Malta debates tal-kamra tad-deputati (Rapport Ufficjali u Rivedut)



Yüklə 430,19 Kb.
səhifə5/8
tarix03.01.2019
ölçüsü430,19 Kb.
#88944
1   2   3   4   5   6   7   8

AĠĠORNAMENT



ONOR. JOE MIZZI: Nipproponi l-Aġġornament tal-Kamra għal għada, it-Tlieta 24 ta' Marzu fis-6.00 p.m. b'din l-aġenda:
Ordnijiet tal-Ġurnata
Abbozz ta' Liġi dwar il-Logħob - it-Tielet Qari;
Abbozz ta' Liġi dwar Servizzi tat-Turiżmu għal Malta - it-Tieni Qari (Kont.);
Abbozz ta' Liġi li jemenda l-Att dwar Tribunal għal Talbiet Żgħar - it-Tieni Qari;
Abbozz ta' Liġi dwar Brokers fl-Assigurazzjoni u Intermedjarji oħra - it-Tieni Qari (Kont.);
Abbozz ta' Liġi dwar il-Kummerċ ta' l-Assigurazzjoni - Kumitat;
Abbozz ta' Liġi li jemenda l-Att dwar Dazju tas-Sisa (Emenda Nru 4) - it-Tieni Qari;
Abbozz ta’ Liġi dwar Taxxa Speċjali fuq Banek Kummerċjali – it-Tieni Qari;
Abbozz ta' Liġi li jemenda l-Att dwar Taxxa tar-Reġistrazzjoni ta' Vetturi bil-Mutur (Emenda Nru 3) - it-Tieni Qari;
Abbozz ta’ Liġi li jemenda Diversi Liġijiet dwar it-Telekomunikazzjoni – it-Tieni Qari;
Abbozz ta’ Liġi dwar is-Sigurta’ fl-Ajruportijiet u fl-Avjazzjoni Ċivili – it-Tieni Qari;
Abbozz ta' Liġi dwar il-Protezzjoni Ċivili - it-Tieni Qari;
Abbozz ta' Liġi li jemenda l-Att dwar il-Ħabs - it-Tieni Qari;
Abbozz ta' Liġi dwar il-Forzi tal-Pulizija ta' Malta - it-Tieni Qari;
Abbozz ta' Liġi kontra l-Korruzzjoni - it-Tieni Qari (Kont);
Abbozz ta’ Liġi li jemenda l-Ordinanza dwar il-Pensjonijiet – it-Tieni Qari; u
Riżoluzzjoni tal-Kap ta' l-Oppożizzjoni dwar Malta u l-Unjoni Ewropea – Kontinwazzjoni.
THE DEPUTY SPEAKER: Grazzi. Hemm rimarki? L-Onor. Jeffrey Pullicino Orlando.
ONOR. JEFFREY PULLICINO ORLANDO: Sur President, kif jaf kulħadd illum infetħet is-2nd WTDC 1998. Din il-konferenza hija organizzata mill-ITU u għaliha se jattendu 1,000 delegat mid-dinja kollha, fosthom ministri ta' pajjiżi barranin li huma responsabbli mill-qasam tat-telekomunikazzjoni. Dawn id-delegati se jiddiskutu l-iżviluppi li għandhom jieħdu t-teknoloġiji f'dan il-qasam għall-futur. Illum ma xtaqtx niffoka fuq xi riżervi li tkellimt dwarhom f'dan il-Parlament f'okkażjonijiet oħra, fosthom kif tlifna l-opportunita` li nospitaw il-world policy forum immedjatament wara din il-konferenza, jew fuq ir-riżervi tiegħi dwar kif inġabru l-isponsorships għal din il-konferenza imma xtaqt niffoka fuq l-aspetti pożittivi ta' dan l-avveniment.
