Malta debates tal-kamra tad-deputati



Yüklə 364,64 Kb.
səhifə1/5
tarix09.01.2019
ölçüsü364,64 Kb.
#93938
  1   2   3   4   5
    Bu səhifədəki naviqasiya:
  • MINUTI

MALTA

DEBATES TAL-KAMRA TAD-DEPUTATI
(Rapport Ufficjali u Rivedut)


IT-TMIEN PARLAMENT

Seduta Nru. 239


It-Tlieta, 7 ta' Lulju, 1998

Stampat fl-Uffiċċju ta' l-Iskrivan

Kamra tad-Deputati

MALTA

Prezz Lm1


IT-TMIEN PARLAMENT


Seduta Nru. 239


It-Tlieta, 7 ta' Lulju, 1998

Il-Kamra tad-Deputati ltaqghet fil-Kamra tal-Parlament,

il-Palazz, il-Belt Valletta, fid-6.13 p.m.

Talba

SEDUTA NRU. 239
It-Tlieta, 7 ta' Lulju, 1998


WERREJ

MINUTI 194

MISTOQSIJIET-TWEĠIBIET ORALI 194

TQEGĦID TA' KARTI 198

KSUR TA' PRIVILEĠĠ 199

ORDNIJIET TAL-ĠURNATA 202

RIŻOLUZZJONI DWAR ENFITEWSI TEMPORANJA TA' MOLLIJIET, BINI U DRITT TA' RMIĠĠ FIL-BIRGU U L-ISLA LIL PORT COTTONERA LIMITED 202

AĠĠORNAMENT 223

MISTOQSIJIET GĦAL TWEĠIBIET ORALI IMWIEĠBA BIL-MIKTUB 225



MISTOQSIJA GĦAL TWEĠIBA BIL-MIKTUB 238



MINUTI



Il-Minuti tas-Seduta Nru. 238 li saret fis-6 ta' Lulju, 1998, ġew konfermati

MISTOQSIJIET-TWEĠIBIET ORALI



ILO - UMPIRE

14685. L-ONOR. ĊENSU GALEA (f’isem l-Onor. Joe Borg) staqsa lill-Vici Prim Ministru, Ministru għall-Affarijiet Barranin u ta' l-Ambjent: B'riferenza għar-risposta tal-Ministru tal-Ħarsien Soċjali għall-mistoqsija parlamentari numru 14539 magħmula minni - fejn talabni nagħmel din il-mistoqsija lill-Viċi Prim Ministru - jista' l-Viċi Prim Ministru jikkonferma li l-Gvern Malti talab li jinħatar umpire mill-ILO biex jiddeċiedi fuq differenzi bejn il-Gvern ta' Malta u dak tal-Libja dwar materji ta' social security; u jgħid ukoll x'inhuma dawn id-differenzi u jekk inħatar dan l-umpire, jgħid min huwa u x'inhuma l-kwalifiki tiegħu?

ONOR. GEORGE VELLA (Viċi Prim Ministru, Ministru għall-Affarijiet Barranin u ta' l-Ambjent): Malta kienet talbet lil-Libja (ara t-talba tal-Ministru tas-Sigurta' Soċjali datata 2 ta' Ottubru, 1992 u mtennija fid-9 ta' April, 1997) tikkonsidra l-proposta li jitlaqqa' s-sotto kumitat (previst mill-ftehim bilaterali fuq is-sigurta' ta’ l-1988) taħt arbitraġġ ta' rappreżentant ta’ l-ILO biex jiġu deċiżi xi pendenzi li joħorġu minn dan il-ftehim. S’issa l-Gvern Libjan għadu ma ndikax ir-reazzjoni tiegħu u għalhekk il-ħatra tar-rappreżentant ta’ l-ILO għadha ma saritx.
Dawn il-pendenzi, li jirriżultaw minn interpretazzjoni testwali differenti tal-ftehim, jikkonċernaw il-ħlas ta' pensjonijiet mill-Gvern Libjan lil numru żgħir ta' Maltin li kienu jaħdmu fil-Libja.


MADAM SPEAKER (Onor. Myriam Spiteri Debono): L-Onor. Joe Cassar, mistoqsija supplimentari.
ONOR. JOE CASSAR: Jista’ l-Viċi Prim Ministru jgħidilna bejn wieħed u ieħor kemm huwa dan in-numru?
MADAM SPEAKER: Il-Viċi Prim Ministru.
ONOR. GEORGE VELLA: Madam Speaker, qiegħed nipprova nfittex fil-file li għandi pero' ma jidhirlix li għandi din l-informazzjoni. Għalhekk nitlob lill-Onor. Membru biex jagħmilli mistoqsija bil-miktub ħalli nkun nista’ ngħaddilu l-informazzjoni għaliex għalkemm jidhirli li n-numru kien taħt il-ħamsa, m'iniex ċert minn din l-informazzjoni.


