Malta debates tal-kamra tad-deputati (Rapport Ufficjali u Rivedut)



Yüklə 372,25 Kb.
səhifə2/4
tarix28.08.2018
ölçüsü372,25 Kb.
#75205
1   2   3   4

TQEGĦID TA' KARTI



ONOR. NOEL FARRUGIA (Ministru tal-Biedja u Sajd): Madam Speaker, inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra:
Lista li tagħti l-lokalita' u d-daqs tas-serer spezzjonati bejn Awissu 1996 u Marzu 1997, bi tweġiba għall-mistoqsija parlamentari numru 10151.
MADAM SPEAKER: Grazzi. Stqarrijiet ministerjali? Mozzjonijiet? Ordnijiet tal-Ġurnata.

ORDNIJIET TAL-ĠURNATA

KUMITAT TA' PROVVISTA

ESTIMI ĠENERALI 1998

IT-TLETTAX-IL JUM STABBILIT

MINISTERU GĦALL-AFFARIJIET BARRANIN U TA' L-AMBJENT - KONTINWAZZJONI



FIL-KUMITAT
L-Onor. Michael Bonnici, President tal-Kumitati, jippresjedi.
THE CHAIRMAN: Illum il-Kumitat għandu quddiemu biex ikomplu jiġu diskussi l-voti tal-ministeru għall-affarijiet barranin u ta' l-ambjent.
Ninforma lill-Kumitat li skond il-Mozzjoni Nru. 98 ta' l-10 ta' Novembru, 1997 il-ħin tad-diskussjoni ta' dalgħodu, li se tkun dwar l-affarijiet barranin, għandu jinqasam indaqs bejn kelliema tal-Gvern u kelliema ta' l-Oppożizzjoni, bl-aħħar nofs għall-Gvern.
Ir-riżoluzzjonijiet li jitressqu fis-seduta ta' dalgħodu jitqiegħdu għall-vot fil-ħin ta' l-interruzzjoni tax-xogħol ta' din is-seduta. Rimarki? L-Onor. Joe Borg.
ONOR. JOE BORG: Sur President, fil-ħin li għandi se nitkellem ftit fuq l-iżjed suġġett importanti fil-qasam ta' l-affarijiet barranin, jiġifieri r-relazzjonijiet ta' Malta ma' l-Unjoni Ewropea. Nibda billi naraw x'ġara matul l-ewwel sena ta' Gvern Laburista fil-qasam tar-relazzjonijiet ta' Malta ma' l-Unjoni Ewropea.
L-ewwel pass illi ħa dan il-Gvern kien li ffriża l-applikazzjoni ta' Malta għas-sħubija fl-Unjoni Ewropea u bħala konsegwenza ta' dan ġraw diversi affarijiet. L-ewwelnett twaqqaf id-djalogu strutturat illi kien għaddej bejn Malta u l-Unjoni Ewropea meta kien għaddej il-proċess għas-sħubija ta' Malta. Waqfet ukoll il-koperazzjoni fil-qasam ta' l-affarijiet barranin u tas-sigurta'. Hawnhekk ta min isemmi li Malta kienet tintalab regolarment sabiex tassoċja ruħha, jekk trid, ma' dikjarazzjonijiet li tagħmel l-Unjoni Ewropea fil-qasam ta' l-affarijiet barranin u tas-sigurta'. Malli aħna ffriżajna l-applikazzjoni dan il-proċess twaqqaf ukoll min-naħa ta' l-Unjoni Ewropea, bħalma twaqqfet il-parteċipazzjoni ta' Malta f'għadd ta' programmi mnedija mill-Unjoni Ewropea. Barra minn hekk, ġie sospiż l-użu tal-fondi li hemm taħt ir-raba' protokoll finanzjarju.
Minflok sħubija il-Gvern Malti ħabbar li se jfittex ftehim mill-aktar qrib ma' l-Unjoni Ewropea. Ġejna informati li dan il-ftehim jinkludi zona ta' kummerċ industrijali ħieles, koperazzjoni finanzjarja, parteċipazzjoni fil-programmi ta' l-Unjoni Ewropea, koperazzjoni politika, koperazzjoni fil-qasam tas-sigurta' u fil-qasam tal-ġustizzja u ta' affarijiet interni. Domna sena nistennew biex naraw x'se jiżviluppa. U x'għandna s'issa? X'inhi s-sitwazzjoni fil-preżent? Jidher illi issa qed nitkellmu fuq zona ta' kummerċ ħieles iżjed ġenerali li tinkludi l-qasam ta' l-agro-industrija u possibbilment ta' l-agrikoltura. Sirna nafu li l-proposta tal-Gvern Malti hija li Malta lesta li tneħħi l-levies protettivi li hemm sabiex jipproteġu ċerti industriji Maltin, illi forsi ma jkunux jifilħu għall-impatt ta' liberalizzazzjoni tal-kummerċ, u li jitneħħa kull element ta' diskriminazzjoni billi ndaħħlu sistema ta' taxxa fuq prodotti lokali, f'perijodu ta' ħames snin rigward ċerti prodotti, u f'perijodu ta' seba' snin fuq prodotti oħrajn. Sirna nafu wkoll li ċerti prodotti sensittivi fil-kontest Malti se jitħallew kompletament barra minn din iz-zona ta' kummerċ ħieles. Pero' s'issa, għallinqas safejn naf jien, ma tħabbrux iżjed dettalji, ngħidu aħna
dwar jekk il-qasam ta' l-agrikoltura u s-sajd u l-qasam tas-servizz hux se jkunu inklużi f'din iz-zona. M'hemmx indikazzjoni b'mod ġenerali ta' liema kategorija ta' prodotti se jiġu inklużi f'dan il-perijodu ta' ħames snin u liema huma dawk il-prodotti li jirrikjedu seba' snin biex titneħħa l-protezzjoni minn fuqhom. Ma nafux lanqas liema huma dawk il-prodotti li fil-fatt se jitħallew barra. Minn dak li ġara fil-bidu ta' din il-ġimgħa waqt id-diskussjonijiet tal-Joint Parliamentary Committee, ma jidhirx li l-Kummissjoni Ewropea għad għandha xi tip ta' dettalji f'dan ir-rigward. Li nafu hu li l-kummissjoni għandha ċerti riżervi fuq il-proposta ġenerali dwar iz-zona ta' kummerċ ħieles fuq perijodu ta' bejn ħames snin u sebgħa.
Fil-fatt kien hemm ukoll oġġezzjoni min-naħa tal-kummissjoni, li qalet li fis-sistema ta' taxxa li daħħal il-Gvern hemm element qawwi ta' diskriminazzjoni kontra prodotti importati mill-Unjoni Ewropea għax fuq prodotti importati mill-Unjoni Ewropea hemm taxxa ta' 15% taħt forma ta' excise tax on imports u ETP ta' 5%, u fuq prodotti maħduma Malta hemm biss 15% ETI fuq il-materja prima importata - jekk ikun hemm, għaliex jista' jkun hemm refund - u 5% ETP fuq il-prodott lest. Jiġifieri joħroġ ċar li m'hemmx 15% taxxa fuq ix-xogħol li jsir hawn Malta u fuq il-komponent Malti ta' dawn il-prodotti. Ta' min isemmi li l-kummissjoni għandha riżervi dwar dan, apparti mill-kwestjoni tal-levies. Għalhekk jidher li l-aħħar pożizzjoni tal-Gvern kienet li jagħmel proposta lill-Unjoni Ewropea li fi żmien bejn ħames snin u sebgħa mhux biss ineħħi l-levies, iżda jdaħħal sistema ta' tassazzjoni li timponi taxxa anke fuq il-komponent lokali. B'hekk ineħħi d-diskriminazzjoni kontra l-prodotti importati. Jien m'iniex se nidħol fl-impatt li dan ovvjament ikollu fuq l-industrija lokali imma se ngħaddi biex nikkummenta fuq it-tieni aspett li qed jiġi propost.
