom. Irridu ngħidulhom li aħna ħbieb tagħhom imma ma rridux nidħlu f'xi ħaġa meta ma nafux x'inhi u meta nafu li l-aktar ħaġa għażiża li għandna hija n-newtralita'. Din tan-newtralita' nerġa' nsemmiha għax jaqbel magħha kulħadd. Għandna ngħidulhom biex jaċċettaw li aħna newtrali. Aħna ma nafux x'annimal se jkollhom huma, u lanqas huma stess ma jistgħu jkunu jafu. Dan l-aħħar jien fhimt li lanqas foreign policy komuni ma jista' jkollhom dawn. Dawn għandhom erba' ministri li jieħdu ħsieb l-affarijiet materjali biss u mhux l-affarijiet barranin. Il-foreign policy għadha kollha f'idejn kull nazzjon. L-Italja għandha foreign policy differenti minn ta' Franza. Franza għandha foreign policy differenti minn ta' Spanja u tal-Ġermanja, u dawn qed jaraw x'jistgħu jagħmlu biex jekk jista' jkun jaslu flimkien. Per eżempju, issa l-Ġermanja trid titħabbeb ma' l-Iran u Franza at all costs trid titħabbeb ma' l-Iraq, għax wieħed għandu ċans għal kuntratt taż-żejt u l-ieħor għandu ċans għal kuntratti oħrajn. Dawn l-affarijiet tarahom u tmisshom b'idejk. Ma rridx noqgħod nintilef fuq dawn l-affarijiet, għax inkella nieħu fit-tul. Il-fatt hu li m'hemmx common foreign policy għax għad m'hemmx għaqda politika b'saħħitha biżżejjed. L-għaqda ekonomika hija b'saħħitha aktar mill-għaqda politika. Għalhekk int trid tgħid li mhux se tagħlaq il-bieb għal kollox imma rridu nkunu ċerti li jkun hemm foreign policy oħra. Jien għaliex kull darba nsemmi lil Abel u lil Kajin?
Jien ma nafx kif interpretawha fl-imgħoddi imma din għadni ngħidha llum għax dawn l-affarijiet jitwieldu; jista' jitwelidlek Kajin u jista' jitwelidlek Abel. Dawn kienu żewġt aħwa, mill-istess omm u mill-istess missier li lanqas kienu qishom aħwa, għax kienu l-iktar nies ġellieda u spiċċaw biex wieħed qatel lil ieħor. Issa nafu li 50 sena ilu qatlu l-miljuni fl-Ewropa. U llum f'Malta x'inhuma d-differenzi bejnietna? Għalhekk l-aħħar darba jien għamiltilkom dak l-appell, għax id-differenzi bejnietna huma ftit, jekk nitilqu l-antikalja ta' l-imgħoddi. Għaliex? Għax jien konvintissimu li dawk il-fondi kollha li qed issemmi inti, nġibuhom mingħandhom jekk ikollna bżonn, pero' jekk ma jkollniex bżonn m'għandniex għalfejn. Fil-każ ta' l-Italja, il-flus ġibniehom mhux għax kellna bżonn imma minħabba l-fatt li aħna nixtru mingħandhom b'miljuni ta' liri fis-sena u huma ma jixtru xejn mingħandna. Dan kien il-każ. Craxi kien u għadu ħabib kbir tiegħi u jien nirrispettah għal dak li għamel ma' Malta. M'iniex se nidħol fl-affarijiet l-oħrajn għax f'dawk iż-żmenijiet kulħadd kien imbażwar, mhux hu biss. Dan kien jgħidli: Imma Dom, x'tista' tagħmlilna int li ma nagħmluhx aħna? Ma kienx jgħidli biex jagħtina l-ispazju tagħhom fil-kummerċ. Aħna dan li għandna bżonn, l-ispazju fil-kummerċ.
Jien naħseb li għidt biżżejjed biex nikkonvinċi lil kulħadd li l-gap bejn iż-żewġ naħat huwa żgħir ħafna u m'għandniex nibqgħu nimpikaw ma' xulxin għalxejn. Aħna rridu nibqgħu ħbieb ma' l-Ewropa u rridu li jkollna rabta speċjali magħhom, pero' rridu nagħmluha ċara li l-bieb tagħna jibqa' miftuħ kummerċjalment għall-pajjiżi Għarab ukoll. Dawn ma jistgħux iżommuna milli nagħmlu hekk jekk verament se jkun hemm dan il-Euro-Arabdialogue. U jekk ma jistgħux iżommuna allura x'se nirbħu aħna billi nintrabtu li nkunu membri? Il-biża' tagħna hi li n-newtralita' tagħna tispiċċa u l-funzjoni li għandna li ngħaqqdu lil dan il-Mediterran tispiċċa. Allura x'se nirbħu aħna? X'se jirbħu huma? Xejn. Aħna jrid ikollna l-kuraġġ li dan nagħmluh ċar. Irid ikollna l-kuraġġ li ninsew l-inferiority complex li kellna fl-imgħoddi. Historically aħna għandna kontribuzzjoni kbira x'nagħtu. Din ġiet b'kumbinazzjoni, għax l-istorja tad-dinja m'għamilnihiex aħna, imma ejja naħtfuha din l-opportunita'. Ejja ma nibżgħux, għax min huwa kapaċi jaħtaf l-opportunitajiet huwa dak li jikber. M'ilux ġiet waħda Griega Malta tkellem lin-nisa u qaltilna li se nitilfu l-flus. Aħna m'ahna se nitilfu xejn. Aħna nafu li jew minn hawn jew minn hemm il-flus se neħduhom. Irridu mmorru b'determinazzjoni u b'konvinzjoni biex naslu, inkella ma naslux. Din qed ngħidha lil sieħbi, għax dan f'dawn l-aħħar sena u tliet xhur il-politika li għamel fuq il-Mediterran kienet agħar minn dik li għamel il-Gvern l-ieħor. Il-Gvern l-ieħor kellu daqsxejn raġun, għax billi kien iffissat fuq l-Ewropa ma setax jorħoġ all out fuq il-Mediterran. Taħsibx li ma nagħdrux lill-ex-ministru ta' l-affarijiet barranin, u għalhekk konna naħdmu flimkien. Almenu l-ex-ministru ta' l-affarijiet barranin wera li aħna għandna kompassjoni mal-Palestinjani u li nieħdu ħsieb l-affarijiet tal-Mediterran mingħajr ma telaq mill-politika l-oħra. Imma tilef ukoll.
Jien konvintissimu li x-xogħol li għamlet Norway biex tressaq flimkien lill-Iżrael u 'l Palestina jmissha għamlitu Malta li kienet tagħmlu b'inqas sforz u b'aktar kredibilita', kemm ma' naħa u kemm ma' oħra. Bħalma jmissna qed nagħmlu llum b'wiċċna minn-quddiem u ngħidu lill-Amerikani li qed jimxu politikament ħażin mal-Libja. Le, ma jiġux ikissruna. Spiċċa dak iż-żmien li jaqbdu u jiġu jkissruna. Ma jistax ikun li dawn jibqgħu sejrin b'din l-istorja, singling out xi erba' nazzjonijiet u jipprovaw jibagħtu lill-United Nations kontra tagħhom. Ara issa, f'daqqa waħda spiċċaw id-dnubiet tan-naħa ta' l-Asja u se jagħmlu paċi għax hekk jaqbel lil pajjiżhom. Jien ma nagħtihomx tort imma mbagħad jaqbel lil pajjiżna li ngħidulhom li anke għal pajjiżhom qed jimxu ħażin. Dawn x'jgħidu fuq il-Mediterran? Jgħidu li jridu jkunu ċerti li ż-żejt se jkomplu jeħduh. Ejja ngħinuhom biex ikomplu jeħduh dan iż-żejt. Min se jżommulhom? Kien hemm bżonn li f'dan il-Mediterran nidħlu f'dawn il-basal żejda? Dawn huma kollha basal żejda, u tant huma żejda li issa l-Amerikani spiċċaw jitilfu lill-pajjiżi Għarab li kienu ħbieb tagħhom. Lill-Eġittu u 'l Ġordan, li kienu fuq in-naħa tagħhom, virtually tilfuhom. Fir-rigward tas-Sirja, li qabel kellha d-dnubiet tagħha kollha maħfura, issa bdejna nisimgħu bit-terroriżmu. Jiġifieri dawn għandhom politika ħażina u aħna rridu ngħidulhom b'wiċċna minn quddiem.
