13199. L-ONOR. JESMOND MUGLIETT staqsa lill-Ministru tas-Saħħa, Kura ta' l-Anzjani u Affarijiet tal-Familja: Jista' l-Ministru jgħid għalfejn għadhom ma ġewx sostitwiti l-kokijiet li spiċċaw fi Frar li għadda meta diġa' saret talba għalihom?
ONOR. MICHAEL FARRUGIA: Il-Kummissjoni dwar is-Servizz Pubbliku qed tipproċessa sejħa għall-applikazzjonijiet biex jimtlew il-vakanzi ta' kokijiet fid-Diviżjoni tas-Saħħa. Malli jiġu appuntati, il-koki jitqassmu skond il-ħtieġa.
GĦAWDEX - CLERICAL WARDENS
13200. L-ONOR. VICTOR GALEA PACE staqsa lill-Prim Ministru: Jista' l-Prim Ministru jgħid għaliex il-clerical wardens għadhom ma ġewx ingaġġati ġewwa Għawdex meta f'Malta dawn ilhom li bdew jaħdmu?
ONOR. ALFRED SANT: Jiena nifhem li l-Onor. Interpellant qed jirriferi għal Ward Clerical Assistants.
Ninsab informat li l-ingaġġ f'dan il-grad għadu qed jiġi kkonsidrat.
GĦAWDEX: GĦARB - BARRIERA
13201. L-ONOR. VICTOR GALEA PACE staqsa lill-Vici Prim Ministru, Ministru għall-Affarijiet Barranin u ta' l-Ambjent.: B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari numru 12363, jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid meta nħareġ il-permess biex tintuża l-barriera għar-radam fl-Għarb? X'kienu l-25 kondizzjoni konnessi ma' dan il-permess, kif kien involut il-Kunsill Lokali ta' l-Għarb? X'sorveljanza qiegħda ssir biex ma jintefax skart li jagħmel il-ħsara u kif qed issir il-kordinazzjoni għal ħruġ ta' liċenzji oħra biex jintużaw barrieri oħra għal użu ta' radam?
ONOR. GEORGE VELLA: Jenħtieġ aktar żmien sabiex tingħata l-informazzjoni.
ŻABBAR - BDIL TA' LAMPI
13203. L-ONOR. FRANCIS AGIUS staqsa lill-Ministru tal-Finanzi u Kummerċ: Jista' l-Ministru jgħid meta se jissewwew/jinbidlu sebgħa lampi fuq double arm poles f'Girdle Road, Ħaż-Żabbar li kienu rrapportati fl-1/12/97?
ONOR. LEO BRINCAT: Il-manutenzjoni meħtieġa kienet diġa' saret fis-27 ta' Frar, 1998, iżda minn dakinhar żviluppat ħsara f'lampi oħra. Il-manutenzjoni fuq dawn il-lampi qiegħda ssir flimikien ma' xogħlijiet oħra.
DJAR - ALLOKAZZJONI TA' POST
13204. L-ONOR. JOSE' HERRERA staqsa lill-Ministru tad-Djar u Kunsilli Lokali: Jista' l-Ministru jgħid x'possibbiltajiet hemm, fil-qarib, biex tiġi akkomodata l-persuna li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament? Jaf il-Ministru li din il-persuna hija homeless u għandha tarbija?
ONOR. ALFRED PORTELLI: Jien informat illi l-applikazzjoni qed tiġi kkonsidrata, iżda peress li l-persuna trid post biss il-Belt Valletta jew il-Floriana, fejn hemm 580 applikant ieħor jistennew, hu ftit diffiċli li tingħata akkomodazzjoni malajr.
DJAR - INSPECTION
13205. L-ONOR. JOSE' HERRERA staqsa lill-Ministru tad-Djar u Kunsilli Lokali: Jista' l-Ministru jgħid meta d-dipartiment se jibgħat l-inspector sabiex issir inspection fil-fond indikat mill-persuna li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament? Jaf il-Ministru li d-dipartiment konċernat ilu li wiegħed li jsir dan xhur sħaħ?
ONOR. ALFRED PORTELLI: Jien informat illi l-ispezzjoni tal-fond indikat saret.
VALLETTA - CAMERATA - MANUTENZJONI
13207. L-ONOR. SANDRO SCHEMBRI ADAMI staqsa lill-Ministru tad-Djar u Kunsilli Lokali: Jista' l-Ministru jgħid xi proġetti hemm għat-titjib u manutenzjoni fil-Camerata, fil-Belt Valletta?
ONOR. ALFRED PORTELLI: Hu maħsub li jsiru diversi xogħlijiet fil-Camerata inkluż tibjid u upgrading tal-common parts kif sar il-Marsa. Biss billi ċertu xogħol, speċjalment dak li jinvolvi l-btieħi interni jirrikjedi l-użu ta' tower cranes, aktarx li dan ikollu jsir bil-kuntrattur flok bil-ħaddiema tad-dipartiment.
KUNSILLI LOKALI - ELEZZJONIJIET
13208. L-ONOR. JOSEPH ABELA staqsa lill-Ministru tad-Djar u Kunsilli Lokali: Jista' l-Ministru jgħid kemm kien hemm nominazzjonijiet minn kandidati għall-elezzjonijiet tal-kunsilli lokali bejn l-1993 - 1998?
Kemm kien hemm nominazzjonijiet ta' kandidati taħt l-20 sena; taħt it-30 sena; taħt it-30 u s-60 sena u pensjonanti?
Kemm minnhom kienu nisa u rġiel f'dawn il-kategoriji ta' eta'?
X'kien in-numru ta' nominazzjonijiet minn kull lokalita' f'kull elezzjoni rispettiva u kemm kien hemm minnhom ġejjin minn partiti politiċi, indipendenti u għaqdiet?
Kemm minnhom ġew eletti, f'liema kategoriji ta' eta', kemm kien hemm nisa u rġiel u kemm kien hemm ġejjin minn partiti politiċi, indipendenti u għaqdiet?
Kemm minnhom irriżenjaw jew mietu, minn liema lokalitajiet, taħt liema kategorija ta' eta' jaqgħu u jekk kenux nisa jew irġiel?
ONOR. ALFRED PORTELLI: Peress li din l-informazzjoni hija waħda li tikkonċerna lill-Kummissjoni Elettorali nitlob lill-Onor. Interpellant jagħmel il-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.
QRENDI - FTUĦ TA' TRIQ
13209. L-ONOR. JOE FARRUGIA staqsa lill-Ministru tax-Xogħlijiet Pubbliċi u Kostruzzjoni: Jista' l-Ministru jgħid meta se jittieħdu passi biex jinfetaħ l-aċċess tat-triq minn Sqaq Nru. 3 fi Triq Gwarena għal ġo Triq Gutenberg, Qrendi? Milli jidher dan l-aċċess ġie miċħud lin-nies tal-Qrendi minn xi ħadd li abbużivament waħħal xatba biex jagħlaq is-sqaq u l-ingombru tħalla minkejja l-protesti tal-pubbliku matul is-snin.
ONOR. CHARLES BUHAGIAR: Peress li l-parti mill-isqaq li hija magħluqa hi privata, iridu jsiru l-proċeduri neċessarji biex din l-art tinxtara għal skop pubbliku.
MIA - ĦANUT TA' L-AIR SUPPLIES
13210. L-ONOR. CARMELO ABELA staqsa lill-Ministru tat-Turiżmu u s-Self-Employed: Jista' l-Ministru jgħid jekk hux veru li l-ħanut ta' l-Air Supplies fid-duty free ta' l-Ajruport Internazzjonali ta' Malta, nhar is-17 ta' Marzu, 1998 ġie mżejjen bi bnadar u kuluri Irlandiżi?
Jekk iva, minn ta din l-ordni u min ħa ħsieb dan it-tiżjin?
Hija policy li l-Air Supplies tagħmel hekk anke f'okkażjonijiet oħra?
ONOR. KARMENU VELLA: It-tweġiba hija fl-affermattiv. Il-management ta' l-Air Supplies għandu programm ta' relazzjonijiet pubbliċi għal numru ta' ġranet u festi internazzjonali matul is-sena.
NEGOZJATI - FTEHIM TA' TASSAZZJONI DOPPJA
13211. L-ONOR. CHRIS CARDONA staqsa lill-Ministru tal-Finanzi u Kummerċ: Jista' l-Ministru jgħid wara l-elezzjoni ta' l-1996, kemm ġew negozjati ftehim ta' tassazzjoni doppja?