GREĊJA - ŻJARA UFFIĊJALI

14929. L-ONOR. ĊENSU GALEA (f'isem l-Onor. Joe Borg) staqsa lill-Vici Prim Ministru, Ministru għall-Affarijiet Barranin u ta' l-Ambjent: Jista' l-Viċi Prim Ministru jikkonferma li se jagħmel żjara uffiċjali fil-Greċja fit-3 ta' Ġunju, 1998? Jekk iva, jista' jgħid x'inhi l-aġenda tal-laqgħat? Jekk le, jista' jgħid meta se ssir din il-viżita?

ONOR. GEORGE VELLA: Jien żort il-Greċja bejn l-4 u s-6 ta' Ġunju fuq stedina tal-Ministru għall-Affarijiet Barranin, Theodoros Pangalos. Waqt din iż-żjara ddiskutejna s-sitwazzjoni fir-reġjun fid-dawl tal-problemi varji li jeżistu. Ħadna wkoll l-okkażjoni sabiex niddiskutu l-aħjar mezzi li bihom insaħħu r-relazzjonijiet bilaterali u ddiskutejna wkoll l-iżviluppi li għaddejjin fir-relazzjonijiet bejn Malta u l-Unjoni Ewropea.

PA - BINI TA' GARAXXIJIET

14945. L-ONOR. ĊENSU GALEA (f'isem l-Onor. Jesmond Mugliett) staqsa lill-Vici Prim Ministru, Ministru għall-Affarijiet Barranin u ta' l-Ambjent: Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm hemm applikazzjonijiet għal bini ta' garaxxijiet jew stores f'żoni barra l-limiti ta' l-iżvilupp quddiem l-Awtorita' ta' l-Ippjanar? X'inhi l-area koperta minn kull applikazzjoni?
ONOR. GEORGE VELLA: Hemm total ta' 45 applikazzjoni pendenti quddiem l-Awtorita' ta' l-Ippjanar għal bini ta' garaxxijiet jew stores f'żoni barra l-limiti ta' l-iżvilupp.
MADAM SPEAKER: L-Onor. Joe Cassar, mistoqsija supplimentari.
ONOR. JOE CASSAR: Madam Speaker, jista’ l-Ministru jgħidli jekk hemmx xi applikazzjoni li tikkonċerna r-Rabat jew l-Imdina? Qed nagħmel din il-mistoqsija għaliex il-Ministru responsabbli mill-Awtorita' ta' l-Ippjanar u l-Ministru ta' l-Edukazzjoni u Kultura Nazzjonali ma qablux fit-tweġibiet tagħhom għall-mistoqsija li għamiltilhom.
ONOR. GEORGE VELLA: Nista' nkun naf eżatt x'inhi l-mistoqsija?
ONOR. JOE CASSAR: Jien diġa' għamilt mistoqsija fuq Howard Gardens, pero’ ngħatajt żewġ risposti differenti. Nixtieq inkun naf jekk hux se jsir żvilupp f'din l-area u jekk hux se jinqerdu l-fdalijiet li hemm.
Bir-rispett kollu lejn kulħadd, nitlob li ma noqogħdux ninħbew wara d-dipartimenti.
ONOR. GEORGE VELLA: Madam Speaker, l-informazzjoni li għandi hawnhekk tikkonċerna applikazzjonijiet għal bini ta’ garaxxijiat jew stores f'żoni barra l-limiti ta' l-iżvilupp quddiem l-Awtorita' ta' l-Ippjanar u skond din il-lista hawn żewġ applikazzjonijiet li jikkonċernaw ir-Rabat, waħda fi Triq Għajn Qajjet u l-oħra f’Tal-Virtu' Road.

Issa jekk irid l-Onor. Membru jista’ jagħmel mistoqsija speċifika dwar Howard Gardens u nkun nista’ nagħtih l-informazzjoni mitluba.