Niġi issa għal dak li sar mill-Ministru ta' l-Affarijiet Barranin. X'għamilna aħna fis-sena u tliet xhur li ilna fil-gvern? M'għamilna xejn ħlief nittitubaw, ma nafux fejn aħna u m'aħniex u nħallu f'idejn is-civil servants. Dawn mhumiex affarijiet tas-civil servants. Ix xogħol tas-civil servant hu li tgħidlu jagħmel xi ħaġa u jagħmilha. Is-civil servant ma jistax jagħmel xogħol politiku. Huwa inutli li nsegwu din il-ħrafa fuq affarijiet politiċi. Dawn huma nies li huma maħruqin kontra dawk l-affarijiet li qed nagħmlu llum, u inti toqgħod fuqhom iktar milli toqgħod fuq in-nies tagħna. Kemm ostakolajt lil sieħbek milli jaħdem fuq il-Mediterran! Kemm ostakolajt lili milli nifhem x'qed tagħmel u ma tagħmilx. Issa inti x'chances qed titlef illum? Illum għandek iċ-chances tac-Ċina. Sur President, għada se nitkellem fuq il-kamp tas-saħħa u fuq il-kamp fundamentalista Islamiku. X'qegħdin nagħmlu biex aħna nkunu l-link ħalli dawn ikunu forza moderata? L-affarijiet irridu nagħmluhom u mhux nistudjaw biss u kollox jibqa' staġnat. Meta se naslu, ilna sena u tliet xhur fil-gvern? Fuq il-foreign policy int lanqas għandek inizjattiva waħda. Dak li qed tagħmel huma kollha affarijiet li kienu diġa' nbdew. Issa x'hemm ċarissimu u li jafu min ħadem miegħi fuq il-front l-ieħor tal-Mediterran? Inutli noqogħdu ngħidu li aħna ferħana bl-Euro-Arabdialogue. Inti tagħmel Euro-Arabdialogue meta l-Għarab lanqas huma magħqudin? Dan mhux biex niċċajtaw? Inti l-ewwel trid tgħaqqad. L-istess fil-Mediterran. Kif tista' titkellem fuq il-Mediterran u tħalli lil ta' Barcellona jagħmlu l-exercise akkademiku, u kulħadd jistudja x'jista' jsir? Ma nistgħux nibqgħu sejrin bi studju fuq studju. Fl-IPU jkun hemm basket fuq basket. U x'ikun fih il-basket? Ħafna nies akkademiċi, kulħadd ibassar, idur u jistudja u sadanittant ma jsir xejn.
Fil-foreign affairs irid ikollok il-konvinzjonijiet tiegħek u dawn trid taħdem għalihom. Ikun hemm drabi fejn toħroġ ta' bravu u drabi oħra fejn mhux toħroġ ta' ħmar imma ma jirnexxilekx. Mela min jipprova u ma jirnexxilux, joħroġ ta' ħmar? Mela jekk atleta qed jipprova l-highjump u minflok tmien piedi jaqbeż anqas dak ħareġ ta' ħmar? Ma ħareġ xejn ta' ħmar imma qed jipprova. Irridu naraw x'chances għandna aħna jekk nitilfu l-fama li aħna newtrali u nsiru ħaġa waħda ma' l-Ewropa! Għax anke l-image tagħna ssir kerha mbagħad. Aħna għandna ħafna chances li ħaddieħor m'għandux. Aħna mac-Ċina tgħidx kemm kellna isem tajjeb. Dak il-poplu tgħidx kemm jirrispettana lilna. U x'tajnieh lil dan il-poplu? Tajnieh is-support morali li jimxi fuq linji newtrali. Ma tajnieh xejn aktar, anzi nistgħu ngħidu li dan il-pajjiż tana biss. Allura jekk għamilna dan, għaliex se nitilfuhom dawn? Għaliex tlifna l-inizjattivi kollha? Għaliex qed nibżgħu minn dawn l-affarijiet? Għaliex lill-Amerikani ma ngħidulhomx b'wiċċna minn quddiem li ma Gaddafi qed jittrattaw ħażin? Aħna ma rridux distinzjoni bejn dan u l-ieħor u għalhekk dawn l-affarijiet għandna nagħmluhom b'wiċċna minn quddiem. Aħna x'nirbħu għandna u mhux x'nitilfu. Nafu li kellna Malta lill-Ambaxxatur Paolino li tgħidx kemm qal affarijiet. U kif spiċċa dan? Ġie biex għamel il-business hawnhekk permezz ta' spekulazzjoni ta' l-art. Din hija ħaġa li ma rriduhiex aktar. L-art tagħna tant hi prezzjuża li m'għandniex inbigħuha għal kollox lill-barranin imma nikruhielhom għal erba' jew ħames snin. B'hekk nagħmlu aktar flus għax jekk il-barranin jikru, ma jkunx hemm għalfejn dak il-kapital kollu u aħna nkunu nistgħu ngħidu li r-rabta tkun ta' erbat ijiem u spiċċa. Aħna m'għandniex bżonn noqogħdu nilagħqu, la 'l hawn u lanqas 'l hemm.
Hemm bżonn li nkunu rġiel u jkollna linja ċara li jifhimha kulħadd. Jekk verament inħobbu lil Malta, din il-linja għandna nieħdu ż-żewġ naħat. M'aħna nabbandunaw xejn. Lill-Ewropa qed ngħidulhom biex nagħmlu l-affarijiet daqslikieku dħalna mingħajr ma ngħidu li se nidħlu. Jien ngħid lin-naħa l-oħra li jekk ma tridx timpika, tista' timxi fuq din il-linja, għall-ġid tagħha u għall-ġid tal-poplu tagħna. Għall-ġid tagħha biex turi li hija fil-prinċipju taqbel u trid li naslu hemmhekk, u għall-ġid tal-poplu tagħna biex il-bieb tagħna jkun miftuħ għal naħa u għal oħra. Il-free trade area hija xi ħaġa li nagħmluha llum u nistgħu nabbandunawha għada filgħodu. Jiġifieri ma noqogħdux inġibu d-dinja fit-tarf. Jekk toqgħod tgħid free trade area waħedha, qisu diġa' dħalna .... Meta mort indagajt, lili qaluli - mhux il-Ministru tal-Foreign Affairs, għax dak qatt ma ndenja ruħu jkellimni - li hemm seba' snin u hemm ħafna kondizzjonijiet x'isiru sakemm titwettaq din il-free trade area. U meta rajt hekk, jien waqaft. Issa se nagħmel dikjarazzjoni.
Jien se nivvota favur il-Gvern pero' kulħadd jaf li se nagħmel hekk mhux għax naqbel mal-politika li miexi biha. Jien irrid politika aktar serja u aktar bżonjuża għal pajjiżna. Jien irrid politika li tfejjaqna. Meta jsir hekk imbagħad inkun nista' nivvota mal-Gvern mhux biex ma nwaqqgħux imma b'qalbi kollha għax ikun miexi f'linja li naħseb li hija tajba. Grazzi.
THE DEPUTY CHAIRMAN (Onor. Anġlu Farrugia): Il-Viċi Prim Ministru.
ONOR. GEORGE VELLA: Mr Chairman, ħadt gost nisma' ż-żewġ interventi interessanti li kien hawn illejla. Irrid nagħmel distinzjoni netta bejn l-aħħar intervent, li jien konvint li kien ħiereġ mill-qalb u li elenka s-sovranita' u l-opportunitajiet li għandu pajjiżna, u l-intervent l-ieħor, li filwaqt li fil-bidu jistqarr politika Mediterranja, ma jitkellimx ħlief fuq il-fissazzjoni fuq l-Ewropa. Mhux hekk biss. Min-naħa l-oħra llejla assistejt għal lezzjoni ta' kitba mill-ġdid ta' l-istorja u għal lezzjoni sħiħa fil-miżinformazzjoni. In-naħa l-oħra qiegħda tinterpreta r-relazzjonijiet tagħna ma' l-Ewropa b'par blinkers bħal dawk li jagħmlu liż-żwiemel. In-naħa l-oħra tistqarr li aħna Mediterranji u tgħid li għandna ngħożżu n-newtralita' imma bil-fatti ma qed tagħmel xejn ħlief titfa' kollox f'qoffa waħda. Kienu saru dikjarazzjonijiet, kondizzjonijiet u introduzzjoni f'pajjiżna ta' miżuri biex nogħġbu lil din l-imbierka Ewropa.