ONOR. LEO BRINCAT: Minn wara l-elezzjoni ta' l-1996 sal-lum, saru negozjati ma' disa' pajjiżi differenti rigward ftehim dwar tassazzjoni doppja. In-negozjati ġew konklużi f'livell tekniku f'seba' każi, waqt li f'żewġ każi oħra fadal xi punti li għad iridu jiġu diskussi qabel in-negozjati jiġ konklużi.
DJAR - XIRI
13212. L-ONOR. CARMELO ABELA staqsa lill-Ministru tad-Djar u Kunsilli Lokali: Jista' l-Ministru jgħid kemm tħallew pendenti għal żmien twil, applikazzjonijiet għax-xiri ta' djar minn inkwilini ta' postijiet tal-Gvern f'Pembroke?
Jekk lil dawn l-inkwilini, b'applikazzjoni kompletament konformi mal-kondizzjonijiet anke li kienu wkoll ħallsu d-depożitu, hux se jkollhom stmat l-istess valur ta' djarhom li kien prevalenti fi żmien li fih huma tefgħu l-applikazzjoni tagħhom?
Se jittieħed in konsiderazzjoni ż-żmien mitluf min-naħa ta' l-Awtorita' tad-Djar, għal iffissar tal-perijodu li jkun irid igħaddi sa ma' dawn l-applikanti jkunu jistgħu jbigħu djarhom?
ONOR. ALFRED PORTELLI: Biex l-Awtorita' tad-Djar tkun tista' tkompli tipproċessa applikazzjonijiet taħt l-iskema tagħha biex inkwilini f'postijiet tal-Gvern isiru sid ta' darhom titlob l-awtorizzazzjoni tal-Kummissarju ta' l-Art. Din l-awtorizazzjoni ġiet fis-26 ta' Frar, 1998.
Fil-fatt dawn l-applikanti diġa' ġew informati b'dan u ġew mitluba jimlew l-formola relattiva u jirritornawha lill-Awtorita' tad-Djar.
Il-valur tal-fondi jkun dak kif valutat minn perit nominat mill-Awtorita' tad-Djar fid-data ta' l-ispezzjoni. Ma jirriżultax li sar xi depożitu ma' l-applikazzjoni.
Skond l-iskema l-perjiodu li jrid jgħaddi sabiex dawn l-applikanti jkunu jistgħu jbigħu djarhom jibda mid-data tal-kuntratt tat-trasferiment tal-fond.
AIR MALTA - SPONSORS
13220. L-ONOR. JOE PSAILA SAVONA staqsa lill-Ministru tat-Turiżmu u s-Self-Employed: Jista' l-Ministru jgħid kemm kien l-ammont ta' liri fi sponsors li tat l-Air Malta bejn l-24 ta' Jannar 1997 u t-28 ta' Frar 1998; lil min ġew mogħtija u l-għan għaliex ingħataw?
ONOR. KARMENU VELLA: L-informazzjoni mitluba hija ta' natura kummerċjali u konfidenzjali.
SERVIZZ ĊIVILI - ĦADDIEMA FUQ XOGĦOL ON LOAN
13221. L-ONOR. JOE PSAILA SAVONA staqsa lill-Prim Ministru: Jista' l-Prim Ministru jgħid x'inhi l-policy tal-gvern fuq ħaddiema li jmorru jagħmlu xogħol on loan? Hemm xi gradi fis-settur pubbliku li ma jistgħux jiġu transferred on loan?
ONOR. ALFRED SANT: Għad li ma teżisti l-ebda policy speċifika dwar trasferimenti on loan ta' ħaddiema tal-Gvern bejn dipartiment u ieħor, jista' jkun hemm il-bżonn li ħaddiema tal-gvern jiġu mislufa minn dipartiment għal dipartiment ieħor f'każi speċjali, bħal meta jinqala' xi xogħol mhux mistenni li jrid jitlesta f'qasir żmien. Dwar trasferimenti on loan ta' ħaddiema fis-settur pubbliku għal ma' entitajiet parastatali, kif ukoll trasferimenti on loan ta' ħaddiema ta' dawn l-entitajiet għal dipartimenti tal-Gvern jien informat li mhijiex il-policy tal-gvern li dawn jiġu approvati ħlief għal trasferimenti għal segretarjati privati ta' ministri u segretarji parlamentari.
Dwar l-aħħar parti tal-mistoqsija, r-risposta hija fin-negattiv.
TOROQ - XOGĦOL FUQ BANKINI
13222. L-ONOR. JOE PSAILA SAVONA staqsa lill-Ministru tax-Xogħlijiet Pubbliċi u Kostruzzjoni: Jista' l-Ministru jekk jogħġbu jindika jekk hijiex jew saritx il-policy tad-Dipartiment tax-Xogħlijiet li f'kantuniera ta' toroq il-bankina toħroġ għal xi raġuni jew oħra aktar mill-wiesgħa regolari tal-bankina? Jekk le, għaliex sar hekk fil-kantuniera bejn Triq l-Iskola u Triq Felice, f'Ħaż-Żabbar? Jekk iva, x'inhi r-raġuni u meta se jibda jsir l-istess f'kull kantuniera oħra?
ONOR. CHARLES BUHAGIAR: Għad m'hemmx policies tad-Dipartiment tat-Toroq biex jirregolarizzaw dan it-tip ta' intervent.
Veru li hemm il-ħtieġa li dawn l-affarijiet jiġu rregolarizzati biex isiru sew u bi skop u għal dan il-għan, il-Gvern qabbad konsulenti Ġermaniżi mad-Dipartiment tat-Toroq sabiex isir titjib fid-disinn, kostruzzjoni, u definizzjoni ta' standards.
AIR MALTA - ĦADDIEMA
13223. L-ONOR. JOE PSAILA SAVONA staqsa lill-Ministru tat-Turiżmu u s-Self-Employed: Jista' l-Ministru jgħid jekk bejn l-24 ta' Jannar 1997 u t-28 ta' Frar 1998 ingħatax xi leave speċjali lil xi ħaddiema fl-Air Malta apparti dak regolat bil-liġijiet ta' Malta jew ftehim kollettiv inkella minħabba studju? F'każ li fl-affermattiv: kemm kien l-ammont ta' ġranet ta' xogħol; għal-liema raġunijiet ingħata; kemm kien in-numru ta' ħaddiema li bbenefikaw; d) x'kienet il-kariga ta' dawn il-ħaddiema; u kien involut xi overtime minħabba replacement/s?
ONOR. KARMENU VELLA: Risposta tingħata f'xi seduta oħra.
WSC - FINANCIAL CONTROLLER
13224. L-ONOR. JOHN VELLA staqsa lill-Ministru tax-Xogħlijiet Pubbliċi u Kostruzzjoni: Jista' l-Ministru jgħid meta ħarġet is-sejħa pubblika u fejn kienet ippubblikata, għal mili ta' post ta' Financial Controller mal-Water Services Corporation? Kemm kien in-numru ta' applikanti?
ONOR. CHARLES BUHAGIAR: Is-sejħa għall-mili tal-post - Head Finance kienet l-ewwel ippubblikata internament fis-27 ta' Marzu, 1997. Wara li ħadd mill-ħaddiema ma applika, intalbet lista mill-ETC li kienu qed jirreġistraw fuq Part 1 u li kellhom il-kwalifiki neċessarji kif ukoll permess biex l-korporazzjoni tagħmel is-sejħa pubblika. L-ETC bagħtet żewġ ismijiet, wieħed ġie intervistat u l-ieħor ma marx.
L-avviżi fil-gazztti dehru kif ġej:
2 ta' Mejju 1997 - Il-Gens
3, 4, 7 ta' Mejju 1997 - Allied Newspapers
3, 4, 7 ta' Mejju 1997 - In-Nazzjon
3, 4, 7 ta' Mejju 1997 - Union Press
4 ta' Mejju 1997 - Il-KullHadd
4 ta' Mejju 1997 - The Malta Independent Kien hemm disgħa applikanti għal dan il-post.
L-avviżi l-oħra dehru:
10 ta' Mejju 1997 - In-Nazzjon
11 ta' Mejju 1997 - Il-Mument
- Il-KullHadd
- The Malta Independent
13 ta' Mejju 1997 - L-Orizzont
14 ta' Mejju 1997 - The Times Kien hemm 12-il applikant għal dan il-post.