MADAM SPEAKER: L-Onor. Ċensu Galea, mistoqsija supplimentari.
ONOR. ĊENSU GALEA: Madam Speaker, nixtieq nistaqsi lill-Viċi Prim Ministru x'inhi l-pożizzjoni għar-rigward ta' applikazzjonijiet li skond il-liġi huma kkonsidrati bħala deemed approved. Sfortunatament l-Awtorita' ta' l-Ippjanar għadha sal-lum issostni li m'hemmx applikazzjonijiet li huma deemed approved meta fir-realta' jeżistu diversi applikazzjonijiet ta’ dan it-tip; u anke għadha ssostni wkoll li m'għandhiex sistema kif tagħmel dawn id-deemed approved applications meta nafu li skond il-liġi hemm mod kif dan jista’ jsir.
MADAM SPEAKER: Il-Viċi Prim Ministru.
ONOR. GEORGE VELLA: Madam Speaker, jekk niftakar tajjeb diġa' kelli okkażjoni oħra fejn stedint lill-kollega tiegħi, l-Onor. Galea, biex jagħtini n-numru ta' każijiet li skond kif qiegħed jgħid hu skadew biż-żmien u allura ġew deemed approved, ħalli nkun nista' ninvestigahom. Jien ma nkunx naf il-każi kollha li jkun hemm pero’ l-informazzjoni li għandi hija li m'hemmx applikazzjonijiet li ġew deemed approved minħabba li ma ġewx ittrattati qabel iż-żmien.
Pero' jien ma nistax ngħid dawn l-affarijiet b'awtorita' jekk mhux se jkolli l-informazzjoni meħtieġa ħalli nkun nista’ ninvestiga.
MADAM SPEAKER: L-Onor. Ċensu Galea.
ONOR. ĊENSU GALEA: Madam Speaker, jekk irid lill-Viċi Prim Ministru nista’ ngħaddilu l-każijiet bin-numru ta’ riferenza wkoll. Din m’hijiex xi problema li tirrigwarda xi perit partikolari imma tirrigwarda l-policies li suppost jintużaw mill-Planning Authority. Sal-lum stess lili mill-Awtorita’ qaluli li m'hemmx minn dawn it-tip ta’ applikazzjonijiet, pero’ naf li hemm diversi applikazzjonijiet li t-12 il-ġimgħa tagħhom għalqu iktar minn xahar ilu u l-Awtorita’ xorta tibqa' tgħid li għalkemm il-permess ma ħariġx u ma kien hemm l-ebda korrispondenza, u l-ebda ċertifikazzjoni meħtieġa minn dipartimenti oħra, l-applikazzjonijiet baqgħu għand il-Planning Authority mingħajr ma ġara xejn. Naf b’każ partikolari fejn l-applikazzjoni ilha sitt xhur għand l-Awtorita' ta’ l-Ippjanar u wara sitt xhur intbagħtet l-ewwel korrispondenza fejn intalbet xi informazzjoni oħra. Dan ġara wara sitt xhur, xahrejn wara li l-applikazzjoni suppost kienet deemed approved.
ONOR. GEORGE VELLA: Madam Speaker, jien ma nistax immieri lill-kollega tiegħi pero' fl-istess ħin nitolbu li jekk irid ikun kostruttiv jagħtini xi ftit riferenzi ta’ każijiet li jaf bihom ħalli jekk lili qegħdin jagħtuni informazzjoni mod u mbagħad insib li huwa mod ieħor, inkun nista' nieħu passi. Imma ma nistax ngħidlek li għandek raġun jew għandek tort meta la għandi l-files kollha tal-Planning Authority għandi u lanqas qiegħed f’dak ix-xogħol biex inkun naf kif qed jintlaqtu ċerti periti. Għalhekk bis-sinċerita’ kollha nitolbok tgħaddili l-informazzjoni ħalli nkun nista’ ninvestiga.
ONOR. ĊENSU GALEA: Madam Speaker, nista’ ngħaddilu riferenzi ta’ xi tliet applikazzjonijiet. Qed ninsisti fuq din il-ħaġa għaliex sfortunatament hemm diversi nies fl-Awtorita' li qed isostnu pożizzjoni li m’hijiex attinenti għas-sitwazzjoni reali.
ONOR. GEORGE VELLA: Madam Speaker, nitolbu jgħaddili l-informazzjoni ħalli nkun nista' nimxi fuqha.
MADAM SPEAKER: L-Onor. Carmelo Borg, mistoqsija supplimentari.
ONOR. CARMELO BORG: Madam Speaker, kif jaf il-Viċi Prim Ministru, f’dan il-Parlament għamilna żmien naraw kif jistgħu jitħaffu l-proċeduri ta’ l-Awtorita' ta' l-Ippjanar u fil-fatt konna ddeċidejna li għal ċerti affarijiet żgħar m’hemmx għalfejn issir applikazzjoni imma tista’ ssir general development order. Wara li għaddiet din il-liġi, min-naħa tagħha l-Awtorita' ta’ l-Ippjanar iddeċidiet li testendi l-village core u x-xogħol li għamilna aħna f’dan il-Parlament sfalna suf. Għaliex? Għaliex affarijiet żgħar li jaqgħu fil-village core trid terġa' tapplika għalihom u bl-estensjoni tal-village core ħafna rħula, speċjalment f’Għawdex, saru jmissu kważi kollha ma' xulxin; u allura biex tagħmel sempliċi biċċa xogħol trid tapplika għall-permess. Jista' l-Viċi Prim Ministru jiċċekkja u jara x’jista’ jsir għall-ġid ta' kulħadd?