Fil-1st WTDC 1994 li saret f'Buenos Aires, il-parti l-kbira tad-delegati aċċettaw l-istedina kemm tal-Gvern Malti kif ukoll tat-Telemalta biex is-2nd WTDC tiġi ospitata f'pajjiżna. Dan kien unur kbir għal pajjiżna meta wieħed iqis li kien hemm pajjiżi oħrajn li kienu qed jikkompetu magħna għal dan l-unur, u speċjalment fid-dawl ta' dak li ntqal fuq Malta fl-ITU world telecommunications development report, fejn qalu hekk:
"Malta has gradually graduated into the ranks of the telecommunications developed economies. In the past it was a recipient of technical assistance but today it is in a position to be itself a provider of help."
Kwotazzjoni oħra mil-ITU world telecommunications development report tgħid hekk:
"Other factors behind Malta's success include government commitment, a commercially sound operator and international co-operation. Government has been supportive, recognising that telecommunications are important for Malta's service-oriented economy".
Dan huwa ċertifikat għall-impenn li wera l-Gvern Malti biex iġib lil pajjiżna 'l quddiem f'dan il-qasam. Kif qed jgħid tajjeb dan ir-rapport, il-Gvern Malti kkonċentra b'mod qawwi fuq dan il-qasam għax għaraf li l-futur ekonomiku ta' pajjiżna kien jiddependi b'mod sostanzjali mill-iżvilupp fil-qasam tat-telekomunikazzjoni. Ħadt gost naqra dak li qal Pekka Tarjanne, Segretarju Ġenerali ta' l-ITU, għax qal li t-tir ewlieni ta' din il-konferenza huwa li naraw kif nagħmlu biex is-servizz tat-telephone isir aċċessibbli għall-akbar persentaġġ possibbli tal-popolazzjoni mondjali. Tarjanne qal ukoll li l-aim hija li t-telephone density f'pajjiżi li qed jiżviluppaw tirdoppja u hemm it-tir li l-household telephone penetration titripplika fis-snin li ġejjin. Dan huwa sinjal ta' l-impenn ta' l-ITU biex kemm jista' jkun jagħtu spinta għall-iżvilupp tat-telekomunikazzjoni, speċjalment f'pajjiżi li qed jiżviluppaw.
M'hemmx għalfejn ngħid li hemm diversi benefiċċji assoċjati ma' l-iżvilupp fil-qasam tat-telekomunikazzjon, fosthom benefiċċji ekonomiċi. Ta' min jgħid li llum il-ġurnata ma jistax ikollok żvilupp ekonomiku sostenibbli fil-pajjiż jekk ma jkollokx qasam ta' telekomunikazzjoni żviluppat kif suppost. Illum it-telekomunikazzjoni hija essenzjali mhux biss biex wieħed ikun jista' jikkomunika ma' pajjiżi barranin imma anke minħabba r-rata mgħaġġla ħafna ta' żvilupp f'dan il-qasam mill-aspett industrijali. Benefiċċju ieħor huwa fil-qasam ta' l-edukazzjoni u għalhekk tajjeb li wieħed ifaħħar l-impenn li l-ITU qed juru biex dan il-qasam jitjieb fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw. Illum nafu kemm il-qasam ta' l-edukazzjoni huwa kompletament dipendenti fuq li jkollok settur tat-telekomunikazzjoni b'saħħtu. Ta' min isemmi sistemi bħall-internet, li hija għodda tant essenzjali għall-edukazzjoni, għax illum fuq l-internet wieħed isib informazzjoni fuq kwalunkwe materja li jixtieq jinvestiga. Xtaqt insemmi wkoll kif il-qasam tat-telekomunikazzjoni huwa tant marbut mas-settur tal-mediċina, speċjalment permezz tas-sistema tat-telemedicine. Nieħu gost nara li l-Maltacom qed tkompli fuq l-inizjattivi tat-Telemalta, li jekk Alla jrid se jżommu lil dan il-pajjiż abreast ma' l-iżviluppi kollha li jseħħu f'dan il-qasam.