WSC - AWDITURI ESTERNI
13225. L-ONOR. JOHN VELLA staqsa lill-Ministru tax-Xogħlijiet Pubbliċi u Kostruzzjoni: Jista' l-Ministru jgħid f'liema data ħarġet sejħa għall-offerti għal awdituri esterni fl-1997 għall-Water Services Corporation; meta għalqet din is-sejħa u meta ġiet awarded; u kemm kien hemm offerti u kemm kienet kull waħda?
ONOR. CHARLES BUHAGIAR: Is-sejħa għall-offerti għall-awdituri esterni ħarġet fit-2 ta' Mejju, 1997.
Is-sejħa għalqet fid-9 ta' Mejju, 1997 u din ġiet awarded fid-29 ta' Settembru, 1997.
Kien hemm għaxar offerti b'dawn l-ammonti:
i) Lm 7,500
ii) Lm 8,500
iii) Lm 9,000
iv) Lm 4,300
v) Lm10,000
vi) Lm 6,900
vii) Lm 6,900
viii) Lm 6,500
ix) Lm 9,200
x) Lm 8,000
WSC - CHIEF INTERNAL AUDITOR
13226. L-ONOR. JOHN VELLA staqsa lill-Ministru tax-Xogħlijiet Pubbliċi u Kostruzzjoni: Jista' l-Ministru jgħid meta ħarġet is-sejħa pubblika u fejn kienet ippubblikata, għall-mili ta' post ta' Chief Internal Auditor mal-Water Services Corporation? Kemm kien in-numru ta' applikanti?
ONOR. CHARLES BUHAGIAR: Peress li l-kariga ta' Chief Internal Auditor ingħatat fuq bażi ta' kuntratt ta' servizz għall-perijodu ta' tliet snin li jiġġedded kull sena u mhux fuq bażi ta' mpjieg permanenti, ma ħarġitx sejħa pubblika sabiex jimtela' l-post.
Fil-kariga ta' Chief Internal Auditor inħatret l-istess persuna li l-korporazzjoni kienet qiegħda tħallas lill-kumpannija privata. B'hekk il-korporazzjoni ffrankat flejjes kbar billi għamlet kuntratt direttament mal-individwu u temmet il-kuntratt mal-kumpannija li kienet tħaddmu.
WSC - CREDIT CONTROL MANAGER
13227. L-ONOR. JOHN VELLA staqsa lill-Ministru tax-Xogħlijiet Pubbliċi u Kostruzzjoni: Jista' l-Ministru jgħid meta ħarġet is-sejħa pubblika u fejn kienet ippubblikata, għall-mili ta' post ta' Credit Control Manager mal-Water Services Corporation? Kemm kien in-numru ta' applikanti?
ONOR. CHARLES BUHAGIAR: Is-sejħa għall-mili tal-post ta' Manager - Revenue & Credit Control, l-ewwel ma ħarġet kien internament fis-16 ta' April, 1997 u meta ma kien hemm ħadd kwalifikat, intalbet lista ta' nies ikkwalifikati li kienu jirreġistraw fuq Part 1. L-ETC tat isem kandidat wieħed u tat ukoll il-permess sabiex tkun tista' tippubblika fil-gazzetti lokali.
Il-kandidat li bagħtet l-ETC ma marx għall-interview meta kien imsejjaħ.
L-avviżi deheru kif ġej:
10 ta' Mejju 1997 - In-Nazzjon
11 ta' Mejju 1997 - Il-Mument
- Il-KullHadd
- The Malta Independent
13 ta' Mejju 1997 - L-Orizzont
14 ta' Mejju 1997 - The Times Kien hemm 12-il applikant għal dan il-post.
BAĦAR IĊ-ĊAGĦAQ - BIR
13228. L-ONOR. JOHN VELLA staqsa lill-Ministru tax-Xogħlijiet Pubbliċi u Kostruzzjoni: Wara r-rapport tal-Case 680 li l-Ombudsman bagħat lill-Kummissarju ta' l-Artijiet dwar bir f'Baħar iċ-Ċagħaq, dan ordna lil persuna konċernata li l-bir imsemmi jerġa' jagħmlu kif kien sabiex ikun aċċessibbli għar-residenti l-oħra tal-lokal. Billi issa għadda aktar minn xahar u nofs u għadu ma sar xejn, jista' l-Ministru jgħid x'passi ulterjuri se jieħu l-Kummissarju ta' l-Artijiet biex din id-deċiżjoni tiġi nforzata?
ONOR. CHARLES BUHAGIAR: Minkejja li l-ittra ntbagħtet b'posta reġistrata, din qatt ma ġiet servuta, issa d-dipartiment qed jieħu passi biex l-ittra tintbgħat bl-idejn lil Mifsud.
SKEJJEL - STUDENTI
13229. L-ONOR. FRANCIS AGIUS staqsa lill-Ministru ta' l-Edukazzjoni u Kultura Nazzjonali: Jista' l-Ministru jagħti informazzjoni ta' kemm studenti:- talbu exemption; u kemm ingħataw din l-exemption mill-iskola qabel għalqu s-16-il sena matul l-1997 f'dawn il-lokalitajiet: Zabbar; Żejtun; u Marsascala? Jista' l-Ministru jagħti l-istess informazzjoni għas-snin 1990-1996, sena b'sena?
ONOR. EVARIST BARTOLO: L-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar. Tweġiba tingħata f'xi seduta oħra.
ENEMALTA - BEJJIEGĦA TAL-PITROLJU
13230. L-ONOR. FRANCIS AGIUS staqsa lill-Ministru tal-Finanzi u Kummerċ: Jidhirlu l-Ministru li l-hawkers tal-pitrolju għandhom ħobżhom mhedded serjament u x'passi se jittieħdu mill-Gvern sabiex issir il-ġustizzja mistħoqqa magħhom?
ONOR. LEO BRINCAT: L-Enemalta bdiet diskussjonijiet mal-GRTU dwar reviżjoni tas-sistema kollha ta' distribuzzjoni tal-prodotti tal-pitrolju, li fosthom hemm il-hawkers. Huwa l-ħsieb li l-interessi ta' kull parti involuta f'dawn id-diskussjonijiet jiġu salvagwardati.
MĠARR - FTUĦ TA' TRIQ
13232. L-ONOR. ANĠLU FARRUGIA staqsa lill-Vici Prim Ministru, Ministru għall-Affarijiet Barranin u ta' l-Ambjent.: Jista' l-Viċi Prim Ministru jara l-inġustizzja li saret wara t-Temporary Provisional Schemes li ħarġu fl-1989 u dan fl-Iskorba, fl-Imġarr, Malta fejn hemm każ partikolari li biex tinfetaħ triq trid titwaqqa' nofs dar ta' abitazzjoni, din tiġi malajr riveduta fil-ħruġ ta' TPS (Temporary Provisional Schemes) jew il-local plan? (Kopja tas-site plan tal-post qed tintbagħat separatament).
ONOR. GEORGE VELLA: It-triq imsemmija mill-Onor. Interpellant kienet ġiet proġettata li titwessa' fil-1985. It-twessigħ kellu jagħti lok ta' mmaniġġjar tat-traffiku aħjar, speċjalment għal dawk li sejrin lejn il-bajja tal-Ġnejna. Madankollu, dan it-twessigħ ipproġettat tneħħa mill-Ministru tax-Xogħlijiet fil-25 ta' Novembru, 1981.
Meta tfasslu it-Temporary Provision Schemes, fl-1989, dan it-twessigħ reġa' ġie pproġettat minħabba r-raġuni msemmija. Dan it-twessigħ għadu proġettat sal-lum, u jenħtieġ li t-twessigħ isir mill-aktar fis, sabiex itaffi l-problemi tat-traffiku ġewwa l-Imġarr, speċjalment fis-sajf, meta l-bajja tal-Ġnejna tkun l-aktar popolari.
PA - TWAQQIGĦ TA' ĦAJT BLA PERMESS
13233. L-ONOR. ANĠLU FARRUGIA staqsa lill-Vici Prim Ministru, Ministru għall-Affarijiet Barranin u ta' l-Ambjent.: Jista' l-Viċi Prim Ministru jara kif persuna li għandha bitħa ta' garaxx f'Alexandra Str, Qormi fejn hemm il-bieb prinċipali, tiftaħ u twaqqa' bla permess ħajt li jagħti għall-bitħa privata fejn hemm il-garaxxijiet u tpoġġi bieb ta' garaxx fejn ċarrat il-ħajt mingħajr il-permessi u wkoll fejn hemm is-servizzi tad-drenaġġ miftuħin u dan kollu kontra l-liġijiet sanitarji?