Issa jien irrid nistqarr mill-ewwel li l-Gvern għeleb mill-bidu nett il-propaganda li pprovaw jagħmlu ċerti oqsma li dan il-Gvern se jerġa' jmur lejn il-Libja. Dik kienet it-thrust tal-propaganda li kien hemm minn min kien interessat li jħammeġ lill-Partit Laburista. Għadna kemm smajna l-isfond tal-commitments u tar-rabtiet ta' kif żviluppat il-politika Mediterranja. Din żviluppat bl-ebda serviliżmu lejn ħadd. Meta kien hemm bżonn niddefendu l-interessi tagħna, iddefendejniehom imma mbagħad min stqarr u tmasħan fuq politika Mediterranja qal affarijiet oħra biex joskura lill-Partit Laburista. Fil-25 ta' Settembru, 1995, f'laqgħa ma' Tarja Halonen, foreign minister tal-Fillandja, meta xeba' jgħidilha li aħna newtrali, fl-aħħar ikkonkluda li:
" The previous Maltese government had had strong ties with Libya" Dawn mhumiex noti li għamilthom jien, Mr Chairman, imma noti li kienu miżmumin fil-ministeru. B'dan il-kliem ried iwissiha biex joqogħdu attenti minna. Dawn l-affarijiet mhux hu biss kien jagħmilhom.
Fl-okkażjoni taż-żjara tal-Prim Ministru ta' dak iż-żmien fl-Amerika, fil-"Washington Times" deher artiklu ta' Andrew Borowiec li kien jgħid hekk:
"When the Socialists flirted with Libya before the rise to power of Mr Fenech Adami's Nationalist Party, Libyan gunboats were repaired in the shipyard.".
Dan sar biex iħammġuna u biex mingħalihom iħammrulna wiċċna. Dan huwa l-commitment għall-politika Mediterranja. Bħalma qal l-Onor. Mintoff, skond in-naħa l-oħra rridu ngħaqqdu billi nifirdu! Issa ħalli nibda nirrispondi għal dak li qal l-Onor. de Marco. Intqalu ħafna affarijiet imma l-ewwel nixtieq nitkellem dwar il-kwestjoni ta' l-Unjoni Ewropea u l-mod kif qegħdin inħarsu lejha. Huwa importanti li wieħed ikun jaf fejn qegħdin u x'inhu jiġri.
L-Onor. de Marco tkellem dwar politika komuni. Jien niskanta kif f'daqqa waħda mal-bidla tal-gvern bdew jinstemgħu l-kliem "consensus" u "politika komuni". Jien b'consensus nifhem qbil u ftehim, qbil fuq dak li hu komuni. Jiġifieri dak li hu kontenzjuż jitpoġġa fil-ġenb. Dan mhux bilfors jirrifletti qbil ma' dak li esprima l-poplu fl-elezzjoni, fejn l-issues kienu ċari. F'demokrazija r-rieda tal-maġġoranza hija imposta fuq il-minoranza. Tan-naħa l-oħra kienu jiftaħru - anzi reġa' rrepetieha l-kollega tiegħi fi Brussels jumejn jew tlett ijiem ilu - li kellhom mandat elettorali rinovat għal tliet darbiet. Dak iż-żmien ma kienx hemm diskors fuq consensus u lanqas kien hemm diskors dwar politika barranija komuni. Kienu jiftaħru bil-mandat elettorali u kienu lesti jmorru t-triq kollha, sa l-aħħar stage. Ma kenux jistaqsu jekk kienx hawn consensus dwar jekk għandniex immorru sa l-aħħar, qatt ma avviċinawna. Jiġifieri ma kien hemm l-ebda rispett lejn il-fehma tal-minoranza. Fid-disa' snin u nofs li damu fil-gvern ma kienx hemm konsultazzjonijiet. Issa qed jgħidu li jridu jgħinuna biex nidħlu fin-negozjati. Jien ma naħsibx li hemm bżonn ikollna min jgħinna. Min ifixkilna għandna biżżejjed u dawn minn dejjem fixklu. Kif jista' jkun hemm politika barranija komuni? Dawn dejjem kienu jkunu fuq in-naħa l-oħra u jgħinu lill-barrani. Din hija l-istorja. Dan id-diskors jista' ma jogħġobx lin-naħa l-oħra imma huwa fatt li huma dejjem kienu jkunu fuq in-naħa l-oħra, iżidu mal-piż li fuqu jrid jiġġieled il-Partit Laburista meta kellu l-ġlidiet tiegħu mal-barrani.
Fatt ieħor hu li fi żmienhom kont trid tibki biex ikollok diskussjoni parlamentari fuq il-kwestjoni ta' l-Ewropa u fuq affarijiet oħra. Nesa l-kollega tiegħi meta ġieli anke ġew membri barranin u ċaħdulhom li jkellmuna. Lanqas informazzjoni lill-pubbliku ma kienet tingħata. Dan ammettewh huma stess; qalu li parti mit-telfa li ġarrbu fl-elezzjoni li għaddiet kienet dovuta għall-fatt li lill-pubbliku ma żammewhx informat. Jien ngħid li mhux talli ma ngħatatx informazzjoni, talli kien hemm il-ħabi ta' l-informazzjoni u s-sena l-oħra meta tkellimt hawnhekk fid-diskussjoni dwar il-budget urejt kemm kien hemm informazzjoni miġbura li ma ħarġitx pubblika. Issa qed jieħu għalih l-Onor. de Marco? Fil-ministeru sibt rapport, li f'daqqa waħda dan qajjem interess fih, li jitkellem fuq l-effetti negattivi tad-dħul fl-Unjoni Ewropea. Issa qed jiġi jgħidilna li dak huwa studju soġġettiv. X'jiġifieri soġġettiv? Dak huwa studju li kien sar fl-1994 u, minkejja dan l-istudju, fl-1995 kont tgħid li se nidħlu ma' l-ewwel grupp ta' pajjiżi. Kont tgħid hekk knowing full well li ma kienx se jkun hemm azzjoni korrettiva biex tirranġaw dawn l-effetti qabel ma nidħlu. Int kont xbajt ittambar li se nkunu membri ma' l-ewwel grupp - u jekk tinnega din, ma nafx x'ma tinnegax fid-dinja! - meta
kont taf li sena qabel kienu saru rapporti li jgħidulek x'inhuma l-effetti negattivi fuq il-pajjiż. Dawn huma fatti li ma naħsibx li l-poplu Malti huwa daqshekk iblah u daqshekk mingħajr memorja li jinsihom. Dan biex ma nsemmux il-kwestjoni tal-wegħdiet mhux imwettqa. Nerġa' ngħidlek għall-miljun darba li int kont sgwidat. Jien mhux qed nattribwilek intenzjonijiet ħżiena imma lill-poplu kont qed tgħaddilu d-diżgwid li kellek. Jekk irrid inkun kattiv miegħek ngħidlek li kont taf u gdibt lill-poplu. Issa se nsemmilek xi ħaġa li merejtha proprju inti. Dan semmejtu inti stess fil-laqgħa li kellek mal-Foreign Minister tas-Slovakkja, Schenk, f'Settembru 1995. Lil dan kont għidtlu biss "we are hoping that the IGC would conclude by March 1997 which would create the possibility of our accession by 1998". Dan hu li qal l-Onor Guido de Marco, l-ex-Ministru ta' l-Affarijiet Barranin, lill-Ministru ta' l-Affarijiet Barranin tas-Slovakkja. U ma qalx hekk lilu biss. Lil ta' l-Indonesia qallu li aħna mexjin lejn membership u li "this process would probably last for another three years". Jiġifieri fl-1998 kellna inkunu dħalna. Issa qed jgħid li dawn l-affarijiet ma kienx jarahom. Jien kont qomt nitkellem f'aġġornament u għidt li lanqas hemm ħjiel ta' sħubija qabel is-sena 2000. Intom għidtuli li jien ma nifhimx u li jien xewwiex. Mhux talli hekk, talli kont ktibt artiklu, Mr Chairman, u għidt li sas-sena 2000 m'hu se jsir assolutament xejn dwar is-sħubija tagħna fl-Unjoni Ewropea.
