Debates tal-kamra tad-deputati


MISTOQSIJIET GĦAL TWEĠIBIET BIL-MIKTUB



Yüklə 441,91 Kb.
səhifə7/7
tarix27.01.2018
ölçüsü441,91 Kb.
#40970
1   2   3   4   5   6   7

MISTOQSIJIET GĦAL TWEĠIBIET BIL-MIKTUB



MULTI-COMM LTD - KUNTATTI

W100. L-ONOR. CHRIS CARDONA staqsa lill-Ministru ta' l-Edukazzjoni u Kultura Nazzjonali: Jista' l-Ministru jgħid x'kuntatti kellha l-Mult-comm Ltd mal-Ministeru ta' l-Edukazzjoni fl-aħħar ħames snin?

ONOR. EVARIST BARTOLO: Is-Segretarjat tal-Ministeru kellu kuntatti ta' natura kummerċjali mal-Multi Comm Ltd li kienu jikkonsistu f'xiri ta' pubblikazzjonijiet f'ġurnali u reklami f'gazzetti.

Id-Dipartiment tal-Bibljoteki u Arkivji ħallas lill-Multi Comm Ltd f'Diċembru 1996 is-somma ta' Lm404 għal reklami tal-Fiera tal-Ktieb li dehru f'"il-mument" u "in-nazzjon".

Fid-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni ma kienx hemm kuntatti mal-Multi Comm Ltd fl-aħħar ħames snin. Saru kuntatti mad-diversi Dipartimenti tad-Diviżjoni. Ħadd minnhom ma jiftakar li qatt kien hemm xi kuntatti mal-Multi Comm Ltd fl-aħħar ħames snin.

Id-Dipartiment tal-Mużewijiet qatt ma kellu kuntatti mal-Multi Comm Ltd.

Inkwantu għad-Dipartimenti tal-Kultura u taż-Żgħażagħ u Sport, dawn saru jiffurmaw parti mill-Ministeru ta' l-Edukazzjoni u Kultura Nazzjonali bisss minn Ottubru 1996. Il-kuntratti li kellhom id-Dipartimenti in kwestjoni tul l-aħħar ħames snin kienet li din il-kumpannija pprovdiet lid-Dipartiment tal-Kultura permezz tal-Karnival b'apparat ta' amplifikazzjoni fl-1994 u fl-1995 waqt li pprovdiet monitors lill-Kumitat tal-Kanzunetta fl-1995. Inkwantu għad-Dipartiment taż-Żgħażagħ u Sport, din il-kumpannija tqabbdet biex tikordina xi xogħolijiet in konnessjoni mal-Kunċert ta' Zucchero f'Ġunju 1995 u tħallset is-somma ta' Lm4309.34.

Mill-informazzjoni li għandha l-Universita' ma kellha ebda kuntatti mal-Multi Comm Ltd dawn l-aħħar ħames snin.



FONDAZZJONI GĦALL-ISTUDJI INTERNAZZJONALI

W116. L-ONOR. CHIRS CARDONA staqsa lill-Ministru ta' l-Edukazzjoni u Kultura Nazzjonali: Jista' l-Ministru jgħid xi flus irċeviet il-Fondazzjoni għall-Istudji Internazzjonali fil-perjodu l-1 ta' Jannar, 1986 sa l-aħħar ta' Jannar ta' l-1997, xahar b'xahar, għall-perjodu msemmi minn entitajiet Maltin jew barranin inkluż ukoll għotjiet jew ħlasijiet li saru mill-Gvern Malti? Jista' l-Ministru jagħti rendikont xahar b'xahar kif intnefqu dawn il-kontribuzzjonijiet kollha xahar b'xahar għal kull sena msemmija? Jista' l-Ministru jgħid ukoll x'kien il-bilanċ tal-bank tal-fondazzjoni għal kull xahar tal-perjodu msemmi? Jista' l-Ministru jgħid jekk kienx hemm xi dħul li minnu l-fondazzjoni ġemmgħet il-flus?