It-telekomunikazzjoni twassal biex kull rokna tad-dinja, anke l-iktar rokna remota, tista' tqis ruħha bħala parti mill-global village. GĦalkemm fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw, speċjalment fl-ibliet kapitali, jidher li l-iżvilupp sar b'mod relattivament mgħaġġel u qed iżomm ruħu abreast ma' l-iżvilupp li wieħed isib f'pajjiżi żviluppati, wieħed isib li f'areas iktar remoti, li ħafna drabi jospitaw madwar 75% u 80% tal-popolazzjoni ta' dawn il-pajjiżi, il-qasam tat-telekomunikazzjoni qed isib diffikultajiet kbar biex jagħmel headway. Ħafna pajjiżi li qed jiżviluppaw qed jinvestigaw kif permezz ta' sistemi moderni jistgħu jegħlbu ċerti diffikultajiet li wieħed jiffaċċja meta jiġi biex jifrex is-sistema eżistenti tat-telekomunikazzjoni tal-pajjiż minħabba l-areas kbar involuti. Fil-fatt ħafna pajjiżi li qed jiżviluppaw qed jinvestigaw is-sistema tal-mobile telephony bħala alternattiva għal fixed telephony għal areas remoti. Ta' min ifaħħar ukoll l-inizjattiva li ssuġġerixxa Ahmed Laouyane, id-direttur tat-telecommunications development bureau, fejn qed jgħid li l-ITU qed timmira biex tnaqqas id-distakk enormi bejn il-pajjiżi żviluppati u dawk li qed jiżviluppaw, u qed jittama li dan isir sal-bidu tal-millennju l-ġdid. Ta' min isemmi wkoll li wieħed mill-ko-awturi tal-world telecommunications development report, is-Sur Michael Minges, fakkar kif Malta kienet saret mudell għat-teledensity. Dan huwa ċertifikat ieħor ta' l-eċċellenza li laħaq dan il-pajjiż f'dan is-settur daqstant importanti. Grazzi, Sur President.
THE DEPUTY SPEAKER: Grazzi. Aktar rimarki? L-Onor. Joe Psaila Savona.
ONOR. JOE PSAILA SAVONA: Sur President, nhar l-Erbgħa li ġej il-Prim Ministru se jkollu laqgħa mas-settur privat u ma' dawk kollha interessati fil-proġett tal-millennju. Naf li sar ħafna diskors fuq dan il-proġett imma tant hu importanti li m'għandna nagħmlu xejn li jżomm milli jkollna proġett li jixraq lil pajjiżna.
L-ewwel darba li smajt b'dan il-proġett bejni u bejn ruħi għidt li fl-aħħar wara 50 sena se jerġa' jkollna dak li missierijietna kienu kburin bih, jiġifieri teatru li jħabbatha ma' l-aqwa, sit ta' kultura li tagħmilna poplu komplet u post ta' rikreazzjoni li jaljenana xi ftit mix-xogħol u l-iskariġġ tal-ġurnata. Veru li x-xogħol tagħna huwa li nikkritikaw lill-Gvern imma nħoss li jekk dan il-Gvern se jirnexxilu jagħti dan kollu lill-poplu Malti allura rridu naqlgħulu l-kappell. Jekk se jsib il-flus biex jibni t-teatru u jsib il-formola kif jikkombina l-ħteġijiet kulturali tal-lum mal-grandjosita` tal-passat, allura trid verament tifraħlu.
Tista' timmaġina x'tisbita ħadt u kemm iddiżappuntajt ruħi meta realizzajt li minn dan kollu ma kien se jiġri xejn. Il-kliem bombastiku tal-Prim Ministru - meta kien qal: Se nagħmlu dak li ma kenux kapaċi jagħmlu gvernijiet ta' qabilna u se jkollna l-kuraġġ nieħdu deċiżjoni - kien ġera bija. Daħak bija bħalma kien tant kapaċi jidħak b'ħafna nies oħrajn. Fil-verita` ma sab ebda soluzzjoni, m'hu se jagħtina ebda teatru, ma sabx finanzjament u se joħloq iktar problemi u se jirrovina prime site, bħalma kienet ġiet irrovinata prime site oħra bil-housing estate ta' Bieb il-Belt. X'inhuma l-problemi tal-bini ta' din l-art? GĦaliex gvernijiet oħra qatt ma kienu sabu tarf u tul 50 sena qatt ma ttieħdet deċiżjoni?