Qed jiftaħar ukoll li għabbewna bi strutturi li normalment jagħmilhom min ikun se jieħu xi benefiċċju mill-membership. Bdejna bil-VAT, tefgħuha fuq dan il-pajjiż u nafu x'ġara. Malli daħħalna l-VAT fl-1995, il-finanzi bdew sejrin 'l isfel. Tan-naħa l-oħra ma tawniex spjegazzjoni u qegħdin jgħidu li aħna għamilnieha l-ħofra. Taf x'naf ngħid, Mr Chairman - u jien konvint li anke n-naħa l-oħra jafuha din - li llum fl-Ewropa qegħdin jgħidu li minħabba l-qgħad aħjar jagħtu ċ-ċans li ċerti pajjiżi jneħħu l-VAT minn fuq ċerti servizzi li għandhom ħafna labour fihom. B'hekk ikunu qed jaġevolaw il-ħolqien ta' l-impjiegi. Il-VAT se jnaqqsu, fost miżuri oħra. Imbagħad dawn jiġu jiftaħru hawnhekk li jekk jerġgħu jitilgħu jerġgħu jdaħħlu l-VAT! Taħt l-amministrazzjoni l-oħra kollox kien pinġut tajjeb dwar l-Ewropa u meta konna nitkellmu aħna, kienu jgħidulna xewwiexa. Bdew ipinġuna kontra l-Ewropa u jgħidulna li ma nifhmux. It-tajba hi li dak li bassar l-injorant seħħ u dak li ntqal mill-professur baqa' fuq l-ixkaffa! U se jdum fuq l-ixkaffa u jaf li se jdum fuq l-ixkaffa! Pajjiżi oħra li qegħdin lined up għall-accession għandhom ir-raġunijiet validi tagħhom biex ikunu hemmhekk. Hemm minnhom li jridu jkunu ċerti li mhux se jerġa' jkollhom it-theddida tar-Russja. Hemm minnhom li jridu jidħlu biex ikunu ċerti li d-demokrazija tkun stabilita u hemm oħrajn li tant għandhom ekonomija mormija li jridu xi ħaġa biex jagħtuha boost. Aħna, għall-grazzja ta' Alla minn dawn it-tliet affarijiet m'għandna xejn. Aħna nistgħu nagħżlu ż-żmien u l-proċess tagħna u m'għandniex għalfejn niġru u nagħmlu commitments bil-quddiem. M'għandniex għalfejn ngħidulhom biex idaħħluna anke mingħajr commissioner imbagħad wara l-IGC nitkellmu. Dawn huma l-commitments li kien hemm min-naħa l-oħra u dawn qegħdin imniżżlin u mhux ivvintati.
L-Onor. de Marco qal li jien qed nerfa' fuq spallejja l-fatt li qed inbiegħed lil Malta mill-Unjoni Ewropea. Jien ma qed nerfa' xejn fuq spallejja. Jiena qed nagħmel dak li tat bħala mandat elettorali l-maġġoranza assoluta tal-poplu Malti fl-elezzjoni li għaddiet. Lill-poplu Malti ma rnexxilkomx tikkonvinċuh. Il-poplu nduna li m'hemm xejn. Jekk il-poplu Malti jerġa' jbiddel l-opinjoni tiegħu, imbagħad mexxi. Dik hi d-demokrazija. Imma mhux tiġi tgħidli biex nagħmel consensus fuq il-politika tiegħek li falliet. Intom dejjem tgħidu li ta' l-Unjoni Ewropea kollox tajjeb. Aħna qatt m'għidna li l-affarijiet li għandhom x'jaqsmu ma' l-Unjoni Ewropea huma kollha ħżiena. Aħna pprovajna ngħidu li rridu nibbilanċjaw il-vantaġġi u l-iżvantaġġi. U meta konna ngħidu hekk kienu jgħidulna li aħna ma nifhmux. Tgħidx kemm bdew jitfaċċaw professuri fuq dawn l-affarijiet u issa erġajna għaddejjin mill-istess ħaġa. Ma qalux li l-poplu għażel. Issa bdejna bl-għajta tar-referendum. Fi Brussels jumejn ilu, persuna - imbagħad ngħidlek min hi - qaltli: Dan x'inhu jgħid? Qalli li ma nistgħux niddiskutu ma' l-Unjoni Ewropea imbagħad wara niddeċiedu jekk nidħlux jew le. Trid tagħmel commitment u mhux tgħaddi ż-żmien bihom. Intom kontu lesti u bdejtu terfgħu l-piż snin qabel, u hemmhekk għaxxaqtu kollox. Lill-poplu Malti tajtuh impressjoni ħażina ta' l-Ewropa għaliex bdejtu ddewquh l-iebes tagħha u mhux it-tajjeb. Intom ħatjin ta' din il-biċċa xogħol. Issa ħalli naraw x'inhu jiġri bħalissa, Mr Chairman.
F'daqqa waħda tfaċċaw ruxxmata front organisations b'din l-għajta tal-kunsens u tar-referendum. Għandna, per eżempju, lil David Casa, li kien fis-segretarjat tal-kollega tiegħi, l-Onor. de Marco. F'disa' snin u nofs ta' gvern iħambaq u jgħid il-ħmerijiet fuq l-Ewropa, l-ebda moviment referendarju ma kien nibet. Kemm daħlu ideat ġodda f'moħħna, meta ftit xhur ilu ħadd ma kien qed jitkellem fuq dan ir-referendum! Jiena konvint li l-poplu Malti lil dawn in-nies ma jistax jagħtihom kredibilita'. Qabel, għax kellhom is-saħħa u tliet mandati elettorali, kienu jiġu jaqgħu u jqumu mill-minoranza u minn min ma jaqbilx magħhom u kieku l-Ewropa tathom membership kienu jidħlu. Issa, f'daqqa waħda, irridu ngħaddu kollox mill-għarbiel.
Kien hemm movimenti oħra li ttieħdu over minn min irid ikollu pjattaforma politika. Qed nirreferi għall-European Movement. Dan kien moviment rispettat li kien iħares lejn l-Ewropa b'mod spassjonat u apolitku. F'daqqa waħda ġie taken over, daħlu fih nies li kulħadd jaf il-commitment tagħhom fejn hu u llum il-ġurnata dan il-moviment sar front organisation oħra. Dawn bdew jagħmlu ħafna seminars u lanqas ikollhom id-diċenza li jistaqsuk jekk tkunx liberu fit-tali data. Jiddeċiedu data, iniżżlulek ismek, imbagħad jekk inti diġa' jkollok commitments oħra li tkun ilek li għamilthom ġimgħat u ma tmurx għas-seminar, jgħidu li dan naqas li jiġi. Imbagħad ikun hemm xi ħadd li japprofitta ruħu u jgħid li hi għarukaża li l-ministru lanqas jiġi meta tkun qed tiġi diskussa l-Ewropa. Il-kollega tiegħi jaf il-commitments li kien ikollu meta kien f'dan il-ministeru. Jien kif nista' narmi kollox għaliex ġie xi ħadd u qalli li l-għada se jkolli seminar u rrid nitkellem? Dan apparti l-fatt illi ma jkunx xi seminar bilanċjat ħalli jkun hemm il-pjaċir tad-dibattitu u l-gost ta' l-opinjonijiet ħerġin. Dan ikollok 20 ruħ kollha bl-istess standard u mbagħad idaħħlu lil xi ħadd biex waħdu jiddefendi dak kollu li jgħidu l-oħrajn.