ONOR. EVARIST BARTOLO: Rendikont ta' income u expenditure mill-1 ta' Jannar, 1987 sal-31 ta' Diċembru, 1995 tpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra aktar kmieni f'din is-seduta. F'dan ir-rendikont qed jingħata dettalji tal-flus kollha li rċeviet il-fondazzjoni kemm mill-Gvern kif ukoll minn entitajiet oħra lokali u barranin u kif dawn il-flus intnefqu. Il-flus li l-fondazzjoni kien baqalha fl-aħħar tas-sena qed jidhru fil-balance sheet bħala cash in bank. Qed jidhru wkoll fl-Income & Expenditure Statement l-interessi li l-fondazzjoni daħlet minn flus il-bank.

Ma sarx audit qabel l-1 ta' Jannar, 1987 minħabba li dak iż-żmien il-kontijiet kollha tal-fondazzjoni kienu jitħallsu kollha direttament mit-Teżor, kif spjegat fin-nota tal-Audituri fl-Audit Accounts ta' l-1987.

L-accounts ta' l-1996 qed jiġi audited bħalissa u kopja tagħhom jintbagħtu fil-bidu tal-ġimgħa d-dieħla.

BIRGU - MUŻEW MARITTIMU
W176. L-ONOR. CHRIS AGIUS staqsa lill-Ministru ta’ l-Edukazzjoni u Kultura Nazzjonali: Jista’ l-Ministru jindika x’inhu maħsub li jsir bħala żvilupp fil-Mużew Marittimu tal-Birgu u jekk twarrbitx l-idea li jsir aċċess minn band’oħra u li jsir restaurant fis-sular t’isfel?

ONOR. EVARIST BARTOLO: Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li dik il-parti tal-Mużew Marittimu, il-Birgu, li għad mhijiex miftuħa għal pubbliku tenħtieġ xogħol estensiv strutturali u ta' restawr. Dan ix-xogħol imbeda s-sena l-oħra, wara li tlestew il-pjanti u d-disinji rilevanti għal dan il-proġett, u għandu jitkompla skond il-fondi disponibbli.

Id-daħla preżenti għal mużew hija waħda temporanja. Meta jitlesta x-xogħol ta' restawr fis-sular t'isfel, tinħoloq intrata ġdida aktar xierqa minn wieħed mill-bibien tan-nofs.

Huwa ppjanat li eventwalment is-swali kollha tal-mużew jiġu armati bl-eżibiti u miftuħa għal pubbliku. Huwa wkoll fi ħsieb id-Dipartiment tal-Mużewijiet li jipprovdi sservizzi kollha meħtieġa. Dwar jekk għandux ikun hemm restaurant jew cafeteria fis-sular t'isfel, dan jiġi deċiż meta jkun il-waqt.

SKEJJEL - TQASSIM TAL-ĦALIB

W184. L-ONOR LOUIS GALEA staqsa lill-Ministru ta’ l-Edukazzjoni u Kultura Nazzjonali: Jistax il-Ministru jivverifika li fit-tqassim tal-ħalib lit-tfal ta’ l-iskejjel hemm disponibbli d-diversi flavours li soltu kienu jingħataw? Jikkonfermax li saru ilmenti lil kapijiet ta’ skejjel dwar dan is-suġġett?

ONOR. EVARIST BARTOLO: Bħala parti mill-proċess tad-deċentralizzazzjoni id-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni fdat f'idejn il-Kapijiet ta' l-Iskejjel bix-xiri tal-ħalib għall-iskejjel partikolari tagħhom.

Kull kap, fis-sistema preżenti, jagħmel l-arranġamenti diretti mal-Malta Dairy Products skond il-bżonn ta' kull skola u jieħu ħsieb l-ilmenti li jistgħu jinqalgħu dwar din il-materja.

Fejn jidħol kwalita' u kwantita' huma l-Kapijiet li jagħmlu l-kalkoli u jiddeċiedu. Dwar dan ma kien hemm l-ebda tibdil u s-sistema għadha kif kienet jiġifieri li flixkun ta' pinta jinqasam bejn tliet itfal.