ONOR. GEORGE VELLA: Jenħtieġ aktar żmien sabiex tingħata l-informazzjoni.
SIĠĠIEWI - QASAM TAD-DJAR - LAMPI
13234. L-ONOR. BERTU PACE staqsa lill-Ministru tal-Finanzi u Kummerċ: Jista' l-Ministru jara li l-Korporazzjoni Enemalta tieħu ħsieb li jinbidlu l-lampi qodma kif ukoll jiżdiedu xi lampi fl-inħawi tal-flats (Ramija Street area) tal-Govt. Hse. Estate fis-Siġġiewi - dan fid-dawl tal-petizzjoni mressqa mill-istess residenti? Jista' l-Ministru jieħu ħsieb li din it-talba tiġi attwata fi żmien qasir?
ONOR. LEO BRINCAT: Fl-area msemmija mill-Onor. Membru diġa' hemm dawl adegwat. Il-lanterni l-qodma se jinbidlu mill-aktar fis possibbli.
SAĦĦA - PHARMACY TECHNICIANS
13235. L-ONOR. JEAN PIERRE FARRUGIA staqsa lill-Ministru tas-Saħħa, Kura ta' l-Anzjani u Affarijiet tal-Familja: Jista' l-Ministru jgħid għaliex mhux se jingħataw impjieg definit il-gradwati tal-Pharmacy Technicians ladarba d-dipartiment għandu bżonnhom?
ONOR. MICHAEL FARRUGIA: Bħalissa qiegħed jiġi mfassal Manpower Plan ġdid. Dan il-grad ta' Pharmacy Technician jifforma parti mill-pjan globali li jkun skond il-ħtiġijiet preżenti u futuri tal-ministeru.
KUNSILL TA' L-EWROPA - DOTT. JOSEMARIA BALLESTER
13236. L-ONOR. ANTON TABONE staqsa lill-Ministru ta' l-Edukazzjoni u Kultura Nazzjonali: Jista' l-Ministru jgħid jekk Dott. JoseMaria Ballester il-Kap tad-Dipartiment tal-Kultura tal-Kunsill ta' l-Ewropa żarx Għawdex meta kien Malta fil-bidu ta' Frar? Jekk fl-affermattiv, fejn mar u ma' min iltaqa'? Jista' l-Ministru jgħid jekk fit-tliet workshops li saru fil-ġranet li kien Malta Dott. Ballester, kienx hemm rappreżentanza minn Għawdex? Jekk fl-affermattiv, min kienu r-rappreżentanti?
ONOR. EVARIST BARTOLO: Tweġiba tingħata f'xi seduta oħra
IMPJIEGI - ĊIFRI
13237. L-ONOR. ANTON TABONE staqsa lill-Ministru tal-Ħarsien Soċjali: Jista' l-Ministru jagħti ċ-ċifri tal-labour supply, tal-gainfully occupied u tas-self-employed f'nisa u rġiel f'Għawdex f'Diċembru 1997? Jista' jagħti wkoll l-għadd ta' nies jirreġistraw għax-xogħol f'Għawdex (nisa u rġiel) fl-istess xahar u x'kien il-perċentwali tal-labour supply?
ONOR. EDWIN GRECH: Iċ-ċifri mitluba għax-xahar ta' Diċembru 1997 huma kif ġej:
Dicembru 1997 Irgiel Nisa Total Gainfully Occupied 7,409 2,931 10,340
Nies jirregistraw
fuq l-Ewwel Parti 497 138 635
Labour Supply 7,906 3,069 10,975
Self Employed 2,172 505 2,677 Il-perċentwali tal-labour supply f'Għawdex f'Diċembru 1997 kienet ta' 5.78% (din teskludi dawk il-persuni li jirreġistraw fuq it-Tieni Parti tar-Reġistru).
DIPARTIMENT TAL-KONSUMATUR - PRODOTTI
13240. L-ONOR. JOSEF BONNICI staqsa lill-Ministru tal-Finanzi u Kummerċ: Peress li d-DOI dan l-aħħar ippubblika lista tal-prezzijiet ta' diversi prodotti li ġabar id-Dipartiment tal-Konsumatur, jista' l-Ministru jagħti l-prezzijiet ta' l-istess lista ta' prodotti li nxtraw minn supermarkets u discount stores f'Ottubru 1996, biex b'hekk wieħed ikun jista' jqabbel like with like u mhux kif sar fl-istqarrija tad-DOI fir-rigward tal-prezzijiet minn supermarkets?
ONOR. LEO BRINCAT: Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li, b'riżultat tal-kompetizzjoni li teżisti, il-prezzijiet ivarjaw minn store għall-ieħor minħabba tibdil li jsir minn żmien għal żmien fl-ammont ta' skont li jingħata. Għalhekk, mhux possibbli li tqabbel like with like billi x-xirja globali tal-prodotti kollha msemmija fil-lista tvarja minn store għall-ieħor.
CET - DĦUL
13241. L-ONOR. JOSEF BONNICI staqsa lill-Ministru tal-Finanzi u Kummerċ: Jista' l-Ministru jagħti d-dħul mis-CET fix-xhur ta' Jannar u Frar ta' din is-sena kif ukoll l-ammont ta' rifużjoni, xahar b'xahar minn mindu daħlet is-CET? Kif jitqabblu dawn mar-rifużjoni taħt il-VAT għall-istess xhur tas-sena ta' qabel?
ONOR. LEO BRINCAT: Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li d-dħul mis-CET fix-xhur ta' Jannar u Frar ta' din is-sena kien ta' Lm6,970,988 u Lm4,999,923 rispettivament. Ma kien hemm ebda rifużjonijiet minn Lulju 1997 (meta ddaħħlet is-CET) sa Jannar, 1998, u dan minħabba li s-sistema ta' l-ETP kienet għadha kemm bdiet tiffunzjona f'Settembru 1997.
L-ewwel rifużjoni bis-sistema tas-CET kien fi Frar 1998 u kien ta' Lm203,447. Ir-rifużjonijiet taħt il-VAT bejn Lulju 1997 u Frar 1998 kienu kif ġej:-
Lulju 1997
Lm2,250,040
Awissu 1997
Lm 940,540
Settembru 1997
Lm1,948,029
Ottubru 1997
Lm1,843,926
Novembru 1997
Lm1,652,245
Diċembru 1997
Lm5,631,921
Jannar 1998
Lm 427,207
Frar 1998
Lm2,378,706
Bis-sistema tas-CET, prodotti importati u mibjugħa lokalment u li jidhru fl-ewwel u fit-tieni skeda tal-liġi huma eżenti mill-ETI u l-ETP u, għaldaqstant, ma jkunx hemm ħtieġa ta' rifużjonijiet fuq ix-xiri ta' dawn il-prodotti.
PIXXINA NAZZJONALI - KUMITAT
13242. L-ONOR. JEAN PIERRE FARRUGIA staqsa lill-Ministru ta' l-Edukazzjoni u Kultura Nazzjonali: B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari tiegħi numru 13129, filwaqt li nirriferi għall-Kumitat immexxi mis-Sur Maurice Gruppetta, jista' l-Ministru jirrispondi l-mistoqsija?
ONOR. EVARIST BARTOLO: Il-persuna msemmija mill-Onor. Interpellant tmexxi żewġ Kumitati dwar il-Pixxina Nazzjonali. Nitlob għaldaqstant, lill-Onor. Membru jispeċifika għal-liema kumitat qiegħed jirriferi.
GĦAWDEX - TFITTXIJA GĦAŻ-ŻEJT
13243. L-ONOR. ANTON TABONE staqsa lill-Prim Ministru: B'riferenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari tiegħi numru 13115 dwar l-operazzjoni għat-tfittxija għaż-żejt f'Għawdex, jista' l-Prim Ministru jgħid għal kemm kien jammonta l-kumpens mogħti lill-bdiewa ta' l-inħawi milquta mix-xogħlijiet imsemmija?
ONOR. ALFRED SANT: L-informazzjoni għadha qed tinġabar u risposta tingħata f'xi seduta oħra.