X'sar iktar, Mr Chairman, bil-consensus li qegħdin jitolbu? GĦamlu kampanja sħiħa u qed jagħtu l-impressjoni - bilkemm ma bdejniex insemmu l-ismijiet ukoll - li l-Gvern se jagħmel U-turn għaliex għandu xi membri li qed jaqblu mal-membership fl-Unjoni Ewropea. Din daħlet ukoll fil-gazzetti kollha. Dan hu pajjiż demokratiku, għandna a free press u jkollok taqra u tisma' kollox.
X'għamlu aktar dawn? Dawn marru jbeżżgħu lill-Ewropej li aħna m'aħniex Ewropej u m'aħniex favur l-Ewropa. L-Onor. de Marco semma lil Jacques Delors. Jien se nsemmi Franċiż ieħor, lil Jack Lang. li kulħadd jafu. Dan li kien ministru tal-kultura u llum qiegħed il-President tal-Kumitat ta' l-Affarijiet Barranin ta' l-Assemblea Nazzjonali Franċiża, ma jaqbilx ma' l-Onor. Borg u ma' l-Onor. de Marco li qalu li ġie s-summit ta' Amsterdam u saret l-Agenda 2000 u xorta ma rrealizzajniex il-bidliet li saru. Ħalli ngħid x'qal Jack Lang. Apparti affarijiet oħra, dan qal:
"The path chosen in Amsterdam is not the right one, neither in its vision nor in its method. By patching up and adding a coat of glossy paint, we have merely plugged the leaks of a ship without a skipper, a course or an engine.". Jiena ngħid li dan huwa negattiv ħafna u ma naqbilx miegħu kollu imma jekk irridu nsemmu x'qalu ċerti nies, għandna ngħidu wkoll x'qalu nies oħra. Irridu niżnu l-opinjonijiet ta' kulħadd, mhux ta' dawk li huma ffissati fuq l-Ewropa biss.
Dan bħal meta l-Moviment Ewropew kiteb lill-membri tal-Parlament Ewropew u qalilhom li jħallsilhom kollox biex jiġu jitkellmu f'xi seminar hawnhekk. Jekk tridu, nurikom l-ittri li dawn kitbu lill-membri tal-Parlament Ewropew u membri ta' l-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill ta' l-Ewropa fejn qalulhom biex jiġu jieħdu parti fil-kampanja favur l-Ewropa f'Malta. J'Alla jiġu, u jiġu kemm iridu minnhom, pero' jekk irridu li jkollna sens ta' bilanċ, irridu nisimgħu opinjonijiet differenti! Ma nistgħux nisimgħu biss lil dawk li huma committed. Jekk dan qiegħed fi club, mhux bilfors li jitkellem biss favur dan il-club!
Żmien ilu kellna lil Gunther, membru tal-Kumitat Konġunt bejn Malta u l-Parlament Ewropew. Din għamel riferenza għaliha b'mod sottili l-Onor. Joe Borg meta qal illi f'xi żmien anke kien hemm diffikultajiet dwar il-Kumitat Konġunt bejn Malta u l-Parlament Ewropew. Għalfejn noqogħdu nirrepetu l-gideb? Din ġiet hawnhekk u bellgħathielkom! Aħna rrispondejnieha bi press release ugħidnielha li l-Kumitat Konġunt bejn Malta u l-Parlament Ewropew m'huwiex marbut ma' l-għan tas-sħubija. Imma intom tibqgħu tgħiduha din il-ħaġa! Il-kumitat bejn il-Parlament Malti u l- Parlament Ewropew qatt ma kien ipperikolat u mhux se jkun ipperikolat. Minkejja dak li tgħidu, jiena xorta ma nemminx li l-intenzjonijiet tagħkom huma tajbin. Intom dejjem ħdimtu minn wara. Imissu jistħi l-Onor. Borg jagħmel diskors bħal dak. Dan qed jitfa ħafna dubbji meta jaf li l-affarijiet m'humiex hekk. Qal dawn l-affarijiet biex ibeżża' lill-poplu. Imbagħad tgħidu li hawn l-inċertezza u l-instabilita'! Intom l-hena tagħkom tinjettawhom!
Jien naħseb li inti bħali smajt lir-rappreżentant tal-commission, Van der Linden jitkellem fuq Malta; u bl-Ingliż tkellem, lanqas tkellem bil-Franċiż! Dan qal - kontra dak li għidt inti li għidt li aħna ninsabu mwaħħlin - li l-Maltin qed ikollhom "very constructive and cooperative relations". Qal ukoll illi għandna "the road mapped to further deepening of relations". Barra minn hekk qal ukoll li:
"Given the speed by which the authorities of Malta react to all areas of co-operation, I am one hundred per cent ...". - tiftakarha din l-espressjoni, anzi one thousand per cent qal, jekk hu possibbli -
"... one thousand per cent if it is possible, convinced that we will easily succeed.".
Din l-opinjoni jaqsamha miegħu wkoll Van den Broek. (Interruzzjonijiet)
Fir-relazzjonijiet kollha qegħdin niddiskutu bl-aktar mod miftuħ, bl-ebda mod servili u bla ebda commitment ma' l-Unjoni Ewropea! Qegħdin ngħidu x'nippreferu u x'naħsbu li hu l-aħjar għal pajjiżna. Dan aħna ddeċidejnieh, u mhux qalilna ħaddieħor. Il-kalkoli għamilniehom aħna, għaliex ridna nissalvagwardaw ħafna affarijiet, fosthom in-newtralita', li aħna dejjem stqarrejna u nkomplu nistqarruha, għax dik hija ċ-ċavetta tar-relazzjonijiet tagħna! Qabel kienu jigdbu li aħna se nagħmlu U-turn u se nagħtu daharna lill-Ewropa, imma llum dawn konvinti li we mean business u huma jafu li aħna nafu li Malta għandha valur għalihom. Mhux qed inpoġġu prezz fuqha imma at the back of the mind taż-żewġ naħat hemm il-fatt illi l-importanza u r-rwol ta' Malta fl-interess ta' l-Ewropa qiegħed hemm u lesti li ċerti affarijiet naslu fuqhom. Jiġifieri l-affarijiet mhux qegħdin bħalma qal kemm-il darba l-kollega tiegħi, li jew barra jew ġewwa! Min qalha din? (Interruzzjonijiet) Dik qed tirrepetiha inti! (Interruzzjonijiet) Kieku kienu jgħid: No membership, no relations! Kieku kienu jgħidulna biex indawru denbna! Aħna qed nagħmlu breakthrough.
Aħna konna nafu li fl-Ewropa hemm ħafna kwalitajiet ta' assoċjazzjonijiet mal-pajjiżi tal-Mediterran. Hemm ukoll l-Europeanagreements ma' l-Iżrael u konvenzjonijiet oħra ma' pajjiżi li mhumiex fl-Unjoni Ewropea.Min qalu dan li trid tkun membru bilfors? Dan huwa serviliżmu, li għax l-oħrajn jagħmlu hekk irridu nagħmlu hekk aħna wkoll. Aħna għidna li dan lilna ma jaqblilniex, u l-poplu Malti fehem u tana maġġoranza assoluta fuq din il-kwestjoni. Jiġifieri aħna għandna mandat li nagħmlu dan. Jiena m'għandi l-ebda dritt illi nasal f'consensus mal-partit tiegħek. Aħna mmorru l-Ewropa, mela ma mmorrux! U safejn naf jien aħna rrispettati fl-Ewropa. Issa x'jgħidu minn warajna ma nafx imma jiena nemmen li aħna rrispettati, għax kieku ma konniex nibdew mexjin lejn programm ta' kif se naħdmu flimkien. Issa ħalli ngħid kemm in-naħa l-oħra qed tgħid ħmerijiet rigward il-free trade area! Qed igħidu li se nbeżżgħu lill-industrija u li se nerġgħu ndaħħlu t-taxxi. Issa ngħidlek fuq dan! Qalu li aħna tlifna l-importanza ta' Amsterdam u ta' l-Agenda 2000. Jiena ngħidlu: X'ġara f'Amsterdam? Jien minn qabel kont għidt illi l-laqgħa ta' Amsterdam m'hi se ssolvi xejn u li l-kwestjoni tat-tibdil fl-istituzzjonijiet - dan huwa miktub f'artiklu ta' l-1995 - trid tistenna, kif fil-fatt ġara. X'ġara f'Amsterdam? F'Amsterdam qalu li kellhom jinsew il-kwestjoni tat-tkabbir minħabba problemi kbar interni. F'Amstedam intqal li hemm bżonn iduru dawra magħhom infushom ħalli jaraw kif se jissodaw l-impjiegi, is-single market u l-għaqda bejniethom. L-affarijiet l-oħra jistennew. U mhux l-Onor. Borg jiġi jgħidilna u jimplika li ma nistgħux nitkellmu ma' l-Ewropa biex nieħdu xi ħaġa mill-Ewropa għax issa l-livell ta' żvilupp tagħna tela' aktar mill-medja ta' 75% li hemm fil-komunita' Ewropea! Dan qishom qed jgħidulhom biex ma jinnegozjawx magħna xi protokollieħor! Se jkun hemm protokoll ieħor, Onor. Borg, u se nitkellmu biex ikun hemm mezz ieħor kif inġibu l-flus. Il-flus li baqa' fir-raba' protokoll finanzjarju - li intom għidtu li tlifniehom - se neħduhom biex nirristrutturizzaw l-industrija u l-SMEs, ħaġa li intom m'għamiltu xejn dwarha.