Sur President, qed nitkellmu wkoll fuq koperazzjoni finanzjarja. Pero' x'ġara s'issa u x'inhi l-pożizzjoni tal-Kummissjoni Ewropea? Sirna nafu li l-kummissjoni ssospendiet l-użu tal-fondi taħt ir-raba' protokoll finanzjarju għaliex qalet li l-għan ta' dan il-protokoll kien li jwassal lil Malta għal sħubija. Il-kummissjoni sostniet ukoll li hemm ċerti proġetti li ġew ippreżentati li kienu jimmiraw lejn is-sħubija ta' Malta fl-Unjoni Ewropea u allura dawn il-proġetti ma jistgħux jitkomplew. Fost dawn, l-iżjed importanti kienu li l-istudenti Maltin ikunu jistgħu jipparteċipaw fil-programm Socrates u li l-ħaddiema Maltin ikunu jistgħu jipparteċipaw fil-programm Leonardo. Hemm proġetti oħrajn li l-kummissjoni ddeċidiet li jistgħu jitkomplew. L-indikazzjoni hi li s-sena d-dieħla, jiġifieri wara telf ta' żmien ta' sena, il-proġetti ta' komputerizzazzjoni fl-iskejjel primarji jkunu jistgħu jitkomplew. Biex inkun għamiltha ċara, dan ma jfissirx li l-flus li kien hemm ivvotati se jintilfu. Hemm il-possibbilta' li dment li nippreżentaw proġetti ġodda matul il-bidu tas-sena d-dieħla, dawk il-flus jiġu kommessi għal proġetti oħrajn. Pero' dan kollu jirrigwarda l-protokoll eżistenti. Xtaqt nistaqsi x'se jiġri dwar il-koperazzjoni finanzjarja li hija msemmija bħala waħda mill-objettivi ta' dawn ir-relazzjonijiet mill-eqreb bejn Malta u l-Unjoni Ewropea. Hemm xi ħjiel dwar jekk l-Unjoni Ewropea hijiex disposta li talloka fondi lil Malta mhux biss f'forma ta' loans iżda anke f'forma ta' grants? Dan jiddependi mil-livell tal-prodott gross domestiku ta' Malta, għax normalment l-Unjoni Ewropea ma toffrix fondi lil pajjiżi li jkunu laħqu ċertu livell. L-Unjoni Ewropea tat xi ħjiel dwar x'għajnuna tista' tingħata lil Malta? (Interruzzjonijiet) M'għandniex nistħu li aħna Maltin! (Interruzzjonijiet) Jien sempliċement qed nagħti indikazzjoni tat-telf li qed issofri u li tista' ssofri Malta minħabba f'din il-politika li ddeċidejtu li ddaħħlu intom, fejn ma bqajniex mexjin fit-triq mistħoqqa għal Malta.
X'inhi s-sitwazzjoni fir-rigward ta' parteċipazzjoni fi programmi ta' l-Unjoni Ewropea? Li ġara hu li l-proċess li bis-saħħa tiegħu aħna konna nistgħu nipparteċipaw fi programmi ta' l-Unjoni Ewropea, bħalma huma Socrates, Leonardo, Youth for Europe u oħrajn, li mhumiex aċċessibbli għal pajjiżi terzi, issa ġie sospiż. Issa rridu nibdew diskussjonijiet mill-ġdid biex jinstab qafas ġdid li fih inkunu nistgħu ningħataw id-dritt li b'xi mod nibdew nipparteċipaw f'dawn il-programmi. Hemm programmi oħrajn li Malta tista' tipparteċipa fihom pero' dawn huma programmi li l-Unjoni Ewropea tniedi għall-pajjiżi kollha u fihom japplika u jipparteċipa min irid. Pero' hemm programmi li huma riżervati għall-pajjiżi membri biss u issa ġew estiżi wkoll għall-pajjiżi applikanti. B'hekk pajjiżi bħalma huma r-Rumanija, l-Ungerija u oħrajn minn din is-sena bdew jibagħtu lill-istudenti tagħhom biex jipparteċipaw f'dawn il-programmi. Hemm ukoll il-pajjiżi ta' l-hekk imsejħa l-European economic area bħall-Iżlanda, Liechtenstein u l-Isvizzera li, bis-saħħa ta' ftehim li għandhom ma' l-Unjoni Ewropea, għandhom dritt li jipparteċipaw f'dawn il-programmi. Min-naħa tagħna, aħna għad irridu nsibu qafas ġdid li permezz tiegħu inkunu nistgħu nibdew nipparteċipaw fihom ukoll. Anke hawnhekk imbagħad irridu naraw jekk aħna nkunux intitolati li nużaw il-fondi taħt kwalunkwe għajnuna finanzjarja li tista' tagħtina l-Unjoni Ewropea għax nistgħu ningħataw biss id-dritt u biex nipparteċipaw inkunu rridu nħallsu minn butna.
Qed nitkellmu wkoll, Sur President, fuq koperazzjoni politika u koperazzjoni fil-qasam tas-sigurta'. Pero' x'qed ngħidu eżattament? Jidher - għallinqas minn dak li ntqal s'issa - li qed nitolbu li r-relazzjonijiet eżistenti bejn il-Parlament Malti u l-Parlament Ewropew jitħallew. Kien hemm ir-riskju li anke dawn jibdew jintilfu jew jiġu ridimensjonati. Qed nitolbu wkoll li nkomplu mexjin abbażi tal-ftehim ta' assoċjazzjoni billi nżommu regolarment laqgħat tal-kunsill ta' l-assoċjazzjoni u kumitati oħra li fil-fatt diġa' jeżistu taħt il-ftehim ta' assoċjazzjoni. Barra minn hekk, qed nitolbu li nerġgħu nibdew niġu mitluba nassoċjaw ruħna mad-dikjarazzjonijiet ta' l-Unjoni Ewropea fil-qasam tas-sigurta' u affarijiet barranin, bħalma konna niġu mitluba sakemm konna għaddejjin bid-djalogu strutturat. Mela, Sur President, fir-realta' ma qed nitolbu xejn ġdid imma qed nitolbu li jħallulna għallinqas dak li kellna biex almenu nibqgħu fejn qegħdin u mhux nibdew mexjin lura.
Fl-aħħar qed nitkellmu wkoll fuq koperazzjoni fil-qasam tal-ġustizzja u affarijiet interni. Hawnhekk jidher li aħna qed nitolbu biex nerġgħu nibdew nikkoperaw ma' l-Unjoni Ewropea f'oqsma bħalma huma l-ġlieda kontra d-droga, il-kriminalita' organizzata, it-terroriżmu u affarijiet simili. Ta' min isemmi li din il-koperazzjoni kienet diġa' bdiet taħt id-djalogu strutturat pero' naturalment twaqqfet malli aħna ffriżajna l-applikazzjoni għas-sħubija fl-Unjoni Ewropea. Issa qed nitolbu lill-Unjoni Ewropea biex għallinqas nerġgħu nibdew nikkoperaw f'dawn l-oqsma. Meta tara dawn l-affarijiet tinduna li l-Gvern ma qiegħed jagħmel xejn ġdid; imma qiegħed biss mill-mitluf jipprova jakkwista lura dak li jista'. Il-Gvern qed jirrealizza li iżjed ma javvanzaw it-taħdidiet mal-pajjiżi ta' l-Ewropa ċentrali u tal-lvant, iżjed hemm ir-riskju li aħna nibqgħu barra.
L-istess jista' jingħad għall-parteċipazzjoni tagħna fil-programmi ta' l-Unjoni Ewropea. Biex il-Gvern isalva li jista' u biex iżomm għallinqas l-apparenza ma' l-Unjoni Ewropea li l-affarijiet għadhom mexjin 'il quddiem, qed jipproponi relazzjoni bejn Malta u l-Unjoni Ewropea, bħal dik li l-Unjoni Ewropea diġa' għandha jew qed tinnegozja ma' għadd ta' pajjiżi terzi mediterranji, bħalma huma Tuneż, l-Arġerija, il-Marokk u oħrajn. Ta' min isemmi li ma' dawn il-pajjiżi diġa' ntlaħaq ftehim jew inkella qed isiru negozjati dwar zona ta' kummerċ ħieles - bħalma qed jipproponi l-Gvern Malti għal Malta - dwar koperazzjoni finanzjarja u teknika, dwar parteċipazzjoni f'numru ta' programmi ta' l-Unjoni Ewropea u koperazzjoni politika u fil-qasam tas-sigurta'. Issa sirna nafu li matul l-ewwel parti tas-sena d-dieħla, jiġifieri taħt il-presidenza Ingliża, aħna se nibdew niddiskutu xi ftehim li jixbaħ lil ta' dawn il-pajjjiżi. Jekk m'iniex żbaljat dawn id-diskussjonijiet għandhom isiru għal madwar April tas-sena d-dieħla.
Huwa ċar daqs il-kristall li dawn l-affarijiet ġraw minħabba fl-għajta tal-Partit Laburista qabel l-elezzjoni li jirtira l-applikazzjoni tas-sħubija ta' Malta fl-Unjoni Ewropea. Minħabba f'din l-għajta l-applikazzjoni ġiet sospiża malli l-Partit Laburista tela' fil-gvern u issa qiegħed jara kif jista' jraqqa' 'l hawn u 'l hemm sabiex jipprova jżomm ir-relazzjonijiet ma' l-Unjoni Ewropea mexjin, għallinqas fl-istess livell li mexjin mal-pajjiżi Mediterranji li m'humiex membri u li ma jistgħu qatt ikunu membri ta' l-Unjoni Ewropea. Ta' min jgħid li dawn il-pajjiżi sa ftit ilu kellhom relazzjonijiet ferm ifqar minn dawk eżistenti bejn Malta u l-Unjoni Ewropea. Il-Gvern ma kellux il-kuraġġ jgħid li ċ-ċirkostanzi tbiddlu b'riżultat tal-konklużjonijiet tal-Konferenza Intergovernattiva u bl-Aġenda 2000 tal-Kummissjoni Ewropea. Dan minkejja l-appelli kollha li sarulu mill-Oppożizzjoni u mill-korpi kostitwiti biex ibiddel ir-rotta. Kieku dawn l-appelli saru mill-Oppożizzjoni biss nifhimha imma dawn sarulu wkoll tista' tgħid mill-korpi kostitwiti kollha u minn setturi u gruppi differenti, inkluż saħansitra

minn moviment li hemm fi ħdan il-Partit Laburista stess.