GĦAWDEX - SPTAR ĠENERALI
13244. L-ONOR. ANTON TABONE staqsa lill-Prim Ministru: B'riferenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari tiegħi numru 13112, jista' l-Prim Ministru jgħid jekk kienx hemm xi tibdil fil-kompożizzjoni tal-Kumitat għall-Akkwist ta' Apparat Mediku ta' l-Isptar Ġenerali ta' Għawdex minn meta twaqqaf fid-29 ta' Mejju, 1997? Jekk fl-affermattiv, kif inhi l-pożizzjoni attwali tiegħu? Jista' l-Prim Ministru jgħid ukoll kemm-il darba ltaqa' dan il-Kumitat mit-twaqqif tiegħu sal-lum?
ONOR. ALFRED SANT: Tibdil fil-kompożizzjoni għall-akkwist ta' apparat mediku ta' l-Isptar Ġenerali ta' Għawdex:
i) Fis-seba' laqgħa (18 ta' Settembru, 1997) il-Kumitat ħass il-bżonn li l-uffiċjal inkarigat mill-General Stores ta' l-Isptar Ġenerali ta' Għawdex ikun preżenti fil-kumitat. Għalhekk iċ-Chairman kiteb lid-Direttur, is-Sur A.F Attard dwar dan.
Id-direttur approva li Ms Jane Attard, a/Principal fil-General Stores, tibda tattendi l-laqgħat tal-kumitat bħala membru.
Fil-laqgħa tat-12 ta' Dicembru, 1997 il-Kumitat kiteb lid-Direttur A F Attard billi s-Sur J B Pace kien spiċċa minn Medical Superintendent u floku kien appuntat Dr A Livori.
Id-deċiżjoni kienet li Dr A Livori ikun maħtur bħala Chairman tal-kumitat u s-Sur J B Pace ma jitqiesx iżjed bħal membru
Il-kumitat iltaqa' 18-il darba
GĦAWDEX - KONSUM TA' L-ILMA
13245. L-ONOR. ANTON TABONE staqsa lill-Ministru tax-Xogħlijiet Pubbliċi u Kostruzzjoni: Jista' l-Ministru jgħid x'kien il-konsum totali u l-medja tal-konsum ta' l-ilma f'Għawdex għal kull sena mill-1985 sa l-1996?
ONOR. CHARLES BUHAGIAR: Il-figuri ta' konsum ta' l-ilma f'Għawdex kif mitluba mill-Onor. Interpellant huma:
SENA KONSUM TOTALI F'SENA MEDJA KULUM
(GALLUNI) (GALLUNI) 1985 381,832,162 1,046,116
1986 401,672,473 1,100,473
1987 447,672,595 1,212,802
1988 485,343,092 1,326,074
1989 517,823,724 1,418,695
1990 561,185,630 1,537,494
1991 652,285,920 1,787,085
1992 659,521,420 1,801,971
1993 684,434,000 1,875,161
1994 705,861,400 1,933,867
1995 699,035,200 1,915,165
1996 625,909,400 1,710,135
GĦAWDEX - SEZZJONI TA' L-INDAFA - SUPERVISORS
13246. L-ONOR. ANTON TABONE staqsa lill-Prim Ministru: B'riferenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari tiegħi numru 12496 fuq ħtieġa ta' supervisors fis-Sezzjoni ta' l-Indafa f'Għawdex, jista' l-Prim Ministru jindika l-pass li jmiss, issa li r-rapport juri l-ħtieġa tal-mili ta' post ta' supervisors f'dik is-sezzjoni?
ONOR. ALFRED SANT: Rigward il-mili ta' postijiet ta' supervisor fis-Sezzjoni tal-Indafa Pubblika għandhom jinbdew l-proċeduri stabiliti miċ-ċirkolari OPM 43/97 dwar il-Cabinet Committee on Recruitment.
INTERNET SERVICE PROVIDERS
13247. L-ONOR. CARMELO ABELA staqsa lill-Prim Ministru: Jista' l-Prim Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-kondizzjonijiet tal-liċenzji ta' l-Internet Service Providers Maltin?
B'riferenza għat-tweġiba ta' mistoqsija parlamentari numru 10818 Seduta Nru. 178, hemm kumpanniji li qed jirreklamaw li huma Internet Service Providers imma li ma ġewx imsemmija fil-lista mogħtija fit-tweġiba msemmija. Għalfejn Orbit u Fastnet ma ssemmewx fil-lista?
ONOR. ALFRED SANT: L-informazzjoni għadha qed tinġabar u risposta tingħata
f'xi seduta oħra.
SPTAR SAN LUQA - INTENSIVE THERAPY UNIT
13255. L-ONOR. JOE PSAILA SAVONA staqsa lill-Ministru tas-Saħħa, Kura ta' l-Anzjani u Affarijiet tal-Familja: Jista' l-Ministru jgħid x'inhi n-nurse: patient ratio attwali fl-Intensive Therapy Unit? Kemm tvarja minn żmien għal ieħor? X'għandu jkun dak mixtieq? Xi pjanijiet ta' kontinġenza hemm għal okkażjonijiet ta' emerġenzi? Qatt kellhom jitħassru xi operazzjonijiet skedati minħabba iffullar f'dan il-unit?
ONOR. MICHAEL FARRUGIA: L-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar u għalhekk tweġiba se tingħata f'seduta oħra.
XANDIR - LEĠISLAZZJONI FUQ REKLAMAR
13256. L-ONOR. JOE PSAILA SAVONA staqsa lill-Prim Ministru: B'riferenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari numru 12886, jista' l-Prim Ministru jirrispondi u forsi wkoll jagħti xi dettalji fuq l-aħħar parti tal-mistoqsija tiegħi ċioe' kif jikkomparaw dawn l-istandards li għandu issa u dak propost mill-Awtorita' tax-Xandir ma' standards Ewropej?
ONOR. ALFRED SANT: L-istandards tar-reklamar li għandna issa fil-qasam tax-xandir kienu ġew implimentati fl-1991 meta kienet saret il-liġi tax-xandir. Minn dak iż-żmien sar progress f'dan il-qasam u jiena nformat li l-Kodiċi li kien propost mill-awtorita' jirrifletti dan partikolarment fejn għandu x'jaqsam ir-reklamar u t-tfal, ir-reklamar komparattiv u regolamenti aktar ċari fejn għandhom x'jaqsmu programmi sponsorjati.
SPTAR SAN VINCENZ - IKEL LILL-PAZJENTI
13260. L-ONOR. JOHN VELLA staqsa lill-Ministru tas-Saħħa, Kura ta' l-Anzjani u Affarijiet tal-Familja: Jista' l-Ministru jgħid huwiex minnu li pazjenti li ma jistgħux jieklu ikel solidu f'Ward 22 f'San Vinċenz ilhom xhur sħaħ jingħataw Maltova biss, u dan għaliex hemm liquidiser bil-ħsara? Veru li huwa maħsub, jekk dan hu hekk, li jerġa' jiġi kollox għan-normal?
ONOR. MICHAEL FARRUGIA: Il-liquidiser f'Ward 22 f'San Vinċenz kien bil-ħsara għal xi ġimgħat imħabba nuqqas ta' spare parts. Fil-preżent qed tiffunzjona. Id-dipartiment ordna għaxar liquidisers heavy duty ġodda li se jkunu pprovduti ma jdumux, għal użu fis-swali.
AMBAXXATA F'LONDRA - ĦRUQ
13264. L-ONOR. CHRIS CARDONA staqsa lill-Vici Prim Ministru, Ministru għall-Affarijiet Barranin u ta' l-Ambjent.: Nirriferi għar-rapporti li kien hemm fil-ġurnali lokali dwar ħruq fil-Malta House ta' Londra. Jista' l-Viċi Prim Ministru jikkonferma din l-informazzjoni u jispjega sewwasew x'kien ġara f'din l-Ambaxxata ewlenija Maltija?
Jista' l-Viċi Prim Ministru jikkonferma li ritratti tal-ħruq li kienu f'files tal-Ministeru ta' l-Affarijiet Barranin sfaw meqruda qabel l-elezzjoni ta' Ottubru, 1996?
Jista' jikkonferma li f'Malta House għad hemm kopji ta' dawn ir-ritratti u jekk jirriżulta li għadhom hemm, jista' l-Ministru jqegħedhom fuq il-Mejda tal-Kamra?