SKEJJEL - EŻAMIJIET
W194. L-ONOR. LOUIS GALEA staqsa lill-Ministru ta’ l-Edukazzjoni u Kultura Nazzjonali: Għaliex skond ċirkolari OPS/55/96 li ħarġet mid-Diviżjoni ta’ l-Edukazzjoni lill-kapijiet ta’ l-iskejjel primarji dwar Jum il-Ġenituri tgħid li r-riżultati mhux se jintbagħtu minn qabel bil-posta imma jingħataw lill-ġenituri dak inhar stess? Jaħsibx il-Ministru li b’hekk il-ġenituri ma jistgħux iħejju lihom infushom tajjeb għad-diskussjoni ma’ l-għalliema dwar il-progress ta’ wliedhom? Jista’ l-Ministru jieħu l-passi meħtieġa u jagħti struzzjonijiet lill-kapijiet ta’ l-iskejjel biex ir-riżultati jintbagħtu lill-ġenituri qabel Jum il-Ġenituri?

ONOR. EVARIST BARTOLO: Skond id-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni r-raġuni għaliex ir-riżultati ma jintbagħtux qabel Jum il-Ġenituri hija biex il-ġenituri jiġu nkoraġġiti jattendu għal Jum il-Ġenituri. Il-biċċa l-kbira ta' l-iskejjel iżommu Jum il-Ġenituri ftit jiem wara li jispiċċaw l-eżamijiet.

Naħseb li għad fadal ħafna xi jsir biex il-ġenituri jkunu nformati aħjar dwar kif sejrin uliedhom fl-iskejjel - u mhux sempliċement bir-riżultati ta' l-eżamijiet



ŻGĦAŻAGĦ, SPORT, KULTURA U ARTI - TRASPORT
W195. L-ONOR. RICHARD MUSCAT staqsa lill-Ministru ta’ l-Edukazzjoni u Kultura Nazzjonali: Jista’ l-Ministru jgħid meta ħarġet l-aħħar tender għas-servizz taż trasport fis-Segretarjat Parlamentari taż-żgħażagħ, Sport Kultura u Arti? Lil min ġiet assenjata u kemm kienu dawk li tefgħu l-offerta’?

ONOR. EVARIST BARTOLO: It-tender għas-servizz tat-trasport fis-Segretarjat Parlamentari għaż-Żgħażagħ, Sport, Kultura u Arti għadha qed tiġi pproċessata biex toħroġ.

KARNIVAL
W196. L-ONOR. RICHARD MUSCAT staqsa lill-Ministru ta’ l-Edukazzjoni u Kultura Nazzjonali: Jista’ l-Ministru jikkonferma jekk kull min ħa parti fill-Karnival ta’ l-irħula huwiex membru mħallas ta’ l-FECC?

ONOR. EVARIST BARTOLO: Kull min ħa parti fil-Karnival tal-irħula huwa membru fil-FECC u l-parteċipazzjoni saret fuq l-istess kriterji li kienu adottati fis-snin preċedenti.
ETC - FULJETT EDUFORUM

W197. L-ONOR. JOE CASSAR staqsa lill-Ministru ta’ l-Edukazzjoni u Kultura Nazzjonali: Jidhirlu l-Ministru li l-Korporazzjoni ta’ l-Impjiegi u Taħriġ għandha tagħti kontribut fil-ħruġ tal-fuljett EDUFORUM?

ONOR. EVARIST BARTOLO: L-EDUFORUM huwa Newsletter tad-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni fil-Ministeru ta' l-Edukazzjoni u Kultura Nazzjonali. Il-Korporazzjoni ta' l-Impjiegi u Taħriġ taqa' taħt ir-responsabbilita' ta' Ministeru ieħor. B'danakollu jkun ikkunsidrat kontribut għall-EDUFORUM mill-Korporazzjoni jekk dan ikun ta' nteress partikulari għad-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni. Fil-fatt, fil-ħarġa numru 6 ta' l-EDUFORUM, li dehret fi Frar 1997, hemm tagħrif dwar attivita' mill-korporazzjoni.