MADAM SPEAKER: Il-Viċi Prim Ministru.
ONOR. GEORGE VELLA: Madam Speaker, huwa veru li fis-sistema tal-general development orders kien hemm ċerti regolamenti li japplikaw għal dawk l-applikazzjonijiet biex isiru żviluppi żgħar li jkunu f'ċerti areas u oħrajn li jaqgħu fil-village core. Jien m’iniex se mmieri lill-kollega tiegħi meta qiegħed jgħid li kien hemm xi tibdil fl-estensjoni tal-village core pero’ ma nistax nikkmanda lill-Planning Authority li ma teħux id-deċiżjonijiet tagħha dwar x'inhuwa u safejn għandu jkun estiż il-village core. Meta jitilgħu xi każijiet quddiem il-bord u jiddeċiedi li jagħmel ċerti konfini, aħna rridu naċċettaw dawk id-deċiżjonijiet. Huwa veru li applikaw normi differenti pero’ d-differenzi huma żgħar u nista' ngħid li n-numru ta' permessi għall-iżvilupp permezz ta' l-introduzzjoni tal-GDO żdiedu bl-għama. Ma neskludix li jkun hemm xi ftit każijiet fejn dak li jkun forsi jinqabad fihom imma n-numru ta’ permessi li qegħdin jiġu diskussi u approvati jew inkella rifjutati jitkellem waħdu. Ma naħsibx li billi f'ċerti każi biddlu xi ftit il-village core dawn qatlu l-emendi kollha li għaddejna f'Lulju u f’Awissu tas-sena l-oħra.
MADAM SPEAKER: L-Onor. Austin Gatt, mistoqsija supplimentari.
ONOR. AUSTIN GATT: Madam Speaker, nixtieq nerġa' norbot ftit ma' dak li kien qiegħed jgħid qabli l-Onor. Galea. Jidher li fl-Awtorita' ta' l-Ippjanar hemm żewġ problemi partikolari fuq l-applikazzjonijiet li jkunu deemed approved. Apparentement milli nista' nifhem jien wara diskursata li kelli ma' xi uffiċjali ta' l-Awtorita', l-ewwel problema partikolari hi li m'hemm l-ebda proċedura interna dwar kif anke jekk jaqblu li każ ikun deemed approved joħroġ iċ-ċertifikat li huwa approved u allura jista’ jiġri li jekk persuna titfa’ l-applikazzjoni għall-permess, jgħaddu t-12-il ġimgħa u f'dawn it-12-il ġimgħa ma jiġri xejn, l-applikazzjoni tiġi deemed approved, pero' ċ-ċertifikat xorta ma joħroġx. Kif jaf kulħadd mingħajr ċertifikat tal-Planning Authority, persuna ma tista' tagħmel xejn, lanqas tista' titrasferixxi l-art. Jien nixtieq li l-Viċi Prim Ministru jikkonferma jekk hux minnu li ma teżistix din il-proċedura interna, u f’każ li ma teżistix, nitolbu sabiex personalment jagħfas ftit fuq l-Awtorita' biex iddaħħal din il-proċedura.
It-tieni problema hija li jekk jien ngħid li applikazzjoni ġiet deemed approved filwaqt li l-Awtorita' ssostni li m’hijiex deemed approved, allura jkun hemm hiatus fin-nofs għaliex la nkun nista’ mmur quddiem il-bord ta’ l-appell u lanqas inkun nista' nieħu ċ-ċertifikat. Nitlob lill-Ministru sabiex jinvestiga wkoll din il-kwestjoni għaliex qegħdin f'sitwazzjoni fejn jekk jien nagħmel claim li l-applikazzjoni hija deemed approved filwaqt li l-Awtorita' tgħid li m’hijiex deemed approved, ma nistax nappella għaliex m'għandix deċiżjoni kuntrarja. Allura f’dan il-każ x'irrid nagħmel, immur il-qorti mill-ewwel u naqbeż il-Bord ta’ l-Appell? Jien naħseb li din il-problema trid tiġi ttrattata wkoll.
MADAM SPEAKER: Il-Viċi Prim Ministru.
ONOR. GEORGE VELLA: Madam Speaker, jien nifhem li jistgħu jinqalgħu diffikultajiet li huma pjuttost ta' natura legali f’din il-kwestjoni. Safejn naf jien ma nafx li kien hemm xi każi li s'issa ġew ikkontestati jew inkella li waqgħu deemed approved minħabba dan it-tlajjar fil-ħruġ tal-permessi. Pero' nista' ngħid li jien diġa' tkellimt mal-Planning Authority fuq kummenti li kien għamel il-kollega tiegħi, l-Onor. Ċensu Galea, ftit taż-żmien ilu u sibt li dawn qegħdin jaħdmu fuq policy ħalli joħorġu l-guidelines dwar kif għandu jiġi ttrattat każ li jaqa' fis-sitwazzjoni li qed isemmi l-Onor. Interpellant