Il-kollega tiegħi semma r-Ramboll report. X'ġara mir-rapport? Baqa' fuq l-ixkaffa! Intom x'għamiltu fir-ristrutturizzazzjoni ta' l-industrja? Staqsu lill-industrija, lill-FOI u liċ-Chamber of Commerce x'għamiltu intom fir-restructuring. Hawnhekk nidħlu għall-kwestjoni tal-free trade area u tat-tixwix min-naħa l-oħra. Dan it-tixwix ilu minn mindu daħlet ċerta persuna f'dan il-Parlament. Dan qed jgħid li b'din il-free trade area se ndaħħlu d-dazju fuq il-prodotti lokali u m'huwiex qed jgħid li meta huma għamlu l-VAT, il-15% waħħluha fuq kollox! U x'ħadtu mill-Ewropa? Ma ħadtu xejn! Kien għad hemm il-calendar barriers. (Interruzzjonijiet) Issa ngħidlek x'se nieħdu aħna. Agħtuna ċans! M'ilniex disa' snin u nofs induru ċirku! Dan hu l-iżball ta' l-argument li kien qed jagħmel l-Onor. de Marco meta qal li se nerġgħu niġu għas-sistema tal-VAT. Id-differenza hi illi l-ewwelnett diġa' hemm ftehim dwar perijodu ta' żmien. Aħna ma rridux ngħaġġlu, l-ewwel irridu nagħmlu l-kalkoli tagħna, irridu naraw l-industrija tagħna - li hi l-bażi ta' l-ekonomija Maltija - x'tiflaħ u jridu jsiru studji bis-serjeta'. Dawn l-istudji mhux se jsiru biex nitfgħuhom fil-kexxun u ngħidu li huma soġġettivi imma se nistudjawhom u se nagħmlu l-kwantifikazzjoni fuqhom. Se nagħmlu economic impact assessment fuq l-industrija ħalli naraw kif nistgħu nħallu l-liberalizzazzjoni tidħol bil-mod il-mod. F'dan il-perijodu qegħdin inwiegħdu lill-Ewropa li se noħorġu ta' rġiel. Din hija kwestjoni oħra li għandna, Mr Chairman.
Fl-Ewropa aħna qed niffaċċjaw kwestjoni dwar il-kredibilita'. Għaliex? Għax ta' qabilna ma kenux kredibbli meta wiegħdu illi fil-bidu ta' l-1996 kienu se jneħħu 400 levy minn 850, u dan m'għamluhx. Allura dawn qegħdin jgħidulna: Ara ma jfettlilkomx tagħmlu bħal ta' qabilkom, għax din m'hijiex serjeta'! U aħna qed ikollna ngħidulhom: X'għamlu dawk ma jimpurtaniex, aħna qed nagħtu kelma u se nżommuha. Se nżommuha għax se nagħmlu l-affarijiet biż-żmien u kif jaqbel lill-industrija Maltija u lill-poplu Malti. Aħna m'aħniex se nagħmlu skond kif timbottawna intom għax se nitilfu t-train ta' Lussemburgu. (Interruzzjonijiet) Ara meta kontu qegħdin ilkoll kemm intom fi Brussels, ħadd minnkom ma semmieha t-train ta' Lussemburgu! Kif ma semmejtuhiex? Kien hemm il-presidenza tal-Lussemburgu u ħadd minnkom ma' qal li fi ftit ġimgħat il-poplu Malti se jitlef it-train. Xi train hi? M'hemm l-ebda train. Jien nemmen li Malta għandha l-kredenzjali li tkun fuq quddiem, nemmen li lil Malta jħarsu lejha b'mod favorevoli u għalhekk nagħżel iż-żmien meta jaqbel lill-poplu Malti. Mela nidħlu fil-queue qisna n-ngħaġ ta' Bendu, rasna 'l isfel u noqogħdu hemmhekk ma' l-oħrajn!
Sfortunatament, minħabba kif żviluppaw l-affarijiet fl-Ewropa, bil-qgħad u bil-problemi li hemm, qegħdin igħidu li fis-sena 2000 se terġa' tiltaqa' l-IGC biex jerġgħu jibdew jiddiskutu fil-forma u l-istruttura ta' kif se jidħlu dawn il-pajjiżi ż-żgħar. Illum ma naħsibx li se jiġi Jacques Delors u jgħid li lill-Polonja se jdaħħluha fis-sena 2000. Ħadd m'hu qed jitkellem fuq dan għax dan se jitħalla għal wara s-sena 2003. Sa dak iż-żmien, jekk dak li qegħdin ngħidu ma nkunux wettaqnieh kollu, inkunu wettaqna tliet kwarti minnu. (Interruzzjonijiet) "Bye-bye" qed tgħid inti. Bħal meta kontu tgħidu li deħlin fl-1995 u ma dħalniex. Fl-1996 ma dħalniex lanqas. L-ex-Ministru ta' l-Affarijiet Barranin huwa on record li fl-1990, meta ppreżenta l-applikazzjoni, qal li jekk ma nidħlux membri f'sentejn jew tlieta dan ikun ta' dannu kbir għal Malta. Ara kemm ma kellux viżjoni u kemm ma kienx jaf x'inhu jgħid fuq il-politika barranija! Dan huwa kollu rrekordjat.
Aħna qegħdin ngħidu li rridu nagħmlu afree trade area. Aħna m'għidniex li din hija l-unika possibbilta'. Jekk kemm-il darba l-finanzi ma jkunux fid-diżastru li ħallejtuhom intom, nistgħu nibdew inżarmaw id-dazji minn fuq il-prodotti ta' barra. L-Unjoni Ewropea fehmuna fuq din il-ħaġa, allavolja int qed tgħidilhom li afree trade area bil-customsduties ma tagħmilx sens. Dawn fehmu li l-customs duties qegħdin hemm għal skopijiet ta' revenue u mhux biex nagħmlu l-barriers. Jiġifieri aħna qegħdin konformi ma' l-Association Agreement u intom qed tibqgħu tgħidu u xxewxu minn taħt li m'aħniex konformi u li aħna se mmorru kontra l-WTO. Issa naraw, iż-żmien jagħtina parir! Jien nista' ngħidilkom li dak li ħsibtu intom li se jkun imblokk, lanqas sleeping policeman m'hu, għax se ngħaddu minn fuqu proprju għaliex hemm ir-raġuni u hemm il-ġenwinita'. Dawn illum aktar u aktar qegħdin jifhmuna meta nispjegawlhom id-diżastru finanzjarju li sibna warajkom. Intom kontu tigdbulhom li aħna nistgħu naslu anke għall-parameters ta' Maastricht għax għandna deficit ta' 3.2%. Imma dan id-deficit spiċċa 10% u aktar. (Interruzzjonijiet) X'ma jiġux illum jitkellmu fuq il-kredibilita' u li youlet them down! Issa ħalli nkompli fuq dak li inti qed tbeżża' bih lill-industrija Maltija. Aħna qegħdin ngħidu li għandna l-options. Jiena naf li int informat, imma inti semmejt option waħda. Jekk inkunu f'sitwazzjoni tajba nkunu nistgħu niżmantellaw il-customs. U jekk ikun hemm bżonn x'nagħmlu aktar? Intellgħu r-revenue li jkun dieħel minn fuq locally produced goodssabiex inġibu a level playing-field. Id-differenza tkun li aħna ma nkunux għadna bit-tariff barriers u bit-time barriers tal-prodotti li għandek illum, imma jkollna l-free trade area u s-suq kollu miftuħ. Imma inti ridt tgħabbi lill-pajjiż - kif fil-fatt għabbejtu - bil-VAT snin qabel, biex xi darba, meta nsiru membri sħaħ, ikollna a free trade area. Jiġifieri tkun għamilt tmien snin iġorr il-piż tal-VAT fuq spallejk biex imbagħad tieħu benefiċċju. Aħna qegħdin ngħidu li rridu naslu flimkien, jibdew jiżdiedu l-benefiċċji u jibdew jitnaqqsu l-piżijiet. Din hi d-differenza, u inti tafu dan li qed ngħidlek imma ma jaqbillekx tgħidu.