ONOR. GEORGE VELLA: Tard il-Ħamis 22 ta' Frar, 1996 pompieri Ingliżi tat-tifi tan-nar kellhom jintervjenu wara li daqqet il-fire alarm li hemm installata fl-uffiċċji tal-Kummisjoni Għolja Maltija ġewwa Londra. Il-Pulizija Ingliża mill-ewwel osservat li l-kawża tal-ħruq kienu xi files, karti uffiċjali u bandieri Maltin li kienu miġbura fl-art f'nofs l-uffiċċju ta' l-accounts u kienu jidhru li ngħataw in-nar apposta. In-nar ma setax jinfirex ħafna peress li t-twapet ta' l-uffiċini huma magħmula minn materjal li huwa fire resistant, u għalhekk il-ħsara ewlenija li laħqet saret kienet dik kawżata mid-duħħan sfiq, sħana qawwija u nugrufun fin li daħal fi stallazzjonijiet interni ta' l-uffiċċji.
Spettur tal-Pulizija u inġinier professjonali ta' l-elettronika Maltin, li ntbagħtu minnufih minn Malta biex jinvestigaw il-ħruq, kienu irrapoirtaw li mill-indikazzjonijiet li kellhom, in-nar kien tqabbad minn wieħed mid-diplomatiċi Maltin li kien hemm jaħdmu dak iż-żmien fil-Kummissjoni Għolja Maltija. Sussegwentement, inħarġu charges kontra dan id-diplomatiku. Il-każ għadu qed jinstema' quddiem Bord tad-Dixxiplina, imwaqqfa mill-Kummissjoni għas-Servizz Pubbliku.
Mill-informazzjoni li għandi, ma jirriżultax li r-ritratti li juru l-ħsara li saret fl-uffiċċji tal-kummissjoni, li kienu ttieħdu mill-fotografu uffiċjali tal-Pulizija Ingliża, inqerdu qabel l-elezzjoni ta' Ottubru 1996. Tant hu hekk li dawn ir-ritratti bħalissa jinsabu fil-files tal-ministeru hawn Malta. Jista' jkun li jeżistru kopji wkoll fil-Kummissjoni Għolja Maltija ġewwa Londra. Peress li r-ritratti qed jintużaw biex jgħinu lill-membri tal-Bord tad-Dixxiplina fl-andament tal-proċeduri kontra d-diplomatiku Malti, kif diġa' għidt, ma naħsibx li jkun għaqli li nqegħdhom fuq il-Mejda tal-Kamra għalissa.
MALTACOM - PROJECTS TAL-COST
13265. L-ONOR. GEORGE PULLICINO staqsa lill-Ministru mingħajr Portafoll fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru: Jista' l-Ministru jgħid jekk it-Telemalta (jew issa Maltacom) baqgħetx tipparteċipa f'wieħed mill-projects tal-COST? Jekk iva, jista' jispjega x'kienet din l-attivita' u x'safar sar in konnessjoni ma' din il-ħidma? Kemm sewa dan is-safar minn Novembru 1996 'l hawn?
ONOR. JOE MIZZI: L-informazzjoni għadha qed tinġabar u risposta tingħata f'xi seduta oħra.
KUNSILL TAL-EWROPA - KONVENZJONI EWROPEA
13266. L-ONOR. GEORGE PULLICINO staqsa lill-Ministru tas-Saħħa, Kura ta' l-Anzjani u Affarijiet tal-Familja: Jista' l-Gvern jgħid jekk għandux intenzjoni li jiffirma l-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet Umani u l-Bio Mediċina (OVIEDO) li għaddiet mill-Kunsill ta' l-Ewropa fl-1996?
ONOR. MICHAEL FARRUGIA: Il-Gvern Malti għandu kull intenzjoni li jiffirma din il-konvenzjoni. Bħalissa qiegħed jistenna l-pariri legali mill-Avukat Ġenerali sabiex wara tkun tista' issir ir-ratifika.
PBS - RAPPORT TA' ABBUŻI
13267. L-ONOR. GEORGE PULLICINO staqsa lill-Prim Ministru: Jista' l-Prim Ministru jgħid jekk l-avukat li ismu qed jintbagħat separatament tqabbadx mill-PBS sabiex jagħmel rapport dwar bosta allegazzjonijiet ta' abbużi li saru fil-passat minn diriġenti u impjegati tal-kumpannija? Jekk jikkonferma, jista' l-Prim Ministru jgħid jekk tlestiex dan ir-rapport u x'kienu l-konklużjonijiet tiegħu? X'passi ittieħdu jew huma kontemplati li jittieħdu mill-PBS fuq dawn il-konklużjonijiet? Jista' jpoġġi kopja ta' dan ir-rapport jekk dan tlesta, fuq il-Mejda tal-Kamra?
ONOR. ALFRED SANT: Ir-rapport dwar xi allegazzjonijiet riferibbli għall-imgħoddi għadu ma tlestiex minħabba pressjoni ta' xogħol ta' l-avukat konċernat imsemmi fil-mistoqsija.
Huwa ttamat li ma jdumx ma jitlesta.
Konsegwentament, mhux lok ta' tweġiba għall-mistoqsijiet l-oħra.
KOPERATTIVI - KOPERATTIVA X'PRESS
13268. L-ONOR. GEORGE PULLICINO staqsa lill-Ministru tal-Ħarsien Soċjali: Jista' l-Ministru jagħti dettalji dwar meta twaqqfet il-koperattiva X'Press? X'inhu x-xogħol ta' din il-koperattiva u minn min hija ffirmata?
ONOR. EDWIN GRECH: Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li:
1. Il-Koperattiva X-Press ġiet reġistrata mal-Bord tal-Koperattivi fit-28 ta' Novembru, 1997.
2. Il-Koperattiva tipprovdi servizzi bħalma huma:
Produzzjonijiet awdjo, viżivi jew awdjo-viżivi, pubblikazzjonijiet, servizzi ta' taħriġ u edukazzjoni, servizzi ta' relazzjonijiet pubbliċi u marketing, konsulenza marbuta ma' dawn is-servizzi, produzzjoni ta' scripts, produzzjonijiet fotografiċi.
3. Il-Koperattiva hija fformata mis-sinjuri:
Kenneth Scicluna
John C. Sare
Therese Ellul
Nicholas Bilocca
Joe Azzopardi
Paul J. Vassallo
James Debono
PBS - FTEHIM KOLLETTIV
13269. L-ONOR. GEORGE PULLICINO staqsa lill-Prim Ministru: Jista' l-Prim Ministru jgħid fiex wasal ix-xogħol fuq il-ftehim kolletiv tal-ħaddiema tal-PBS li kellu jidħol fis-seħħ f'Jannar 1997? X'qiegħed iżomm biex jiġi ffirmat il-ftehim kollettiv?
ONOR. ALFRED SANT: Ix-xogħol fuq il-ftehim kollettiv tal-ħaddiema tal-PBS daħal fil-fażi finali.
Jidher li hemm qbil bejn il-union u l-management fuq il-punti kollha li ġew negozjati. Il-ftehim għaldaqstant mistenni jiġi ffirmat malli jitlesta l-aħħar xogħol li baqa' xi jsir fuqu.
PBS - NEWS GUIDELINES
13270. L-ONOR. GEORGE PULLICINO staqsa lill-Prim Ministru: Jista' l-Prim Ministru jikkonferma li bħalissa l-PBS qed iħejji news guidelines għall-ġurnalisti tal-PBS? Min qed iħejji dawn il-guidelines? Fiex wasal ix-xogħol u meta mistennija li jiddaħlu fis-seħħ? Kif se jiġi żgurat li l-ġurnalisti jsegwu dawn il-guidelines?
ONOR. ALFRED SANT: In-news guidelines għall-ġurnalisti tal-PBS qed jiġu mħejjija mill-General Manager tal-PBS, bl-għajnuna ta esperti fil-qasam.
Ix-xogħol jinsab avvanzat ħafna u l-ewwel abbozz mistenni jitressaq għall-attenzjoni ta' l-awtoritajiet konċernati fil-ġejjieni qarib.
Kull ġurnalist u producer tal-PBS eventwalment jingħata kopja biex tgħinu jimxi strettament mal-policy tal-kumpannija.