RAĦAL ĠDID - IPOĠEW
W198. L-ONOR. JOE CASSAR staqsa lill-Ministru ta’ l-Edukazzjoni u Kultura Nazzjonali: Jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx jew jistax ikun hemm xi rabta bejn l-Ipoġew ta’ Raħal Ġdid u dak li nsab fi Triq il-Lellux f’Santa Luċija? Jista l-Ministru jgħid jekk id-Dipartiment tal-Mużewijiet għamilx xi studju dwar l-Ipoġew ta’ Triq il-Lellux?

ONOR. EVARIST BARTOLO: L-Ipoġew ta' Ħal Saflieni, ir-Raħal il-Ġdid, u dak fi Triq il-Lellux, Santa Luċija, huma t-tnejn monumenti tal-perijodu neolitiku u kienu jintużaw bħala oqbra kollettivi; għalkemm hemm differenza kbira fid-daqs ta' dawn iż-żewġ monumenti. Waqt li l-Ipoġew ta' Ħal Saflieni huwa estensiv ħafna u maqtugħ fi tlett livelli separati, dak ta' Santa Luċija huwa ta' daqs ħafna iżgħar u kien fih kamra waħda biss maqtugħa fil-blat.

Is-sit ta' Santa Luċija kien ġie skavat u studjat mid-Dipartiment tal-Mużewijiet fl-1973. Minn dak iż-żmien, l-istess dipartiment ħa ħsieb biex jikkonserva dan is-sit milli jiġi meqrud mill-iżvilupp, u ħa ħsieb jipproteġih ukoll billi jdawru b'reċint protettiv.



KATAKOMBI PALEO-KRISTJAN F’TAL-BARRANI
W199. L-ONOR. JOE CASSAR staqsa lill-Ministru ta’ l-Edukazzjoni u Kultura Nazzjonali: B’riferenza għall-mistoqsija parlamentari 3246 dwar il-katakombi Paleo-Kristjan f’Tal-Barrani jista’ l-Ministru jgħid jekk id-Dipartiment tal-Mużewijiet għamilx stħarriġ - bħalma qed isir qrib Howard Gardens, ir-Rabat - fl-inħawi billi meta saret is-sejba, mad-daqqa t’għajn kien jidher li l-firxa tal-katakombi kienet kbira?

ONOR. EVARIST BARTOLO: Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li waqt li kien qiegħed isir ix-xogħol ta' skavi fl-1993 fuq il-Katakombi Palaeo-Kristjan, f'Tal-Barrani, l-arkeoloġi mid-Dipartiment tal-Mużewijiet kienu stħarrġu wkoll numru ta' fissuri u dagħbien li kienu inkixfu f'dik iż-żona. F'dik l-okkażjoni kienu nstabu żewġ oqbra separati, u t-tnejn kienu ġew skavati. Il-bqija tal-fissuri nstabu li kienu ta' oriġini naturali.

SIT TA’ GĦAJN ABDUL - FDALIJIET
W200. L-ONOR. JOE CASSAR staqsa lill-Ministru ta’ l-Edukazzjoni u Kultura Nazzjonali: B’riferenza għall-mistoqsija parlamentari W103 jista’ l-Ministru jgħid jekk il-fdalijiet li d-Dipartiment tal-Mużewijiet irnexxielu jsalva fuq is-sit ta’ Għajn Abdul humiex esposti għall-pubbliku u jekk dawn il-fdalijiet jixbħux b’xi mod lill-fdalijiet li nstabu f’Għar Dalam, fdalijiet li juru l-ħidma tal-bniedem?

ONOR. EVARIST BARTOLO: Ngħarraf lill-Onor. Interpellant, li l-biċċiet ta' fuħħar preistoriku li d-Dipartiment tal-Mużewijiet irnexxielu jsalva minn fuq is-sit ta' GĦajn Abdul (Kerċem, GĦawdex) fis-snin sittin illum jinsabu esposti għall-pubbliku fil-Mużew Arkeoloġiku fiċ-Ċittadella tar-Rabat, GĦawdex.