IT - HARDWARE/SOFTWARE MAINTENANCE AGREEMENTS

15242. L-ONOR. ĊENSU GALEA (f'isem l-Onor. George Pullicino) staqsa lill-Vici Prim Ministru, Ministru għall-Affarijiet Barranin u ta' l-Ambjent: Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid x'maintenance agreements għar-rigward ta' I.T. hardware u/jew software għandhom illum id-dipartimenti governattivi, aġenziji governattivi, awtoritajiet statali u korporazzjonijiet pubbliċi li jaqgħu taħt id-dikasteru tiegħu? Xi ħlas hemm marbut mal-kuntratt/i?
Liema kumpannija/i qed jipprovdu dan is-servizz f'kull każ?
ONOR. GEORGE VELLA: Nirriferi lill-Onor. Interpellant għar-risposta li ngħatat għall-mistoqsija parlamentari numru 15282, li hija kelma b'kelma bħal din li għadha kemm tpoġġiet.

MADAM SPEAKER: L-Onor. Francis Zammit Dimech, mistoqsija supplimentari.
ONOR. FRANCIS ZAMMIT DIMECH: Madam Speaker, jista' l-Viċi Prim Ministru jieħu din l-opportunita' biex jinforma lill-Kamra dwar il-programm li għaddej biex il-computers tal-gvern ikunu adattati għal kontra l-millennium bug, u jekk jistax jinforma lill-Kamra f'dan is-sens? Jista’ jgħidilna wkoll x'policy qed isegwu llum id-dipartimenti tal-gvern mal-MITTS, cioe’ x’qed jagħmlu bħala ftehim għalihom u kif qed jikkordinaw il-policies tal-komputerizzazzjoni flimkien mal-MITTS?
MADAM SPEAKER: Il-Viċi Prim Ministru.
ONOR. GEORGE VELLA: Madam Speaker, m'għandix din l-informazzjoni available hawnhekk pero’ naf li l-kwestjoni tal-millennium bug diġa' ġiet diskussa u, su due piedi, nista' ngħid li diġa' raw is-sistema u jekk m'iniex sejjer żball qegħdin ikunu assigurati li m’humiex se jkollhom problemi. Pero' I stand to be corrected u jekk l-Onor. Interpellant jixtieq iktar informazzjoni teknika, nitolbu jagħmilli mistoqsija bil-miktub.
Rigward ir-relazzjonijiet mal-MITTS, nitolbu wkoll jagħmilli mistoqsija bil-miktub ħalli nkun nista’ ngħaddilu l-informazzjoni mitluba.


PIXXINA NAZZJONALI - ĦADDIEMA

14595. L-ONOR. AUSTIN GATT staqsa lill-Ministru ta' l-Edukazzjoni u Kultura Nazzjonali: Jista' l-Ministru jgħid kemm ħaddiema ġew ingaġġati mill-bord tal-pixxina nazzjonali u f'liema karigi?
ONOR. EVARIST BARTOLO (Ministru ta' l-Edukazzjoni u Kultura Nazzjonali): Il-bord tal-pixxina nazzjonali ingaġġa 12-il persuna f'dawn il-karigi:
Erba' bħala clerks/secretary għall-reception duties u clerical work;

Sitta bħala aquatic facility operators



Tnejn bħala cleaning/maintenance u security.
MADAM SPEAKER: Grazzi. Il-ħin tal-mistoqsijiet issa għadda. Ngħaddu għal Tqegħid ta' Karti. Il-Prim Ministru.


Yüklə 364,64 Kb.

Dostları ilə paylaş:
  1   2   3   4   5




Verilənlər bazası müəlliflik hüququ ilə müdafiə olunur ©muhaz.org 2024
rəhbərliyinə müraciət

gir | qeydiyyatdan keç
    Ana səhifə


yükləyin