AIR MALTA - TRAINEE TECHNICIAN
13271. L-ONOR. EDWIN VASSALLO staqsa lill-Ministru tat-Turiżmu u s-Self-Employed: Jista' l-Ministru jgħid x'se jsir min dawk kollha li għamlu interview għal trainee technician ma' l-Air Malta?
ONOR. KARMENU VELLA: Il-proċess ta' reklutaġġ ta' Trainee Technicians ma' l-Air Malta wasal biex ikun iffinalizzat fi żmien qasir.
MOSTA - TARMAK
13272. L-ONOR. EDWIN VASSALLO staqsa lill-Ministru tax-Xogħlijiet Pubbliċi u Kostruzzjoni: Jista' l-Ministru jgħid kemm-il sejħa għal offerti ħarġet għal għoti ta' tarmak li tikkonċerna toroq fil-Mosta? Jista' jsemmi liema huma dawn it-toroq? Meta se jibda l-għoti ta' tarmak? Jista' l-Ministru jgħid jekk Triq l-Alwetta hijiex waħda min dawn it-toroq li se tkun mogħtija t-tarmak?
ONOR. CHARLES BUHAGIAR: Din is-sena se tiġi preparata sejħa għall-offerti biex ikun jistgħu jiġu asfaltati toroq l-Alwetta, iċ-Ċinju u Barjol.
MOSTA - DAWL
13273. L-ONOR. EDWIN VASSALLO staqsa lill-Ministru tal-Finanzi u Kummerċ: Jista' l-Ministru jieħu passi biex fi Triq il-Ħaġar u fi Triq ta' Mliet il-Mosta jkun hemm żieda f'dawl ta' triq ladarba issa hemm iżjed bini ġdid u f'dawn it-toroq hemm nuqqas ta' dawl?
ONOR. LEO BRINCAT: It-talba għal aktar bozoz fiż-żewġ toroq imsemmija qegħdin jiġu kkonsidrati flimkien ma' talbiet oħra.
SKEJJEL - NAXXAR - SKOLA SEKONDARJA
13274. L-ONOR. EDWIN VASSALLO staqsa lill-Ministru ta' l-Edukazzjoni u Kultura Nazzjonali: Jista' l-Ministru jgħid kemm se jkun jiswa il-"Belvedere" li se jkun mibni fl-iskola sekondarja tan-Naxxar?
ONOR. EVARIST BARTOLO: Tweġiba tingħata f'xi seduta oħra
ĊENTRU DETOX - PAZJENTI
13275. L-ONOR. VICTOR GALEA PACE staqsa lill-Ministru tal-Ħarsien Soċjali: Jista' l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' persuni li attendew iċ-Ċentru Detox fl-1997? Kemm minnhom kienu ġodda, kemm nisa u kemm irġiel, x'kienu l-etajiet tagħhom, kemm minn dawn attendew fuq bażi regolari, kemm kien hemm persuni matul l-1997 li attendew rehabilitation programme kontra l-abbuż tad-droga, kemm spiċċaw, kemm kellhom eta' dawk li bdew u kemm hemm persuni jattendu rehabilitation programme bħalissa f'Għawdex?
ONOR. EDWIN GRECH: Billi l-informazzjoni mitluba tikkonċerna ċ-Ċentru Detox f'Għawdex, nitlob l-Onor. Interpellant biex jindirizza l-mistoqsija tiegħu lill-Ministru konċernat.
SIGURTA' SOĊJALI - FLUS TAL-MARD
13276. L-ONOR. VICTOR GALEA PACE staqsa lill-Ministru tal-Ħarsien Soċjali: B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari numru 12303, jista' l-Ministru jagħti l-breakdown fuq Għawdex waħdu?
ONOR. EDWIN GRECH: L-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant hija kif ġej:
Ghajnuna ghall-Mard
Ghawdex Frar 1997 1,528
Marzu 1997 1,530
April 1997 1,537
Mejju 1997 1,545
Gunju 1997 1,556
Lulju 1997 1,565
Awwissu 1997 1,564
Settembru 1997 1,566
Ottubru 1997 1,567
Novembru 1997 1,567
Dicembru 1997 1,571
Jannar 1998 1,563
AUTOMATIC FINGERPRINT IDENTIFICATION SYSTEM
13277. L-ONOR. VICTOR GALEA PACE staqsa lill-Prim Ministru: Jista' l-Prim Ministru jikkonferma jekk huwiex veru li l-automatic fingerprint identification system (AFIS) hijiex se tiġi introdotta fid-dipartimenti u jekk iva, meta?
ONOR. ALFRED SANT: Ninsab informat li Automatic Fingerprint Identification System (AFIS) diġa' tintuża mill-Pulizija għal skop ta' investigazzjonijiet.
Nitlob lill-Onor. Interpellant jispeċifika għal-liema dipartimenti oħra qed jirriferi.
PULIZIJA - KAĊĊATURI MTELLA' L-QORTI
13278. L-ONOR. VICTOR GALEA PACE staqsa lill-Prim Ministru: B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari numru 10952 rigward kaċċaturi li tressqu l-Qorti. Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm armi ġew ikkonfiskati, kemm ingħataw lura u hemmx il-ħsieb li l-policy tal-konfiska tinbidel?
ONOR. ALFRED SANT: Ninsab informat illi n-numru ta' każijiet li l-Qorti ordnat il-konfiska tas-senter kienu ħamsa, filwaqt li dawk li dwarhom il-konfiska ma ngħatatx kienu 48. Għalissa m'hemmx il-ħsieb li tinbidel il-liġi dwar il-konfiska ta' l-armi.
TAL-QROQQ - SPTAR
13284. L-ONOR. JESMOND MUGLIETT staqsa lill-Ministru tas-Saħħa, Kura ta' l-Anzjani u Affarijiet tal-Familja: Jista' l-Ministru jgħid jekk ntgħażlux id-designers/periti għat-tkomplija tax-xogħol fl-isptar f'Tal-Qroqq?
ONOR. MICHAEL FARRUGIA: Tweġiba tingħata f'xi seduta oħra
MARSA RACING CLUB
13294. L-ONOR. JEAN PIERRE FARRUGIA staqsa lill-Ministru ta' l-Edukazzjoni u Kultura Nazzjonali: Jista' l-Ministru jgħid jekk il-Marsa Racing Club talabx sabiex Triq it-Tiġrija tal-Marsa tiġi resurfaced peress li tinsab fi stat ħażin ħafna sew għall-vetturi u l-pedestrians kif ukoll għaż-żwiemel?
ONOR. EVARIST BARTOLO: Iva.
KUMPLESS SPORTIV TAL-MARSA - GRADA
13295. L-ONOR. JEAN PIERRE FARRUGIA staqsa lill-Ministru ta' l-Edukazzjoni u Kultura Nazzjonali: Jista' l-Ministru jgħid kemm swiet il-gate li tpoġġiet għal ftit żmien u mbagħad tneħħiet fil-Kumpless Sportiv tal-Marsa fuq in-naħa li tagħti għal Ħal Qormi?
Min kien ta parir lis-Segretarjat biex issir din il-gate u għaliex ma kienx antiċipat li jkun kaġun ta' diffikultajiet meta jkun hemm għargħar minħabba l-maltemp?
ONOR. EVARIST BARTOLO: Tweġiba tingħata f'xi seduta oħra
SAĦĦA - TOBBA BARRANIN
13307. L-ONOR. CHRIS AGIUS staqsa lill-Ministru tas-Saħħa, Kura ta' l-Anzjani u Affarijiet tal-Familja: Jista' l-Ministru jgħid jekk il-Prof. Tadhiahi Goino u l-Prof. Rafik Melik Ohanjamien għandhom id-dritt japplikaw ta' tobba f'Malta? Qatt applikaw quddiem il-Kunsill Mediku ta' Malta sabiex jingħataw liċenzja ħalli jipprattikaw ta' tobba f'Malta?
ONOR. MICHAEL FARRUGIA: Il-persuni msemmija m'humiex tobba li kkwalifikaw mill-Universita' ta' Malta f'liema każ kienu jistgħu japplikaw bħal tobba oħrajn li jikkwalifikaw mill-istess Universita'. Jekk huma għandhom kwalifika ta' tobba minn Universita' jew Skola Medika barranija jistgħu japplikaw, iżda biex japplikaw iridu jipproduċu ċ-ċertifikati li huma ikkwalifikaw bħala tobba f'pajjiż ieħor u skond il-liġijiet ta' dak il-pajjiż. Jekk ma jissodisfawx dan ir-rekwiżit ma jkunux jistgħu japplikaw. Il-liċenzja għall-prattika tingħata mill-Eċċellenza Tiegħu, il-President ta' Malta, fuq il-parir tal-Kunsill Mediku u dan naturalment ikun irid jissodisfa ruħu permezz ta' test prattiku u orali mill-kapaċitajiet tagħhom u jsirilhom anke test lingwistiku.