Il-biċċiet tal-fuħħar misjuba GĦajn Abdul huma simili għal dawk misjuba ġewwa GĦar Dalam u jmorru lura għall-istess epoka preistorika - jiġifieri dak iż-żmien fil-preistorja Maltija li jissejjaħ l-"Fażi ta' GĦar Dalam" (c.5200 - 4600q.K).



HFCA - TLIELAQ TAL-KAROZZI
W202. L-ONOR. RICHARD MUSCAT staqsa lill-Ministru ta' l-Edukazzjoni u Kultura Nazzjonali: Jista' l-Ministru jikkonferma li se tingħata għajnuna konkreta lil HFCA (Ħal Far Circuit Association) biex jiġi mibni ċirkwit għat-tlielaq tal-karozzi/muturi? Jekk fl-affermattiv, jista' l-Ministru jgħid x'forma ta' għajnuna tingħata u fiex waslu t-taħdidiet ma' l-HFCA?
ONOR. EVARIST BARTOLO: Il-materja in kwestjoni għadha mhijiex konkluża u qiegħda tiġi studjata fil-kwadru ta' l-iżvilupp tat-tlielaq tal-karozzi f'pajjiżna.

SKEJJEL - MIŻATI

W209. L-ONOR. RICHARD MUSCAT staqsa lill-Ministru ta' l-Edukazzjoni u Kultura Nazzjonali: Jista' l-Ministru jgħid jekk għandhiex tħallas fee (miżata) fi skola tal-Knisja tifla mhix Maltija imwielda minn omma Maltija u biċ-ċittadinanza Maltija li tgawdi l-freedom of movement status peress li qed tgħix hawn Malta?
ONOR. EVARIST BARTOLO: Fl-iskejjel ta' l-Istat tifla mhux Maltija imwielda minn Omm Maltija b'ċittadinanza Maltija u li tgawdi freedom of movement status ma tkunx obbligata li tħallas miżati ta' l-iskola sakemm tagħlaq l-eta' ta' 18-il sena.

Dan japplika wkoll għall-istudenti fl-iskejjel tal-Knisja.



BIBLIJOTEKA NAZZJONALI
W220. L-ONOR. JOE CASSAR staqsa lill-Ministru ta' l-Edukazzjoni u Kultura Nazzjonali: Jista' l-Ministru jgħid jekk fil-Biblijoteka hemmx "IL-GIURIJIET CAPITALI TAL-MEUT LI SARU F'MALTA MINN ŻMIEN L-INGLIŻI" li dwarhom inkiteb artiklu fis-"Sunday Times" tat-2 ta' Marzu, 1997?
ONOR. EVARIST BARTOLO: Fil-Bibljoteka Nazzjonali tinżamm kopja tal-ktieb imsemmi mill-Onor. Membru. Dan il-ktieb ta' 786 paġna kien stampat fl-1927 fit-Tipografija San Paolo, il-Belt.

SKEJJEL: DUN KARM SANT - TOILETS

W221. L-ONOR. JOE CASSAR staqsa lill-Ministru ta' l-Edukazzjoni u Kultura Nazzjonali: Jista' l-Ministru jieħu ħsieb li jsir ix-xogħol meħtieġ biex it-toilets tal-Kindergarten fl-iskola primarja Dun Karm Sant ta' Ħal Tarxien ikunu jistgħu jintużaw mit-tfal li bħalissa qed ikollhom jagħmlu użu minn oħrajn?

ONOR. EVARIST BARTOLO: Ittieħdu l-passi meħtieġa biex issir it-tiswija meħtieġa ħalli t-toilets imsemmija jkunu jistgħu jiġu wżati mit-tfal tal-Kindergarten.


Yüklə 441,91 Kb.

Dostları ilə paylaş:
1   2   3   4   5   6   7




Verilənlər bazası müəlliflik hüququ ilə müdafiə olunur ©muhaz.org 2024
rəhbərliyinə müraciət

gir | qeydiyyatdan keç
    Ana səhifə


yükləyin