Tan-naħa l-oħra qed jgħidu wkoll li din hija agħar minn customs union. Il-Gvern tagħkom ukoll ma riedx customs union. Dażgur li ma rridhiex! Jien irrid li jkolli afree trade area ma' pajjiżi oħra bħalma huma dawk ta' l-EFTA. Jien irrid inkun liberu li, jekk irrid, nagħmel taxxi u customs fuq prodotti ta' pajjiżi oħra. Jien ma rridx inkun marbut ma' l-Unjoni. Ma rridx inkun marbut li nixtri ċerti prodotti bilfors bil-prezz ta' l-Unjoni. Inti għidt li se jogħla l-qamħ għax dan irridu nixtruh minn hemm, u għidt li se jkun hawn diżastru. (Interruzzjonijiet) Mela nsejt xi ktibt inti! Ikkwotajtulek. Int stess għidtu dan. Inti għidt li l-hard wheat se jkollu effett diżastruż fuq il-prezzijiet tal-ħajja u semmejt it-turiżmu wkoll. (Interruzzjonijiet) Jekk qed tinsa, ngħidlek biex tiġi l-ministeru u nagħtik id-dokument ħalli tarah.
Mr Chairman, jien jiddispjaċini li mhux se jkolli ċans nitkellem fuq affarijiet oħra li semma l-Onor. de Marco u li jien naqbel fuqhom. Qed nirriferi għall-OSCE, l-IPU, il-Council of Europe u l-Ġnus Magħquda. Dażgur li hemm politika komuni fuq dawn, imma fuq din ta' l-Ewropa titolbux consensus.
Il-kollega tiegħi qalilna li għamilna ħażin rigward it-trade concessions. Qed jgħidilna li għaxxaqnieha għax neħħejna l-levyminn fuq xi wafers. Fil-fatt x'ġara, Mr Chairman? Kien hemm żewġ tipi ta' wafers miksijin biċ-ċikkulata. Dawn, ma nafx għaliex, qabdu u għamlu levy fuq waħda minnhom. (Interruzzjonijiet) Qed nirriferi għall-każ taċ-Choco Prince u l-Kit Kat. L-Ewropa xebgħet tgħidilhom biex ineħħu d-diskriminazzjoni li għamlu. Jien nixtieq inkun naf għal wiċċ min għamluha din id-diskriminazzjoni, għax minħabba f'hekk, għal snin twal żammew it-trade concessions li kellna fuq il-ħut tal-fish farms, fuq staġun aktar wiesa' tal-patata u fuq aktar esportazzjoni tad-dulliegħ. GĦalkemm isemmi l-każ tal-birra, fil-fatt id-diskussjonijiet kienu in parti marbutin ma' din il-kwestjoni tad-diskriminazzjoni bejn dawn iż-żewġ tipi ta' wafers. Dik hija s-sitwazzjoni li sibt u aħna ridna nirranġaw din id-diskriminazzjoni li saret minn ta' qabilna. L-Unjoni Ewropea hemmhekk rat id-disrkiminazzjoni, rat li ma kenux onesti u li ma kenux qed jitkellmu magħha bis-serjeta'. Aħna għidnielhom li mhux se nżidu l-levies. Kieku kont nistħi ngħid li żidna l-levies meta qed nipproponu afree trade area. Taħsibx li meta ġew l-esperti hawnhekk oġġezzjonaw fuq il-customs. Kien fuq il-levies li oġġezzjonaw u qalulna li rridu nneħħu. Aħna għidnielhom li dawn ma nistgħux inneħħuhom għalissa imma nneħħuhom bi ftehim u bil-mod. (Interruzzjonijiet) Dażgur li nneħħuhom kollha! Jekk il-Bambin irid, gradatament inneħħuhom kollha imma rridu niżguraw li l-industrija tqum fuq saqajha u tkun kapaċi tisfrutta l-vantaġġi li nġibu meta nneħħu l-levies minn fuqha. Aħna m'għamilniex kif għamiltu intom meta mortu hemmhekk u biex tirbħu l-points għidtulhom li se tneħħu 400 levy u ma neħħejtux waħda minnhom. Issa fuq din il-kwestjoni tal-Kit Kat u ċ-Choco Prince aħna għidna li se jkollna nissagrifikaw prodott ħalli pajjiżna jibbenefika minn dak il-pakkett ta' trade concessions li ilu nnegozjat u staġnat minħabba fl-interess ta' xi ħadd. Jiddispjaċini li f'din il-pożizzjoni trid tagħżel jekk tagħtix daqqa ta' ponn lil oħtok jew lil ħuk, imma jkollok tagħmilha. Aħna qegħdin ngħidulhom biex jekk dawn għadhom marbutin li jagħtuna dak it-trade package, il-15% dazju fl-esportazzjoni tal-ħut tal-fish farms tinżel għal 7%. Ara intom, żammejtu l-istaġun tal-patata magħluq, mhux estiż, għax ridtu żżommu l-levy fuq il-Kit Kat jew fuq iċ-Choco Prince. Dan imissu jafu l-Onor. de Marco, u mhux jiġi jgħid li aħna qed nagħmlu l-ħmerijiet. Jien jiddispjaċini li ma kellix ċans nitkellem fuq affarijiet oħra imma dawn qed joqogħdu jgħidu l-istess affarijiet minkejja l-provi għall-kuntrarju. In-naħa l-oħra għandhom ħabta jirrepetu l-istess affarijiet minkejja li jinġiebu provi għall-kuntrarju.
Issa jien xtaqt li fil-ftit minuti li fadal intenni l-commitment ta' dan il-Gvern għan-newtralita' u fuq in-non-allineament. Il-verżjoni tan-naħa l-oħra hija li dawn m'għadhomx jeżistu. Meta jitkellmu ma' ċertu settur jgħidu li aħna newtrali, imbagħad jiġu hawn u jgħidu li n-newtralita' m'aħniex moralment marbutin li nosservawha. Qalu li aħna n-newtralita' bellajnihielhom at gunpoint. Dawn veru jemmnu fin-newtralita', jew qed nidħku b'xulxin? Dawn jużaw stazzjonijiet differenti u lingwi differenti, skond ma' min jitkellmu. Jien naħseb li m'hemmx għalfejn wieħed joqgħod jagħmel eloġji fit-tul. Nispera li jkollna okkażjonijiet oħrajn fejn niddiskutu l-politika barranija. Nispera li meta nkunu fil-Kumitat ta' l-Affarijiet Barranin ma ngħidux li dan ma jiswiex għax ma jkollniex il-media! Hekk ġara meta ddiskutejna Agenda 2000 u s-summit ta' Amsterdam. Għamilna żewġ sessjonijiet, xi ħadd ilmenta li ma kienx hemm il-media u spiċċajna b'mozzjoni biex isir referendum u biex inwaqqfu kummissjoni. Mr Chairman, jien nista' ngħidlek li dan il-partit lest li jkollu politika barranija komuni. Diġa' għandu f'ħafna setturi, u aħna nieħdu gost naraw li l-Oppożizzjoni, minkejja kulma kienet tgħid qabel, segwiet ċerta politika barranija li kellu l-Gvern ta' qabilha bħall-politika Mediterranja u r-relazzjonijiet maċ-Ċina.