Apparti l-fatt li kien hemm prijoritajiet oħra biex Malta tqum fuq saqajha ekonomikament u biex il-poplu Malti jibda jakkwista livell ogħla ta' għixien, il-problemi tal-bini tat-Teatru Rjal kienu essenzjalment tnejn, ċioe' kif se tikkombina proġett adattat għall-ħteġijiet tal-lum u kif se tiffinanzjah. Pero' dejjem ried ikun hemm il-mira li jkun post kulturali li jikkompara mat-Teatru Rjal li kellna qabel. M'għandniex xi ngħidu din kienet somma diffiċli biex taħdimha u mhux ta' b'xejn li gvern wara l-ieħor m'għarafx jaħdimha. U naħseb li kellna għorrief fil-gvernijiet ta' qabel, li kellhom il-materia grigia f'rashom, li jaslu għal deċiżjoni bħalma qal li wasal il-Gvern tal-lum. Il-Gvern qed jgħid li għandu l-kuraġġ, iddeċieda, wasal fejn oħrajn ma waslux u sab is-soluzzjoni bla ma ħadem il-problema. X'finanzjament sab? X'kultura se joħloq? X'iddeċieda? Tefa' l-problema f'ħoġor ħaddieħor! Hu m'hu se jagħmel xejn, ħaddieħor se jagħmel kollox. Forsi m'hemm xejn ħażin li tħalli lil ħaddieħor jaħdem u inti toqgħod gallerija. Imma ħaddieħor mhux baħnan għax ta' xogħlu u tal-flus li se jinvesti se jieħu żewġ terzi tal-lokal, mhux biex iservi ta' żvog kulturali u rikreattiv għall-poplu - issa dak m'għadux jiġi l-ewwel! - imma biex jagħmel business minnu. Kulħadd jaf li jrid ikollok eluf kbar ta' liri biex ikollok ħanut il-Belt. Dan il-Gvern ma jridx jidħol hu għal dan ix-xogħol għax m'għandux ideat u irid jitgħażżen u allura se jbigħ żewġ terzi ta' art prima biex ħaddieħor jagħmel il-belli liri.
Dan il-Gvern, Sur President, se jbigħ ruħ il-poplu biex ikollu terz ta' dak li kellu, biex ikollu auditorium, sala għal teatrin. Il-poplu qed jiġi misruq għax din kollha proprjeta` tal-poplu u mhux sew li l-poplu jinsteraq minn patrimonju bħal dan biex gvern jiddandan li solva xi problema u taparsi jagħmel proġett. Kulħadd kien jaf jagħmel hekk. Mhux ta' b'xejn li ebda gvern ieħor ma daħal għal soluzzjoni bħal din għax gvernijiet ta' qabel kellhom kuxjenza u ma ridux jisirqu lill-poplu. Is-sit tat-Teatru Rjal huwa kollu tal-poplu u għandu jibqa' kollu tal-poplu. Dan kien ir-ruħ kulturali tiegħu u hekk għandu jibqa'. Ħadd m'għandu d-dritt li jisraqlu biċċa minnu, żgħira kemm hi żgħira, aħseb u ara żewġ terzi minnu! X'seta' jsir?