Nikkonkludi billi ngħid li Malta u l-Unjoni Ewropea li sa llum kienu fil-viċin, qegħdin jimxu pass pass biex jitbiegħdu minn xulxin iżjed u iżjed. Din hija ħasra għal Malta. B'dan il-mod m'aħniex se ngawdu mill-vantaġġi li toffri l-Unjoni Ewropea bi sħubija, bħalma huma l-vantaġġi għall-industrija, għall-agrikoltura, għas-settur tas-servizzi, għall-ħaddiema, għaż-żgħażagħ, għall-istudenti, għall-konsumatur u, tista' tgħid, għas-setturi kollha differenti tal-ħajja. Kulma se nagħmlu hu li se nikkuntentaw bi ftehim fqir li ma' jista' joffri xejn ġdid ħlief l-isperanza li bi tbatija kbira nżommu dak li akkwistajna sal-lum minflok ma nibdew mexjin lura pass wara pass. Grazzi.
THE CHAIRMAN: Aktar rimarki? L-Onor. Guido de Marco.
ONOR. GUIDO de MARCO: Sur President, illejla qegħdin nitkellmu dwar il-budget li għandu x'jaqsam mal-ministeru ta' l-affarijiet barranin. Dan il-ministeru forsi huwa l-aktar wieħed li f'ċertu kontest ifassal il-futur tal-pajjiż. Għaliex qed ngħid dan? Għaliex it-triqat li jieħu pajjiżna f'kontest internazzjonali huma dawk it-triqat li jiddeterminaw x'se jiġri minn pajjiżna. Poeta Ingliż kien kiteb illi "no man is an island", u kiteb tajjeb, but not even any island is an island. Il-politika internazzjonali llum għandha effett tali illi dak li jiġri f'aġenzija ta' stockbrokers fil-Ġappun ma jkollux effett fil-Ġappun jew fid-dinja Asjatika biss imma jkollu effett fl-Amerka, fl-Ewropa u kullimkien. Pajjiż, ikun fejn ikun, għandu d-destin tiegħu qisu marbut ma' dawk l-affarijiet li jseħħu madwaru. Dan jaffettwa pajjiżi b'ekonomija ikbar minn tagħna, pajjiżi b'popolazzjoni ħafna ikbar minn tagħna, pajjiżi b'saħħithom iktar minna u pajjiżi li l-allokazzjoni tagħhom hija ħafna iktar debboli minn tagħna. B'debboli rrid infisser li ma jkollhomx pożizzjoni strateġika. Hemm pajjiżi li l-pożizzjoni ġeografika tagħhom jew il-bżonn ta' l-eżistenza tagħhom hija tali li l-avvenimenti kbar li jiġru fil-ħajja internazzjonali ftit jmissuhom. Pero' fil-każ ta' pajjiżi bħal Malta, li qiegħda f'pożizzjoni strateġika fiċ-ċentru tal-Mediterran, neċessarjament il-politika nternazzjonali hija waħda li tinċidi fuq il-ħajja ta' kuljum ta' kull bniedem jew bniedma li jgħixu f'dak il-pajjiż. Qed nagħmel din l-enfasi għaliex niftakar li meta kont ministru ta' l-affarijiet barranin ħafna drabi n-nies kienu jieħdu l-affarijiet for granted. Il-ministeru ta' l-affarijiet barranin għandu jfisser ħafna għal kull individwu fil-pajjiż għaliex dak li jiġri madwaru u dawk l-għażliet li jagħmel huma fundamentali għall-mod kif kull wieħed u waħda minna fi gżiritna nistgħu nkomplu nkampaw.
Ftit jiem ilu f'dan il-Parlament sar appell biex f'Malta jkollna politika barranija komuni, ħalli fil-kontest tar-relazzjonijiet internazzjonali tiegħu dan il-pajjiż jippreżenta ruħu mhux bħala pajjiż maqsum fil-politika tiegħu. Kif jista' l-kambjament ta' partit fil-gvern ikun tali li filwaqt li kull partit ikollu programm xi jwettaq, il-kambjamenti fil-gvern jinħassu l-inqas fil-kamp internazzjonali? Kif jista' gvern iħares lejn il-politika internazzjonali tiegħu mhux f'kontest ta' partit politiku imma bħala politika li tgħaqqad lin-nazzjon u li turi l-kontinwita' tal-pajjiż f'kontest tad-dinamiċita' ta' l-istorja tiegħu? Il-politika internazzjonali ma' tistax tieqaf. Ma tistax taħseb li l-politika internazzjonali ta' Helsinki, per eżempju, hija politika permanenti, għax il-politika hija l-istorja tal-bniedem, bis-sens dinamiku li għandu fih. L-istorja ma tfissirx x'ġara l-bieraħ l-istorja tfisser serje ta' avvenimenti li jkun hemm fil-ħajja ta' kulħadd illi flimkien ifasslu l-istorja tal-pajjiżi u l-istorja tad-dinja. Fdan il-kontest, filwaqt li wieħed iħares il-fatt li jkun hemm ċerti pilastri fil-politika barranija ta' pajjiż, irid jara kif dawn il-pilastri għandhom ikomplu jsaħħu, jevolvu u jakkwistaw dik il-konkretezza li ġejja mill-mod kif il-ħajja ta' kuljum ta' pajjiż qed tinbidel. U hawnhekk wieħed għandu jistaqsi: Fiż-żmien li l-pajjiż ilu indipendenti, irnexxielu jfassal politika li tirrifletti l-bżonnijiet nazzjonali tagħna? Għaraf ifassal politika fejn kambjamenti tal-partiti fil-gvern ma jġibux skossi li jkollhom riflessi fil-politika ta' Malta, anke fil-konfront ta' pajjiżi oħrajn madwarna u lil hinn minna? F'dan l-intervent tiegħi fuq dan li xtaqt nitkellem.
X'ħareġ għal Malta mill-indipedenza 'l hawn? Ħarġet il-preżenza ta' Malta fin-Nazzjonijiet Uniti. Aħna veru li aħna pajjiż ta' daqs żgħir imma m'aħniex xi Stat minuskolu, m'aħniex mini State. Dawn huma deskrizzjonijiet li jirritawni. Aħna la aħna xi Liechtenstein, la aħna xi Monaco u lanqas xi San Marino! Aħna pajjiż żgħir bħalma huwa l-Lussemburgu u pajjiżi oħrajn tad-dimensjoni tagħna li taw ħafna kontribut għall-istorja, pajjiżi li għandhom id-dritt jgħixu f'livell ta' ħajja tajba. Aħna pajjiż illi huwa parti integrali mill-ħajja Ewropea u mill-ħajja Mediterranja. Jien naħseb illi meta wieħed iħares lejn ir-record ta' Malta fin-Nazzjonijiet Uniti jirrealizza li dan il-pajjiż ta kontribut f'dan il-forum daqs pajjiżi ħafna ikbar minna u li għandhom ħafna iktar mezzi finanzjarji u diplomatiċi milli għandu dan il-pajjiż. Wieħed jista' jgħid li Malta, f'kontinwita' ta' storja, tat kontribut u meta wieħed jattendi dawn il-laqgħat internazzjonali tan-Nazzjonijiet Uniti jinduna kemm jafu b'Malta u kemm jafu li Malta tat kontribut.
Dan l-aħħar ġie hawn Malta Arvid Pardo, u ħadt pjaċir li ngħata ġieħ anke mill-Gvern attwali għal dak li dan il-bniedem fisser għall-ħajja internazzjonali ta' pajjiżna. Arvid Pardo qiegħed l-intelliġenza u l-inizjattiva sħiħa tiegħu wara l-proposta ta' Malta dwar il-Liġi tal-Baħar, fis-sens illi r-rikkezzi li hemm f'qiegħ il-baħar għandhom ikunu wirt komuni ta' l-umanita', għandhom jiġu wżati u sfruttati biss fl-interess ta' l-umanita' kollha u mhumiex approprjabbli minn xi pajjiż partikolari. Jien naħseb illi dan huwa mument storiku għal dan il-pajjiż u għar-relazzjonijiet internazzjonali. Din hija idea seminali, idea li tefgħet żerriegħa qawwija. Għalkemm s'issa ma rnexxietx għal kollox, hija idea li qed taħkem l-imħuħ tan-nies. Illum, għada jew pitgħada din l-idea se titwettaq. Malta, kemm ilha li ħadet l-independenza, ħalliet impronta diġitali fil-politika internazzjonali fl-iktar element importanti, li huwa l-baħar. Xi drabi meta titkellem fuq il-baħar ċerti nies jinsew illi 70% tad-dinja tikkonsisti f'baħar! Ninsew kemm il-baħar huwa fattur determinanti fil-ħajja tal-popolazzjoni tad-dinja. Pero' aħna mhux fil-qasam ta’ l-ibħra biss ħallejna l-impronta tagħna, fil-kontest ta’ politika barranija komuni għal dan il-pajjiż, imma anke fil-mod kif ħarisna lejn in-Nazzjoniijiet Uniti.