Jien nieħu gost ngħid li l-bieraħ kelli talba biex jiġi hawnhekk il-Ministru ta' l-Affarijiet Barranin Ċiniż Qian Qichen u fil-fatt se jiġi bejn it-12 u l-14 ta' Jannar. Dawn huma r-relazzjonijiet li jinbnew mhux bil-paroli. (Interruzzjonijiet). Mela jien qed ngħid xi ħaġa ħażina?
Allura issa lanqas jista' jerġa' jiġi? (Agħjat) Mela għalfejn qed tgħid hekk
THE DEPUTY CHAIRMAN:Jekk jogħġbok, indirizza lis-Sedja. (Interruzzjonijiet).
ONOR. GEORGE VELLA: Mr Chairman, dan il-Gvern huwa committed illi jibqa' miexi fuq il-linji ta' politika barranija li ilhom stabiliti. Hija politika li tiċċentra fuq in-newtralita' ta' pajjiżna f'dan il-baħar Mediterran. Aħna nagħmlu dak kollu li nistgħu biex insaħħu s-sistema ta' koperazzjoni u confidence building measures u nagħmlu wkoll laqgħat u diskussjonijiet għax irrealizzajna u tgħallimna li tagħmel kemm tagħmel miżuri f'dan il-pajjiż u għandek kemm għandek ġid u progress, jekk ma jkunux assigurati l-paċi u s-sigurta' madwarek, ma jkollok xejn. Din hija l-bażi tal-politika tagħna. Filwaqt li tagħmel minn kollox biex issaħħaħ u tipprova tisfrutta mill-aħjar li tista', f'sens pożittiv, is-sitwazzjoni ċentrali fil-Mediterran, trid iżżomm l-aħjar relazzjonijiet kemm ma' dawk li qegħdin in-naħa t'isfel u kemm ma' dawk li qegħdin in-naħa ta' fuq. Dan irridu nagħmluh mingħajr ma nkunu servili u mingħajr ma nkunu kommessi. Trid tipprova tieħu dak li hu l-aħjar għal pajjiżek u għaċ-ċittadini ta' Malta u Għawdex b'politika prammatika u flessibbli. Grazzi. (Onor. Membri: Hear, hear).
THE DEPUTY CHAIRMAN: Grazzi. Skada l-ħin tad-diskussjoni fil-Kumitat ta' Provvista.
Se npoġġi l-mistoqsija fuq l-emenda li tressqet fis-Seduta Nru 155. Il-mistoqsija hija l-emenda għall-Vot 13, kif imressqa u moqrija mill-Onor. Joe Psaila Savona. Dawk favur? (Onor. Membri: Aye) Dawk kontra? Negatived. ONOR. MEMBRU: Division.
THE DEPUTY CHAIRMAN: Din id-division tittieħed minn hawn u ħames minuti oħra skond il-Mozzjoni Nru. 98 ta' l-10 ta' Novembru 1997.
Fid-9.30 p.m. billi ntalbet votazzjoni l-Kumitat ġie sospiż u rriżuma ħames minuti wara. THE DEPUTY CHAIRMAN: Se nerġa' npoġġi l-mistoqsija. Il-mistoqsija hi l-emenda għall-Vot 13 kif imressqa u moqrija mill-Onor. Joe Psaila Savona. Dawk favur? (Onor. Membri: Aye) Dawk kontra? (Onor. Membri: No) Negatived. ONOR. MEMBRU: Division.
L-emenda m'għaddietx. THE DEPUTY CHAIRMAN: Issa se npoġġi l-mistoqsija fuq il-Voti kollha tal-Ministeru ta' l-Affarijiet Barranin u ta' l-Ambjent. Il-mistoqsija hi:
VOT 13 - MINISTERU TA' L-AFFARIJIET BARRANIN U TA' L-AMBJENT Illi s-somma ta' mhux iżjed minn Lm5,301,000 li titħallas mill-Fond Konsolidat tiġi applikata taħt il-Vot 13 - Ministeru għall-Affarijiet Barranin u ta' l-Ambjent kif dettaljata fl-Abbozz ta' l-Estimi Ġenerali tan-Nefqa għas-Sena 1998.
Dawk favur? (Onor. Membri: Aye) Dawk kontra? (Onor. Membri: No) Carried. ONOR. MEMBRU: Division.
THE DEPUTY CHAIRMAN: Din id-division tittieħed issa stess skond il-Mozzjoni Nru. 98 ta' l-10 ta' Novembru 1997.
VOTAZZJONI NRU. 115 FAVUR : 35 L-Onor.
Abela Carmelo
Farrugia Noel
Abela Joseph
Grech Edwin
Agius Chris
Gulia Gavin
Attard Montalto John
Herrera Jose'
Bartolo Evarist
Mangion Charles
Borg Karmenu
Mintoff Dom
Brincat Leo
Mizzi Joe
Buhagiar Charles
Pace Bertu
Buhagiar Louis
Portelli Alfred
Camilleri Maria
Refalo Anton
Cardona Chris
Sant Alfred
Chircop Karl
Sceberras Trigona Alex
Cilia Joe
Schembri Adami Sandro
Dalli Helena
Spiteri Lino
Debono Grech Joe
Vassallo Adrian
Farrugia Anglu
Vella George
Farrugia Joe
Vella Karmenu
Farrugia Michael
KONTRA : 34 L-Onor.
Abela Tony
Galea Pace Victor
Agius Francis
Gatt Austin
Bonnici Josef
Gonzi Lawrence
Bonnici Michael
Hyzler George
Borg Joe
Mifsud Bonnici Antoine
Borg Tonio
Mugliett Jesmond
Cassar Joe
Muscat Claude
Dalli John
Muscat Richard
D'Amato Helen
Psaila Savona Joe
De Marco Guido
Pullicino George
Debono Giovanna
Pullicino Orlando Jeffrey
Deguara Louis
Refalo Michael
Farrugia Jean Pierre
Tabone Anton
Fenech Adami Eddie
Vassallo Edwin
Frendo Michael
Vella John
Galea Censu
Zammit Ninu
Galea Louis
Zammit Dimech Francis
Ir-Riżoluzzjoni taħt il-Vot 13 għaddiet. THE DEPUTY CHAIRMAN: Il-mistoqsija hi:
VOT 14 - AMBJENT Illi s-somma ta' mhux iżjed minn Lm3,183,000 li titħallas mill-Fond Konsolidat tiġi applikata taħt il-Vot 14 - Ambjent kif dettaljata fl-Abbozz ta' l-Estimi Ġenerali tan-Nefqa għas-sena 1998.
Dawk favur? (Onor. Membri: Aye) Dawk kontra? (Onor. Membri: No) Carried.
Ir-riżoluzzjoni taħt Vot 14 għaddiet.
THE DEPUTY CHAIRMAN: Il-mistoqsija hi:
VOT II - MINISTERU GĦALL-AFFARIJIET BARRANIN U TA' L-AMBJENT Illi s-somma ta' mhux iżjed minn Lm557,000 li titħallas mill-Fond Konsolidat tiġi applikata taħt il-Vot II - Ministeru għall-Affarijiet Barranin u ta' l-Ambjent kif dettaljat fl-Abbozz ta' l-Estimi Ġenerali ta' Nefqa għas-sena 1998.
Dawk favur? (Onor. Membri: Aye) Dawk kontra? No. Carried. Ir-riżoluzzjoni taħt Vot II għaddiet. Fid-9.40 p.m. il-Kamra rriżumiet u l-Viċi President tal-Kumitati rrapporta li l-Voti 13, 14 u II tal-Ministeru għall-Affarijiet Barranin u ta' l-Ambjent kienu ġew approvati mill-Kumitat ta' Provvista. MADAM SPEAKER: Sar il-ħin. L-Onor. Joe Mizzi, jekk jogħġbu, iressaq l-Aġġornament tal-Kamra.