Bi ftit sagrifiċċju, daqsxejn ħsieb u ħafna għaqal seta' jsir dak li jixirqilna, jiġifieri teatru li jħabbatha ma' l-aqwa fil-Mediterran u fl-Ewropa, li jiġbed l-aqwa artisti tad-dinja, artisti li jkunu kburin jgħidu li taw esebizzjoni f'teatru ewlieni. Imma biex dan ikun possibbli ma jridx ikun teatru tas-Sależjani li jkun tajjeb biss għat-teatrin - u qed ngħid dan bl-ebda dispett lejn is-Sależjani - imma jrid ikun teatru li jkollu seating capaċity sostanzjali u jrid ikollu spazju għal backstage daqskemm ikollu għal pultruni fuq quddiem. Jekk trid tiġbed artisti kbar trid tagħtihom dressing-rooms prestiġjużi u servizzi anċillari mill-aqwa. Naħseb li nistgħu niġbdu artisti bħal Pavarotti, Celine Dion, Ricciarelli u Streisand lejn Malta jekk noffrulhom post prestiġjuż li jikkumplimenta l-image tagħhom. Jekk niġbdu artisti ta' din il-kwalita` jkollna teatru ta' kwalita` li jkun dehen bħala proġett tal-millennju, proġett li jista' jiffinanzja lilu nnifsu għax jaf joħloq industrija oħra f'dan il-kamp. Teatru serju u ta' prestiġju jkun irid xogħlijiet oħra biex jinħolqu l-props tant meħtieġa għal musicals moderni li naraw fi Broadway jew fil-West End ta' Londra. Tinħoloq il-ħtieġa ta' xogħol ta' mastrudaxxa u tapezzar, il-ħtieġa ta' skola tad-drama u tal-mużika li tikkumplimenta dak li jkun qed isir fuq l-istage u jinħolqu affarijiet li jibdew jgħollu l-livell tar-radju u tat-televiżjoni. Ħaġa tibda tiġbed lill-oħra. Dan għandu jkun il-proġett tal-millennju, mela supermarket!
M'għandniex għalfejn naqtgħu qalbna għax illum l-introjtu li għandha l-Ingilterra mit-teatru hija ħaġa li ftit ta' snin ilu l-ebda Ingliż ma kien joħlom biha. L-Ingilterra kienet saħħa ewlenija f'dak li għandu x'jaqsam ma' banek, f'dak li huwa azzar u servizzi finanzjarji imma qatt ma kien hemm xi Ingliż li kien jippretendi li huwa se jkun xi awtorita` fil-qasam kulturali jew dak mużikali. Madankollu, bl-inizjattiva li ħadet, l-Ingilterra llum saret ċentru ewlieni ta' kultura, ta' mużika u ta' teatru bi dħul finanzjajru fenomenali. Mhux hekk biss imma llum l-Ingilterra qed tesporta l-mużika tagħha. Fil-fatt kien hemm żmien meta fi Broadway stess u fi bliet ewlenien mad-dinja kollha, li qabel kellhom il-primat tal-mużika u l-kultura, kienu qed jintwerew musicals Ingliżi bħal "The Fanthom of the Opera", "Les Miserables", "Miss Saigon" u "Cats". X'għandha tkun l-ambizzjoni tagħna hawn Malta?
Aħna ma nippretendux li nibdew nesportaw il-prodott mużikali lokali tagħna imma jrid ikollna l-post fejn nistgħu ntellgħu esibizzjonijiet, opri, musicals importati jew lokali. Tul iż-żmenijiet rajna kemm aħna l-Maltin konna kapaċi noħolqu musicals ta' ċertu livell. Il-Maltin huma għatxana għal dawn l-affarijiet. Fid-dibattitu fuq it-turiżmu llum għidna li qed nibbażaw fuq miljun turist fis-sena. Jekk wieħed minn kull għaxra minn dawn it-turisti jattendi t-teatru li se nagħmlu jfisser li jkollna 100,000 turist fis-sena li jattendi f'dan it-teatru u allura jista' jkollna 100 rappreżentazzjoni b'seating ta' 1,000 turist kull darba. It-Teatru Manoel huwa żgħir għal dawn l-affarijiet waqt li Dar il-Mediterran mhijiex adattata għal ċertu xogħol li jirrikjedu ċerti musicals.. Għalhekk naħseb li dan il-proġett m'għandux ikun replika ta' xi ħaġa li għandna. M'għandux ikun tip ta' auditorium li jkollu seating capacity ta' ftit nies u ma jkollux post għal backstage. Illum il-ġurnata l-backstage huwa importanti daqs, jekk mhux iktar, mis-seating capacity, għax mill-backstage tkun tista' toħloq il-props li jkollhom bżonn il-musicals ta' eċċellenza li naraw illum u l-backstage jagħti dak il-prestiġju li l-artisti l-kbar jippretendu. Allura ebda area minn dan il-lokal ma tista' tinħela biex tingħata għall-ħwienet.