Aħna għidna li l-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti għandu jkollha aktar saħħa. Dan huwa l-uniku organu fin-Nazzjonijiet Uniti fejn kull wieħed minna huwa membru permanenti. Ara fis-Security Council hemm problema sħiħa. Kemm hemm membri permanenti hemmhekk? Kemm se jkun hemm? Se jiżdiedu l-membri permanenti jew le? L-Assemblea Ġenerali hija l-unika istituzzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti fejn kull membru huwa membru permanenti. Għalhekk aħna rridu nsaħħuha u meta konna fil-gvern għamilna minn kollox għal dan il-għan u jien konvint li n-naħa l-oħra qed tipprova ssostni dawn l-ideat. Konna aħna li salvajna t-Trusteeship Council milli jiġi llikwidat. Jien ħadt pjaċir li Kofi Annan fl-aħħar rapport tiegħu ta’ kif jixtieq jara li tiżviluppa n-Nazzjonijiet Uniti jgħid li hu jemmen - għad-differenza tal-predeċessur tiegħu - li t-Trusteeship Council huwa kunsill li għandu jkollu l-għan to hold in trust the common concerns and the common heritage of mankind. GĦandu jkun dan il-kunsill li jżomm fi ħdanu l-problemi dwar il-klima u l-ambjent, il-problemi dwar ir-rikkezzi ta’ qiegħ il-baħar u il-problemi dwar l-iżvilupp. Jien naħseb li anke minn dan il-lat hemm bżonn ta' aktar dinamiżmu min-naħa tal-Gvern Malti biex inħallu impronta bħal dik li ħalla Arvid Pardo. Aħna rridu nkomplu nagħtu appoġġ sħiħ għal ideat tajbin, serji u innovattivi għax huma dawn l-ideat li jqiegħdu lil Malta verament fuq quddiem nett fil-parteċipazzjoni fin-Nazzjonijiet Uniti u fl-organi tagħha. Jekk din l-amministrazzjoni trid, tista' tkompli bis-serjeta’ l-inizjattivi li konna ħadna aħna biex inkomplu nipperpetwaw l-isem ta’ Malta b’dak l-għaqal, b’dik l-intelliġenza u b'dik ir-rilevanza li tant huma importanti għalina.
Mr Chairman, Malta veru li hija pajjiż żgħir u veru li aħna pajjiż ta’ storja kbira. Fil-ħajja mgħaġġla tal-lum ħafna nies iħobbu jinsew l-istorja, jinsew x’ġara matul is-sekli u jinsew il-kontribut li tat Malta fl-aħħar Gwerra Dinjija. Aħna għandna nkunu rilevanti llum u għandna nkunu rilevanti għada għaliex jekk inkunu rilevanti llum u għada nkunu qed ngħixuha l-istorja, altrimenti niġu relegati għal mużewijiet. Malta m’hijiex pajjiż għall-mużew. Malta hija pajjiż li r-rilevanza politika tagħha trid tgħixha llum, għada, pitgħada u anke wara. Huwa fuq din ir-rilevanza politika ta’ Malta li aħna rridu nitkellmu. Ħafna nies jitkellmu fuq l-OSCE, li qabel kienet is-CSCE. Anke hawn irridu ngħidu li f'Helsinki I, il-Gvern Malti ta’ dakinhar kien introduċa, b’ħafna diffikultajiet u reżistenzi, il-konċett tal-Mediterranean basket, il-konċett tar-rabta li hemm bejn is-sigurta’ fl-Ewropa u s-sigurta’ fil-Mediterran. Kienet il-kontinwita’ ta’ din il-politika li ġiegħlet lis-CSCE tfassal politika Mediterranja. Barra minn hekk, f’relazzjonijiet ma’ pajjiżi Mediterranji neħħejna dik id-diċitura stupida ta' non-participating Mediterranean States u bdejna nsejħulhom Mediterranean partners. Kien il-gvern li fih kont ministru ta’ l-affarijiet barranin jien li rnexxielu jibgħat messaġġ differenti fil-konċett li ridna nagħtu lil dawn il-pajjiżi li mhumiex membri ta' l-OSCE imma li huma pajjiżi Mediterranji billi ma bqajniex insejħulhom non-participating Mediterranean States imma sejjaħnielhom Mediterranean partners. Naħseb li dan ukoll kien fattur determinanti li juri kontinwita’ fil-ħajja politika barranija ta’ artna.
Mr Chairman, inħossni kburi li kien il-Gvern Malti li fih kont ministru ta’ l-affarijiet barranin jien li kien determinanti biex l-OSCE ssir organizzazzjoni rilevantissima fil-ħajja ta' llum, u dan meta Malta kienet ipproponiet arranġament reġjonali għaż-żamma tal-paċi fil-konċett ta' Kap. 8 tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti. Xi jfisser dan? Dan ifisser li kienet proposta ta’ Malta, li l-ewwel saret qabel fi Praga imbagħad f'Helsinki ll, li effettivament għamlet lill-OSCE, flimkien man-Nazzjonijiet Uniti, responsabbli għaż-żamma tal-paċi. Fl-avvenimenti li seħħew fil-Balkani, per eżempju, il-gwerra li kien hemm fil-Bosnia u l-avvenimenti oħra, kienet l-OSCE, in virtu’ ta’ din il-mozzjoni ta’ Malta, li għamlet ir-regional arrangement for peace-keeping skond il-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti. Għalhekk we look back with pride, mhux biex niftaħru kemm konna bravi imma kburin għax dan il-pajjiż tagħna, allavolja pajjiż żgħir, għaraf jagħti kontribut li niftakar li l-Ministru ta’ l-Affarijiet Barranin Ġermaniż Genscher ipprova jagħmlu tiegħu. Hawn hija r-rilevanza tal-politika barranija. Mr Chairman, fejn nistgħu nagħrfu ninterpretaw id-dinamiżmu ta’ l-istorja f’kontest sħiħ għal pajjiżna? Ħalli ngħid fejn.
Fil-konċett tal-ħajja Mediterranja - u hawn norbot ma' dak li għidt qabel - Malta irnexxielha tmexxi ‘l quddiem ideat ta’ valur u ta’ kontribut li fis-snin li ġejjin jistgħu jkunu anke determinanti għall-futur ta’ l-istess Mediterran. Qed ngħid għal dak li jirrigwarda l-politika Mediterranja tagħna. F'għeluq il-50 anniversarju mit-twaqqif tan-Nazzjonijiet Uniti il-foreign ministry kien ippubblika ktieb li kien fih diversi diskorsi determinanti li saru mill-amministrazzjonijiet kollha Maltin. L-ewwel diskors tal-Prim Ministru Dr Borg Olivier kien dwar ir-rilevanza ta’ Malta fil-Mediterran. Din ir-rilevanza ġiet sostnuta mill-Gvern li ġie wara dak ta’ George Borg Olivier u komplejnieha aħna kemm domna fil-gvern, meta tajna l-messaġġ li r-reġjun tal-Mediterran m'għandux jitqiegħed lura fl-aġenda internazzjonali u dak li jiġri fih qisu xi ħaġa li ma tiġrix. Aħna b’għaqal ipprovajna nagħtu spinta lil diversi ideat u prinċipji biex jattwaw ruħhom ċerti affarijiet fil-Mediterran. Jien naħseb li qed jimmatura ż-żmien biex ħafna minn dawn l-affarijiet iseħħu.