Iż-żewġ persuni msemmija, qatt m'applikaw għal-liċenzja.
UFFIĊINI TAS-SERVIZZI SOĊJALI - BENEFIĊĊJI
13308. L-ONOR. CHRIS AGIUS staqsa lill-Ministru tal-Ħarsien Soċjali: Jista' l-Ministru jgħid kemm tħallsu benefiċċji differenti mill-uffiċini distrettwali tas-Servizzi Soċjali għas-sena 1997, distrett b'distrett, servizz servizz?
ONOR. EDWIN GRECH: Mill-Uffiċċji Distrettwali tad-Dipartiment tas-Sigurta' Soċjali titħallas biss l-Għajnuna għal Diżimpjieg.
In-numru ta' benefiċċjarji ta' din l-għajnuna u mil-liema distretti ġew imħallsa fl-aħħar tas-sena 1997 huwa kif ġej:
Malta Balzan 67
Birkirkara 208
Bormla 317
Hamrun 228
Luqa 140
Marsa 144
Mosta 96
Msida 163
Naxxar 76
Paola 213
Qormi 214
Rabat 101
Sliema 149
San Pawl il-Bahar 86
San Gwann 94
Valletta 221
Zabbar 313
Zebbug 165
Zejtun 267
Zurrieq 140 Ghawdex Victoria 197
Nadur 81
Total 3,680
MĠARR - DAWL FIT-TOROQ
13315. L-ONOR. EDWIN VASSALLO staqsa lill-Ministru tal-Finanzi u Kummerċ: Jista' l-Ministru jieħu passi biex fi Triq San Pietru u Triq l-Istaġuni fl-Imġarr (Malta) jiżdied id-dawl tat-triq fejn għad m'hemmx, ladarba żdied il-bini ġdid?
ONOR. LEO BRINCAT: It-talba għal aktar bozoz fiż-żewġ toroq imsemmija qegħdin jiġu kkonsidrati flimkien ma' talbiet oħra.
DJAR - SUSSIDJI
13316. L-ONOR. JESMOND MUGLIETT staqsa lill-Ministru tad-Djar u Kunsilli Lokali: Jista' l-Ministru jgħid jekk hux ippjanat li jogħla l-valur massimu ta' Lm26,000 għal proprjeta' sabiex applikanti jkunu jistgħu jgawdu mis-sussidju fuq l-interess mogħti mil-Lohombus?
ONOR. ALFRED PORTELLI: L-iskemi kollha li kien iħaddem id-Dipartiment għall-Akkomodazzjoni Soċjali, issa qed ikunu pproċessati mill-Awtorita' tad-Djar. Żewġ skemi minnhom, dik ta' sussidju fuq il-kera u dik ta' xogħlijiet fir-residenzi ta' persuni b'diżabilita' diġa' ġew imtejba. Qed isir studju dwar kif l-iskema ta' sussidju fuq l-imgħax għal xiri ta' djar tista' tiġi aġġornata biex tkun aktar tolqot il-ħtiġijiet tal-lum.
Nixtieq infakkrek ukoll illi fuq inizjattiva tiegħi kont ftaht diskussjonijiet mal-Lohombus Bank u wasalna għal dan il-ftehim li d-dettalji tiegħu qed nagħtihomlok hawn taħt u liema dettalji diġa' ġew ppubblikati anke fil-Parlament. Dan jgħodd għal dawk li jixtru mingħand l-Awtorita' tad-Djar.
1. Is-self se jitħallas lura fuq medda ta' 30 sena u mhux fuq 25 sena kif kien isir qabel. B'hekk l-pagament ta' kull xahar għal ħlas lura ta' self se jonqos.
2. Fil-każ ta' maisonette benefiċjarju jista' jissellef 90% tal-prezz sussidjat biex jixtri il-fond fi stat ta' ġebel u saqaf, filwaqt li fil-ħarġiet ta' qabel il-benefiċjarju seta' jissellef sa 90% tal-prezz tal-fond kif ukoll biex jitkompla il-fond. Bħala riżultat il-front finance li jkollu jagħmel il-benefiċjarju naqas.
3. Fejn qabel il-benefiċjarju kien iħallas il-Lohombus Bank Limited 0.3% ta' l-ammont tas-self bħala spejjez għall-ipproċessar ta' l-applikazzjoni tas-self issa se jħallas biss Lm15.
4. Bħala legal expenses tal-Lohombus Bank Limited, fejn qabel benefiċjarju kien iħallas skond il-valur tal-loan issa se jħallas biss Lm10.
5. Jekk is-self jeċċedi il-Lm 15,000, ir-rata ta' l-imgħax għall-ħames snin tkun ta' 7.5% u mhux 8.5%.
Min-naħa tagħha, l-Awtorita' tad-Djar, biex tgħin aktar lill-benefiċjarji, se tissussidja is-self sa 90% sussidjat tal-maisonette u mhux sa Lm6,000 kif sar fil-ħarġiet preċedenti.
TARXIEN - TRIQ JOSEPH BURLO' - TISWIJA
13317. L-ONOR. JESMOND MUGLIETT staqsa lill-Ministru tax-Xogħlijiet Pubbliċi u Kostruzzjoni: Jista' l-Ministru jgħid meta hu ippjanat li jinbeda x-xogħol fi Triq Joseph Burlo' f'Ħal Tarxien?
ONOR. CHARLES BUHAGIAR: L-asfalt fi Triq Burlo', Tarxien hu maħsub li jsir flimkien ma' dawk ta' toroq oħra fil-viċinanzi skond il-prijoritajiet tax-xogħol tad-dipartiment.
MISTOQSIJIET GĦAL TWEĠIBIET BIL-MIKTUB
GŻIRA - ST. ALBERT STREET - IPPARKJAR
W1,561. L-ONOR. SANDRO SCHEMBRI ADAMI staqsa lill-Prim Ministru: Jikkonsidra l-gvern illi jbiddel id-deċiżjoni li biha karozzi fi Triq St. Albert, fil-Gżira quddiem il-kumpannija, li isimha qed jintbagħat separatament, ma jitħallewx jipparkjaw hemmhekk u dan b'telf ta' flus, bi drop ta' 50% income għall-istess kumpannija?
ONOR. ALFRED SANT: Nitlob lill-Onor. Interpellant jirriferi din il-mistoqsija lill-ministru konċernat.
ĊIMITERJU TA' L-ADDOLORATA - OQBRA ĠODDA
W1,566. L-ONOR. JOE BORG staqsa lill-Ministru tas-Saħħa, Kura ta' l-Anzjani u Affarijiet tal-Familja: In vista tar-risposta li ta l-Ministru għall-mistoqsija parlamentari numru W1150 magħmula minni, jista' l-Ministru: jgħid jekk hemmx il-ħsieb li jsiru oqbra ġodda fiċ-Ċimiterju ta' l-Addolorata fil-futur qarib; u f'każ affermattiv, jgħid kemm se jsiru oqbra ġodda; jgħid jekk, apparti li jsiru oqbra ġodda, jeżistux mezzi oħra kif persuna tista' tiġi assenjata jew takkwista qabar, u f'każ affermattiv, x'inhuma; u jindika, jekk possibbli, x'inhu t-tul ta' żmien li wieħed jkun mistenni li jistenna jekk ikun in-numru 236 fuq il-waiting list qabel ma jiġi allokat qabar?
ONOR. MICHAEL FARRUGIA: Il-possibbilita' li ssir estensjoni taċ-Ċimiterju ta' Santa Marija Addolorata qed tigi studjata. Sid ta' qabar jista' jittrasferixxi l-qabar b'Att testimonjali jew b'donazzjoni. F'dawn iż-żewġ każi l-approvazzjoni tat-Tabib Ewlieni tal-Gvern hija meħtieġa. Risposta għad-domanda Ċ ma tistax tingħata għaliex għadhom ma ġew konklużi l-ebda proċeduri biex issir din l-estensjoni.