F'dan il-proġett tal-millennju għandna ndaħħlu iktar lill-għaqdiet artistiċi, għaqdiet volontarji u s-settur privat li jistgħu jagħtu xi kontribut. Hawnhekk nixtiequ li s-settur privat juri kemm hu kapaċi mil-lat kummerċjali, u m'hemm l-ebda raġuni għaliex is-settur privat m'għandux jidħol għal-lat kummerċjali ta' proġett bħal dan. Ma jistax jittella' proġett kulturali mingħajr ma jkun hemm il-mutur li jmexxih 'il quddiem, imma biex ikollna prodott kulturali mill-bidu sa l-aħħar ma jistax ikun li fit-teatru jkollna biċċa li tkun kulturali u biċċa li tkun kummerċjali. Fit-totalita` tiegħu l-proġett irid ikun kollu kulturali, imbagħad ħalli jkollu background kummerċjali. Illum qegħdin naraw li mhux veru li l-kultura ma tirrendix flus għax, kif għidt qabel, l-Ingilterra wrietna li taf tittraduċi l-kultura fi qligħ kbir. Il-proġett tal-millennju m'għandu jkun xejn għajr teatru mill-aqwa bil-ħteġijiet kollha li titlob l-arti, bl-aqwa teknika li teżisti llum, biex ir-riżultat awdjoviżiv jikkumplimenta dak li jkun għaddej fuq l-istage u jikkumplimenta l-wirja u l-isforz li jkun qed jagħmel l-artist. Jekk ikollna fiduċja fi proġett bħal dan allura jirnexxi imma jekk ma jkollniex fiduċja fih nistgħu ma nimbarkawx fuqu għax ma jirnexxix.
Fl-amministrazzjoni ta' qabel ma qanċaċniex biex proġetti oħra jirnexxu u jkunu mill-aqwa, kif irnexxiet it-Telemalta - li llum bħala l-Maltacom qed tirrendi flus kbar lill-pajjiż - bħalma rnexxew il-freeport u l-airport. Jekk nieħdu l-inizjattiva bħalma ħadna f'dawn il-proġetti nemmen li għandu jkollna revenue kbir għal pajjiżna. Dan kollu jaf ikun proġett li jagħtina statura oħra kulturali li jikkumplimenta dak li Malta diġa` għandha x'toffri. Aħna għandna infrastruttura kulturali qawwija ħafna u outlet bħal dan jista' jkun proġett li joħloq ħafna impjiegi, li jerġa' jagħti lill-Belt Valletta dik il-ħajja li tant hija nieqsa minnha, isaħħaħ il-media, it-television u r-radju tagħna, u jsaħħaħ il-prodott turistiku tagħna.
Nappella lill-Gvern biex nhar l-Erbgħa, meta jkun qed jikkonsidra d-dettalji differenti ta' dan il-proġett, jieħu in konsiderazjoni dak li ntqal illum. Grazzi, Sur President.
THE DEPUTY SPEAKER: Grazzi. Aktar rimarki? L-Onor. Jean Pierre Farrugia.