Mr Chairman, meta konna qed nagħmlu laqgħa tal-Moviment Non-Allinjat fl-Algerija, f’Ġunju ta’ l-1990, għan-nom tal-Gvern Malti formalment ħriġt bl-idea ta’ kunsill għall-Mediterran. Din kienet l-ewwel darba li l-Gvern Malti ħareġ bi proposta li jkun hemm kunsill għall-Mediterran. Imbagħad meta saret hawn Malta stess il-Konferenza għas-Sigurta' u Koperazzjoni fil-Mediterran, iż-żewġ partiti rappreżentati fl-IPU minni, mill-Onor. Perit Mintoff, u kollegi oħra tagħna wassalna għall-aċċettazzjoni ta’ dan il-prinċipju li jkun hemm assoċjazzjoni għal Stati Mediterranji. Mhux hekk biss imma kellna l-inkarigu mis-CSCM, il-Konferenza għas-Sigurta' u Koperazzjoni fil-Mediterran fi ħdan l-Unjoni Inter-Parlamentari, li nwasslu din il-proposta fil-Konferenza Euro-Mediterranja ta’ Barcelona. Din hija xi ħaġa li kulħadd imissu jaqbel li hija tajba. Aħna għarafna nagħmlu kontinwita’ ta’ politika Mediterranja. Konna aħna li għamilna din il-proposta fi ħdan il-Euro-Med u nispera li l-Gvern attwali qiegħed ikompliha. Il-Euro-Med għandha l-ħajja tagħha, l-importanza tagħha u anke saħħa politika partikolari pero’ fl-aħħar mill-aħħar huma l-pajjiżi Mediterranji li għandhom jagħrfu jaħdmu flimkien għal dan il-baħar. Huwa tajjeb li jkun hemm relazzjoni intima bejn l-Unjoni Ewropea u l-pajjiżi l-oħra tal-Mediterran li m’humiex membri ta’ l-Unjoni Ewropea pero’ din hija dejjem relazzjoni fil-vertikali. Aħna dejjem emminna li għandu jkun hemm ukoll relazzjoni fl-orizzontali bejn il-pajjiżi Mediterranji. Qabel ma jkun hemm din il-forma ta’ assoċjazzjoni għall-Istati tal-Mediterran, dan ir-reġjun tagħna ma jistax jimxi f’dak is-sens ta’ għaqda tant neċessarja. Filwaqt li kulħadd jibqa’ membru ta’ l-Unjoni Ewropea, membru tal-Lega Għarbija jew membru tal-pajjiżi tal-Lvant Nofsani, għandu jkun hemm din l-assoċjazzjoni biex dan ir-reġjun jieħu l-importanza li jistħoqqlu politikament u internazzjonalment. Din l-idea pproponietha Malta. Jien minn dan jimpurtani u mhux li nieħdu l-midalji. X’importanza għandu fil-ħajja l-individwu? L-importanza vera hija l-ħsieb politiku li jgħaġen lin-nazzjon. Jien dwar dan qiegħed nitkellem.
Mr Chairman, kienet Malta wkoll li pproponiet patt ta’ stabilita’ fil-Mediterran meta konna f’Pariġi għall-patt ta’ stabilita’ dwar l-Ewropa. Aħna dehrilna li l-patt ta' stabilita' fil-Mediterran huwa aktar importanti. Meta aħna pproponejna dan il-patt ta’ stabilita’ fil-Mediterran fil-Euro-Med Conference ta’ Barcelona, magħna kienet ingħaqdet ukoll Franza f’aspetti essenzjali ta’ din il-proposta Maltija. Forsi din hi l-aħjar proposta politika li hemm quddiem il-Euro-Med. Jien naħseb li dan juri sens ta’ kontinwita’. Jien nispera li dawn l-inizjattivi għadhom għaddejjin, għax dawn huma inizjattivi tajbin li jgħinu lil Malta. Huma inizjattivi li jagħtuha aktar rilevanza. Kif intqal f’din il-Kamra ftit tal-ġranet ilu, l-affarijiet li jiġru fil-Mediterran għandhom impatt fuq il-ħajja tagħna ta’ kuljum u fuq l-istabilita’ tagħna. Jekk aħna jkollna l-paċi fil-Mediterran, it-turiżmu tagħna jiffjorixxi imma jekk ikollna l-inkwiet fil-Mediterran it-turiżmu tagħna jispiċċa fix-xejn. M’aħniex nitkellmu sempliċement għall-glorja ta’ proposta tajba imma qegħdin nitkellmu għall-effikaċja ta’ proposta b’saħħitha u li Malta għandha bżonn. Dan qed ngħiduh għaliex jinħtieġ li nibnu kontinwita’ fil-politika barranija. IIlum m’huwiex il-bieraħ u għada m’huwiex illum. Hawn hu d-dinamiżmu u għalhekk il-ħtieġa ta' konsultazzjoni kostanti li għandu jkollhom il-forzi politiċi tal-pajjiż, speċjalment permezz ta’ dan il-Parlament. Meta jien nitkellem, ma nitkellimx biss bħala viċi kap ta’ l-Oppożizzjoni jew għax għal xi snin kont ministru ta’ l-affarijiet barranin imma nitkellem għax jien Malti. Nitkellem għax jien inħares lejn il-politika ta’ x’jaqbel għal pajjiżi. Jien inħares - u nixtieq li kulħadd iħares hekk - lejn il-partiti politiċi kollha bħala strumenti li jgħinuna u mhux bħala finalita’ fihom infushom. Il-finalita’ huwa pajjiżna. Il-partit jagħtina strument politiku biex inwettqu dik il-finalita’. Il-finalita’ huwa l-ġid ta’ Malta. Fejn nistgħu m'għandniex nitkellmu b’mod diviżiv fuq politika barranijia. Irridu nipprovaw nibnu politika barranija komuni kemm nistgħu preċiżament għax aħna nemmnu li poplu bħal tagħna ma jistax ikollu politika barranijia li taqsam. Dan jgħodd anke għal poplu kbir imma hu aktar importanti għalina li aħna poplu żgħir f’pożizzjoni strateġika, kważi unika, fil-Mediterran. Dan il-pajjiż jeħtieġ li jkollu politika Mediterranja li tħares il-ġid ta’ pajjiżna u tħares anke l-mod kif din l-istabilita’ ta’ madwarna tinfluwenza lilna u lil ħaddieħor. Mr Chairman, qed ngħid dan anke fi sfond aktar importanti.
Issemmiet ħafna n-newtralita’ u jien ngħid li anke fil-konċett tan-newtralita’ hemm żviluppi. Il-Kostituzzjoni tagħna tgħid li Malta hija pajjiż newtrali mogħti biex iservi għall-paċi bejn il-pajjiżi u ispirat fuq il-prinċipji tan-non-allinjament. Min jaqra l-ktieb ta’ Dr Edgar Mizzi jsib li l-kelma non-allinjament kienet f’kontest ta' dinja bipolari, dinja maqsuma bl-Unjoni Sovjetika u l-Warsaw Pact fuq naħa u l-Istati Uniti u l-pajjiżi tan-NATO fuq in-naħa l-oħra. Dan inbidel. Dan m’għadux realta’. In-non- allinjament illum huwa biss storja u m’għadux realta’. Dan kien realta’ fi żmien il-gwerra bierda. Għadni kemm qrajt il-ktieb ta’ Gorbachev, fejn waqt li jitkellem dwar il-memorji tiegħu, isemmi kemm kien determinanti l-mod kif intemmet il-gwerra bierda bil-laqgħa li kellu ma’ Bush f’Malta. Jekk wieħed jaqra l-memoirs ta’ Mikhail Gorbachev u anke l-memoirs ta’ Shevardnadze, jinduna kemm il-laqgħa f’Malta bejn il-kap tas-super-potenza Sovjetika u l-kap tas-super-potenza Amerikana tabilħaqq fissret it-tmiem tal-gwerra bierda. Jiġifieri anke dan il-konċett inbidel. Pero’ dan ma jfissirx li n-newtralita’ bħala tali m’għadhiex teżisti u m’għandhiex tiġi osservata minna lkoll. L-affarijiet inbidlu pero’ xorta waħda wieħed jista’ jitkellem dwar in-newtralita’. Aħna dejjem sostnejna n-newtralita'. Qatt ma għidna li Malta m’hijiex Stat newtrali. Fl-aħħar laqgħa tal-Kunsill ta’ l-Assoċjazzjoni bejn Malta u l-Unjoni Ewropea li saret fi Brussels f'Ġunju ta' l-1995, - qabel ma sar l-istructured dialogue - u fuq dan se nitkellem aktar tard - jiena kont għidt:
Today Malta, a neutral state actively pursuing peace, security and social progress among nations and not participating in military alliance, can like other neutral states forming part of the European Union itself conform to the obligations and commitments assumed by such neutral states.”.

Voldieri jien mhux biss ma ħbejtx in-newtralita' taħt it-tapit imma preċiżament f’Ġunju ta’ l-1995 fissirt x’inhi Malta, x’inhuma l-linji politiċi tagħha sanċiti mill-Kostituzzjoni u għidt kif Malta newtrali tista’ taqdi l-funzjonijiet tagħha fi ħdan l-Unjoni Ewropea l-istess bħall-pajjiżi newtrali l-oħra, fosthom l-Irlanda, il-Fillandja, l-Isvezja u l-Awstrija. Malta, bħala pajjiż newtrali, għandha r-rwol tagħha wkoll fi ħdan l-Unjoni Ewropea. Jien ma ħbejtx ir-realta’ kostituzzjonali ta’ Malta, anzi affermajt dik ir-realta’ kostituzzjonali li hija tant essenzjali fl-osservanza u fir-rispett ta’ dak li tgħid il-Kostituzzjoni ta’ pajjiżna. Mr Chairman, tkellimt fuq dawn il-konċetti għax issa huwa bżonjuż li naraw ftit fejn sejrin.


Qalulna li n-newtralita' ta' Malta hija waħda mir-raġunijiet għaliex Malta m'għandhiex tkompli fit-triq tagħha biex tidħol fl-Unjoni Ewropea. Jien semmejt x’għidt fi ħdan il-Kunsill ta’ l-Assoċjazzjoni li kien is-seba’ wieħed li kienet diġa’ għamlet Malta abbażi ta’ l-Association agreement. Jekk xi ħadd jiġi jgħidilna li se jagħmlu l-Council of Association taħt presidenza Ingliża, jien nidħak. Hawn morna pass lura! Il-Presidenza tal-Lussemburgu, proprju tlett ijiem ilu meta aħna konna fi Brussels, qalet li malli l-Gvern Malti waqqaf il-mixja ta’ Malta għad-dħul fl-Unjoni Ewropea ġie sospiż immedjatament id-djalogu strutturat bejn Malta u l-Unjoni Ewropea. Ġiet sospiża wkoll il-pre-accession strategy. Kif qalu huma stess, erġajna lura għat-trattat li kien sar minn Dr Borg Olivier f’Diċembru ta’ l-1970. Din hija r-realta'. Morna lura lejn trattat li se jagħlaq 27 sena proprju fil-5 ta’ Diċembru li ġej! Qegħdin niftaħru dwar kunsill ta’ assoċjazzjoni li qiegħed jibgħatna lura għal trattat li sar 27 sena ilu. Dan huwa d-dinamiżmu ta’ din l-amministrazzjoni li llum għandu pajjiżna. U b’dan qed jiftaħru! Ma jgħidux li għażlu din it-triq u minħabba f'hekk jeħtiġilna nerġgħu mmorru għas-sistema ta’ qabel. Din m'hijiex xi ħaġa li wieħed għandu jiftaħar biha qisu se jagħmel xi skoperta ġdida. Int trid tgħid li f’dawn ċ-ċirkostanzi m’hemm xejn x’tagħmel ħlief li tmur lura għal trattat li kien iffirma l-George Borg Olivier - Alla jagħtih il-glorja tal-ġenna - 27 sena ilu l-ġimgħa d-dieħla u li kien jikkontempla l-Council of Association. Ħadd m'għandu għalfejn jiftaħar li taħt il-presidenza Ingliża aħna se jkollna l-Council of Association. Meta tisma' dan il-ftaħir tgħid li veru morna lura u morna lura ħafna. Sur President, ħalli nħarsu ftit lejn is-sitwazzjoni li qiegħda tevolvi.
Dan il-Gvern qal li Malta se tieqaf mit-triq tagħha għad-dħul fl-Unjoni Ewropea. Qed jgħid li dan il-Gvern tela' b'żewġ għajtiet, waħda hija t-tneħħija tal-VAT u l-oħra li Malta tfittex triqat kemm jista' jkun viċini lejn l-Unjoni Ewropea pero' mingħajr sħubija. Se niċċita mid-diskors li għamel l-Onor. George Vella fl-24 ta' Novembru fejn qal:
"In Malta we do have differing and strongly held views on whether or not we should be a full member of the Union ...".
Skużi, xi tfisser "a full member of the Union"? Din ma teżistix, għax jew inti membru jew inkella m'intix. Ma tistax tgħid li inti tliet kwarti membru jew nofs membru. M'hemmx full member u non-full member. Jew tkun membru jew ma tkunx. Wieħed mir-rappreżentanti tal-kummissjoni - li naħseb tan-naħa l-oħra jafuh - qal li m'hemmx full member or non-full member, you're either in or you're out. Din il-klassifika ta' biċċa membru u membru sħiħ ma teżistix. Jien naħseb li ħadd ma jrid jinganna imma jekk aħna nippersistu f'dan mingħajr ma rridu nkunu qed ningannaw. Lill-pajjiż ma tistax tgħidlu li aħna qegħdin viċin imma ma rridux inkunu full members ta' l-Unjoni Ewropea. Din il-ħaġa ma teżistix. Jew inti membru bir-responsabbiltajiet u bil-vantaġġi kbar li għandek ta' membru, jew m'intix membru u allura toqgħod barra l-bieb u tirranġa x'tista' tibgħat, x'jistgħu jibagħtulek u kif tista' ssib soluzzjoni għal ħafna affarijiet oħra.
Il-Gvern attwali dejjem jirrepeti li aħna konna ngħidu li konna wasalna biex nidħlu fl-Unjoni Ewropea. Qalu li aħna għidna li għall-aħħar tas-seklu nkunu fl-Unjoni Ewropea. (Interruzzjonijiet) M'għandux jeċita ruħu l-Onor. George Vella! Meta Jacques Chirac u Helmut Kohl marru Varsavja qalulhom li l-Polonja se tkun membru fis-sena 2000. Il-Polonja huwa pajjiż li ilu ftit snin biss li ħareġ minn reġim komunista. Sadattant skond Chirac u Kohl, il-Polonja għandha ssir membru fl-Unjoni Ewropea fis-sena 2000. Anzi jiena nista' nikkwota x'qal Jacques Delors f'dan il-kontest fl-intervista li ta lill-gazzetta "Liberation" fl-1992. Delors kien qal hekk:
"Let us not forget that in the year 2000 we shall be more than 12, maybe a little more than 20. There is a country one forgets but which is very important as a symbol, Malta. We must not displace Europe too much towards the north while forgetting the south. We would risk losing our sensitivity to the Mediterranean world, which is our world but with present imminent dangers for the future of all of us.".
Dan hu dak li qal Jacques Delors fl-1992, li sas-sena 2000 jista' jkun hemm iktar minn 20 membru fl-Unjoni Ewropea. (Interruzzjonijiet) Jien qed nuri lill-Onor. Vella kemm hu jew ma kienx jaf x'qed jgħidu dawn in-nies jew ma ħax pjaċir jisma' dak li qalu. Semmejt rapport dwar 3,000 ruħ li se jitilfu xogħolhom. Issa ngħidlek kif se jitilfu xogħolhom dawk. (Interruzzjonijiet).
Sur President, minkejja li kont nisma' lil Delors, lil Chirac u lil Kohl jitkellmu hekk, jien xorta kont ngħid lil kulħadd li t-triq għal Malta li tkun fl-Unjoni Ewropea m'hijiex għall-wita. Jien se niċċita verbatim mid-diskors li għamilt fil-konferenza ta' l-ambaxxaturi hawn Malta f'Awissu ta' l-1995 - huwa dnub li din il-konferenza ma reġgħetx saret din is-sena imma dik hija responsabbilta' tal-Ministru - ħalli ħadd ma jaħseb li jien fl-1995 għidt l-affarijiet li l-Onor. Vella, li suppost għamel ir-research work tiegħu, qed jgħid li għidt. Jien dakinhar għidt hekk:
"The fact is that the ultimate objective is still to be achieved. It is now clearly in sight and the path towards this achievement, though still uphill, is well demarcated. Nevertheless we are not yet there and it would be unwise for anyone of us in the sometimes natural euphoria which accompanies the successful fulfilment of intermediate steps in the process, ever to lose sight of the fact."