ONOR. JEAN PIERRE FARRUGIA: Sur President, illum ngħatajt tweġiba għal mistoqsija parlamentari li kont għamilt lill-Ministru ta' l-Edukazzjoni u fl-opinjoni tiegħi din ir-risposta tista' tkun misleading. Fit-2 ta' Marzu jien kont staqsejt lill-Ministru jekk jistax jgħid kemm ingħataw donazzjonijiet fi flus matul l-1997 mis-segretarjat parlamentari għaż-żgħażagħ, sport, kultura u arti; lil liema għaqdiet sportivi u filantropiċi; u mil-liema vot ingħatat kull donazzjoni. Fil-11 ta' Marzu l-Ministru wieġeb hekk:
"Jien informat li ma ngħatat l-ebda għajnuna finanzjarja mis-segretarjat matul il-perijodu msemmi mill-Onor. Interpellant".
Erġajt għamilt mistoqsija lill-Ministru u tlabtu jgħidli jekk "b'għajnuna finanzjarja" huwiex qed jinkludi wkoll sponsorships. Fil-fatt il-Ministru Bartolo llum wieġeb li "b'għajnuna finanzjarja" hu qed jinkludi wkoll sponsorships. Mela qed jgħid li matul l-1997 ma ngħatat ebda għajnuna finanzjajra u ma ngħataw ebda sponsorships lill-għaqdiet sportivi u filantropiċi f'pajjiżna mis-segretarjat parlamentari għaż-zgħażagħ sport, kultura u arti.
Dan jikkuntrasta ħafna ma' tweġiba oħra li ngħatat lill-kollega tiegħi, l-Onor. George Pullicino, fis-Seduta Nru. 82 li saret fl-1 ta' Lulju, meta kien staqsa lill-Ministru jekk ingħatawx kontribuzzjonijiet finanzjarji lil għaqdiet sportivi bejn Novembru ta' l-1996 u Mejju ta' l-1997. Dak inhar il-Ministru kien poġġa fuq il-Mejda tal-Kamra lista twila ta' għaqdiet sportivi li ngħataw kontribuzzjonijiet finanzjarji. Fl-Aġġornament tat-8 ta' Lulju jien kont qajjimt il-punt li mit-tmien għaqdiet lokali li ngħataw kontribuzzjoni finanzjarja, sitta kienu ġejjin mid-distretti ta' l-Onor. Evarist Bartolo kif ukoll ta' l-Onor. Joe Cilia. Dawn l-għaqdiet kienu Sliema Area Pigeon Club, il-Kumitat Festi San Ġiljan, Neptunes Waterpolo Club, Paola Hibernians Football Nursery, Kordin Tennis Club u Marsa Regatta Club.
Sur President, f'dan l-Aġġornament qed nieħu l-ewwel opportunita` li kelli biex nitlob lill-Ministru sabiex jagħti l-informazzjoni korretta għax nerġa' nsostni, kif sostnejt fil-question time ftit ta' ġranet ilu, li għandi informazzjoni li ngħatat preferenza kbira lill-għaqdiet sportivi tar-raba' distrett elettorali, f'kontribuzzjonijiet finanzjarji li jingħataw lil għaqdiet sportivi b'mod ġenerali mis-segretarjat parlamentari matul l-1997. Grazzi. Sur President.
THE DEPUTY SPEAKER: Grazzi. Sar il-ħin. Il-Kamra hija aġġornata għal għada, it-Tlieta 24 ta' Marzu, 1998, fis-6.00 p.m. bl-aġenda kif komunikata mill-Ministru Mizzi.
Fid-9.30 p.m. il-Kamra aġġornat mingħajr ma saret il-mistoqsija.


Yüklə 430,19 Kb.

Dostları ilə paylaş:
1   2   3   4   5   6   7   8




Verilənlər bazası müəlliflik hüququ ilə müdafiə olunur ©muhaz.org 2024
rəhbərliyinə müraciət

gir | qeydiyyatdan keç
    Ana səhifə


yükləyin