Jien dejjem kelli saqajja ma' l-art. Jien għadni sal-lum insegwi l-iżviluppi interni li għaddejjin hemmhekk u nitkellem mal-kummissarji Ewropej regolarment. Għadni kemm ġejt minn hemmhekk fejn tkellimt ma' Sir Leon Brittan, mal-kummissarju l-ieħor Marcelino Oreja u naturalment ma' nies oħra involuti f'dak li jiġri hemmhekk. Wara kollox huwa dover tagħna li bħala politiċi Maltin insegwu x'inhu jiġri.
It-triq ta' Malta fl-Unjoni Ewropea hija t-triq li konna naslu għaliha li ma kienx għal dan il-Gvern li, sfortunatament għal Malta, ħa pass li huwa kontra l-interessi tal-poplu Malti. L-Onor. Vella għandu responsabbilta' quddiem il-poplu Malti u quddiem il-posterita', li kien hu li waqqaf it-triq biex Malta tidħol fl-Unjoni Ewropea. L-Onor. Vella se jibqa' jġorr fuq spallejh din ir-responsabbilta' li qiegħed iċaħħad lil ġenerazzjonijiet ta' Maltin milli jkunu jistgħu jgħidu: Jien Malti u jien ukoll ċittadin ta' l-Ewropa. L-Onor. Vella se jibqa' jerfa' r-responsabbilta' politika għal dan l-aġir li politikament huwa irresponsabbli fil-konfront tal-poplu Malti kollu kemm hu u fil-konfront taż-żgħażagħ Maltin. Din hija irresponsabbilta' kbira ta' dan il-Gvern. Ħalli ngħidilkom x'qegħdin jipproponu dawn in-nies.
Dawn qed jgħidu li jekk Malta jkollha tidħol fl-Unjoni Ewropea, minħabba fil-kummerċ bejn Malta u l-Unjoni Ewropea, jistgħu jintilfu xi impjiegi. Fuq dan is-suġġett kien hemm diversi rapporti bħar-Ramboll Report, ir-rapport ta' Coopers & Lybrand u l-PACMAN li hu rapport tagħna stess u li għadna nistudjawh biex naraw liema industriji jistgħu jiġu affettwati. Imma ejja issa naraw x'qiegħed jipproponi dan il-Gvern. Dan il-Gvern għadu kemm mar Brussels, permezz ta' l-Onor. Vella, fejn ippropona - għax tajjeb li l-poplu Malti jkun jaf x'qed jipproponi dan il-Gvern - li jkun hemm a free trade zone. Issa anke hawn lanqas jafu xi jridu! Għaliex qed ngħid hekk? Għaliex fil-misson statement ta' dan il-ministeru jissemma a free industrial zone. Mela l-Gvern mhux qed jitkellem fuq free trade zone, kif jifhem u jaf kulħadd, imma qed jitkellem dwar free industrial zone, jiġifieri għall- prodotti industrijali biss. Hekk kienu qed jgħidu sa ftit ilu. Imbagħad donnu meta marru l-Unjoni Ewropea staqsewhom xi tfisser "free industrial zone" u ladarba m'hemmx ikkontemplat a free industrial zone, il-Gvern reġa' lura minn dak li kiteb fl-estimi bħala l-mission statement ta' l-European Directorate u l-free industrial zone issa saret free trade zone. Li jkollna a free trade zone ifisser li l-oġġetti kollha mill-Unjoni Ewropea jkunu jistgħu jiġu hawn Malta u l-oġġetti kollha Maltin ikunu jistgħu jidħlu fl-Ewropa. Dan fi żmien ħames snin u xi wħud fi żmien seba' snin. X'se jkun l-impatt fuq l-industrija tagħna? L-industriji li huma ppreparati se jkollhom il-vantaġġ li minn suq ta' 400,000 ruħ se jkollhom suq ta' 400 miljun ruħ li altru li għandhom bżonnhom. Xi industriji oħrajn għandhom bżonn l-għajnuna biex jagħrfu l-isfidi tal-free trade zone u xi industriji oħrajn jistgħu jibqgħu ħajjin għal ftit, pero' m'għandhomx futur. Għalhekk jeħtieġ li dawn wieħed iħares lejhom b'mod differenti. Din hija r-realta'.
L-Onor. Vella, bħala ministru ta' l-affarijiet barranin u bħala individwu, mar l-Unjoni Ewropea u qed jitlobhom biex jagħmlu a free trade zone ma' Malta. L-ewwel ipproponew a free industrial zone imbagħad saret a free trade zone. Nirrepeti, a free trade zone tfisser li Malta tkun miftuħa għall-importazzjoni ta' l-oġġetti kollha mill-Unjoni Ewropea bla protezzjoni. Dan hu li se jgħid fir-rapport dwar kif nirristrutturizzaw l-industrija tagħna għaċ-challenge ta' l-Unjoni Ewropea. Lili pprova jnassassni mal-pajjiż li bagħtuli rapport li jgħid li se jintilfu 3,000 job. X'qalulhom ukoll? Qalulhom li free trade tfisser ukoll free service. U dan il-gvern x'għamel? Għamel il-customs tariff, is-CET. Staqsewh ukoll fuq id-dwana. Għax jekk inti trid tagħmel free trade, kif tista' tagħmel id-dwana. Din x'razza ta' politika qegħdin titkellmu fuqha intom? Jekk inti tagħmel id-dwana ma tridx free trade. U hekk qalulu ta' l-Unjoni Ewropea. Imma mhux hekk biss qalulu. Biex iġibu kollox on par se jagħmlu taxxa - sejħilha excise biex ma jsejħilhiex customs - għall-imports mill-Unjoni Ewropea u fuq l-affarijiet li jsiru hawn Malta, nagħmlu l-istess taxxa u allura hekk jiġu draw. Allura din mhux VAT? X'se jagħmel biex jipproteġi lill-industrija lokali? Biex jagħmel din il-free trade zone il-Gvern se jerġa' jagħmel turn around kbira ħafna u jerġa' jdaħħal il-VAT. Għaliex? Għaliex se jagħmel taxxa fuq l-imports u taxxa fuq il-prodott li jsir hawn Malta. Dan il-Gvern trasparenti u modern neħħa l-VAT għaliex qal li ma riedx li jintaxxa l-prodott Malti u issa se jagħmel taxxa fuq il-prodott Malti, l-istess bħat-taxxa fuq l-importazzjoni minn barra, u dan se jagħmlu biex jiġu draw. Dan huwa ingann fil-konfront tal-pajjiż. Se ssir taxxa fuq il-prodotti li jsiru hawn Malta ugwali għal-taxxa fuq il-prodott li jiġi importat. Allura din mhux VAT tissejjaħ? Minflok VAT sejjaħtlu CET. Issa din x'se tgħidilha, CET internal product? Din lill-poplu Malti ma qaluhielux. Veru li pproponejtu li tagħmlu taxxa ta' 15% - daqs it-taxxa fuq l-importazzjoni mill-Unjoni Ewropea - fuq il-prodott lokali? Veru jew mhux veru? Dawn iridu a free trade zone u mhux iktar a free industrial zone. Free trade tfisser free services ukoll. Allura x'se jiġri? Huwa faċli ħafna li tinduna x'se jiġri.
L-Onor. Vella għandu r-responsabbilta' quddiem il-poplu Malti għad-dħul tal-free trade, li hija forma ta' customs union taħt isem ieħor. Pero' din m'hijiex customs union, hija agħar minn hekk. Din hija sistema li timponi taxxa fuq il-prodott domestiku. Jekk issir libsa hawn Malta, se jkollha fuqha l-istess ammont ta' taxxa daqs libsa li tiġi importata. Dan hu li se jipprovaw jagħmlu. Mhux hekk biss, anzi komplew jgħidu li se jneħħu l-levies kollha. Dawn li pprovaw jagħmlu kapital minn miżura limitata ta' tneħħija tal-levies, issa qegħdin jgħidu li se jneħħu l-levies kollha u jagħmlu taxxa fuq il-prodott Malti. Dan huwa l-aġir ta' l-Onor. Vella. Qed nirriferi għall-Onor. Vella fil-kwalita' tiegħu ta' ministru ta' dan il-gvern u mhux fil-kwalita' tiegħu personali, għax l-Onor. Vella huwa bniedem korrett u għandu l-merti tiegħu. L-Onor. Vella x'qed jgħid? Qed jgħid li mhux biss irridu l-free trade imma se nagħmlu taxxa fuq il-prodotti li jsiru f'Malta li tkun daqs it-taxxa li se ssir fuq dawk il-prodotti li jidħlu minn barra. Pero' aħna se se nagħmlu iktar minn daqshekk. Dan huwa pass limitat, pero' barra minn hekk qed niċħdu s-saħħa politika u s-saħħa ekonomika li Malta jkollha bi dħul fl-Unjoni Ewropea.
X'qiegħed jgħid verament dan il-Gvern? Ħalli nipprovaw nifhmu l-loġika - dejjem nassumu li hemm loġika - fl-aġir ta' dan il-Gvern. Dan ma qalx biss li jrid joqgħod barra mill-Unjoni Ewropea. Kieku kien hekk, l-Unjoni Ewropea kienet tagħtina sistema ta' kwoti pjuttost ġenerużi. Per eżempju għall-birra l-Gvern ta' qabel kien innegozja kwota qawwija, allavolja mbagħad kien sab xi diffikulta'. Imma issa għal affarijiet bħalma huma l-gallettini u affarijiet oħra, se jkollna nneħħu l-protezzjoni kollha. (Interruzzjonijiet) Intom għaxxaqtuha! Inti mort tgħidilhom li se tneħħu wkoll il-levies u li waqt li huma jonoraw l-obbligi fi żmien sentejn jew tliet snin, aħna nieħdu xi ħames snin jew iżjed. Din il-proposta lil ta' l-Unjoni Ewropea m'għoġbithomx. Imma ħalli ninsew dan. Jiena naf x'qalulkom, u qed ngħidilkom x'qalulkom. Qalulkom iżjed minn hekk imma s'issa qed ngħidlek dan biss. (Interruzzjonijiet) Aħna m'għandniex għalfejn nippompjaw. Aħna ma morniex nippompjaw imma morna ngħinuk. Aħna għinnikom mhux biex ngħinu lilkom, imma biex ngħinu lill-poplu Malti. Il-miljuni aħna ġibniehom għal poplu Malti permezz tal-protokoll. Aħna morna ngħidulhom biex dawk il-flus jingħataw xorta waħda, allavolja kienu intiżi biex Malta tiġi megħjuna tidħol fl-Unjoni Ewropea. Inti suppost li tafu dan għax kont preżenti. Jiena għidtilhom - u dan għidtu f'isem l-Oppożizzjoni u fl-apert, biex jużaw il-metodi kollha li hemm bżonn biex dawk il-fondi jingħataw xorta waħda lill-istudenti u lill-industrija tagħna. Hekk għidnielhom aħna u dan m'għamilniehx b'rispett lejkom li qed tiċħdu l-futur lil uliedna imma b'rispett lejn uliedna. Aħna Oppożizzjoni leali mhux lejk imma lejn il-poplu Malti kollu kemm hu, u għalhekk lill-Unjoni Ewropea għidnielha dawn l-affarijiet kollha. Sur President, dawn se jbigħu lilhom infushom lill-Unjoni Ewropea fil-forma ta' free trade mingħajr ma jieħdu l-vantaġġ tas-saħħa politika, ta' l-għajnuna ekonomika u ta' miljuni kbar ta' liri li Malta tkun intitolata għalihom minn meta jibda l-proċess ta' l-adeżjoni. Dan li qed jagħmlu tan-naħa l-oħra u hawn hu n-nuqqas ta' ħsieb u n-nuqqas ta' loġika. Hawn huwa n-nuqqas ta' korrettezza lejn pajjiżna. Inti trid il-free trade, fuq il-prodotti li jsiru hawn Malta se tagħmel taxxa daqs it-taxxa fuq il-prodotti li jidħlu minn barra, imbagħad tiċħad il-poter politiku li jkollok li kieku tkun membru. Inti qed tiċħad għajnuna ekonomika ta' ħafna iżjed minn Lm45 miljun fis-sena mis-sena 2000. Dan qed ngħiduh, Sur President, mhux biex nimpikaw magħhom imma biex forsi nsibu t-triq ta' politika barranija komuni.
Komplu b'din it-triq pero' tagħlqux il-bieb l-ieħor tas-sħubija. Jekk din it-triq twasslek sa stazzjon u jkun fadal biċċa triq oħra, forsi 'l quddiem naslu għaliha. Jidher li n-negozjati ta' l-Unjoni Ewropea ma' pajjiżi oħrajn se jieħdu fit-tul. Jekk in-negozjati ta' Malta huma marbuta man-negozjati ta' l-oħrajn, se jgħaddi ċertu ammont ta' żmien. Mela dan hu li nistgħu nagħmlu. Dan li tridu tagħmlu intom, free trade zone, m'huwiex inkompatibbli mat-triq finali li aħna nemmnu fiha. (Interruzzjonijiet) Qed ngħidlek li qed tagħmel ħażin illi ma torbotx dan kollu mas-saħħa politika u s-saħħa ekonomika. Dak li qed tagħmel s'issa jkun tajjeb jekk 'il quddiem torbtu mas-saħħa politika u ekonomika li jkollok jekk tkun membru. Qed nipprova nfiehem lill-kollega tiegħi li aħna qed ngħidu li rridu aktar minn daqshekk. Aħna għandna dritt nieħdu parti fin-negozjati għad-dħul ta' Malta fl-Unjoni Ewropea. Dan id-dritt huwa tagħna u intom qed ittellfuh lill-poplu Malti. Aħna qegħdin ngħidu lin-naħa l-oħra biex inkomplu bin-negozjati, jekk imbagħad dawn ma jkunux jaqblu għalina, ma nqabblux. I am on record li għidt li l-Unjoni Ewropea mhijiex l-unika alternattiva. Hija l-aħjar alternattiva pero' mhijiex l-unika alternattiva. Imma hemm in-negozjati u allura għaliex għandna nitilfu dritt li huwa tagħna? Taħsbu li kien faċli li niksbu d-dritt li jibdew in-negozjati sitt xhur wara li tintemm il-Konferenza Inter-Governattiva? Dak ksibnieh għal Malta kollha u mhux għalina. Isiru n-negozjati, jekk jaqbel inqabblu u jekk ma jaqbilx ma nqabblux. Min-negozjati joħroġ pakkett li nissottomettuh lill-poplu Malti f'referendum. F'xi artiklu li ktibt għidt li Harold Macmillan u warajh il-Gvern Laburista, meta riedu jidħlu fl-Unjoni Ewropea kienu jinsistu dejjem għan-negozjati għax meta tinnegozja tkun taf jaqbillekx jew le. Meta jkollok it-terms, jekk jaqbillek ħudhom, u jekk ma jaqbillekx irrifjutahom u għidilhom li se ssib triq oħra. Hekk għandna nagħmlu aħna f'dan il-pajjiż. Dawn l-affarijiet għandhom isiru mingħajr piki u mingħajr ma noqogħdu nuru li aħna għandna raġun u intom għandkom tort. Jien nirrispetta l-opinjoni tiegħek bħalma jien nispera li anke inti tirrispetta l-opinjoni tiegħi imma dak li qed ngħidlek jien huwa loġika u mhux kwestjoni ta' opinjoni.
Jien nemmen, Sur President, li l-politika barranija għandha tkun waħda komuni. Jien nemmen li hu fl-interess ta' Malta li nitkellmu b'vuċi waħda. Hemm bżonn nitgħallmu nifhmu lil xulxin iżjed u naraw flimkien x'inhu l-aħjar għal artna. Jeħtieġ li għal dak li jirrigwarda l-Ewropa nagħmlu bħalma għamilna fin-Nazzjonijiet Uniti, fis-CSCE - illum l-OSCE - u fil-kontest tal-Mediterran. Dan huwa importanti aktar u aktar meta l-Ewropa tifforma iktar minn 80% ta' l-importazzjoni tagħna, madwar 80% ta' l-esportazzjoni tagħna u madwar 90% tat-turiżmu tagħna. Id-dipendenza tal-lira Maltija qiegħda f'basket imsaħħaħ ħafna minn currencies Ewropej. Dan hu l-għaqal u l-appell tiegħi mhuwiex għall-firda imma għall-għaqda. L-appell tiegħi huwa biex flimkien insibu soluzzjoni li biha jgawdi l-poplu Malti. Dan hu li rridu nagħmlu jekk irridu li Malta tkun verament f'qalbna u f'għemilna. Hekk nemmen jien, Sur President.
Yüklə 372,25 Kb.

Dostları ilə paylaş:
1   2   3   4




Verilənlər bazası müəlliflik hüququ ilə müdafiə olunur ©muhaz.org 2024
rəhbərliyinə müraciət

gir | qeydiyyatdan keç
    Ana səhifə


yükləyin